European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2661

30.11.2023

DIRETTIVA (UE) 2023/2661 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Novembru 2023

li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 intitolata “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” (“l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti”) tidentifika l-varar tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti (“STI”) bħala azzjoni ewlenija għall-kisba ta’ mobbiltà multimodali konnessa u awtomatizzata, u għalhekk tikkontribwixxi għat-trasformazzjoni tas-sistema Ewropea tat-trasport biex jintlaħaq l-objettiv ta’ mobbiltà effiċjenti, sikura, sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti. Din tikkomplementa l-azzjonijiet imħabbra taħt l-istrateġija ewlenija dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija biex titrawwem il-loġistika multimodali. L-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti ħabbret ukoll, għall-2022, reviżjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1926 (3) biex tinkludi l-aċċessibbiltà obbligatorja tas-settijiet ta’ data dinamiċi, kif ukoll valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ azzjoni regolatorja dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-fornituri ta’ servizzi diġitali multimodali flimkien ma’ inizjattiva dwar il-ħruġ ta’ biljetti, inkluż il-ħruġ ta’ biljetti tal-ferrovija. Jenħtieġ li din id-Direttiva tiżgura li l-applikazzjonijiet tas-STI fil-qasam tat-trasport bit-triq jippermettu l-integrazzjoni bla xkiel ma’ modi oħra tat-trasport, bħat-trasport ferrovjarju jew il-mobbiltà attiva, biex b’hekk tiġi ffaċilitata bidla għal dawk il-modi kull meta jkun possibbli, biex jittejbu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà.

(2)

L-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tikkonferma l-objettiv li l-għadd ta’ mwiet għall-modi kollha tat-trasport fl-Unjoni jinġieb qrib iż-żero sal-2050. Diversi azzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-utenti tat-triq, bħal eCall, servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq u servizzi ta’ informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ sikuri u siguri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali, kif ċertifikat f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 (5).

(3)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” tenfasizza r-rwol dejjem akbar tal-mobbiltà multimodali awtomatizzata u konnessa, flimkien ma’ sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tat-traffiku ffaċilitati bid-diġitalizzazzjoni, u l-objettiv li jiġu appoġġati servizzi sostenibbli ġodda tat-trasport u tal-mobbiltà li jistgħu jtejbu l-mobbiltà, inaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis, speċjalment f’żoni urbani, u jrawmu t-tranżizzjoni lejn modi ta’ trasport aktar nodfa billi jippromwovu bidla modali u ġestjoni aħjar tat-traffiku. Biex tiġi appoġġata din l-evoluzzjoni, jista’ jkun iġġustifikat li jiġu kkunsidrati kriterji tekniċi xierqa ta’ skrinjar fil-qafas tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (magħruf ukoll bħala r-regolament dwar it-tassonomija) biex jiġu appoġġati l-investimenti fis-STI.

(4)

Il-ħtieġa dejjem akbar li jsir użu aħjar mid-data biex il-ktajjen tat-trasport isiru aktar sostenibbli, siguri, effiċjenti u reżiljenti, titlob koordinazzjoni mtejba tal-qafas tas-STI ma’ inizjattivi oħra mmirati lejn l-armonizzazzjoni u l-iffaċilitar tal-kondiviżjoni ta’ data fis-setturi tal-mobbiltà, tat-trasport u tal-loġistika b’perspettiva multimodali bħall-Ispazju Komuni Ewropew tad-Data dwar il-Mobbiltà u l-komponenti tiegħu, ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-ħidma li qed issir mill-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali (DTLF), filwaqt li jitqiesu r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

(5)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi diġitalizzat it-trasport bit-triq, li tiżdied is-sikurezza fit-toroq u titnaqqas il-konġestjoni, il-varar u l-użu ta’ sistemi u servizzi ta’ trasport intelliġenti fit-toroq jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar fin-network trans-Ewropew tat-trasport.

(6)

Id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni fit-trasport bit-triq joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg billi jiżviluppaw proġetti ġodda fl-industrija.

(7)

F’ħafna Stati Membri l-applikazzjonijiet nazzjonali tas-sistemi u s-servizzi ta’ trasport intelliġenti diġà qed jiġu varati fis-settur tat-trasport bit-triq. Madankollu, minkejja t-titjib li sar mill-adozzjoni tagħha fl-2010 ’l hawn, l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE sabet nuqqasijiet persistenti li jwasslu biex il-bqija tal-varar ikun frammentat u mhux koordinat u għal nuqqas ta’ kontinwità ġeografika tas-servizzi tas-STI fl-Unjoni kollha u fil-fruntieri esterni tagħha.

(8)

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 (8), (UE) Nru 886/2013 (9), (UE) 2015/962 (10) u (UE) 2017/1926 li jissupplimentaw id-Direttiva 2010/40/UE, l-Istati Membri stabbilew punti ta’ aċċess nazzjonali (NAPs). L-NAPs jorganizzaw l-aċċess għal data relatata mat-trasport u l-użu mill-ġdid tagħha biex jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi tas-STI interoperabbli marbuta mal-ivvjaġġar u t-traffiku fl-UE kollha għall-utenti finali. Jenħtieġ li din id-data relatata mat-trasport tkun disponibbli f’format li jinqara minn magna sa fejn previst minn din id-Direttiva. L-NAPs, flimkien mal-punti ta’ aċċess reġjonali u lokali li jistgħu jeżistu fl-Istati Membri, huma komponent importanti tal-ispazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà taħt l-istrateġija Ewropea għad-data u jenħtieġ li jkunu jistgħu jintużaw b’affidabbiltà b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data. Jenħtieġ li, billi jikkooperaw dwar il-faċilitazzjoni tal-aċċess għad-data permezz tal-NAPs, l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex itejbu l-effettività, l-interoperabbiltà u l-kooperazzjoni tal-NAPs fl-Unjoni kollha kif ukoll biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-utenti tad-data għalihom. Minkejja li l-NAPs qed jitħaddmu fl-Istati Membri kollha, għad hemm il-ħtieġa li tittejjeb id-disponibbiltà tad-data dwar ħafna tipi ta’ data li huma meqjusa kruċjali biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ servizzi essenzjali li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-utenti finali.

(9)

Jenħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet dwar il-varar tas-STI. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-oqsma ta’ prijorità, pereżempju billi tadotta linji gwida biex trawwem il-varar armonizzat u f’waqtu tas-STI fl-Unjoni u biex tissimplifika l-kondiviżjoni tat-tipi ta’ data elenkati fl-Anness III.

(10)

L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jirrikjedi d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà, permezz tal-NAP, ta’ ċerta data statika u dinamika u servizzi relatati mal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fit-territorju kollu tal-Unjoni, biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ informazzjoni mtejba għall-utenti finali. Dik id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll l-adozzjoni ta’ regoli li jikkomplementaw lil dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/670 (12) fir-rigward tal-istandards tat-trażmissjoni, tal-preżentazzjoni u tal-kwalità tad-data.

(11)

Biex ikun żgurat varar koordinat, effettiv u interoperabbli tas-STI fl-Unjoni kollha kemm hi, jenħtieġ li jiddaħħlu speċifikazzjonijiet, inkluż, fejn xieraq, standards, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet u proċeduri dettaljati ulterjuri, b’żieda mal-ispeċifikazzjonijiet diġà adottati. Jenħtieġ li, qabel ma tadotta xi speċifikazzjonijiet addizzjonali jew riveduti, il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tagħhom ma’ ċerti prinċipji definiti li jinsabu fl-Anness II. Jenħtieġ li tingħata prijorità primarjament lill-erba’ oqsma ewlenin tal-iżvilupp u l-varar tas-STI. Matul l-implimentazzjoni ulterjuri tas-STI, jenħtieġ li jittieħed kont tal-infrastruttura eżistenti tas-STI varata minn Stati Membri partikolari fir-rigward tal-progress teknoloġiku u l-isforzi finanzjarji mwettqa.

(12)

Jenħtieġ li jiġi żgurat, b’mod partikolari għas-sistemi ta’ trasport intelliġenti kooperattivi (STI-K), li r-rekwiżiti għas-STI la jimponu u lanqas jiddiskriminaw favur l-użu ta’ tip partikolari ta’ teknoloġija f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika msemmi fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Jekk ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji tas-STI-K kumplimentari, affidabbli u ttestjati fil-ħajja reali, jenħtieġ li jiġu attivati applikazzjonijiet koeżistenti, filwaqt li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-STI.

(13)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet jikkunsidraw u jibnu fuq l-esperjenza u r-riżultati diġà miksuba fil-qasam tas-STI, tas- STI-K u tal-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata (CCAM), b’mod partikolari fil-kuntest tal-pjattaformi tas-STI-K u tas-CCAM, il-Forum Ewropew għall-Mobbiltà Multimodali tal-Passiġġieri, il-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali u l-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall.

(14)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet irawmu l-innovazzjoni. Id-disponibbiltà akbar tad-data jenħtieġ li, pereżempju, twassal għall-iżvilupp ta’ servizzi ġodda tas-STI, u viċi versa jenħtieġ li l-innovazzjoni tidentifika l-ħtiġijiet għal speċifikazzjonijiet futuri. Jenħtieġ li s-Sħubija Ewropea dwar il-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata taħt Orizzont Ewropa tappoġġa l-iżvilupp u l-ittestjar tal-mewġa li jmiss ta’ servizzi tas-STI-K, billi tibni fuq l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu adottati għas-servizzi tas-STI-K u tgħin fl-integrazzjoni ta’ vetturi awtomatizzati ħafna f’servizzi ġodda ta’ mobbiltà multimodali. It-teknoloġiji l-ġodda, b’mod partikolari għas-STI-K, jenħtieġ li jiġu ttestjati f’kundizzjonijiet reali tat-traffiku fit-toroq bħala servizz affidabbli qabel ma jiġu varati.

