European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2585

20.11.2023

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2585

tas-6 ta’ Ottubru 2023

biex tiżdied ir-rata tar-ritorn tat-telefowns ċellulari, tat-tablets u tal-laptops użati u għar-rimi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku (“WEEE”) hu wieħed mill-aktar flussi tal-iskart fl-Unjoni li qed jikbru malajr — bħalissa qed jiżdied bi 2 % kull sena — u qed joħloq riskju serju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent jekk ma jiġix ittrattat sew. Fl-2019, l-Ewropa ġġenerat medja ta’ 16,2 kg ta’ WEEE għal kull ras (1) filwaqt li fl-2020 fl-Unjoni nġabru separatament madwar 10,5 kg ta’ WEEE għal kull ras (2) biex jiġu ttrattati sew f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u riċiklati. Minn dan il-WEEE miġbur separatament, is-sehem tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, bħat-telefowns ċellulari, it-tablets, il-laptops u ċ-ċarġers tagħhom, miġbur separatament hu partikolarment baxx. Pereżempju, hu rrappurtat li r-rata tal-ġbir tat-telefowns ċellulari fl-Istati Membri hi inqas minn 5 % u hu stmat li hemm xi 700 miljun telefown ċellulari mhux użat u għar-rimi merfugħin fid-djar madwar l-Unjoni.

(2)

Barra minn hekk, il-ġbir u r-riċiklaġġ tat-tagħmir elettroniċi żgħir tal-konsumatur hu partikolarment diffiċli għax dan jintrema ħażin mal-iskart domestiku muniċipali, jiġi esportat illegalment jew inkella jiġi ttrattat ħażin. Ir-rata tar-riċiklaġġ tat-telefowns ċellulari, ngħidu aħna, hi stmata li tvarja bejn it-12 % u l-15 % fl-Unjoni.

(3)

It-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, bħat-telefowns ċellulari, it-tablets u l-laptops, għandu valur inkorporat qawwi ta’ interess fl-ekonomija ċirkolari għax fih varjetà kbira ta’ materjali, inkluż materja prima kritika importanti, li tista’ tiġi riċiklata jew irkuprata li kieku l-iskart jiġi mmaniġġjat b’mod effettiv. Għalhekk, mudelli ċirkolari bħall-użu mill-ġdid, it-tiswija jew il-manifattura mill-ġdid tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, u r-riċiklaġġ tal-materja prima prezzjuża u kritika li fih, jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-iskart billi jerġgħu jintroduċu prodotti, komponenti u materja prima sekondarja fl-ekonomija. Barra minn hekk, it-tiswija u l-użu mill-ġdid tat-tagħmir elettriku u elettroniku, u t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-WEEE jistgħu jagħtu spinta lill-impjiegi ekoloġiċi fl-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, l-attivitajiet tal-użu mill-ġdid fit-tagħmir elettriku u elettroniku jistgħu joħolqu bejn 60 u 140 impjieg għal kull 1 000 tunnellata miġbura bil-ħsieb li terġa’ tintuża (4).

(4)

Meta titqies il-ħajja tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, bħat-telefowns ċellulari, it-tablets jew il-laptops, l-impatti ambjentali u soċjali tagħhom huma prinċipalment assoċjati mal-fażi tal-produzzjoni. L-estrazzjoni tal-materjali, inkluż il-produzzjoni tal-metalli u l-estrazzjoni tal-materja prima kritika (5) bħall-metalli tal-grupp tal-platinu, il-kobalt, l-indju, l-antimonju, il-berillju, il-litju, l-elementi tal-art rari, it-tungstenu u t-tantalu, spiss tkun marbuta ma’ impatti ambjentali, tas-saħħa u soċjali sinifikanti. Fost l-impatti ambjentali u tas-saħħa pubblika hemm dawk li jinħolqu bl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u tal-gassijiet serra, bl-użu ta’ sustanzi perikolużi, u bil-ġenerazzjoni tal-iskart, filwaqt li fost l-impatti soċjali tal-estrazzjoni tal-materja prima kritika hemm impatti bħal kunflitti soċjali, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tħaddim tat-tfal jew kapparrar tal-art (6). Għalhekk l-applikazzjoni tal-prinċipji taċ-ċirkolarità għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu u l-estensjoni tal-lonġevità tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur jistgħu joħolqu benefiċċji sinifikanti mil-lat ta’ effiċjenza fir-riżorsi, dekarbonizzazzjoni, u tnaqqis tat-tniġġis, u fl-appoġġ għal suq tal-materja prima sekondarja.

