|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2780 |
15.12.2023 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2780
tal-14 ta’ Diċembru 2023
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1039 fir-rigward tal-estensjoni tas-sospensjoni ta’ ċerti preferenzi tariffarji mogħtija lil ċerti pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati, skont it-tifsira tal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-preferenzi tariffarji tal-arranġament ġenerali tal-iskema ġeneralizzata ta’ preferenzi (SĠP) għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta’ prodotti ta’ taqsima tas-SĠP li joriġinaw f’pajjiż benefiċjarju tas-SĠP meta l-valur medju tal-importazzjonijiet mill-Unjoni ta’ dawn il-prodotti għal 3 snin konsekuttivi minn dak il-pajjiż benefiċjarju tas-SĠP jaqbeż il-limiti elenkati fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, kull 3 snin il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dik il-lista u tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi jew jistabbilixxi mill-ġdid il-preferenzi tariffarji. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, abbażi tal-istatistika kummerċjali li tikkonċerna s-snin kalendarji 2018-2020 kif disponibbli fl-1 ta’ Settembru 2021 u filwaqt li jitqiesu l-importazzjonijiet mill-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 kif applikabbli f’dik id-data, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1039 (2) jistabbilixxi l-lista ta’ taqsimiet ta’ prodotti li għalihom il-preferenzi tariffarji ġew sospiżi mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(4) |
Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1039, ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 kellu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023. Għaldaqstant, il-preferenzi tariffarji ġew sospiżi fir-rigward tal-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP ikkonċernati għal-lista riveduta ta’ prodotti tat-taqsimiet SĠP stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-applikazzjoni tal-iskema sakemm tiġi konkluża l-proċedura leġiżlattiva b’segwitu għall-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament SĠP rivedut adottata fit-22 ta’ Settembru 2021, bir-Regolament (UE) 2023/2663 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(6) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sospensjoni ta’ ċerti preferenzi tariffarji previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1039 tiġi estiża għall-perjodu standard ta’ 3 snin stabbilit fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. |
|
(7) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kontinwa tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, jekk il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament issir wara l-31 ta’ Diċembru 2023, jenħtieġ li dan japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2024, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1039
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1039, id-data “31 ta’ Diċembru 2023” hija sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2025”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew mill-1 ta’ Jannar 2024, skont liema data tiġi l-ewwel.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1039 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-sospensjoni għas-sena 2023 ta’ ċerti preferenzi tariffarji mogħtija lil ċerti pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 58).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/2663 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 978/2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L, 2023/2663, 27.11.2023 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2663/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2780/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)