European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2631

30.11.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2631 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Novembru 2023

dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, ċirkolari u ġusta hija kruċjali biex jiġu żgurati l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni u l-benessri tal-popli tagħha. Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), ġie approvat mill-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016 (3). L-Artikolu 2(1), il-punt (c), tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-theddida tat-tibdil fil-klima billi, fost affarijiet oħrajn, il-flussi tal-finanzi jsiru konsistenti ma’ żvilupp reżiljenti għall-klima. Il-mira tal-Unjoni ta’ newtralità klimatika sal-2050 hija konsistenti ma’ dak l-objettiv.

(2)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ Jannar 2020 intitolata “Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli. Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni pprevediet l-istabbiliment ta’ standard għall-bonds ambjentalment sostenibbli biex ikomplu jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ investiment u tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ investimenti ambjentalment sostenibbli permezz ta’ tikketti ċari. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva għal standard għall-bonds ekoloġiċi. Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli (4) u tat-13 ta’ Novembru 2020 dwar il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli – Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku (5), il-Parlament Ewropew issottolinja l-ħtieġa ta’ standard Ewropew għall-bonds ekoloġiċi.

(3)

Il-bonds ambjentalment sostenibbli huma wieħed mill-istrumenti ewlenin għall-finanzjament ta’ investiment relatat ma’ teknoloġiji ambjentalment sostenibbli, mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi kif ukoll mal-infrastruttura tat-trasport u mal-infrastruttura tar-riċerka ambjentalment sostenibbli. L-impriżi finanzjarji u l-impriżi mhux finanzjarji, kif ukoll l-entitajiet mhux korporattivi bħas-sovrani, jistgħu joħorġu dawn il-bonds. Id-diversi inizjattivi eżistenti għall-bonds ambjentalment sostenibbli ma fihomx definizzjonijiet komuni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Dak jipprevjeni lill-investituri milli jidentifikaw faċilment bonds li r-rikavati minnhom ikunu allinjati ma’, jew jikkontribwixxu għal, l-objettivi ambjentali stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi.

(4)

Fit-8 ta’ Lulju 2021, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta pjan direzzjonali dwar il-klima sabiex jinkorpora aktar il-kunsiderazzjonijiet rigward it-tibdil fil-klima fil-qafas tal-politika monetarja tiegħu u fl-operazzjonijiet tiegħu fl-oqsma tad-divulgazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju, il-qafas kollaterali u x-xiri ta’ assi tas-settur korporattiv. Dan ir-Regolament jista’ jkun utli f’dak ir-rigward.

(5)

Regoli diverġenti dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni, dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ rieżaminaturi esterni ta’ bonds ambjentalment sostenibbli, u dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà għal proġetti ambjentalment sostenibbli, jimpedixxu l-kapaċità tal-investituri li jidentifikaw, jafdaw u jqabblu bonds ambjentalment sostenibbli, u l-kapaċità tal-emittenti li jużaw bonds ambjentalment sostenibbli biex ibiddlu l-attivitajiet tagħhom f’mudelli kummerċjali aktar sostenibbli ambjentalment.

(6)

Fl-iżgurar tal-allinjament mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, u minħabba diverġenzi eżistenti u n-nuqqas ta’ regoli komuni, huwa probabbli li l-Istati Membri jadottaw miżuri u approċċi diverġenti, li mbagħad se jkollhom impatt negattiv dirett fuq, u joħolqu ostakli, għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, u jkunu ta’ detriment għall-emittenti ta’ bonds ambjentalment sostenibbli. L-iżvilupp parallel tal-prattiki tas-suq abbażi ta’ prijoritajiet xprunati kummerċjalment li jipproduċu riżultati diverġenti jista’ jikkawża frammentazzjoni tas-suq u jirriskja li jkompli jaggrava l-ineffiċjenzi fil-funzjonament tas-suq intern. Standards u prattiki tas-suq diverġenti jagħmluha diffiċli li jitqabblu bonds differenti, joħolqu kundizzjonijiet tas-suq mhux uniformi għall-emittenti, jikkawżaw ostakli addizzjonali fis-suq intern u jżidu r-riskju ta’ greenwashing u ta’ tfixkil tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment.

(7)

In-nuqqas ta’ regoli armonizzati għall-proċeduri użati mir-rieżaminaturi esterni għar-rieżami tal-bonds ambjentalment sostenibbli u definizzjonijiet diverġenti ta’ attivitajiet ambjentalment sostenibbli jagħmluha dejjem aktar diffiċli għall-investituri biex iqabblu b’mod effettiv il-bonds fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-objettivi ambjentali tagħhom. Is-suq għall-bonds ambjentalment sostenibbli huwa internazzjonali b’mod inerenti, bil-parteċipanti fis-suq jinnegozjaw bonds u jagħmlu użu minn servizzi ta’ rieżami estern minn fornituri terzi ta’ servizzi bejn il-fruntieri. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ tnaqqas ir-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq intern għall-bonds ambjentalment sostenibbli u għas-servizzi ta’ rieżami estern relatati mal-bonds, u tgħin fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fis-suq għal dawn il-bonds.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett uniformi ta’ rekwiżiti speċifiċi għal bonds maħruġa minn impriżi finanzjarji u impriżi mhux finanzjarji u sovrani li jixtiequ jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” għal dawn il-bonds. L-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kwalità għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej fil-forma ta’ regolament jenħtieġ li tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-ħruġ ta’ dawn il-bonds billi tevita rekwiżiti nazzjonali diverġenti li jistgħu jirriżultaw mit-traspożizzjoni ta’ direttiva, u jenħtieġ li tiżgura wkoll li dawk il-kundizzjonijiet ikunu direttament applikabbli għall-emittenti ta’ dawn il-bonds. L-emittenti li jixtiequ jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” jenħtieġ li jsegwu l-istess regoli madwar l-Unjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-suq billi jnaqqsu d-diskrepanzi u b’hekk jitnaqqsu wkoll il-kostijiet għall-investituri tal-valutazzjoni ta’ tali bonds. Biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil u jiġi indirizzat il-greenwashing, jenħtieġ li jiġu pprovduti mudelli ta’ divulgazzjoni fakultattiva dwar is-sostenibbiltà kemm għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli kif ukoll għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà.

(9)

Fis-suq tal-bonds, il-bonds marbuta mas-sostenibbiltà jinkludu kwalunkwe tip ta’ strument ta’ bond li fir-rigward tiegħu l-karatteristiċi finanzjarji jew strutturali jvarjaw skont jekk l-emittent jilħaqx objettivi predefiniti ta’ sostenibbiltà jew ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Peress li dan ir-Regolament ikopri biss is-sostenibbiltà ambjentali, id-definizzjoni ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tinkludi biss bonds li l-karatteristiċi finanzjarji jew strutturali tagħhom ivarjaw skont jekk l-emittent jilħaqx objettivi predefiniti ta’ sostenibbiltà ambjentali.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2020/852 jiddistingwi, fi ħdan attivitajiet ambjentalment sostenibbli, attivitajiet ta’ faċilitazzjoni u ta’ tranżizzjoni li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli taħt ċerti kundizzjonijiet. Dik l-istess distinzjoni jenħtieġ li ssir ukoll fid-divulgazzjonijiet għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej kif ukoll għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà, b’rekwiżiti speċifiċi ta’ trasparenza għall-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari u l-gass fossili, fejn tali attivitajiet ikunu koperti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 (7).

(11)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2020/852, u sabiex l-investituri jiġu pprovduti b’definizzjonijiet ċari, kwantitattivi, dettaljati u komuni, jenħtieġ li jintużaw il-kriterji stabbiliti f’dak ir-Regolament sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli. Ir-rikavati minn bonds li jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” jenħtieġ li jiġu allokati lil attivitajiet ekonomiċi li jew ikunu ambjentalment sostenibbli, u għalhekk ikunu allinjati mal-objettivi ambjentali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/852, jew li jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni tal-attivitajiet ħalli jkunu jistgħu jissodisfaw il-kriterji sabiex isiru ambjentalment sostenibbli. L-emittenti jenħtieġ li fi kwalunkwe każ jallokaw ir-rikavati kollha mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej tagħhom qabel il-maturità ta’ kull bond filwaqt li jitħallew inaqqsu l-kostijiet tal-ħruġ li huma direttament relatati mal-ħruġ tal-bonds. Jenħtieġ li jkun possibbli li r-rikavati minn dawk il-bonds jintużaw biex jiffinanzjaw dawn l-attivitajiet ambjentalment sostenibbli kemm direttament permezz tal-finanzjament ta’ assi u nefqa li jkunu relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw il-kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/852 (ir-“rekwiżiti tat-tassonomija”), kif ukoll indirettament, taħt ċerti kundizzjonijiet, permezz ta’ assi finanzjarji li jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw dawk il-kriterji. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kategoriji ta’ assi u nefqa li jistgħu jiġu ffinanzjati bir-rikavati minn Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

(12)

Ir-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi li jkollhom impatt pożittiv dejjiemi fuq l-ambjent. Dan l-impatt pożittiv dejjiemi jista’ jinkiseb b’diversi modi. Peress li l-assi fissi huma tipikament assi fit-tul, l-ewwel mod huwa li jintużaw ir-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej biex jiffinanzjaw assi fissi tanġibbli jew assi fissi intanġibbli li ma jkunux assi finanzjarji, dment li dawk l-assi fissi jkunu relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija. Peress li l-assi finanzjarji jistgħu jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi b’impatt pożittiv dejjiemi fuq l-ambjent, it-tieni mod huwa li jintużaw ir-rikavati tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej biex jiffinanzjaw assi finanzjarji, dment li r-rikavati ta’ dawk l-assi finanzjarji jiġu allokati direttament, jew indirettament permezz ta’ assi finanzjarji sussegwenti, għal attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk l-assi finanzjarji jiġu allokati għal massimu ta’ tliet assi finanzjarji sussegwenti f’suċċessjoni u l-emittenti jenħtieġ li jiżguraw li jkun possibbli għar-rieżaminaturi esterni li jirrieżaminaw b’mod effettiv l-allokazzjoni finali tar-rikavati. Peress li l-assi tal-unitajiet domestiċi jista’ jkollhom ukoll impatt pożittiv dejjiemi fuq l-ambjent, it-tielet mod huwa li r-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jintużaw biex jiffinanzjaw l-assi u n-nefqa tal-unitajiet domestiċi. Barra minn hekk, peress li n-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja magħżula jistgħu jintużaw biex jinkisbu, jittejbu jew jinżammu assi fissi, ir-raba’ mod huwa li jintużaw ir-rikavati tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej biex jiffinanzjaw nefqa kapitali u operatorja li tkun relatata ma’ attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija jew li se jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti f’perjodu raġonevolment qasir mill-ħruġ tal-bond ikkonċernat, dment li l-emittent ikun ippubblika pjan biex jespandi l-attivitajiet ekonomiċi li jkunu allinjati mar-Regolament (UE) 2020/852 (“allinjati mat-tassonomija”) jew biex jippermetti li l-attivitajiet ekonomiċi jsiru allinjati mat-tassonomija f’konformità mal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 (8) (il-pjan CapEx). Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-emittenti jkunu jistgħu jallokaw ir-rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew pendenti wieħed jew aktar għal portafoll ta’ assi fissi jew assi finanzjarji (“approċċ ta’ portafoll”), dment li juru fir-rapporti ta’ allokazzjoni li l-valur totali tal-assi fissi jew tal-assi finanzjarji fil-portafoll tagħhom jaqbeż il-valur totali tal-bonds pendenti.

(13)

Għal ċerti attivitajiet ekonomiċi li fir-rigward tagħhom ma jkunx hemm kriterji ta’ skrinjar tekniku skont ir-Regolament (UE) 2020/852 fis-seħħ jew għal ċerti attivitajiet ekonomiċi fil-kuntest ta’ appoġġ internazzjonali li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi previst grad limitat ta’ flessibbiltà. Jenħtieġ li tali flessibbiltà tkun limitata b’mod adegwat fid-daqs u fl-ambitu sabiex jinżamm livell għoli ħafna ta’ ambizzjoni għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej. Jenħtieġ li l-emittent juri li l-attivitajiet ekonomiċi jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għal objettiv ambjentali wieħed jew aktar, li ma jagħmlu ħsara sinifikanti lil ebda wieħed minn dawk l-objettivi ambjentali u li jitwettqu f’konformità ma’ salvagwardji minimi. Jenħtieġ li dik id-dimostrazzjoni tiġi inkluża fl-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u jenħtieġ li tiġi vvalidata minn rieżaminatur estern permezz ta’ opinjoni pożittiva fir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ.

(14)

Biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej minn impriżi iżgħar, ir-rekwiżit biex ir-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jiġu allokati għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli jenħtieġ li japplika biss għar-rikavati netti ta’ dawn il-bonds. Ir-rikavati netti jikkonsistu mid-differenza bejn ir-rikavati totali mill-bond u l-kostijiet tal-ħruġ li huma relatati direttament mal-ħruġ tal-bond, li jinkludu l-kostijiet ta’ intermedjarji finanzjarji responsabbli għall-ħruġ, il-kostijiet ta’ konsulenza, il-kostijiet legali, il-kostijiet ta’ klassifikazzjoni u l-kostijiet relatati mar-rieżami estern. L-emittenti ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li jallokaw ir-rikavati gross, mingħajr tnaqqis tal-kostijiet, lil attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli.

(15)

Is-sovrani tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi huma emittenti frekwenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għalhekk jenħtieġ li jitħallew joħorġu wkoll Bonds Ekoloġiċi Ewropej. Is-sovrani tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jitħallew joħorġu Bonds Ekoloġiċi Ewropej biex jiffinanzjaw assi pubbliċi jew nefqa li jissodisfaw jew huma mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija f’perjodu raġonevolment qasir mill-ħruġ tal-bond ikkonċernat, bħal assi jew nefqa relatati mal-ħelsien mit-taxxa, is-sussidji, il-konsum intermedju, it-trasferimenti attwali fi ħdan gvern ġenerali u l-kooperazzjoni internazzjonali attwali.

(16)

Ċerti impriżi li jkollhom Bond Ekoloġiku Ewropew wieħed jew aktar fuq in-naħa tar-responsabbiltà tal-karta bilanċjali tagħhom jistgħu ma jkunux kapaċi jidentifikaw, għal kull Bond Ekoloġiku Ewropew maħruġ, l-assi distinti fuq il-karta bilanċjali tagħhom li għalihom ikunu ġew allokati r-rikavati minn dak il-bond. F’każijiet bħal dawn, l-impriżi jenħtieġ li jitħallew jiddivulgaw l-allokazzjoni tar-rikavati aggregati mill-portafoll tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej tagħhom għal portafoll tal-assi ambjentalment sostenibbli fuq il-karta bilanċjali tagħhom. Dawk l-impriżi mbagħad jenħtieġ li juru f’rapporti tal-allokazzjoni annwali li l-assi ambjentalment sostenibbli relatati jissodisfaw il-kriterji ta’ skrinjar tekniku applikabbli. Sabiex jiġi żgurat li r-rikavati kollha mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jiġu allokati għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, l-impriżi jenħtieġ li juru wkoll li l-valur ta’ dawk l-assi ambjentalment sostenibbli jaqbeż jew huwa ugwali għall-valur ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej li jkunu għadhom ma mmaturawx. Meta l-emittenti jużaw l-approċċ ta’ portafoll, jenħtieġ li r-rekwiżit li r-rikavati mill-bonds jiġu allokati biss għal assi finanzjarji li jinħolqu qabel ħames snin wara l-ħruġ tal-bonds ma japplikax. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta tibqa’ kompluta u aġġornata, rieżaminatur estern jenħtieġ li jirrieżamina r-rapporti annwali dwar l-allokazzjoni kull sena, ħlief f’każijiet fejn ma jkun hemm ebda bidla fl-allokazzjoni fil-portafoll tal-assi. Dak ir-rieżaminatur estern jenħtieġ li jiffoka b’mod partikolari fuq l-assi li ma kinux inklużi fir-rapport tal-allokazzjoni annwali preċedenti.

(17)

Ir-Regolament (UE) 2020/852 jirrikjedi lill-Unjoni u lill-Istati Membri japplikaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija biex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli għall-finijiet ta’ kwalunkwe miżura li tistabbilixxi rekwiżiti għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew għall-emittenti fir-rigward ta’ prodotti finanzjarji jew bonds korporattivi li jsiru disponibbli bħala ambjentalment sostenibbli. Għalhekk huwa loġiku li l-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti b’atti delegati adottati skont ir-Regolament (UE) 2020/852 jenħtieġ li jiddeterminaw liema assi fissi, nefqa u assi finanzjarji jistgħu jiġu ffinanzjati bir-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej. Fid-dawl tal-progress teknoloġiku mistenni fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali, dawk ir-rekwiżiti ta’ skrinjar tekniku x’aktarx li jiġu rrieżaminati u emendati maż-żmien. Irrispettivament minn dawn il-bidliet, sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-emittenti u lill-investituri u jiġi evitat li l-emendi fil-kriterji ta’ skrinjar tekniku jkollhom impatt negattiv fuq il-prezz tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li jkunu diġà nħarġu, l-emittenti jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw dawk il-kriterji ta’ skrinjar tekniku li huma applikabbli fil-mument tal-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew rilevanti meta jiġu allokati r-rikavati minn dak il-bond għal assi jew nefqa fissi eliġibbli. Meta l-kriterji ta’ skrinjar tekniku applikabbli jiġu emendati, jenħtieġ li l-emittent jiżgura li r-rikavati mhux allokati u r-rikavati koperti minn pjan CapEx li jkunu għadhom ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tat-tassonomija jissodosfaw il-kriterji ta’ skrinjar tekniku emendati fi żmien seba’ snin. Jekk l-emittent iqis li attività ekonomika ffinanzjata mir-rikavati mill-bonds tkun f’riskju li ma tissodisfax il-kriterji ta’ skrinjar tekniku emendati fi żmien seba’ snin, jenħtieġ li l-emittent jitħalla jippubblika pjan dwar kif l-attività ekonomika tiġi allinjata mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku emendati u kif jittaffew il-konsegwenzi negattivi, sa fejn ikun possibbli. Dak il-pjan jenħtieġ li jiġi ppubblikat qabel tmiem il-perjodu ta’ seba’ snin li jibda mill-emenda tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku u jiġi rieżaminat minn rieżaminatur estern. Skont l-approċċ ta’ portafoll, jenħtieġ li l-emittenti jinkludu fil-portafoll tagħhom ta’ assi fissi jew assi finanzjarji biss l-assi li huma allinjati ma’ kwalunkwe kriterju ta’ skrinjar tekniku applikabbli fi kwalunkwe punt matul is-seba’ snin qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-allokazzjoni rilevanti. Għaldaqstant, jekk kwalunkwe assi ffinanzjat minn Bond Ekoloġiku Ewropew ma jkunx allinjat mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku emendati, jentieġ li jkun jista’ jkompli jkun parti mill-pul ta’ assi ffinanzjati sa seba’ snin.

(18)

Iż-żmien meħtieġ biex assi jiġi ttrasformat biex l-attività ekonomika li magħha jkun relatat tiġi allinjata mar-rekwiżiti tat-tassonomija jenħtieġ li jikkonforma mal-perjodi ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2178. Attwalment, dak ir-Regolament Delegat jirrikjedi li n-nefqa kapitali eliġibbli tkun relatata ma’ attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw jew li huma mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija fi żmien ħames snin mill-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew, sakemm perjodu itwal ta’ mhux aktar minn 10 snin ma jkunx iġġustifikat mill-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet ekonomiċi u l-investimenti kkonċernati. Jenħtieġ li l-emittent jinkludi sommarju tal-pjan CapEx tiegħu fil-prospett tiegħu mfassal f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), kif ukoll jirrapporta dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan tiegħu fir-rapporti annwali dwar l-allokazzjoni. Fi tmiem l-iskeda ta’ żmien imħabbra fil-pjan CapEx tiegħu, l-emittent jenħtieġ li jikseb valutazzjoni minn rieżaminatur estern dwar l-allinjament tat-tassonomija tan-nefqa ffinanzjata mill-bond. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2178.

(19)

Ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa jew pajjiżi b’riskju għoli elenkati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (10), u emittenti stabbiliti f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet jew pajjiżi, jenħtieġ li ma jkunux awtorizzati jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”.

(20)

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jenħtieġ li jaderixxu mal-istandards tal-Unjoni fl-ilħuq tal-objettivi tas-sostenibbiltà, inklużi dawk imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/852. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinkoraġġixxu l-użu tal-istandard tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għall-ħruġ ta’ bonds tal-użu tar-rikavati li jkollhom is-sostenibbiltà ambjentali bħala l-objettiv tagħhom. Il-Bank Ewropew tal-Investiment, bħala emittent dinji ewlieni ta’ bonds ekoloġiċi, għadu impenjat li jallinja gradwalment il-programm ta’ bonds ekoloġiċi tiegħu mal-istandard tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

(21)

L-investituri jenħtieġ li jingħataw l-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa biex jiġi evalwat l-użu tar-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, u biex tali bonds jitqabblu ma’ xulxin. Għal dak il-fini, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ divulgazzjoni speċifiċi u standardizzati li jipprovdu trasparenza dwar kif l-emittent ikun beħsiebu jalloka r-rikavati mill-bonds għal assi fissi, nefqa u assi finanzjarji eliġibbli u kif dawk ir-rikavati fil-fatt ikunu ġew allokati. Din it-trasparenza tista’ tinkiseb l-aħjar permezz ta’ skedi informattivi dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u rapporti tal-allokazzjoni. Sabiex tissaħħaħ il-komparabbiltà tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u sabiex tiġi ffaċilitata l-lokalizzazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti, jeħtieġ li jiġu stabbiliti mudelli għad-divulgazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

(22)

In-nuqqas ta’ mudelli standardizzati u komuni ta’ divulgazzjoni għall-emittenti ta’ bonds ambjentalment sostenibbli jew bonds marbuta mas-sostenibbiltà fil-livell tal-Unjoni jagħmilha diffiċli għall-investituri f’tali bonds biex isibu faċilment u b’mod affidabbli l-informazzjoni li jeħtieġu, u biex iqabblu u jaggregaw id-data dwar tali bonds. B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ metodoloġija komuni għall-emittenti biex jirrapportaw dwar l-allinjament tar-rikavati mill-bonds mar-rekwiżiti tat-tassonomija joħloq diffikultajiet amministrattivi u inċertezza għall-investituri tal-bonds li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mudelli ta’ divulgazzjoni pubblika, li l-emittenti ta’ tali bonds jistgħu jagħżlu li jikkompletaw u jippubblikaw flimkien mad-dokumentazzjoni ta’ divulgazzjoni l-oħra tagħhom. Tali mudelli jenħtieġ li jkun fihom informazzjoni dwar l-allokazzjoni tar-rikavati mill-bonds għal attivitajiet allinjati mat-tassonomija, filwaqt li jidentifikaw b’mod ċar is-sehem tar-rikavati allokati għall-gass u l-enerġija nukleari. Jenħtieġ li l-mudelli jiġu żviluppati mill-Kummissjoni permezz ta’ linji gwida għad-divulgazzjonijiet volontarji ta’ qabel il-ħruġ, li jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal kwalunkwe divulgazzjoni futura relatata mas-sostenibbiltà skont id-dritt tal-Unjoni, u att delegat għad-divulgazzjonijiet perjodiċi. Tali divulgazzjonijiet jenħtieġ li jkunu konsistenti mat-taqsimiet rilevanti tal-iskeda informattiva u r-rapport tal-allokazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

(23)

L-investituri jenħtieġ li jibbenefikaw minn aċċess kosteffettiv għal informazzjoni affidabbli dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej. Għalhekk, l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jikkuntrattaw lil rieżaminatur estern indipendenti biex jipprovdi rieżami ta’ qabel il-ħruġ tal-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, u rieżami ta’ wara l-ħruġ tar-rapporti tal-allokazzjoni annwali tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

(24)

Meta jipprovdu s-servizzi tagħhom skont dan ir-Regolament, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jitħallew jużaw tekniki ta’ kampjunar aleatorju f’konformità mal-aħjar prattiki tas-suq għas-servizzi ta’ assigurazzjoni meta jivvalutaw l-allinjament tat-tassonomija ta’ diversi proġetti, jekk dan ikun iġġustifikat mill-kumplessità, l-iskala u n-nuqqas ta’ fattibbiltà prattika ta’ valutazzjoni sħiħa tal-attivitajiet sottostanti. Tali kampjunar aleatorju jenħtieġ li jippermetti lir-rieżaminaturi esterni jkunu fiduċjużi li tali proġetti, inklużi dawk iffinanzjati permezz ta’ inċentivi tat-taxxa u sussidji, jitwettqu f’konformità mal-informazzjoni pprovduta fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament. Tali kampjunar aleatorju jenħtieġ li jsir billi jitqiesu miżuri ta’ privatezza tad-data sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali u ta’ data sensittiva oħra li ma tkunx rilevanti għall-finijiet tar-rieżami estern.

