European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2603

23.11.2023

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2603

tat-22 ta’ Novembru 2023

li jikkoreġi r-Regolament (UE) 2022/2473 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b’mod partikolari l-punti (a)(i),(ii), (vi), (vii) u (x) tal-Artikolu 1(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473 (2) fih żbalji tekniċi li jaffettwaw il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dak ir-Regolament. Dawn l-iżbalji jikkonċernaw kontroreferenzi u ommissjonijiet żbaljati jew minsija.

(2)

L-iżbalji jħallu impatt fuq il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 1(7), l-Artikolu 6(5), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(1) u (7), l-Artikolu 52(4) u l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2022/2473 u l-Anness III tiegħu. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu kkoreġuti dawk id-dispożizzjonijiet.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2473 jiġi kkoreġut skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2022/2473 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

skemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 20, 21, 24, 26 sa 30, 33, 43, 46, 48, 50 u 52, meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12, wara sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dan ir-Regolament għandu jkompli japplika għal skema ta’ għajnuna għal aktar minn sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tiegħu, wara li tkun ivvalutat il-pjan ta’ evalwazzjoni rilevanti nnotifikat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Meta jissottomettu l-pjanijiet ta’ evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jissottomettu wkoll l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ evalwazzjoni u tieħu deċiżjoni;

(b)

kull tibdil fl-iskemi msemmija fil-punt (a), minbarra modifikazzjonijiet li ma jistgħux jaffettwaw il-kompatibilità tal-iskema ta’ għajnuna skont dan ir-Regolament jew ma jistgħux jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kontenut approvat tal-pjan ta’ evalwazzjoni.”

;

(2)

fl-Artikolu 6(5), il-punti (a) sa (d) jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

għajnuna biex tikkumpensa għall-kostijiet tal-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 42 jiġu ssodisfati;

(b)

għajnuna li tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 49 jiġu ssodisfati;

(c)

għajnuna biex tikkumpensa t-telf ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jitgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 51 jiġu ssodisfati;

(d)

għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53 jiġu ssodisfati;”

(3)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal għajnuna mogħtija lil proġetti tas-CLLD imsemmi fl-Artikoli 55.”

;

(4)

L-Artikolu 12 huwa kkoreġut kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Skemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(7) għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ex post jekk ikollhom baġit tal-għajnuna mill-Istat jew infiq kontabilizzat ta’ aktar minn EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew EUR 750 miljun tul id-durata totali tagħhom, jiġifieri t-tul ta’ żmien ikkombinat tal-iskema u kwalunkwe skema predeċessura ta’ għajnuna li tkopri objettiv u żona ġeografika simili, li tibda mill-1 ta’ Jannar 2023. L-evalwazzjonijiet ex post għandhom ikunu meħtieġa biss għal skemi ta’ għajnuna li t-tul totali tagħhom jaqbeż it-tliet snin, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2023.”

;

(b)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel l-iskadenza tal-iskema ta’ għajnuna eżentata. Dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal skemi ta’ għajnuna li jiskattaw ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni fl-aħħar sentejn ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna. L-ambitu u l-arranġamenti preċiżi għal kull evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-pjan ta’ evalwazzjoni. In-notifika ta’ kull miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili għandha tiddeskrivi b’liema mod ġew meqjusin ir-riżultati tal-evalwazzjoni.”

;

(5)

fl-Artikolu 52, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-ammont tal-għajnuna mogħtija skont dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż, f’għotja grossa ekwivalenti, rata massima ta’ intensità tal-għajnuna ta’ 100 % tal-kostijiet eliġibbli.”

;

(6)

fl-Artikolu 54, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-għajnuna għall-kostijiet imġarrba mill-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fi proġetti tas-CLLD, imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u implimentati skont il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura favur il-proġetti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-ambitu tal-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-TFUE u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.”

;

(7)

Fl-Anness III, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tiġi ppubblikata l-informazzjoni li ġejja dwar l-għotjiet ta’ għajnuna individwali msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punt (c):

(a)

referenza tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-għajnuna (*1);

(b)

identifikatur tal-benefiċjarju (*2);

(c)

tip ta’ intrapriża (SME/kbira) fid-data tal-għoti tal-għajnuna;

(d)

reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju, fil-livell II (*3) tan-NUTS u, meta applikabbli, fir-reġjuni ultraperiferiċi jew fil-gżejjer minuri tal-Eġew;

(e)

settur ta’ attività fil-livell tal-grupp NACE (*4);

(f)

strument tal-għajnuna, espress bħala ammont sħiħ fil-munita nazzjonali (*5);

(g)

strument ta’ għajnuna (*6) (għotja/sussidju tar-rata tal-imgħax, self/avvanzi ripagabbli/għotja rimborżabbli, garanzija, vantaġġ tat-taxxa jew eżenzjoni mit-taxxa, finanzjament ta’ riskju, oħrajn (*7));

(h)

data tal-għoti tal-għajnuna;

(i)

objettiv tal-għajnuna (*8);

(j)

awtorità tal-għoti.

(*1)  Kif provdut mill-Kummissjoni bil-proċedura elettronika msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament."

(*2)  Meta jitqies l-interess leġittimu fit-trasparenza li tingħata informazzjoni lill-pubbliku, fil-ponderazzjoni tal-ħtiġijiet tat-trasparenza mad-drittijiet skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pubblikazzjoni tal-isem tal-benefiċjarju tal-għajnuna meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun persuna fiżika jew persuna ġuridika li jkollha l-ismijiet ta’ persuni fiżiċi, hija ġġustifikata (ara C-92/09, Volker und Markus Schecke u Eifert, il-paragrafu 53), filwaqt li jitqies l-Artikolu 49(1)(g) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE. Ir-regoli ta’ trasparenza għandhom l-għan li jkun hemm konformità aħjar, responsabbiltà akbar, evalwazzjoni bejn il-pari u fl-aħħar mill-aħħar infiq pubbliku aktar effettiv. Dan l-għan għandu jipprevali fuq id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data ta’ persuni fiżiċi li jirċievu appoġġ pubbliku."

(*3)  NUTS – Klassifikazzjoni komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika. Tipikament, ir-reġjun huwa speċifikat fil-livell 2."

(*4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1)."

(*5)  Ekwivalenti ta’ għotja gross."

(*6)  Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ diversi strumenti ta’ għajnuna, l-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi pprovdut minn strument ta’ għajnuna."

(*7)  Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ strumenti oħra ta’ għajnuna, l-istrumenti ta’ għajnuna għandhom jiġu speċifikati."

(*8)  Jekk l-għajnuna għandha objettivi multipli, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi stabbilit permezz ta’ objettiv.”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2473 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 21.12.2022, p. 82).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2603/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)