European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2675

7.12.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2675 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Novembru 2023

dwar il-protezzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mill-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha ssostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha u, tikkontribwixxi, fost affarijiet oħra, għas-solidarjetà u għar-rispett reċiproku fost il-popli u għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (il-“Karta tan-NU”).

(2)

Skont l-Artikolu 21(1), l-ewwel subparagrafu tat-TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata minn prinċipji bħall-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali. Skont l-Artikolu 21(1), it-tieni subparagrafu tat-TUE, l-Unjoni trid tippromwovi wkoll soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni.

(3)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-NU, wieħed mill-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti huwa li jiġu żviluppati relazzjonijiet favorevoli fost in-nazzjonijiet f’konformità, fost oħrajn, mal-prinċipju tal-ugwaljanza sovrana.

(4)

L-Artikolu 21(2) tat-TUE jirrikjedi li l-Unjoni tiddefinixxi u ssegwi politiki u azzjonijiet komuni, u li taħdem għal grad għoli ta’ kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali sabiex, fost affarijiet oħra, tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, l-indipendenza u l-integrità tagħha, tikkonsolida u tappoġġa l-istat tad-dritt, u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali.

(5)

Id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali li jikkonċernaw ir-Relazzjonijiet ta’ Ħbiberija u l-Kooperazzjoni fost l-Istati f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta’ Ottubru 1970, tiddikjara li r-relazzjonijiet internazzjonali għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji tal-ugwaljanza sovrana u tan-nuqqas ta’ intervent. Dik id-Dikjarazzjoni tipprevedi wkoll, fir-rigward tal-prinċipju dwar id-dmir tan-nuqqas ta’ intervent f’oqsma li jidħlu fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni domestika ta’ kwalunkwe Stat, li l-ebda Stat ma jista’ juża jew jinkoraġġixxi l-użu ta’ miżuri ekonomiċi, politiċi jew miżuri ta’ kwalunkwe natura oħra biex iġiegħel Stat ieħor jissubordina l-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani tiegħu u biex jikseb vantaġġi ta’ kwalunkwe tip minnu, li jirrifletti d-dritt internazzjonali konswetudinarju u għalhekk huwa vinkolanti fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi, min-naħa waħda, u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, ir-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti illegali fuq livell internazzjonali huma riflessi fl-Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Illegali Fuq Livell Internazzjonali (ARSIWA) adottati fl-2001 mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-tlieta u ħamsin sessjoni tagħha, u li ħadet att tagħhom l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 56/83. Dwak ir-regoli huma vinkolanti fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi, min-naħa waħda, u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra.

(6)

L-ekonomija dinjija interkonnessa moderna żżid ir-riskju ta’ koerċizzjoni ekonomika, peress li tipprovdi lill-pajjiżi b’mezzi mtejba għal tali koerċizzjoni, inklużi mezzi ibridi. Huwa mixtieq li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-ħolqien, għall-iżvilupp u għall-kjarifika ta’ oqfsa internazzjonali għall-prevenzjoni u għall-eliminazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ koerċizzjoni ekonomika.

(7)

Filwaqt li dejjem taġixxi fil-qafas tad-dritt internazzjonali, huwa essenzjali li l-Unjoni jkollha strument xieraq biex tiskoraġġixxi u tiġġieled il-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha. Dan huwa partikolarment il-każ fejn pajjiżi terzi jindaħlu fl-għażliet sovrani leġittimi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru billi japplikaw jew jheddu li japplikaw miżuri li jaffettwaw il-kummerċ jew l-investiment sabiex jipprevjenu jew jiksbu l-waqfien, il-modifika jew l-adozzjoni ta’ att partikolari mill-Unjoni jew minn Stat Membru, inkluża espressjoni ta’ pożizzjoni minn instituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Tali miżuri li jaffettwaw il-kummerċ jew l-investiment jistgħu jinkludu mhux biss azzjonijiet meħuda fuq, u li jkollhom effetti fit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat, iżda wkoll azzjonijiet meħuda mill-pajjiż terz, inkluż permezz ta’ entitajiet ikkontrollati jew diretti mill-pajjiż terz u li huma preżenti fl-Unjoni, li jikkawżaw ħsara lill-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni. It-terminu “pajjiż terz” jenħtieġ li jinftiehem li jinkludi mhux biss Stat terz, iżda wkoll territorju doganali distint jew suġġett ieħor tad-dritt internazzjonali peress li tali entitajiet għandhom ukoll il-kapaċità li jeżerċitaw koerċizzjoni ekonomika. L-użu ta’ dak it-terminu u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhom l-ebda implikazzjoni fir-rigward tas-sovranità. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi applikat f’konformità mal-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-pajjiż terz ikkonċernat.

(8)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura rispons effettiv, effiċjenti u rapidu tal-Unjoni għall-koerċizzjoni ekonomika. Huwa għandu l-għan speċjalment li jiskoraġġixxi il-koerċizzjoni ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru u li jippermetti lill-Unjoni, bħala l-aħħar għażla, li tikkontrobatti l-koerċizzjoni ekonomika permezz ta’ miżuri ta’ reazzjoni tal-Unjoni. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal strumenti tal-Unjoni fis-seħħ u għal ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, kif ukoll għall-azzjonijiet meħuda fl-ambitu tagħhom li huma koerenti mad-dritt internazzjonali, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u għal politiki oħra tal-Unjoni.

(9)

Il-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi tista’ timmira għal azzjonijiet ta’ politika barranija tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, u determinazzjoni tal-eżistenza ta’ koerċizzjoni ekonomika, u r-rispons għaliha, jista’ jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat rispons konsistenti f’oqsma ta’ politika distinti iżda relatati. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal azzjoni possibbli tal-Unjoni skont dispożizzjonijiet speċifiċi fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE, li jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa meta jiġi kkunsidrat kwalunkwe rispons għall-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiż terz.

(10)

Il-koerċizzjoni ekonomika ta’ Stat Membru minn pajjiż terz taffettwa s-suq intern tal-Unjoni u l-Unjoni kollha kemm hi. L-Istati Membri, li jaġixxu waħedhom, ma jistgħux jikkontrobattu l-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi permezz ta’ miżuri li jidħlu fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni. Fid-dawl tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni biss hija permessa li taġixxi. Barra minn hekk, huwa possibbli li l-Istati Membri, bħala atturi distinti skont id-dritt internazzjonali, ma jkunux intitolati jikkontrabattu l-koerċizzjoni ekonomika tal-Unjoni minn pajjiżi terzi. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-mezzi biex dawk l-objettivi jintlaħqu b’mod effettiv jinħolqu fil-livell tal-Unjoni. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(11)

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq, biex jinħoloq qafas effettiv u komprensiv għal azzjoni tal-Unjoni kontra l-koerċizzjoni ekonomika, li jiġu stabbiliti regoli dwar l-eżami, id-determinazzjoni u l-kontroazzjoni fir-rigward tal-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi. Il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu preċeduti minn eżami tal-fatti, determinazzjoni tal-eżistenza ta’ koerċizzjoni ekonomika, u, fejn possibbli u dment li l-pajjiż terz jimpenja ruħu wkoll in bona fede, sforzi biex tinstab soluzzjoni f’kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Kwalunkwe miżura imposta mill-Unjoni jenħtieġ li tkun proporzjonata u ma tiżboqx id-dannu lill-Unjoni. Jenħtieġ li l-kriterji għall-għażla u għat-tfassil tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jqisu, b’mod partikolari, l-effettività tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni biex iwasslu għall-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u, fejn mitlub, ir-rimedju tad-dannu lill-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu evitati jew minimizzati l-effetti kollaterali, il-kumplessità u l-piżijiet amministrattivi sproporzjonati u l-kostijiet imposti, b’mod partikolari, fuq l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, kif ukoll l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti, skont l-Artikolu 5(4) tat-TUE.

(12)

Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Unjoni abbażi ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun koerenti mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju. Fost il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni u l-Istati Membri, il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) huwa l-pedament tas-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Għalhekk, huwa importanti li l-Unjoni tkompli tappoġġa dik is-sistema, iċċentrata fuq id-WTO, u li tuża s-sistema tagħha għas-soluzzjoni tat-tilwim fejn xieraq.

(13)

Id-dritt internazzjonali konswetudinarju, kif rifless fl-Artikolu 22 u l-Artikoli 49 sa 53 tal-ARSIWA, jippermetti, f’ċerti kundizzjonijiet bħall-proporzjonalità u l-avviż minn qabel, l-impożizzjoni ta’ kontromiżuri, jiġifieri miżuri li altrimenti jmorru kontra l-obbliġi internazzjonali tal-parti leża fil-konfront tal-pajjiż responsabbli ta’ ksur tad-dritt internazzjonali, u li għandhom bħala għan il-ksib tal-waqfien tal-ksur jew ir-rimedju għalih. Għaldaqstant, il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jistgħu jikkonsistu, kif meħtieġ, mhux biss f’miżuri koerenti mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, iżda wkoll fin-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali fil-konfront tal-pajjiż terz ikkonċernat sa fejn il-koerċizzjoni ekonomika mill-pajjiż terz jikkostitwixxi att illegali fuq livell internazzjonali. Skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontromiżuri għandhom ikunu proporzjonati mad-dannu mġarrab, filwaqt li titqies il-gravità tal-atti illegali fuq livell internazzjonali u d-drittijiet inkwistjoni. F’dak ir-rigward, id-dannu lill-Unjoni jew lil Stat Membru huwa mifhum, skont id-dritt internazzjonali, li jinkludi dannu lill-operaturi ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni.