(25)

Matul il-forniment ta’ servizzi skont dan ir-Regolament, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jagħtu opinjoni indipendenti dwar jekk l-emittent ikunx allinja ruħu mar-rekwiżiti tat-tassonomija. Meta jivvalutaw l-allinjament ma’ kriterji kwantitattivi, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jivverifikaw li kwalunkwe stima li tħares ’il quddiem tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet raġonevoli, mingħajr ma tagħti garanziji fuq l-eżiti. Meta jivvalutaw l-allinjament ma’ kriterji kwalitattivi, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jivverifikaw l-eżistenza ta’ proċessi xierqa u sistemi ta’ diliġenza dovuta mfassla biex jivvalutaw, jimmitigaw u jirrimedjaw ir-riskji u kwistjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu fir-rigward ta’ dawk il-kriterji.

(26)

Sabiex tittejjeb it-trasparenza, l-emittenti jenħtieġ li jiddivulgaw ukoll l-impatt ambjentali tal-bonds tagħhom billi jippubblikaw, mill-inqas darba matul il-ħajja tal-bond u wara l-allokazzjoni sħiħa tar-rikavati minn tali bonds, rapport tal-impatt. Sabiex l-investituri jingħataw l-informazzjoni rilevanti kollha biex jivvalutaw l-impatt ambjentali tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, ir-rapporti tal-impatt jenħtieġ li jispeċifikaw b’mod ċar il-metrika, il-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet applikati fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Sabiex tissaħħaħ il-komparabbiltà tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u sabiex tiġi ffaċilitata l-lokalizzazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti, jeħtieġ li jiġu stabbiliti mudelli għad-divulgazzjoni ta’ din l-informazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-eżattezza tar-rapporti tal-impatt u biex l-investituri jiġu protetti mill-greenwashing, l-emittenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkuntrattaw rieżaminatur estern biex jipprovdi rieżami tar-rapporti tal-impatt.

(27)

Bonds Ekoloġiċi Ewropej, bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u bonds marbuta mas-sostenibbiltà jistgħu jappoġġaw lill-kumpaniji fil-finanzjament tat-tranżizzjoni tagħhom biex isiru sostenibbli. L-emittenti ta’ dawk il-bonds soġġetti għal obbligu li jippubblikaw informazzjoni mhux finanzjarja skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jenħtieġ li jiddikjaraw kif u sa liema punt il-ħruġ tal-bond iżid il-proporzjon tiegħu ta’ allinjament tat-tassonomija fil-livell tal-entità, kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tiġi espressa bħala żieda ta’ punt perċentwali fil-fatturat allinjat mat-tassonomija li jrid jinkiseb bl-użu tar-rikavati mill-bonds. Minn dawk l-emittenti, dawk li huma soġġetti għall-obbligu li jippubblikaw kwalunkwe pjan li jista’ jkollhom biex jiżguraw li l-mudell u l-istrateġija kummerċjali tagħhom ikunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli skont id-Direttiva 2013/34/UE u dawk li jippubblikaw tali pjanijiet b’mod volontarju, jenħtieġ li jiddikjaraw kif ir-rikavat tal-bond tagħhom jikkontribwixxi għall-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ tali pjanijiet. Tali dikjarazzjonijiet jenħtieġ li jiġu ddivulgati fl-iskeda informattiva u fir-rapport tal-allokazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jew fil-mudelli tad-divulgazzjoni fakultattiva perjodika ta’ qabel u ta’ wara l-ħruġ, jew fit-tnejn li huma.

(28)

L-awdituri tal-Istat huma entitajiet statutorji b’responsabbiltà għal u għarfien espert fis-superviżjoni tal-infiq pubbliku, u għandhom indipendenza garantita legalment. Għalhekk, l-entitajiet sovrani li joħorġu Bonds Ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jitħallew jagħmlu użu minn awdituri tal-Istat għall-finijiet tar-rieżami tal-allokazzjoni tar-rikavati mill-bonds, flimkien mar-rieżaminaturi esterni li jenħtieġ li jibqgħu responsabbli għall-valutazzjoni tal-allinjament tat-tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi ffinanzjati mill-bond. L-awdituri tal-Istat jenħtieġ li ma jiġux irreġistrati jew sorveljati fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(29)

Huma biss il-bonds li fir-rigward tagħhom l-emittent ikun ippubblika prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 u l-bonds koperti mill-Artikolu 1(2), il-punti (b) u (d), ta’ dak ir-Regolament li jenħtieġ li jitħallew jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”. Dak ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà.

(30)

Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-suq għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, l-emittenti jenħtieġ li jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom dettalji dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li dawn joħorġu. Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-informazzjoni u l-fiduċja tal-investituri, jenħtieġ li l-emittenti jippubblikaw ukoll ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ, kwalunkwe rieżami ta’ wara l-ħruġ, kif ukoll, jekk applikabbli, kwalunkwe rieżami tar-rapporti tal-impatt, il-pjan CapEx u link għall-prospett meħtieġ mir-Regolament (UE) 2017/1129. Dawk il-pubblikazzjonijiet jenħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’dati ta’ pubblikazzjoni murija b’mod ċar li jippermettu lill-utent jidentifika l-bidliet li jsiru minn rieżami għal ieħor. L-informazzjoni li tinsab f’dawk id-dokumenti jenħtieġ li titfassal f’lingwa aċċettata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari fejn il-bond jiġi offrut lill-pubbliku jew jiġi ammess għan-negozjar, jew, alternattivament, f’lingwa li normalment tintuża fil-qasam tal-finanzi internazzjonali. Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-lingwa Ingliża hija l-lingwa li normalment tintuża fil-qasam tal-finanzi internazzjonali iżda jista’ jkun li din tinbidel fil-futur.

(31)

Fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni tradizzjonali, l-emittent tal-bonds huwa entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni (SSPE) li tkun legalment separata mill-oriġinatur. Min-naħa tiegħu, l-oriġinatur huwa l-entità li tuża r-rikavati mill-bonds biex talloka finanzjament għal attivitajiet ekonomiċi. Suq tat-titolizzazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej fejn l-iskoperturi sottostanti kollha jkunu allinjati mat-tassonomija attwalment jiffaċċja restrizzjonijiet konsiderevoli ta’ tkabbir, bi skarsezza ta’ assi allinjati mat-tassonomija adatti għat-titolizzazzjoni. Għalhekk, fir-rapport tagħha dwar “L-Iżvilupp ta’ Qafas għal Titolizzazzjoni Sostenibbli”, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) irrakkomandat l-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-użu tar-rikavati għall-oriġinatur tat-titolizzazzjoni, minflok l-SSPE, bħala approċċ effiċjenti u prammatiku fil-fażi ta’ tranżizzjoni. Dak l-approċċ ikun xieraq sakemm jiġi ġġenerat volum adegwat ta’ assi allinjati mat-tassonomija fl-ekonomija tal-Unjoni. Biex tiġi żgurata l-infurzabbiltà, ir-responsabbiltà tal-oriġinatur fir-rigward tal-użu futur tar-rikavati jenħtieġ li tiġi ddikjarata b’mod ċar fil-prospett ippubblikat skont ir-Regolament (UE) 2017/1129.

(32)

Jenħtieġ li japplikaw rekwiżiti speċifiċi ta’ divulgazzjoni u esklużjoni għall-bonds li jirriżultaw mit-titolizzazzjoni li huma ddeżinjati bħala “Bonds Ekoloġiċi Ewropej” jew “EuGB” sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri u jiġi żgurat li jkunu infurmati bis-sħiħ dwar il-karatteristiċi ambjentali tat-tranżazzjoni. Jenħtieġ li tiġi żgurata biżżejjed trasparenza għall-investituri bi preferenzi differenti dwar il-karatteristiċi ekoloġiċi tal-pul ta’ assi sottostanti. Huma meħtieġa salvagwardji biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-għażla tal-assi li jridu jiġu titolizzati mill-oriġinatur tinkludi skoperturi li jiffinanzjaw l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, ir-raffinar jew id-distribuzzjoni, inkluż it-trasport, u n-negozjar tal-karburanti fossili kif definit fir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Madankollu, ir-rekwiżiti tal-esklużjoni jenħtieġ li jqisu l-iskop predominanti tal-iskoperturi titolizzati u jenħtieġ li ma jinkludux skoperturi fejn ir-rabta mal-attivitajiet relatati mal-karburanti fossili tkun biss marġinali jew inċidentali, bħal bini kummerċjali b’tank tal-ħżin tal-gass. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-esklużjoni jenħtieġ li ma jkunux ibbażati biss fuq l-użu tal-karburanti fossili, bħal fil-każ ta’ self għall-karozzi jew self residenzjali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-oriġinatur jiddivulga informazzjoni dwar l-eliġibbiltà tat-tassonomija, l-allinjament tat-tassonomija u l-konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fir-rigward tal-attivitajiet iffinanzjati mill-iskoperturi titolizzati. Tali divulgazzjoni jenħtieġ li tkun fuq bażi tal-aħjar sforzi u bl-aħjar mod li jistal-oriġinatur, bl-użu ta’ data disponibbli bħal data miġbura fil-bażi tad-data interna jew fis-sistema tal-IT tal-oriġinatur. L-oriġinaturi huma mistiedna jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli wkoll permezz tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni rreġistrati mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(33)

Superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet kompetenti hija meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-oriġinaturi u għall-SSPEs. Ir-Regolament (UE) 2017/2402 jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità tat-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni mad-deżinjazzjoni “sempliċi, trasparenti u standardizzata” (STS), li tinkludi wkoll rekwiżiti speċifiċi ta’ divulgazzjoni u esklużjoni. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba minn dawk l-awtoritajiet kompetenti waqt ir-rieżami tat-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, huwa xieraq li jissorveljaw il-konformità tal-oriġinaturi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, minħabba li kemm l-oriġinaturi kif ukoll l-SSPEs huma involuti f’titolizzazzjoni, kemm l-awtoritajiet kompetenti tal-oriġinatur kif ukoll tal-SSPE jenħtieġ li jiġu fdati bis-setgħat superviżorji korrispondenti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u jenħtieġ li jikkooperaw biex jiżguraw superviżjoni effettiva u adegwata.

(34)

L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jissorveljaw l-emittenti tal-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u tal-bonds marbuta mas-sostenibbiltà li jiddeċiedu li jużaw il-mudelli komuni għad-divulgazzjoni perjodika ta’ wara l-ħruġ, biex jiżguraw li l-elementi kollha li jinsabu f’dawk il-mudelli jiġu ppubblikati b’mod korrett. Meta l-emittenti jonqsu milli jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu dak il-fatt pubbliku.

(35)

Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà. L-informazzjoni dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej tkun ta’ valur għall-investituri u parteċipanti oħra fis-swieq finanzjarji kif ukoll għall-pubbliku ġenerali. Għalhekk, id-dokumenti ta’ divulgazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament, inklużi l-iskeda informattiva, ir-rapport tal-allokazzjoni u r-rapport tal-impatt tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, il-pjan CapEx, fejn applikabbli, u l-mudelli ta’ divulgazzjoni fakultattiva għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà, kif ukoll ir-rieżamijiet imwettqa mir-rieżaminaturi esterni, jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas. Tali punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP) jista’ jkun mekkaniżmu xieraq biex dak l-objettiv jintlaħaq.

(36)

Sabiex tittejjeb it-trasparenza tal-metodoloġija tar-rieżaminaturi esterni, sabiex jiġi żgurat li r-rieżaminaturi esterni jkollhom kwalifiki adegwati, esperjenza professjonali u indipendenza, u sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali, u għalhekk, sabiex tiġi żgurata protezzjoni tal-investituri adegwata, l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jagħmlu użu biss minn rieżaminaturi esterni, inkluż minn pajjiżi terzi, li jkunu ġew irreġistrati u li jkunu soġġetti għal superviżjoni kontinwa mill-ESMA.

(37)

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fil-konfront tal-investituri dwar kif jiġi vvalutat l-allinjament tat-tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi ffinanzjati mir-rikavati mill-bonds, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jiddivulgaw lill-utenti ta’ rieżamijiet ta’ qabel il-ħruġ, ta’ wara l-ħruġ u, jekk applikabbli, tar-rapporti tal-impatt, il-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet ewlenin li dawn jużaw fl-attivitajiet ta’ rieżami estern tagħhom f’dettall suffiċjenti, filwaqt li jqisu debitament il-protezzjoni tad-data proprjetarja u tal-proprjetà intellettwali.

(38)

Ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ arranġamenti għall-governanza korporattiva tajba tagħhom stess biex jiżguraw li r-rieżamijiet ta’ qabel u ta’ wara l-ħruġ tagħhom ikunu indipendenti, oġġettivi u ta’ kwalità tajba. Għalhekk, il-maniġment superjuri tar-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jkollu biżżejjed għarfien espert fis-servizzi finanzjarji u fi kwistjonijiet ambjentali u jiżgura li għadd suffiċjenti ta’ impjegati bl-għarfien u bl-esperjenza meħtieġa jwettqu r-rieżami estern. Għall-istess raġuni, il-funzjoni ta’ verifika tal-konformità jenħtieġ li tkun tista’ tirrapporta s-sejbiet tagħha jew lil korp superviżorju jew lil korp amministrattiv tar-rieżaminatur estern.

(39)

Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom u jiġu salvagwardjati standards għoljin ta’ trasparenza u mġiba etika, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti organizzattivi u r-regoli tal-imġiba biex jiġu mitigati u evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess reali jew potenzjali jew jiġu mmaniġġjati dawk il-kunflitti b’mod adegwat meta dawn ikunu inevitabbli. Ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li ma jkunux intitolati jwettqu rieżami estern f’każ ta’ kunflitt ta’ interess li ma jistax jiġi indirizzat kif xieraq. Għalhekk, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jiddivulgaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess b’mod trasparenti fir-rieżamijiet esterni. Jenħtieġ li jżommu rekords tat-theddid sinifikanti kollu għall-indipendenza tagħhom kif ukoll l-indipendenza tal-impjegati tagħhom, l-azzjonisti ewlenin jew kwalunkwe persuna oħra involuta fil-proċess ta’ rieżami estern, u rekords tas-salvagwardji applikati biex jittaffa dak it-theddid.

(40)

Ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jivvalutaw u jiddokumentaw jekk hemmx kunflitt ta’ interess reali jew potenzjali ma’ klijent, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm rabtiet personali jew finanzjarji sinifikanti bejn ir-rieżaminatur estern u l-entità rieżaminata.

(41)

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) jipprojbixxi l-forniment lil entità awditjata ta’ servizzi mhux tal-awditjar marbuta mal-finanzjament, l-istruttura u l-allokazzjoni tal-kapital, u l-istrateġija ta’ investiment ta’ dik l-entità, ħlief għal servizzi ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji. L-għoti ta’ rieżamijiet esterni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 537/2014.

(42)

Jeħtieġ li tiġi evitata kwalunkwe applikazzjoni diverġenti ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u dawk operazzjonali tar-rieżaminaturi esterni, li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri u li tiżdied iċ-ċertezza legali. Għalhekk, huwa xieraq li l-ESMA tingħata kompetenza ġenerali għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni kontinwa ta’ rieżaminaturi esterni fl-Unjoni. L-inkarigar tal-ESMA bir-responsabbiltà esklużiva għal dawk il-kwistjonijiet jenħtieġ li jiżgura kundizzjonijiet ekwi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u superviżjoni kontinwa u jelimina r-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju madwar l-Istati Membri. Fl-istess ħin, din ir-responsabbiltà esklużiva mistennija tottimizza l-allokazzjoni tar-riżorsi superviżorji fil-livell tal-Unjoni, u b’hekk tagħmel lill-ESMA ċ-ċentru tal-għarfien espert u ttejjeb l-effiċjenza tas-superviżjoni.

(43)

L-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ tirrikjedi l-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa biex twettaq il-kompiti superviżorji tagħha b’mod effettiv. Għalhekk, din jenħtieġ li tkun tista’ titlob din l-informazzjoni minn rieżaminaturi esterni, persuni involuti f’attivitajiet ta’ rieżami estern, partijiet terzi relatati, partijiet terzi li r-rieżaminaturi esterni jkunu esternalizzawlhom funzjonijiet operazzjonali kif ukoll persuni li b’xi mod ieħor ikunu relatati mill-qrib u sostanzjalment jew konnessi mar-rieżaminaturi esterni jew mal-attivitajiet ta’ rieżami estern.

(44)

Sabiex l-ESMA tkun tista’ twettaq il-kompiti superviżorji tagħha, u b’mod partikolari sabiex ir-rieżaminaturi esterni jiġu mġiegħla jwaqqfu ksur, jagħtu informazzjoni kompluta u korretta jew jikkonformaw ma’ investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post, l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ timponi multi jew pagamenti ta’ penali perjodiċi.

(45)

L-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jista’ jeħtiġilhom jużaw is-servizzi ta’ rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz minn barra l-Unjoni. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit reġim fil-pajjiżi terzi għar-rieżaminaturi esterni abbażi ta’ valutazzjoni tal-ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni li taħtu r-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ rieżami estern. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, jeħtieġ li jiġi stabbilit proċess għar-rikonoxximent mill-ESMA ta’ rieżaminaturi esterni stabbiliti f’pajjiż terz.

(46)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi minn rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz lill-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, jenħtieġ li jiġi stabbilit reġim ta’ approvazzjoni, li jippermetti, f’ċerti kundizzjonijiet, li r-rieżaminaturi esterni rreġistrati stabbiliti fl-Unjoni japprovaw servizzi pprovduti minn rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz. Rieżaminatur estern li jkun approva servizzi pprovduti minn rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz jenħtieġ li jkun kompletament responsabbli għal dawn is-servizzi approvati u biex jiżgura li dan ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz ikun konformi ma’dan ir-Regolament.

(47)

Sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplementa dan ir-Regolament fir-rigward tal-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi ddivulgata fil-mudelli ta’ divulgazzjoni fakultattiva perjodika ta’ wara l-ħruġ, il-proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa tal-ESMA li timponi multi jew pagamenti ta’ penali perjodiċi, inkluż dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, dispożizzjonijiet temporali, il-ġbir ta’ multi jew pagamenti ta’ penali perjodiċi u regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali, u l-proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa tal-ESMA li timponi tariffi, inklużi dispożizzjonijiet dwar it-tip ta’ tariffi, il-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi, li jenħtieġ li jkun proporzjonat għall-fatturat, u l-mod li bih dawk it-tariffi jridu jitħallsu. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (18). B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess żmien bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(48)

Bħala korp b’għarfien espert speċjalizzat ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-ESMA tiġi fdata bl-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni li ma jinvolvux għażliet ta’ politika biex jitressqu quddiem il-Kummissjoni.

(49)

L-ESMA jenħtieġ li tingħata l-mandat li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar il-kriterji biex tiġi vvalutata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni minn rieżaminatur estern, inkluża l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-għoti ta’ informazzjoni minn dak ir-rieżaminatur estern biex tiddetermina l-livell ta’ konformità tagħha ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(50)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

(51)

L-ESMA jenħtieġ li tingħata l-mandat li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-għoti tal-informazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-rieżaminaturi esterni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(52)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi rieżaminata mill-Kummissjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u kull tliet snin wara dan, abbażi tal-kontribut mill-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli stabbilita mir-Regolament (UE) 2020/852 u l-ESMA, fejn rilevanti. Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi wkoll rapport li jivvaluta l-ħtieġa li l-bonds marbuta mas-sostenibbiltà jiġu rregolati. Barra minn hekk, sa tmiem l-2024 u kull tliet snin wara dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi rapport ibbażat fuq ir-rieżami tagħha tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku skont ir-Regolament (UE) 2020/852.

(53)

Biex jiġi żgurat li l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li għalihom huwa ppubblikat prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi meħtieġa. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom qabel u wara l-ħruġ tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej. Fl-ambitu tas-setgħat superviżorji mogħtija minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux meħtieġa jivverifikaw il-veraċità jew l-eżattezza tal-informazzjoni li l-emittenti huma meħtieġa jipprovdu skont dan ir-Regolament, u lanqas jekk l-emittenti jkunu kkonformaw mal-obbligi rigward l-allokazzjoni tar-rikavati.

(54)

Peress li dan ir-Regolament joħloq qafas li jippermetti li d-dejn sovran jiġi ddenominat bħala ambjentalment sostenibbli, l-impriżi finanzjarji jenħtieġ li jiddivulgaw l-iskopertura tagħhom għal dejn sovran ambjentalment sostenibbli fi ħdan il-proporzjon tal-assi ekoloġiċi tagħhom kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2178. Ir-rieżami ta’ dak ir-Regolament Delegat sat-30 ta’ Ġunju 2024, jenħtieġ li jivvaluta l-inklużjoni ta’ skoperturi sovrani fin-numeratur u d-denominatur tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.

(55)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi mir-rieżaminaturi esterni filwaqt li jiġi żgurat li l-ESMA jkollha ż-żmien xieraq biex tiżviluppa l-qafas għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-rieżaminaturi esterni, jenħtieġ li japplika perjodu ta’ tranżizzjoni matul l-ewwel 18-il xahar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu servizzi fejn jinnotifikaw lill-ESMA u jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz jenħtieġ li jiżguraw li jkollhom rappreżentant legali stabbilit fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. L-ESMA jenħtieġ li timmonitorja jekk ir-rieżaminaturi esterni jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament u li dan tqisu meta tivvaluta jekk ir-rieżaminatur estern ikunx issodisfa r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni.

(56)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri: li jiżgura li r-rekwiżiti uniformi japplikaw għall-użu tad-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”; li jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni u qafas superviżorju sempliċi għar-rieżaminaturi esterni billi jafda awtorità superviżorja waħda bir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-rieżaminaturi esterni fl-Unjoni; li jistabbilixxi s-superviżjoni tal-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li għalihom huwa meħtieġ prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129; u li jipprevedi mudelli ta’ divulgazzjoni fakultattiva ta’ qabel il-ħruġ u ta’ wara l-ħruġ għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà biex tittejjeb it-trasparenza u tiġi ffaċilitata l-komparabbiltà ta’ dawk il-bonds, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-ġbir tal-kapital għal proġetti li jsegwu objettivi ambjentalment sostenibbli, filwaqt li jikkontribwixxu għall-integrità tas-suq, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(57)

Il-BĊE ġie kkonsultat mill-Parlament Ewropew u ta l-opinjoni tiegħu fil-5 ta’ Novembru 2021 (20),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament:

(a)

jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għall-emittenti tal-bonds li jixtiequ jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” għall-bonds tagħhom li jkunu magħmula disponibbli għall-investituri fl-Unjoni;

(b)

jistabbilixxi sistema għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-rieżaminaturi esterni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej; u

(c)

jipprovdi mudelli ta’ divulgazzjoni fakultattiva għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà fl-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“emittent” tfisser entità li toħroġ il-bonds;

(2)

“sovran” tfisser entità msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(3)

“rekwiżiti tat-tassonomija” tfisser il-kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852;

(4)

“suq regolat” tfisser suq regolat kif iddefinit fl-Artikolu 4(1), il-punt (21), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21);

(5)

“bond ikkummerċjalizzat bħala ambjentalment sostenibbli” tfisser bond li l-emittent tiegħu jipprovdi lill-investituri impenn jew kwalunkwe forma ta’ asserzjoni prekuntrattwali li r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għal attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għal objettiv ambjentali;

(6)

“bond marbut mas-sostenibbiltà” tfisser bond li l-karatteristiċi finanzjarji jew strutturali tiegħu jvarjaw skont l-ilħuq mill-emittent ta’ objettivi ta’ sostenibbiltà ambjentali predefiniti;

(7)

“Stat Membru domiċiljari” tfisser Stat Membru domiċiljari kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(8)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru ospitanti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (n), tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(9)

“assi finanzjarju” tfisser dejn jew ekwità, jew taħlita tagħhom;

(10)

“magħmul disponibbli għall-investituri fl-Unjoni” tfisser:

(a)

offerta lill-pubbliku fl-Unjoni; jew

(b)

l-ammissjoni għan-negozjar ta’ bonds f’ċentru ta’ negozjar li jinsab fl-Unjoni;

(11)

“offerta lill-pubbliku” tfisser offerta ta’ titoli lill-pubbliku kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(12)

“ċentru ta’ negozjar” tfisser ċentru ta’ negozjar kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (24), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(13)

“pjan CapEx” tfisser pjan CapEx kif previst fil-punt 1.1.2.2, il-punt (b), u fil-punt 1.1.3.2, il-punt (b), tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2178;

(14)

“kostijiet tal-ħruġ” tfisser kostijiet li huma direttament relatati mal-ħruġ ta’ bonds, inklużi l-kostijiet imġarrba għal pariri professjonali, servizzi legali, klassifikazzjoni, rieżami estern, sottoskrizzjoni u kollokament;

(15)

“kriterji ta’ skrinjar tekniku” tfisser il-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852;

(16)

“attività ekonomika ta’ tranżizzjoni” tfisser attività ekonomika li tikkonforma mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2020/852;

(17)

“attività ekonomika ta’ faċilitazzjoni” tfisser attività ekonomika li tikkonforma mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2020/852;

(18)

“titolizzazzjoni” tfisser titolizzazzjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(19)

“oriġinatur” tfisser oriġinatur kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(20)

“entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni” jew “SSPE” tfisser entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni jew SSPE kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(21)

“skopertura titolizzata” tfisser skopertura inkluża f’titolizzazzjoni;

(22)

“bond ta’ titolizzazzjoni” tfisser bond maħruġ minn SSPE f’konformità mat-Titolu II, il-Kapitolu 3;

(23)

“titolizzazzjoni sintetika” tfisser titolizzazzjoni sintetika kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(24)

“karburant fossili” tfisser karburant fossili kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (62), tar-Regolament (UE) 2018/1999.