(15)

Is-STI-K jużaw teknoloġiji li jippermettu lill-vetturi tat-triq jikkomunikaw ma’ xulxin u mal-infrastruttura mal-ġenb tat-triq inkluż is-sinjali tat-traffiku. Is-servizzi tas-STI-K huma kategorija ta’ servizzi tas-STI ibbażati fuq arkitettura miftuħa li tippermetti relazzjoni bejn bosta jew bejn pari fost l-istazzjonijiet tas-STI-K. Dan ifisser li l-istazzjonijiet kollha tas-STI-K jenħtieġ li jiskambjaw il-messaġġi b’mod sigur ma’ xulxin, u ma jkunux limitati għall-iskambju ta’ messaġġi ma’ stazzjonijiet definiti minn qabel. Għal ħafna servizzi tas-STI-K, huwa essenzjali li jiġu żgurati l-awtentiċità u l-integrità tal-messaġġi tas-STI-K li jinkludu informazzjoni, bħall-pożizzjonament, il-veloċità u d-direzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jinħoloq mudell ta’ fiduċja komuni Ewropew wieħed għas-STI-K biex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-istazzjonijiet kollha tas-STI-K, irrispettivament mit-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni użati. Jenħtieġ li dak il-mudell ta’ fiduċja jiġi implimentat permezz ta’ politika dwar l-użu ta’ infrastruttura taċ-ċavetta pubblika (PKI). L-ogħla livell ta’ dik il-PKI jenħtieġ li jkun il-Lista ta’ Fiduċja Ewropea ta’ Ċertifikati (ECTL), li tikkonsisti f’entrati tal-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni tal-għerq fdati kollha fl-Ewropa. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel ta’ dak il-mudell ta’ fiduċja tas-STI-K, jenħtieġ li jitwettqu ċerti kompiti f’livell ċentrali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li dawk il-kompiti essenzjali jitwettqu, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwoli ta’ (i) l-awtorità tal-politika taċ-ċertifikati tas-STI-K fil-ġestjoni tal-politika taċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjoni tal-PKI, (ii) il-maniġer tal-lista ta’ fiduċja fil-ġenerazzjoni u l-aġġornament tal- ECTL u, għal attivitajiet regolari, fir-rapportar lill-awtorità tal-politika taċ-ċertifikati tas-STI-K fir-rigward tat-tħaddim sigur ġenerali tal-mudell ta’ fiduċja tas-STI-K, u (iii) il-punt ta’ kuntatt tas-STI-K fit-trattament tal-komunikazzjoni kollha mal-maniġers tal-awtorità taċ-ċertifikazzjoni tal-għerq u l-pubblikazzjoni taċ-ċertifikat taċ-ċavetta pubblika tal-maniġer tal-lista ta’ fiduċja u tal-ECTL. Il-Kummissjoni bħalissa tiżgura wkoll li l-awtorità Ewropea taċ-ċertifikazzjoni tal-għerq twettaq ir-rwol tagħha. Dik l-awtorità tista’ tinżamm jekk ikun xieraq, pereżempju biex tappoġġa l-pjanijiet ta’ migrazzjoni f’każ li awtorità taċ-ċertifikazzjoni tal-għerq oħra tkun kompromessa.

(16)

Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet skont id-Direttiva 2010/40/UE, bl-eċċezzjoni tal-eCall, iffukaw fuq l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data li diġà hija disponibbli f’format diġitali li jinqara minn magna u fuq il-varar tas-servizzi tas-STI, iżda qatt ma kien hemm xi obbligu għall-partijiet ikkonċernati rilevanti biex joħolqu tali data u jagħmluha disponibbli f’dak il-format jew biex ivaraw servizzi speċifiċi. L-użu ta’ għadd ta’ servizzi tas-STI sar mifrux: pereżempju d-detezzjoni ta’ inċidenti li tippermetti l-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq; bl-istess mod, l-użu ta’ data kruċjali f’oqsma ta’ prijorità oħra identifikati f’din id-Direttiva, pereżempju regolamenti tat-traffiku li jappoġġaw servizzi importanti bħal-limiti tal-veloċità biex jappoġġaw il-vetturi mgħammra b’assistenza intelliġenti tal-veloċità skont ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Il-forniment obbligatorju ta’ ċerti servizzi tas-STI u data kruċjali f’format li jinqara minn magna huwa meqjus neċessarju biex jiġu żgurati kemm id-disponibbiltà kontinwa ta’ tali data kif ukoll il-forniment kontinwu ta’ tali servizzi fl-Unjoni. Dan jimplika li l-informazzjoni sottostanti li trid tiġi riflessa fid-data li tinqara minn magna, diġà teżisti, irrispettivament mill-format jew mill-mezz li fih hija ppreżentata. Pereżempju, l-informazzjoni sottostanti teżisti biss meta l-awtoritajiet kompetenti joħorġu twissija tat-temp għat-traffiku (eż. fuq ir-radju jew fuq portiku fl-għoli).

Din id-Direttiva ma tippreskrivix jekk hemmx bżonn tinħoloq informazzjoni speċifika dwar it-traffiku (pereżempju, biex jinħolqu pjanijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku), u lanqas iċ-ċirkostanzi li fihom għandha tinħareġ twissija relatata mas-sikurezza (pereżempju, jekk maltempata tal-borra tiskattax twissija għas-sewwieqa) jew liema valur għandu jiġi previst f’regolament tat-traffiku (pereżempju, il-livell ta’ limitu tal-veloċità). Dan kollu jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, li jimplika li japplikaw xi differenzi fil-prattika (pereżempju l-istess maltempata tal-borra tista’ twassal għal deċiżjoni biex tinħareġ twissija għat-traffiku f’xi reġjuni iżda mhux f’oħrajn). Barra minn hekk, il-forniment obbligatorju ta’ ċerti servizzi tas-STI, u ta’ data kruċjali f’format diġitali li jinqara minn magna, ma jirrikjedix investimenti fit-tagħmir mal-ġenb tat-triq tan-network biex tinġabar informazzjoni addizzjonali. It-tipi u s-servizzi tad-data, li l-forniment tagħhom jenħtieġ li jsir obbligatorju skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu identifikati abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati li jissupplimentaw id-Direttiva 2010/40/UE, b’mod partikolari r-Regolamenti Delegati (UE) Nru 885/2013, (UE) Nru 886/2013, (UE) 2017/1926 u (UE) 2022/670, u jirriflettu t-tipi ta’ data u s-servizzi stipulati fihom. L-ispeċifikazzjonijiet diġà adottati mill-Kummissjoni, inkluż l-istandards imsemmija fihom, iħallu lok għal għażliet dwar il-kontenut diġitali ta’ element ta’ informazzjoni li għandu jsir disponibbli f’format li jinqara minn magna. Tista’ tkun meħtieġa ħidma preparatorja, bħat-tfassil ta’ profili tal-istandards, biex jiġi previst approċċ komuni ta’ implimentazzjoni. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-programm ta’ ħidma tas-STI jiddeskrivi l-ħidma preparatorja li għandha titwettaq u jenħtieġ li d-dati applikabbli għall-forniment ta’ dawn it-tipi ta’ data u s-servizzi relatati jqisu din il-ħidma addizzjonali.

(17)

Il-konverżjoni meħtieġa minn informazzjoni mhux diġitali għal format diġitali li jinqara minn magna teħtieġ approċċ gradwali u proporzjonat, minħabba l-ammont kbir ta’ partijiet ikkonċernati involuti u l-kapaċitajiet tekniċi mhux uniformi tagħhom, kif ukoll l-ammont kbir ta’ informazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-forniment obbligatorju ta’ ċerta data f’format diġitali li jinqara minn magna, fl-ewwel stadju, ikun jikkonċerna informazzjoni maħluqa jew informazzjoni aġġornata wara data speċifika; fit-tieni stadju, jenħtieġ li anke l-informazzjoni li tkun inħolqot qabel dik id-data taqa’ taħt l-obbligu. Għal data oħra li l-informazzjoni dwarha qed tiskadi malajr, jista’ jkun biżżejjed li l-informazzjoni l-ġdida jew dik aġġornata biss issir disponibbli.

(18)

Fl-interess tal-kontinwità, jenħtieġ li t-tipi ta’ data u s-servizzi li l-forniment tagħhom huwa obbligatorju skont din id-Direttiva jkunu disponibbli f’ambitu ġeografiku konkret. Dak l-ambitu għandu bl-istess mod jiġi definit abbażi ta’ approċċ gradwali u proporzjonat. Fil-każ ta’ data dwar ir-regolamentazzjoni tat-traffiku f’nodi urbani, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-obbligi rilevanti, u b’mod partikolari biex ikun previst proporzjon raġonevoli tal-kostijiet u l-benefiċċji, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jillimitaw il-kopertura għal toroq speċifiċi billi japplikaw limitu tal-fluss tat-traffiku speċifikat f’din id-Direttiva.

(19)

Fl-interess tas-sikurezza fit-toroq, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu d-data aċċessibbli permezz ta’ NAPs mill-aktar fis possibbli (eż. limiti tal-veloċità jew data dinamika għal żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri), anke għal partijiet tan-network tat-toroq li mhumiex fl-ambitu ġeografiku definit fl-Anness III (eż. awtostradi li mhumiex parti min-network trans-Ewropew tat-toroq).

(20)

L-istudju tal-2020 “Mapping accessible transport for persons with reduced mobility” (Immappjar ta’ trasport aċċessibbli għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa) juri li n-nuqqas ta’ data suffiċjenti dwar il-karatteristiċi tal-aċċessibbiltà attwalment qed jipprevjeni l-ippjanar affidabbli tal-vjaġġi meta jintużaw aspetti tal-aċċessibbiltà bħala varjabbli tat-tiftix. Juri wkoll li l-istabbiliment ta’ rekwiżiti u standards minimi għall-informazzjoni għall-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li jitqies li hu ferm importanti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Biex tkompli tissaħħaħ l-aċċessibbiltà tas-sistema tat-trasport u jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, is-servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali jeħtieġu li d-data dwar in-nodi tal-aċċess u l-karatteristiċi tal-aċċessibbiltà tagħhom ikunu disponibbli f’formati aċċessibbli.

(21)

B’segwitu għad-dikjarazzjoni relatata fl-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra liema aġġustamenti huma meħtieġa fil-qafas legali attwali b’reazzjoni għal teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni elettronika u kif iċ-ċentri li jirċievu t-telefonati ta’ emerġenza (PSAPs) ikunu affettwati mill-estensjoni possibbli tal-eCall għal kategoriji oħra ta’ vetturi bħal vetturi tqal tal-merkanzija, xarabanks u kowċis, vetturi motorizzati b’żewġ roti u tratturi agrikoli. Barra minn hekk, lil hinn mill-qafas ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni hija mistiedna tivvaluta l-opzjonijiet possibbli biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-obsolexxenza tas-sistemi eCall f’vetturi b’tagħmir li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet attwali tal-eCall, ladarba n-networks ta’ komunikazzjoni swiċċjati b’ċirkwit (2G u 3G) jintfew.