(14)

Fejn il-koerċizzjoni ekonomika tikkostitwixxi att illegali fuq livell internazzjonali, l-Unjoni jenħtieġ li, fejn xieraq, flimkien mal-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika, titlob lill-pajjiż terz ikkonċernat jirrimedja kwalunkwe dannu lill-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 31 u l-Artikoli 34 sa 39 tal-ARSIWA. Fil-każ li l-Unjoni tikseb kumpens għad-dannu lill-operaturi tal-Unjoni, l-Unjoni tista’, fejn xieraq u sa fejn ikun possibbli, tikkunsidra tittrasferixxi dak il-kumpens lill-operaturi tal-Unjoni li jkunu sofrew telf b’riżultat tal-koerċizzjoni ekonomika.

(15)

Il-koerċizzjoni hija pprojbita u għalhekk att illegali skont id-dritt internazzjonali meta pajjiż juża miżuri bħal restrizzjonijiet fuq il-kummerċ jew fuq l-investiment sabiex jikseb minn pajjiż ieħor azzjoni jew ommissjoni li dak il-pajjiż ma huwiex obbligat li jwettaq skont il-liġi internazzjonali u li taqa’ taħt is-sovranità tiegħu u meta l-koerċizzjoni tilħaq limitu kwalitattiv jew kwantitattiv partikolari, skont kemm l-objettivi segwiti kif ukoll il-mezzi użati.Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi li jgħinu fid-determinazzjoni ta’ jekk il-pajjiż terz jindaħalx fl-għażliet sovrani leġittimi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru u jekk l-azzjoni tiegħu tikkostitwix koerċizzjoni ekonomika li tirrikjedi rispons tal-Unjoni. Fost dawk il-kriterji, jenħtieġ li jkun hemm elementi li jikkaratterizzaw, kemm mil-lat kwalitattiv kif ukoll minn dak kwantitattiv, b’mod partikolari l-forma, l-effetti u l-għan tal-miżuri li l-pajjiż terz qed juża. L-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji tiżgura li tkun biss il-koerċizzjoni ekonomika li jkollha impatt serju biżżejjed jew, fejn il-koerċizzjoni ekonomika tkun tikkonsisti f’theddida, li theddida li tkun kredibbli biss, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Kunsill jenħtieġ li jeżaminaw mill-qrib jekk il-pajjiż terz għandux raġuni leġittima, minħabba li l-objettiv tiegħu huwa li jsostni tħassib li huwa rikonoxxut fuq livell internazzjonali, bħal, fost affarijiet oħra, iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-ambjent, jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

(16)

Atti minn pajjiżi terzi huma mifhuma skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jinkludu l-forom kollha ta’ azzjoni jew ommissjoni, inkluż it-theddid, li huma attribwibbli għal Stat skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju. L-Artikolu 2(a) u l-Artikoli 4 sa 11 tal-ARSIWA jikkonfermaw li d-dritt internazzjonali konswetudinarju jikkwalifika bħala att ta’ Stat, b’mod partikolari: il-kondotta ta’ kwalunkwe organu tal-Istat, ta’ persuna jew entità li ma hijiex organu tal-Istat iżda li għandha s-setgħa mil-liġi ta’ dak l-Istat li teżerċita elementi ta’ awtorità governattiva; l-imġiba ta’ organu mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Stat minn Stat ieħor; l-imġiba ta’ persuna jew grupp ta’ persuni li jkunu qed jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet ta’, jew taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’, dak l-Istat fit-twettiq tal-imġiba; l-imġiba ta’ persuna jew grupp ta’ persuni li jkunu qegħdin jeżerċitaw elementi tal-awtorità governattiva fin-nuqqas jew fil-każ ta’ inadempjenza ta’ dawk l-awtoritajiet uffiċjali u f’tali ċirkostanzi li jitolbu l-eżerċitar ta’ dawk l-elementi ta’ awtorità; u l-imġiba li l-Istat jirrikonoxxi u jadotta għalih.

(17)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk il-miżura ta’ pajjiż terz jikkostitwix koerċizzjoni ekonomika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq tali eżami abbażi ta’ informazzjoni rċevuta minn kwalunkwe sors affidabbli, inklużi persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-Parlament Ewropew, Stat Membru, jew trade unions. Sabiex tiddetermina jekk pajjiż terz japplikax jew jheddidx li japplika miżuri li jaffettwaw il-kummerċ jew l-investiment li jikkostitwixxu koerċizzjoni ekonomika, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-fatti.

(18)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u fid-dawl tan-natura unika tal-koerċizzjoni ekonomika li taffettwa l-kummerċ u l-investiment, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni għad-determinazzjoni tal-koerċizzjoni ekonomika u biex jiddeċiedi jekk ikunx xieraq li jintalab rimedju għad-dannu lill-Unjoni. L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill huwa limitat għaċ-ċirkostanzi li jirriżultaw mill-koerċizzjoni ekonomika, u jindirizzahom, u ma għandux jitqies bħala preċedent.

(19)

Wara l-eżami tal-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tal-pajjiż terz tikkostitwixxi koerċizzjoni ekonomika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta proposta lill-Kunsill għal att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina li l-miżura tal-pajjiż terz tissodisfa il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ koerċizzjoni ekonomika. Jenħtieġ li, f’dik il-proposta, il-Kummissjoni tinkludi perjodu indikattiv għall-Kummissjoni biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni humiex issodisfati. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta wkoll proposta għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li jiddetermina li l-Unjoni titlob lill-pajjiż terz biex jirrimedja d-dannu lill-Unjoni. Barra minn hekk, il-koerċizzjoni ekonomika jista’ jkollha impatt fuq l-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru u b’hekk toħloq ħtieġa ta’ azzjoni rapida fil-qafas ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-prinċipji tal-Unjoni tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u tal-kooperazzjoni leali. Bħala konsegwenza, il-Kunsill jenħtieġ li jaġixxi malajr u jagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex jadotta deċiżjoni fi żmien 8 ġimgħat mill-preżentazzjoni tal-proposta mill-Kummissjoni. Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tiegħu, il-Kunsill jenħtieġ li jaġixxi f’konformità mal-kundizzjonijiet għall-eżistenza tal-koerċizzjoni ekonomika u l-kriterji biex jiġi ddeterminat jekk huwiex xieraq li l-pajjiż terz jintalab biex isewwi l-ħsara lill-Unjoni.

(20)

Fi sforz biex jiġi żgurat il-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u, fejn mitlub, ir-rimedju tad-dannu lill-Unjoni, l-Unjoni jenħtieġ li tfittex soluzzjoni bikrija u ekwa tal-kwistjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi opportunità adegwata għal konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat u, jekk dak il-pajjiż terz ikun lest li jidħol f’konsultazzjonijiet in bona fede, tipproċedi malajr għal djalogu miegħu. Matul dawn il-konsultazzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tesplora mezzi bħal negozjati diretti, is-sottomissjoni tal-kwistjoni għall-aġġudikazzjoni internazzjonali, jew il-medjazzjoni, il-konċiljazzjoni jew bon offiċji minn parti terza, mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. B’mod partikolari, meta l-pajjiż terz jissospendi l-koerċizzjoni ekonomika u jaqbel li jressaq il-kwistjoni għall-aġġudikazzjoni internazzjonali, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim internazzjonali mal-pajjiż terz, kif meħtieġ. Tali ftehim internazzjonali jista’ jiġi konkluż jew mill-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE, jew mill-Istat Membru kkonċernat.

(21)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa u tikkoopera ma’ pajjiżi terzi affettwati minn koerċizzjoni ekonomika identika jew simili, jew pajjiżi terzi interessati oħra. Jenħtieġ li l-Unjoni tipparteċipa fil-koordinazzjoni internazzjonali f’kwalunkwe fora bilaterali, plurilaterali jew multilaterali li jkunu adatti għall-prevenzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ koerċizzjoni ekonomika. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tesprimi l-pożizzjoni tal-Unjoni wara li tkun ikkonsultat lill-Kunsill f’konformità mat-Trattati kif applikabbli u, fejn xieraq, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.

