European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2668

30.11.2023

DIRETTIVA (UE) 2023/2668 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Novembru 2023

li temenda d-Direttiva 2009/148/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema mir-riskji għas-sikurezza u għas-saħħa tagħhom mill-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol. F’dik id-Direttiva huwa pprovdut livell konsistenti ta’ protezzjoni mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol permezz ta’ qafas ta’ prinċipji ġenerali li jippermetti li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. L-għan ta’ dawk ir-rekwiżiti minimi huwa li jipproteġu lill-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet aktar stretti mill-Istati Membri.

(2)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema fir-rigward għas-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol.

(3)

L-asbestos huwa aġent karċinoġeniku perikoluż ħafna, li għadu jaffettwa setturi ekonomiċi varji, bħar-rinnovazzjoni tal-bini, l-estrazzjoni u l-barrieri, l-immaniġġar tal-iskart u t-tifi tan-nar, li fihom il-ħaddiema jinsabu f’riskju għoli li jkunu esposti. L-asbestos huwa kklassifikat bħala karċinoġenu kategorija 1 A skont l-Anness VI, il-Parti 3, għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Skont l-istatistika Ewropea dwar il-mard relatat max-xogħol, huwa bil-bosta l-kawża ewlenija tal-kanċer relatat max-xogħol, b’mhux anqas minn 78 % tal-kanċers relatati max-xogħol rikonoxxuti fl-Istati Membri bħala relatati mal-espożizzjoni għall-asbestos. Meta jittieħdu bin-nifs, il-fibri tal-asbestos fl-ajru jistgħu jwasslu għal mard serju bħal mesoteljoma u kanċer tal-pulmun, u l-ewwel sinjali tal-marda jistgħu jieħdu medja ta’ 30 sena mill-mument tal-espożizzjoni sabiex jidhru, u fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal imwiet relatati max-xogħol. Din id-Direttiva, għalhekk, tapplika għall-attivitajiet kollha, inkluż ix-xogħol ta’ kostruzzjoni, rinnovazzjoni u demolizzjoni, l-immaniġġar tal-iskart, l-estrazzjoni u t-tifi tan-nar, li matulhom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti għat-trab li jinħoloq mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos waqt li jkunu qed iwettqu xogħolhom.

(4)

F’konformità mal-approċċ “Saħħa fil-Politiki Kollha”, il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema mill-espożizzjoni għall-asbestos għandha dimensjoni trażversali u hija rilevanti għal bosta politiki u attivitajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-ambjent, meta l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. L-Unjoni għandha wkoll rwol importanti x’tiżvolġi fil-livell internazzjonali biex tmexxi bl-eżempju fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ mard relatat mal-asbestos u ta’ ħidma ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi oħra biex tinkiseb projbizzjoni globali tal-asbestos. Barra minn hekk, din id-Direttiva tapplika f’sinerġija ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni.

(5)

Hemm tipi ta’ espożizzjoni għall-asbestos li ma jirriżultawx mit-trattament attiv tal-asbestos. Tali tipi ta’ espożizzjoni jinkludu l-espożizzjoni passiva, fejn il-ħaddiema li jaħdmu jew fil-viċinanza ta’ xi ħadd li jaħdem b’materjali li fihom l-asbestos, jew f’bini fejn il-materjali li fihom l-asbestos ikunu qed jiddegradaw fl-istrutturi tal-bini, li jkunu esposti għall-asbestos, u l-espożizzjoni sekondarja, fejn persuni jkunu esposti għall-fibri tal-asbestos li jinġiebu lura d-dar minn individwi esposti fuq ix-xogħol l-aktar mill-ħwejjeġ jew mix-xagħar tagħhom. Kemm l-espożizzjoni passiva kif ukoll dik sekondarja jista’ jkollhom impatti sinifikanti fuq is-saħħa. Għalkemm il-forom kollha ta’ asbestos ġew ipprojbiti fl-Unjoni, l-asbestos għadu preżenti f’xi strutturi, b’mod partikolari fil-bini li kien mibni qabel il-projbizzjoni, li jista’ jwassal għal espożizzjoni kemm fuq ix-xogħol u kemm le jekk materjali li fihom l-asbestos fil-bini jiġu disturbati jew imħassra. L-evitar tal-espożizzjoni għall-asbestos, fi kwalunkwe forma, għalhekk jibqa’ imperattiv. Fir-rigward tal-espożizzjoni passiva tal-ħaddiema għall-asbestos, id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (7) u d-Direttiva 2009/148/KE jirrikjedu li l-impjegaturi jkunu fil-pussess ta’ valutazzjoni tar-riskji kollha għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tagħhom billi jidentifikaw perikli potenzjali, inklużi dawk li jirriżultaw mill-espożizzjoni passiva għall-asbestos, u jistabbilixxu l-miżuri preventivi u protettivi meħtieġa għall-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema, filwaqt li l-prinċipju tal-evitar tar-riskju jkun dejjem il-bażi primarja għal kwalunkwe miżura li għandha tiġi implimentata. Fir-rigward ta’ espożizzjoni sekondarja għall-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos, ir-rekwiżiti tas-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol previsti f’din id-Direttiva huma mezzi importanti li bihom jiġi evitat espożizzjoni bħal din.

(6)

In-nisa huma f’riskju partikolari għal ċerti tipi ta’ espożizzjoni għall-asbestos, inkluż espożizzjoni sekondarja. Id-distribuzzjoni skont il-ġeneru tal-attivitajiet fuq il-post tax-xogħol tikkostitwixxi fattur ta’ riskju għall-monitoraġġ, id-dijanjożi, it-trattament u r-rikonoxximent tal-mard relatat mal-asbestos. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn il-ġeneri fl-espożizzjoni għall-asbestos u l-kumplikazzjonijiet fis-saħħa wara tali espożizzjoni, sabiex jipprevjenu u jidentifikaw aħjar il-mard ikkawżat minn tali espożizzjoni.

