|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2634 |
29.11.2023 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2634
tas-27 ta’ Novembru 2023
dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Uffiċċju Pollakk għar-Reġistrazzjoni tal-Prodotti Mediċinali, l-Apparat Mediku u l-Prodotti Bijoċidali li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2023) 7951)
(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-13 ta’ Marzu 2023, f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Uffiċċju Pollakk għar-Reġistrazzjoni tal-Prodotti Mediċinali, l-Apparat Mediku u l-Prodotti Bijoċidali (“l-awtorità kompetenti Pollakka”) adotta deċiżjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF mill-utenti professjonali għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”) sad-9 ta’ Settembru 2023. F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti Pollakka infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha. |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti Pollakka, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru hija kkawżata minn mikroorganiżmi, bħall-batterji, il-moffa u l-ħmira, li jikbru fl-ilma qiegħed u li jalimentaw ruħhom bl-idrokarburi tal-fjuwil fl-interfaċċa bejn il-fjuwil u l-ilma. Mingħajr trattament, il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magni tal-inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika u, fejn tinstab tali kontaminazzjoni, it-trattament tagħha, huma għalhekk kruċjali sabiex jiġu evitati l-problemi operattivi fl-inġenji tal-ajru. |
|
(3) |
Biobor JF fih it–2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 2665-13-6) u t–2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 14697-50-8) bħala sustanzi attivi. Biobor JF huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, (“preservattivi għal prodotti matul il-ħżin”), kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It–2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) u t–2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) ma ġewx evalwati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6. Billi dawk is-sustanzi mhumiex elenkati fost il-kombinamenti ta’ sustanzi/tipi ta’ prodotti inklużi fil-programm ta’ rieżami fis-17 ta’ Marzu 2022, kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali. |
|
(4) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti Pollakka biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u abbażi tal-argument li Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti Pollakka, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenju tal-ajru għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (jiġifieri, Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji severi fl-imġiba tal-magni tal-inġenji tal-ajru li kienu osservati wara t-trattament b’dak il-prodott. Għalhekk, Biobor JF huwa l-uniku prodott disponibbli għal dak l-użu rrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru. |
|
(6) |
Kif indikat mill-awtorità kompetenti Pollakka, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri rrakkomandati mill-manifatturi tal-magni tal-inġenji tal-ajru jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta jkun possibbli t-tindif mekkaniku. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ li jkun evitat. |
|
(7) |
Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, il-manifattur ta’ Biobor JF ħa passi għall-awtorizzazzjoni tal-prodott. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih Biobor JF hija mistennija li tiġi ppreżentata fl-ewwel nofs tal-2024. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew. |
|
(8) |
In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtorità kompetenti Pollakka titħalla testendi l-azzjoni. |
|
(9) |
Billi l-azzjoni skadiet fid-9 ta’ Settembru 2023, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Uffiċċju Pollakk għar-Reġistrazzjoni tal-Prodotti Mediċinali, l-Apparat Mediku u l-Prodotti Bijoċidali jista’ jestendi sat-13 ta’ Marzu 2025 l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu minn utenti professjonali tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Uffiċċju Pollakk għar-Reġistrazzjoni tal-Prodotti Mediċinali, l-Apparat Mediku u l-Prodotti Bijoċidali.
Għandha tapplika mill-10 ta’ Settembru 2023.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294 10.10.2014, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2634/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)