(22)

Ikun mixtieq li l-Unjoni tuża b’mod proattiv il-mezzi disponibbli kollha ta’ parteċipazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat bħal negozjati, aġġudikazzjoni jew medjazzjoni u li timponi miżuri ta’ rispons biss f’każijiet fejn tali mezzi ma jwasslux għall-waqfien immedjat u effettiv tal-koerċizzjoni ekonomika u, fejn xieraq u mitlub mill-Unjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat, ir-rimedju tad-dannu lill-Unjoni, u fejn tkun meħtieġa azzjoni biex jiġu protetti l-interessi u d-drittijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fid-dritt internazzjonali u jkun fl-interess tal-Unjoni li tieħu tali azzjoni. Huwa xieraq li dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-impożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u jippermetti azzjoni rapida fejn meħtieġ biex tiġi ppreservata l-effettività ta’ dawk il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni.

(23)

Il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni adottati f’konformità ma’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu magħżula u mfassla abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inklużi: l-effettività tal-miżuri li jwasslu għall-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u, fejn mitlub, għar-rimedju tad-dannu kkawżat lill-Unjoni; il-potenzjal li tiġi provduta għajnuna lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni affettwati mill-koerċizzjoni ekonomika; l-għan li jiġu evitati jew minimizzati l-effetti ekonomiċi u effetti oħra negattivi fuq l-Unjoni; u l-evitar ta’ piż u kostijiet amministrattivi sproporzjonati fl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni. L-ambjent tal-investiment u l-ekonomija tal-għarfien tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu salvagwardjati. Huwa essenzjali li l-għażla u t-tfassil tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jqisu l-interess tal-Unjoni, li jinkludi, fost oħrajn, l-interessi kemm tal-industriji upstream u downstream tal-Unjoni kif ukoll tal-konsumaturi finali tal-Unjoni. Meta l-Kummissjoni tkun qed tikkunsidra miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, jenħtieġ li tagħti preferenza lil miżuri li ma jkollhomx impatt sproporzjonat fuq iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tal-miżuri għall-operaturi ekonomiċi, u fuq l-amministrazzjoni tar-regolamenti nazzjonali rilevanti. Meta l-Kummissjoni tkun qed tikkunsidra miżuri ta’ rispons tal-Unjoni li jaffettwaw l-awtorizzazzjonijiet, ir-reġistrazzjonijiet, il-liċenzji jew drittijiet oħra għall-finijiet ta’ attivitajiet kummerċjali, jenħtieġ li tagħti preferenza lil miżuri li jaffetwaw il-proċeduri applikati fuq bażi tal-Unjoni kollha u bbażati fuq leġiżlazzjoni sekondarja, jew, fejn tali miżuri ma jkunux xierqa, miżuri f’oqsma fejn teżisti liġi estensiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni ma jinterferux mad-deċiżjonijiet amministrattivi li huma bbażati fuq l-evalwazzjoni ta’ evidenza xjentifika. Il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jenħtieġ li jintgħażlu minn firxa wiesgħa ta’ għażliet sabiex jippermettu l-adozzjoni tal-aktar miżuri xierqa fi kwalunkwe każ partikolari.

(24)

Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tadotta miżuri ta’ rispons tal-Unjoni ta’ applikazzjoni ġenerali mfassla b’tali mod li jaffettwaw setturi, reġjuni jew operaturi partikolari tal-pajjiż terz ikkonċernat. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tadotta wkoll miżuri ta’ rispons tal-Unjoni li japplikaw għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma konnessi jew marbuta mal-gvern tal-pajjiż terz u li jwettqu jew jistgħu jwettqu attivitajiet koperti mill-Artikolu 207 tat-TFUE. Tali miżuri ta’ rispons immirati tal-Unjoni jistgħu jwasslu għall-waqfien immedjat tal-koerċizzjoni ekonomika, filwaqt li jevitaw jew jimminimizzaw b’mod effettiv l-effetti negattivi ta’ tali koerċizzjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u l-konsumaturi finali tal-Unjoni.

(25)

Fl-ambitu tar-rispons tal-Unjoni sabiex twaqqaf pajjiżi terzi milli jwettqu l-koerċizzjoni ekonomika, il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll miżuri skont strumenti legali għajr dan ir-Regolament li jikkonferixxu setgħat speċifiċi lill-Kummissjoni, pereżempju fir-rigward tal-għoti ta’ finanzjament tal-Unjoni jew possibbiltajiet biex tiġi limitata l-parteċipazzjoni fil-programmi qafas tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, skont il-proċeduri applikabbli stabbiliti fihom. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-proċeduri previsti f’tali strumenti legali oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-koordinazzjoni tal-adozzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Anness I mal-miżuri li tadotta skont atti legali tal-Unjoni għajr dan ir-Regolament. B’mod partikolari, ir-rispons globali tal-Unjoni jenħtieġ li jkun proporzjonat u ma jiżboqx il-livell tad-dannulill-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu ta’ rapportar fil-konfront tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill previst f’tali strumenti legali oħra, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar azzjonijiet meħuda skont tali strumenti sinkronizzati mal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni.

(26)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli fuq l-oriġini tal-merkanzija jew tas-servizzi u n-nazzjonalità tal-fornituri tas-servizzi, tal-investiment u tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni. Ir-regoli tal-oriġini u tan-nazzjonalità jenħtieġ li jiġu ddeterminati fid-dawl tar-regoli prevalenti għall-kummerċ u l-investiment mhux preferenzjali li huma applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni u l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni.

(27)

Għall-għanijiet ta’ ksib tal-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika f’każ partikolari, u, fejn xieraq, ir-rimedju tad-dannu kkawżat, il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni li jikkonsistu minn restrizzjonijiet fuq l-investiment dirett barrani jew il-kummerċ fis-servizzi jenħtieġ li japplikaw biss fir-rigward tas-servizzi pprovduti, jew investimenti diretti magħmula, fl-Unjoni minn persuna ġuridika waħda jew aktar stabbilita fl-Unjoni u li huma l-proprjeta’ ta’ persuni tal-pajjiż terz ikkonċernat jew ikkontrollati minnhom, fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u, b’mod partikolari, biex jiġi evitat l-evitar u l-evażjoni tagħhom. Id-deċiżjoni li tiġi imposta kwalunkwe restrizzjoni bħal din jenħtieġ li tkun iġġustifikata kif xieraq fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament fid-dawl tal-kriterji speċifikati f’dan ir-Regolament.

(28)

Wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kontinwament is-sitwazzjoni fir-rigward tal-koerċizzjoni ekonomika, l-effettività tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u l-effetti tagħhom fuq l-interessi tal-Unjoni, bil-ħsieb li temenda, tissospendi jew ittemm il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni kif xieraq. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri għall-emendar, għas-sospensjoni u għat-terminazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u ċ-ċirkostanzi li fihom l-emendar, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jkun xieraq.

(29)

Huwa essenzjali li jiġu previsti opportunitajiet għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati, fosthom in-negozji, għall-finijiet tal-adozzjoni u tal-emendar tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u, u fejn rilevanti, għall-finijiet tas-sospensjoni u t-terminazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-impatt potenzjali fuq tali partijiet ikkonċernati.

(30)

Fid-dawl tal-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi, u. b’mod partikolari, il-frekwenza u s-severità tagħhai, jenħtieġ li l-Kummissjoni, biex tiżgura l-koerenza ma’ kwalunkwe atti legali rilevanti tal-Unjoni, tipprevedi punt uniku ta’ kuntatt għall-funzjonament ta’ dan ir-Regolament, u konsegwentement, jenħtieġ li taġixxi bil-ħsieb li tiżgura li l-Unjoni tkun kapaċi tantiċipa aħjar il-koerċizzjoni ekonomika u tirrispondi b’mod effettiv għaliha.

(31)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiġu infurmati regolarment u f’ħin utli dwar l-iżviluppi rilevanti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, ikollhom opportunitajiet biex jiskambjaw fehmiet mal-Kummissjoni.

(32)

Sabiex l-aġġustament tar-regoli tal-oriġini jew tan-nazzjonalità jkun jista’ jqis l-iżviluppi rilevanti fl-istrumenti internazzjonali u l-esperjenza akkwistata fl-applikazzjoni ta’ miżuri previsti f’dan ir-Regolament jew atti oħra tal-Unjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness II. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 (2) dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.".

(33)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(34)

Il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u l-emendar, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tagħhom, minħabba li dawk il-miżuri jiddeterminaw ir-rispons tal-Unjoni għall-koerċizzjoni ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Meta titqies in-natura speċifika ta’ dan ir-Regolament u s-sensittività partikolari marbuta mal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tadottax abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni dwar kwalunkwe miżura ta’ rispons tal-Unjoni fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni dwar dak l-att. Meta teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lil soluzzjonijiet li jkollhom l-akbar appoġġ possibbli fost l-Istati Membri u, fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluż fil-kumitat ta’ appell, ssib soluzzjonijiet ibbilanċjati u tevita li tmur kontra kwalunkwe pożizzjoni predominanti fost l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-adegwatezza ta’ abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni.