(7)

Wara żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi l-ġodda fil-qasam, hemm lok sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema esposti għall-asbestos u b’hekk titnaqqas il-probabbiltà li l-ħaddiema esposti jaqbadhom mard relatat mal-asbestos. Billi l-asbestos ma huwiex karċinoġenu b’livell limitu, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġi identifikat l-livell li taħtu l-espożizzjoni ma jwassalx għal effetti negattivi għas-saħħa. Minflok, tista’ tiġi stabbilita relazzjoni bejn l-espożizzjoni u r-riskju, li tiffaċilita l-istabbiliment tal-limitu tal-valur ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol (limitu tal-valur) billi jitqies livell aċċettabbli ta’ riskju eċċessiv. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-limitu tal-valur u l-metodoloġija tal-kejl għall-asbestos jiġu riveduti sabiex jitnaqqas ir-riskju billi jitnaqqsu l-livelli ta’ espożizzjoni biex titjieb il-protezzjoni tal-ħaddiema minn mard tal-asbestos relatat max-xogħol.

(8)

Id-deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/148/KE għal espożizzjoni sporadika u ta’ intensità baxxa prevista f’dik id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax għal karċinoġenu mingħajr livell limitu bħall-asbestos fir-rigward tar-rekwiżiti relatati mar-reġistrazzjoni tal-espożizzjoni u s-sorveljanza medika tal-ħaddiema stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(9)

Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, ppreżentat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta’ Frar 2021, jappoġġa l-ħtieġa għal azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra sustanzi karċinoġeniċi. Protezzjoni mtejba tal-ħaddiema esposti għall-asbestos hija mportanti wkoll fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża, b’mod partikolari, l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa, imnedija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020. Ir-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li dam minn April 2021 sa Mejju 2022, enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, b’mod partikolari r-reviżjoni tad-Direttiva 2009/148/KE.

(10)

Fil-qafas tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa, li l-għan tagħha huwa li tiddekarbonizza l-bini, tindirizza l-faqar enerġetiku u tagħti spinta lis-sovranità tal-Unjoni permezz tal-effiċjenza enerġetika, huwa essenzjali li t-tneħħija u r-rimi sikuri ta’ materjali li fihom l-asbestos ikunu prijorità, minħabba li t-tiswija, il-manutenzjoni, l-inkapsulament jew l-issiġillar jistgħu jwasslu għall-posponiment tat-tneħħija, li jista’, min-naħa tiegħu, jipperpetwa r-riskji tal-espożizzjoni tal-ħaddiema. Għalhekk, jenħtieġ li l-impjegaturi, meta jivvalutaw jekk kwalunkwe attività tinvolvix jew x’aktarx tinvolvi riskju ta’ espożizzjoni għall-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos, jikkunsidraw it-tneħħija totali tal-asbestos bħala għażla preferuta fuq kwalunkwe attività oħra ta’ trattament, kull meta din tkun fattibbli u ta’ benefiċċju għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Barra minn hekk, il-ħaddiema li huma, jew li x’aktarx ikunu, esposti għall-asbestos jeħtieġ li jiġu mħarrġa b’mod urġenti. Sabiex jiġu żgurati rekwiżiti minimi għal taħriġ ta’ kwalità għolja, jenħtieġ li jiġi previst anness għad-Direttiva 2009/148/KE għal rekwiżiti minimi ta’ taħriġ, inklużi rekwiżiti speċifiċi, għal ħaddiema f’impriżi speċjalizzati tat-tneħħija tal-asbestos.

(11)

Limitu tal-valur vinkolanti ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol għall-asbestos, li ma jistax jinqabeż, huwa komponent importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema, stabbiliti bid-Direttiva 2009/148/KE, minbarra l-miżuri xierqa ta’ mmaniġġar tar-riskji u għall-provvista ta’ tagħmir respiratorju u ta’ tagħmir ta’ sikurezza personali ieħor adegwati.

(12)

Jenħtieġ li l-valur ta’ limitu għall-asbestos stabbilit fid-Direttiva 2009/148/KE jiġi rivedut fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-evidenza xjentifika u tad-data teknika reċenti. Huma meħtieġa miżuri preventivi u protettivi msaħħa biex dak il-valur ta’ limitu rivedut jiġi implimentat fl-Istati Membri.

(13)

Jenħtieġ li f’din id-Direttiva jiġi stabbilit limitu tal-valur rivedut fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inkluża data xjentifika u teknika aġġornata fuq l-effetti tas-saħħa, u dan jenħtieġ li jkun ibbażat fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u tad-disponibbiltà tal-protokolli u tat-tekniki għall-kejl tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun ibbażata fuq l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u fuq l-opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH), stabbilit b’Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 (9).

(14)

It-teknoloġiji disponibbli attwali għall-kejl tal-fibri tal-asbestos ma jippermettux il-kejl f’konċentrazzjonijiet baxxi ħafna meta jingħaddu fibri rqaq. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema filwaqt li titqies kif xieraq il-fattibbiltà tal-kejl, meta jintużaw teknoloġiji bħal dawn, għalhekk, jenħtieġ li ssir għażla dwar jekk għandhomx jingħaddu fibri rqaq jew jekk għandhomx jiġu applikati limiti ta’ konċentrazzjoni baxxi. Xi Stati Membri għażlu limitu tal-valur aktar baxx mingħajr ma jingħaddu fibri irqaq, filwaqt li oħrajn għażlu limitu tal-valur ogħla filwaqt li jingħaddu l-fibri rqaq. Bl-għan li jiġi garantit approċċ ibbilanċjat, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti tal-valuri differenti, li jiddependu mid-daqs tal-fibra li jitqies għall-finijiet tal-kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja, jiġifieri fibri b’wisa’ ta’ bejn 0,2 u 3 mikrometri kif ukoll, mill-mument tat-tranżizzjoni teknoloġika għall-mikroskopija tal-elettroni, fibri b’wisa’ ta’ inqas minn 0,2 mikrometri.

