European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2752

11.12.2023

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2752

tas-7 ta’ Diċembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 fir-rigward tal-istandards armonizzati għat-tagħmir għat-tixbit mal-muntanji, l-elmi għall-attivitajiet ekwestri u l-ingwanti abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir ta’ protezzjoni personali li jkun konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020)7924 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) biex jirrevedu u jlestu l-ħidma fuq l-istandards armonizzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 biex jiżguraw li dawn ikomplu jirriflettu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020)7924, is-CEN abbozza l-istandards armonizzati li ġejjin: EN 892:2012+A3:2023 dwar ħbula dinamiċi għat-tixbit tal-muntanji, EN 1384:2023 dwar elmi għall-attivitajiet ekwestri, u EN 13089:2011+A3:2023 dwar l-għodod tas-silġ għat-tagħmir għat-tixbit tal-muntanji.

(4)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7924, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 10819:2013 kif emendat bl-EN ISO 10819:2013/A1:2019 dwar vibrazzjoni u skoss mekkaniċi, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/941 (4). Ir-reviżjoni saret biex dan l-istandard jiġi adattat għall-qafas legali tar-Regolament (UE) 2016/425 u biex jiżdiedu ċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali billi tingħata informazzjoni aktar preċiża fl-Anness ZA ta’ dan l-istandard u data lir-referenza normattiva. B’riżultat ta’ dan, is-CEN adotta l-emenda EN ISO 10819:2013/A2:2022.

(5)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards armonizzati EN 892:2012+A3:2023, EN 1384:2023, EN ISO 10819:2013/A2:2022, EN 13089:2011+A3:2023 jikkonformawx mat-talba stipulata fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020)7924.

(6)

L-istandards armonizzati EN 892:2012+A3:2023, EN 1384:2023, EN ISO 10819:2013/A2:2022 u EN 13089:2011+A3:2023 jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/425. Għaldaqstant, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità mar-Regolament (UE) 2016/425. Biex ikun żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 ikunu elenkati kollha f’att wieħed, ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN 892:2012+A3:2023, EN 1384:2023, EN ISO 10819:2013/A2:2022 u EN 13089:2011+A3:2023 jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(8)

Huwa meħtieġ li tiġi rtirata r-referenza għall-istandard armonizzat EN ISO 10819:2013 kif emendat mill-EN ISO 10819:2013/A1:2019 minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dment li dan l-istandard ġie rivedut. Għalhekk, jixraq li din ir-referenza titħassar mill-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 tiġi emendata skont dan.

(10)

Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandard rivedut, huwa meħtieġ li jiġi differit l-irtirar tar-referenza tal-istandard armonizzat EN ISO 10819:2013 kif emendat mill-EN ISO 10819:2013/A1:2019.

(11)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 hu emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (3) tal-Anness I għandu japplika mill-11 ta’ Ġunju 2025.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020)7924 tad-19 ta’ Novembru 2020 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward it-tagħmir protettiv personali b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/941 tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar standards armonizzati għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 11.5.2023, p. 37).


ANNESS

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/941 huwa emendat kif ġej:

(1)

tiddaħħal l-entrata 63a li ġejja:

 

“63a.

EN 892:2012+A3:2023

Tagħmir għat-tixbit mal-muntanji - Ħbula dinamiċi għat-tixbit mal-muntanji - Rekwiżiti ta’ sikurezza u metodi ta’ ttestjar”;

(2)

tiddaħħal l-entrata 77a li ġejja:

 

“77a.

EN 1384:2023

Elmi għall-attivitajiet ekwestri”;

(3)

titħassar l-entrata 84;

(4)

tiddaħħal l-entrata 84a li ġejja:

 

“84a.

EN ISO 10819:2013

Vibrazzjoni u skoss mekkaniċi - Vibrazzjoni mill-id għad-driegħ - Metodu għall-kejl u evalwazzjoni tat-trażmissibbiltà tal-vibrazzjoni lill-pala tal-id meta jintlibsu l-ingwanti (ISO 10819:2013)

EN ISO 10819:2013/A1:2019

EN ISO 10819:2013/A2:2022”;

(5)

tiddaħħal l-entrata 112a li ġejja:

 

“112a.

EN 13089:2011+A3:2023

Tagħmir għat-tixbit mal-muntanji - Għodod tas-silġ - Rekwiżiti ta’ sikurezza u metodi ta’ ttestjar”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2752/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)