TITOLU II

REKWIŻITI GĦALL-UŻU TAD-DEŻINJAZZJONI “BOND EKOLOĠIKU EWROPEW” JEW “EUGB”

KAPITOLU I

Rekwiżiti relatati mal-bonds

Artikolu 3

Id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”

Id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” għandha tintuża biss għal bonds li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan it-Titolu.

Artikolu 4

Użu tar-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej

1.   Qabel il-maturità ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew, ir-rikavati minn tali bond għandhom jiġu allokati b’mod sħiħ, f’konformità mar-rekwiżiti tat-tassonomija, lil waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin (l-“approċċ gradwali”):

(a)

assi fissi li ma jkunux assi finanzjarji;

(b)

nefqa kapitali li taqa’ taħt il-punt 1.1.2.2. tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2178;

(c)

nefqa operatorja li taqa’ taħt il-punt 1.1.3.2. tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 u li tkun iġġarrbet mhux aktar minn tliet snin qabel il-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew;

(d)

assi finanzjarji li nħolqu mhux aktar minn ħames snin wara l-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew;

(e)

assi u nefqa tal-unitajiet domestiċi.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-emittenti jistgħu jnaqqsu l-kostijiet tal-ħruġ mir-rikavati mill-Bond Ekoloġiku Ewropew qabel ma jallokaw dawk ir-rikavati.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-emittenti jistgħu jallokaw ir-rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew pendenti wieħed jew aktar għal portafoll ta’ assi fissi jew assi finanzjarji f’konformità mar-rekwiżiti tat-tassonomija (l-“approċċ ta’ portafoll”).

Meta l-emittenti jallokaw ir-rikavati f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fir-rapporti ta’ allokazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 għandhom juru li l-valur totali tal-assi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fil-portafoll tagħhom jaqbeż il-valur totali tal-portafoll tagħhom ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej pendenti.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, emittent sovran jew ta’ pajjiż terz li jkun Stat, membru ta’ federazzjoni fil-każ ta’ Stat federali, jew entità reġjonali jew muniċipali, jista’ jalloka wkoll ir-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li jkun ħareġ għal ħelsien mit-taxxa, sussidji, konsum intermedju, trasferimenti kurrenti fi ħdan gvern ġenerali, kooperazzjoni internazzjonali attwali jew tipi oħra ta’ nefqa pubblika, dment li r-rikavati jiġu allokati f’konformità mar-rekwiżiti tat-tassonomija.

Artikolu 5

Flessibbiltà fl-użu tar-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej

1.   B’deroga mill-Artikolu 4(1), l-emittenti jistgħu jallokaw sa 15 % tar-rikavat minn Bond Ekoloġiku Ewropew għal attivitajiet ekonomiċi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tassonomija, bl-eċċezzjoni tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku, dment li dawk l-attivitajiet ikunu:

(a)

attivitajiet ekonomiċi li fir-rigward tagħhom ma daħal fis-seħħ ebda kriterju ta’ skrinjar tekniku sad-data tal-ħruġ tal-Bond Ekoloġiku Ewropew; jew

(b)

attivitajiet fil-kuntest tal-appoġġ internazzjonali rrappurtati f’konformità mal-linji gwida, il-kriterji u ċ-ċikli ta’ rapportar maqbula internazzjonalment, inkluż il-finanzjament għall-klima rrappurtat lill-Kummissjoni fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima kif imsemmi fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999, u l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp irrappurtata lill-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi.

2.   Meta emittent jalloka r-rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu jiddeskrivi fl-iskeda informattiva tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 10 l-attivitajiet ikkonċernati u l-perċentwal stmat tar-rikavati maħsuba biex jiffinanzjaw tali attivitajiet bħala total kif ukoll għal kull attività.

3.   Meta emittent jalloka r-rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew għall-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jiżgura li dawk l-attivitajiet jissodisfaw, fejn applikabbli, il-kriterji ġeneriċi għal “la tagħmilx ħsara sinifikanti” stabbiliti fl-Appendiċijiet A, B, C u D tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139.

4.   Meta emittent jalloka r-rikavati minn Bond Ekoloġiku Ewropew għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu fuq bażi tal-aħjar sforzi jiżgura li dawk l-attivitajiet jissodisfaw il-kriterji ta’ skrinjar tekniku rilevanti.

Artikolu 6

Assi finanzjarji

1.   Ir-rikavati mill-assi finanzjarji għandhom jiġu allokati biss għall-użi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), jew, fejn applikabbli, għall-użi stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3).

2.   Ir-rikavati mill-assi finanzjarji jistgħu jiġu allokati għal assi fissi sussegwenti oħra, dment li:

(a)

ma jkunx hemm aktar minn tliet assi finanzjarji sussegwenti f’suċċessjoni;

(b)

ir-rikavati mill-assi finanzjarji l-aħħar fis-sekwenza jiġu allokati għall-użi stabbiliti fl-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b), (c) jew (e), jew, fejn applikabbli, għall-użi stabbiliti fl-Artikolu 4(3);

(c)

l-emittent jiżgura li jkun possibbli għar-rieżaminaturi esterni li jirrieżaminaw l-allokazzjoni finali tar-rikavati b’mod effettiv.

Artikolu 7

Pjanijiet CapEx

1.   Meta l-użi tar-rikavati msemmija fl-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (b) u (c), ikunu relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi li se jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tassonomija, l-emittent għandu jippubblika pjan CapEx.

2.   Il-pjan CapEx għandu jispeċifika skadenza, li sseħħ qabel ma l-Bond Ekoloġiku Ewropew jilħaq il-maturità, sa meta n-nefqa kapitali u operatorja kollha ffinanzjata mill-Bond Ekoloġiku Ewropew għandha tiġi allinjata mat-tassonomija.

3.   L-emittent, fi żmien 60 jum mill-iskadenza speċifikata fil-pjan CapEx, għandu jikseb valutazzjoni minn rieżaminatur estern tal-allinjament tat-tassonomija tan-nefqa kapitali u operatorja li huma inklużi f’dak il-pjan CapEx u ffinanzjati mir-rikavati mill-Bond Ekoloġiku Ewropew.

Artikolu 8

Applikazzjoni tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku u tal-grandfathering

1.   Meta l-emittenti jallokaw ir-rikavati mill-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għall-użi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u (3), għandhom jiżguraw li:

(a)

dawk ir-rikavati jiġu allokati f’allinjament mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku applikabbli fiż-żmien tal-ħruġ tal-bond;

(b)

meta l-kriterji ta’ skrinjar tekniku jiġu emendati wara l-ħruġ tal-bond, ir-rikavati li ġejjin jiġu allokati f’allinjament mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku emendati mhux aktar tard minn seba’ snin wara d-data tal-applikazzjoni tal-kriterji emendati:

(i)

ir-rikavati li għadhom ma ġewx allokati; u

(ii)

ir-rikavati li huma koperti minn pjan CapEx, f’konformità mal-Artikolu 7, li għadhom ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tat-tassonomija.

2.   Meta l-emittenti jallokaw ir-rikavati f’konformità mal-approċċ ta’ portafoll, l-emittenti għandhom jinkludu fil-portafoll tagħhom biss dawk l-assi li l-attività ekonomika sottostanti tagħhom tkun allinjata ma’ kwalunkwe kriterju ta’ skrinjar tekniku li kien applikabbli fi kwalunkwe punt matul is-seba’ snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-allokazzjoni.

3.   Meta r-rikavati minn bond pendenti jkunu f’riskju li ma jiġux allinjati mal-paragrafu 1, il-punt (b)(ii), l-emittent għandu jfassal, jissottometti għal rieżami estern minn rieżaminatur estern u jippubblika pjan għall-allinjament tagħhom sa fejn ikun possibbli mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku emendati u għall-mitigazzjoni sa fejn ikun possibbli tal-konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta’ allinjament sħiħ mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku emendati. L-emittent għandu jippubblika dak il-pjan qabel l-iskadenza tal-perjodu stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b).

4.   L-allinjament mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku rilevanti għandu jintwera fir-rapport tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 9

Esklużjoni ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 44(1) ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx japprovaw prospett maħruġ minn ġuriżdizzjoni elenkata fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, minn pajjiż b’riskju għoli elenkat fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, jew minn emittenti stabbiliti f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet jew pajjiżi, fejn dak il-prospett jirreferi għal dan ir-Regolament jew għad-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ rieżami estern

Artikolu 10

Skeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u rieżami ta’ qabel il-ħruġ

1.   Qabel ma joħorġu Bond Ekoloġiku Ewropew, l-emittenti għandhom:

(a)

jikkompletaw l-iskeda informattiva kollha dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej stabbilita fl-Anness I;

(b)

jiżguraw li l-iskeda informattiva kkompletata dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej tkun ġiet soġġetta għal rieżami ta’ qabel il-ħruġ b’opinjoni pożittiva minn rieżaminatur estern.

2.   L-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fil-paragrafu 1 tistga’ tkun relatata ma’ aktar minn ħarġa waħda tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

3.   Ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jkun fih:

(a)

valutazzjoni ta’ jekk l-emittent ikkompletax l-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej f’konformità mal-Artikoli 4 sa 8 u mal-Anness I; u

(b)

l-elementi stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 11

Rapporti tal-allokazzjoni u rieżami ta’ wara l-ħruġ tar-rapporti tal-allokazzjoni

1.   Għal kull perjodu ta’ 12-il xahar sad-data tal-allokazzjoni sħiħa tar-rikavati mill-Bond Ekoloġiku Ewropew tagħhom u, fejn applikabbli, sal-ikkompletar tal-pjan CapEx, l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom ifasslu rapport tal-allokazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej billi jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness II, li juri li r-rikavati mill-Bond Ekoloġiku Ewropew, mid-data tal-ħruġ tiegħu sa tmiem il-perjodu msemmi fir-rapport, ikunu ġew allokati f’konformità mal-Artikoli 4 sa 8.

L-ewwel perjodu ta’ 12-il xahar għandu jibda fid-data tal-ħruġ.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, l-emittenti jistgħu jistabbilixxu d-data tat-tmiem tal-ewwel perjodu ta’ rapportar bħala l-aħħar jum tas-sena kalendarja jew tas-sena finanzjarja tal-ħruġ.

2.   Ir-rapporti tal-allokazzjoni, fejn applikabbli, għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan CapEx.

L-emittenti, fir-rapporti tal-allokazzjoni annwali tagħhom, għandhom jippubblikaw ir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien jew devjazzjoni li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-implimentazzjoni tal-pjan CapEx.

3.   Ir-rapporti tal-allokazzjoni jistgħu jkunu relatati ma’aktar minn ħarġa waħda tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

4.   L-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom jiksbu rieżami ta’ wara l-ħruġ minn rieżaminatur estern tar-rapport tal-allokazzjoni mfassal wara l-allokazzjoni sħiħa tar-rikavati mill-Bond Ekoloġiku Ewropew.

5.   Jekk, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-allokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15(1), il-punt (d), l-allokazzjoni tar-rikavati tiġi kkoreġuta, l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej ikkonċernati għandhom jemendaw ir-rapport tal-allokazzjoni u jiksbu rieżami ta’ wara l-ħruġ minn rieżaminatur estern ta’ dak ir-rapport tal-allokazzjoni li jkun ġie emendat, mingħajr dewmien bla bżonn.

6.   B’deroga mill-paragrafu 4, kull rapport tal-allokazzjoni minn emittenti li jallokaw ir-rikavati ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew wieħed jew aktar għal portafoll tal-assi għandu jkun soġġett għal rieżami ta’ wara l-ħruġ minn rieżaminatur estern. Ir-rieżaminatur estern għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-assi li ma kienu inklużi fl-ebda rapport tal-allokazzjoni ppubblikat qabel.

Dan ir-rieżami ta’ wara l-ħruġ m’għandux ikun meħtieġ meta, matul il-perjodu kopert mir-rapport tal-allokazzjoni, ma tkun saret ebda bidla fl-allokazzjoni fil-portafoll tal-assi u ebda assi fil-portafoll ma jkun inbidel jew hu stess ikun soġġett għal bidla fl-allokazzjoni, meta mqabbel mal-perjodu kopert mir-rapport tal-allokazzjoni preċedenti. F’każijiet bħal dawn, dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ rieżami ta’ wara l-ħruġ minħabba n-nuqqas ta’ tali bidliet għandha tiġi inkluża fir-rapport tal-allokazzjoni korrispondenti.

7.   L-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom jiżguraw li r-rapporti tal-allokazzjoni u, meta applikabbli, kwalunkwe rieżami ta’ wara l-ħruġ meħtieġ minn dan l-Artikolu jsiru pubbliċi fi żmien 270 jum mit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1. Sa ma jintemm dak il-perjodu ta’ 270 jum, l-emittenti għandhom jiżguraw li r-rieżaminatur estern ikollu mill-inqas 90 jum biex jirrieżamina rapport tal-allokazzjoni.

8.   Ir-rieżami ta’ wara l-ħruġ imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih dan li ġej:

(a)

valutazzjoni ta’ jekk l-emittent ikunx alloka r-rikavati mill-bond f’konformità mal-Artikoli 4 sa 8, abbażi tal-informazzjoni mogħtija lir-rieżaminatur estern;

(b)

valutazzjoni ta’ jekk l-emittent ikunx alloka ir-rikavati mill-bond kif stabbilit fl-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 10, abbażi tal-informazzjoni mogħtija lir-rieżaminatur estern;

(c)

l-elementi stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 12

Rapport tal-impatt tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej

1.   L-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom, wara l-allokazzjoni sħiħa tar-rikavati u mill-inqas darba matul il-ħajja ta’ dawk il-bonds, ifasslu u jippubblikaw rapport tal-impatt tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej dwar l-impatt ambjentali tal-użu tar-rikavati mill-bonds, billi jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness III.

2.   Ir-rapport tal-impatt tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jistgħu jirrigwardaw aktar minn ħarġa waħda tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej.

3.   L-emittenti ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej jistgħu jitolbu rieżami minn rieżaminatur estern tar-rapport tal-impatt. Tali rieżamijiet tar-rapport tal-impatt għandu jkun fihom dan li ġej:

(a)

valutazzjoni ta’ jekk il-ħruġ tal-bond huwiex allinjat mal-istrateġija ambjentali usa’ tal-emittent;

(b)

valutazzjoni tal-impatt ambjentali indikat tar-rikavati mill-bonds;

(c)

l-elementi stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 13

Emittenti sovrani

1.   Sovran għandu jikseb rieżamijiet ta’ wara l-ħruġ tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej tiegħu minn:

(a)

rieżaminatur estern; jew

(b)

rieżaminatur estern u awditur tal-Istat.

2.   Meta sovran jikseb rieżami ta’ wara l-ħruġ minn rieżaminatur estern u awditur tal-Istat, l-awditur tal-Istat għandu jirrieżamina l-allokazzjoni tar-rikavati mill-bonds u r-rieżaminatur estern għandu jaċċerta jekk l-attivitajiet ekonomiċi ffinanzjati permezz tal-bond jallinjawx mar-rekwiżiti tat-tassonomija.

Artikolu 14

Prospett għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej

1.   Sabiex juża d-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”, l-emittent għandu jippubblika prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-bonds ikollhom id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” tul il-prospett kollu;

(b)

il-prospett jiddikjara li l-Bond Ekoloġiku Ewropew ikun qed jinħareġ f’konformità ma’ dan ir-Regolament, fit-taqsima tal-prospett li fiha l-informazzjoni dwar l-użu tar-rikavati.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” tista’ tintuża għal bonds koperti mill-Artikolu 1(2), il-punti (b) u (d), tar-Regolament (UE) 2017/1129.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “informazzjoni regolata” msemmi fl-Artikolu 19(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/1129, għandu jiġi interpretat li jinkludi l-informazzjoni li tkun fl-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Meta jiġi ppubblikat prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129, dak il-prospett għandu jinkludi sommarju tal-pjan CapEx. Dak is-sommarju għandu jelenka l-proġetti mwettqa mill-emittent li huma l-aktar sinifikanti, imkejla bħala sehem min-nefqa kapitali totali koperta mill-pjan CapEx, u għandu jispeċifika t-tip, is-settur, il-post u s-sena ta’ finalizzazzjoni mistennija ta’ dawk il-proġetti.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-emittent u notifika lill-ESMA u lill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom u jagħmlu disponibbli, mingħajr ħlas u f’konformità mal-Artikolu 21(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2017/1129, sa ma jkunu skadew mill-inqas 12-il xahar wara l-maturità ta’ dawk il-bonds, dan kollu li ġej, inkluża kwalunkwe emenda jew korrezzjoni tiegħu:

(a)

qabel ma jinħareġ il-bond, l-iskeda informattiva kkompletata dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 10;

(b)

qabel ma jinħareġ il-bond, ir-rieżami ta’ qabel il-ħruġ relatat mal-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

qabel ma jinħareġ il-bond, link għas-sit web fejn il-prospett jista’ jiġi kkonsultat f’każijiet fejn prospett jiġi ppubblikat skont ir-Regolament (UE) 2017/1129;

(d)

mingħajr dewmien żejjed wara li jitfasslu f’konformità mal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament, ir-rapporti tal-allokazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej;

(e)

mingħajr dewmien żejjed wara li jinkisbu, ir-rieżamijiet ta’ wara l-ħruġ tar-rapporti tal-allokazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament;

(f)

mingħajr dewmien żejjed wara li jitfassal f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, ir-rapport tal-impatt tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej;

(g)

fejn applikabbli, il-pjan CapEx;

(h)

fejn applikabbli, ir-rieżami tar-rapport tal-impatt imsemmi fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-punt (d), meta jsir rieżami ta’ wara l-ħruġ ta’ rapport ta’ allokazzjoni ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej, dak ir-rapport tal-allokazzjoni għandu jiġi ppubblikat mingħajr dewmien żejjed wara li jinkiseb ir-rieżami ta’ wara l-ħruġ.

2.   L-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (d) u (f), għandha tingħata, fuq għażla tal-emittent, jew bil-lingwa li normalment tintuża fil-qasam tal-finanzi internazzjonali, jew:

(a)

meta l-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għan-negozjar fi Stat Membru wieħed biss, b’lingwa aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

meta l-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għan-negozjar f’żewġ Stati Membri jew aktar, b’lingwa aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, meta prospett għall-Bond Ekoloġiku Ewropew ikun se jiġi ppubblikat skont ir-Regolament (UE) 2017/1129, l-informazzjoni li tkun fid-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (d) u (f), ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata bil-lingwa jew bil-lingwi ta’ dak il-prospett.

4.   Fejn applikabbli, l-emittenti għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 44(1) u (2), dwar il-pubblikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu mingħajr dewmien żejjed wara kull pubblikazzjoni.

5.   L-emittenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dwar il-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni tagħhom.

KAPITOLU 3

Kundizzjonijiet għall-użu tad-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” fir-rigward tal-bonds ta’ titolizzazzjoni

Artikolu 16

Applikazzjoni tad-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” għall-bonds ta’ titolizzazzjoni

1.   Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni bid-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”:

(a)

ir-referenzi f’dan ir-Regolament għal “emittent” għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal “oriġinatur”;

(b)

ir-referenzi fl-Artikolu 4 għal “rikavati” għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għar-rikavati miksuba mill-oriġinatur mill-bejgħ tal-iskoperturi titolizzati lill-SSPE.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (a), ir-referenzi għal “emittent” fl-Artikoli 9 u 15, l-Artikolu 44(3), l-Artikolu 45(1), l-Artikolu 48 u l-Artikolu 49(1) għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal “oriġinatur” jew għal “SSPE” u r-referenzi għal “emittent” fl-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 44(1) għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal “SSPE”.

3.   Meta l-iskoperturi titolizzati jinħolqu minn diversi oriġinaturi, għandu japplika dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti għall-użu tar-rikavati stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8 għandhom jiġu ssodisfati minn kull oriġinatur fuq bażi pro rata, b’referenza għas-sehem tiegħu fil-pul ta’ skoperturi titolizzati;

(b)

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 10, 11, 12, 15, 18 u 19 għandhom jiġu ssodisfati b’mod konġunt mill-oriġinaturi, filwaqt li jindikaw b’mod ċar sa liema punt kull oriġinatur ikkonforma mar-rekwiżiti rispettivi tiegħu;

(c)

ir-rekwiżiti biex jinkiseb rieżami estern stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 għandhom jiġu ssodisfati b’mod konġunt mill-oriġinaturi;

(d)

meta diversi oriġinaturi jiddeċiedu li jitolbu rieżami tar-rapport tal-impatt imsemmi fl-Artikolu 12(3), għandhom jikkonformaw b’mod konġunt mar-rekwiżiti tiegħu.

Artikolu 17

Esklużjoni ta’ bonds maħruġa għall-fini ta’ titolizzazzjoni sintetika

Bonds maħruġa għall-fini ta’ titolizzazzjoni sintetika m’għandhomx ikunu eliġibbli li jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”.

Artikolu 18

Esklużjonijiet ta’ ċerti skoperturi titolizzati

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-iskoperturi titolizzati m’għandhomx jinkludu skoperturi li jiffinanzjaw l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, ir-raffinar jew id-distribuzzjoni, inkluż it-trasport, u n-negozjar tal-karburanti fossili.

2.   L-iskoperturi li jiffinanzjaw il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-karburanti fossili, il-koġenerazzjoni tat-tisħin/tkessiħ u l-enerġija mill-karburanti fossili, jew il-produzzjoni tat-tisħin/tkessiħ mill-karburanti fossili, fejn l-attività tissodisfa l-kriterji għal “la tagħmilx ħsara sinifikanti” stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2139, jistgħu jiġu inklużi fil-pul ta’ skoperturi titolizzati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-oriġinatur għandu jispjega sa liema punt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ġie osservat fl-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 10.

4.   Fuq talba tal-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 44, l-oriġinatur għandu juri l-konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Rekwiżiti addizzjonali ta’ divulgazzjoni fil-każ ta’ titolizzazzjoni

1.   Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni bid-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”, il-prospett ippubblikat skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 għandu jinkludi dikjarazzjoni li l-bond huwa bond ta’ titolizzazzjoni u li l-oriġinatur huwa responsabbli għat-twettiq tal-impenji meħuda fil-prospett rigward l-użu tar-rikavati.

2.   Sabiex tiġi pprovduta trasparenza dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-iskoperturi titolizzati, l-informazzjoni dwar dawn li ġejjin għandha tiġi inkluża fil-prospett fuq bażi tal-aħjar sforzi u bl-aħjar mod li jistal-oriġinatur, abbażi tad-data disponibbli:

(a)

is-sehem tal-iskoperturi titolizzati fil-pul ta’ skoperturi titolizzati, li jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi li huma attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (5), tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2178;

(b)

għal kull attività ekonomika rilevanti elenkata fl-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, fil-pul ta’ skoperturi eliġibbli għat-tassonomija msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, is-sehem tal-iskoperturi titolizzati allinjati mat-tassonomija;

(c)

għal kull attività ekonomika rilevanti elenkata fl-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, fil-pul ta’ skoperturi eliġibbli għat-tassonomija msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, is-sehem tal-iskoperturi titolizzati li jonqsu milli jissodisfaw l-objettivi “la tagħmilx ħsara sinifikanti” kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2020/852.

3.   L-informazzjoni inkluża fil-prospett f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi inkluża wkoll fl-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 10, abbażi ta’ aġġornamenti annwali li għandhom jitwettqu mill-oriġinatur, fir-rapport dwar l-allokazzjoni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmi fl-Artikolu 11.