(15)

Filwaqt li jitqiesu l-għarfien espert xjentifiku rilevanti u approċċ ibbilanċjat li jiżgura fl-istess ħin, il-protezzjoni adegwata tal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti tal-valuri riveduti, li, skont il-metodu tal-għadd tal-fibri użat fl-Istat Membru partikolari, jenħtieġ li jkunu ugwali għal 0,002 fibri għal kull cm3 meta jingħaddu fibri b’wisa’ ta’ bejn 0,2 u 3 mikrometri, jew 0,01 fibri għal kull cm3, meta jingħaddu wkoll fibri b’wisa’ ta’ inqas minn 0,2 mikrometri, bħala medja ponderata skont il-ħin (TWA) ta’ 8 sigħat.

(16)

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji mal-maniġment u mal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hija kkonsultat ukoll lill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH), li adotta opinjoni li pprovdiet informazzjoni għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-għażliet riveduti tal-limiti tal-valuri.. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni fl-20 ta’ Ottubru 2021 (10) li tappella għal proposta biex tiġi aġġornata d-Direttiva 2009/148/KE sabiex jissaħħu l-miżuri tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ħaddiema mit-theddida tal-asbestos.

(17)

Għalkemm il-mikroskopija ottika ma tippermettix li l-irqaq fibri li jagħmlu ħsara lis-saħħa jiġu mgħodda, hija hi l-metodu li bħalissa qed jintuża l-aktar għat-tkejjil normali tal-asbestos. Peress li huwa possibbli li jitkejjel limitu tal-valur ugwali għal 0,01 fibri għal kull cm3 bil-mikroskopija ta’ kuntrast tal-fażi (PCM), mhu meħtieġ l-ebda perjodu tranżitorju għall-implimentazzjoni ta’ dak il-limitu tal-valur. F’konformità mal-opinjoni tal-ACSH, jenħtieġ li jintuża metodu aktar modern u sensittiv bbażat fuq il-mikroskopija tal-elettroni jew kwalunkwe metodu ieħor li jagħti riżultati ekwivalenti jew aktar preċiżi, filwaqt li tqis il-ħtieġa għal perjodu adegwat ta’ adattament tekniku u għal koerenza akbar bejn il-metodoloġiji differenti applikati bħalissa fl-Unjoni. Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-konformità mar-rekwiżiti l-ġodda relatati mal-kejl tal-fibri tal-asbestos, jenħtieġ li jiġi pprovdut perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ sitt snin. Il-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni tajba biex tappoġġa u tiffaċilita l-Istati Membri fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-metodoloġija, b’mod partikolari matul l-iżvilupp ta’ linji gwida.

(18)

Il-kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja bl-użu ta’ metodi analitiċi bbażati fuq il-mikroskopija tal-elettroni jkun jikkostitwixxi titjib sinifikanti fir-rigward tal-monitoraġġ tal-asbestos peress li jippermetti l-għadd ta’ fibri irqaq. It-tranżizzjoni għal mikroskopija tal-elettroni, jew għal kwalunkwe metodu ieħor li jagħti riżultati ekwivalenti jew aktar preċiżi, tista’ tirriżulta fl-identifikazzjoni ta’ ħafna aktar fibri minn dawk identifikabbli bil-mikroskopija ta’ kuntrast tal-fażi (PCM). L-Istati Membri u l-impjegaturi jeħtieġu iż-żmien biex jiksbu esperjenza fl-għadd tal-fibri mwettaq mill-mikroskopija tal-elettroni, jimplimentaw miżuri preventivi mtejba u jiġbru data ġdida dwar l-espożizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni kkombinata tal-limitu tal-valur u tal-metodu bbażat fuq il-mikroskopija tal-elettroni. Dik l-esperjenza se tkun ta’ importanza sabiex titwitta t-triq għall-valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ tnaqqis ulterjuri tal-limiti tal-valuri.

(19)

Il-kampjunament tal-asbestos jenħtieġ li jirrifletti għall- l-espożizzjoni personali tal-ħaddiem għall-asbestos. Jenħtieġ għalhekk li l-kampjuni jittieħdu f’intervalli regolari matul fażijiet operattivi speċifiċi f’sitwazzjonijiet rappreżentattivi u realistiċi li fihom il-ħaddiema jkunu esposti għat-trab tal-asbestos.

(20)

Filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti għall-minimizzazzjoni tal-espożizzjoni stabbiliti fid-Direttivi 2009/148/KE u 2004/37/KE, jenħtieġ li l-impjegaturi jiżguraw li r-riskji relatati mal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-asbestos fuq ix-xogħol jitnaqqsu għall-minimu u, fi kwalunkwe każ, għal livell kemm jista’ jkun teknikament baxx.