(35)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament ta’ durata limitata fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mal-emendar jew mas-sospensjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jkunu jeħtieġu azzjoni mħaffa sabiex jiġi evitat dannu irreparabbli lill-Unjoni jew Stat Membru jew sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-dritt internazzjonali. Tali azzjoni mħaffa tista’ tipprevjeni l-koerċizzjoni ekonomika milli tikkawża jew taggrava kwalunkwe dannu ekonomiku, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu protetti l-interessi akuti u vitali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

(36)

Kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan ir-Regolament, inkluża l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni li japplikaw għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jenħtieġ li tirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun konformi mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data personali. L-ipproċessar ta’ data personali mill-uffiċjali tal-Istati Membri li jiksbu informazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jseħħ f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) . Jenħtieġ li l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(37)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni adottati skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-effettività u l-operat tagħhom u, fejn meħtieġ, tasal għal konklużjonijiet possibbli għal finijiet ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni futuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina wkoll dan ir-Regolament wara li tikseb esperjenza suffiċjenti bl-applikazzjoni u bl-implimentazzjoni tiegħu, u wkoll bir-relazzjoni tiegħu ma’ politiki u strumenti legali fis-seħħ oħra tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 (6). Jenħtieġ li r-rieżami ta’ dan ir-Regolament ikopri l-kamp ta’ applikazzjoni, il-funzjonament, l-effiċjenza u l-effettività tiegħu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-valutazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika fil-każ ta’ koerċizzjoni ekonomika minn pajjiż terz. Huwa jistabbilixxi regoli u proċeduri sabiex jiżgura l-protezzjoni effettiva tal-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mill-koerzjoni ekonomika minn pajjiż terz.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-Unjoni biex tirrispondi għall-koerċizzjoni ekonomika bl-għan li tiskoraġġixxi l-koerċizzjoni ekonomika jew tikseb il-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika, filwaqt li jippermetti lill-Unjoni, bħala l-aħħar rimedju, li tiġġieled il-koerċizzjoni ekonomika permezz ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll qafas għall-Unjoni biex tfittex kumpens għad-dannu lill-Unjoni, fejn xieraq.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda skont dan ir-Regolament għandha tkun konsistenti mad-dritt internazzjonali u titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

4.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-istrumenti tal-Unjoni fis-seħħ u l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, kif ukoll għall-azzjonijiet meħuda fl-ambitu tagħhom li huma koerenti mad-dritt internazzjonali, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u għal politiki oħra tal-Unjoni.

5.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 2

Koerċizzjoni ekonomika

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-koerċizzjoni ekonomika teżisti meta pajjiż terz japplika jew jhedded li japplika miżura ta’ pajjiż terz li taffettwa l-kummerċ jew l-investiment sabiex jipprevjeni jew jikseb il-waqfien, il-modifika jew l-adozzjoni ta’ att partikolari mill-Unjoni jew minn Stat Membru, u b’hekk jinterferixxi fl-għażliet sovrani leġittimi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

2.   Fid-determinazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 humiex issodisfati, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu dan li ġej:

(a)

l-intensità, is-severità, il-frekwenza, id-durata, il-wisa’ u l-kobor tal-miżura tal-pajjiż terz, inkluż l-impatt tagħha fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali jew ta’ investiment mal-Unjoni, u l-pressjoni li tirriżulta minnha fuq l-Unjoni jew fuq Stat Membru;

(b)

jekk il-pajjiż terz ikunx involut f’tendenza ta’ interferenza bil-għan li jipprevjeni jew jikseb atti partikolari mill-Unjoni, minn Stat Membru jew minn pajjiż terz ieħor;

(c)

il-punt sa fejn il-miżura tal-pajjiż terz tinterferixxi f’qasam tas-sovranità tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

(d)

jekk il-pajjiż terz ikunx qed jaġixxi fuq il-bażi ta’ tħassib leġittimu li jkun rikonoxxut fuq livell internazzjonali;

(e)

jekk u b’liema mod il-pajjiż terz, qabel l-impożizzjoni jew l-applikazzjoni tal-miżuri tal-pajjiż terz, ikunx għamel tentattivi serji, b’rieda tajba, biex isolvi l-kwistjoni permezz ta’ koordinazzjoni internazzjonali jew permezz ta’ aġġudikazzjoni, kemm b’mod bilaterali kif ukoll f’forum internazzjonali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“miżura ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe azzjoni jew ommissjoni attribwibbli lil pajjiż terz skont id-dritt internazzjonali;

(2)

“att partikolari” tfisser kwalunkwe att legali jew att ieħor, inkluża espressjoni ta’ pożizzjoni, minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, ta’ Stat Membru, jew ta’ pajjiż terz, rispettivament;

(3)

“dannu lill-Unjoni” tfisser impatt negattiv, inkluż dannu ekonomiku, fuq l-Unjoni jew fuq Stat Membru, inkluż fuq l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, ikkawżat mill-koerċizzjoni ekonomika;

(4)

“pajjiż terz” tfisser kwalunkwe Stat, territorju doganali separat jew suġġett ieħor tad-dritt internazzjonali, minbarra l-Unjoni jew Stat Membru;

Artikolu 4

Eżami ta’ miżuri ta’ pajjiżi terzi

1.   Il-Kummissjoni tista’, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament motivata, teżamina kwalunkwe miżura ta’ pajjiż terz sabiex tiddetermina jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(1).

2.   Meta l-Kummissjoni teżamina miżura tal-pajjiż terz, hija għandha taġixxi malajr. L-eżami normalment ma għandux jaqbeż l-4 xhur.

Il-Kummissjoni għandha twettaq l-eżami abbażi ta’ informazzjoni dokumentata miġbura fuq inizjattiva tagħha stess jew riċevuta minn kwalunkwe sors affidabbli, inklużi Stat Membru, il-Parlament Ewropew, operaturi ekonomiċi jew trade unions.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 15, inkluż, fejn meħtieġ, il-protezzjoni tal-identità tal-persuna li tipprovdi l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku għodda sikura bil-ħsieb li tiffaċilita s-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri f’ħin utli dwar il-bidu tal-eżamijiet u dwar l-iżviluppi rilevanti fir-rigward tal-eżamijiet li jkunu għaddejjin.

4.   Il-Kummissjoni għandha tfittex informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri tal-pajjiż terz, meta meħtieġ.

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri jipprovdu tali informazzjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod rapidu għal dik it-talba.

Billi tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, fejn xieraq, permezz ta’mezzi xierqa oħra ta’ komunikazzjoni pubblika, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-partijiet ikkonċernati biex jissottomettu l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika data sa meta trid tiġi ppreżentata dik l-informazzjoni, filwaqt li tqis il-perjodu indikat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

Jekk il-Kummissjoni tippubblika tali avviż, hija għandha tinnotifika lill-pajjiż terz ikkonċernat li jkun beda l-eżami.

Artikolu 5

Determinazzjoni fir-rigward tal-miżura tal-pajjiż terz

1.   Fejn, wara eżami mwettaq f’konformità mal-Artikolu 4, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta’ pajjiż terz tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(1), hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina li l-miżura ta’ pajjiż terz tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 2(1).

F’dik il-proposta, il-Kummissjoni għandha tispjega kif dawk il-kundizzjonijiet huma ssodisfati.

Il-proposta għandha tistabbilixxi perjodu indikattiv biex il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) humiex issodisfati. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż is-6 xhur, sakemm ma jkunx meħtieġ perjodu itwal debitament ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

2.   Fil-proposta msemmija fil-paragrafu 1 jew fi proposta sussegwenti għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tipproponi li l-Kunsill jiddetermina li l-pajjiż terz jintalab jirrimedja d-dannu lill-Unjoni.

Il-valutazzjoni ta’ jekk huwiex xieraq li l-pajjiż terz jintalab jirrimedja d-dannu lill-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Dik il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq in-natura u l-firxa tad-dannu kkawżat u l-obbligu ġenerali skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju li d-dannu kkawżat minn att illegali fuq livell internazzjonali jiġi kompletament irrimedjat.

3.   Qabel ma tippreżenta l-proposta msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn utli għall-finijiet tad-determinazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe involviment mal-pajjiż terz ikkonċernat skont l-Artikolu 6, tistieden lill-pajjiż terz jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu f’perjodu speċifikat. Tali perjodu għandu jkun raġonevoli u ma għandux idewwem bla bżonn is-sottomissjoni tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Qabel ma tippreżenta l-proposta msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-eżami mwettaq f’konformità mal-Artikolu 4.

5.   Il-Kunsill għandu jadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Il-Kunsill jista’ jemenda l-proposti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

6.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod rapidu.

Il-Kunsill għandu jaġixxi fi żmien 8 ġimgħat mis-sottomissjoni tal-proposti msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, il-Kunsill jista’ jaġixxi wara dak il-perjodu ta’ tmien ġimgħat dment li jinforma lill-Kummissjoni b’dewmien u bir-raġunijiet għal dak id-dewmien.

Il-perjodu totali biex il-Kunsill jaġixxi normalment ma għandux jaqbeż 10 ġimgħat mis-sottomissjoni tal-proposti msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu japplika l-Artikolu 2(1), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżistenza tal-koerċizzjoni ekonomika, u l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu, u għandu jispjega kif dawk il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti u kif jiġu applikati l-kriterji.