(5)

Ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materja prima kritika li jkun hemm fit-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur huma partikolarment importanti fid-dawl tad-domanda dinjija dejjem akbar għal materjali bħal dawn u ta’ interruzzjonijiet possibbli fil-provvista. Barra minn hekk, għal ħafna minn dik il-materja prima, l-Unjoni bħalissa tiddependi kważi esklużivament fuq l-importazzjonijiet. Għalhekk, għall-irkupru ekonomiku tal-komponenti u tal-materjali relatati, hu li titjieb il-kwantità u anki l-kwalità tal-ġbir tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, bi skemi tat-teħid lura li jkunu jiffunzjonaw tajjeb u bihom il-konsumaturi jkunu jistgħu jirritornaw it-tagħmir għar-rimi jew meta ma jkunx għadu jintuża.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2019 relatata mal-Patt Ekoloġiku Ewropew (7) tenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari trid tiffoka fuq is-setturi intensivi fir-riżorsi bħas-settur tat-tagħmir elettroniku. Fost l-azzjonijiet rilevanti proposti, kien hemm valutazzjoni tal-benefiċċji li tappoġġa l-iskemi tat-teħid lura biex jiġi inċentivat ir-ritorn tat-tagħmir mhux mixtieq, bħal telefowns ċellulari, tablets u ċarġers. Dan hu spjegat f’aktar dettall fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (8), li tappella għal titjib fil-ġbir u t-trattament tal-WEEE inkluż billi jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ skemi tat-teħid lura għar-ritorn tat-telefowns ċellulari, tat-tablets u taċ-ċarġers użati u għar-rimi. Minbarra dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2021 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero (9) tappella għall-prevenzjoni tal-iskart u għal riċiklaġġ ta’ kwalità kbira li jappoġġaw l-għanijiet tal-Unjoni għall-effiċjenza fir-riżorsi filwaqt li tqis ukoll il-WEEE fost il-flussi tal-iskart li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla.

(7)

Ir-Regolament propost dwar provvista sigura tal-materja prima kritika (10) għandu l-għan li jipprovdi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika fl-Unjoni. Hu maħsub biex joffri appoġġ għal proġetti strateġiċi, inkluż fil-qasam tar-riċiklaġġ, u jixħet enfasi fuq iż-żieda fil-ġbir tal-oġġetti użati u anki tal-flussi tal-iskart li jkun fihom ammonti rilevanti tal-materja prima kritika.

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1670 (11) fih regoli biex l-ismartphones, it-telefowns ċellulari għajr l-ismartphones, it-telefowns bla fili u l-islate tablets isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, durabbli u aktar faċli biex jissewwew u jiġu rriċiklati. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar id-disponibbiltà ta’ aġġornamenti tal-verżjoni tas-sistemi operatorji, dwar il-funzjonalitajiet tat-tħassir u t-trasferiment tad-data u dwar l-informazzjoni dwar il-kwantità ta’ ċerta materja prima kritika (il-kobalt, it-tantalu, in-neodimju u d-deheb) u dwar il-persentaġġ tal-kontenut riċiklat (jekk disponibbli) għandhom, b’sinerġija ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-objettiv li jrawmu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tat-telefowns ċellulari u t-tablets.

(9)

Il-WEEE inkluż l-iskart mit-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur tirregolah id-Direttiva 2012/19/UE. L-Artikolu 3(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2012/19/UE jistabbilixxi definizzjoni għal “skart tat-tagħmir elettriku u elettroniku”, filwaqt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jiddefinixxi “skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew beħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;”.

(10)

Id-Direttiva 2012/19/UE tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-rimi tal-WEEE bħala skart muniċipali mhux separat, li jintlaħaq livell għoli ta’ ġbir separat, u li jkun żgurat it-trattament sew tal-WEEE kollu miġbur separatament. Dik id-Direttiva tistabbilixxi mira annwali tal-ġbir tal-WEEE ta’ 65 %, applikabbli mill-2019, skont il-piż medju tat-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq fit-tliet (3) snin preċedenti f’kull Stat Membru, jew inkella mira ta’ 85 % tal-WEEE ġġenerat kull sena fit-territorju ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, dik id-Direttiva tistabbilixxi miri minimi tal-irkupru inkluż mira tar-riċiklaġġ u tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid għal kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku.

