European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2753

7.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2753

tal-4 ta’ Diċembru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE (ETS tal-Avjazzjoni)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li, fost l-oħrajn, jemenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Jenħtieġ li d-Direttiva (UE) Nru 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BOLAÑOS GARCÍA


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …

ta’ …

li temenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (1) trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni (2) trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2023/958 tistabbilixxi mekkaniżmu speċjali biex titnaqqas id-differenza fil-kost bejn il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u l-fjuwils fossili, li għandu livell ogħla ta’ appoġġ għal ċerti gżejjer fl-Unjoni. Jenħtieġ li dan il-livell ogħla ta’ appoġġ japplika wkoll għall-Iżlanda.

(4)

Id-Direttiva (UE) 2023/958 testendi, għall-aħħar darba, eżenzjoni marbuta biż-żmien għat-titjiriet operati lejn pajjiżi terzi rilevanti u minnhom. L-Iżlanda tinsab f’sitwazzjoni ġeografika speċifika li hija tivvaluta bħala li twassal għal impatti negattivi speċjali fuq il-konnettività bl-ajru u għal riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Sabiex dan jiġi indirizzat, għall-perjodu interim ta’ dik l-eżenzjoni marbuta biż-żmien, u b’mod li jiżgura r-rispett sħiħ u l-konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-linji tal-ajru fuq l-istess rotta u l-objettivi, il-prinċipji u dispożizzjonijiet oħrajn tal-Ftehim ŻEE, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-allokazzjoni kundizzjonali ta’ kwoti addizzjonali lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab l-Iżlanda u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u jaslu l-Iżlanda. Il-kwoti allokati taħt dan il-mekkaniżmu jridu jitnaqqsu mill-għadd ta’ kwoti li kieku jiġu allokati għall-irkantar mill-Iżlanda. Kwalunkwe kwota addizzjonali allokata lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont mekkaniżmu ta’ dan it-tip għandha tkun bil-kundizzjoni ta’ azzjonijiet aċċellerati minn dawk l-operaturi lejn l-ilħuq tal-objettiv tan-newtralità klimatika.

(5)

Fl-2026, jenħtieġ li jkun hemm rapport li jevalwa l-konnettività bl-ajru tal-Iżlanda, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll l-impatti ambjentali u klimatiċi, u l-adattamenti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni, meta jkun xieraq, jitqiesu għar-reviżjoni futura tad-Direttiva 2003/87/KE għal wara l-perjodu ta’ mill-2024 sal-2026.

(6)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness XX tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt 21al (id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“-

32023 D 0136: Id-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1.),

-

32023 L 0958: Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115).”

2.

L-adattamenti (b) sa (d) huma sostitwiti bl-adattamenti li ġejjin:

“(b)

Fil-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3c(6), il-kliem ‘, u f’ajruporti li jinsabu l-Iżlanda’ għandhom jiddaħħlu wara l-kliem ‘għat-trasport bl-ajru sostenibbli’.

(c)

Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3d, għandhom jiddaħlu s-subparagrafi li ġejjin wara l-ewwel subparagrafu:

“Mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026, kull sena, l-Iżlanda għandha, talloka kwoti bla ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali applikabbli skont il-Ftehim ŻEE, inkluż trattament ugwali bejn il-linji tal-ajru fl-istess rotta, sal-livell tal-għadd ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Iżlanda skont l-Artikolu 3d(3), fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab l-Iżlanda u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u jaslu l-Iżlanda. L-allokazzjoni bla ħlas addizzjonali għall-2025 u l-2026 ma għandhiex taqbeż il-livell ta’ allokazzjoni bla ħlas fl-2024, u għandha tkun soġġetta għall-applikazzjoni tal-fattur lineari ta’ tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 9. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kwoti, għandu jiġi applikat aġġustament uniformi fir-rigward tal-allokazzjonijiet kollha. L-għadd ta’ kwoti ugwali għall-allokazzjoni bla ħlas addizzjonali skont dan is-subparagrafu għandu jitnaqqas mill-għadd ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Iżlanda skont l-Artikolu 3d(3). L-allokazzjonijiet bla ħlas kollha skont dan is-subparagrafu għandhom jiġu amministrati mill-Iżlanda fir-Reġistru tal-Unjoni. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom japplikaw mal-awtorità kompetenti Iżlandiża, li għandha talloka l-kwoti f’konformità ma’ dan is-subparagrafu, soġġett għall-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ pjan għan-newtralità klimatika mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. Pjan għan-newtralità klimatika għandu jkun konsistenti mal-objettivi tan-newtralità klimatika tal-Iżlanda, u tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, skont il-Ftehim ta’ Pariġi u għandu jispeċifika:

id-dettalji deskritti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10b(4);

miżuri ulterjuri, meħuda u ppjanati, tal-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jintlaħaq l-objettiv ta’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2026; u

kif l-attivitajiet ta’ promozzjoni pubblika tal-linja tal-ajru huma allinjati mal-objettiv tan-newtralità klimatika.

Il-pjan għandu jiġi ppreżentat flimkien mal-konferma minn verifikatur indipendenti f’konformità mal-proċeduri ta’ verifika u akkreditazzjoni previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE.

L-allokazzjoni msemmija iktar ’il fuq mill-awtorità kompetenti Iżlandiża għall-allokazzjoni addizzjonali tal-kwoti għandha ssir wara l-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-pjan għan-newtralità klimatika mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. Kull sena, il-verifikatur indipendenti għandu jeżamina jekk l-operatur tal-inġenji tal-ajru ssodisfax effettivament l-miżuri ppjanati u li sar impenn dwarhom fil-pjan tan-newtralità klimatika, . F’każ li l-verifikatur indipendenti jirrapporta li operatur tal-inġenji tal-ajru ma ssodisfax il-pjan tiegħu stess, l-awtorità kompetenti Iżlandiża għandha titlob lura l-kwoti allokati bla ħlas.”.

(d)

L-Artikolu 3d(4) ma għandux japplika għall-Istati tal-EFTA.”

3.

L-adattamenti (e) u (f) huma mħassrin. L-adattamenti (g) sa (t) huma nnumerati mill-ġdid bħala l-adattamenti (e) sa (r).

4.

L-adattamenti li ġejjin jiddaħħlu wara l-addattament (r):

“(s)

Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-punt (d) tal-paragrafu 8 tal-Artikolu 30:

‘(e)

evalwazzjoni tal-konnettività bl-ajru tal-Iżlanda, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll l-impatti ambjentali u klimatiċi, u tal-adattamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/2023 ta’ ... [din id-Deċiżjoni].

(ea)

Matul il-proċess stabbilit fl-Artikolu 102 tal-Ftehim ŻEE għal kwalunkwe reviżjoni futura ta’ din id-Direttiva, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jżomm f’moħħu r-riżultati u l-elementi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 30.’”

5.

L-adattamenti (u) u (v) jiġu nnumerati mill-ġdid bħala l-adattamenti (t) u (u).

Artikolu 2

It-testi tad-Direttiva (UE) 2023/958 u d-Deċiżjoni (UE) 2023/136 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, jew fil-jum li jiġi wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE, skont liema minnhom jiġi l-aħħar (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, ….

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115.

(2)   ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1.

(*1)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Ir-rekwiżiti kostituzzjonali huma indikati.]


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 tinkludi l-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-fehma li l-inkorporazzjoni tad-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2753/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)