European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2600

20.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2600

tad-9 ta’ Novembru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni fl-24 ta’ Mejju 2022 u ġie applikat b’mod proviżorju minn dik id-data f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/886 (2).

(2)

L-Artikolu 14(1) tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet sabiex jiżgura l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

(3)

L-Artikolu 14(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(4)

Fit-tieni laqgħa tiegħu li se ssir fit-tieni nofs tal-2023, il-Kumitat Konġunt mistenni jadotta deċiżjoni li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(6)

Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropew fit-tieni laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

(2)   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar korrezzjonijiet tekniċi minuri għall-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill meta dawk il-bidliet ikunu indispensabbli biex il-Kumitat Konġunt ikun jista’ jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

N. CALVIÑO SANTAMARÍA


(1)   ĠU L 154, 7.6.2022, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/886 tas-16 ta’ Mejju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni (ĠU L 154, 7.6.2022, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/…TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-GŻEJJER FAEROE

ta’ ...

li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-GŻEJJER FAEROE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fil-programmi tal-Unjoni (1) (il-“Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3),

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 15(2) tal-Ftehim, il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju mill-24 ta’ Mejju 2022 wara n-notifika mill-Gżejjer Faeroe tat-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għal dak l-għan.

(2)

L-Artikolu 14(3) tal-Ftehim jipprovdi li l-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, sabiex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva u xierqa tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi ….,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU L 154, 7.6.2022, p. 4.


ANNESS

Regoli ta’ Proċedura tal- Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 14(3) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni

Regola 1

Kompiti

Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 14(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-Unjoni”), minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faeroe fi programmi tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), għandu jwettaq il-kompiti u d-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim.

Regola 2

Kompożizzjoni u Presidenza

(1)   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Gżejjer Faeroe.

Il-Kumitat Konġunt huwa kopresedut minn uffiċjali għolja jew persuni maħtura minnhom li jaġixxu bħala rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Gżejjer Faeroe, rispettivament.

L-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe għandhom jinnotifikaw lil xulxin bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun kopresident tal-Kumitat Konġunt għall-Unjoni u għall-Gżejjer Faeroe, rispettivament. Dan l-uffiċjal jitqies li jkompli jaġixxi bħala kopresident għall-Unjoni u għall-Gżejjer Faeroe, rispettivament, sad-data li fiha l-Unjoni jew il-Gżejjer Faeroe jkunu nnotifikaw lill-Parti l-oħra b’kopresident ġdid.

Il-kopresident jitqies li jkollu l-awtorizzazzjoni li jirrappreżenta, rispettivament, lill-Unjoni jew lill-Gżejjer Faeroe sad-data li fiha kopresident ġdid ikun innotifika lill-Parti l-oħra.

Regola 3

Segretarjat

(1)   Is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt (is-“Segretarjat”) għandu jkun magħmul minn uffiċjal tal-Unjoni u uffiċjal tal-Gżejjer Faeroe. Is-Segretarjat għandu jwettaq il-kompiti li jingħatawlu permezz ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

(2)   L-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe għandhom jinnotifikaw lil xulxin bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun membru tas-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt għall-Unjoni u għall-Gżejjer Faeroe, rispettivament. Dan l-uffiċjal jitqies li jibqa’ jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat għall-Unjoni jew għall-Gżejjer Faeroe, rispettivament sad-data li fiha l-Unjoni jew il-Gżejjer Faeroe ikunu nnotifikaw uffiċjal ġdid.

Regola 4

Laqgħat

(1)   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena, u, kull meta ċirkostanzi speċjali jkunu jirrikjedu dan, wara talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

(2)   Dan għandu jiltaqa’, fil-prinċipju, b’mod alternat fi Brussell u fil-Gżejjer Faeroe sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor. Il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ vidjokonferenza jew telekonferenza, jekk il-kopresidenti jaqblu dwar dan.

(3)   Bejn il-laqgħat tiegħu, il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem fuq bażi kontinwa bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-posta elettronika.

Regola 5

Parteċipazzjoni fil-laqgħat

(1)   F’perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel kull laqgħa, l-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe għandhom jinfurmaw lil xulxin permezz tas-Segretarjat dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom u għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.

(2)   Skont kif ikun xieraq u b’kunsens reċiproku, il-kopresidenti jistgħu jistiednu esperti (jiġifieri uffiċjali mhux governattivi), biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett speċifiku u għall-partijiet tal-laqgħa li fihom jiġu diskussi tali suġġetti speċifiċi.

(3)   Ir-rappreżentant tal-Parti li torganizza u tospita l-laqgħa, wara li tkun kisbet l-approvazzjoni tal-Parti l-oħra, tiffissa d-data u l-post tal-laqgħa.