(11)

Id-Direttiva 2012/19/UE tistabbilixxi wkoll obbligi speċifiċi tat-teħid lura biex ikun żgurat il-ġbir separat tal-WEEE. L-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li jinħolqu sistemi li jipprovdu għar-ritorn tal-WEEE domestiku mingħajr ħlas. Id-distributuri jridu jaċċettaw ir-ritorn tal-WEEE jekk ikunu jbigħu tagħmir elettriku u elettroniku simili. Id-distributuri jridu jipprovdu wkoll għall-ġbir tal-WEEE żgħir ħafna fil-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut ta’ ċertu daqs (13) mingħand l-utenti finali, mingħajr ħlas, mingħajr l-obbligu li l-utenti finali jixtri tagħmir elettriku u elettroniku ta’ tip ekwivalenti, sakemm valutazzjoni ma tkunx turi li skemi alternattivi tal-ġbir aktarx ikunu effettivi mill-inqas daqshom.

(12)

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2012/19/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku fl-unitajiet domestiċi privati jiksbu l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sistemi tar-ritorn u tal-ġbir disponibbli għalihom u jridu jħeġġu wkoll il-koordinazzjoni tal-informazzjoni dwar il-punti tal-ġbir disponibbli.

(13)

Filwaqt li sar xi progress mill-ewwel Direttiva li tittratta l-WEEE, minn meta ġiet adottata d-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) fl-2003, u aktar u aktar mill-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE, ir-rati tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, il-ġbir u l-irkupru tal-iskart tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur għadhom baxxi fl-Istati Membri. Ammonti ġmielhom ta’ tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, kemm dak li għadu jaħdem kif ukoll dak għar-rimi, qed jintrefgħu fl-unitajiet domestiċi minħabba ċ-ċokon tagħhom, biex jintużaw bħala riżerva jew għall-ħżin tad-data, jew għall-potenzjal li jerġgħu jinbiegħu. Anki n-nuqqas ta’ għarfien dwar l-alternattivi disponibbli ta’ teħid lura, flimkien mat-tħassib dwar il-privatezza tad-data personali meta dak it-tagħmir jiġi ritornat għall-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid jew ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid, jikkontribwixxu għar-rati baxxi tar-ritorn.

(14)

Biex tidentifika kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-WEEE fl-Istati Membri u tappoġġahom biex jindirizzaw kwistjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni ħadet inizjattiva li tippromwovi l-konformità tal-WEEE u tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex tgħinhom iżidu l-ġbir tal-WEEE (15). Fost dawk ir-rakkomandazzjonijiet hemm b’mod partikolari li l-Istati Membri jiżviluppaw infrastruttura suffiċjenti biex il-konsumaturi jarmu l-WEEE u jkunu infurmati dwar l-alternattivi tat-teħid lura disponibbli għalihom. Dik tkun tinkludi l-iżgurar li d-distributuri jirrispettaw l-obbligi tagħhom tat-teħid lura skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/19/UE u li l-konsumaturi jingħataw l-alternattiva li jirritornaw it-tagħmir mingħajr ħlas.

(15)

Studju li għamlet il-Kummissjoni fl-2022 biex tesplora alternattivi fl-Unjoni għall-iskemi tar-ritorn tat-telefowns ċellulari, tat-tablets u ta’ tagħmir elettriku u elettroniku żgħir ieħor (16) identifika sett ta’ miżuri ta’ politika biex titjieb ir-rata tar-ritorn ta’ dan it-tagħmir elettroniku żgħir użat u għar-rimi, notevolment b’inċentivi finanzjarji, miżuri regolatorji u t-titjib tal-konvenjenza għall-konsumaturi. Miżuri bħal dawn, individwalment jew flimkien, aktarx itejbu l-effettività tal-iskemi tat-teħid lura fejn jidħol il-ġbir tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur.

(16)

L-iskemi tat-teħid lura għandhom jitħallew jiġu operati mid-distributuri, mil-fornituri tat-telekomunikazzjoni, min-negozji privati, mill-intrapriżi soċjali u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali, mill-għaqdiet tal-karità, mill-produtturi tat-tagħmir elettriku u elettroniku jew mill-organizzazzjonijiet li jimplimentaw obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur f’isimhom (f’isem l-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi) u l-pjattaformi online.