TITOLU III

MUDELLI TA’ DIVULGAZZJONI FAKULTATTIVA GĦALL-BONDS IKKUMMERĊJALIZZATI BĦALA AMBJENTALMENT SOSTENIBBLI U GĦALL-BONDS MARBUTA MAS-SOSTENIBBILTÀ

Artikolu 20

Divulgazzjonijiet ta’ qabel il-ħruġ għall-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà

1.   Sal-21 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida li jistabbilixxu mudelli għad-divulgazzjonijiet volontarji ta’ qabel il-ħruġ għall-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà.

2.   Il-mudelli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jindikaw jekk l-emittent għandux l-intenzjoni li juża rieżaminatur estern u l-mudell komuni għad-divulgazzjonijiet perjodiċi msemmija fl-Artikolu 21.

3.   Għall-emittenti tal-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli, il-mudelli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu, minbarra l-indikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, mill-inqas l-elementi li ġejjin, li għandhom jirriflettu l-intenzjoni tal-emittent abbażi tad-data disponibbli fiż-żmien tal-ħruġ tal-bonds:

(a)

meta l-emittent ikun soġġett għall-obbligu li jippubblika pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE, jew meta l-emittent ippubblika volontarjament tali pjanijiet, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds huma maħsuba li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet;

(b)

meta l-emittent ikun soġġett għall-obbligu li jiddivulga informazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds huma mistennija jikkontribwixxu għall-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija tal-emittent;

(c)

il-proporzjon minimu ta’ rikavati mill-bonds li għandhom jintużaw għal attivitajiet li huma ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852.

4.   Għall-emittenti tal-bonds marbuta mas-sostenibbiltà, il-mudelli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu, minbarra l-indikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, mill-inqas l-elementi li ġejjin, li għandhom jirriflettu l-intenzjoni tal-emittent abbażi tad-data disponibbli fiż-żmien tal-ħruġ tal-bonds:

(a)

ir-raġunament, il-livell ta’ ambizzjoni, il-materjalità u l-metodoloġija tal-kalkolu tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti mill-emittent;

(b)

meta l-emittent ikun soġġett għal obbligu li jippubblika pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE, jew meta l-emittent ippubblika volontarjament tali pjanijiet, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds huwa maħsub li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet;

(c)

meta rilevanti, il-mod li bih il-bond huwa marbut mal-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija tal-emittent billi jiġi applikat ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2178;

(d)

deskrizzjoni tal-istruttura tal-bonds, inkluż il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-kupun.

Artikolu 21

Divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ għall-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà

1.   L-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà jistgħu jagħmlu ddivulgazzjonijiet perjodiċi tal-informazzjoni ta’ wara l-ħruġ permezz ta’ mudelli komuni.

Meta emittent jiddivulga informazzjoni perjodika ta’ wara l-ħruġ f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 44 sal-maturità tal-bond.

2.   Għal emittent ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli, il-mudelli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

meta l-emittent ikun soġġett għal obbligu li jippubblika pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE, jew meta l-emittent ippubblika volontarjament tali pjanijiet, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet;

(b)

meta l-emittent ikun soġġett għall-obbligu li jiddivulga informazzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds jikkontribwixxu għall-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija tal-emittent;

(c)

il-proporzjon minimu ta’ rikavati mill-bonds li jintużaw għal attivitajiet li huma ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852.

3.   Għal emittent ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà, il-mudelli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

ir-raġunament, il-livell ta’ ambizzjoni, il-materjalità u l-metodoloġija tal-kalkolu tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti mill-emittent;

(b)

meta l-emittent ikun soġġett għal obbligu li jippubblika pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE, jew meta l-emittent ippubblika volontarjament tali pjanijiet, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds huwa maħsub li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet;

(c)

meta rilevanti, il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds huwa marbut mal-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija tal-emittent billi jiġi applikat ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2178;

(d)

deskrizzjoni tal-istruttura tal-bonds, inkluż il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-kupun.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 68 sal-21 ta’ Diċembru 2024 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li se tiġi divulgata fil-mudelli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

Meta tabbozza dak l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni dwar aspetti ambjentali, soċjali u ta’ governanza li hija meħtieġa li tiġi divulgata skont atti leġiżlattivi rilevanti oħra, inkluż ir-Regolament (UE) 2017/1129, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tad-divulgazzjonijiet għall-emittenti.

Meta tabbozza dak l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji soġġetti għar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2088.

TITOLU IV

RIEŻAMINATURI ESTERNI GĦALL-BONDS EKOLOĠIĊI EWROPEJ

KAPITOLU 1

Kundizzjonijiet għar-rieżami estern tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej

Artikolu 22

Reġistrazzjoni

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandhom, qabel ma jibdew l-attivitajiet tagħhom, ikunu rreġistrati mal-ESMA.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni rreġistrati mal-ESMA għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 23(2) fi kwalunkwe mument.

3.   L-awdituri tal-Istat ma għandhomx ikunu soġġetti għat-Titoli IV u V ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem sħiħ tal-applikant, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-Unjoni, is-sit web tal-applikant u, jekk ikun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (LEI);

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ persuna ta’ kuntatt;

(c)

il-forma legali tal-applikant;

(d)

l-istruttura tas-sjieda tal-applikant;

(e)

l-identitajiet tal-membri tal-maniġment superjuri u l-bord tal-applikant mal-curriculum vitae li, mill-inqas, juri l-livell ta’ kwalifika, esperjenza u taħriġ tagħhom;

(f)

l-għadd ta’ analisti, impjegati u persuni oħrajn direttament involuti fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni, u l-livell ta’ għarfien, esperjenza u taħriġ tagħhom li kisbu qabel u meta kienu jaħdmu għall-applikant fil-provvista ta’ rieżami estern jew servizzi simili;

(g)

deskrizzjoni tal-proċeduri u tal-metodoloġiji implimentati mill-applikant biex joħroġ rieżamijiet;

(h)

l-arranġamenti ta’ governanza korporattiva u l-politiki jew il-proċeduri implimentati mill-applikant biex jidentifika, jelimina jew jimmaniġġa u jiddivulga b’mod trasparenti, kwalunkwe kunflitt attwali jew potenzjali ta’ interess kif imsemmi fl-Artikolu 35;

(i)

meta jkun applikabbli, dokumenti u informazzjoni relatati ma’ kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni eżistenti jew ippjanat għall-attivitajiet tar-rieżaminatur estern koperti minn dan ir-Regolament, inkluż informazzjoni dwar l-entitajiet li jassumu l-funzjonijiet ta’ esternalizzazzjoni;

(j)

meta jkun applikabbli, informazzjoni dwar attivitajiet oħrajn imwettqa mill-applikant.

2.   L-ESMA għandha tirreġistra applikant bħala rieżaminatur estern biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-maniġment superjuri u l-membri tal-bord tal-applikant:

(i)

ikollhom reputazzjoni tajba biżżejjed;

(ii)

ikunu kapaċi biżżejjed li jiżguraw li l-applikant ikun jista’ jwettaq il-kompiti meħtieġa mir-rieżaminaturi esterni skont dan ir-Regolament;

(iii)

ikollhom biżżejjed kwalifiki professjonali;

(iv)

ikollhom esperjenza rilevanti f’attivitajiet bħal assigurazzjoni tal-kwalità, kontroll tal-kwalità, fit-twettiq ta’ rieżamijiet ta’ qabel u ta’ wara l-ħruġ u rieżamijiet tar-rapport tal-impatt, il-provvista ta’ opinjonijiet ta’ allinjament tat-tieni parti jew ta’ servizzi finanzjarji;

(b)

l-għadd ta’ analisti, impjegati u persuni oħrajn direttament involuti fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-applikant, u l-livell ta’ għarfien, esperjenza u taħriġ tagħhom, ikunu biżżejjed biex l-applikant iwettaq il-kompiti meħtieġa mir-rieżaminaturi esterni skont dan ir-Regolament;

(c)

l-arranġamenti interni implimentati tal-applikant biex tiġi żgurata l-konformità tal-Kapitolu II ta’ dan it-Titolu jkunu xierqa u effettivi.

Meta tivvaluta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESMA tista’ tqis jekk l-applikant, meta jkun ipprovda servizzi skont l-Artikoli 69 u 70, użax l-aħjar sforzi biex jikkonforma mal-Artikoli 24 sa 38. Għal dak il-għan, l-ESMA tista’ titlob lill-applikant jipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa.

3.   Fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-wasla ta’ applikazzjoni, l-ESMA għandha tivvaluta jekk applikazzjoni tkunx kompluta.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx imtliet kollha, l-ESMA għandha tinnotifika lill-applikant dwar dan u għandha tistabbilixxi skadenza sa meta l-applikant ikollu jagħti l-informazzjoni addizzjonali.

Meta l-applikazzjoni tkun kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lill-applikant dwar dan.

4.   Fi żmien 45 jum tax-xogħol mill-wasla ta’ applikazzjoni kompluta, l-ESMA għandha tirreġistra jew tirrifjuta li tirreġistra l-applikant.

L-ESMA tista’ testendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu bi 15-il jum tax-xogħol meta l-applikant ikun beħsiebu jesternalizza ċerti attivitajiet ta’ rieżami estern.

5.   L-ESMA għandha tinnotifika bil-miktub lill-applikant dwar ir-reġistrazzjoni ta’ dak l-applikant bħala rieżaminatur estern, jew dwar ir-rifjut tagħha li tirreġistra l-applikant. Deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni jew ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ applikant għandha tagħti raġunijiet u għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

6.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b).

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Meta tiżviluppa l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, l-ESMA għandha tqis il-mezzi diġitali tar-reġistrazzjoni.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 24

Bidliet materjali rilevanti għar-reġistrazzjoni

1.   Rieżaminatur estern għandu jinnotifika lill-ESMA dwar kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni mogħtija f’konformità mal-Artikolu 23(1) qabel ma jiġu implimentati dawn il-bidliet.

Meta l-ESMA toġġezzjona għal dawn il-bidliet materjali, hija għandha tinforma lir-rieżaminatur estern fi żmien 45 jum tax-xogħol min-notifika ta’ dawk il-bidliet u għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni tagħha. Il-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu m’għandhomx jiġu implimentati jekk l-ESMA toġġezzjona f’dak il-perjodu.

2.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Meta tiżviluppa l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, l-ESMA għandha tqis il-mezzi diġitali tar-reġistrazzjoni.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 25

Reġim lingwistiku

Applikant għandu jressaq l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 (22) għandu japplika mutatis mutandis għal kwalunkwe komunikazzjoni oħra bejn l-ESMA u l-applikant u l-persunal tiegħu.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti organizzattivi, proċessi u dokumenti dwar il-governanza

Artikolu 26

Prinċipji ġenerali

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jużaw sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw l-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi, tar-riżorsi u tal-proċeduri tagħhom stabbiliti f’konformità ma’ dan ir-Regolament mill-inqas kull sena u jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas f’dak ir-rigward.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji biex jiġu vvalutati l-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi, ir-riżorsi u l-proċeduri tar-rieżaminaturi esterni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27

Maniġment superjuri u membri tal-bord

1.   Il-maniġment superjuri u l-membri tal-bord tar-rieżaminatur estern għandhom, rispettivament, jiżguraw jew jissorveljaw dan li ġej:

(a)

il-ġestjoni tajba u prudenti tar-rieżaminatur estern;

(b)

l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni;

(c)

li kwalunkwe kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali jiġi identifikat, eliminat jew immaniġġat, u ddivulgat b’mod trasparenti;

(d)

li r-rieżaminatur estern jikkonforma mar-r-Regolament fi kwalunkwe mument.

2.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji biex tiġi vvalutata l-ġestjoni tajba u prudenti tar-rieżaminatur estern imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c).

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 28

Analisti u impjegati tar-rieżaminaturi esterni, u persuni oħrajn direttament involuti fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni tar-rieżaminaturi esterni

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiżguraw li l-analisti u l-impjegati tagħhom, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom u li tkun involuta direttament fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni, ikollhom l-għarfien, l-esperjenza u t-taħriġ meħtieġa għad-dmirijiet assenjati.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ma jitħallewx jibdew jew jipparteċipaw f’negozjati dwar tariffi jew pagamenti ma’ kwalunkwe entità vvalutata, parti terza relatata jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament konnessa mal-entità vvalutata permezz ta’ kontroll.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-għarfien, l-esperjenza u t-taħriġ tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 29

Funzjoni ta’ verifika tal-konformità

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jistabbilixxu u jżommu funzjoni ta’ verifika tal-konformità permanenti, indipendenti u effettiva għall-attivitajiet imwettqa skont dan ir-Regolament.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiżguraw li l-funzjoni ta’ verifika tal-konformità tikkonforma ma’ dan li ġej:

(a)

hija jkollha l-awtorità biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha kif suppost u b’mod indipendenti;

(b)

hija jkollha r-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa u aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha;

(c)

hija ma timmonitorjax jew ma tivvalutax l-attivitajiet tagħha stess;

(d)

hija ma tiġix ikkumpensata fir-rigward tal-prestazzjoni kummerċjali tar-rieżaminatur estern.

3.   Is-sejbiet tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandhom ikunu disponibbli jew għal korp superviżorju jew għal korp amministrattiv tar-rieżaminatur estern.

4.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji biex jiġi vvalutat jekk il-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandhiex l-awtorità biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha kif suppost u b’mod indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (a), u l-kriterji biex jiġi vvalutat jekk il-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandhiex ir-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa u jekk għandhiex aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b).

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 30

Politiki u proċeduri interni

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jadottaw u jimplimentaw politiki u proċeduri interni ta’ diliġenza dovuta li jiżguraw li l-interessi kummerċjali tagħhom ma jfixklux l-indipendenza jew l-akkuratezza tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jadottaw u jimplimentaw proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi, mekkaniżmi ta’ kontroll intern u arranġamenti ta’ kontroll u ta’ salvagwardja effettivi għas-sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji biex jiġu vvalutati s-solidità tal-proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi u tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern kif ukoll l-effettività tal-arranġamenti ta’ kontroll u ta’ salvagwardja għas-sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Article 31

Metodoloġiji tal-valutazzjonijiet u informazzjoni użata għar-rieżamijiet

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jadottaw u jimplimentaw miżuri biex jiżguraw li r-rieżamijiet jipprovdu opinjoni abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha li tkun disponibbli għalihom u li, skont il-metodoloġiji tagħhom, tkun rilevanti għall-analiżi tagħhom.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-passi ewlenin meħuda fir-raġunament tagħhom biex jaslu għall-konklużjonijiet ta’ kull wieħed mir-rieżamijiet tagħhom.

3.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jużaw informazzjoni ta’ kwalità suffiċjenti u minn sorsi affidabbli meta jipprovdu rieżamijiet.

4.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji biex jiġi vvalutat jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkunx ta’ kwalità suffiċjenti u jekk is-sorsi msemmija f’dak il-paragrafu jkunux affidabbli.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 32

Żbalji fil-metodoloġiji tal-valutazzjonijiet jew fl-applikazzjoni tagħhom

1.   Ir-rieżaminaturi esterni li jsiru konxji ta’ żbalji fil-metodoloġiji tal-valutazzjonijiet tagħhom jew fl-applikazzjoni tagħhom li jkollhom impatt materjali fuq rieżami għandhom jinnotifikaw minnufih u jispjegaw dawk l-iżbalji lill-ESMA u lill-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej affettwati.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jindirizzaw l-iżbalji fil-ħin u jippubblikaw l-iżbalji msemmija fil-paragrafu 1 fuq is-siti web tagħhom, flimkien ma’, meta jkun rilevanti, rieżami rivedut u kkoreġut kemm jista’ jkun malajr. Id-dokumenti riveduti għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-bidliet.

Artikolu 33

Esternalizzazzjoni

1.   Ir-rieżaminaturi esterni li jesternalizzaw l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tagħhom lil fornituri terzi tas-servizzi għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur terz tas-servizzi bħal dan ikollu l-kapaċità li jwettaq dawk l-attivitajiet ta’ valutazzjoni b’mod affidabbli u professjonali. Dawk ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiżguraw ukoll li l-esternalizzazzjoni ma tfixkilx materjalment il-kwalità tal-kontroll intern tagħhom u l-kapaċità tal-ESMA li tissorvelja l-konformità ta’ dawk ir-rieżaminaturi esterni ma’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-rieżaminaturi esterni ma għandhomx jesternalizzaw l-attivitajiet ta’ valutazzjoni kollha tagħhom jew il-funzjoni ta’ verifika tal-konformità tagħhom.

3.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dwar l-attivitajiet ta’ valutazzjoni li huma għandhom l-intenzjoni li jesternalizzaw, inkluż speċifikazzjoni tal-livell ta’ riżorsi umani u tekniċi meħtieġa biex titwettaq kull waħda minn dawk l-attivitajiet u r-raġunijiet għal tali esternalizzazzjoni.

4.   Ir-rieżaminaturi esterni li jesternalizzaw l-attivitajiet ta’ valutazzjoni għandhom jiżguraw li din l-esternalizzazzjoni ma tnaqqasx jew ma tfixkilx il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-funzjoni jew ir-rwoli tagħhom bħala membri tal-maniġment superjuri jew tal-korp maniġerjali tar-rieżaminatur estern.

5.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiżguraw li l-fornituri terzi tas-servizzi jikkooperaw u jikkonformaw ma’ kwalunkwe talba superviżorja mill-ESMA b’rabta ma’ kwalunkwe attività ta’ valutazzjoni esternalizzata.

6.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jibqgħu responsabbli għal kwalunkwe attività esternalizzata u għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw dan li ġej:

(a)

valutazzjonijiet dwar jekk il-fornituri terzi tas-servizzi jwettqux attivitajiet ta’ valutazzjoni esternalizzati b’mod effettiv u f’konformità mad-drittijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali u mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli u jekk ikunux qed jindirizzaw b’mod adegwat in-nuqqasijiet identifikati;

(b)

l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe riskju potenzjali fir-rigward tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni esternalizzati;

(c)

monitoraġġ perjodiku adegwat tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni esternalizzati;

(d)

proċeduri ta’ kontroll adegwati fir-rigward tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni esternalizzati, inkluż superviżjoni effettiva tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni esternalizzati u ta’ kwalunkwe riskju potenzjali fir-rigward tal-fornitur terz tas-servizzi;

(e)

kontinwità tal-operat adegwata tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni esternalizzati.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (e), ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiksbu informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-kontinwità tal-operat tal-fornituri terzi tas-servizzi, jivvalutaw il-kwalità tagħhom, u jitolbu titjib għal dawn l-arranġamenti meta jkun meħtieġ.

7.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji:

(a)

biex tiġi vvalutata l-kapaċità tal-fornituri terzi tas-servizzi li jwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni b’mod affidabbli u professjonali; u

(b)

biex jiġi żgurat li t-twettiq tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni ma jfixkilx materjalment il-kwalità tal-kontroll intern tar-rieżaminaturi esterni jew il-kapaċità tal-ESMA li tissorvelja l-konformità tar-rieżaminaturi esterni ma’ dan ir-Regolament.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2024.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 34

Rekwiżiti taż-żamma ta’ rekords

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom iżommu rekords adegwati ta’ dan li ġej:

(a)

l-identità tal-persuni li jipparteċipaw fid-determinazzjoni u fl-approvazzjoni tar-rieżamijiet, u d-data li fiha jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet għall-approvazzjoni tar-rieżamijiet;

(b)

id-dokumentazzjoni għall-proċeduri u l-metodoloġiji stabbiliti użati mir-rieżaminaturi esterni biex iwettqu u jfasslu r-rieżamijiet;

(c)

id-dokumenti interni, inkluż informazzjoni mhux pubblika u d-dokumenti ta’ ħidma, użati biex jiffurmaw il-bażi ta’ kwalunkwe rieżami ppubblikat;

(d)

rekords tal-proċeduri u tal-miżuri implimentati mir-rieżaminaturi esterni biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament;

(e)

kopji ta’ komunikazzjonijiet interni u esterni li jkunu relatati mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni, inkluż komunikazzjonijiet elettroniċi, riċevuti u mibgħuta mir-rieżaminatur estern u mill-impjegati tiegħu;

(f)

id-dokumentazzjoni li jkun fiha valutazzjonijiet prekuntrattwali kif imsemmi fl-Artikolu 35(2).

2.   Ir-rekords u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinżammu sa ma jkunu skadew mill-inqas ħames snin wara l-maturità tal-bond ikkonċernat u għandhom ikunu disponibbli għall-ESMA fuq talba tagħha.

3.   Meta l-ESMA tkun irtirat ir-reġistrazzjoni ta’ rieżaminatur estern f’konformità mal-Artikolu 59(1), dak ir-rieżaminatur estern għandu jiżgura li r-rekords u d-dokumenti jinżammu għal ħames snin addizzjonali. Ir-rekords u d-dokumenti li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tar-rieżaminatur estern u tal-emittent tal-Bond Ekoloġiku Ewropew skont ftehim li jiġu pprovduti servizzi ta’ valutazzjoni għandhom jinżammu għad-durata tar-relazzjoni ma’ dak l-emittent.

Artikolu 35

Kunflitti ta’ interess u kunfidenzjalità tal-informazzjoni

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jidentifikaw, jeliminaw jew jimmaniġġaw, u jiddivulgaw b’mod trasparenti fir-rieżamijiet tagħhom kwalunkwe kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali li jikkonċerna kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-analisti jew l-impjegati tagħhom;

(b)

l-azzjonisti li jkollhom mill-inqas 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tar-rieżaminaturi esterni jew f’kumpanija li jkollha s-setgħa li teżerċita kontroll jew influwenza dominanti fuq ir-rieżaminaturi esterni;

(c)

kwalunkwe persuna li tkun kuntrattwalment relatata mar-rieżaminaturi esterni u li tkun direttament involuta fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni;

(d)

kwalunkwe persuna li tapprova r-rieżamijiet.

2.   Qabel ma jidħol f’kuntratt ma’ emittent għall-forniment ta’ servizzi, ir-rieżaminatur estern għandu jwettaq valutazzjoni prekuntrattwali dwar jekk hemmx kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali, u għandu jiddokumenta dik il-valutazzjoni. Ir-rieżaminatur estern għandu jaġġorna l-valutazzjoni prekuntrattwali u d-dokumentazzjoni relatata meta tinħoloq bidla materjali fir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess wara l-konklużjoni tal-kuntratt bejn ir-rieżaminatur estern u l-emittent.

Ir-rieżaminatur estern ma għandux joħroġ rieżami meta jidentifika kunflitt ta’ interess attwali u r-rieżaminatur estern ma jkunx jista’ jimplimenta miżuri biex jelimina jew jimmaniġġa dak il-kunflitt ta’ interess.

3.   It-tariffi imposti mir-rieżaminaturi esterni għas-servizzi ta’ valutazzjoni ma għandhomx jiddependu fuq ir-riżultat tar-rieżamijiet, jew fuq kwalunkwe riżultat jew eżitu ieħor tax-xogħol imwettaq.

4.   L-analisti, l-impjegati tar-rieżaminatur estern u kwalunkwe persuna oħra kuntrattwalment relatata mar-rieżaminaturi esterni u direttament involuta fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

5.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiżguraw li l-analisti u l-impjegati tagħhom jew kwalunkwe persuna fiżika oħra kuntrattwalment relatata mar-rieżaminaturi esterni u direttament involuta fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni jikkonformaw ma’ dawn li ġejjin:

(a)

jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli biex jipproteġu l-proprjetà u r-rekords fil-pussess tar-rieżaminatur estern minn frodi, serq jew użu ħażin, filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħhom u n-natura u l-firxa tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tagħhom;

(b)

ma jiddivulgaw l-ebda informazzjoni dwar ir-rieżamijiet u dwar rieżamijiet futuri possibbli, lil kwalunkwe parti għajr lill-emittenti li jkunu talbu l-valutazzjoni mir-rieżaminatur estern;

(c)

ma jużawx jew ma jaqsmux informazzjoni kunfidenzjali għal kwalunkwe fini ieħor għajr tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni.

Artikolu 36

Forniment ta’ servizzi oħrajn

Ir-rieżaminaturi esterni li jipprovdu servizzi għajr attivitajiet ta’ valutazzjoni għandhom jiżguraw li dawk is-servizzi l-oħrajn ma joħolqux kunflitti ta’ interess mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tagħhom li jikkonċernaw il-bonds ekoloġiċi Ewropej. Dawn ir-rieżaminaturi esterni għandhom jiddivulgaw fir-rieżamijiet kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut għall-entità vvalutata jew għal kwalunkwe parti terza relatata.