(22)

Aktar integrazzjoni tas-STI u s-sistemi avvanzati ta’ assistenza għas-sewwieqa, jew tas-sistemi tal-vetturi u tal-infrastruttura b’mod ġenerali, timplika li tali sistemi ser jiddependu aktar u aktar fuq l-informazzjoni li jipprovdu lil xulxin. Dan huwa partikolarment il-każ għas-STI-K. Tali dipendenza ser tiżdied b’livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni. Dawn il-livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni mistennija li jużaw il-komunikazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura b’mod sigur għall-orkestrazzjoni tal-manuvri u għal flussi tat-traffiku mingħajr xkiel, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għal trasport aktar sostenibbli. Jenħtieġ li dik il-komunikazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura ssaħħaħ l-affidabbiltà, l-akkuratezza u d-disponibbiltà tad-data. Għalhekk, jekk tiġi kompromessa l-integrità tas-servizzi tas-STI, dan jista’ jkollu impatt serju fuq is-sikurezza fit-toroq, pereżempju meta informazzjoni intenzjonalment falza ġġiegħel lill-vetturi jagħmlu manuvri li jpoġġu lill-utenti tat-triq f’riskju, u jista’ jkollha effett indirett fuq is-sistema tat-trasport tal-Unjoni. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn l-integrità tas-servizzi tas-STI tkun kompromessa u jkun meħtieġ intervent b’mod urġenti fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat funzjonament sikur u tajjeb tas-sistema tat-trasport tal-Unjoni jew is-sikurezza tat-toroq, biex jiġu adottati kontromiżuri li jindirizzaw il-kawżi u l-konsegwenzi ta’ dik is-sitwazzjoni. Jenħtieġ li dawk il-kontromiżuri jittieħdu malajr kemm jista’ jkun u jkunu applikabbli immedjatament. Madankollu jenħtieġ li, qabel ma tadotta tali kontromiżuri, il-Kummissjoni tagħmel l-isforzi kollha possibbli biex tikkonsulta esperti tal-Istati Membri. Barra minn hekk, meta jitqies li jistgħu jkunu jeżistu pjanijiet għall-ġestjoni ta’ emerġenza f’diversi livelli ta’ intervent biex tiġi indirizzata firxa ta’ fallimenti possibbli fis-sistema, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta biss tali kontromiżuri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza meta l-miżuri ta’ rimedju meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jiżgurawx rispons f’waqtu u effettiv. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Meta titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tat-trasport, huwa xieraq li l-estensjoni tal-validità ta’ tali kontromiżuri tiġi applikata lil hinn minn sitt xhur billi tintuża l-possibbiltà prevista skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Jenħtieġ li tali kontromiżuri jintemmu hekk kif tiġi implimentata soluzzjoni alternattiva jew tiġi riżolta s-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

(23)

Jenħtieġ li kwalunkwe proċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva, bħall-ipproċessar ta’ data ta’ lokalizzazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni diretta jew indiretta ta’ persuna, jitwettaq f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza, kif stabbilit, b’mod partikolari, fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li din id-Direttiva tispeċifika l-iskop li għalih id-data personali tista’ tiġi pproċessata skont din id-Direttiva.

(24)

Meta jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu żviluppati skont din id-Direttiva jenħtieġ li jipprevedu salvagwardji adegwati u xierqa għall-protezzjoni tad-data personali f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 u tad-Direttiva 2002/58/KE, inkluż fir-rigward tad-durata massima tal-ħżin tad-data, u l-anonimizzazzjoni jew il-psewdonimizzazzjoni tad-data. B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit speċifiku stabbilit fid-dritt tal-Unjoni rigward l-użu ta’ data anonima jew psewdonimizzata, kull meta jkun possibbli li jinkisbu b’mod ugwali l-iskopijiet fil-mira permezz tal-ipproċessar ta’ data personali u fejn ikun teknikament fattibbli, jenħtieġ li tintuża data anonimizzata. F’każijiet oħra, jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ data psewdonimizzata, pereżempju permezz tas-sistema tal-UE għall-ġestjoni tal-kredenzjali ta’ sigurtà tas-STI-K, bil-ħsieb li tittejjeb il-privatezza tal-individwi, f’konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn. Jenħtieġ li l-użu ta’ data personali li tirriżulta minn xejriet ta’ mobbiltà jew rikonoxximent tal-wiċċ ma jwassal għall-ebda forma ta’ diskriminazzjoni soċjali. Barra minn hekk, jenħtieġ li, f’dawk l-ispeċifikazzjonijiet jew fil-liġi nazzjonali, jiġu stabbiliti salvagwardji, b’mod partikolari kontra l-użu ħażin, inkluż l-aċċess mhux awtorizzat, it-tibdil jew it-telf, kif xieraq, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 u tad-Direttiva 2002/58/KE.

(25)

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) tapplika għal prodotti li għalihom il-leġiżlazzjoni settorjali ma tipprevedix dispożizzjonijiet aktar speċifiċi bl-istess objettiv ta’ sikurezza, u tapplika wkoll fejn ir-rekwiżiti tas-sikurezza imposti minn leġiżlazzjoni settorjali ma jkoprux l-aspetti u r-riskji jew il-kategorija ta’ riskji koperti minn dik id-Direttiva (magħruf ukoll bħala x-“xibka ta’ sikurezza”).

(26)

Fejn ikun meħtieġ li titwettaq valutazzjoni tal-konformità, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati li jistabbilixxu l-proċedura li tirregola l-valutazzjoni tal-konformità jew l-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti. Fir-rigward ta’ ċerti servizzi tas-STI, u b’mod partikolari s-servizzi tas-STI-K, il-konformità kontinwa ma’ ċerti rekwiżiti u l-interoperabbiltà huma essenzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-funzjonament xieraq tas-sistema. Għalhekk, fejn meħtieġ, l-ispeċifikazzjonijiet li jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-prodotti jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll proċeduri relatati mas-sorveljanza tas-suq, inkluż klawżola ta’ salvagwardja. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu bbażati fuq id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), b’mod partikolari fir-rigward tal-moduli għad-diversi fażijiet tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u ta’ sorveljanza tas-suq. Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u l-partijiet tagħhom jew tagħmir relatat, u r-Regolamenti (UE) Nru 167/2013 (21) u (UE) Nru 168/2013 (22) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxu regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u ta’ kwadriċikli, u vetturi agrikoli jew forestali u l-partijiet tagħhom jew tagħmir relatat.

Għalhekk, tkun duplikazzjoni tal-ħidma kieku kellha tiġi prevista valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir u l-applikazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti leġiżlattivi. Madankollu, dawk l-atti leġiżlattivi dwar l-approvazzjoni tal-vetturi japplikaw għat-tagħmir relatat mas-STI li jkun installat fil-vetturi, iżda mhux għat-tagħmir u s-software tas-STI tal-infrastruttura esterna tat-toroq, li jenħtieġ li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ tal-aħħar, l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jipprevedu proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u ta’ sorveljanza tas-suq. Jenħtieġ li tali proċeduri jkunu limitati għal dak li jkun meħtieġ f’kull każ separat u jimmiraw, fejn xieraq, għal approċċ sistematiku għar-regoli dwar il-ħatra ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-proċeduri applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ applikazzjonijiet u servizzi transfruntieri.

(27)

Meta l-varar u l-użu tat-tagħmir u s-software tas-STI jinkludu sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali, jenħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (att dwar l-intelliġenza artifiċjali.

(28)

Għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI li għalihom huma meħtieġa servizzi ta’ kronometraġġ u pożizzjonament akkurati u garantiti, jenħtieġ li jintużaw infrastrutturi bbażati fuq is-satelliti jew kwalunkwe teknoloġija li tipprovdi livell ekwivalenti ta’ preċiżjoni. Is-sinerġiji bejn is-setturi tat-trasport u tal-ispazju tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu sfruttati biex jitrawwem l-użu usa’ ta’ teknoloġiji ġodda, li jwieġbu għall-ħtieġa ta’ servizzi ta’ kronometraġġ u pożizzjonament akkurati u garantiti. Il-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) jipprovdi data, informazzjoni u servizzi relatati mal-ispazju ta’ kwalità għolja, aġġornati u siguri permezz tas-sistema Galileo, is-sistema Ewropea ta’ navigazzjoni b’kopertura ġeostazzjonarja (EGNOS), u s-sistema Copernicus.

(29)

Il-forniment ta’ servizzi ta’ kronometraġġ u pożizzjonament siguri u affidabbli huwa element essenzjali tat-tħaddim effettiv tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mal-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni pprovdut mill-programm Galileo, sabiex jitrażżnu l-attakki ta’ spoofing tas-sinjali fuq is-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GNSS). Dan ma jeskludix l-użu ta’ mekkaniżmi ppruvati oħra li jipprovdu l-istess livell ta’ fiduċja biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-pożizzjoni u l-ħin.

(30)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra, inkluż gruppi ta’ esperti oħra tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI, u l-kumitati li jittrattaw l-aspetti diġitali tat-trasport, jiġu kkonsultati fit-tfassil tal-programmi ta’ ħidma adottati mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2010/40/UE.

(31)

Jenħtieġ li r-regoli dwar ir-rappurtar jiġu ssimplifikati u li jippermettu aktar analiżi komparattiva. Għalhekk jenħtieġ li d-diversi obbligi ta’ rappurtar eżistenti jiġu sostitwiti b’rapport wieħed mill-Istati Membri kull tliet snin, li jkopri l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni kollha, u jenħtieġ li jiġi stabbilit mudell komuni li jinkludi ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Abbażi tal-esperjenza fl-użu ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni volontarji fir-rapporti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħżel uħud minn dawk l-indikaturi biex jiġu inklużi fil-mudell armonizzat.

(32)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mħeġġa jrawmu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, speċjalment il-kandidati għas-sħubija fl-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi fejn hemm kurituri ta’ tranżitu li jikkollegaw lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija mħeġġa trawwem ukoll kooperazzjoni fil-livell internazzjonali.

(33)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni u l-aġġornament tal-programmi ta’ ħidma u l-adozzjoni tal-mudell għar-rapporti li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(34)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex temenda l-lista tat-tipi ta’ data li għalihom l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tad-data, għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dan il-perjodu jiġi estiż b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni. B’mod partikolari huwa importanti li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti u mal-partijiet ikkonċernati, li jirrappreżentaw it-tipi kollha ta’ utenti tat-triq u partijiet ikkonċernati oħra, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (24). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(35)

Sabiex jiġi ggarantit approċċ koordinat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-attivitajiet tal-Kumitat stabbilit b’din id-Direttiva u tal-Kumitati stabbiliti bir-Regolamenti (UE) Nru 165/2014 (25), (UE) 2019/1239 (26), (UE) 2020/1056 u (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u bid-Direttivi 2007/2/KE (27) u (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28).

(36)

Ladarba l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura varar koordinat u koerenti ta’ ISTI interoperabbli fl-Unjoni kollha, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u/jew mis-settur privat, iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(37)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (29), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata.