(17)

L-użu tal-inċentivi finanzjarji fil-forma ta’ skontijiet, vawċers, skemi ta’ ritorn b’depożitu, u premjijiet monetarji offruti lill-konsumaturi meta jirritornaw it-tagħmir tagħhom ġew identifikati bħala miżura effiċjenti li ttejjeb ir-rata tar-ritorn tat-tagħmir użat u għar-rimi. Kif ġie osservat mill-iskemi eżistenti tat-teħid lura, il-premju finanzjarju jiddependi fuq jekk it-tagħmir ikunx tajjeb biex jerġa’ jintuża jew jeħtieġx jiġi rriċiklat. It-tagħmir użat li jkun tajjeb għall-użu mill-ġdid, għat-tiswija u għar-rikondizzjonar għandu valur akbar ta’ bejgħ mill-ġdid u għalhekk hu distint minn dak għar-rimi jew li se jinġabar għar-riċiklaġġ. L-offerti mmirati ta’ premjijiet finanzjarji jiffaċilitaw il-ġbir u l-irkupru effiċjenti kemm tat-tagħmir użat u anki tat-tagħmir għar-rimi, u mistennija jinċentivaw lill-konsumaturi biex jirritornaw it-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur merfugħ għandhom li ma jkunx għadhom qed jużaw. L-esperjenza wriet li skemi bħal dawn normalment ikunu aktar effettivi u effiċjenti meta jitfasslu għal perjodu limitat.

(18)

Meta jingħata premju finanzjarju għar-ritorn tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur bil-possibbiltà ta’ xiri lura, il-konsumaturi jeħtieġ ikollhom għodod u arranġamenti xierqa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati, pereżempju billi jkollhom il-mezzi biex jikkalkolaw il-valur tax-xiri lura tat-tagħmir tagħhom.

(19)

Xi Stati Membri kellhom bosta esperjenzi pożittivi meta fit-territorju tagħhom użaw l-infrastruttura u n-network bieb bieb tas-servizzi postali u tat-twassil biex inġabar it-tagħmir elettriku u elettroniku użat jew għar-rimi. Meta Stat Membru jkollu dawk l-arranġamenti, il-konsumaturi f’dak l-Istat Membru jkunu jistgħu jmorru fl-uffiċċji postali biex jiddepożitaw it-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur użat għar-rimi, jew biex jibagħtuh bis-servizzi postali u tat-twassil sal-punti tal-ġbir stabbiliti f’dak l-Istat Membru mill-operaturi tat-teħid lura jew mill-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi. Instab li dawn l-arranġamenti jtejbu ħafna l-konvenjenza tal-konsumaturi biex jirritornaw it-tagħmir elettroniku żgħir tagħhom.

(20)

Il-miri għall-użu mill-ġdid u għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid ġew identifikati bħala faċilitaturi u indikaturi ewlenin tal-ekonomija ċirkolari. L-istabbiliment ta’ miri bħal dawn jista’ jħeġġeġ l-użu mill-ġdid permezz tal-miżuri xierqa. Il-miri jistgħu jiġu stabbiliti bħala objettiv nazzjonali marbut mal-monitoraġġ jew bħala mira obbligatorja stabbilita għal operaturi speċifiċi tal-iskemi tat-teħid lura, bħad-distributuri jew l-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi.

(21)

Hu kruċjali li tingħata prijorità lill-użu mill-ġdid fuq ir-riċiklaġġ, minħabba l-potenzjal tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-użu tar-riżorsi, u l-potenzjal li jinħolqu l-impjiegi. Id-Direttiva 2008/98/KE tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex jieħdu miżuri li jħeġġu l-użu mill-ġdid bħala parti mill-programmi tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart, u biex jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri relatati billi jkejlu l-użu mill-ġdid b’metodoloġija komuni stabbilita skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/19 (17). It-tagħmir elettriku u elettroniku hu waħda mill-kategoriji tal-prodotti inklużi f’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u li għalihom l-Istati Membri jridu jkejlu l-użu mill-ġdid mill-inqas darba kull tliet (3) snin.