KAPITOLU 3

Rieżamijiet

Artikolu 37

Referenzi għall-ESMA jew għal awtoritajiet kompetenti oħrajn

Fir-rieżamijiet tagħhom, ir-rieżaminaturi esterni ma għandhomx jirreferu għall-ESMA jew għal kwalunkwe awtorità kompetenti b’mod li jista’ jindika jew jissuġġerixxi li l-ESMA jew kwalunkwe awtorità kompetenti tapprova dak ir-rieżami jew kwalunkwe attività ta’ valutazzjoni tar-rieżaminatur estern.

Artikolu 38

Pubblikazzjoni tar-rieżamijiet

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jippubblikaw u jagħmlu disponibbli, mingħajr ħlas, fuq is-siti web tagħhom dan li ġej:

(a)

fi żmien raġonevoli qabel il-ħruġ tal-bond ikkonċernat, ir-rieżamijiet ta’ qabel il-ħruġ li huma jkunu nħarġu;

(b)

mingħajr dewmien wara t-tlestija tal-valutazzjoni tar-rapporti tal-allokazzjoni mir-rieżaminatur estern, ir-rieżamijiet ta’ wara l-ħruġ li jkunu nħarġu;

(c)

mingħajr dewmien wara l-valutazzjoni tar-rapporti tal-impatt mir-rieżaminatur estern, ir-rapport tal-impatt jirrieżamina r-rieżamijiet li huma jkunu ħarġu.

2.   Ir-rieżamijiet għandhom jibqgħu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tar-rieżaminatur estern mill-inqas sal-maturità tal-bond ikkonċernat.

3.   Ir-rieżaminaturi esterni li jiddeċiedu li ma jibqgħux jipprovdu rieżami għandhom jagħtu informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni fuq is-siti web tagħhom, mingħajr dewmien wara din id-deċiżjoni.

KAPITOLU 4

Forniment ta’ servizzi minn rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz

Artikolu 39

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament lill-emittenti ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej meta dak ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz ikun irreġistrat fir-reġistru tar-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz miżmum mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 67.

2.   L-ESMA għandha tirreġistra rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li jkun applika għall-forniment ta’ servizzi tar-rieżaminaturi esterni f’konformità ma’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha f’konformità mal-paragrafu 1 (ir-“rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant”) biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 40(1);

(b)

l-applikant ta’ pajjiż terz ikun irreġistrat jew awtorizzat biex jipprovdi s-servizzi ta’ rieżami estern li għandhom jiġu pprovduti fl-Unjoni u jkun soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi li jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti applikabbli f’dak il-pajjiż terz;

(c)

ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 40(3).

3.   Meta jiġi rreġistrat rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz f’konformità ma’ dan l-Artikolu, ma għandu jiġi impost l-ebda rekwiżit addizzjonali fuq ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

4.   L-applikant estern ta’ pajjiż terz għandu jressaq l-applikazzjoni tiegħu lill-ESMA, billi juża l-formoli u l-mudelli msemmija fl-Artikolu 23(6), wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 40(1) fir-rigward tal-pajjiż terz li fih dak ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz ikun irreġistrat jew awtorizzat.

5.   Ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant għandu jagħti lill-ESMA l-informazzjoni kollha meħtieġa għar-reġistrazzjoni tiegħu.

6.   Fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta tasal applikazzjoni, l-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta.

Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz b’dan u għandha tistabbilixxi skadenza sa meta r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant ikollu jagħti l-informazzjoni addizzjonali.

Jekk l-applikazzjon tkun kompluta, l-ESMA għandha tinnotfika lir- ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz b’dan.

7.   Fi żmien 45 jum tax-xogħol mill-wasla ta’ applikazzjoni kompluta, l-ESMA għandha tirreġistra jew tirrifjuta li tirreġistra lir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant.

L-ESMA tista’ testendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu bi 15-il jum tax-xogħol meta r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant ikun beħsiebu jesternalizza ċerti attivitajiet ta’ rieżami estern.

8.   L-ESMA għandha tinnotifika bil-miktub lir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant bir-reġistrazzjoni ta’ dak r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz, jew bir-rifjut tar-reġitrazzjoni tar-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant. Tali deċiżjoni li tirreġistra jew li tirrifkjuta li tirreġistra rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz applikant għandha tipprovdi r-raġunijiet u għandha ssir effettiva fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

9.   Ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz għandhom, qabel ma jipprovdu kwalunkwe servizz fir-rigward tal-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej stabbiliti fl-Unjoni, joffru li jressqu kwalunkwe tilwim relatat ma’ dawk is-servizzi lill-ġuriżdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru jew tribunal tal-arbitraġġ b’siġġu fi Stat Membru.

Artikolu 40

Deċiżjoni dwar l-ekwivalenza

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ pajjiż terz li tiddikjara li l-oqsfa legali u superviżorji ta’ dak il-pajjiż terz jiżguraw dan li ġej:

(a)

li r-rieżaminaturi esterni reġistrati jew awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti organizzazzjonali u ta’ kondotta kummerċjali legalment vinkolanti b’effett ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fil-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament;

(b)

li l-qafas legali ta’ dak il-pajjiż terz jipprevedi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ rieżaminaturi esterni rreġistrati jew awtorizzati fl-ambitu tal-liġi ta’ dak il-pajjiż terz.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-qafas organizzazzjonali u ta’ kondotta kummerċjali ta’ pajjiż terz li jkollu effett ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament meta, fi ħdan dak il-qafas, l-entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ rieżami estern ikunu soġġetti għal dan li ġej:

(a)

reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni u superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa;

(b)

rekwiżiti organizzazzjonali adegwati fil-qasam tal-funzjonijiet ta’ kontroll intern;

(c)

regoli xierqa tal-kondotta tal-operazzjonijiet.

3.   L-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ pajjiżi terzi li l-ofqsa legali u superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala effettivament ekwivalenti f’konformità mal-paragrafu 1. Dawn l-arranġamenti għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni kollha dwar ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz irreġistrati jew awtorizzati f’pajjiżi terzi li tintalab mill-ESMA;

(b)

il-mekkaniżmu għan-notifika fil-pront lill-ESMA meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tqis li r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li jkun taħt is-superviżjoni tagħha, u li l-ESMA tkun irreġistrat fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 67, ikun qed jikser il-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni jew tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew il-liġi applikabbli;

(c)

il-proċeduri dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji inkluż, meta jkun xieraq, l-ispezzjonijiet fuq il-post.

4.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz stabbilit f’pajjiż li l-qafas legali u superviżorju tiegħu jkun ġie rikonoxxut bħala effettivament ekwivalenti f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u li jkun irreġistrat fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 67, għandu jkun jista’ jipprovdi s-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni lill-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej madwar l-Unjoni kollha.

5.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz ma għandux jibqa’ juża d-drittijiet skont l-Artikolu 39 meta l-Kummissjoni tirtira d-deċiżjoni tagħha imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz.

Artikolu 41

Irtirar tar-reġistrazzjoni ta’ rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz

1.   L-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz billi tneħħi lil dak ir-rieżaminatur estern mir-reġistru msemmi fl-Artikolu 67 meta jkollha raġunijiet fondati sew, abbażi ta’ evidenza dokumentarja, biex temmen li, fil-forniment tas-servizzi skont dan ir-Regolament fl-Unjoni, ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz:

(a)

jaġixxi b’manjiera li tkun ċarament ta’ preġudizzju għall-interessi tal-investituri jew tal-funzjonament ordnat tas-swieq; jew

(b)

ikun kiser serjament il-liġijiet u r-regolamenti, applikabbli għalih fil-pajjiż terz ikkonċernat u li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 40(1).

2.   L-ESMA għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 wara li:

(a)

tkun irreferiet il-kwistjoni lill-awtorità superviżorja tal-pajjiż terz ikkonċernat u dik l-awtorità superviżorja tal-pajjiż terz ma tkunx ħadet il-miżuri neċessarji biex tipproteġi lill-investituri u l-funzjonament ordnat tas-swieq fl-Unjoni jew tkun naqset milli turi li r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għalih f’dak il-pajjiż terz; u

(b)

tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz ikkonċernat dwar l-intenzjoni tagħha li tirtira r-reġistrazzjoni tar-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz mill-inqas 30 jum qabel l-irtirar.

3.   L-ESMA għandha tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1 u għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha fuq is-sit web tagħha.

4.   Fil-każ tal-irtirar tar-reġistrazzjoni ta’ rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li taħthom tkun ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 40(1) għadhomx jeżistu fir-rigward tal-pajjiż terz ikkonċernat.

Artikolu 42

Rikonoxximent ta’ rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz

1.   Sakemm tiġi adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 40(1), rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament dment li r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz jikseb rikonoxximent mingħand l-ESMA f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li jkun beħsiebu jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu (ir-“rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent”) għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 38 u fl-Artikoli 54 sa 56.

3.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent għandu jkollu rappreżentant legali stabbilit fl-Unjoni. Dak ir-rappreżentant legali għandu:

(a)

ikun responsabbli, flimkien mar-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent, biex jiżgura li l-forniment ta’ servizzi skont dan ir-Regolament mir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 u f’dak ir-rigward għandu jkun responsabbli quddiem l-ESMA għall-imġiba tar-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximentfl-Unjoni;

(b)

jaġixxi f’isem ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-ESMA u ma’ kwalunkwe persuna oħra fl-Unjoni fir-rigward tal-obbligi tar-rieżaminatur estern skont dan ir-Regolament; u

(c)

ikollu biżżejjed għarfien, għarfien espert u riżorsi biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont dan il-paragrafu.

4.   Applikazzjoni għar-rikonoxximent mill-ESMA kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tissodisfa lill-ESMA li r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent ikun implimenta l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 u għandha, meta jkun applikabbli, tindika l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tar-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent fil-pajjiż terz.

5.   Fi żmien 30 jum tax-xogħol mill-wasla ta’ applikazzjoni għar-riknoxximent, l-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent dwar dan u għandha tistabbilixxi skadenza sa meta r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent ikollu jagħti l-informazzjoni addizzjonali.

Meta l-applikazzjoni tkun kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent dwar dan.

6.   Fi żmien 45 jum tax-xogħol mill-wasla ta’ applikazzjoni għar-rikonoxximent kompluta, l-ESMA għandha tivverifika li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 jiġu ssodisfati.

L-ESMA tista’ testendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu bi 15-il jum tax-xogħol meta r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent ikun beħsiebu jesternalizza ċerti attivitajiet ta’ rieżami estern.

7.   L-ESMA għandha tinnotifika bil-miktub lir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent bid-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi jew li tirrifjuta li tirrikonoxxi lir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent bħala rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz. Deċiżjoni li tirrikonoxxi jew li tirrifjuta li tirrikonoxxi rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li qed ifittex rikonoxximent għandha tagħti raġunijiet u għandha ssir effettiva fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

8.   L-ESMA għandha tissospendi jew, meta jkun xieraq, tirtira r-rikonoxximent mogħti f’konformità mal-paragrafu 7 jekk ikollha raġunijiet fondati sew, abbażi ta’ evidenza dokumentata, biex tqis li r-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz ikun qed jaġixxi b’mod li jippreġudika l-interessi tal-utenti tas-servizzi tiegħu jew għall-funzjonament ordnat tas-swieq, jew li kiser serjament dan ir-Regolament, jew li l-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz ikun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew uża kwalunkwe mezz irregolari ieħor biex jikseb rikonoxximent.

9.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni u l-forma u l-kontenut tal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tressaq dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Diċembru 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 43

Approvazzjoni ta’ servizzi skont dan ir-Regolament ipprovduti f’pajjiż terz

1.   Rieżaminatur estern stabbilit fl-Unjoni li jkun irreġistrat f’konformità mal-Artikolu 23 jista’ japplika għand l-ESMA għal awtorizzazzjoni ta’ approvazzjoni tas-servizzi pprovduti minn rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz fuq bażi kontinwa fl-Unjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-rieżaminatur estern li jkun vverifika u jista’ juri fuq bażi kontinwa lill-ESMA li l-forniment ta’ servizzi skont dan ir-Regolament mir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz jissodisfa rekwiżiti li jkunu mill-inqas stretti daqs ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

ir-rieżaminatur estern ikollu l-għarfien espert meħtieġ biex jimmonitorja b’mod effettiv l-attività tal-forniment ta’ servizzi skont dan ir-Regolament mir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz u biex jimmaniġġa r-riskji assoċjati;

(c)

ir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz jiġi invokat għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet oġġettivi li ġejjin:

(i)

l-ispeċifiċitajiet tas-swieq jew tal-investimenti sottostanti;

(ii)

il-prossimità tar-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz għas-swieq, għall-emittenti jew għall-investituri ta’ pajjiż terz;

(iii)

l-għarfien espert tar-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz fil-forniment ta’ servizzi ta’ rieżami estern jew fi swieq jew investimenti speċifiċi.

2.   Rieżaminatur estern li jissottometti applikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 (ir-“riezaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni”)għandu jagħti l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa biex jissodisfa lill-ESMA li, fil-ħin tal-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet kollha msemmija f’dak il-paragrafu jkunu ġew issodisfati.

3.   L-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkunx kompluta fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-wasla tal-applikazzjoni.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni kif xieraq u għandha tistabbilixxi skadenza sa meta r-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni jkollu jagħti l-informazzjoni addizzjonali.

Meta l-applikazzjoni tkun kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni kif xieraq.

Fi żmien 45 jum tax-xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta, l-ESMA għandha teżamina l-applikazzjoni u tadotta deċiżjoni biex tawtorizza jew tirrifjuta l-approvazzjoni. L-ESMA għandha tinnotifika lir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni bid-deċiżjoni tagħha. Id-deċiżjoni għandha tagħti raġunijiet u għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

4.   Is-servizzi pprovduti skont dan ir-Regolament minn rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li s-servizzi tiegħu jkunu ġew approvati għandhom jitqiesu bħala servizzi pprovduti mir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni. Ir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni ma għandux juża l-approvazzjoni bl-intenzjoni li jevita r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

5.   Rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni għandu jibqa’ kompletament responsabbli għas-servizzi pprovduti skont dan ir-Regolament mir-rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li s-servizzi tiegħu ġew approvati u għall-konformità ma-r-Regolament.

6.   Meta l-ESMA jkollha raġunijiet fondati sew biex tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx jiġu ssodisfati, din għandu jkollha s-setgħa li titlob lir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni biex iwaqqaf l-approvazzjoni.

7.   Ir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni għandu jippubblika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 38 fuq is-sit web tiegħu.

8.   Ir-rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni għandu jirrapporta lill-ESMA kull sena dwar is-servizzi li dan ikun approva matul it-tnax-il xahar preċedenti.

TITOLU V

SUPERVIŻJONI MILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI U MILL-ESMA

KAPITOLU 1

Awtoritajiet kompetenti

Artikolu 44

Superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari maħtura skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2017/1129 għandhom jissorveljaw dan li ġej:

(a)

emittenti ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej fir-rigward tal-konformità mal-obbligi tagħhom skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2 u l-Artikoli 18 u 19;

(b)

emittenti li jużaw il-mudelli komuni previsti fl-Artikolu 21 fir-rigward tal-konformità ma’ dawk il-mudelli.

2.   L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandhom jissorveljaw il-konformità tal-oriġinaturi mal-obbligi tagħhom skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2, u l-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jissorveljaw l-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li huma koperti mill-Artikolu 1(2), il-punti (b) u (d), tar-Regolament (UE) 2017/1129.

Artikolu 45

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Sabiex jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigattivi li ġejjin:

(a)

li jirrikjedu lill-emittenti jippubblikaw l-iskedi informattivi tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej imsemmija fl-Artikolu 10 jew jinkludu f’dawk l-iskedi informattivi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I;

(b)

li jirrikjedu lill-emittenti jippubblikaw rieżamijiet u valutazzjonijiet;

(c)

li jirrikjedu lill-emittenti jippubblikaw rapporti tal-allokazzjoni annwali jew jinkludu fir-rapporti tal-allokazzjoni annwali l-informazzjoni msemmija fl-Anness III;

(d)

li jirrikjedu lill-emittenti jippubblikaw rapport tal-impatt jew jinkludu fir-rapport tal-impatt l-informazzjoni msemmija fl-Anness III;

(e)

li jirrikjedu lill-emittenti jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti bil-pubblikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15(4);

(f)

meta l-emittenti jużaw il-mudelli komuni previsti fl-Artikolu 21, biex jirrikjedu li dawk l-emittenti jinkludu l-elementi msemmija fihom fid-divulgazzjonijiet perjodiċi ta’ wara l-ħruġ tagħhom;

(g)

li jirrikjedu lill-awdituri u lill-maniġment superjuri tal-emittent jipprovdu informazzjoni u dokumenti;

(h)

li jissospendu offerta jew ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej għal massimu ta’ 10 ijiem tax-xogħol konsekuttivi fi kwalunkwe okkażjoni unika meta jkun hemm bażi raġonevoli biex jissuspettaw li l-emittent naqas milli jikkonforma ma’ obbligu skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2 jew l-Artikolu 18 jew 19;

(i)

li jipprojbixxu offerta jew ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-emittent għadu jonqos milli jikkonforma ma’ obbligu skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2 jew l-Artikolu 18 jew 19;

(j)

li jissospendu r-reklami għal massimu ta’ 10 ijiem tax-xogħol konsekuttivi, jew jirrikjedu lill-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jew lill-intermedjarji finanzjarji kkonċernati jissospendu r-reklami għal massimu ta’ 10 ijiem tax-xogħol konsekuttivi fi kwalunkwe okkażjoni unika meta jkun hemm bażi raġonevoli biex jissuspettaw li l-emittent naqas milli jikkonforma mal-obbligu skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2, jew l-Artikolu 18 jew 19;

(k)

li jipprojbixxu reklami, jew jirrikjedu lill-emittenti ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej jew l-intermedjarji finanzjarji kkonċernati li jwaqqfu r-reklami meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-emittent għadu jonqos milli jikkonforma ma’ obbligu skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II jew l-Artikoli 18 jew 19;

(l)

li jippubblikaw il-fatt li emittent tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej ikun qed jonqos milli jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, u jirrikjedu lill-emittent jippubblika dik l-informazzjoni fuq is-sit web tiegħu;

(m)

li jipprojbixxu emittent milli joħroġ Bonds Ekoloġiċi Ewropej għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena fil-każ li emittent, b’mod ripetut u sever, kiser il-Kapitolu 2 tat-Titolu II jew l-Artikoli 18 jew 19;

(n)

li, wara perjodu ta’ tliet xhur wara r-rekwiżit imsemmi fil-punt (l) ta’ dan is-subparagrafu, jagħmlu pubbliku l-fatt li l-emittent tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej ma jibqax jikkonforma mal-Artikolu 3 fir-rigward tal-użu tad-deżinjazzjoni “Bonds Ekoloġiċi Ewropej” jew “EuGB”, u li jirrikjedi lil dak l-emittent jippubblika dik l-informazzjoni fuq is-sit web tiegħu;

(o)

li jwettqu spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post f’siti għajr dawk tar-residenzi privati ta’ persuni fiżiċi, u għal dak il-fini li jidħlu fil-proprjetà sabiex jaċċessaw dokumenti u data oħra fi kwalunkwe forma, meta jkun hemm suspett raġonevoli li jeżistu dokumenti u data oħra relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jew tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi pprovat ksur ta’ dan ir-Regolament.

Meta jkun meħtieġ skont id-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-awtorità ġudizzjarja rilevanti biex tiddeċiedi dwar l-użu tas-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

direttament;

(b)

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lill-awtoritajiet imsemmija fil-punt (b);

(d)

b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi li jkunu meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom.

4.   Persuna li tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-awtorità kompetenti skont dan ir-Regolament ma għandhiex titqies li qed tikser xi restrizzjoni fuq id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew b’xi dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandha tkun soġġetta għall-ebda tip ta’ responsabbiltà talli tkun għamlet tali informazzjoni disponibbli lil awtorità kompetenti.

Artikolu 46

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawn għandhom jiskambjaw l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed u jikkooperaw fl-investigazzjoni, is-superviżjoni u l-infurzar.

L-Istati Membri li jkunu għażlu, f’konformità mal-Artikolu 49(5), li jistabbilixxu penali kriminali għal ksur ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat meħtieġa li jikkollaboraw mal-awtoritajiet ġudizzjarji fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika relatata ma’ investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti legali mibdija għal ksur allegat ta’ dan ir-Regolament u jipprovdu l-istess lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn biex iwettqu l-obbligu tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li taġixxi fuq talba għal informazzjoni jew fuq talba li tikkoopera f’investigazzjoni fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ġejjin biss:

(a)

meta l-konformità mat-talba x’aktarx li taffettwa ħażin l-investigazzjoni, l-attivitajiet ta’ infurzar jew investigazzjoni kriminali tagħha stess;

(b)

meta l-proċedimenti legali jkunu diġà nbdew fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet rilevanti ta’ dik l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru indirizzat;

(c)

meta ġudizzju finali jkun digà ngħata fir-rigward tal-persuni msemmija fil-punt (b), għall-istess azzjonijiet f’dik l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

3.   Awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu l-assistenza mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post jew tal-investigazzjonijiet.

Meta awtorità kompetenti tirċievi talba mingħand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex twettaq spezzjoni fuq il-post jew investigazzjoni, din tista’ tagħmel kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

twettaq spezzjonijiet jew investigazzjoni fuq il-post hija stess;

(b)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun ressqet it-talba biex tipparteċipa fl-ispezzjoni fuq il-post jew fl-investigazzjoni;

(c)

tippermetti lill-awtorità kompetenti li tkun ressqet it-talba biex twettaq l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess;

(d)

taħtar awdituri jew esperti biex iwettqu l-ispezzjoni fuq il-post jew l-investigazzjoni;

(e)

taqsam kompiti speċifiċi relatati ma’ attivitajiet superviżorji mal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn.

4.   Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni, meta awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 44(2) issib, jew ikollha raġuni biex temmen, li ma kienx hemm konformità ma’ obbligu skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2, jew l-Artikolu 18 jew 19, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-entità jew l-entitajiet issuspettati b’tali nuqqas ta’ konformità dwar is-sejbiet tagħha b’mod dettaljat biżżejjed. Malli tirċievi dik l-informazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-entità suspettata bin-nuqqas ta’ konformità għandha, fi żmien 15-il jum tax-xogħol, tieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex tindirizza n-nuqqas ta’ konformità identifikat u tinnotifika lill-awtorità kompetenti l-oħra involuta. Meta awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 44(2) ma taqbilx ma’ awtorità kompetenti oħra dwar il-proċedura jew il-kontenut tal-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, hija għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha involuti dwar in-nuqqas ta’ qbil tagħha mingħajr dewmien żejjed.

5.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-ESMA f’sitwazzjonijiet li fihom tkun ġiet irrifjutata talba għal kooperazzjoni, b’mod partikolari għall-iskambju ta’ informazzjoni, jew li fihom ma tkunx ittieħdet azzjoni dwar din it-talba fi żmien raġonevoli. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 258 tat-TFUE, l-ESMA tista’, f’tali sitwazzjonijiet taġixxi f’konformità mas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   L-ESMA tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata f’konformità mal-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   L-ESMA tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-finijiet ta’ kooperazzjoni u skambju tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 47

Segretezza professjonali

1.   L-informazzjoni kollha skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament li tikkonċerna kundizzjonijiet kummerċjali jew operazzjonali u affarijiet ekonomiċi jew personali oħrajn għandha tkun kunfidenzjali u tkun soġġetta għas-segretezza professjonali, għajr meta l-awtorità kompetenti tiddikjara, meta tkun qed tiskambja tali informazzjoni ma’ awtorità kompetenti oħra, li din l-informazzjoni tista’ tiġi ddivulgata jew meta din id-divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti legali.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtorità kompetenti jew għal kwalunkwe parti terza li lilha l-awtorità kompetenti tkun iddelegat is-setgħat. L-informazzjoni soġġetta għas-segretezza professjonali m’għandha tiġi ddivulgata lill-ebda persuna jew awtorità oħra għajr permezz tad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali.

Artikolu 48

Miżuri kawtelatorji

1.   Awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex temmen li l-irregolaritajiet ikunu twettqu minn emittent ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew jew li tali emittent ikun kisret l dan ir-Regolament għandha titrażmetti dawk is-sejbiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u lill-ESMA.

2.   Meta, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, il-fornitur ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew jibqa’ jikser dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, wara li tkun infurmat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u lill-ESMA, għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi lill-investituri u għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-ESMA dwar dan mingħajr dewmien żejjed.

