Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2795 |
14.12.2023 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/2795 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-4 ta’ Diċembru 2023
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw (BĊE/2022/34) (BĊE/2023/29)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127 u l-Artikolu 132(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’ mod partikolari l-Artikolu 12.1 flimkien mal-Artikoli 3.1 u 12.3, u l-Artikolu 34 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/34) (1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għall-fini ta’ kooperazzjoni mas-SEBĊ u ma’ xulxin sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2). |
(2) |
Is-servizzi tas-SEBĊ huma pprovduti lill-banek ċentrali tas-SEBĊ biex jappoġġaw it-twettiq tal-kompiti tagħhom. Is-servizzi tal-istatistika tas-SEBĊ huma żviluppati, immexxija u miżmuma minn bank ċentrali wieħed jew aktar tas-SEBĊ u mmexxija mill-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel, effettiv u konsistenti tal-MSU, l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) fi ħdan l-MSU jenħtieġ li jinkludu arranġamenti għall-użu minn dawk l-ANK ta’ ċerti servizzi statistiċi tas-SEBĊ sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Għalhekk, il-lista tas-servizzi tas-SEBĊ li għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet li jikkooperaw għandha tiġi estiża biex tinkludi l-AnaCredit, il-Bażi tad-Data Ċentralizzata tat-Titoli (CSDB), il-Bażi tad-Data tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD), u l-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Parteċipazzjonijiet tat-Titoli (SHSDB). |
(3) |
L-awtoritajiet kompetenti li jużaw is-servizzi tas-SEBĊ għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-servizzi tas-SEBĊ skont qafas ta’ rimborż definit ibbażat fuq skema ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż. Fid-dawl tal-piż amministrattiv sinifikanti tal-kalkolu tar-rimborż mill-awtoritajiet kompetenti b’mod partikolari għall-ispejjeż tal-passat, l-awtoritajiet kompetenti li jużaw l-SHSDB jew is-CSDB għandhom ikunu meħtieġa biss li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-servizz rispettiv tas-SEBĊ li nħolqu fl-1 ta’ Lulju 2023 jew wara għall-SHSDB u fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara għas-CSDB. L-arranġamenti finanzjarji eżistenti għandhom għalhekk jiġu speċifikati aktar. |
(4) |
L-użu tas-servizzi tas-SEBĊ jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data relatati mas-servizzi differenti tas-SEBĊ jistgħu jvarjaw u għalhekk jistgħu jeħtieġu kwalifiki differenti tal-entitajiet involuti f’tali pproċessar. Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) għandha tiġi emendata biex tippermetti l-kwalifiki differenti possibbli ta’ kontroll minn perspettiva tal-protezzjoni tad-data. |
(5) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi
Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) hija emendata kif ġej:
1) |
L-Artikolu 4 huwa mibdul b’dan li ġej: “Artikolu 4 Arranġamenti finanzjarji 1. Banek ċentrali li jipparteċipaw u awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw għandhom iħallsu l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-operat tas-servizz rispettiv tas-SEBĊ skont qafas ta’ rimborż definit, li huwa bbażat fuq skema tal-allokazzjoni tal-kost, kif speċifikat aktar fil-pakketti finanzjarji rispettivi skont ir-regoli applikabbli għar-rimborż. Fejn rilevanti, l-awtoritajiet li jikkooperaw għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tas-servizz rispettiv tas-SEBĊ skont qafas speċifiku ta’ rimborż. 2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti li jużaw il-Bażi tad-Data Ċentralizzata tat-Titoli (CSDB) u/jew il-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Parteċipazzjonijiet tat-Titoli (SHSDB) ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-CSDB u/jew tal-SHSDB, kif applikabbli, meta dawk l-ispejjeż jiġġarrbu qabel l-1 ta’ Lulju 2023 għall-SHSDB u qabel l-1 ta’ Jannar 2024 għas-CSDB, rispettivament.’ |
2) |
L-Anness I huwa ssostitwit bl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni; |
3) |
L-Anness II huwa emendat skont l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta’ Diċembru 2023.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2022 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw, u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/1 (BĊE/2022/34) (ĠU L 272, 20.10.2022, p. 29).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
ANNESS I
L-Anness I tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“ANNESS I
Servizzi tas-SEBĊ li għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet competenti u l-awtoritajiet li jikkooperaw
— |
AnaCredit (AnaCredit) |
— |
Centralised Securities Database (CSDB) |
— |
CoreNet |
— |
Enterprise Service Bus (ESB) |
— |
ESCB Public Key Infrastructure (ESCB PKI) |
— |
ESCB Teleconference System |
— |
ESCB Performing Survey Initiative LimeSurvey-based Solution (EPSILON) |
— |
ENTM modelling tool and repository (ENTM) |
— |
Identity and Access Management Service (IAM) |
— |
Register of Institutions and Affiliates Database (RIAD) |
— |
Secure ESCB Email (SEE) |
— |
Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Parteċipazzjonijiet tat-Titoli (SHSDB) |
ANNESS II
Fl-Anness II tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 (BĊE/2022/34), il-punt (10) huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“(10) |
Fil-każ li l-użu tas-servizz tas-SEBĊ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2795/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)