(22)

Il-miri tal-irkupru stabbiliti fl-Anness V tad-Direttiva 2012/19/UE huma stabbiliti bħala mira kkombinata għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, għall-kategoriji rispettivi tat-tagħmir elettriku u elettroniku. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2193 (18) teżiġi li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ WEEE imħejji għall-użu mill-ġdid, minbarra l-kwantitajiet riċiklati. Bir-rappurtar separat dwar it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, l-Istati Membri jiksbu ħarsa ġenerali tal-kwantitajiet rilevanti u possibbilment biex jieħdu inizjattivi biex jistabbilixxu miri separati dwar it-tħejjija għall-użu mill-ġdid ħalli jippromwovu din l-operazzjoni tal-irkupru u jżidu l-miri kkombinati għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ.

(23)

Il-ħidma id f’id bejn l-organizzazzjonijiet tal-użu mill-ġdid u l-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura, bħad-distributuri, in-negozji privati, l-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi, l-intrapriżi soċjali u l-entitajiet tal-ekonomija soċjali, u l-għaqdiet tal-karità, għandha tgħin biex jimmassimizzaw it-tħejjija għall-użu mill-ġdid billi, pereżempju, jħeġġu s-separazzjoni tal-WEEE li jrid jitħejja għall-użu mill-ġdid minn WEEE ieħor miġbur separatament u billi jagħtu aċċess lill-persunal taċ-ċentri tal-użu mill-ġdid għall-WEEE miġbur separatament. Din il-ħidma id f’id għandha tħeġġeġ ukoll il-kejl tal-flussi tal-użu mill-ġdid tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur.

(24)

Li jiżdiedu l-konvenjenza u l-viżibbiltà tal-punti tal-ġbir u tat-teħid lura jista’ jinfluwenza lill-konsumaturi biex jirritornaw it-tagħmir elettroniku żgħir tagħhom merfugħ għandhom li ma għadhomx jużaw. Il-bażijiet tad-data għandhom jiffaċilitaw u jtejbu l-viżibbiltà tal-punti tat-teħid lura, kemm għat-tagħmir elettriku u elettroniku użat u anki għal dak għar-rimi, billi jipprovdu informazzjoni dwar l-eqreb punti tat-teħid lura b’mapep u għodod tat-tiftix faċli għall-utenti. Il-bażijiet tad-data għandhom jintużaw ukoll biex iħeġġu l-użu mill-ġdid billi jimmappjaw il-punti tal-użu mill-ġdid, tat-tiswija jew tar-rikondizzjonar tat-tagħmir elettriku u elettroniku.

(25)

Biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà tad-data u jkun żgurat li kull data personali maħżuna fit-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur tiġi ġestita u titħassar sew għal kull operazzjoni sussegwenti ta’ użu mill-ġdid jew irkupru, xi skemi tat-teħid lura ġew iċċertifikati li jilħqu ċerti standards tat-trattament tad-data. Fost l-istandards hemm iżda mhumiex limitati għall-istandard Ewropew EN50614 dwar ir-rekwiżiti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-WEEE u l-istandard “R2/Lest għall-Użu mill-Ġdid”.

(26)

Bosta studji jidentifikaw ċerti sforzi komunikattivi mmirati jew kampanji informattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali bħala mezz utli biex jixtered l-għarfien dwar l-importanza tar-ritorn tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur li jkun fih il-materja prima kritika, ħalli l-konsumaturi jiksbu informazzjoni dwar l-possibbiltajiet ta’ ritorn disponibbli għalihom, u dwar il-benefiċċji potenzjali tagħhom (eż. inċentivi finanzjarji), u ħalli titjieb ir-rata tar-ritorn ġenerali tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur.

(27)

L-esperjenza tal-Istati Membri fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-obbligi tat-teħid lura stabbiliti fl-Artikolu 5(2), il-punti (b) u (c), tad-Direttiva 2012/19/UE wriet li r-rati tal-konformità u tar-ritorn jistgħu jittejbu b’monitoraġġ aktar strett u bi spezzjonijiet ta’ jekk id-distributuri, inkluż id-distributuri online, li jbigħu it-tagħmir elettriku u elettroniku jipprovdux dawn l-arranġamenti tat-teħid lura.