(21)

Hemm bżonn ta’ miżuri u ta’ prekawzjonijiet speċjali ta’ kontroll, inkluż bl-użu ta’ teknoloġija tal-ogħla livell, għall-ħaddiema esposti jew li x’aktarx ikunu esposti għall-asbestos għal konċentrazzjonijiet aktar baxxi ta’ asbestos, fibri fl-arja għall-inqas livell li huwa teknikament possibbli taħt il-limitu tal-valur, permezz ta’ miżuri bħall-ġbid tat-trab fis-sors u t-tindif u l-manutenzjoni tal-bini. Għax-xogħol f’post magħluq, huma meħtieġa miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema, bħas-soppressjoni tat-trab, il-provvista tal-arja friska u l-użu ta’ filtri HEPA. Li l-ħaddiema jiġu soġġetti għal proċedura ta’ dekontaminazzjoni u li jissaħħu r-rekwiżiti tat-taħriġ relatat huma elementi importanti, bħala kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tar-riskji relatati ma’ tali espożizzjoni.

(22)

Il-miżuri preventivi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema esposti għall-asbestos u l-impenn previst għall-Istati Membri fir-rigward tas-sorveljanza tas-saħħa tagħhom huma importanti, b’mod partikolari l-issoktar tas-sorveljanza tas-saħħa wara t-tmiem tal-espożizzjoni. Jenħtieġ li l-Anness I għad-Direttiva 2009/148/KE, relatat mas-sorveljanza medika tal-ħaddiema, jiġi aġġornat fid-dawl tal-għarfien attwali dwar il-mard li jista’ jiġi kkawżat mill-espożizzjoni għall-asbestos. Huwa importanti li l-Anness I jiġi rivedut regolarment biex jirrifletti l-evoluzzjoni tal-għarfien xjentifiku.

(23)

Sistema ta’ notifika hija importanti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jissorveljaw ix-xogħlijiet li matulhom l-asbestos jista’ jitħarrek u li tippermetti, meta jkun xieraq, l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema involuti.

(24)

Jenħtieġ li l-impjegaturi jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jidentifikaw materjali li fihom l-asbestos preżunti, jekk ikun xieraq billi jiksbu informazzjoni mingħand is-sidien tal-bini kif ukoll minn sorsi oħrajn ta’ informazzjoni, inklużi r-reġistri rilevanti. Jekk tali informazzjoni ma tkunx disponibbli, l-impjegatur jenħtieġ li jiżgura li eżaminazzjoni, minn operatur kwalifikat, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, tal-okkorrenza ta’ materjali li fihom l-asbestos jiġi mwettaq u jenħtieġ li jikseb ir-riżultat ta’ tali eżami qabel il-bidu tax-xogħol. Abbażi tal-informazzjoni li jirċievi, jenħtieġ li l-impjegatur jirrekordja, qabel il-bidu ta’ kwalunkwe proġett ta’ tneħħija tal-asbestos, jew ta’ kwalunkwe demolizzjoni, manutenzjoni jew xogħol ta’ rinnovazzjoni, informazzjoni relatata mal-preżenza jew il-preżenza preżunta ta’ asbestos f’bini, f’vapuri, f’inġenji tal-ajru jew f’installazzjonijiet oħra li jkunu nbnew qabel id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni mill-Istat Membru tal-asbestos. Huwa importanti li l-impjegaturi jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-ħaddiema li jistgħu jkunu esposti għall-asbestos bħala riżultat tal-ħidma tagħhom bih, tax-xogħol ta’ manutenzjoni jew ta’ attivitajiet oħrajn. L-identifikazzjoni ta’ materjali li fihom l-asbestos jenħtieġ li ma tassolvix l-impjegatur milli iwettaq valutazzjoni tar-riskju kif previst f’din id-Direttiva.

(25)

Jenħtieġ li d-Direttiva 2009/148/KE tiġi aġġornata regolarment biex jitqiesu l-aħħar għarfien xjentifiku u żviluppi tekniċi. Kwalunkwe aġġornamenti bħal dawn jenħtieġ li jqisu valutazzjoni ta’ tipi differenti ta’ fibri tal-asbestos u l-effetti negattivi tagħhom fuq is-saħħa. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni li jmiss skont l-Artikolu 22 ta’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk hemmx il-ħtieġa li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, b’mod partikolari tal-erionite, ir-riebeckite, il-winchite, ir-richterite u l-fluoro-edenite, u jekk hemmx il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni kontra l-espożizzjoni sekondarja għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha, wara l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali. Dak ir-rapport jenħtieġ li jkun akkumpanjat, jekk xieraq, bi proposta leġiżlattiva biex id-Direttiva 2009/148/KE tiġi emendata kif xieraq.

(26)

Hemm bżonn li jiġi pprovdut appoġġ tekniku suffiċjenti u ffukat biex jgħin lill-impjegaturi, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jimplimentaw din id-Direttiva.

(27)

Qabel ma jwettqu xogħol ta’ twaqqigħ jew tneħħija tal-asbestos, l-impriżi jenħtieġ li jiksbu mill-awtoritajiet kompetenti permessi li huma rinnovabbli f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

(28)

Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar u l-persunal tas-servizzi ta’ emerġenza huma f’riskju li għall-espożizzjoni għall-asbestos matul xogħolhom. Għalhekk huwa importanti li l-impjegaturi ta’ dawk il-ħaddiema jivvalutaw, f’konformità ma’ din id-Direttiva, ir-riskju ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema għall-asbestos u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu s-sikurezza u s-saħħa ta’ dawk il-ħaddiema. Sabiex l-impjegaturi jiġu appoġġati fit-teħid ta’ tali miżuri, huwa importanti li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida, li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-attivitajiet ta’ dawk il-ħaddiema u l-informazzjoni relatata mar-riskji tal-espożizzjoni tagħhom. Tali linji gwida jenħtieġ li jibnu fuq l-aħjar prattiki disponibbli fl-Istati Membri u fuq il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Għal dak il-fini jenħtieġ li jiġi stabbilit skambju aktar sistematiku tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

(29)

Huwa importanti li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-ACSH, tiżviluppa u toħroġ linji gwida mhux aktar tard minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk il-linji gwida, meta jkun xieraq, jinkludu soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur. Dawk il-linji gwida jenħtieġ li jinkludu wkoll indikazzjonijiet għall-impjegaturi dwar kif għandha tingħata prijorità lit-tneħħija tal-asbestos jew tal-materjali li fihom l-asbestos fuq forom oħra ta’ mmaniġġar tal-asbestos meta jiġi vvalutat ir-riskju ta’ espożizzjoni għall-asbestos jew għall-materjali li fihom l-asbestos. Dawk il-linji gwida jenħtieġ, jekk ikun xieraq, li jiġu rieżaminati kull ħames snin fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi dwar it-teknoloġija tal-identifikazzjoni, tal-kejl u tat-twissija tal-asbestos.