7.   L-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni propost jew adottat skont dan l-Artikolu.

9.   Meta l-Kunsill jadotta att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż terz b’dan u titlob lil dak il-pajjiż terz biex iwaqqaf il-koerċizzjoni ekonomika immedjatament.

10.   Meta l-Kunsill jadotta att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha titlob lill-pajjiż terz biex jirrimedja d-dannu lill-Unjoni f’perjodu raġonevoli.

Artikolu 6

L-involviment mal-pajjiż terz

1.   Wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tipprovdi opportunità adegwata għal konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz bil-għan li tikseb il-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u, fejn mitlub, skont l-Artikolu 5(10), ir-rimedju tad-dannu lill-Unjoni.

Meta l-pajjiż terz jidħol f’konsultazzjonijiet mal-Unjoni in bona fede, il-Kummissjoni għandha tidħol f’dawn il-konsultazzjonijiet b’mod rapidu.

Matul dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tesplora opzjonijiet mal-pajjiż terz, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

negozjati diretti;

(b)

is-sottomissjoni tal-kwistjoni għal aġġudikazzjoni internazzjonali;

(c)

il-medjazzjoni, il-konċiljazzjoni jew il-bon uffiċċji minn parti terza biex jassistu lill-Unjoni u lill-pajjiż terz fl-isforzi tagħhom taħt dan l-Artikolu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tfittex li tikseb il-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika billi tqajjem il-kwistjoni fi kwalunkwe forum internazzjonali rilevanti wara li tkun ikkonsultat lill-Kunsill, fejn applikabbli f’konformità mat-Trattati.

3.   Wara l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tibqa’ miftuħa biex tidħol f’konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz, flimkien mas-sospensjoni potenzjali ta’ kwalunkwe miżura ta’ rispons tal-Unjoni skont l-Artikolu 12(2).

Artikolu 7

Kooperazzjoni internazzjonali

Il-Kummissjoni għandha tidħol f’konsultazzjonijiet jew tikoopera ma’ kwalunkwe pajjiż terz affettwat mill-istess koerċizzjoni ekonomika jew waħda simili jew ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor interessat, bil-ħsieb li tikseb il-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika wara li tkun ikkonsultat lill-Kunsill, fejn applikabbli f’konformità mat-Trattati.

Tali konsultazzjonijiet u kooperazzjoni jistgħu jinvolvu, fejn xieraq:

(a)

il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u esperjenzi rilevanti biex tiffaċilita rispons koerenti għal tali koerċizzjoni ekonomika;

(b)

koordinazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti;

(c)

koordinazzjoni fir-rispons għall-koerċizzjoni ekonomika.

Il-Kummissjoni għandha tistieden, fejn xieraq, lill-Istati Membri biex jipparteċipaw f’tali konsultazzjonijiet u kooperazzjoni.

Tali konsultazzjonijiet u kooperazzjoni ma għandhomx idewmu bla bżonn il-proċeduraskont dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Miżuri ta’ rispons tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ rispons tal-Unjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-azzjoni skont l-Artikoli 5 u 6 ma tkunx irriżultat, f’perjodu raġonevoli, fil-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u, fejn mitlub skont l-Artikolu 5(10), fir-rimedju tad-dannu lill-Unjoni;

(b)

l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni tkun meħtieġa biex jiġu protetti l-interessi u d-drittijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-każ partikolari, fid-dawl tal-għażliet disponibbli;

(c)

l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni tkun fl-interess tal-Unjoni, kif determinat f’konformità mal-Artikolu 9.

Meta l-koerċizzjoni ekonomika tkun waqfet iżda l-pajjiż terz ma jkunx irrimedja kompletament id-dannu lill-Unjoni, minkejja l-fatt li jkun intalab jagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu tkunx ġiet issodisfata fuq iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Dik il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq in-natura u l-firxa tad-dannu kkawżat u l-obbligu ġenerali skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju li d-dannu kkawżat minn att illegali fuq livell internazzjonali jiġi kompletament irrimedjat.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni xierqa fost dawk stabbiliti fl-Anness I. Hija għandha tiddetermina liema minn dawk il-miżuri huma xierqa fuq il-bażi ta’ kriterji għall-għażla u tfassil stabbiliti fl-Artikolu 11.

Fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex tqis li l-kundizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu huma ssodisfati u għaliex tqis li l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni huma xierqa fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 11.

3.   Il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni għandhom jiġu adottati bħala:

(a)

miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali; jew

(b)

miżuri li japplikaw għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu jew li jistgħu jwettqu attivitajiet li jidħlu fl-ambitu tal-Artikolu 207 tat-TFUE u li huma konnessi jew marbuta mal-gvern tal-pajjiż terz.

Il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jitfasslu b’mod li jaffettwaw setturi, reġjuni jew operaturi partikolari tal-pajjiż terz b’mod konformi mar-regoli ta’ oriġini u ta’ nazzjonalità stabbiliti fl-Anness II.

4.   Dment li l-miżura tal-pajjiż terz tikkostitwixxi att illegali fuq livell internazzjonali, il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jistgħu jikkonsistu minn miżuri li jammontaw għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali fil-konfront tal-pajjiż terz.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni mal-miżuri li tadotta skont atti legali tal-Unjoni għajr dan ir-Regolament għall-fini ta’ rispons għall-koerċizzjoni ekonomika f’dak il-każ partikolari.

6.   L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprevedi data differita ta’ applikazzjoni li ma għandhiex tkun aktar tard minn 3 xhur mid-data tal-adozzjoni tagħha, sakemm, fid-dawl ta’ ċirkostanzi speċifiċi, ma tkunx prevista data ta’ applikazzjoni aktar tard.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dik id-data, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi tal-każ, biex tippermetti n-notifika tal-pajjiż terz ikkonċernat skont il-paragrafu 7 u biex il-pajjiż terz iwaqqaf il-koerċizzjoni ekonomika u, fejn xieraq, jirrimedja d-dannu lill-Unjoni.

7.   Mal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiż terz b’dan u:

(a)

titlob lill-pajjiż terz iwaqqaf minnufih il-koerċizzjoni ekonomika u, fejn xieraq u fejn mitlub, jirrimedja d-dannu lill-Unjoni;

(b)

toffri li tinnegozja soluzzjoni mal-pajjiż terz; u

(c)

tinnotifika lill-pajjiż terz li l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni se japplikaw, sakemm il-koerċizzjoni ekonomika ma tiqafx u, fejn xieraq u fejn mitlub, il-pajjiż terz jirrimedja d-dannu lill-Unjoni.

8.   Fejn il-Kummissjoni jkollha informazzjoni kredibbli li l-koerċizzjoni ekonomika tkun waqfet jew dak il-pajjiż terz ikun ħa passi konkreti biex iwaqqaf il-koerċizzjoni ekonomika u, fejn xieraq, ikun irrimedja d-dannu lill-Unjoni qabel id-data differita tal-applikazzjoni stabbilita f’konformità mal-paragrafu 6, l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprevedi differiment ulterjuri tad-data tal-applikazzjoni. Dak id-differiment għandu jkun għal perjodu speċifikat f’dak l-att ta’ implimentazzjoni u għandu jkun tali li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-waqfien reali tal-koerċizzjoni ekonomika.

Fil-każ li l-Kummissjoni jkollha tali informazzjoni kredibbli, hija għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jindika li għandha tali informazzjoni u d-data tal-applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, kif differita f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

9.   Jekk il-pajjiż terz iwaqqaf il-koerċizzjoni ekonomika u, fejn xieraq, jirrimedja d-dannu lill-Unjoni qabel id-data tal-applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jħassar dak l-att ta’ implimentazzjoni.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni li jħassar għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

10.   Minkejja l-paragrafi 7, 8 u 9, l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jipprevedi li l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni japplikaw mingħajr ma l-Kummissjoni l-ewwel titlob, skont il-paragrafu 7, il-punt (a), lill-pajjiż terz ikkonċernat iwaqqaf il-koerċizzjoni ekonomika jew, fejn xieraq, jirrimedja d-dannu lill-Unjoni, jew jinnotifika, skont il-paragrafu 7, il-punt (c), lill-pajjiż terz ikkonċernat li l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni se japplikaw fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, dan ikun meħtieġ għall-preservazzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari tal-effettività tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni.

11.   Minkejja l-paragrafi 6 u 8, fejn il-koerċizzjoni ekonomika tikkonsisti minn theddida li tiġi applikata miżura ta’ pajjiż terz li taffettwa l-kummerċ jew l-investiment skont l-Artikolu 2(1), l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika mid-data li fiha dik il-miżura ta’ pajjiż terz tiġi applikata.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jindika d-data tal-applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni li tieħu, tissospendi, temenda jew ittemm miżuri ta’ rispons tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni kollha disponibbli u tikkonsisti minn valutazzjoni tal-interessi varji involuti, meħuda globalment. Dawk l-interessi jinkludu primarjament il-preservazzjoni tal-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jagħmlu għażliet leġittimi u sovrani li jkunu ħielsa minn koerċizzjoni ekonomika, u l-interessi l-oħra kollha tal-Unjoni jew tal-Istati Membri speċifiċi għall-każ, l-interessi tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, inklużi l-industriji upstream u downstream, u l-interessi tal-konsumaturi finali tal-Unjoni affettwati jew potenzjalment affettwati mill-koerċizzjoni ekonomika jew mill-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni.