(38)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) u ta opinjoni fit-2 ta’ Marzu 2022,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2010/40/UE

Id-Direttiva 2010/40/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Din id-Direttiva tipprevedi d-disponibbiltà tad-data u l-varar tas-servizzi tas-STI fl-oqsma ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 2, bi, għad-data, il-kopertura ġeografika speċifika stabbilita fl-Anness III u, għas-servizzi tas-STI, bil-kopertura ġeografika speċifika stabbilita fl-Anness IV."

;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dawn li ġejjin għandhom ikunu l-oqsma ta’ prijorità għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards:

(a)

Qasam ta’ prijorità I: Servizzi tas-STI ta’ informazzjoni u ta’ mobbiltà;

(b)

Qasam ta’ prijorità II: Servizzi tas-STI tal-ivvjaġġar, tat-trasport u tal-ġestjoni tat-traffiku;

(c)

Qasam ta’ prijorità III: Servizzi tas-STI ta’ sikurezza u sigurtà fit-toroq;

(d)

Qasam ta’ prijorità IV: Servizzi tas-STI għal mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata.";

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

(2)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tas-sistemi, u tal-proċessi tan-negozju li dawn is-sistemi jissejsu fuqhom, li jiskambjaw id-data u jikkondividu l-informazzjoni u l-konoxxenza biex tagħmel possibbli l-kontinwità tas-servizzi tas-sistemi STI;";

(b)

il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(4)

“servizz tas-STI” tfisser il-forniment ta’ applikazzjoni tas-STI permezz ta’ qafas organizzazzjonali u operazzjonali definit sew bl-għan li jikkontribwixxi għas-sikurezza tal-utenti, l-effiċjenza, il-mobbiltà sostenibbli jew il-kumdità, jew li jiffaċilita jew jappoġġa operazzjonijiet tat-trasport u l-ivvjaġġar;";

(c)

il-punt (14) huwa sostitwit b’dan li ġej:’

(14)

“data dwar it-toroq” tfisser data dwar il-karatteristiċi tal-infrastruttura tat-toroq, inkluż sinjali tat-traffiku fissi u l-attributi regolatorji tas-sikurezza tagħhom kif ukoll infrastruttura għall-irriċarġjar u għar-riforniment bi fjuwils alternattivi;";

(d)

il-punt (18) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(18)

‘standard’ tfisser standard kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).";"

(e)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(19)

“sistemi ta’ trasport intelliġenti kooperattivi’ jew ‘STI-K’ tfisser sistemi ta’ trasport intelliġenti li jippermettu lill-utenti tas-STI jinteraġixxu u jikkoperaw billi jiskambjaw messaġġi siguri u affidabbli, mingħajr ebda għarfien minn qabel ta’ xulxin u b’mod mhux diskriminatorju;

(20)

“servizz tas-STI-K” tfisser servizz tas-STI pprovdut permezz ta’ STI-K;

(21)

“disponibbiltà tad-data” tfisser li d-data teżisti f’format diġitali li jinqara minn magna;

(22)

“punt ta’ aċċess nazzjonali” jew “NAP” tfisser interkonnessjoni diġitali stabbilita minn Stat Membru li tikkostitwixxi punt uniku ta’ aċċess għad-data, kif iddefinit fl-ispeċifikazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 6;

(23)

“aċċessibbiltà tad-data” tfisser li huwa possibbli li tintalab u li tinkiseb data f’format diġitali li jinqara minn magna;

(24)

“servizz ta’ mobbiltà diġitali multimodali” tfisser servizz li jipprovdi informazzjoni dwar id-data dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar bħall-post tal-faċilitajiet tat-trasport, l-iskedi, id-disponibbiltà jew in-nollijiet għal aktar minn mezz wieħed tat-trasport, li jista’ jinkludi karatteristiċi li jippermettu li jsiru prenotazzjonijiet jew pagamenti jew li jinħarġu biljetti;

(25)

“informazzjoni sottostanti” tfisser informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li ġiet determinata li hija rilevanti biex tinforma lill-utenti tat-toroq u tas-sistemi STI, b’mod partikolari mill-awtoritajiet tat-toroq fejn huma responsabbli għal tali informazzjoni;

(26)

“triq primarja” tfisser triq barra miż-żoni urbani, iddeżinjata minn Stat Membru, li tgħaqqad bliet jew reġjuni ewlenin, jew it-tnejn li huma, u li mhix ikklassifikata bħala parti min-network komprensiv trans-Ewropew tat-toroq jew bħala awtostrada.";

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

Programm ta’ ħidma

1.   Sal-21 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2011  (*2) u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi programm ta’ ħidma. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(4). Il-programm ta’ ħidma għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-objettivi u d-dati għall-implimentazzjoni tiegħu kull sena, li jindikaw għal liema punti ta’ ħidma għandhom jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 6;

(b)

it-tipi ta’ data li l-Kummissjoni qed tikkunsidra li żżid mal-Anness III jew tneħħi minnu permezz tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(1a);

(c)

il-ħidma preparatorja li għandha titwettaq mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri skont l-Artikolu 7(1).

2.   Qabel kull estensjoni sussegwenti ta’ ħames snin tas-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12(2), il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu programm ta’ ħidma ġdid, li għandu jinkludi mill-inqas l-elementi msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (c). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(4)”.

(*2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2011 dwar l-istabbiliment ta’ Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI (2011/C 135/03) (ĠU C 135, 5.5.2011, p. 3).’;"

(5)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet għall-varar tas-STI

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 6 jiġu applikati fir-rigward tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI meta dawk l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI jiġu varati, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-varar min-naħa tiegħu ta’ dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorju tiegħu. Dan id-dritt huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6a.

2.   Fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw, inkluż mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, fir-rigward tal-oqsma ta’ prijorità, sa fejn ma tkun ġiet adottata l-ebda speċifikazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-oqsma ta’ prijorità.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ukoll, pereżempju permezz ta’ proġetti ta’ koordinazzjoni appoġġati mill-Unjoni, u, fejn meħtieġ, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, dwar l-aspetti operazzjonali tal-implimentazzjoni tal- ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni, bħal standards u profili armonizzati tal-Unjoni, definizzjonijiet komuni, metadata komuni, rekwiżiti komuni tal-kwalità u aspetti relatati mal-interoperabbiltà tal-arkitetturi tal-NAPs, kundizzjonijiet komuni għall-iskambju tad-data, aċċess sigur u attivitajiet komuni ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni. Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-fornituri tad-data, l-utenti tad-data u l-fornituri tas-servizzi tas-STI stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw ukoll dwar il-prattiki għall-valutazzjoni tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi għall-infurzar tal-konformità u dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni transfruntiera.";

(6)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), l-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jiddikjaraw is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jistabbilixxu regoli addizzjonali għall-forniment ta’ servizzi tas-sistemi STI fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu. Dawk ir-regoli ma għandhomx ifixklu l-interoperabbiltà."

(*3)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).";"

;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn xieraq, ikunu bbażati fuq kwalunkwe standard minn dawk imsemmija fl-Artikolu 8.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jinkludu regoli għall-istabbiliment ta’ parametri relatati mal-kwalità u l-adegwatezza għall-użu. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, kif xieraq u b’mod partikolari fejn iġġustifikat fl-interess tas-sikurezza u l-interoperabbiltà, jinkludu regoli dwar il-valutazzjoni tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq, inkluż klawżola ta’ salvagwardja, f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

L-Istati Membri jistgħu jaħtru korp wieħed jew aktar kompetenti biex iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet, soġġett għal kwalunkwe regola speċifika dwar il-valutazzjoni stabbilita fihom.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II."

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12 li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati ma għandhomx ikopru aktar minn qasam ta’ prijorità wieħed u għandhom jiġu adottati għal kull waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità."

;

(7)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Disponibbiltà tad-data u varar tas-servizzi tas-STI

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-informazzjoni sottostanti tkun diġà teżisti, id-data tkun disponibbli għall-kopertura ġeografika għal kull tip ta’ data stabbilit fl-Anness III.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data li tikkorrispondi mal-informazzjoni sottostanti maħluqa jew aġġornata fid-data stipulata fit-tielet kolonna tal-Anness III jew warajha ssir disponibbli mingħajr dewmien.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Anness III, data oħra li tikkorrispondi għall-informazzjoni sottostanti eżistenti kollha, maħluqa jew aġġornata qabel id-data stipulata fir-raba’ kolonna ta’ dak l-Anness, issir disponibbli mingħajr dewmien wara dik id-data.

Meta ma tkun imsemmija l-ebda data fir-raba’ kolonna tal-Anness III, id-dati applikabbli għandhom jiġu definiti permezz ta’ att delegat adottat skont l-Artikolu 7.

L-iskadenzi skont dan il-paragrafu għandhom japplikaw biss għall-infrastruttura eżistenti. Għall-infrastruttura li titlesta f’data aktar tard, dawk l-iskadenzi għandhom jinftiehmu bħala d-dati tat-tlestija.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċessibbiltà ta’ dawk id-data permezz tal-NAPs sal-istess data.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi tas-sistemi STI speċifikati fl-Anness IV jintużaw għall-kopertura ġeografika malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mid-dati rispettivi stabbiliti f’dak l-Anness.”;

(8)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Emendi għall-Anness III

1.   Qabel ma tadotta atti delegati skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni rikorrenti u flimkien ma’ esperti maħtura mill-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, taċċerta l-maturità tad-deskrizzjonijiet għall-kontenut diġitali tat-tipi ta’ data li għandhom isiru disponibbli f’konformità mal-Artikolu 6a u tiżgura l-finalizzazzjoni tal-ħidma preparatorja xierqa.

1a.   Wara analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u konsultazzjonijiet xierqa u b’kont meħud tal-iżvilupp tas-suq u dak teknoloġiku madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12 sabiex temenda l-Anness III billi:

(a)

iżżid it-tipi ta’ data li jaqgħu fl-ambitu ta’ waħda mill-kategoriji jew subkategoriji ta’ data msemmija fl-Anness III u li huma elenkati fl-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 6(8), fejn id-disponibbiltà ta’ tali tipi ta’ data ġġib, skont analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, benefiċċji u titjib sostanzjali u ġustifikati b’mod ċar f’termini ta’ sostenibbiltà tat-trasport, sikurezza u sigurtà tat-trasport, jew effiċjenza u ġestjoni tat-trasport, u tiddefinixxi d-dati applikabbli;

(b)

fejn ġustifikat b’mod ċar, tneħħi tipi ta’ data mill-Anness III;

(c)

tiddefinixxi d-dati applikabbli għat-tipi ta’ data elenkati fl-Anness III għal każijiet fejn sal-20 ta’ Diċembru 2023 ma tkun ġiet definita l-ebda data.

2.   L-atti delegati adottati taħt il-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu konsistenti mat-tipi ta’ data stabbiliti fl-aħħar programm ta’ ħidma adottat f’konformità mal-Artikolu 4a. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu relatati, fejn rilevanti, mal-kontenut diġitali definit fil-qafas tal-ħidma preparatorja msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati ma għandhomx ikopru aktar minn qasam prijoritarju wieħed.