(28)

L-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura għat-tagħmir elettriku u elettroniku użat għandhom ikunu jistgħu jkopru bosta ditti u mudelli, u l-informazzjoni dwar it-teħid lura u dwar il-possibbiltà ta’ ritorn tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur jeħtieġ tkun viżibbli u tiġi kkomunikata lill-konsumatur waqt il-bejgħ, inkluż waqt il-bejgħ online.

(29)

Bil-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jingħarfu u jitqabblu l-aktar approċċi xierqa u effettivi li jindirizzaw sfidi partikolari għall-ġbir tal-WEEE, notevolment b’rabta mat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur. L-inizjattivi u l-programmi huma pprovduti, notevolment mill-Kummissjoni, biex jiffaċilitaw it-tagħlim bejn il-pari fost l-awtoritajiet ambjentali u jagħtu appoġġ imfassal apposta lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jimplimentaw il-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali. Il-Kummissjoni stabbiliet programm ta’ tagħlim bejn il-pari (19) li jista’ jintuża għall-iskambju tal-aqwa prattiki rigward il-ġbir u t-trattament tal-WEEE, flimkien ma’ skambji dwar miżuri li jinċentivaw it-teħid lura tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur użat,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-istabbiliment ta’ inċentivi finanzjarji għar-ritorn tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, notevolment it-telefowns ċellulari, it-tablets u l-laptops, b’finanzjament apposta lill-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura jew b’rekwiżiti għall-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura, notevolment l-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi, biex jipprovdu għal dawn l-inċentivi, jew bit-tnejn. L-inċentivi finanzjarji, li jistgħu jikkonsistu fi skontijiet, vawċers jew premjijiet monetarji, għandhom jimmiraw għal kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

it-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur li ma jkunx għadu jaħdem u li jkun għar-rimi, speċjalment dak merfugħ fl-unitajiet domestiċi, li jrid jinġabar għar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-komponenti u tal-materjali li jkun fih;

(b)

it-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur li jkun għadu jaħdem iżda li ma jkunx għadu jintuża, u li jkun tajjeb għall-bejgħ mill-ġdid, l-użu mill-ġdid, it-tiswija jew ir-rikondizzjonar.

2.

L-Istati Membri huma mistiedna jeżaminaw, bi studji apposta u bi proġetti pilota, il-fattibbiltà li jimplimentaw sistema tar-rifużjoni tad-depożitu kemm għat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur li għadu jaħdem u anki għal dak li ma għadux.

3.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-istabbiliment u l-użu tal-għodod biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkalkulaw il-valur tat-tagħmir elettroniku żgħir tagħhom għax-xiri lura mill-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura. Il-kalkolu tar-rata tax-xiri lura ta’ dan it-tagħmir għandu jiġi ffaċilitat u jsir disponibbli għall-konsumaturi b’diversi għodod bħal kalkoli magħmula fil-ħwienet, online, b’mod awtomatizzat bi proċess ta’ skennjar, jew b’sistema tal-passaport tal-prodotti. Il-kriterji użati għall-kalkolu tar-rata tax-xiri lura għandhom ikunu trasparenti u bbażati tal-kundizzjoni u l-mudell tat-tagħmir.

4.

L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu u jappoġġaw l-inklużjoni tas-servizzi postali u tat-twassil f’miżuri li jikkontribwixxu għall-ġbir separat u t-teħid lura tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur fit-territorju tagħhom. Ir-ritorn u l-ġbir tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur għandhom jiġu ffaċilitati b’miżuri mmirati biex l-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura jkunu jistgħu jikkooperaw mas-servizzi postali u tat-twassil bil-għanijiet li ġejjin:

(a)

biex jistabbilixxu uffiċċji postali għad-depożitar jew bħala punt tal-ġbir għat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur użat u għar-rimi.

(b)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), biex il-konsumaturi jkollhom il-possibbiltà li jibagħtu t-tagħmir elettroniku żgħir tagħhom bis-servizzi postali u tat-twassil lil operaturi speċifiċi jew lill-punti tal-ġbir li jiġu stabbiliti fit-territorju ta’ kull Stat Membru mill-operaturi tat-teħid lura jew mill-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi li jkunu awtorizzati jiġbru jew jittrattaw it-tagħmir elettriku u elettroniku użat u għar-rimi. Il-possibbiltà ta’ twassil mogħtija lill-konsumaturi tista’ tieħu l-għamla ta’ tikketti, enveloppi jew pakketti mħallsin minn qabel biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jirritornaw it-tagħmir tagħhom mingħajr ħlas, jew tista’ tkun tikkonsisti fl-offerta ta’ rati mnaqqsa tat-twassil lill-konsumaturi li jibagħtu t-tagħmir elettroniku żgħir tagħhom għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ.