(30)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mhux biss qed tikkawża tbatija għall-poplu Ukren iżda qed tikkawża wkoll ħsara konsiderevoli lill-infrastruttura, id-djar u l-ambjent mibni b’mod aktar ġenerali. Peress li l-Ukrajna ma pprojbietx l-użu tal-asbestos qabel l-2017, ir-rikostruzzjoni futura tal-pajjiż toħloq riskju sinifikanti għall-ħaddiema, b’mod partikolari dawk li jittrattaw it-tifrik. Huwa importanti, għalhekk, li l-impjegaturi Ukreni jqisu kif xieraq ir-riskji għall-ħaddiema għall-espożizzjoni għall-asbestos meta jwettqu attivitajiet ta’ bini mill-ġdid f’pajjiżi terzi.

(31)

Fid-dawl taż-żieda futura fir-rinnovazzjonijiet termali tal-bini, huwa ħtieġa kruċjali li jiġu appoġġati r-riċerka u l-iżvilupp sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-ħaddiema li huma jew li jistgħu jkunu esposti għall-asbestos.

(32)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-sikurezza u għas-saħħa tagħhom li jirriżultaw minn jew li x’aktarx jistgħu jirriżultaw minn espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol, li jinkludi l-prevenzjoni ta’ dawn ir-riskji, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(33)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2009/148/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/148/KE

Id-Direttiva 2009/148/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandhom japplikaw kull fejn jkunu aktar favorevoli għas-sikurezza u għas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

(*1)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol (Is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).;"

(2)

l-Artikolu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “asbestos” tfisser is-sustanzi u l-materjali tal-fibra li ġejjin, li huma klassifikati bħala karċinoġeni 1 A skont l-Anness VI, il-Parti 3 għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2):

(a)

asbestos, aċtinolit, CAS Nru (*3) 77536-66-4;

(b)

asbestos, amosit (grunerit), CAS Nru 12172-73-5;

(c)

asbestos, anthofillit, CAS Nru 77536-67-5;

(d)

asbestos, krisotil, CAS Nru 12001-29-5;

(e)

asbestos, kroċidolit, CAS Nru 12001-28-4;

(f)

asbestos, tremolit, CAS Nru 77536-68-6.

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1)."

(*3)  Numru fil-Chemical Abstract Service (CAS).;"

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-każ ta’ kwalunkwe attività li x’aktarx tinvolvi xi riskju li jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew xi materjali li fihom l-asbestos, dak ir-riskju għandu jiġi stmat b’mod li tiġi stabbilita n-natura kif ukoll il-grad tal-espożizzjoni għat-trab li ġej mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos u li jipprijoritizzaw it-tneħħija ta’ asbestos jew materjali li fihom l-asbestos minn forom oħra ta’ trattament tal-asbestos.”

;

(b)

fil-paragrafu 3, il-parti introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

“3.   Sakemm l-espożizzjoni tal-ħaddiema tkun sporadika u ta’ intensità baxxa, u meta jkun ċar mir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li l-limitu tal-valur rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 8 mhux se jinqabeż fl-arja taż-żona tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 4 meta x-xogħol jinvolvi:”;

(4)

fl-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“In-notifika għandha tinkludi tal-inqas deskrizzjoni qasira ta’:

(a)

fejn jinsab is-sit tax-xogħol u, meta rilevanti, iż-żoni speċifiċi fejn se jitwettaq ix-xogħol;

(b)

it-tip u l-kwantità ta’ asbestos użati jew immaniġġati;

(c)

l-attivitajiet u l-proċessi involuti, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni u d-dekontaminazzjoni tal-ħaddiema, ir-rimi tal-iskart u, meta jkun rilevanti, l-iskambju tal-arja fix-xogħol f’post magħluq;

(d)

in-numru ta’ ħaddiema involuti, lista tal-ħaddiema li x’aktarx jiġu assenjati fuq is-sit ikkonċernat, iċ-ċertifikati ta’ taħriġ individwali tal-ħaddiema u d-data tal-aħħar valutazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema skont l-Artikolu 18;

(e)

id-data tal-bidu tax-xogħol u t-tul ta’ żmien tax-xogħol;

(f)

miżuri meħuda, inkluża ħarsa ġenerali tat-tagħmir użat, biex jillimita l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-asbestos.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jżommu l-informazzjoni msemmija fil-punt (d) tat-tieni subparagrafu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għal mhux aktar minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet li jiġi żgurat li l-ħaddiema li jwettqu xogħol relatat mal-asbestos ikunu mħarrġa kif xieraq, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-effetti fit-tul tal-asbestos fuq is-saħħa tal-ħaddiema.”;

(5)

l-Artikolu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Għall-attivitajiet kollha msemmijin fl-Artikolu 3(1), l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal trab li joħroġ mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol għandha titnaqqas għal minimu u, f’kull każ, għall-aktar livell baxx teknikament possibbli taħt il-limitu tal-valur rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 8, b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

in-numru ta’ ħaddiema esposti jew x’aktarx li jkunu esposti għat-trab li joħroġ mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos għandu jkun limitat għall-figura l-aktar baxxa possibbli;