3.   Il-kopertura ġeografika għal tip ta’ data kif imsemmi fil-paragrafu 1a, il-punti (a) u (c), għandha tkun jew l-istess bħal jew aktar limitata minn dik definita fl-Anness III għall-kategoriji jew is-subkategoriji li għalihom jappartjeni t-tip ta’ data, skont, fejn rilevanti, approċċ gradwali.

4.   Id-dati stabbiliti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 1a, il-punti (a) u (c), għandhom:

(a)

fir-rigward tat-tielet kolonna tal-Anness III, ma jkunux qabel id-data sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat ikkonċernat u għandhom, fejn rilevanti, isegwu approċċ gradwali;

(b)

fir-rigward tar-raba’ kolonna tal-Anness III, ma jkunux qabel id-data erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat ikkonċernat.

Fil-każ li l-Anness III diġà jispeċifika data fit-tielet kolonna, id-data għar-raba’ kolonna:

(a)

ma għandhiex tkun qabel id-data sentejn wara d-data speċifikata fit-tielet kolonna u ma għandhiex tkun qabel id-data sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat ikkonċernat;

(b)

fir-rigward tad-data statika dwar it-traffiku multimodali għas-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha (il-post tan-nodi ta’ aċċess identifikati) fuq in-network kollu tat-trasport tal-Unjoni, ma għandhiex tkun qabel il-31 ta’ Diċembru 2032.

Madankollu, meta d-disponibbiltà tad-data eżistenti li tikkorrispondi għall-informazzjoni maħluqa jew aġġornata qabel id-data stabbilita fit-tielet kolonna tal-Anness III ma titqiesx meħtieġa minħabba li l-informazzjoni korrispondenti tkun qed tiskadi malajr, l-atti delegati adottati skont il-paragrafu 1a, il-punti (a) u (c) ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jindikaw fir-raba’ kolonna tal-Anness III li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 6a(1), ir-raba’ subparagrafu, ma għandux japplika għal tali data.

5.   Meta tadotta atti delegati skont dan l-Artikolu, il- Kummissjoni għandha tqis ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE, b’mod partikolari relatati mar-riskju ta’ interferenza ma’ data personali, u l-ispejjeż u r-riżorsi umani meħtieġa biex id-data rilevanti ssir disponibbli b’livell suffiċjenti ta’ kwalità sabiex jiġi żgurat li dawk l-interferenzi, il-kostijiet u r-riżorsi, b’mod partikolari dawk imġarrba mill-awtoritajiet pubbliċi, jinżammu f’livell minimu. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll l-ispejjeż u l-piż amministrattiv fuq l-operaturi privati li jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu d-data.";

(9)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

Miżuri interim

1.   Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta’ tħejjija u rispons għall-inċidenti, bħal dawk stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament li jistabbilixxu kontromiżuri biex jiġu indirizzati l-kawżi u l-konsegwenzi ta’ dik is-sitwazzjoni, bħas-sospensjoni tal-obbligi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-oqsma ta’ prijorità stabbiliti skont l-Artikolu 2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun meta tqis li tkun seħħet sitwazzjoni ta’ emerġenza.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 fil-każ biss ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza mhux prevista li tirriżulta mill-fatt li d-disponibbiltà jew l-integrità tas-servizzi tas-STI, li huma s-suġġett ta’ speċifikazzjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 6, ikunu ġew kompromessi, fejn tali sitwazzjoni x’aktarx tikkomprometti l-funzjonament sikur u tajjeb tas-sistema tat-trasport tal-Unjoni jew ikollha effett negattiv fuq is-sikurezza fit-toroq, u biss fejn ma jistax ikun mistenni li l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rispons għall-inċidenti jew il-modifika tal-ispeċifikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 6 jiżguraw rispons f’waqtu u effettiv. Il-miżuri adottati mill-Kummissjoni għandhom ikunu strettament limitati għall-indirizzar tal-kawżi u l-konsegwenzi ta’ tali sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

3.   L-adozzjoni ta’ miżuri interim f’konformità ma’ dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jieħdu azzjoni f’sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà jew difiża nazzjonali li jaffettwaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI varati fit-territorju tagħhom.

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu validi għal massimu ta’ tmien xhur. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri meta tqis li s-sitwazzjoni ta’ emerġenza tkun intemmet. Il-Kummissjoni għandha tħassar dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ladarba dik is-sitwazzjoni tkun intemmet jew meta l-Kummissjoni tkun emendat l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni, skont liema jseħħ l-ewwel.

(*4)  Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).”;"

(10)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Standards

1.   L-istandards meħtieġa biex ikunu pprovduti interoperabbiltà, kompatibbiltà u kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għandhom jiġu żviluppati fl-oqsma ta’ prijorità u għall-azzjonijiet ta’ prijorità. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni,wara li tikkonsulta l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15, għandha titlob lill-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) biex iwettqu kull sforz meħtieġ biex jadottaw dawn l-istandards mill-aktar fis.

2.   Meta jinħareġ mandat lill-korpi tal-istandardizzazzjoni, għandhom ikunu rrispettati l-prinċipji stabbiliti fl-Anness II kif ukoll kwalunkwe dispożizzjonijiet funzjonali mdaħħla fi speċifikazzjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 6.

(*5)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).";"

(11)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza

1.   Id-data li tikkostitwixxi data personali kif definit fl-Artikolu 4, punt (1) tar-Regolament (UE) 2016/679tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) għandha tiġi pproċessata skont din id-Direttiva biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq tal-applikazzjonijiet, is-servizzi u l-azzjonijiet tas-STI identifikati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sikurezza jew is-sigurtà fit-toroq, u t-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku, tal-mobbiltà jew tal-inċidenti.

2.   Fejn l-ispeċifikazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 6 jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data li tkun data personali kif definit fl-Artikolu 4, punt (1) tar-Regolament (UE) 2016/679, dawn għandhom jistabbilixxu l-kategoriji ta’ dik id-data u jipprevedu salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. F’każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fl-Artikolu 6(7) ta’ din id-Direttiva għandha tinkludi analiżi tal-impatt ta’ tali pproċessar fuq il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

3.   Meta l-anonimizzazzjoni tkun teknikament fattibbli, u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data jkunu jistgħu jinkisbu b’data anonimizzata, għandha tintuża data anonimizzata.

4.   Meta l-anonimizzazzjoni ma tkunx teknikament fattibbli, jew il-finijiet tal-ipproċessar tad-data ma jkunux jistgħu jinkisbu b’data anonimizzata, id-data għandha tiġi psewdonimizzata, dment li l-psewdonimizzazzjoni tkun teknikament fattibbli u l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data jkunu jistgħu jinkisbu bl-użu ta’ data psewdonimizzata.

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).;” "

(12)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Sistema ta’ ġestjoni tal-kredenzjali tas-sigurtà tas-STI-K tal-UE

L-ispeċifikazzjonijiet għall-qasam ta’ prijorità msemmi fl-Artikolu 2(1), punt (d), li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 6(8), għandhom ikopru s-sistema ta’ ġestjoni tal-kredenzjali tas-sigurtà tas-STI-K tal-UE msemmija fil-punt 4.3 tal-Anness I. L-ispeċifikazzjonijiet għal dik is-sistema għandhom jistabbilixxu d-dmirijiet tar-rwoli li ġejjin:

(a)

l-awtorità tal-politika taċ-ċertifikati tas-STI-K;

(b)

il-maniġer tal-lista ta’ fiduċja tas-STI-K;

(c)

il-punt ta’ kuntatt tas-STI-K.

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli biex tiżgura li d-dmirijiet ta’ dawk ir-rwoli jitwettqu.";

(13)

l-Artikolu 12 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6 u 7 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Diċembru 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu."

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 6 u 7 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ."

;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6 jew 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

;

(14)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Ewropew tas-STI (EIC). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";"

(15)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Marzu 2025 rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati adottati abbażi tagħha, kif ukoll dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali ewlenin tagħhom rigward l-oqsma ta’ prijorità u rigward id-disponibbiltà tad-data u s-servizzi elenkati fl-Annessi III u IV.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell għar-rapporti inizjali u ta’ progress li jinkludi lista ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħha. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom, fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità u abbażi tal-aħjar prattiki, jiddistingwu bejn indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin obbligatorji li għandhom jiġu inklużi fir-rapporti u indikaturi addizzjonali li jistgħu jiġu inklużi f’tali rapporti fejn xieraq. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(4).

3.   Wara r-rapport inizjali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-iskadenzi għar-rappurtar stabbiliti fl-atti delegati adottati abbażi tal-Artikolu 6 ikunu allinjati ma’ dik il-frekwenza.

4.   Mhux aktar tard minn 12-il xahar wara kull skadenza għar-rapporti tal-Istati Membri li tkun dovuta, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati adottati abbażi tagħha. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn analiżi tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Artikoli 5 sa 11 u l-Artikolu 16, inkluż tar-riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa. Ir-rapport għandu wkoll jivvaluta l-ħtieġa li tiġi emendata din id-Direttiva, fejn xieraq.";

(16)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

Rieżami

Sal-31 ta’ Diċembru 2028, abbażi tal-aħħar rapport tal-Kummissjoni mħejji skont l-Artikolu 17(4), il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-Artikolu 6a, l-Artikolu 7 u l-Annessi III u IV, u tista’, fejn xieraq, tippreżenta proposta għal emenda. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’, abbażi tal-progress li jkun sar fir-rigward tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data u fil-varar tas-servizzi, u filwaqt li tqis iż-żieda fl-użu tagħhom permezz tal-applikazzjonijiet tas-STI, tipproponi li tadatta l-kopertura ġeografika ta’ ċerti tipi u servizzi ta’ data u żżid tipi ta’ data u servizzi meqjusa bħala kruċjali għall-varar ulterjuri tas-STI.";

(17)

L-Anness huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness I ta’ din id-Direttiva;

(18)

L-Anness II huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness II ta’ din id-Direttiva;

(19)

it-test li jinsab fl-Anness III ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness III;

(20)

it-test li jinsab fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness IV.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2025. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-obbligu ta’ rappurtar stabbilit fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2010/40/UE qabel l-iskadenza għar-rapport previst f’dak l-Artikolu.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 290, 29.7.2022, p. 126.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2023.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1926 tal-31 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha (ĠU L 272, 21.10.2017, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 tas-7 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom (ĠU L 170, 28.6.2022, p. 27).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 6).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/962 tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha (ĠU L 157, 23.6.2015, p. 21).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1).