Artikolu 10

Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), persuna fiżika jew ġuridika tista’ titqies bħala konnessa jew marbuta mal-gvern tal-pajjiż terz fejn:

(a)

dak il-gvern ikun proprjetarju benefiċjarju ta’ aktar minn 50 % tal-interess ta’ ekwità f’tali persuna ġuridika, jeżerċita direttament jew indirettament aktar minn 50 % tad-drittijiet tal-vot fiha, jew ikollu s-setgħa li jaħtar maġġoranza tad-diretturi tagħha jew inkella li jidderieġi legalment l-azzjonijiet tagħha;

(b)

tali persuna tibbenefika minn drittijiet jew privileġġi esklużivi jew speċjali mogħtija fil-liġi jew fil-fatt mill-gvern tal-pajjiż terz ikkonċernat, meta topera f’settur fejn dak il-gvern jillimita l-għadd ta’ fornituri jew xerrejja għal wieħed jew aktar, jew tkun permessa direttament jew indirettament minn dak il-gvern li teżerċita prattiki li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni; jew

(c)

tali persuna taġixxi effettivament f’isem, jew taħt id-direzzjoni jew l-istigazzjoni, tal-gvern tal-pajjiż terz ikkonċernat.

2.   Fejn il-Kummissjoni jkollha raġuni biex temmen li persuna fiżika jew ġuridika tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u qed tikkunsidra l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni fir-rigward ta’ dik il-persuna, hija għandha tinforma lil dik il-persuna b’dan li ġej:

(a)

ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni temmen li dik il-persuna tissodisfa dawk il-kriterji;

(b)

il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni li l-Kummissjoni qed tikkunsidra li tadotta fir-rigward ta’ dik il-persuna;

(c)

il-possibbiltà għal dik il-persuna li tissottometti, f’perjodu raġonevoli, osservazzjonijiet dwar jekk dik il-persuna tissodisfax dawk il-kriterji.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, fejn possibbli, tinnotifika lill-persuna kkonċernata direttament.

F’dak l-avviż, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet interessati l-oħra l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tfittex kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti, inkluż billi titlob tali informazzjoni mill-Istati Membri.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, fejn, wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina jekk il-persuni kkonċernati għadhomx jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u għandha tinforma lill-persuni kkonċernati b’dan.

Artikolu 11

Kriterji għall-għażla u t-tfassil tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni

1.   Il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni għandhom ikunu proporzjonati u ma jaqbżux il-livell ta’ dannu lill-Unjoni, b’kont meħud tal-gravità tal-koerċizzjoni ekonomika, l-impatt ekonomiku tagħha fuq l-Unjoni jew Stat Membru u d-drittijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel u tfassal miżuri ta’ rispons xierqa tal-Unjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluż kif miġbura skont l-Artikolu 13, u filwaqt li tqis id-determinazzjoni magħmula skont l-Artikolu 5, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(2), id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 9, kwalunkwe azzjoni rilevanti skont il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, kif ukoll il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-effettività tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni li jwasslu għall-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u, fejn mitlub, għar-rimedju tad-dannu lill-Unjoni;

(b)

l-evitar jew il-minimizzazzjoni tal-impatt negattiv fuq:

(i)

l-atturi tal-Unjoni affettwati mill-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, fid-dawl, inter alia, tad-disponibbiltà ta’ alternattivi għal tali atturi, bħal sorsi alternattivi ta’ provvista għal merkanzija jew servizzi;

(ii)

l-ambjent tal-investiment fl-Unjoni jew fi Stat Membru, inkluż l-impatt fuq il-politika tal-impjiegi u tal-iżvilupp reġjonali;

(c)

l-evitar jew il-minimizzazzjoni tal-impatt negattiv fuq il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi permezz tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħala mezz għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u ekonomija tal-għarfien fl-Unjoni jew fi Stat Membru;

(d)

il-potenzjal li jipprovdu għajnuna lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni affettwati mill-koerċizzjoni ekonomika;

(e)

l-evitar jew il-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni fuq il-politiki jew l-objettivi tal-Unjoni;

(f)

l-evitar ta’ piż u kostijiet amministrattivi sproporzjonati fl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni;

(g)

l-eżistenza u n-natura ta’ kwalunkwe miżura ta’ rispons ippromulgata minn pajjiżi terzi affettwati mill-istess koerċizzjoni ekonomika jew koerċizzjoni ekonomika simili, inkluż, fejn rilevanti, kwalunkwe koordinazzjoni skont l-Artikolu 7;

(h)

kwalunkwe kriterju rilevanti stabbilit fid-dritt internazzjonali.

Fl-għażla tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti preferenza lil miżuri li jiżguraw bl-aktar mod effettiv il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b).

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, meta tagħżel u tfassal miżura ta’ rispons xierqa li taffettwa proċedura li biha awtorità pubblika fl-Unjoni tagħti awtorizzazzjonijiet, reġistrazzjonijiet, liċenzji jew drittijiet oħra lil persuna fiżika jew ġuridika għall-finijiet tal-attivitajiet kummerċjali tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tadotta miżuri ta’ rispons tal-Unjoni fl-ordni ġerarkiku li ġej:

(a)

miżuri li jaffettwaw il-proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(1);

(b)

fejn il-miżuri msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu ma jkunux disponibbli, miżuri li jaffettwaw il-proċeduri li jkunu għadhom ma tlestewx mad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(1).

Fejn l-ebda waħda mill-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tkun possibbli, il-Kummissjoni tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tikkunsidra miżuri oħra ta’ rispons, fejn ikun intwera, fid-dawl tal-informazzjoni u l-fehmiet miġbura skont l-Artikolu 13, li dawk il-miżuri l-oħra jiżguraw effettività, mingħajr ma jaffettwaw b’mod sproporzjonat l-industriji upstream, l-industriji downstream jew il-konsumaturi finali, fl-Unjoni, jew jimponu piż sproporzjonat fuq il-proċess ta’ amministrazzjoni tar-regolamenti nazzjonali rilevanti.

Meta tagħżel u tfassal miżura ta’ rispons tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis il-livell ta’ armonizzazzjoni u tagħti preferenza lil miżuri li jaffettwaw il-proċeduri applikati fl-Unjoni kollha jew f’qasam fejn teżisti leġiżlazzjoni estensiva tal-Unjoni.

Il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx jinterferixxu mad-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Unjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jkunu bbażati fuq l-evalwazzjoni ta’ evidenza xjentifika.

4.   Fejn meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ rispons tal-Unjoni li jaffettwaw l-aċċess ta’ investiment dirett barrani għall-Unjoni jew il-kummerċ f’servizzi u li japplikaw għal servizzi pprovduti, jew investimenti diretti magħmula, fl-Unjoni minn persuna ġuridika waħda jew aktar stabbiliti fl-Unjoni u li huma proprjetà ta’ persuni tal-pajjiż terz jew ikkontrollati minnhom.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta tali miżuri ta’ rispons tal-Unjonifejn in-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom għal tali servizzi fornuti jew investimenti diretti magħmula ma jkunx biżżejjed biex jintlaħaq b’mod effettiv l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fejn l-effett ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jistgħu jiġu evitati b’mod ieħor mill-pajjiż terz ikkonċernat jew mill-persuna kkonċernata.

Fil-valutazzjoni ta’ jekk jiġux adottati tali miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, fost oħrajn, il-kriterji li ġejjin, minbarra dawk stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2:

(a)

ix-xejriet tal-kummerċ fis-servizzi u l-investiment fis-settur fil-mira tal-miżuri ta’ rispons previsti tal-Unjoni u r-riskju li tiġi evitata mill-pajjiż terz ikkonċernat jew mill-persuna kkonċernata kwalunkwe miżura ta’ rispons tal-Unjoni li ma tapplikax għal servizzi pprovduti, jew għal investimenti diretti magħmula, fl-Unjoni;

(b)

il-kontribut effettiv possibbli ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-kisba tal-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u tar-rimedju tad-dannu lill-Unjoni;

(c)

l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi li kapaċi jiksbu l-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika u r-rimedju tad-dannu lill-Unjoni li huma raġonevolment disponibbli u anqas restrittivi għall-kummerċ fis-servizzi jew għall-investiment fl-Unjoni.

L-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ rispons tal-Unjoni għandha tkun debitament ġustifikata fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(1) fid-dawl tal-kriterji stabbiliti f’dan il-paragrafu.

Artikolu 12

Emenda, sospensjoni u terminazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt rieżami l-koerċizzjoni ekonomika, u l-effettività tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u l-effetti tagħhom fuq l-interess tal-Unjoni.