(b)

il-proċessi tax-xogħol għandhom ikunu disinjati sabiex ma jipproduċux trab tal-asbestos jew, jekk dan ikun impossibbli, li jiġi evitat ir-rilaxx ta’ trab tal-asbestos fl-arja billi jittieħdu miżuri bħal:

(i)

is-soppressjoni tat-trab tal-asbestos;

(ii)

il-ġbid tat-trab tal-asbestos fis-sors;

(iii)

is-sedimentazzjoni kontinwa tal-fibri tal-asbestos sospiżi fl-arja;

(ba)

il-ħaddiema għandhom ikunu soġġetti għal proċedura xierqa ta’ dekontaminazzjoni;

(bb)

għal xogħol imwettaq f’post magħluq, għandha tiġi żgurata protezzjoni adegwata;

(c)

il-postijiet kollha u t-tagħmir involut fit-trattament tal-asbestos għandhom ikunu kapaċi jitnaddfu u jiġu mantnuti regolarment u effettivament u jkunu soġġetti għal tindif u manutenzjoni regolari;

(d)

l-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos li jiġġenera t-trab għandu jinħażen u jiġi ttrasportat f’pakketti ssiġillati kif xieraq;

(e)

l-iskart, għajr skart li jirriżulta minn attivitajiet tal-estrazzjoni, għandu jinġabar u jitneħħa mill-post tax-xogħol kemm jista’ jkun malajr f’pakketti ssiġillati kif xierqa b’tikketti li jindikaw li jkun fihom l-asbestos u għandu imbagħad jiġi ttrattat f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

(*4)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).”;"

(6)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Skont ir-riżultati tal-stima inizjali tar-riskju, u sabiex tiġi assigurata konformità mal-limitu tal-valur rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 8, il-kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja fil-post tax-xogħol għandu jitwettaq regolarment matul fażijiet operazzjonali speċifiċi.

2.   Il-kampjunament għandu jirrifletti l-espożizzjoni personali tal-ħaddiem għal trab li joħroġ mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos.”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5.   Id-durata tal-kampjunament għandu jkun b’tali mod li l-espożizzjoni rappreżentattiva tista’ tiġi stabbilita għal perjodu ta’ referenza ta’ 8 sigħat (xift wieħed) permezz ta’ kejl jew kalkoli peżati skont il-ħin.”

;

(c)

il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-għadd tal-fibri għandu jsir permezz ta’ mikroskopija elettronika jew minn metodu alternattiv li jipprovdi riżultati ekwivalenti jew riżultati aktar preċiżi.”

;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Għall-fini tal-kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja, kif imsemmi fl-ewwel paragrafu, għandhom jiġu kkunsidrati biss dawk il-fibri b’tul ta’ aktar minn 5 mikrometri, wisa’ ta’ inqas minn 3 mikrometri u proporzjon ta’ tul/wisa’ akbar minn 3:1.

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fibri b’wisa’ ta’ inqas minn 0,2 mikrometru għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), il-punt (a), mill-21 ta’ Diċembru 2029.”

;

(7)

l-Artikolu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Sal-20 ta’ Diċembru 2029, l-impjegaturi għandhom jiżguraw li ebda ħaddiem ma jiġi espost għall-konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja li teċċedi ż-0,01 fibri kull cm3 fuq medja ta’ perjodu ponderat skont il-ħin (TWA) ta’ 8 sigħat.

2.   Mill-21 ta’ Diċembru 2029 , l-impjegaturi għandhom jiżguraw li ebda ħaddiem ma jiġi espost għal konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja li teċċedi:

(a)

0,01 fibri għal kull cm3 fuq TWA ta’ 8 sigħat f’konformità mal-Artikolu 7(7), it-tieni subparagrafu; jew

(b)

0,002 fibri għal kull cm3 fuq TWA ta’ 8 sigħat.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jkunu soġġetti għal mill-inqas wieħed mil-limiti tal-valuri stabbiliti fil-paragrafu 2.”;

(8)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta l-limitu tal-valur rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 8 jinqabeż, jew jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-materjali li fihom l-asbestos u li ma ġewx identifikati qabel ix-xogħol ikunu tħarrku b’mod li ġie ġġenerat it-trab, ix-xogħol għandu jieqaf immedjatament.

Ma għandux jibqa’ jsir xogħol fiż-żona affettwata sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ħaddiema kkonċernati.

Meta l-limitu tal-valur rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 8 jinqabeż, ir-raġunijiet għaliex il- limitu tal valur ikun inqabeż għandhom jiġu identifikati u miżuri adattati biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni għandhom jittieħdu mill-aktar fis possibbli.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta l-espożizzjoni ma tistax titnaqqas b’mezzi oħra u meta l-konformità mal-limitu tal-valur teħtieġ l-ilbies ta’ apparat respiratorju individwali protettiv, dan ma għandux ikun permanenti u għandu jinżamm għall-minimu strett meħtieġ għal kull ħaddiem. Matul perjodi ta’ xogħol li jeħtieġu l-użu ta’ dak l-apparat, għandha ssir dispożizzjoni għal perjodi regolari ta’ mistrieħ adattati għall-kundizzjonijiet fiżiċi u klimatoloġiċi u, meta jkun rilevanti, b’konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment, skont il-liġijiet u l-prattika nazzjonali.”