(12)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/670 tat-2 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha (ĠU L 122, 25.4.2022, p. 1).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(18)  Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(19)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(24)  Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64).

(27)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(28)  Id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 45).

(29)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(30)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

“ANNESS I

OQSMA TA’ PRIJORITÀ

(kif imsemmija fl-Artikolu 2)

1.   Qasam ta’ prijorità I: Servizzi tas-STI ta’ informazzjoni u ta’ mobbiltà

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għas-servizzi tas-STI ta’ informazzjoni u ta’ mobbiltà għall-passiġġieri għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

1.1.

Speċifikazzjonijiet għas-servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali mal-UE kollha (inkluż servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali mal-UE kollha)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex is-servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali u servizzi simili mal-UE kollha li jipprovdu informazzjoni u karatteristiċi ta’ prenotazzjoni jew ta’ xiri għal aktar minn operatur tat-trasport wieħed fl-istess mezz ta’ trasport ikunu akkurati u disponibbli b’mod transfruntier għall-utenti tas-STI, abbażi ta’:

1.1.1.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data eżistenti u akkurata dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar għas-servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali għall-fornituri tas-servizzi tas-STI mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet tas-sikurezza u tal-ġestjoni tat-trasport;

1.1.2.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-STI, b’mod transfruntier, b’mod partikolari permezz ta’ interkonnessjonijiet standardizzati;

1.1.3.

l-aġġornament f’waqtu mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti tad-data disponibbli dwar it-traffiku multimodali u tal-ivvjaġġar, użata għal servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali;

1.1.4.

l-aġġornament f’waqtu tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali, inkluż informazzjoni relatata mal-prenotazzjoni u max-xiri fejn rilevanti ta’ servizzi tat-trasport, mill-fornituri tas-servizzi tas-STI.

1.2.

Speċifikazzjonijiet għal servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq u dwar in-navigazzjoni mal-UE kollha (inkluż servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali mal-UE kollha)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex is-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq u ta’ navigazzjoni mal-UE kollha jkunu akkurati u disponibbli b’mod transfruntier għall-utenti tas-STI, abbażi ta’:

1.2.1.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ data eżistenti u akkurata dwar it-toroq u t-traffiku, inkluż data f’ħin reali, użata għal informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali lill-fornituri tas-servizzi tas-STI u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u għall-użu f’mapep diġitali, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet tas-sikurezza u tal-ġestjoni tat-trasport;

1.2.2.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, il-partijiet ikkonċernati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-STI, b’mod transfruntier, inkluż feedback dwar il-kwalità tad-data;

1.2.3.

l-aġġornament f’waqtu tad-data disponibbli dwar it-toroq u t-traffiku użata għall-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

1.2.4.

l-aġġornament f’waqtu tal-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali għall-utenti tat-toroq u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra mill-fornituri tas-servizzi tas-STI.

1.3.

Speċifikazzjonijiet għas-servizzi ta’ mobbiltà diġitali multimodali mal-UE kollha u għas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq u ta’ navigazzjoni

1.3.1.

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa għall-ġbir mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew, fejn hu rilevanti, mis-settur privat tad-data dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjanijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rotot rakkomandati, b’mod speċjali għall-vetturi tqal tal-merkanzija) u għall-għoti ta’ dawn lill-fornituri tas-servizzi tas-STI, abbażi ta’:

1.3.1.1.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà, għall-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, ta’ data eżistenti dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u rotot rakkomandati) miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew mis-settur privat;

1.3.1.2.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-fornituri tas-servizzi tas-STI u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

1.3.1.3.

l-aġġornament f’waqtu, mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew, fejn rilevanti, mis-settur privat, tad-data dwar it-toroq u dwar it-traffiku (jiġifieri l-pjanijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rotot rakkomandati);

1.3.1.4.

l-aġġornament f’waqtu, mill-fornituri tas-servizzi tas-STI, tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tas-STI bl-użu ta’ din id-data dwar it-toroq u t-traffiku.

1.3.2.

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex id-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-infrastruttura rilevanti tal-ivvjaġġar u multimodali użata għall-mapep diġitali tkun akkurata u disponibbli, fejn ikun possibbli, għall-produtturi u għall-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali, abbażi ta’:

1.3.2.1.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ data eżistenti dwar it-toroq, it-traffiku u l-infrastruttura rilevanti tal-ivvjaġġar u multimodali, inkluż in-nodi ta’ aċċess identifikati, użati għall-mapep diġitali, għall-produtturi u l-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali;

1.3.2.2.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-produtturi u l-fornituri tas-servizzi privati tal-mapep diġitali;

1.3.2.3.

l-aġġornament f’waqtu tad-data dwar it-toroq u t-traffiku għall-mapep diġitali mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet ikkonċernati;

1.3.2.4.

l-aġġornament f’waqtu tal-mapep diġitali mill-produtturi u mill-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali.

2.   Qasam ta’ prijorità II: Servizzi tas-STI tal-ivvjaġġar, tat-trasport u tal-ġestjoni tat-traffiku

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għas-servizzi tas-STI tal-ivvjaġġar, tat-trasport u tal-ġestjoni tat-traffiku għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

2.1.

Speċifikazzjonijiet għal servizzi mtejba ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa għall-appoġġ u għall-armonizzazzjoni ta’ servizzi mtejba ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti, abbażi ta’:

2.1.1.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ data eżistenti u akkurata dwar it-toroq u t-traffiku u ta’ data dwar l-aċċidenti u l-inċidenti meħtieġa għas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti;

2.1.2.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data, inkluż id-data dwar il-merkanzija rilevanti għall-ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti (pereżempju ġarr ta’ oġġetti perikolużi, restrizzjonijiet tal-aċċess relatati mal-merkanzija, vaguni ta’ daqs eċċessiv), bejn iċ-ċentri tal-ġestjoni tat-traffiku, iċ-ċentri tal-informazzjoni dwar it-traffiku, il-partijiet ikkonċernati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-STI, bejn il-fruntieri, b’mod partikolari permezz ta’ interkonnessjonijiet standardizzati;

2.1.3.

l-aġġornament f’waqtu tad-data disponibbli dwar it-toroq u t-traffiku u d-data dwar l-aċċidenti u l-inċidenti meħtieġa għal servizzi mtejba ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti mill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

2.1.4.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data u s-sinerġiji ma’ inizjattivi oħra li għandhom l-għan li jappoġġaw il-multimodalità, l-integrazzjoni tal-modi u l-faċilitazzjoni tal-bidla modali fuq in-network Ewropew tat-trasport lejn l-aktar modi sostenibbli tat-trasport, permezz tal-armonizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kondiviżjoni tad-data (*1)ħidma mwettqa mill-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali (DTLF).

2.2.

Speċifikazzjonijiet għas-servizzi ta’ ġestjoni tal-mobbiltà

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ servizzi akkurati ta’ ġestjoni tal-mobbiltà mill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku, abbażi ta’:

2.2.1.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà, f’format standardizzat, ta’ data eżistenti u akkurata dwar l-ivvjaġġar bit-triq u multimodali u dwar it-traffiku, meħtieġa għall-ġestjoni tal-mobbiltà, għall-awtoritajiet pubbliċi rilevanti mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data;

2.2.2.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet ikkonċernati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-STI, b’mod transfruntier;

2.2.3.

l-aġġornament f’waqtu tad-data disponibbli dwar l-ivvjaġġar bit-triq u multimodali u dwar it-traffiku, meħtieġa għall-ġestjoni tal-mobbiltà mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

2.3.

Qafas tal-UE għall-arkitettura tas-STI

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tal-arkitettura qafas tal-UE tas-STI, li jindirizzaw speċifikament l-interoperabbiltà, il-kontinwità tas-servizzi u l-aspetti multimodali relatati mas-STI, fejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom f’kooperazzjoni mas-settur privat jistgħu jiżviluppaw l-arkitettura tas-STI proprja tagħhom għall-mobbiltà fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

2.4.

Applikazzjonijiet tas-STI u loġistika tat-trasport tal-merkanzija

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi appoġġata r-realizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-STI għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija, b’mod partikolari r-rintraċċar u t-traċċar tal-merkanzija u ta’ servizzi oħra ta’ viżibbiltà matul il-vjaġġ tagħha u f’mezzi tat-trasport differenti, abbażi ta’:

2.4.1.

id-disponibbiltà tat-teknoloġiji rilevanti tas-STI u l-użu tagħhom mill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet tas-STI;

2.4.2.

id-disponibbiltà ta’ data relatata mal-merkanzija, aċċessibbli permezz ta’ oqfsa speċifiċi oħra ta’ kondiviżjoni tad-data (*2)

2.4.3.

l-integrazzjoni tar-riżultati tal-pożizzjonament fl-għodod u fiċ-ċentri tal-ġestjoni tat-traffiku.

3.   Qasam ta’ prijorità III: Servizzi tas-STI ta’ sikurezza u sigurtà fit-toroq

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għas-servizzi tas-STI ta’ sikurezza u sigurtà fit-toroq għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

3.1.

Speċifikazzjonijiet għall-eCall interoperabbli fl-UE kollha

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha, li jinkludu:

3.1.1.

id-disponibbiltà tad-data tas-STI meħtieġa fil-vetturi li trid tiġi skambjata;

3.1.2.

id-disponibbiltà tat-tagħmir meħtieġ fiċ-ċentri ta’ rispons għal sejħiet ta’ emerġenza li jirċievu d-data li tkun ntbagħtet mill-vetturi;

3.1.3.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn il-vetturi u ċ-ċentri ta’ rispons għal sejħiet ta’ emerġenza, inkluż l-interazzjoni possibbli mad-data fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1056 u mal-e-CMR (*3), pereżempju fil-każ ta’ oġġetti perikolużi.

3.2.

Speċifikazzjonijiet għas-servizzi ta’ informazzjoni u ta’ prenotazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u siguri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi ta’ informazzjoni u, fejn disponibbli, ta’ prenotazzjoni bbażati fuq is-STI għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u siguri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali, b’mod partikolari f’żoni ta’ servizz u ta’ mistrieħ fit-toroq, abbażi ta’:

3.2.1.

id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-parkeġġ fit-toroq għall-utenti;

3.2.2.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn is-siti u l-ispazji ta’ parkeġġ fit-toroq, iċ-ċentri u l-vetturi;

3.2.3.

l-integrazzjoni tat-teknoloġiji rilevanti tas-STI kemm fil-vetturi kif ukoll fil-faċilitajiet tal-parkeġġ fit-toroq biex tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar l-ispazji ta’ parkeġġ disponibbli għall-finijiet ta’ prenotazzjoni.

3.3.