3.   Awtorità kompetenti li ma taqbilx ma’ kwalunkwe waħda mill-miżuri meħuda minn awtorità kompetenti oħra skont il-paragrafu 2 tista’ ġġib il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-ESMA. L-ESMA tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 49

Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 45, u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu penali kriminali, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu penali amministrattivi u jieħdu miżuri amministrattivi oħrajn xierqa li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawk il-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħrajn għandhom japplikaw għal:

(a)

ksur mill-emittenti tal-obbligi tagħhom skont it-Titolu II, il-Kapitolu 2 jew l-Artikoli 18, 19 jew 21;

(b)

nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità ma’ investigazzjoni, ma’ spezzjoni jew ma’ rekwiżiti skont l-Artikolu 45(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli rigward is-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali amministrattivi u jieħdu miżuri amministrattivi oħrajn xierqa kif imsemmi fil-paragrafu 1 meta l-ksur imsemmi fil-punt (a) jew fil-punt (b) ta’ dak il-paragrafu jkun diġà soġġett għal penali kriminali fid-dritt nazzjonali tagħhom sal-21 ta’ Diċembru 2024. Meta jiddeċiedu dan, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA, fid-dettall, il-partijiet rilevanti tal-liġi kriminali tagħhom.

3.   Sal-21 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA, fid-dettall, ir-regoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti fihom.

4.   L-Istati Membri għandhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu l-penali amministrattivi li ġejjin u miżuri amministrattivi oħrajn fir-rigward tal-ksur imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1:

(a)

dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika responsabbli u n-natura tal-ksur f’konformità mal-Artikolu 45(1), il-punt (1);

(b)

ordni li tirrikjedi lill-persuna fiżika jew lill-persuna ġuridika responsabbli twaqqaf l-imġiba li tikkostitwixxi l-ksur;

(c)

ordni li tipprojbixxi lill-persuna fiżika jew lill-persuna ġuridika milli toħroġ Bonds Ekoloġiċi Ewropej għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena;

(d)

multi amministrattivi massimi ta’ mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minħabba l-ksur meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, multi amministrattivi massimi ta’ mill-inqas EUR 500 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fl-20 ta’ Diċembru 2023, jew 0,5 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika skont l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali;

(f)

fil-każ ta’ persuna fiżika, multi amministrattivi massimi ta’ mill-inqas EUR 50 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fl-20 ta’ Diċembru 2023.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (e), meta l-persuna ġuridika tkun impriża omm jew sussidjarja ta’ impriża omm li tkun meħtieġa tħejji rapporti finanzjarji konsolidati f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aktar kontijiet konsolidati disponibbli reċenti approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża omm aħħarija.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu penali jew miżuri addizzjonali u livelli ogħla ta’ multi amministrattivi minn dawk previsti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 50

Eżerċitar tas-setgħat superviżorji u tas-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ penali

1.   Meta jkunu qed jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali amministrattivi u ta’ miżuri amministrattivi oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha inkluż, meta jkun xieraq:

(a)

il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew mill-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(d)

l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri;

(e)

l-importanza tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew tat-telf għall-partijiet terzi kkawżat mill-ksur, safejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(f)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata r-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(g)

ksur preċedenti ta’ dan ir-Regolament mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(h)

kwalunkwe miżura meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

2.   Fl-eżerċitar tas-setgħat tagħhom li jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn skont l-Artikolu 49, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-eżerċitar tas-setgħat superviżorji u investigattivi tagħhom u l-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħrajn li dawn jimponu jkunu effettivi u xierqa. Dawn għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom sabiex jevitaw id-duplikazzjoni u t-trikkib meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigattivi tagħhom u meta jkunu qed jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn f’każijiet transfruntiera.

Artikolu 51

Dritt ta’ appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament ikunu rraġunati kif suppost u soġġetti għad-dritt ta’ appell quddiem qorti.

Artikolu 52

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.   Deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra għal ksur ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi ppubblikata mill-awtoritajiet kompetenti fuq is-siti web uffiċjali tagħhom minnufih wara li l-persuna soġġetta għal dik id-deċiżjoni tkun ġiet infurmata b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. Dak l-obbligu ma għandux japplika għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li jkunu ta’ natura investigattiva.

2.   Meta l-pubblikazzjoni tal-identità tal-entitajiet ġuridiċi, jew l-identità jew tad-data personali tal-persuni fiżiċi, titqies mill-awtorità kompetenti li tkun sproporzjonata wara valutazzjoni każ b’każ mwettqa fuq il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ din id-data, jew meta din il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew ta’ investigazzjoni li tkun għaddejja, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

jiddifferixxu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta penali amministrattiva jew miżura oħra amministrattiva sal-mument li fih ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jieqfu jeżistu;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta penali amministrattiva jew miżura oħra amministrattiva fuq bażi anonima b’mod li jkun f’konformità mad-dritt nazzjonali, meta din il-pubblikazzjoni anonima tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata;

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li tiġi imposta penali amministrattiva jew miżura oħra amministrattiva fil-każ li l-għażliet stabbiliti fil-punti (a) u (b) jitqiesu li ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw:

(i)

li ma tiġix ipperikolata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji; jew

(ii)

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ miżuri meqjusa bħala ta’ natura minuri.

Fil-każ ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata penali amministrattiva jew miżura oħra amministrattiva fuq bażi anonima, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi ddifferita għal perjodu raġonevoli meta jkun mistenni li f’dak il-perjodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux se jibqgħu jeżistu.

3.   Meta d-deċiżjoni li tiġi imposta penali amministrattiva jew miżura oħra amministrattiva tkun taħt appell quddiem il-qorti jew il-korp amministrattiv rilevanti, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 44(1) u (2) għandha tippubblika wkoll, minnufih, fuq is-sit web tagħha din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżura oħra amministrattiva.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin wara li tiġi ppubblikata. Id-data personali li tkun fil-pubblikazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-każ speċifiku u għandha tinżamm fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti għall-perjodu li jkun meħtieġ biss f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 53

Rapportar tal-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn lill-ESMA

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq bażi annwali, jipprovdu lill-ESMA l-informazzjoni aggregata dwar il-penali amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħrajn imposti f’konformità mal-Artikolu 49. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali.

2.   Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, f’konformità mal-Artikolu 49(5), li jiġu stabbiliti penali kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fih, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jipprovdu lill-ESMA kull sena b’informazzjoni anonimizzata u aggregata dwar l-investigazzjonijiet kriminali kollha mwettqa u l-penali kriminali imposti. L-ESMA għandha tippubblika d-data dwar il-penali kriminali imposti f’rapport annwali.

3.   Awtorità kompetenti li tkun iddivulgat penali amministrattivi, miżuri amministrattivi oħrajn jew penali kriminali lill-pubbliku għandha fl-istess ħin tirrapporta dawk il-penali jew il-miżuri lill-ESMA.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ESMA dwar il-penali amministrattivi kollha jew miżuri amministraitivi oħrajn imposti iżda mhux ippubblikati f’konformità mal-Artikolu 52(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), inkluż kwalunkwe appell dwarhom u l-eżitu tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u s-sentenza finali b’rabta ma’ kwalunkwe penali kriminali imposta u jippreżentawha lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm bażi tad-data ċentrali tal-penali kkomunikati lilha għall-finijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti biss. Dik il-bażi tad-data għandha tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet kompetenti u għandha tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

KAPITOLU 2

ESMA

Artikolu 54

Talbiet għall-informazzjoni

1.   L-ESMA tista’ fuq talba sempliċi jew b’deċiżjoni, tirrikjedi lill-persuni li ġejjin jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament:

(a)

il-persuni li jwettqu b’mod effettiv in-negozju tar-rieżaminatur estern;

(b)

il-membri tal-korpi superviżorji, maniġerjali jew amministrattivi tar-rieżaminatur estern;

(c)

il-membri tal-maniġment superjuri tar-rieżaminatur estern;

(d)

kwalunkwe persuna involuta direttament fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni tar-rieżaminatur estern;

(e)

ir-rappreżentanti legali u l-impjegati ta’ entitajiet li lilhom rieżaminatur estern ikun esternalizza ċerti funzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 33;

(f)

il-persuni li b’xi mod ieħor ikunu relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali mal-proċess tal-immaniġġar tar-rieżaminatur estern, inklużi l-azzjonisti li jkollhom mill-inqas 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tar-rieżaminatur estern jew f’kumpanija li jkollha s-setgħa li teżerċita kontroll jew influwenza dominanti fuq ir-rieżaminatur estern;

(g)

kwalunkwe persuna li taġixxi bħala, jew li tagħmilha ta’ rieżaminatur estern, mingħajr ma tkun irreġistrata bħala tali, u kwalunkwe persuna li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) f’isem tali persuna.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)

tiddikjara l-fini tat-talba;

(c)

tispeċifika x’informazzjoni tkun meħtieġa;

(d)

tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tinforma lill-persuna li għaliha tkun intalbet l-informazzjoni li mhijiex obbligata tipprovdi l-informazzjoni iżda li, f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta teħtieġ tkun korretta u ma tkunx qarrieqa; u

(f)

tindika l-multa potenzjali prevista fl-Artikolu 60, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa.

3.   Meta tirrikjedi l-forniment ta’ informazzjoni b’deċiżjoni skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)

tiddikjara l-fini tat-talba;

(c)

tispeċifika x’informazzjoni tkun meħtieġa;

(d)

tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tindika l-pagamenti ta’ penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 61 meta l-produzzjoni tal-informazzjoni mitluba ma tkunx kompluta;

(f)

tindika l-multa prevista fl-Artikolu 60 meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g)

tindika d-dritt li d-deċiżjoni tiġi appellata quddiem il-Bord tal-Appell f’konformità mal-Artikoli 58 u 59 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u li d-deċiżjoni tiġi rrieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 ta’ dak ir-Regolament.

4.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ tal-persuni ġuridiċi jew tal-assoċjazzjonijiet li ma jkollhom l-ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom bil-liġi, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu kompletament responsabbli jekk l-informazzjoni pprovduta tirriżulta li tkun mhux kompluta, tkun skorretta jew tkun qarrieqa.

5.   L-ESMA għandha, mingħajr dewmien, tibgħat kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu domiċiljati jew stabbiliti l-persuni li lilhom tali talba jew deċiżjoni tkun indirizzata.

Artikolu 55

Investigazzjonijiet ġenerali

1.   Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 54(1). Għal dak il-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)

jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li dawn ikunu maħżuna fuqu;

(b)

jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’, jew siltiet minn, tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c)

isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 54(1) jew lir-rappreżentanti jew membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d)

jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens tagħha li tiġi intervistata għall-finijiet tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e)

jitolbu rekords tat-traffiku tat-telefon u tad-data.

2.   L-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-finijiet tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-pagamenti ta’ penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 61 meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data, tal-proċeduri jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 54(1), ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 60 meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 54(1) jirrizultaw li jkunu skorretti jew qarrieqa.

3.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 54(1) għandhom jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet mibdija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-pagamenti ta’ penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 61, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt li d-deċiżjoni tiġi rrieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Fi żmien raġonevoli qabel l-investigazzjoni, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 44 tal-Istat Membru li fih tkun ser issir l-investigazzjoni dwar l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet fuq talba.

5.   Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefown jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun tirrikjedi ksib ta’ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja f’konformità mad-dritt nazzjonali, l-ESMA għandha tapplika għal din l-awtorizzazzjoni. L-ESMA tista’ tapplika wkoll għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura kawtelatorja.

6.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-ESMA tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta tivverifika l-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA biex tissuspetta li jkun sar ksur ta’ dan ir-Regolament, mal-gravità tal-ksur suspettat u man-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrieżamina l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni dwar il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stipulata fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 56

Spezzjonijiet fuq il-post

1.   Biex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fil-bini kummerċjali, fl-art jew fil-proprjetà tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 54(1). Meta t-twettiq tajjeb u l-effiċjenza tal-ispezzjonijiet ikunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’ twettaq spezzjonijiet fuq il-post mingħajr notifika minn qabel.

2.   L-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA biex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini kummerċjali, art jew proprjetà tal-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha msemmija fl-Artikolu 55(1). Dawn għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali, proprjetà u reġistru jew rekord għall-perjodu tal-ispezzjoni, u safejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni.

3.   L-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA biex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-pagamenti ta’ penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 61 meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux ruħhom għall-ispezzjoni. Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tavża dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun ser issir l-ispezzjoni.

4.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 54(1) għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data ta’ meta din tkun se tibda u tindika l-pagamenti ta’ penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 61, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 kif ukoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rrieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ESMA għandha tieħu dawn id-deċiżjonijiet wara li tikkonsulta mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun se ssir l-ispezzjoni.

5.   L-uffiċjali tal-ESMA, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun se ssir l-ispezzjoni għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-ESMA u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. Għal dan il-għan, dawn għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. L-uffiċjali ta’ dik l-awtorità kompetenti jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post fuq talba.

6.   L-ESMA tista’ tirrikjedi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun se ssir l-ispezzjoni jwettqu f’isimha kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 55(1). Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-ESMA kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 55(1).

7.   Meta l-uffiċjali tal-ESMA, u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna tkun qed topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, filwaqt li titlob, meta jkun xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

8.   Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun tirrikjedi awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, l-ESMA għandha tapplika għal din l-awtorizzazzjoni. L-ESMA tista’ tapplika wkoll għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura kawtelatorja.

9.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 8, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-ESMA tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta tivverifika l-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari b’rabta mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA biex tissuspetta li jkun sar ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll mal-gravità tal-ksur suspettat u man-natura tal-involviment tal-persuna li tkun soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrieżamina l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni dwar il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 57

Eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 54, 55 u 56

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA, lil kwalunkwe uffiċjal tal-ESMA jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikolu 54, 55 jew 56 ma għandhomx jintużaw biex jirrikjedu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti li jkunu soġġetti għall-privileġġ legali.

Artikolu 58

Skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 44, l-ESMA, u awtoritajiet rilevanti oħrajn għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-qadi ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 44, l-ESMA, awtoritajiet rilevanti oħrajn u korpi oħrajn jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fl-eżerċitar ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament għandhom jużaw tali informazzjoni biss waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 59

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1.   Meta, f’konformità mal-Artikolu 63(8), l-ESMA ssib li persuna tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 60(1), din għandha tadotta deċiżjoni li tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tirtira r-reġistrazzjoni ta’ rieżaminatur estern;

(b)

tirtira r-rikonoxximent ta’ rieżaminatur estern minn pajjiż terz;

(c)

tipprojbixxi temporanjament lir-rieżaminatur estern milli jkompli jwettaq l-attivitajiet skont dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha, sakemm jintemm il-ksur;

(d)

tissospendi r-reġsitrazzjoni ta’ rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz;

(e)

tirrikjedi lill-persuna ttemm il-ksur;

(f)

timponi multi skont l-Artikolu 60;

(g)

timponi pagamenti ta’ penali perjodiċi skont l-Artikolu 61;

(h)

toħroġ avviż pubbliku.

2.   L-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ rieżaminatur estern fi kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

ir-rieżaminatur estern ikun irrinunzja b’mod espliċitu r-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent jew ma jkunx għamel użu mir-reġistrazzjoni jew mir-rikonoxximent fi żmien 36 xahar wara li tkun ingħatat ir-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent;

(b)

ir-rieżaminatur estern ikun kiseb ir-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)

ir-rieżaminatur estern ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom ikun ġie rreġistrat jew rikonoxxut.

Meta l-ESMA tirtira r-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent tar-rieżaminatur estern, din għandha tagħti raġunijiet sħaħ fid-deċiżjoni tagħha.

L-irtirar għandu jkollu effett immedjat.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

id-durata u l-frekwenza tal-ksur;

(b)

jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew inkella ġiex attribwit b’mod ieħor għall-ksur;

(c)

jekk il-ksur ikunx twettaq b’intenzjoni jew b’negliġenza;

(d)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew mill-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f)

l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri;

(g)

l-importanza tal-profitti miksuba, tat-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew tat-telf għall-partijiet terzi kkawżat mill-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(h)

il-livell ta’ kooperazzjoni mal-ESMA tal-persuna responsabbli għall-ksur, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata r-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i)

il-ksur preċedenti ta’ dan ir-Regolament mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j)

il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

4.   Mingħajr dewmien żejjed, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Din għandha tiddivulga pubblikament kwalunkwe azzjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata d-deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)

meta jkun rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li jkun sar appell u li tispeċifika li dan l-appell ma jkollux effett sospensiv;

(c)

dikjarazzjoni li tasserixxi li jkun possibbli għall-Bord tal-Appell tal-ESMA li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 60

Multi

1.   L-ESMA għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu meta, f’konformità mal-Artikolu 63(8), issib li rieżaminatur estern jew kwalunkwe waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 54(1) tkun wettqet, b’intenzjoni jew b’negliġenza, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur li ġejjin:

(a)

nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 24(1) jew ma’ kwalunkwe dispożizzjoni tat-Titolu IV, il-Kapitoli 2 u 3;

(b)

it-tressiq ta’ dikjarazzjonijiet foloz meta ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern, jew l-użu ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor biex tinkiseb din ir-reġistrazzjoni;

(c)

nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni b’rispons għal deċiżjoni li tirrikjedi informazzjoni skont l-Artikolu 54 jew l-għoti ta’ informazzjoni skorretta jew qarrieqa b’rispons għal talba għal informazzjoni jew għal deċiżjoni;

(d)

l-ostakolar ta’ investigazzjoni jew in-nuqqas ta’ konformità ma’ investigazzjoni skont l-Artikolu 55(1), il-punt (a), (b), (c), jew (e);

(e)

nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 56, billi ma tingħatax spjegazzjoni dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u mal-fini ta’ spezzjoni, jew billi tingħata spjegazzjoni skorretta jew qarrieqa;

(f)

il-bidu tal-attività tar-rieżaminaturi esterni jew li wieħed jagħmilha ta’ rieżaminatur estern, mingħajr ma tkun saret reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern.

Ksur għandu jitqies li jkun twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-ammont minimu tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ EUR 20 000. L-ammont massimu għandu jkun ta’ EUR 200 000.

Meta tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 59(3).

3.   Meta persuna tkun wettqet ksur elenkat fil-paragrafu 1 u tkun ibbenefikat finanzjarjament mill-ksur, direttament jew indirettament, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju finanzjarju.

4.   Meta att jew ommissjoni jikkostitwixxu kombinament ta’ diversi ksur, l-ESMA għandha tapplika multa unika. Dik il-multa għandha tkun l-ogħla mill-multi applikabbli għal dak l-att jew ommissjoni.

Artikolu 61

Pagamenti ta’ penali perjodiċi

1.   L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi pagament ta’ penali perjodiku sabiex iġġiegħel:

(a)

persuna ttemm ksur, f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 59(1), il-punt (e);

(b)

persuna msemmija fl-Artikolu 54(1):

(i)

tipprovdi informazzjoni kompluta li tkun rikjesta b’deċiżjoni skont l-Artikolu 54;

(ii)

tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u tikkompleta u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 55; jew

(iii)

tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 56.

2.   Il-pagament ta’ penali perjodiku għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3.   L-ammont tal-pagamenti ta’ penali perjodiċi għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena kontabilistika preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Dan għandu jiġi kkalkulat mid-data stabbilita fid-deċiżjoni li timponi l-pagament ta’ penali perjodiku.

4.   Pagament ta’ penali perjodiku għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara li jintemm il-perjodu, l-ESMA għandha tirrieżamina l-miżura. Wara li jintemm il-perjodu, l-ESMA għandha tirrieżamina l-miżura.

Artikolu 62

Divulgazzjoni, natura, infurzar u allokazzjoni tal-multi u tal-pagamenti ta’ penali perjodiċi

1.   L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u pagament ta’ penali perjodiku li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 60 u 61, sakemm din id-divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew tikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Din id-divulgazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

2.   Il-multi u l-pagamenti ta’ penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 60 u 61 għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.   Il-multi u l-pagamenti ta’ penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 60 u 61 għandhom ikunu infurzabbli.

Għall-finijiet tal-infurzar tal-multi u tal-pagamenti ta’ penali perjodiċi, l-ESMA għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih il-multa jew il-pagament ta’ penali perjodiku jkunu infurzati.

4.   L-ammonti tal-multi u tal-pagamenti ta’ penali perjodiċi għandhom jiġu allokati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.   Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi l-ebda multa jew pagament ta’ penali meta tikkonkludi investigazzjoni, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat dwar dan u għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

Artikolu 63

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.   Meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 60(1), l-ESMA għandha taħtar uffiċjal investigattiv indipendenti fi ħdanha biex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal investigattiv ma għandux ikun involut fis-superviżjoni diretta jew indiretta jew fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tar-rieżaminatur estern ikkonċernat u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2.   L-uffiċjal investigattiv għandu jinvestiga l-ksur allegat, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment imressaq mill-persuni li jkunu soġġetti għal investigazzjoni, u għandu jressaq fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal investigattiv jista’ jeżerċita s-setgħa li jirrikjedi informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 54 u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 55 u 56. Meta juża dawk is-setgħat, l-uffiċjal investigattiv għandu jikkonforma mal-Artikolu 57.

4.   Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal investigattiv għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni kollha miġbura mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5.   Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel iressaq il-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal investigattiv għandu jagħti lill-persuni li jkunu soġġetti għal investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati. L-uffiċjal investigattiv għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni soġġetti għal investigazzjoni kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwarhom.

6.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu kompletament irrispettati matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu,.

7.   Mat-tressiq tal-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal investigattiv għandu jinnotifika dak il-fatt lill-persuni li jkunu soġġetti għal investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għal investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti professjonali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8.   Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal investigattiv u, meta tintalab mill-persuni kkonċernati, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 64, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 60(1) ikunux twettqu mill-persuni soġġetti għal investigazzjoni u, f’każ bħal dan, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 59 u timponi multa f’konformità mal-Artikolu 60.

9.   L-uffiċjal investigattiv ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew bi kwalunkwe mod ieħor jintervjeni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha.

10.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 68 sal-21 ta’ Diċembru 2024 sabiex tissupplementa dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar il-proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa tal-ESMA li timponi multi jew pagamenti ta’ penali perjodiċi, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, dispożizzjonijiet temporali, il-ġbir ta’ multi jew pagamenti ta’ penali perjodiċi, u regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali.

11.   L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti meta, fil-qadi ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, issib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew pagamenti ta’ penali perjodiċi meta liberazzjoni jew kundanna preċedenti li jirriżultaw minn fatti identiċi, jew minn fatti li jkunu sostanzjalment l-istess, ikunu diġà saru res judicata bħala riżultat tal-proċedimenti kriminali skont id-dritt nazzjonali.

Artikolu 64

Smigħ tal-persuni soġġetti għal deċiżjonijiet skont l-Artikoli 59, 60 u 61

1.   Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 59, 60 u 61, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom dawk il-persuni kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 59 sabiex jiġi evitat li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

3.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għad-deċiżjoni tal-ESMA għandhom jiġu kompletament irrispettati matul il-proċedimenti rispettivi. Dawk il-persuni għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti professjonali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 65

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġuriżdizzjoni mingħajr limiti biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li bihom l-ESMA tkun imponiet multa jew pagament ta’ penali perjodiku skont dan ir-Regolament. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penali perjodiku impost.

Artikolu 66

Tariffi ta’ reġistrazzjoni, ta’ rikonoxximent u dawk superviżorji

1.   L-ESMA għandha timponi tariffi fuq ir-rieżaminaturi esterni għan-nefqa relatata mar-reġistrazzjoni, mar-rikonoxximent u mas-superviżjoni tagħhom u għal kwalunkwe kost li l-ESMA tista’ ġġarrab fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament.

2.   It-tariffi totali imposti mill-ESMA lir-rieżaminaturi esterni applikanti, lir-rieżaminaturi esterni reġistrati jew lir-rieżaminaturi esterni rikonoxxuti għandhom ikopru l-kostijiet amministrattivi mġarrba mill-ESMA fl-attivitajiet tagħha fir-rigward tar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-rieżaminaturi esterni kollha. Fl-istess waqt, kwalunkwe tariffa għandha tkun proporzjonata għall-fatturat tar-rieżaminatur estern ikkonċernat.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-rieżaminaturi esterni li l-fatturat annwali tagħhom ikun inqas minn ċertu ammont jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li jħallsu tariffa, kif speċifikat aktar fl-att delegat li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 68 sal-21 ta’ Diċembru 2024 sabiex tissupplementa dan ir-Regolament billi tispeċifika, b’mod partikolari, it-tip ta’ tariffi, il-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi, u l-mod li bih dawn għandhom jitħallsu.

Meta tabbozza l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-limitu tal-fatturat annwali tar-rieżaminaturi esterni fil-livell tal-grupp li taħtu ma għandha tiġi imposta l-ebda tariffa, u għandha tispeċifika wkoll il-mod li bih il-fatturat annwali għandu jiġi kkalkolat għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dak il-limitu.

4.   Qabel l-adozzjoni tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-ESMA rigward it-tariffi msemmija f’dak il-paragrafu.