Regola 6

Dokumenti

Id-dokumenti bil-miktub li fuqhom jissejsu d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat lill-Unjoni u lill-Gżejjer Faeroe.

Regola 7

Korrispondenza

(1)   L-Unjoni u l-Gżejjer Faeroe għandhom jibagħtu l-korrispondenza tagħhom indirizzata lill-Kumitat Konġunt permezz tas-Segretarjat. Tali korrispondenza tista’ tintbagħat fi kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

(2)   Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tintbagħat lill-kopresidenti u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, f’konformità mar-Regola 6.

(3)   Il-korrispondenza kollha mill-kopresidenti, jew indirizzata direttament lilhom, għandha tintbagħat lis-Segretarjat u skont kif ikun xieraq, għandha tiġi ċċirkolata f’konformità mar-Regola 6.

Regola 8

Aġenda

(1)   Għal kull laqgħa, għandu jitfassal abbozz tal-aġenda proviżorja mis-Segretarjat. Għal dak l-għan, mill-inqas erba’ ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa, l-uffiċjal li jaġixxi bħala l-membru tas-Segretarjat tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa għandu jħejji l-ewwel abbozz ta’ aġenda proviżorja flimkien mad-dokumenti relatati ma’ kull punt li jidher fuqu u jibgħathom għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra. Ladarba jitħejja mis-Segretarjat, l-abbozz tal-aġenda proviżorja, flimkien ma’ kull dokument rilevanti, għandu jintbagħat lill-kopresidenti għall-approvazzjoni sa mhux aktar tard minn 10 ijiem qabel id-data tal-laqgħa.

(2)   L-aġenda proviżorja għandha tinkludi dawk il-punti, li jkunu ntalbu mill-Partijiet. Kull tali talba, flimkien ma’ kwalunkwe dokument rilevanti, għandha tintbagħat lis-Segretarjat sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data li fiha tkun ser tibda l-laqgħa.

(3)   F’każijiet eċċezzjonali, il-kopresidenti jistgħu jaqblu li jnaqqsu l-perjodi previsti fil-paragrafi 1 u 2 hawn fuq.

(4)   Fil-bidu ta’ kull laqgħa, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda tiegħu.

(5)   Jistgħu jiżdiedu xi punti li ma jkunux jidhru fl-abbozz tal-aġenda, u xi punti oħra tal-abbozz tal-aġenda jistgħu jitħassru, jiġu differiti jew emendati fil-laqgħa, sakemm iż-żewġ Partijiet jaqblu.

Regola 9

Trasparenza u aċċess għal dokumenti

(1)   Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti.

(2)   Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-Ġurnal Uffiċjali rispettiv tagħha jew online, wara konsultazzjoni minn qabel mal-Parti l-oħra.

(3)   Jekk l-Unjoni jew il-Gżejjer Faeroe jippreżentaw lill-Kumitat Konġunt informazzjoni li tkun kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tagħhom, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni li tkun irċeviet bħala kunfidenzjali.

(4)   Kull Parti għandha tittratta t-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat Konġunt f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tagħha.

(5)   Jekk il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta lill-Kumitat Konġunt informazzjoni li tkun kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħha dwar is-sigurtà tal-informazzjoni (1), il-Gżejjer Faeroe għandhom jiżguraw livell komparabbli ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni għall-informazzjoni riċevuta. Jekk il-Gżejjer Faeroe jippreżentaw lill-Kumitat Konġunt informazzjoni li hija kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea għandha tittratta l-informazzjoni li tirċievi bħala kunfidenzjali.

Regola 10

Minuti

(1)   Għandhom jittieħdu l-minuti tal-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt.

(2)   L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitfassal mill-uffiċjal li jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, fi żmien 15-il jum wara li tintemm il-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-kopresidenti. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra. Dan tal-aħħar jista’ jippreżenta kummenti fi żmien 30 jum mid-data li fiha jirċievi l-abbozz tal-minuti.

(3)   Il-minuti għandhom jagħmlu sinteżi ta’ kull punt fl-aġenda, li meta jkun applikabbli tispeċifika:

 

id-dokumenti ppreżentati lill-Kumitat Konġunt;

 

kwalunkwe dikjarazzjoni li waħda mill-partijiet talbet li tiddaħħal fil-minuti; kif ukoll

 

id-deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet deċiżi u l-konklużjonijiet operazzjonali adottati dwar punti speċifiċi.

Il-minuti għandhom jinkludu lista ta’ attendenza bl-ismijiet, it-titoli u l-kapaċità tal-parteċipanti kollha tal-laqgħa.

