European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2740

8.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2740

tas-16 ta’ Ottubru 2023

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-r-Repubblika tal-Armenja dwar l-istatus tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Jannar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/162 (1) li tistabbilixxi missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA).

(2)

Fl-20 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/386 (2) li tniedi l-EUMA.

(3)

Fit-28 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill awtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Armenja bil-ħsieb tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tal-EUMA.

(4)

Ġie nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Armenja abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fit-28 ta’ Marzu 2023.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Armenja dwar l-istatus tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar l-istatus tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) (il-“Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 19(2) tal-Ftehim (4).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

T. RIBERA RODRÍGUEZ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/162 tat-23 ta’ Jannar 2023 dwar missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) (ĠU L 22, 24.1.2023, p. 29).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/386 tal-20 ta’ Frar 2023 li tniedi l-missjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja (EUMA) u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/162 (ĠU L 53, 21.2.2023, p. 17).

(3)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2023/2741, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2023/2741/oj.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2740/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)