Speċifikazzjonijiet għall-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi, għall-“informazzjoni universali dwar it-traffiku” relatata mas-sikurezza fit-toroq ipprovduta, fejn ikun possibbli, mingħajr ħlas għall-utenti kollha tat-toroq, kif ukoll il-kontenut minimu tagħhom, abbażi ta’:

3.3.1.

id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ data akkurata dwar l-avvenimenti relatati mas-sikurezza u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-informazzjoni dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza u għas-servizzi ta’ ġestjoni tal-inċidenti;

3.3.2.

il-varar jew l-użu tal-mezzi biex jinstabu jew biex jiġu identifikati avvenimenti u kundizzjonijiet relatati mas-sikurezza;

3.3.3.

l-identifikazzjoni u l-użu ta’ lista standardizzata ta’ avvenimenti tat-traffiku relatati mas-sikurezza (“messaġġi universali dwar it-traffiku”) li jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-utenti tas-STI mingħajr ħlas;

3.3.4.

il-kompatibbiltà u l-integrazzjoni tal-“messaġġi universali dwar it-traffiku” fis-servizzi tas-STI għal informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali u l-ivvjaġġar multimodali.

3.4.

Speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra

3.4.1.

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tiġi appoġġata s-sikurezza tal-utenti tat-triq fir-rigward tal-Interkonnessjoni bejn il-Magni u l-Bniedem abbord il-vetturi u l-użu ta’ apparat nomadiku inkluż mowbajls, biex jiġu appoġġati l-attività tas-sewqan u/jew l-operazzjoni ta’ trasport, kif ukoll is-sigurtà tal-komunikazzjonijiet fil-vetturi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 167/2013 (*4), (UE) Nru 168/2013 (*5) u (UE) 2018/858 (*6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.4.2.

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jittejbu s-sikurezza u l-kumdità tal-utenti vulnerabbli tat-triq għall-applikazzjonijiet rilevanti kollha tas-STI li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2018/858.

3.4.3.

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-integrazzjoni ta’ sistemi avvanzati ta’ informazzjoni ta’ appoġġ għas-sewwieqa fil-vetturi u fl-infrastruttura tat-toroq li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2018/858.

3.4.4.

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-applikazzjonijiet tas-STI tas-sigurtà, bħal appoġġ għall-irkupru ta’ vetturi jew ta’ oġġetti misruqa, u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ oqfsa eżistenti u emerġenti oħra li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tad-data fil-qasam tal-mobbiltà u t-trasport li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2018/858.

4.   Qasam ta’ prijorità IV: Servizzi tas-STI għal mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għall-konnessjoni tal-vetturi mal-infrastruttura tat-trasport, għas-sensibilizzazzjoni u biex isiru possibbli servizzi ta’ mobbiltà awtomatizzati ħafna għandhom jinkludu dan li ġej, mingħajr preġudizzju għall-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards fir-Regolamenti (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2018/858:

4.1.

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex isir aktar progress fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti kooperattivi (vettura-vettura, vettura-infrastruttura, infrastruttura-infrastruttura), b’mod partikolari biex jappoġġaw is-CCAM, abbażi ta’:

4.1.1.

il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ data jew ta’ informazzjoni bejn vetturi, bejn infrastrutturi u bejn vetturi u infrastrutturi u bejn utenti oħra tat-triq u l-vetturi u l-infrastrutturi;

4.1.2.

id-disponibbiltà tad-data jew tal-informazzjoni rilevanti li għandha tiġi skambjata għall-partijiet rispettivi tal-vetturi jew tal-infrastruttura tat-toroq;

4.1.3.

l-użu ta’ format standardizzat tal-messaġġi għal dan l-iskambju ta’ data jew informazzjoni bejn vetturi u infrastruttura;

4.1.4.

id-definizzjoni ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni akkurata u affidabbli għall-iskambju ta’ data jew informazzjoni bejn vetturi, bejn infrastrutturi u bejn vetturi u infrastrutturi;

4.1.5.

l-użu ta’ proċessi ta’ standardizzazzjoni biex jiġu adottati l-arkitetturi rispettivi.

4.2.

Speċifikazzjonijiet għas-servizzi

4.2.1.

Servizzi ta’ informazzjoni u ta’ twissija tas-STI-K abbażi ta’ data dwar l-istatus li jżidu l-għarfien tal-utenti tat-trasport dwar sitwazzjonijiet tat-traffiku li jkunu ġejjin;

4.2.2.

Servizzi ta’ informazzjoni u ta’ twissija tas-STI-K abbażi ta’ osservazzjonijiet li jkomplu jżidu l-għarfien tal-utenti tat-trasport dwar sitwazzjonijiet tat-traffiku li jkunu ġejjin, inkluż l-utenti tat-trasport mhux konnessi;

4.2.3.

Servizzi tas-STI-K abbażi ta’ intenzjonijiet li jippermettu lill-vetturi jindirizzaw xenarji kumplessi tat-traffiku u jippermettu sewqan awtomatizzat ħafna;

4.2.4.

Servizzi tal-infrastruttura tas-STI-K li jappoġġaw is-sewqan awtomatizzat.

4.3.

Speċifikazzjonijiet għas-sistema ta’ ġestjoni tal-kredenzjali ta’ sigurtà tas-STI-K tal-UE

4.3.1.

il-politika taċ-ċertifikati għall-ġestjoni taċ-ċertifikati taċ-ċavetta pubblika għas-servizzi tas-STI-K;

4.3.2.

l-istabbiliment tar-rwol tal-awtorità tal-politika taċ-ċertifikati tas-STI-K, tal-maniġer tal-lista ta’ fiduċja tas-STI-K u tal-punt ta’ kuntatt tas-STI-K;

4.3.3.

il-politika ta’ sigurtà għall-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni fis-STI-K.

.

(*1)  Bħar-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33), u

(*2)  Bħar-Regolament (UE) 2020/1056.

(*3)  Il-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq (CMR) dwar in-nota ta’ konsenja elettronika.

(*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).”

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).”


ANNESS II

“ANNESS II

PRINĊIPJI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET U L-VARAR TAS-STI

(kif imsemmija fl-Artikoli 5, 6, 7 u 8)

L-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, il-ħruġ tal-mandati għall-istandards u l-għażla u l-varar tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI għandhom ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-ħtiġijiet li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, u għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin. Dawn il-miżuri għandhom:

(a)

ikunu effettivi

jagħtu kontribut tanġibbli għas-soluzzjoni tal-isfidi prinċipali li jaffettwaw it-trasportazzjoni bit-triq fl-Ewropa (pereżempju t-tnaqqis tal-konġestjoni, l-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u fenomeni meteoroloġiċi, it-tnaqqis tal-emissjonijiet, it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, il-ksib ta’ livelli ogħla ta’ sikurezza u sigurtà inkluż għall-utenti vulnerabbli tat-triq);

(b)

ikunu kosteffiċjenti

jottimizzaw il-proporzjon tal-kostijiet meta mqabbla mal-prestazzjoni fir-rigward tal-objettivi milħuqa;

(c)

ikunu proporzjonati

jipprevedu, fejn xieraq, livelli differenti li jistgħu jinkisbu fir-rigward tal-kwalità u l-varar tas-servizzi, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

(d)

jappoġġaw il-kontinwità tas-servizzi

jiżguraw servizzi mingħajr interruzzjoni fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fin-network trans-Ewropew, u fejn ikun possibbli fil-fruntieri esterni tagħha, meta jiġu varati s-servizzi tas-STI. Il-kontinwità tas-servizzi jenħtieġ li tkun żgurata f’livell adattat għall-karatteristiċi tan-networks tat-trasport li jikkollegaw pajjiżi ma’ pajjiżi, u fejn ikun il-każ, reġjuni ma’ reġjuni u bliet ma’ żoni rurali;

(e)

jipprovdu interoperabbiltà

jiżguraw li l-applikazzjonijiet tas-sistemi, is-servizzi u l-proċessi operazzjonali sottostanti jkollhom il-kapaċità għall-iskambju ta’ data u għall-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien f’format standardizzat sabiex ikun jista’ jiġi pprovdut servizz effettiv tas-STI;

(f)

jappoġġaw ir-retrokompatibbiltà

jiżguraw, fejn iġġustifikat, li s-STI jkunu kapaċi jaħdmu ma’ sistemi eżistenti li jikkondividu għan komuni, mingħajr ma jostakolaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u filwaqt li jappoġġaw, fejn rilevanti, il-komplementarjetà ma’ teknoloġiji ġodda jew it-tranżizzjoni għalihom;

(g)

jirrispettaw il-karatteristiċi tal-infrastruttura u tan-network nazzjonali eżistenti

iqisu d-differenzi inerenti fil-karatteristiċi tan-networks tat-trasport, b’mod partikolari fid-daqsijiet tal-volumi tat-traffiku u fil-kundizzjonijiet meteoroloġiċi fit-toroq u l-ispeċifiċitajiet tal-infrastrutturi;

(h)

jippromwovu l-ugwaljanza tal-aċċess

la jimpedixxu u lanqas jiddiskriminaw kontra l-aċċess għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI mill-utenti vulnerabbli tat-triq. Fejn rilevanti, ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882, meta l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI jkunu maħsuba bħala interfaċċa għal utenti tas-STI b’diżabbiltà, jew biex jipprovdulhom informazzjoni; ikunu faċli biex jintużaw minn persuni b’għarfien diġitali limitat;

(i)

jappoġġaw il-maturità

juru, wara valutazzjoni tar-riskju adatta, inkluż, fejn xieraq, testijiet f’kundizzjonijiet reali, fost il-manifatturi tal-vetturi u tat-tagħmir u l-fornituri tal-infrastruttura, ir-robustezza ta’ STI innovattivi, permezz ta’ livell suffiċjenti ta’ żvilupp tekniku u sfruttament operazzjonali;

(j)

jipprovdu kronometraġġ u pożizzjonament ta’ kwalità

jiżguraw il-kompatibbiltà tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI, li jiddependu mill-kronometraġġ jew mill-pożizzjonament, tal-inqas mas-servizzi ta’ navigazzjoni provduti mis-sistema Galileo, inkluż l-Awtentikazzjoni tal-Messaġġi ta’ Navigazzjoni b’Servizz Miftuħ u servizzi oħra ta’ Galileo bħas-Servizz b’Akkuratezza Għolja, meta dan is-servizz isir disponibbli, u mis-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS).

