European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2707

6.12.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2707

tal-5 ta’ Diċembru 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1637 fir-rigward tar-regoli u l-proċeduri li jikkonċernaw oġġetti soġġetti għas-sisa li jkunu qed jiġu esportati taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u l-użu ta’ dokumenti ta’ riżerva

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (1), b’mod partikolari l-Artikolu 29(2) u l-Artikolu 43(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 21(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2020/262 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni jivverifikaw id-data tad-dokument amministrattiv elettroniku u tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u jinnotifikaw kwalunkwe inkonsistenza bejn id-dokument amministrattiv elettroniku u d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni lill-Istat Membru tad-dispaċċ permezz tas-sistema kompjuterizzata msemmija fid-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“is-sistema kompjuterizzata”). Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali u tingħata informazzjoni dwar l-istatus tal-moviment, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ jenħtieġ li jgħaddu, bla dewmien, dik in-notifika lill-konsenjatur.

(2)

L-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262 jippermettu lill-konsenjatur u lill-konsenjatur iċċertifikat, rispettivament, jibdew moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa meta s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fl-Istat Membru tad-dispaċċ, jekk ma’ dawn l-oġġetti jintbagħat dokument ta’ riżerva u jekk il-konsenjatur jew il-konsenjatur iċċertifikat jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ dwar dan f’konformità mal-Artikolu 26(1), il-punt (b), jew l-Artikolu 38(1), il-punt (b), rispettivament, tad-Direttiva (UE) 2020/262. Sabiex jiġi mmonitorjat b’mod adegwat moviment intra-UE ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa meta s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli fi żmien qasir, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ jgħaddu dik l-informazzjoni, bla dewmien, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1637 (3) jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum, iżda ma jistabbilixxi l-ebda regola fir-rigward tal-użu tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 21(4), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva (UE) 2020/262.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1637 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Is-sistema kompjuterizzata tas-sisa hija mistennija li sat-13 ta’ Frar 2024 tkun interfaċċata mas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni tal-UE, kif previst fl-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2020/262. Peress li dan ir-Regolament jikkonċerna l-proċeduri għall-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju li jiġu esportati ’l barra mill-Unjoni, jenħtieġ li japplika minn dik id-data.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1637 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

Messaġġi li jikkonċernaw oġġetti soġġetti għas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa

Ir-riżultat tal-verifika mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva (UE) 2020/262, għandu jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ f’konformità mal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1636.

L-Istat Membru tad-dispaċċ għandu jgħaddi lill-konsenjatur, bla dewmien, il-messaġġi li jikkonċernaw l-oġġetti soġġetti għas-sisa li jkunu qed jiġu esportati taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu 7a li ġej:

“Artikolu 7a

Użu ta’ dokumenti ta’ riżerva

Meta konsenjatur jew konsenjatur iċċertifikat ikun informa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ dwar il-bidu ta’ moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa skont l-Artikolu 26(1), il-punt (b), jew l-Artikolu 38(1), il-punt (b), rispettivament, tad-Direttiva (UE) 2020/262, u meta n-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistema kompjuterizzata fl-Istat Membru tad-dispaċċ ikun mistenni li jippersisti fil-mument li l-oġġetti jaslu fil-post tal-kunsinna, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-dispaċċ għandhom jgħaddu dik l-informazzjoni, bla dewmien, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-13 ta’ Frar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 43).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1637 tal-5 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti fil-kuntest tal-moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u ta’ moviment ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum, u tiġi stabbilita l-formola li għandha tintuża għaċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni (ĠU L 247, 23.9.2022, p. 57).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2707/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)