;

(9)

fl-Artikolu 11, l-ewwel paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Qabel ma jibda ix-xogħol ta’ demolizzjoni, ta’ manutenzjoni jew ta’ rinnovazzjoni f’postijiet mibnija qabel il-projbizzjoni tal-Istat Membru tal-asbestos daħlet fis-seħħ, l-impjegaturi għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jidentifikaw materjali li fihom l-asbestos preżunti, billi b’mod partikolari jiksbu informazzjoni mingħand is-sidien tal-bini, minn impjegaturi oħra u minn sorsi oħrajn, inklużi r-reġistri rilevanti. Jekk tali informazzjoni ma tkunx disponibbli, l-impjegatur jenħtieġ li jiżgura eżaminazzjoni, minn operatur kwalifikat f’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali, tal-okkorrenza ta’ materjali li fihom l-asbestos u għandu jikseb ir-riżultat ta’ tali eżami qabel il-bidu tax-xogħol. L-impjegatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impjegatur ieħor, fuq talba u unikament għall-fini tal-konformità mal-obbligu stabbilit f’dan il-paragrafu, kwalunkwe informazzjoni miksuba fi ħdan il-qafas ta’ tali eżami.”;

(10)

fl-Artikolu 12, l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Fil-każ ta’ ċerti attivitajiet bħal xogħol ta’ demolizzjoni, ta’ tneħħija tal-asbestos, tiswija u manutenzjoni li fir-rigward tagħhom ikun previst li l-limitu tal-valur rilevanti kif stabbilitfl-Artikolu 8 se jinqabeż minkejja l-użu ta’ miżuri tekniċi preventivi possibbli kollha għall-illimitar ta’ konċentrazzjonijiet ta’ asbestos fl-arja, l-impjegatur għandu jistabbilixxi l-miżuri maħsuba biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema waqt li jkunu qed jaħdmu f’dawk l-attivitajiet, b’mod partikolari dan li ġej:”;

(b)

il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-ħaddiema għandu jinħarġilhom apparat adattat personali protettiv li jintlibes, li jiġi mmaniġġat b’mod xieraq u, b’mod partikolari fir-rigward tat-tagħmir respiratorju, li għandu jiġi aġġustat individwalment, inkluż permezz ta’ kontrolli tat-twaħħil, f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE (*5);

(*5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 393, 30.12.1989, p. 18).”;"

(c)

il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

it-tixrid ta’ trab li joħroġ mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos barra l-post jew is-sit tal-azzjoni għandu jkun evitat, u għal xogħol imwettaq f’post magħluq, iż-żona magħluqa għandha tkun airtight u vventilata permezz ta’ estrazzjoni mekkanika.”;

(11)

fl-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

meta x-xogħol ta’ demolizzjoni jew tneħħija tal-asbestos ikun tlesta, l-assenza ta’ riskji ta’ espożizzjoni għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol għandha tiġi verifikata f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali qabel ikomplu attivitajiet oħra.”;

(12)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-kontenut tat-taħriġ għandu jkun jiftiehem faċilment mill-ħaddiema. Għandu jippermettilhom jiksbu l-għarfien u l-kapaċitajiet meħtieġa f’termini ta’ prevenzjoni u sikurezza f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali applikabbli fejn isir ix-xogħol.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kontenut, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tat-taħriġ ipprovdut skont dan l-Artikolu u d-dokumentazzjoni relatat magħhom huma stabbiliti fl-Anness Ia.”

;

(13)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

“Artikolu 15

1.   L-impriżi li jkollhom l-intenzjoni li jwettqu xogħol ta’ demolizzjoni jew tneħħija tal-asbestos għandhom jiksbu permess mill-awtorità kompetenti qabel il-bidu tax-xogħlijiet. Għal dak il-fini, huma għandhom jipprovdu lil dik l-awtorità kompetenti mill-inqas prova ta’ konformità mal-Artikolu 6 u ċertifikati li jindikaw it-tlestija tat-taħriġ f’konformità mal-Artikolu 14 u l-Anness Ia.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-lista ta’ entitajiet li kisbu permess skont il-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.”;

(14)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 1 huwa mħassar;

(15)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 18c

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li jmiss f’konformità mal-Artikolu 22, jekk hemmx ħtieġa li tiġi aġġornata l-lista ta’ silikati fibrużi stabbilita fl-Artikolu 2 fid-dawl tal-għarfien xjentifiku kif ukoll għal miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni kontra l-espożizzjoni sekondarja għall-asbestos fuq ix-xogħol.

2.   Wara l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u wara konsultazzjoni mal-ACSH, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk huwiex xieraq jew meħtieġ li tiġi aġġornata l-lista ta’ silikati fibrużi stabbilita fl-Artikolu 2. Il-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod partikolari jekk huwiex xieraq li jiġu inklużi silikati fibrużi addizzjonali, bħal erionite, riebeckite, winchite, richterite u fluoro-edenite, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, kif ukoll jekk huwiex xieraq li jiġu adottati miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni kontra l-espożizzjoni sekondarja għall-asbestos fuq ix-xogħol. Il-Kummissjoni għandha, meta xieraq, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposti leġiżlattivi f’dak ir-rigward.”;

(16)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa mħassar;

(b)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-impjegatur għandu jdaħħal l-informazzjoni dwar il-ħaddiema involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) f’reġistru. Dik l-informazzjoni għandha tindika n-natura u d-durata tal-attività u tal-espożizzjoni li għaliha ikunu ġew soġġetti. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika għandu jkollhom aċċess għal dan ir-reġistru. Il-ħaddiema għandu jkollhom aċċess għar-riżultati fir-reġistru li jkollhom x’jaqsmu miegħu personalment. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni anonima u kollettiva fir-reġistru.”