(4)   Il-minuti għandhom jiġu approvati u ffirmati mill-kopresidenti fi żmien xahrejn wara l-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra deċiża mill-kopresidenti. Il-kopresidenti jistgħu jaqblu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan l-aħħar rekwiżit. Il-verżjoni awtentika tal-minuti għandha tinżamm fil-fajls ta’ kull Parti.

(5)   Fi żmien jumejn ta’ xogħol wara l-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, is-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt għandu jħejji wkoll sinteżi tal-minuti għall-approvazzjoni mill-kopresidenti malajr kemm jista’ jkun. Ladarba l-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt ikunu approvaw it-test tas-sinteżi, il-Partijiet jistgħu jippubblikaw is-sinteżi tal-minuti.

Regola 11

Deċiżjonijiet

(1)   Skont kif ikun previst mill-Artikolu 14 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet b’kunsens. Is-Segretarjat għandu jirreġistra kull deċiżjoni b’numru tas-serje u b’referenza għad-data tal-adozzjoni tagħhom.

(2)   Il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet bi proċedura bil-miktub permezz ta’ skambju ta’ noti bejn il-kopresidenti jekk il-Partijiet għall-Ftehim jaqblu li jsir hekk. It-test ta’ abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub minn kopresident wieħed lill-kopresident l-ieħor bil-lingwa uffiċjali tal-Kumitat Konġunt, f’konformità mal-Artikolu 14. Il-parti l-oħra għandu jkollha xahar, jew kwalunkwe perjodu itwal ta’ żmien speċifikat mill-Parti li qed tagħmel il-proposta, biex tesprimi l-qbil tagħha dwar l-abbozz tad-deċiżjoni. Meta l-Parti l-oħra ma tesprimix il-qbil tagħha, id-deċiżjoni proposta għandha tiġi diskussa u tista’ tiġi adottata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt. L-abbozz tad-deċiżjoni għandu jitqies bħala adottat ladarba l-Parti l-oħra tesprimi l-qbil tagħha u għandu jiġi rreġistrat fil-minuti tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt.

(3)   Kull deċiżjoni għandha tiġi awtentikata mill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt. Il-kopresidenti jistgħu jaqblu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw ir-rekwiżit għall-iffirmar.

(4)   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jispeċifikaw id-data li fiha jsiru effettivi.

Regola 12

Protezzjoni tad-data personali

Il-pubblikazzjoni tad-dokumenti msemmija fir-Regoli 9, 10 u 11 għandha ssir f’konformità mar-regoli applikabbli taż-żewġ Partijiet dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż il-protezzjoni tad-data personali.

Regola 13

Gruppi ta’ ħidma/korpi konsultattivi

(1)   F’konformità mal-Artikolu 14(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi jew ixolji grupp ta’ ħidma/korp konsultattiv fil-livell tal-esperti. Il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ kull grupp ta’ ħidma/korp konsultattiv u jista’ jemendahom kif meħtieġ.

(2)   Il-grupp ta’ ħidma/il-korp konsultattiv għandu jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Kumitat Konġunt u jassistih fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, inkluż — jekk ikun hekk inkarigat mill-Kumitat Konġunt — billi jħejji rapporti jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konġunt.

(3)   Il-grupp ta’ ħidma/il-korp konsultattiv għandu jiltaqa’ kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu u għandu jirrapporta lill-Kumitat Konġunt.

(4)   L-istabbiliment u l-funzjonament ta’ grupp ta’ ħidma/konsultattiv ma għandhomx jipprevjenu lill-Partijiet milli jressqu kwalunkwe kwistjoni direttament quddiem il-Kumitat Konġunt.

(5)   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-gruppi ta’ ħidma/korpi konsultattivi stabbiliti mill-Kumitat Konġunt.

Regola 14

Lingwi

(1)   Il-lingwa uffiċjali u ta’ ħidma tal-Kumitat Konġunt għandha tkun l-Ingliż.

(2)   Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom isiru bl-Ingliż. L-aġenda tal-laqgħa, id-dokumenti ppreżentati lill-Kumitat Konġunt u l-minuti tal-laqgħa għandhom jiġu abbozzati bl-Ingliż.

(3)   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta d-Deċiżjonijiet tiegħu bl-Ingliż.

Regola 15

Spejjeż

Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li ġġarrab għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma/korpi konsultattivi stabbiliti.

L-ispejjeż fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jiġġarrbu mill-Parti li tospita l-laqgħa.

Regola 16

Emendi għar-Regoli

Dawn ir-regoli ta’ proċedura jistgħu jiġu emendati bi ftehim reċiproku tal-Partijiet, f’konformità mar-Regola 11.

Magħmul fi, …

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2600/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)