2.   Fejn il-pajjiż terz jissospendi l-koerċizzjoni ekonomika, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni għad-durata tas-sospensjoni tal-pajjiż terz.

Fejn il-pajjiż terz u l-Unjoni jew l-Istat Membru kkonċernat ikunu ikkonkludew ftehim, inkluż fuq il-bażi ta’ offerta minn dak il-pajjiż terz, biex jissottomettu l-kwistjoni għal aġġudikazzjoni internazzjonali vinkolanti ta’ parti terza u dak il-pajjiż terz jissospendi l-koerċizzjoni ekonomika tiegħu, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni għad-durata tal-proċedimenti ta’ aġġudikazzjoni.

Fejn deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni jew ftehim mal-pajjiż terz jirrikjedu implimentazzjoni mill-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni dment li l-pajjiż terz ikun involut fl-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni jew dak il-ftehim.

Il-Kummissjoni għandha tissospendi jew terġa’ tibda l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni fejn meħtieġ fid-dawl tal-interess tal-Unjoni determinat skont l-Artikolu 9, jew fejn meħtieġ biex tiffaċilita t-tkomplija tal-involviment skont l-Artikolu 6(3) wara l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tissospendi jew terġa’ tibda l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

3.   Fejn ikun meħtieġ li jsiru aġġustamenti għall-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-Artikoli 2 u 11, jew żviluppi ulterjuri, inkluża r-reazzjoni tal-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha temenda, kif xieraq, il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tittermina l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-koerċizzjoni ekonomika tkun waqfet u, meta l-Kunsill ikun iddeċieda li jitlob rimedju tad-dannu lill-Unjoni skont l-Artikolu 5(10), id-dannu lill-Unjoni jkun ġie rrimedjat;

(b)

il-koerċizzjoni ekonomika tkun waqfet, iżda l-pajjiż terz ma rrimedjax id-dannu lill-Unjoni minkejja li l-Kunsill iddeċieda li jitlob riparazzjoni tad-dannu lill-Unjoni skont l-Artikolu 5(10), sakemm iż-żamma tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni ma tkunx meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ;

(c)

is-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku tkun intlaħqet;

(d)

id-deċiżjoni vinkolanti f’aġġudikazzjoni internazzjonali ta’ parti terza li tkopri l-kwistjoni tal-koerċizzjoni ekonomika tirrikjedi t-terminazzjoni tal-miżura ta’ rispons tal-Unjoni;

(e)

it-terminazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni hija xierqa fid-dawl tal-interess tal-Unjoni determinat skont l-Artikolu 9.

Il-Kummissjoni għandha tittermina miżuri ta’ rispons tal-Unjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

5.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament iġġustifikati, bħal biex jiġi evitat dannu irreparabbli lill-Unjoni jew lil Stat Membru jew biex tkompli tiżgura l-konsistenza mal-obbligi tal-Unjoni imposti mid-dritt internazzjonali minħabba s-sospensjoni jew il-waqfien tal-koerċizzjoni ekonomika, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli sabiex tissospendi jew temenda l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(3) u għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahrejn.

Artikolu 13

Ġbir ta’ informazzjoni relatata mal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, qabel l-adozzjoni jew l-emendar ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, u tista’ qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ tali miżuri, tfittex informazzjoni u fehmiet dwar l-impatt ekonomiku fuq l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, fejn xieraq, permezz ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni pubblika xierqa.

L-avviż għandu jindika d-data sa meta għandhom jiġu ppreżentati l-informazzjoni u l-fehmiet lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tibda tiġbor l-informazzjoni u l-fehmiet kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu fi kwalunkwe ħin li tqis xieraq.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinforma u tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari lill-assoċjazzjonijiet li jaġixxu f’isem l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, u t-trade unions, li jistgħu jiġu affettwati minn miżuri ta’ rispons tal-Unjoni potenzjali, u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fit-tħejjija jew fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-oqsma li jistgħu jiġu affettwati minn dawk il-miżuri.

3.   Mingħajr ma ddewwem bla bżonn l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tidentifika alternattivi possibbli għal miżuri ta’ rispons tal-Unjoni potenzjali u tfittex informazzjoni u fehmiet b’mod partikolari dwar:

(a)

l-impatt ta’ tali miżuri fuq atturi ta’ pajjiżi terzi u l-kompetituri tagħhom, sħab kummerċjali jew klijenti fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll utenti, konsumaturi finali jew impjegati fi ħdan l-Unjoni;

(b)

l-interazzjoni ta’ tali miżuri mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Membri;

(c)

il-piż amministrattiv li jista’ jkun ikkawżat minn tali miżuri.

4.   Il-Kummissjoni għandha tqis b’mod sħiħ l-informazzjoni u l-fehmiet miġbura skont dan l-Artikolu.

Meta tissottometti abozz ta’ att ta’ implementazzjoni lill-Kumitat fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2), il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi tal-miżuri previsti u tal-impatt potenzjali tagħhom.

Dik l-analiżi għandha tinkludi valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt kemm fuq l-industriji upstream u downstream kif ukoll fuq il-konsumaturi finali fl-Unjoni u, jekk rilevanti, tindika kwalunkwe impatt potenzjali sproporzjonat.

5.   Għall-fini li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament f’konformità mal-Artikolu 12(5), il-Kummissjoni għandha tfittex informazzjoni u fehmiet b’mod immirat mill-partijiet ikkonċernati rilevanti, sakemm is-sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ motivi imperattivi ta’ urġenza ma tkunx tali li l-ġbir ta’ informazzjoni u fehmiet ma jkunx possibbli jew ma jkunx meħtieġ għal raġunijiet oġġettivi, bħal li tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

Artikolu 14

Punt uniku ta’ kuntatt

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi punt uniku ta’ kuntatt fil-Kummissjoni għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-koordinazzjoni tiegħu ma’ kwalunkwe att legali rilevanti tal-Unjoni u għall-ġbir ta’ informazzjoni u l-provvista ta’ analiżi tal-ispejjeż u tad-data bil-ħsieb li tiġi determinata n-natura tal-koerċizzjoni ekonomika.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-punt uniku ta’ kuntatt għandu, f’konformità sħiħa mal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità,jkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni għan-negozji u l-partijiet ikkonċernati privati tal-Unjoni affettwati mill-koerċizzjoni ekonomika, inkluż fir-rigward tal-assistenza li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest tal-koerċizzjoni ekonomika attwali għal dawk in-negozji u l-partijiet ikkonċernati.

Artikolu 15

Kunfidenzjalità

1.   L-informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet ipprovduta, mitluba, jew miksuba.

2.   Persuna li tforni l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ titlob li tali informazzjoni tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. Dik it-talba għandha tkun akkumpanjata minn sommarju mhux kunfidenzjali u sinifikanti tal-informazzjoni kkonċernata jew minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jispjegaw għaliex ma jistax isir sommarju tal-informazzjoni kkonċernata.

3.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri jew l-uffiċjali rispettivi tagħhom ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali riċevuta skont dan ir-Regolament, mingħajr permess speċifiku mill-persuna li tforni tali informazzjoni.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx jipprekludu lill-Kummissjoni milli tiddivulga informazzjoni ġenerali f’forma ta’ sommarju sinifikanti, dment lid-divulgazzjoni ma jippermettix li l-identità tal-fornitur tal-informazzjoni ssir magħrufa.

Id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni ġenerali għandha tqis l-interess leġittimu tal-partijiet ikkonċernati f’li ma jiddivulgawx informazzjoni kunfidenzjali.

5.   L-uffiċjali tal-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ segretezza professjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul l-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom relatati ma’ dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sistema sigura u kriptata biex tappoġġa l-kooperazzjoni diretta u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-uffiċjali tal-Istati Membri.

Artikolu 16

Regoli tal-oriġini u tan-nazzjonalità

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-oriġini ta’ merkanzija jew servizz jew in-nazzjonalità ta’ fornitur ta’ servizz, investiment jew detentur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 biex temenda l-punti 2 u 3 tal-Anness II sabiex tieħu kont tal-iżviluppi rilevanti fl-istrumenti internazzjonali u l-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew atti oħra tal-Unjoni.

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 16(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mis-27 ta’ Diċembru 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 16(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 16(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 18

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 19

Rapportar u Rieżami

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati, regolarment u fil-ħin, dwar żviluppi rilevanti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul l-eżami tal-miżuri tal-pajjiżi terzi, inkluż il-bidu tiegħu, l-involviment mal-pajjiż terz u l-kooperazzjoni internazzjonali, u fil-perjodu li matulu l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni jkunu fis-seħħ.

Fid-dawl tal-informazzjoni riċevuta, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ jistieden, fejn xieraq, lill-Kummissjoni għal skambju ta’ fehmiet.

Il-Parlament Ewropew jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu bi kwalunkwe mezz xieraq.