Artikolu 67

Reġistru tal-ESMA tar-rieżaminaturi esterni u tar-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz

1.   L-ESMA għandha żżomm fuq is-sit web tagħha reġistru aċċessibbli għall-pubbliku li jelenka dan li ġej:

(a)

ir-rieżaminaturi esterni rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 23;

(b)

ir-rieżaminaturi esterni li jkunu temporanjament ipprojbiti milli jkomplu jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-Artikolu 59;

(c)

ir-rieżaminaturi esterni li kellhom ir-reġistrazzjoni tagħhom irtirata f’konformità mal-Artikolu 59;

(d)

ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz li jistgħu jipprovdu servizzi fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 39;

(e)

ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 42;

(f)

ir-rieżaminaturi esterni rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 23 li japprovaw servizzi pprovduti minn rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 43;

(g)

ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz li r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet irtirata u li m’għadhomx jużaw id-drittijiet skont l-Artikolu 39 meta l-Kummissjoni tirtira d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 40(1) fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz;

(h)

ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz li r-rikonoxximent tagħhom ġie sospiż jew irtirat;

(i)

ir-rieżaminaturi esterni rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 23 li m’għadhomx jistgħu japprovaw is-servizzi pprovduti minn rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 43.

2.   Ir-reġistru għandu jkun fih id-dettalji ta’ kuntatt tar-rieżaminaturi esterni, is-siti web tagħhom u d-dati meta jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet tal-ESMA dwar dawk ir-rieżaminaturi esterni.

3.   Għar-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz, ir-reġistru għandu jkun fih ukoll informazzjoni dwar is-servizzi li r-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz jipprovdu u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tagħhom fil-pajjiż terz.

TITOLU VI

ATTI DELEGATI

Artikolu 68

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 21(4), 63(10) u 66(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mill-20 ta’ Diċembru 2023

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 21(4), 63(10) u 66(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 21(4), 63(10) u 66(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 69

Dispożizzjoni tranżitorji li jikkonċernaw rieżaminaturi esterni

1.   Rieżaminatur estern li jkun biħsiebu jipprovdi servizzi f’konformità ma’ dan ir-Regolament mill-21 ta’ Diċembru 2024 sal-21 ta’ Ġunju 2026, għandu jipprovdi dawn is-servizzi biss wara li jkun innotifika lill-ESMA dwar dan u wara li jkun ipprovda l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1).

2.   Sal-21 ta’ Ġunju 2026 ir-rieżaminaturi esterni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi biex jikkonformaw mal-Artikoli 24 sa 38 bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2) u l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 26(3), 27(2), 28(3), 29(4), 30(3), 31(4) u 33(7).

3.   Wara l-21 ta’ Ġunju 2026 ir-rieżaminaturi esterni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jipprovdu servizzi f’konformità ma’ dan ir-Regolament biss wara li jirreġistraw f’konformità mal-Artikolu 23, dment li jikkonformaw mal-Artikolu 22 u l-Artikoli 24 sa 38 kif issupplimentati bl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 70

Dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw rieżaminaturi esterni minn pajjiżi terzi

1.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li biħsiebu jipprovdi servizzi f’konformità ma’ dan ir-Regolament mill-21 ta’ Diċembru 2024 sal-21 ta’ Ġunju 2026, għandu jipprovdi dawn is-servizzi biss wara li jinnotifika lill-ESMA dwar dan u jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1).

2.   Ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jagħmlu l-aħjar sforzi biex jikkonformaw mal-Artikoli 24 sa 38 bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2) u l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 26(3), 27(2), 28(3), 29(4), 30(3), 31(4) u 33(7);

(b)

ikollhom rappreżentant legali stabbilit fl-Unjoni li għandu jikkonforma mal-Artikolu 42(3).

3.   L-ESMA tista’, fi kwalunkwe mument mill-21 ta’ Diċembru 2024 sal-21 ta’ Ġunju 2026, tinforza l-konformità mir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz fir-rigward tal-paragrafu 2, il-punt (b), billi timponi miżuri superviżorji f’konformità mat-Titolu V.

Artikolu 71

Rieżami

1.   Sal-21 ta’ Diċembru 2028 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-ESMA u mal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli stabbilita mir-Regolament (UE) 2020/852, tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, sa fejn ikun possibbli, mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-adozzjoni tal-istandard Ewropew għall-Bonds Ekoloġiċi u s-sehem mis-suq tiegħu, kemm fl-Unjoni kif ukoll fuq livell globali, b’mod partikolari mill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

(b)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, fuq in-nuqqas tal-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-Unjoni kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), u fuq ir-ridirezzjonar tal-flussi tal-kapital privat lejn investimenti sostenibbli;

(c)

il-funzjonament, u s-superviżjoni mill-ESMA, tas-suq għar-rieżaminaturi esterni;

(d)

l-adegwatezza, u l-impatt fuq ir-rieżaminaturi esterni u fuq il-baġit tal-ESMA, tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 66(3);

(e)

il-kredibbiltà, u kwalunkwe każ ta’ abbuż, tal-pretensjonijiet ambjentali fis-suq tal-bonds ekoloġiċi;

(f)

il-funzjonament tas-suq tal-bonds marbuta mas-sostenibbiltà, inklużi l-kredibbiltà u l-kwalità tal-pretensjonijiet rilevanti;

(g)

il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-kriterji ta’ pajjiż terz għad-determinazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tat-tassonomija, dment li jkun hemm salvagwardji speċifiċi fis-seħħ sabiex jiġu żgurati objettivi ekwivalenti, għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-allokazzjoni tal-użu tar-rikavati ta’ Bond Ekoloġiku Ewropew f’konformità ma’ tali kriterji ta’ pajjiż terz;

(h)

l-impatt prattiku tal-Artikolu 5 fuq l-użu tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, il-kwalità ambjentali tal-użu tar-rikavat tagħhom, u r-raġunijiet għaliex il-flessibbiltà prevista f’dak l-Artikolu ma tipprevjenix it-tranżizzjoni lejn il-finanzjament ta’ attivitajiet ambjentalment sostenibbli;

(i)

l-implimentazzjoni tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-użu tal-mudelli msemmija f’dak it-Titolu mill-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli jew ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà, kemm jekk dawn il-bonds jiġu kkummerċjalizzati fiż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll jekk le, analiżi tal-adozzjoni ta’ dawk il-mudelli, l-evoluzzjoni tas-suq u l-konsistenza ta’ dawk il-mudelli mad-dritt rilevanti tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (UE) 2019/2088.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, meta jkun xieraq, ikunu akkumpanjati minn proposta leġiżlattiva, inkluż fir-rigward tad-divulgazzjonijiet għall-emittenti ta’ bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u ta’ bonds marbuta mas-sostenibbiltà.

3.   Sal-21 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar il-ħtieġa li l-bonds marbuta mas-sostenibbiltà jiġu rregolati, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk ikun il-każ.

4.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2024 u kull tliet snin wara dan, tippubblika rapport biex tinforma lill-emittenti tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej dwar ir-rieżami mwettaq skont l-Artikolu 19(5), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2020/852, inkluża l-konsistenza tal-kriterji ta’ skrinjar tekniku mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu r-regoli ta’ anterjorità stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.

5.   Sal-21 ta’ Diċembru 2028 l-EBA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) (magħrufa kollettivament bħala l-“Awtoritajiet Superviżorji Ewropej” jew l-“ASE”), għandha tippubblika rapport dwar il-fattibbiltà tal-estensjoni tal-eliġibbiltà għall-użu tad-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” għall-fini ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi.

6.   Sal-21 ta’ Diċembru 2029, il-Kummissjoni tista’, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 5, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport tal-Kummissjoni jista’ jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

7.   Sal-21 ta’ Diċembru 2028 u, meta jkun xieraq, kull tliet snin wara dan, l-ASE għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, jippubblikaw rapport dwar l-evoluzzjoni tas-suq għall-bonds ta’ titolizzazzjoni. Dawk ir-rapporti għandhom jivvalutaw, fost l-oħrajn, jekk il-volum tal-assi allinjati mat-tassonomija żdiedx biżżejjed għall-fini tar-rieżami tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-użu tar-rikavati għall-bonds ta’ titolizzazzjoni li l-emittenti tagħhom jfittxu li jużaw id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB”.

8.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 7, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 72

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2024.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 20, 21(4), 23(6) u (7), 24(2), 26(3), 27(2), 28(3), 29(4), 30(3), 31(4), 33(7), 42(9), 46(6) u (7), 49(1), (2) u (3), 63(10), 66(3), u l-Artikoli 68, 69 u 70 għandhom japplikaw mill-20 ta’ Diċembru 2023.

4.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 40, l-Artikolu 42(1) sa (8) u l-Artikolu 43 għandhom japplikaw mill-21 ta’ Ġunju 2026.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 45 u 49 il-21 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 152, 6.4.2022, p. 105.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ottubru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2023.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(4)   ĠU C 76, 9.3.2020, p. 23.

(5)   ĠU C 415, 13.10.2021, p. 22.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L 442, 9.12.2021, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar (ĠU L 443, 10.12.2021, p. 9).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).

(18)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(20)   ĠU C 27, 19.1.2022, p. 4.

(21)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(22)  Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).


ANNESS I

SKEDA INFORMATTIVA DWAR IL-BOND EKOLOĠIKU EWROPEW

Dan id-dokument u l-kontenut tiegħu mhumiex soġġetti għal kwalunkwe approvazzjoni jew endorsjar mill-ESMA jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

1.   Informazzjoni ġenerali

[Data tal-pubblikazzjoni tal-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej]

[L-isem legali tal-emittent]

[Meta jkun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (LEI) tal-fornitur]

[L-indirizz tas-sit web li jipprovdi lill-investituri informazzjoni dwar kif jikkuntattjaw lill-emittent]

[Meta jkun disponibbli, l-isem tal-bond assenjat mill-emittent]

[Meta jkun disponibbli, in-numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tal-bond(s)]

[Meta jkun disponibbli, id-data jew il-perjodu ppjanat tal-ħruġ]

[l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rieżaminatur estern]

[Meta jkun applikabbli, l-isem tal-awtorità kompetenti li approvat il-prospett(i) tal-bonds]

2.   Informazzjoni importanti

[Id-dikjarazzjoni li ġejja: “[Dan il-bond juża] [Dawn il-bonds jużaw] id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).”]

[Meta r-rikavati mill-bonds ikunu maħsuba biex jiġu allokati f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament, id-dikjarazzjoni li ġejja: “[Dan il-Bond Ekoloġiku Ewropew jagħmel] [Dawn il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jagħmlu] użu mill-flessibbiltà li tippermetti nonallinjament parzjali mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (‘il-kriterji ta’ skrinjar tekniku’), kif deskritt aktar fit-Taqsima 4 ta’ din l-iskeda informattiva.”]

3.   Strateġija ambjentali u raġuni fundamentali

[Dikjarazzjoni dwar jekk l-emittent għandux l-intenzjoni li jikseb rieżami estern tal-informazzjoni sottomessa taħt din it-Taqsima permezz ta’ rieżami tar-rapport tal-impatt.]

Deskrizzjoni ġenerali

[Informazzjoni dwar il-mod li bih il-bond(s) huwa mistenni jikkontribwixxi/huma mistennija jikkontribwixxu għall-istrateġija ambjentali usa’ tal-emittent, inklużi l-għanijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 segwiti mill-bond(s).]

Rabta mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-assi, il-fatturat, u l-CapEx (nefqa kapitali) u l-OpEx (nefqa operatorja)

[Sal-punt disponibbli għall-emittent fil-mument tal-ħruġ, u meta l-emittent ikun soġġett għall-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, deskrizzjoni ta’ kif u sa liema punt (eż., espressi bħala bidla perċentwali stmata sena b’sena) ir-rikavati mill-bonds huma mistennija jikkontribwixxu għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-emittent għall-assi, il-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija.]

Rabta mal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni

[Meta l-emittent ikun soġġett għal obbligu li jippubblika pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew, meta jkun applikabbli, l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew meta l-emittent jippubblika volontarjament il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni:

il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds huma maħsuba li jikkontribwixxu għall-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet. L-informazzjoni tista’ tingħata fil-livell ta’ attività ekonomika jew fil-livell ta’ proġett bi proġett; u

link għas-sit web fejn jiġu ppubblikati dawk il-pjanijiet.]

Titolizzazzjoni

[Meta jkun applikabbli fil-każ ta’ titolizzazzjoni, deskrizzjoni tal-mod li bih ikun hemm konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 u l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 19(2) ta’ dak ir-Regolament.]

4.   Allokazzjoni maħsuba tar-rikavat mill-bonds

[L-informazzjoni elenkata hawn taħt għandha tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika, u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, kunsiderazzjonijiet kompetittivi jew għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli. Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2023/2631, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fil-livell tal-programm.]

Allokazzjoni maħsuba għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija

[Jekk l-emittent hux qed jalloka r-rikavati skont l-approċċ gradwali jew ta’ portafoll, u jekk il-bond(s) [huwiex/humiex] bond(s) ta’ titolizzazzjoni.]

[Il-proporzjon minimu ta’ rikavati mill-bonds li huwa meħtieġ skont il-pjanijiet tal-emittent li għandu jintuża għal attivitajiet li huma ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, skont il-metodoloġija fir-rapport tal-allokazzjoni (il-proporzjon għandu jkun mill-inqas 85 %)]: [XX] % tar-rikavati mill-bonds.]

[Meta jkun disponibbli, indikazzjoni tas-sehem tar-rikavati mill-bonds li għandhom jintużaw għall-finanzjament (fis-sena tal-ħruġ jew wara s-sena tal-ħruġ) u għar-rifinanzjament.]

[Meta l-emittent ikun sovran, u r-rikavati mill-bonds ikunu ppjanati li jiġu allokati għall-eżenzjoni mit-taxxa kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2023/2631, stima tal-volum mistenni tat-telf tad-dħul assoċjat mal-eżenzjoni mit-taxxa eliġibbli.]

[Meta jkun disponibbli, l-objettiv(i) ambjentali fil-mira, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852.]

[Għal kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi li għalihom huwa maħsub li jiġi allokat ir-rikavat, l-informazzjoni dwar it-tipi, is-setturi u l-kodiċijiet rispettivi tan-NACE tagħhom f’konformità mal-klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).]

Allokazzjoni maħsuba għal attivitajiet ekonomiċi speċifiċi allinjati mat-tassonomija

[Meta r-rikavati mill-bonds ikunu maħsuba biex jiġu allokati għal attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja, liema tip ta’ attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja hija maħsuba għall-finanzjament u, meta jkun disponibbli, l-ammont u l-proporzjon tar-rikavati maħsuba biex jiġu allokati għal kull tip ta’ attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja.]

[Meta jkun applikabbli, l-ammont u l-proporzjon tar-rikavati maħsuba biex jiġu allokati għal attivitajiet allinjati mat-tassonomija relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili f’konformità mal-Artikoli 10(2) u 11(3) tar-Regolament (UE) 2020/852.]

Allokazzjoni maħsuba għal attivitajiet ekonomiċi mhux allinjati mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku

[Meta r-rikavati mill-bonds ikunu maħsuba li jiġu allokati f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/2631, dikjarazzjoni li r-rikavati [netti] mill-bond huma maħsuba li jiġu allokati parzjalment għal attivitajiet ekonomiċi li mhumiex allinjati mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku. L-emittent għandu jiddeskrivi dan in-nonallinjament, l-attivitajiet ikkonċernati u, meta jkun disponibbli, il-perċentwal stmat tar-rikavati maħsuba biex jiffinanzjaw tali attivitajiet bħala total u fuq bażi ta’ kull attività, inkluż tqassim li jiddeskrivi liema punt(i) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 qed jintuża/qed jintużaw. Barra minn hekk, spjegazzjoni għaliex il-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma jistgħux jiġu applikati u spjegazzjoni tal-mod li bih l-emittent biħsiebu jiżgura li dawk l-attivitajiet jikkonformaw mal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2023/2631 u l-Artikolu 3, il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2020/852.]

Proċess u skeda ta’ żmien għall-allokazzjoni

[Iż-żmien stmat wara l-ħruġ tal-bonds sal-allokazzjoni sħiħa tar-rikavati mill-bonds.]

[Deskrizzjoni tal-proċessi li bihom l-emittent se jiddetermina kif il-proġetti jallinjaw mal-kriterji għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli stabbiliti fl-Artkolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 (‘kriterji tat-tassonomija’).]

Kostijiet tal-ħruġ

[Stima tal-ammont tal-kostijiet kumulattivi tal-ħruġ li jitnaqqsu mir-rikavati, kif permess skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631, flimkien ma’ spjegazzjoni.]

5.   L-impatt ambjentali tar-rikavati mill-bonds

[Meta jkun disponibbli, stima tal-impatti ambjentali antiċipati tar-rikavati mill-bond(s). Meta din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli, dan għandu jiġi ġġustifikat.]

6.   Tagħrif dwar ir-rapportar

[Link għas-sit web tal-emittent kif meħtieġ mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631.]

[Meta jkun applikabbli, link għar-rapporti rilevanti tal-emittent, bħar-rapport konsolidat dwar il-ġestjoni jew ir-rapport konsolidat dwar is-sostenibbiltà skont id-Direttiva 2013/34/UE.]

Id-data li fiha jibda l-ewwel perjodu ta’ rapportar, jekk tkun differenti mid-data tal-ħruġ, kif stabbilit fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631.

[Indikazzjoni ta’ jekk ir-rapporti dwar l-allokazzjoni humiex ser jinkludu informazzjoni għal kull proġett dwar l-ammonti allokati u l-impatti ambjentali pożittivi mistennija]

7.   Pjan CapEx

[Meta jkun applikabbli, deskrizzjoni dettaljata tal-Pjan CapEx imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2023/2631 inkluż il-parametri ewlenin użati mill-emittent biex jiddetermina l-allinjament tal-assi jew l-attivitajiet rilevanti mar-rekwiżiti tat-tassonomija sa tmiem il-perijodu previst f’dak l-Artikolu.]

8.   Informazzjoni oħra relevanti

[Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni, ir-referenzi f’dan id-dokument għall-emittent għandhom jiġu interpretati li jirreferu għall-oriġinatur u, meta jkun xieraq, sostitwiti b’referenzi għall-oriġinatur]


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS II

RAPPORT ANNWALI DWAR L-ALLOKAZZJONI TAL-BONDS EKOLOĠIĊI EWROPEJ

[meta r-rapport tal-allokazzjoni jiġi rieżaminat, it-titolu għandu jirrifletti dan]

Dan id-dokument u l-kontenut tiegħu mhumiex soġġetti għal kwalunkwe approvazzjoni jew endorsjar mill-ESMA jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

1.   Informazzjoni ġenerali

[Data tal-ħruġ tal-bond(s) jew segmenti tal-bond(s)]

[Data tal-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-allokazzjoni]

[L-ewwel u l-aħħar data tal-perjodu li għalih jirreferi r-rapport annwali tal-allokazzjoni: [data – data]]

[L-isem legali tal-emittent]

[Meta jkun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (LEI) tal-emittent]

[L-indirizz tas-sit web li jipprovdi lill-investituri informazzjoni dwar kif jikkuntattjaw lill-emittent]

[Meta jkun disponibbli, l-isem tal-bond assenjat mill-emittent]

[Meta jkun disponibbli, in-numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tal-bond(s) u tas-segmenti tiegħu/tagħhom]

[Meta r-rapport tal-allokazzjoni kien soġġett għal rieżami ta’ wara l-ħruġ, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rieżaminatur estern]

[Meta jkun applikabbli, l-isem tal-awtorità kompetenti li approvat il-prospett(i) tal-bonds]

2.   Informazzjoni importanti

[Id-dikjarazzjoni li ġejja: “[Dan il-bond juża] [Dawn il-bonds jużaw] id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).”]

[Meta r-rikavati mill-bonds [ikunu maħsuba biex jiġu] [ġew] allokati f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament, id-dikjarazzjoni li ġejja: “[Dan il-Bond Ekoloġiku Ewropew jagħmel] [Dawn il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jagħmlu] użu mill-flessibbiltà li tippermetti nonallinjament parzjali mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku stabbiliti fl-atti delegati dottati skont l-Artikolu 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (‘il-kriterji ta’ skrinjar tekniku’), kif deskritt aktar fit-Taqsima 4 ta’ dan ir-rapport tal-allokazzjoni.”]

3.   Strateġija ambjentali u raġuni fundamentali

Deskrizzjoni ġenerali

[L-għanijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 fil-mira tal-bond(s)]

Rabta mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-assi, il-fatturat, il-CapEx u l-OpEx

[Meta l-emittent ikun soġġett għall-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, deskrizzjoni ta’ kif, sa liema punt (eż., espress bħala bidla perċentwali sena wara sena), u f’liema perjodi finanzjarji, ir-rikavati mill-bonds jikkontribwixxu għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-emittent tal-assi, il-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija, filwaqt li jitqiesu l-ammonti fit-tabella “Totali” fit-Tabella A, meta jkun applikabbli.]

Rabta mal-pjan ta’ tranżizzjoni

[meta l-emittent ikun soġġett għal obbligu li jippubblika pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew, meta jkun applikabbli, l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew meta l-emittent jippubblika volontarjament il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni;

il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds jikkontribwixxu għall-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet. L-informazzjoni tista’ tingħata fil-livell ta’ attività ekonomika jew fil-livell ta’ proġett bi proġett; u

link għas-sit web fejn jiġu ppubblikati dawk il-pjanijiet.]

Titolizzazzjoni

[Meta jkun applikabbli fil-każ ta’ titolizzazzjoni, l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2023/2631.]

4.   Allokazzjoni tar-rikavati mill-bonds

[L-informazzjoni elenkata hawn taħt għandha tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika, u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, kunsiderazzjonijiet kompetittivi jew għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli. Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2023/2631, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fil-livell tal-programm.]

Allokazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija

[Jekk l-emittent hux qed jalloka r-rikavati skont l-approċċ gradwali jew l-approċċ ta’ portafoll, u jekk il-bond(s) [huwiex/humiex] bond(s) ta’ titolizzazzjoni.]

[Meta jkun applikabbli skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) 2023/2631, dikjarazzjoni li l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-assi finanzjarji u/jew tal-assi fissi ma nbidlitx, meta mqabbla mas-sena koperta mir-rapport tal-allokazzjoni preċedenti.]

[L-emittent għandu jikkompleta t-Tabella A jew it-Tabella B hawn taħt, skont jekk jintużax l-approċċ gradwali jew l-approċċ tal-portafoll għall-allokazzjoni tar-rikavati. It-totali korrispondenti għandhom jiġu kkompletati wkoll.]

[Konferma tal-konformità mal-Artikolu 3, punt (c), tar-Regolament (UE) 2020/852 (salvagwardji minimi).]

[Meta l-emittent ikun sovran, u r-rikavati mill-bonds ġew allokati għall-eżenzjoni mit-taxxa kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2023/2631, stima tal-volum tat-telf tad-dħul assoċjat mal-eżenzjoni mit-taxxa eliġibbli.]

Allokazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi speċifiċi allinjati mat-tassonomija

[Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għal attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja, liema tip ta’ attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja hija ffinanzjata u l-ammont u l-proporzjon tar-rikavati allokati għal kull tip ta’ attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja.]

[Meta jkun applikabbli, l-ammont u l-proporzjon ta’ assi relatati ma’ attivitajiet allinjati mat-tassonomija relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili f’konformità mal-Artikoli 10(2) u 11(3) tar-Regolament (UE) 2020/852.]

Allokazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi mhux allinjati mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku

[Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/2631, dikjarazzjoni li r-rikavati [netti] mill-bond huma allokati parzjalment għal attivitajiet ekonomiċi li mhumiex allinjati mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku. L-emittent għandu jiddeskrivi dan in-nonallinjament, l-attivitajiet ikkonċernati u l-perċentwal tar-rikavati li ġew allokati għal tali attivitajiet bħala total u fuq bażi ta’ kull attività, inkluż tqassim li jiddeskrivi liema punt(i) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 qed jintuża/qed jintużaw. Barra minn hekk, spjegazzjoni għaliex il-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma jistgħux jiġu applikati u spjegazzjoni tal-mod li bih l-emittent żgura li dawk l-attivitajiet jikkonformaw mal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2023/2631 u l-Artikolu 3, il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2020/852.]

Kostijiet tal-ħruġ

[Stima tal-ammont tal-kostijiet kumulattivi tal-ħruġ li jitnaqqsu mir-rikavati, kif permess skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631, flimkien ma’ spjegazzjoni.]

5.   L-impatt ambjentali tar-rikavati mill-bonds

[L-ebda informazzjoni mhi meħtieġa taħt din l-intestatura għal dan ir-rapport]

6.   Tagħrif dwar ir-rapportar

[Link għas-sit web tal-emittent kif imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631]

[Meta jkun applikabbli, link għar-rapporti rilevanti tal-emittent, bħar-rapport konsolidat dwar il-ġestjoni jew ir-rapport konsolidat dwar is-sostenibbiltà skont id-Direttiva 2013/34/UE.]

