European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2732

8.12.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2732

tas-7 ta’ Diċembru 2023

dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha ta’ pollam tas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni: Phytobiotics Futterzusatzstoffe GmbH)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

Tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata bħala addittiv tal-għalf f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha ta’ pollam (minbarra l-għasafar tal-bajd u tat-tnissil), bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tat-12 ta’ Mejju 2023 (2), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, l-preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata huwa sikur għat-tiġieġ tas-simna u għal speċijiet oħra ta’ pollam tas-simna, u għall-ambjent, u huwa ta’ tħassib baxx għall-konsumaturi. Ma setgħet tinsilet l-ebda konklużjoni dwar is-sikurezza tal-preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata għall-ispeċijiet ta’ pollam tal-bajd u mrobbija għat-tnissil minħabba tħassib dwar il-ġenotossiċità marbut mal-preżenza fil-preparat tal-interkalaturi tad-DNA sangwinarina u ċeleritrina. Ikkonkludiet ukoll li l-preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata ntweriet li hija irritanti għall-għajnejn iżda mhux irritanti għall-ġilda jew sensitizzatur tal-ġilda, u li l-potenzjal tal-addittiv li jkun sensitizzatur respiratorju ma setax jiġi eskluż. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata, fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, għandu l-potenzjal li jkun effikaċi fit-titjib tal-prestazzjoni tat-tiġieġ tas-simna. Din il-konklużjoni ġiet estiża għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u mrobbija għat-tnissil u ġiet estrapolata għall-ispeċijiet kollha ta’ pollam tas-simna, imrobbija għall-bajd jew imrobbija għat-tnissil. Hija ma qisitx li hemm ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Fid-19 ta’ Ġunju 2023, l-applikant irtira l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata għall-ispeċijiet ta’ pollam imrobbija għall-bajd u mrobbija għat-tnissil.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-preparat ta’ taħlita ta’ Macleaya cordata jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta’ dak il-preparat jiġi awtorizzat għall-ispeċijiet kollha ta’ pollam tas-simna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Il-preparat speċifikat fl-Anness, li jaqa’ fil-kategorija ta’ addittivi “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”, huwa awtorizzat bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   EFSA Journal 2023;21(6):8052.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

mg tal-addittiv/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija ta’ addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħra (titjib fil-parametri tal-prestazzjoni)

4d26

Phytobiotics Futterzusatzstoffe GmbH

Taħlita ta’ Macleaya cordata

Kompożizzjoni tal-addittiv:

Preparat ta’:

—

Macleaya cordata (Willd.) Estratt R. Br.: 0,5-1,2 %

—

Macleaya cordata (Willd.) Weraq ipproċessati R. Br.: 30-64 %.

Bil-konċentrazzjonijiet li ġejjin:

—

sangwinarina: ≥ 0,4 % u ≤ 0,7 %

—

ċeleritrina: ≥ 0,23 % u ≤ 0,34 %

—

somma ta’ sangwinarina, ċeleritrina, protopina u allokriptopina: ≤ 1,4 %.

Forma solida.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

Macleaya cordata (Willd.) Estratt R. Br. u Macleaya cordata (Willd.) Weraq ipproċessati R. Br. inkluż:

—

Sangwinarina (Nru CAS 2447-54-3)

—

Ċeleritrina (Nru CAS 34316-15-9)

—

Protopina (Nru CAS 130-86-9)

—

Allokriptopina (Nru CAS 485-91-6)

Metodu analitiku:  (1)

Għad-determinazzjoni tas-sangwinarina (markatur fitokimiku) fl-addittiv tal-għalf: kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja b’fażi inversa abbinata ma’ detezzjoni bil-fluworexxenza (HPLC-FLD).

Għad-determinazzjoni tas-sangwinarina (markatur fitokimiku) fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf kompost: kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja b’fażi inversa abbinata ma’ detezzjoni tal-ispettrometrija tal-massa (HPLC-MS/MS).

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam tas-simna

—

45

150

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

Huwa permess it-taħlit ma’ addittivi oħra dment li l-ammonti ta’ sangwinarina u ċeleritrina li jiżdied mal-għalf permezz ta’ dawn it-taħlitiet ikun inqas minn dak li jirriżulta bl-użu ta’ addittiv wieħed fil-livell massimu jew irrakkomandat għall-ispeċi jew għall-kategorija tal-annimali.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nifs u għall-għajnejn.

It-28 ta’ Diċembru 2033


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2732/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)