Fejn xieraq, jiżguraw li l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI li jiddependu minn data ta’ osservazzjoni tad-dinja jużaw id-data, l-informazzjoni jew is-servizzi ta’ Copernicus. Jistgħu jintużaw ukoll kemm data kif ukoll servizzi oħra minbarra d-data ta’ Copernicus;

(k)

jiffaċilitaw l-intermodalità

iqisu l-koordinazzjoni tad-diversi mezzi tat-trasport, fejn xieraq, waqt il-varar tas-STI;

(l)

jirrispettaw il-koerenza

iqisu r-regoli, il-politiki u l-attivitajiet eżistenti tal-Unjoni li huma rilevanti fil-qasam tas-STI, b’mod partikolari fil-qasam tal-istandardizzazzjoni u, għall-ispeċifikazzjonijiet, il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2018/1972;

(m)

jipprovdu trasparenza u fiduċja

jipprovdu trasparenza, pereżempju billi jiżguraw trasparenza fil-klassifikazzjoni, inkluż dwar effetti ambjentali, meta jiġu proposti opzjonijiet ta’ mobbiltà lill-klijenti.


ANNESS III

“ANNESS III

Lista tat-tipi ta’ data

Tip ta’ data

Kopertura ġeografika

Data msemmija fl-Artikolu 6a(1), it-tieni subparagrafu

Data msemmija fl-Artikolu 6a(1), it-tielet subparagrafu

1.

Data relatata mal-forniment ta’ informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq u servizzi ta’ navigazzjoni fl-UE kollha (kif imsemmi fl-Anness I, Qasam ta’ prijorità I, paragrafi 1.2, 1.3):

1.1.

Kategorija: Regolamenti tat-traffiku statiċi u dinamiċi, fejn applikabbli, inkluż:

Sottokategorija:

il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-mini

il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-pontijiet

il-limiti tal-veloċità

il-projbizzjonijiet ta’ sorpass għal vetturi tqal tal-merkanzija

restrizzjonijiet fuq il-piż/it-tul/il-wisa’/l-għoli

In-network trans-Ewropew ewlieni għat-toroq

31 ta’ Diċembru 2025

fil-31 ta’ Diċembru 2027.

In-network trans-Ewropew komprensiv għat-toroq, awtostradi oħra u sezzjonijiet ta’ toroq primarji, fejn il-medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum hija aktar minn 8 500 vettura, u t-toroq kollha tal-ibliet fiċ-ċentru ta’ kull Nodu Urban kif definit fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u elenkati f’dak ir-Regolament, inkluż dawk amministrati mill-ibliet. L-Istat Membru jista’ jagħżel li jillimita l-kopertura tal-ibliet fiċ-ċentru tan-Nodi Urbani għat-toroq fejn it-traffiku ta’ kuljum annwali jkun bħala medja aktar minn 7 000 vettura. L-Istat Membru li jieħu dik id-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sal-31 ta’ Diċembru 2026

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

fil-31 ta’ Diċembru 2028.

Sottokategorija:

toroq f’direzzjoni waħda

L-infrastruttura tat-toroq tal-ibliet fiċ-ċentru ta’ kull Nodu Urban kif definit fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013

fil-31 ta’ Diċembru 2025.

fil-31 ta’ Diċembru 2027.

Sottokategorija:

regolamenti dwar il-kunsinna ta’ merkanzija

L-infrastruttura tat-toroq tal-ibliet fiċ-ċentru ta’ kull Nodu Urban kif definit fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Atti delegati li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 7(1a), il-punti (a), (b) u (c)

Sottokategorija:

id-direzzjoni tal-ivvjaġġar f’korsiji riversibbli

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq, awtostradi oħra u sezzjonijiet ta’ toroq primarji, fejn il-medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum hija aktar minn 8 500 vettura, u t-toroq kollha tal-ibliet fiċ-ċentru ta’ kull Nodu Urban kif definit fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u elenkati f’dak ir-Regolament, inkluż dawk amministrati mill-ibliet. L-Istat Membru jista’ jagħżel li jillimita l-kopertura tal-ibliet fiċ-ċentru tan-Nodi Urbani għat-toroq fejn it-traffiku ta’ kuljum annwali jkun aktar minn medja ta’ 7 000 vettura. L-Istat Membru li jieħu dik id-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sal-31 ta’ Diċembru 2026

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Atti delegati li għandhom jiġu adottati skont l- Artikolu 7(1a), il-punti (a), (b) u (c

Sottokategorija:

pjanijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq, awtostradi oħra u sezzjonijiet ta’ toroq primarji, fejn il-medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum hija aktar minn 8 500 vettura, u t-toroq kollha tal-ibliet fiċ-ċentru ta’ kull Nodu Urban kif definit fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u elenkati f’dak ir-Regolament, inkluż dawk amministrati mill-ibliet. L-Istat Membru jista’ jagħżel li jillimita l-kopertura tal-ibliet fiċ-ċentru tan-Nodi Urbani għat-toroq fejn it-traffiku ta’ kuljum annwali jkun aktar minn medja ta’ 7 000 vettura. L-Istat Membru li jieħu dik id-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sal-31 ta’ Diċembru 2028

fil-31 ta’ Diċembru 2028.

Atti delegati li għandhom jiġu adottati skont l- Artikolu 7(1a), il-punti (a), (b) u (c

Sottokategorija:

restrizzjonijiet permanenti ta’ aċċess

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq, awtostradi oħra u sezzjonijiet ta’ toroq primarji, fejn il-medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum hija aktar minn 8 500 vettura, u t-toroq kollha tal-ibliet fiċ-ċentru ta’ kull Nodu Urban kif definit fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u elenkati f’dak ir-Regolament, inkluż dawk amministrati mill-ibliet. L-Istat Membru jista’ jagħżel li jillimita l-kopertura tal-ibliet fiċ-ċentru tan-Nodi Urbani għat-toroq fejn it-traffiku ta’ kuljum annwali jkun aktar minn medja ta’ 7 000 vettura. L-Istat Membru li jieħu dik id-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sal-31 ta’ Diċembru 2026

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Atti delegati li għandhom jiġu adottati skont l- Artikolu 7(1a), il-punti (a), (b) u (c)

Sottokategorija:

il-konfini tar-restrizzjonijiet, il-projbizzjonijiet jew l-obbligi b’validità żonali, l-istatus ta’ aċċess attwali u l-kundizzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni f’żoni tat-traffiku rregolati

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq, awtostradi oħra u sezzjonijiet ta’ toroq primarji, fejn il-medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum hija aktar minn 8 500 vettura, u t-toroq kollha tal-ibliet fiċ-ċentru ta’ kull Nodu Urban kif definit fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u elenkati f’dak ir-Regolament, inkluż dawk amministrati mill-ibliet. L-Istat Membru jista’ jagħżel li jillimita l-kopertura tal-ibliet fiċ-ċentru tan-Nodi Urbani għat-toroq fejn it-traffiku ta’ kuljum annwali jkun aktar minn medja ta’ 7 000 vettura. L-Istat Membru li jieħu dik id-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan sal-31 ta’ Diċembru 2026

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Atti delegati li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu Artikolu 7(1a), il-punti (a), (b) u (c

1.2.

Tipi ta’ data dwar l-istat tan-network:

Sottokategorija:

toroq magħluqa

korsiji magħluqa

xogħlijiet fit-triq

In-network trans-Ewropew ewlieni għat-toroq

31 ta’ Diċembru 2025

Mhux applikabbli (nota 1)

In-network trans-Ewropew komprensiv għat-toroq

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Mhux applikabbli (nota 1)

Sottokategorija:

miżuri temporanji għall-ġestjoni tat-traffiku

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq

fil-31 ta’ Diċembru 2028.

Mhux applikabbli (nota 1)

2.

Data relatata ma’ informazzjoni u servizzi ta’ prenotazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (kif imsemmi fl-Anness I, Qasam ta’ prijorità III, paragrafu 3.2):

Kategorija: data statika

Sottokategorija:

data statika relatata maż-żoni ta’ parkeġġ

informazzjoni dwar is-sikurezza u t-tagħmir taż-żona ta’ parkeġġ

In-network trans-Ewropew ewlieni għat-toroq

fil-31 ta’ Diċembru 2025.

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

In-network trans-Ewropew komprensiv għat-toroq

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

fil-31 ta’ Diċembru 2027.

Kategorija: data dinamika

Sottokategorija:

data dinamika dwar id-disponibbiltà tal-postijiet ta’ parkeġġ inkluż jekk parkeġġ huwiex: mimli, magħluq, jew l-għadd ta’ postijiet vojta disponibbli.

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq

fil-31 ta’ Diċembru 2027.

Mhux applikabbli (nota 1)

3.

Data dwar avvenimenti u kundizzjonijiet identifikati relatati mas-sikurezza fit-toroq li jikkonċernaw l-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq (kif imsemmi fl-Anness I, Qasam ta’ prijorità III, paragrafu 3.3):

Kategorija: data dinamika

Sottokategorija:

triq temporanjament tiżloq

annimal, persuni, ostakli, skart fit-triq

żona ta’ aċċidenti mhux protetta

xogħlijiet fit-triq għal żmien qasir

sewwieq fid-direzzjoni l-ħażina

imblukkar mhux ġestit ta’ triq

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq u għal awtostradi oħra mhux inklużi f’dak in-network

fil-31 ta’ Diċembru 2025.

Mhux applikabbli (nota 1)

Sottokategorija:

viżibbiltà mnaqqsa

kundizzjonijiet meteoroloġiċi eċċezzjonali

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq u għal awtostradi oħra mhux inklużi f’dak in-network

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Mhux applikabbli (nota 1)

4.

Data statika dwar it-traffiku multimodali għal servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha (kif imsemmi fl-Anness I, Qasam ta’ prijorità I, paragrafi 1.1 u 1.3):

Kategorija

Il-lokalizzazzjoni tan-nodi ta’ aċċess identifikati għall-modi skedati kollha, inkluż informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tan-nodi ta’ aċċess u tal-korsiji f’interkambju (bħall-eżistenza ta’ liftijiet, skali mobbli)

Nodi urbani kif definiti fl-Artikolu 3, punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u elenkati f’dak ir-Regolament, inkluż dawk amministrati mill-ibliet

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Atti delegati li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 7(1a), il-punti (), (b) u(c)

In-network kollu tat-trasport tal-Unjoni

fil-31 ta’ Diċembru 2028.

Atti delegati li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 7(1a), il-punti (a), (b) u (c)

NOTA 1:

“Mhux applikabbli: l-ebda obbligu biex id-data li tinħoloq jew li tiġi aġġornata qabel id-data stipulata fit-tielet kolonna ta’ dan l-Anness issir disponibbli skont l-Artikolu 6a(1)".
“.

(1)  Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).


ANNESS IV

“ANNESS IV

Lista ta’ servizzi tas-STI

Servizz

Kopertura ġeografika

Data

Servizz ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq (SRTI) kif imsemmi fl-Anness I, qasam ta’ prijorità III, paragrafu 3.3

In-network trans-Ewropew ewlieni u dak komprensiv għat-toroq

fil-31 ta’ Diċembru 2026.

“.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2661/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)