2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni, adottati skont l-Artikolu 8, fi żmien 6 xhur wara t-terminazzjoni tagħhom, filwaqt li tqis il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati, l-informazzjoni pprovduta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, u għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjonia lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jeżamina l-effettività u l-operat tal-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni u, fejn xieraq, jasal għal konklużjonijiet possibbli għal finijiet ta’ miżuri ta’ rispons futuri tal-Unjoni kif ukoll għar-rieżami ta’ dan ir-Regolament skont il-paragrafu 3.

3.   Mhux aktar tard minn 3 snin wara l-adozzjoni tal-ewwel att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 jew sas-27 ta’ Diċembru 2028, skont liema jiġi l-ewwel, u kull 5 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għall-finijiet ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod partikolari kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fir-rigward tar-relazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ strumenti eżistenti oħra tal-Unjoni.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2023.

(2)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni ekstraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1).


ANNESS I

Miżuri ta’ rispons tal-Unjoni skont l-Artikolu 8

1.   

L-impożizzjoni ta’ dazji doganali ġodda jew miżjuda, inkluż l-istabbiliment mill-ġdid ta’ dazji doganali fil-livell tan-nazzjon l-aktar iffavorit jew l-impożizzjoni ta’ dazji doganali lil hinn mil-livell tan-nazzjon l-aktar iffavorit, jew l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe ħlas addizzjonali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli fir-rigward ta’ kwalunkwe konċessjoni tariffarja.

2.   

L-introduzzjoni jew iż-żieda ta’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ merkanzija, inkluż, fejn xieraq, fuq merkanzija li hija soġġetta għall-esportazzjoni kkontrollata, kemm jekk dawk ir-restrizzjonijiet huma implimentati b’mod effettiv permezz ta’ kwoti, liċenzji ta’ importazzjoni jew esportazzjoni jew miżuri oħra, jew l-introduzzjoni jew iż-żieda ta’ restrizzjonijiet fuq il-ħlas għal merkanzija, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli.

3.   

L-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ ta’ merkanzija implimentati permezz ta’ miżuri li japplikaw għal merkanzija fi tranżitu jew miżuri interni li japplikaw għal merkanzija, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli.

4.   

Il-miżuri li ġejjin, li jistgħu jammontaw, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli li jikkonċernaw id-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-offerti fil-qasam tal-akkwist pubbliku:

(a)

l-esklużjoni ta’ merkanzija, servizzi jew fornituri ta’ merkanzija jew ta’ servizzi mill-pajjiż terz ikkonċernat mill-akkwist pubbliku jew l-esklużjoni mill-akkwist pubbliku ta’ offerti li l-valur totali tagħhom ikun magħmul minn aktar minn 50 % ta’ merkanzija jew servizzi li joriġinaw fil-pajjiż terz ikkonċernat, sakemm ma jkunx meħtieġ perċentwal aktar baxx fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ u dment li l-perċentwal li fadal ta’ merkanzija jew servizzi ma jkunx kopert minn impenji tal-Unjoni previsti fil-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA) konkluż fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jew ftehim ieħor dwar l-akkwist pubbliku konkluż bejn l-Unjoni u pajjiż terz għajr il-pajjiż terz ikkonċernat; jew

(b)

l-impożizzjoni ta’ aġġustament tal-punteġġ (1) fuq offerti ta’ merkanzija jew servizzi tal-pajjiż terz ikkonċernat jew fuq offerti ta’ fornituri ta’ merkanzija jew servizzi mill-pajjiż terz ikkonċernat.

5.   

L-impożizzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli rigward il-kummerċ.

6.   

L-impożizzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw l-aċċess ta’ investiment dirett barrani fl-Unjoni, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli.

7.   

L-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew l-isfruttament kummerċjali tagħhom, fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li huma ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli fir-rigward ta’ aspetti relatati mal-kummerċ ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

8.   

L-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-banek, l-assigurazzjoni, l-aċċess għas-swieq kapitali tal-Unjoni u attivitajiet oħra ta’ servizzi finanzjarji, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli fir-rigward tas-servizzi finanzjarji.

9.   

L-introduzzjoni jew iż-żieda ta’ restrizzjonijiet fuq il-possibbiltà li tiġi introdottai fis-suq tal-Unjoni merkanzija li taqa’ taħt l-atti legali tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli.

10.   

u L-introduzzjoni jew iż-żieda ta’ restrizzjonijiet fuq il-possibbiltà li tiġi introdotta fis-suq tal-Unjoni merkanzija li taqa’ taħt l-atti legali sanitarji u fitosanitarji tal-Unjoni, li jista’ jammonta, kif meħtieġ, għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi internazzjonali applikabbli.


(1)  Aġġustament tal-punteġġ tfisser obbligu għall-awtoritajiet jew l-entitajiet kontraenti li jwettqu proċeduri ta’ akkwist pubbliku biex inaqqsu relattivament, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, il-punteġġ ta’ offerta li tirriżulta mill-evalwazzjoni tagħha, abbażi tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratti definiti fid-dokumenti rilevanti tal-akkwist pubbliku, b’perċentwal speċifiku. F’każijiet fejn il-prezz jew il-kost ikun l-uniku kriterju għall-għoti ta’ kuntratti, l-aġġustament tal-punteġġ ifisser iż-żieda relattiva, għall-fini tal-evalwazzjoni tal-offerti, b’perċentwal speċifiku tal-prezz propost minn offerent.


ANNESS II

Regoli tal-Oriġini u tan-Nazzjonalità

1.   

L-oriġini ta’ merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

2.   

L-oriġini ta’ servizz, inkluż servizz fornut fil-qasam tal-akkwist pubbliku, għandha tiġi ddeterminata abbażi tan-nazzjonalita’ tal-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdih.

In-nazzjonalità tal-fornitur ta’ servizz għandha titqies li tkun:

(a)

fil-każ ta’ persuna fiżika, il-pajjiż li tiegħu l-persuna hija ċittadina jew fejn il-persuna għandha dritt ta’ residenza permanenti;

(b)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

jekk is-servizz huwa pprovdut b’mod ieħor li mhuwiex bi preżenza kummerċjali fl-Unjoni, il-pajjiż fejn il-persuna ġuridika tkun ikkostitwita jew organizzata skont il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż u fit-territorju fejn il-persuna ġuridika tkun impenjata f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi;

(ii)

jekk is-servizz huwa pprovdut permezz ta’ preżenza kummerċjali fl-Unjoni:

(a)

jekk il-persuna ġuridika hija involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi fit-territorju tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna ġuridika, b’tali mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija ta’ dak l-Istat Membru, l-Istat Membru li fih tkun stabbilita jew, jekk il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni japplikaw għal dik il-persuna, in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza permanenti tal-persuna fiżika jew ġuridika jew persuni li huma proprjetarji tal-persuna ġuridika fl-Unjoni, jew jikkontrollawha;

(b)

jekk il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz ma tkunx involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi b’tali mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita, l-oriġini tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li li huma proprjetarji tal-persuna ġuridika fl-Unjoni, jew jikkontrollawha.

Il-persuna ġuridika għandha titqies bħala “li li hija l-proprjeta’ ta’” persuni ta’ pajjiż partikolari jekk aktar minn 50 % tal-interess ta’ ekwità fiha jkun proprjetà benefiċjarja ta’ persuni minn dak il-pajjiż u “kkontrollat” minn persuni ta’ pajjiż partikolari jekk dawk il-persuni jkollhom is-setgħa jaħtru l-maġġoranza tad-diretturi tagħha jew inkella li jidderieġu legalment l-azzjonijiet tagħha.

3.   

In-nazzjonalità ta’ investiment għandha tkun:

(a)

jekk l-investiment ikun involut f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-investiment b’tali mod li jkollu rabta diretta u effettiva mal-ekonomija ta’ dak l-Istat Membru, in-nazzjonalita’ tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit jew, jekk il-miżuri ta’ rispons tal-Unjoni japplikaw għall-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha jappartjeni jew tikkontrolla l-investiment fl-Unjoni, in-nazzjonalità jew ir-residenza permanenti ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika;;

(b)

jekk l-investiment ma jkunx involut f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi b’tali mod li jkollu rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit, in-nazzjonalita’ tal-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha jappartjeni jew jikkontrollah.

L-investiment għandu jitqies bħala “li li huwa l-proprjeta’ ta’” persuni ta’ pajjiż partikolari jekk aktar minn 50 % tal-interess ta’ ekwità fih ikun proprjetà benefiċjarja ta’ persuni minn dak il-pajjiż u “kkontrollat” minn persuni ta’ pajjiż partikolari jekk dawk il-persuni jkollhom is-setgħa jaħtru l-maġġoranza tad-diretturi tiegħu jew inkella li jidderieġu legalment l-azzjonijiet tiegħu.

4.   

Fir-rigward tal-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, it-terminu “ċittadini” għandu jinftiehem fl-istess sens kif użat fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) u l-emendi futuri tiegħu.

Saru żewġ dikjarazzjonijiet b’rabta ma’ dan ir-Regolament u jistgħu jinstabu fil-ĠU C, C/2023/1340, 7.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1340/oj u fil-ĠU C, C/2023/1341, 7.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1341/oj.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2675/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)