;

(17)

l-Artikolu 21 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru tal-każijiet kollha ta’ mard fuq ix-xogħol relatat mal-asbestos li tkun saritlu dijanjożi medika. Lista indikattiva ta’ mard li jista’ jiġi kkawżat minn espożizzjoni għall-asbestos hija stabbilita fl-Anness I.”;

(18)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2028, l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà ta’ tnaqqis ulterjuri tal- limiti tal-valuri abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri sottomessi skont l-Artikolu 22, id-disponibbiltà ta’ evidenza xjentifika, l-iżviluppi tekniċi u r-relazzjoni bejn metodi analitiċi ġodda u l-limitu tal-valur numeriku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ tekniku xieraq lill-impjegaturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, u informazzjoni dwar il-fondi rilevanti tal-Unjoni, bil-għan li jassistu lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu ta’ dawk il-fondi, u jiffaċilitaw l-aċċess għalihom, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji, inklużi l-mikrointrapriżi.”;

(19)

fl-Anness I, il-punt 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.

It-tagħrif attwali jindika li l-espożizzjoni għall-fibri ħielsa tal-asbestos tista’ ġġib tal-anqas il-mard li ġej:

asbestożi,

mesoteljoma,

karċinoma tal-pulmun,

karċinoma gastrointestinali,

karċinoma tal-larinġi,

karċinoma tal-ovarji,

mard mhux malinn fil-plewra.”;

(20)

it-test stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva jiddaħħal bħala Anness Ia.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-21 ta’ Diċembru 2025. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1, il-punt (6)(c) u (d) (fir-rigward tal-Artikolu 7(7), it-tieni subparagrafu tad-Direttiva 2009/148/KE) u il-punt (7) (fir-rigward tal-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2009/148/KE), sal-21 ta’ Diċembru 2029. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom, qabel ma jkunu daħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi skont l-ewwel subparagrafu, iwettqu l-għadd tal-fibri kull meta possibbli permezz ta’ mikroskopija ta’ kuntrast tal-fażi (PCM), f’konformità mal-metodu rrakkomandat fl-1997 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, jew bi kwalunkwe metodu ieħor li jipprovdi riżultati ekwivalenti jew aktar preċiżi.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 100, 16.3.2023, p. 118.

(2)   ĠU C 188, 30.5.2023, p. 70.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2023.

(4)  Id-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 28).

(5)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol (Is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1).

(10)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2021 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos (ĠU C 184, 5.5.2022, p. 45).


ANNESS

“ANNESS Ia

Rekwiżiti minimi għat-taħriġ

Il-ħaddiema li jkunu, jew li x’aktarx ikunu, esposti għat-trab mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos għandhom jirċievu taħriġ obbligatorju, li jinkludi tal-anqas ir-rekwiżiti minimi li ġejjin:

(1)

It-taħriġ għandu jingħata fil-bidu ta’ relazzjoni ta’ impjieg u kull meta jiġu identifikati ħtiġijiet ta’ taħriġ addizzjonali.

(2)

It-tul tat-taħriġ għandu jkun adegwat fir-rigward tal-kompiti tal-ħaddiema kkonċernati.

(3)

It-taħriġ għandu jingħata minn istruttur li l-kwalifika tiegħu hija rikonoxxuta f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

(4)

Kull ħaddiem li jkun attenda t-taħriġ b’mod sodisfaċenti għandu jirċievi ċertifikat tat-taħriġ li jindika dawn kollha li ġejjin:

(a)

id-data tat-taħriġ;

(b)

it-tul ta’ żmien tat-taħriġ;

(c)

il-kontenut tat-taħriġ;

(d)

il-lingwa tat-taħriġ;

(e)

l-isem, il-kwalifika u d-dettalji ta’ kuntatt tal-istruttur jew tal-istituzzjoni li jipprovdu t-taħriġ, jew tat-tnejn li huma.

(5)

Il-ħaddiema li jkunu, jew li x’aktarx ikunu, esposti għat-trab mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos għandhom jirċievu taħriġ teoretiku u prattiku rigward tal-anqas dawn li ġejjin:

(a)

il-liġi applikabbli tal-Istat Membru li fih isir ix-xogħol;

(b)

il-proprjetajiet tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, inkluż l-effett sinerġiku tat-tipjip;

(c)

it-tipi ta’ prodott u materjal li x’aktarx ikun fih l-asbestos;

(d)

l-operazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’espożizzjoni għall-asbestos u l-importanza ta’ kontrolli preventivi biex tiġi minimizzata tali espożizzjoni;

(e)

prattiki sikuri ta’ xogħol, kontrolli u apparat protettiv;

(f)

ir-rwol xieraq, l-għażla, is-selezzjoni, il-limitazzjonijiet u l-użu xieraq ta’ tagħmir protettiv, b’mod partikolari t-tagħmir respiratorju;

(g)

il-proċeduri f’emerġenza;

(h)

il-proċeduri ta’ dekontaminazzjoni;

(i)

ir-rimi tal-iskart;

(j)

ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza medika.

It-taħriġ għandu jiġi adattat kemm jista’ jkun mill-qrib għall-karatteristiċi tal-professjoni tal-ħaddiema u l-kompiti u l-metodi ta’ ħidma speċifiċi ta’ dik il-professjoni.

(6)

Il-ħaddiema li jkunu involuti f’xogħol ta’ demolizzjoni jew tneħħija tal-asbestos għandhom ikunu meħtieġa jirċievu taħriġ minbarra t-taħriġ previst skont il-punt (5), dwar l-użu ta’ tagħmir u magni teknoloġiċi biex iżommu r-rilaxx u t-tixrid tal-fibri tal-asbestos matul il-proċessi tax-xogħol, f’konformità ma’ din id-Direttiva.

”.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2668/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)