7.   Pjan CapEx

[Meta jkun applikabbli, il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan CapEx imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2023/2631 u d-data stmata tat-tlestija tal-proġetti li hemm fih.]

[Meta kien hemm kwalunkwe dewmien jew devjazzjoni li għandha impatt sinifikanti fuq l-implimentazzjoni tal-pjan CapEx, l-emittent għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan, f’konformità mal-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament.]

[Meta jkun applikabbli, il-pjan imsemmi fl-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament.]

8.   Informazzjoni oħra relevanti

[Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni, ir-referenzi għall-emittent f’dan id-dokument għandhom jiġu interpretati li jirreferu għall-oriġinatur u, meta jkun xieraq, sostitwiti b’referenzi għall-oriġinatur]

Tabella A: Allinjament tat-tassonomija tal-informazzjoni dwar ir-rikavati għall-bonds li jagħmlu użu mill-approċċ gradwali għall-allokazzjoni ta’ rikavati mill-bonds

[L-informazzjoni elenkata hawn taħt għandha tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, kunsiderazzjonijiet kompetittivi jew għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli. Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 4(3), l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fil-livell tal-programm.]

L-informazzjoni fit-tabella ta’ hawn taħt tkopri l-perjodu mill-ħruġ tal-bond ikkonċernat sad-data tar-rapportar.

1.

L-isem, il-post u d-deskrizzjoni tal-proġett (jew grupp ta’ proġetti jew attività ekonomika)

1.1.

(għal kull proġett/grupp ta’ proġetti/attività ekonomika, kif applikabbli) [Isem]

1.2.

[Post]

1.3.

[Deskrizzjoni bażika]

2.

Ammont ta’ rikavati allokati mill-bond(s)

2.1.

[ir-rikavati mill-bonds allokati għal dan il-proġett/grupp ta’ proġetti/attività ekonomika mid-data tal-ħruġ]

2.2.

[ir-rikavati mill-bonds allokati għal dan il-proġett/grupp ta’ proġetti/attività ekonomika fil-perjodu ta’ rapportar.]

2.3.

Is-sehem tal-proġett li huwa ffinanzjat mill-bond(s)

3.

Is-sehem tar-rikavati mill-bonds użati għall-finanzjament (fis-sena tal-ħruġ jew wara s-sena tal-ħruġ) u għar-rifinanzjament (aktar bikri)

3.1.

[is-sehem tal-ammont fir-ringiela 2.1 użat għall-finanzjament u r-rifinanzjament]

3.2.

[is-sehem tal-ammont fir-ringiela 2.2 użat għall-finanzjament u r-rifinanzjament]

4.

Tip u settur ta’ attivitajiet ekonomiċi ffinanzjati mill-bond(s)

4.1.

[Għal kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-proġett iffinanzjat mill-bond(s): it-tipi/is-setturi]

4.2.

[Għal kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-proġett iffinanzjat mill-bond(s): meta jkun applikabbli, il-kodiċijiet rispettivi tan-NACE tagħhom f’konformità mal-klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)]

5.

L-ammont ta’ rikavati allokati mill-bond(s) li huma allinjati mat-tassonomija

5.1.

[mir-rikavati totali mill-bonds allokati għall-proġett, l-ammont li huwa allokat għal attività li hija allinjata mat-tassonomija mid-data tal-ħruġ]

5.2.

[is-sehem perċentwali tal-ammont mogħti fir-ringiela 2.1]

5.3.

[mir-rikavati mill-bonds allokati għall-proġett fil-perjodu tar-rapportar, l-ammont li huwa allokat għal attività li hija allinjata mat-tassonomija fil-perjodu tar-rapportar]

5.4.

[is-sehem perċentwali tal-ammont mogħti fir-ringiela 2.2]

6.

Objettivi ambjentali u kriterji ta’ skrinjar tekniku

6.1.

[L-objettiv(i) ambjentali fil-mira, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852]

6.2.

[Indikazzjoni ta’ liema atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 jintużaw biex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ skrinjar tekniku, u d-dati tal-applikazzjoni tagħhom]

6.3.

[Informazzjoni dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet użati għall-kalkolu tal-metriċi tal-impatt ewlenin skont l-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) u 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, u għal kwalunkwe metrika tal-impatt addizzjonali.]

7.

In-natura tal-assi u l-infiq ambjentalment sostenibbli

7.1.

[mill-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tan-nefqa kapitali]

7.2.

[mill-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tan-nefqa operatorja]

7.3.

[tal-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tal-assi fissi]

7.4.

[tal-ammont allokat fil-perjodu ta’ rapportar fir-ringiela 5.3, l-ammont tal-assi finanzjarji]

8.

Informazzjoni oħra relevanti

8.1.

[Informazzjoni rilevanti oħra, bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali rilevanti, kif ukoll links għal siti web b’informazzjoni rilevanti u links għal dokumenti pubbliċi rilevanti b’informazzjoni aktar dettaljata, bħas-sit web tal-kumpannija li jiddeskrivi l-proġett jew rapport minn konsulenza ambjentali]

Totali:

Mill-ħruġ

[perjodu ta’ rapportar]

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati mill-ħruġ: [X]

Li minnhom, l-ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija minn meta nħarġu: [X]

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Li minnhom, l-ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Li minnhom:

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għan-nefqa kapitali allinjata mat-tassonima fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għan-nefqa kapitali allinjata mat-tassonomija fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Ammont totali ta’ rikavati mill-bonds allokati għal [nefqiet oħrajn] allinjati mat-tassonomija fil-perjodu ta’ rapportar: [X]

Tabella B: Allinjament tat-tassonomija tal-informazzjoni dwar ir-rikavati għall-bonds li jagħmlu użu mill-approċċ ta’ portafoll għall-allokazzjoni tar-rikavati mill-bonds

[L-informazzjoni elenkata hawn taħt għandha tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika, u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, kunsiderazzjonijiet kompetittivi jew għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli. Xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha meħtieġa tista’ tingħata barra mill-format tat-tabella.]

L-informazzjoni fit-tabella ta’ hawn taħt tkopri l-perjodu ta’ rapportar.

Bonds Ekoloġiċi Ewropej Pendenti

Portafoll ta’ assi ambjentalment sostenibbli

[Ħarsa ġenerali tal-bonds ekoloġiċi Ewropej pendenti kollha, li tindika l-valur individwali u kkombinat tagħhom.]

[Ħarsa ġenerali tal-assi finanzjarji eliġibbli u tal-assi kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2023/2631 fuq il-karta bilanċjali tal-emittent, li tindika:

1.

[Isem, post, u deskrizzjoni bażika tal-proġett]

2.

[Meta jkun disponibbli, indikazzjoni tar-rikavati li huma maħsuba biex jiġu allokati għal dan il-proġett mill-bond]

3.

[Meta jkun disponibbli, indikazzjoni tas-sehem tal-ammont fil-punt 2 li għandu jintuża għall-finanzjament u r-rifinanzjament]

4.

[Għal kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-proġett iffinanzjat mill-bond: it-tipi/is-setturi u, meta jkun applikabbli, il-kodiċijiet rispettivi tan-NACE tagħhom f’konformità mal-klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006]

5.

[Meta jkun disponibbli, l-ammont tar-rikavati għal dak il-proġett iffinanzjat mill-bond li huma allokati għal attività li hija allinjata mat-tassonomija] [sehem perċentwali tal-ammont mogħti fil-punt 2]

6.

[L-objettiv(i) ambjentali fil-mira, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852] [Indikazzjoni ta’ liema atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 jintużaw biex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ skrinjar tekniku, u d-dati tal-applikazzjoni tagħhom] [Informazzjoni dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet użati għall-kalkolu tal-metriċi tal-impatt ewlenin f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikoli 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) u 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, u għal kwalunkwe metrika tal-impatt addizzjonali.]

7.

[Meta jkun disponibbli, it-tqassim tal-ammont imsemmi fil-punt 5 skont jekk ir-rikavati humiex allokati għal assi fissi jew assi finanzjarji.]

8.

[Meta jkun applikabbli, żidiet jew tneħħijiet mill-portafoll tal-proġett f’każ li jiżdiedu Bonds Ekoloġiċi Ewropej ġodda mal-portafoll jew li l-Bonds Ekoloġiċi Ewropej (li jimmaturaw) jitneħħew mill-portafoll].

9.

[Meta jkun disponibbli, indika l-ammont u/jew l-għadd ta’ proġetti ġodda meta mqabbel mal-ammont ta’ ħruġ ġdid ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej fis-sena kalendarja tal-ħruġ.]

10.

[Informazzjoni rilevanti oħra, bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali (KPIs) rilevanti, kif ukoll links għal siti web b’informazzjoni rilevanti u links għal dokumenti pubbliċi rilevanti b’informazzjoni aktar dettaljata.

Valur totali tal-portafoll ta’ Bonds Ekoloġiċi Ewropej pendenti:

Valur totali tal-portafoll ta’ assi ambjentalment sostenibbli:

Valur totali tal-portafoll ta’ assi ambjentalment sostenibbli relatati ma’ attività li hija allinjata mat-tassonomija:


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS III

RAPPORT DWAR L-IMPATT TAL-BONDS EKOLOĠIĊI EWROPEJ

[Meta r-rapport tal-impatt jiġi rivedut, it-titolu għandu jirrifletti dan.]

Dan id-dokument u l-kontenut tiegħu mhumiex soġġetti għal kwalunkwe approvazzjoni jew endorsjar mill-ESMA jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

1.   Informazzjoni ġenerali

[Data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-impatt]

[Meta jkun applikabbli, id-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-impatt rivedut]

[Data tal-ħruġ tal-bond(s) jew segmenti tal-bond(s)]

[L-isem legali tal-emittent]

[Meta jkun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (LEI) tal-fornitur]

[L-indirizz tas-sit web li jipprovdi lill-investituri informazzjoni dwar kif jikkuntattjaw lill-emittent]

[Meta jkun disponibbli, l-isem tal-bond assenjat mill-emittent]

[Meta jkun disponibbli, in-numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tal-bond(s) u tas-segmenti tiegħu/tagħhom]

[Meta r-rapport tal-impatt ġie vvalutat minn rieżaminatur estern, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rieżaminatur estern]

[Meta jkun applikabbli, l-isem tal-awtorità kompetenti li approvat il-prospett(i) tal-bonds]

2.   Informazzjoni importanti

[Id-dikjarazzjoni li ġejja: “[Dan il-bond juża] [Dawn il-bonds jużaw] id-deżinjazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).”]

[Meta r-rikavati mill-bonds ġew allokati f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament, id-dikjarazzjoni li ġejja: “[Dan il-Bond Ekoloġiku Ewropew jagħmel] [Dawn il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jagħmlu] użu mill-flessibbiltà li tippermetti nonallinjament parzjali mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku tat-tassonomija stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), 11(3), 12(2), 13(2), 14(2) jew 15(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (‘il-kriterji ta’ skrinjar teknku’), kif deskritt aktar fit-Taqsima 4 ta’ dan ir-rapport tal-impatt.”]

3.   Strateġija ambjentali u raġuni fundamentali

Deskrizzjoni ġenerali

[Informazzjoni dwar il-mod kif il-bond(s) ikkontribwixxa (ikkontribwixxew) għall-istrateġija ambjentali usa’ tal-emittent.]

[Meta jkun applikabbli, spjegazzjoni ta’ kwalunkwe bidla fl-istrateġija ambjentali usa’ tal-emittent mill-pubblikazzjoni tal-iskeda informattiva dwar il-Bonds Ekoliġiċi Ewropej]

[l-objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 fil-mira tal-bond(s).];

Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) tan-nefqa kapitali u tan-nefqa operatorja

[Meta l-emittent ikun soġġett għall-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, deskrizzjoni ta’ kif, sa liema punt (eż., espress bħala bidla perċentwali sena wara sena) u f’liema perjodi finanzjarji r-rikavati mill-bonds ikkontribwew għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-emittent tal-assi, il-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja allinjati mat-tassonomija.]

Rabta mal-pjan ta’ tranżizzjoni

[Meta l-emittent ikun soġġett għal obbligu li jippubblika l-pjanijiet skont l-Artikolu 19a(2), il-punt (a)(iii), jew, meta jkun applikabbli, l-Artikolu 29a(2), il-punt (a)(iii), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew meta l-emittent jippubblika volontarjament il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni;

il-mod li bih ir-rikavati mill-bonds ikkontribwew għall-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet. L-informazzjoni tista’ tingħata fil-livell ta’ attività ekonomika aggregata jew fil-livell ta’ proġett bi proġett; u

link għas-sit web fejn jiġu ppubblikati dawk il-pjanijiet.]

4.   Allokazzjoni ta’ rikavati minn bonds

[L-informazzjoni elenkata hawn taħt għandha tiġi pprovduta mill-inqas fil-livell tal-attività ekonomika, u idealment fil-livell tal-proġett jew tal-grupp ta’ proġetti. Ftehimiet ta’ kunfidenzjalità, kunsiderazzjonijiet kompetittivi jew għadd kbir ta’ proġetti kwalifikanti sottostanti u kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-ammont ta’ dettall li jsir disponibbli. Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati għan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2023/2631, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fil-livell tal-programm.]

Allokazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi speċifiċi allinjati mat-tassonomija

[Il-proporzjon ta’ rikavati mill-bonds li ġie allokat għal attivitajiet li huma ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2023/2631] [XX] % tar-rikavati mill-bonds.]

[Meta r-rikavati mill-bonds ġew allokati għal attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja, l-ispeċifikazzjoni tal-attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja u l-ammont u l-proporzjon tar-rikavati allokati għal kull tip ta’ attività ekonomika abilitanti jew tranżitorja.]

[Meta jkun applikabbli, l-ammont u l-proporzjon ta’ assi relatati ma’ attivitajiet allinjati mat-tassonomija relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili f’konformità mal-Artikoli 10(2) u 11(3) tar-Regolament (UE) 2020/852.]

Allokazzjoni għal attivitajiet ekonomiċi mhux allinjati mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku

[Meta r-rikavati mill-bonds ġew allokati f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/2631, dikjarazzjoni li r-rikavati [netti] mill-bond ġew allokati parzjalment għal attivitajiet ekonomiċi li mhumiex allinjati mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku. L-emittent għandu jiddeskrivi dan in-nonallinjament, l-attivitajiet ikkonċernati u l-perċentwal tar-rikavati li ġew allokati għal tali attivitajiet bħala total u fuq bażi ta’ kull attività, inkluż tqassim li jiddeskrivi liema punt(i) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 intuża/intużaw. Barra minn hekk, spjegazzjoni għaliex il-kriterji ta’ skrinjar tekniku ma setgħux jiġu applikati u spjegazzjoni dwar il-mod li fih l-emittent kien żgura li dawk l-attivitajiet jikkonformaw mal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2023/2631 u l-Artikolu 3, il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2020/852.]

5.   L-impatt ambjentali tar-rikavati mill-bonds

[Stima tal-impatti ambjentali pożittivi u negattivi f’forma aggregata.]

[Informazzjoni dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet użati biex jiġu evalwati l-impatti tal-proġetti, meta l-iskeda informattiva tal-bonds ekoloġiċi Ewropej tal-bond ma kinitx tinkludi din l-informazzjoni.]

[Informazzjoni dwar l-impatti ambjentali pożittivi u negattivi tal-proġetti u, meta jkun disponibbli, il-metriċi relatati. Meta din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli fil-livell tal-proġett, dan irid jiġi spjegat.]

[Meta l-emittent ikun jixtieq jinkludiha, l-informazzjoni dwar jekk u kif il-proġett ikkontribwixxa għall-aspetti l-oħra ta’ sostenibbiltà tal-bond, inklużi l-aspetti soċjali tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, bħal pereżempju billi pprovda impjiegi ġodda, taħriġ mill-ġdid u infrastruttura lokali lill-komunitajiet affettwati mit-tranżizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi lejn is-sostenibbiltà.]

[Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/2631, l-emittent għandu jirrapporta din l-informazzjoni b’mod separat għal dawk il-proġetti u l-attivitajiet.]

6.   Tagħrif dwar ir-rapportar

[Link għas-sit web tal-emittent kif imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631.]

[Meta jkun applikabbli, link għar-rapporti rilevanti tal-emittent, bħar-rapport konsolidat dwar il-ġestjoni jew ir-rapport konsolidat dwar is-sostenibbiltà skont id-Direttiva 2013/34/UE.]

7.   Pjan CapEx

[Meta jkun applikabbli, il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan CapEx imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2023/2631.]

8.   Informazzjoni oħra relevanti

[Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni, ir-referenzi għall-emittent f’dan id-dokument għandhom jiġu interpretati li jirreferu għall-oriġinatur u, meta jkun xieraq, sostitwiti b’referenzi għall-oriġinatur]


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(3)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).


ANNESS IV

KONTENUT TAR-RIEŻAMIJIET TA’ QABEL IL-ĦRUĠ U TA’ WARA L-ĦRUĠ JEW RIEŻAMIJIET TAR-RAPPORTI TAL-IMPATT

Dan id-dokument u l-kontenut tiegħu mhumiex soġġetti għal kwalunkwe approvazzjoni jew endorsjar mill-ESMA jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

It-titolu “Rieżami ta’ qabel il-ħruġ”, “Rieżami ta’ wara l-ħruġ” jew “Rieżami tar-rapport tal-impatt” għandu jidher b’mod prominenti fin-naħa ta’ fuq tal-ewwel paġna tad-dokument.

1.   Informazzjoni ġenerali

[Data tal-pubblikazzjoni tar-rieżami]

[Data tal-ħruġ tal-bond(s) jew segmenti tal-bond(s)]

[Data tal-pubblikazzjoni tal-iskeda informattiva relatata tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, u meta jkun applikabbli, tar-rapport tal-allokazzjoni relatat, jew ir-rapport tal-impatt]

[L-isem legali tal-emittent]

[Meta jkun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (LEI) tal-fornitur]

[Meta jkun disponibbli, l-isem tal-bond assenjat mill-emittent]

[Meta jkun disponibbli, in-numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tal-bond(s) u tas-segmenti tiegħu/tagħhom]

[l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rieżaminatur estern, inkluż l-indirizz tas-sit web tiegħu]

[L-isem u t-titlu tal-impjieg tal-analista ewlieni f’attività ta’ valutazzjoni partikolari]

[L-isem u l-pożizzjoni tal-persuna primarjament responsabbli għall-approvazzjoni tar-rieżami]

[Meta jkun rilevanti, id-data li fiha r-rieżami ġie aġġornat l-aħħar u spjegazzjoni li tagħti fid-dettall ir-raġuni għall-aġġornament]

[Meta jkun applikabbli, servizzi oħra pprovduti mir-rieżaminatur estern għall-entità vvalutata flimkien ma’ deskrizzjoni ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess reali jew potenzjali]

2.   Stqarrijiet introduttorji

[Għar-rieżamijiet ta’ qabel il-ħruġ: Dikjarazzjoni li rieżaminatur estern ikun ivvaluta l-iskeda informattiva dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej kompluta stabbilita fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)]

[Għar-rieżamijiet ta’ wara l-ħruġ: Dikjarazzjoni li rieżaminatur estern ikun ivvaluta r-rapport komplut dwar l-allokazzjoni stabbilit fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2023/2631]

[Għar-rieżamijiet tar-rapporti tal-impatt: Dikjarazzjoni li r-rieżaminatur estern ikun ivvaluta r-rapport komplut tal-impatt tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej stabbilit fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2023/2631];

[Dikjarazzjoni li dan ir-rieżami jirrappreżenta opinjoni indipendenti tar-rieżaminatur estern, u li għandu jiġi fdat biss sa ċertu punt]

3.   Dikjarazzjonijiet dwar l-allinjament tal-użu tar-rikavati mar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

[Din it-taqsima għandha tiġi kkompletata biss fil-każ ta’ rieżami ta’ qabel il-ħruġ jew ta’ rieżami ta’ wara l-ħruġ.]

[Dikjarazzjoni dwar l-allinjament tal-użu tar-rikavati tal-Bond Ekoloġiku Ewropew (jew tal-Bonds) mar-Regolament (UE) 2020/852 abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-emittent lir-rieżaminatur estern:

meta l-opinjoni espressa mir-rieżaminatur indipendenti tkun pożittiva, dikjarazzjoni li l-bond(s) jissodisfa(w) – jew huwa mistenni li jissodisfa/huma mistennija li jissodisfaw, meta jkun rilevanti – ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2023/2631 fir-rigward tal-użu tar-rikavati;

meta l-opinjoni espressa mir-rieżaminatur indipendenti tkun negattiva, dikjarazzjoni li l-bond(s) ma jissodisfax/jissodisfawx – jew mhux mistenni li jissodisfa/mhux mistennija li jissodisfaw, meta jkun rilevanti – ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2023/2631 fir-rigward tal-użu tar-rikavati, u li d-denominazzjoni “Bond Ekoloġiku Ewropew” jew “EuGB” tista’ tintuża biss jekk il-bond jiġi sottomess għal rieżami ġdid u jikseb opinjoni pożittiva]

4.   Sorsi, metodoloġiji ta’ valutazzjoni, u suppożizzjonijiet ewlenin

[Informazzjoni dwar is-sorsi li kien hemm fiduċja fihom għat-tħejjija tar-rieżami, inklużi links għad-data tal-kejl u l-metodoloġija applikata, meta disponibbli]

[Spjegazzjoni tal-metodoloġiji ta’ valutazzjoni u s-suppożizzjonijiet ewlenin]

[Spjegazzjoni tas-suppożizzjonijiet u r-rekwiżiti tat-tassonomija użati, tal-limiti u l-inċertezzi li jiċċirkondaw il-metodoloġiji użati u dikjarazzjoni ċara dwar jekk ir-rieżaminatur estern iqisx li l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-emittent jew parti terza relatata hija suffiċjenti biex jitwettaq ir-rieżami u sa liema punt ir-rieżaminatur estern ipprova jivverifika l-informazzjoni pprovduta b’dan il-mod]

5.   Valutazzjoni u opinjoni

[F’kull każ abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-emittent lir-rieżaminatur estern - għandha tiġi speċifikata, meta jkun xieraq]

[Għar-rieżamijiet ta’ qabel il-ħruġ:

valutazzjoni dettaljata dwar jekk l-iskeda informattiva kompletata tallinjax ruħha mal-Artikoli 4 sa 8 tar-Regolament (UE) 2023/2631;

L-opinjoni tar-rieżaminatur estern dwar il-valutazzjoni msemmija hawn fuq;

Meta r-rikavati mill-bonds ikunu maħsuba li jiġu allokati f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/22631, il-valutazzjoni u l-opinjoni għandhom jiġu pprovduti fit-taqsima ddedikata.]

[Għar-rieżamijiet ta’ wara l-ħruġ:

Valutazzjoni dettaljata dwar jekk l-emittent allokax ir-rikavati tal-bond f’allinjament mal-Artikoli 4 sa 8 tar-Regolament (UE) 2023/2631;

Valutazzjoni ta’ jekk l-emittent ikkonformax mal-użu maħsub tar-rikavati stabbilit fl-iskeda informattiva tal-Bond Ekoloġiku Ewropew;

L-opinjoni tar-rieżaminatur estern dwar iż-żewġ valutazzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż;

Għal assi jew attivitajiet li huma soġġetti għal Pjan CapEx, valutazzjoni mat-tlestija tiegħu ta’ jekk dawk l-assi jew attivitajiet jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-tassonomija;

Meta r-rikavati mill-bonds jiġu allokati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/2631, il-valutazzjoni u l-opinjoni għandhom jiġu pprovduti fit-taqsima ddedikata. Il-valutazzjoni għandha tindika jekk kull wieħed mir-rekwiżiti rilevanti ta’ dak l-Artikolu ġiex issodisfat.]

[Għar-rieżamijiet tar-rapporti tal-impatt:

Valutazzjoni ta’ jekk il-ħruġ tal-bond huwiex allinjat mal-istrateġija ambjentali usa’ u l-loġika tal-emittent;

Valutazzjoni tal-impatt ambjentali indikat tar-rikavati mill-bonds;

L-opinjoni tar-rieżaminatur estern dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż.]

6.   Kull informazzjoni oħra

[Kull informazzjoni oħra li r-rieżaminatur jista’ jqis rilevanti għar-rieżami tiegħu ta’ qabel jew ta’ wara l-ħruġ]

[Fil-każ ta’ bond ta’ titolizzazzjoni, ir-referenzi għall-emittent f’dan id-dokument għandhom jiġu interpretati li jirreferu għall-oriġinatur u, meta jkun xieraq, sostitwiti b’referenzi għall-oriġinatur.]


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)