5.

L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu miri għall-użu mill-ġdid u għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid għat-telefowns ċellulari, it-tablets u l-laptops. Miri bħal dawn jistgħu jiġu stabbiliti għal gruppi ta’ prodotti individwali jew b’mod aktar wiesa’ b’rabta mal-Kategorija 6 “Tagħmir żgħir tal-IT u tat-telekomunikazzjoni” fl-Anness III tad-Direttiva 2012/19/UE. Il-miri għall-użu mill-ġdid iridu jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart u jiġu direzzjonati lejn l-organizzazzjonijiet tat-tiswija, tar-rikondizzjonar jew tal-użu mill-ġdid. Il-miri għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid iridu jiġu inklużi fil-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart jew fl-awtorizzazzjonijiet jew f’rekwiżiti oħra stabbiliti għall-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi. Meta jistabbilixxu l-miri għall-użu mill-ġdid u għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, l-Istati Membri jeħtieġ jużaw il-metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-użu mill-ġdid stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/19 u r-regoli għall-kalkolu tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2193.

6.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu u jappoġġaw lill-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura biex jistabbilixxu sħubijiet mal-organizzazzjonijiet tal-użu mill-ġdid ħalli jagħtuhom aċċess għat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur li jinġabar, biex dak li jista’ jitħejja għall-użu mill-ġdid ikun jista’ jiġi sseparat minn dak li jintbagħat għar-riċiklaġġ.

7.

L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu r-riżorsi xierqa biex jippermettu l-iżvilupp u t-titjib tal-bażijiet tad-data u l-għodod tat-tiftix maħsuba għall-konsumaturi rigward il-punti tal-ġbir u tat-teħid lura tat-tagħmir elettriku u elettroniku użat u għar-rimi. Dawn jistgħu jinkludu l-ħtieġa li l-produtturi, tramite l-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi jew bl-arranġamenti tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi tagħhom stess, iġarrbu l-kostijiet għal din l-azzjoni. Il-bażijiet tad-data u l-għodod tat-tiftix iridu jkunu miftuħa għall-punti kollha tat-teħid lura u għas-sewwejja f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, ikunu disponibbli mingħajr ħlas għall-konsumaturi u jkunu faċli għall-utenti. L-azzjoni trid tinkludi l-iżvilupp ta’ bażijiet tad-data ġodda kif ukoll it-titjib tal-funzjonalità tal-bażijiet tad-data eżistenti. Il-bażijiet tad-data u l-għodod tat-tiftix li bħalissa jipprovdu informazzjoni biss dwar il-punti tal-ġbir u tat-teħid lura tal-WEEE għandhom jinkludu l-postijiet fejn il-konsumaturi jistgħu jsewwu, jużaw mill-ġdid u jimmanifatturaw mill-ġdid it-tagħmir elettroniku żgħir tagħhom.

8.

L-Istati Membri għandhom iwettqu, jew jeżiġu li l-organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi jwettqu, kampanji regolari ta’ għarfien għall-konsumaturi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u/jew lokali, biex jiżdied il-ġbir separat tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur. Il-kampanji għandhom jiffukaw fuq it-titjib tal-viżibbiltà tal-punti tat-teħid lura u tal-ġbir tat-tagħmir elettriku u elettroniku użat u għar-rimi, u fuq benefiċċji diretti potenzjali għall-konsumaturi (eż. inċentivi finanzjarji). L-objettiv għandu jkun li jiżdied l-għarfien pubbliku dwar il-possibbiltajiet disponibbli għar-ritorn, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur, u dwar l-importanza tal-ġbir separat u tal-irkupru ta’ dan it-tagħmir ta’ valur filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet ambjentali u tar-riżorsi.

9.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-operaturi tal-iskemi tat-teħid lura biex jużaw skemi taċ-ċertifikazzjoni li jiżguraw li kull data personali maħżuna fit-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur tiġi ġestita u titħassar kif xieraq. Meta jirritornaw it-tagħmir, il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati li għall-ġestjoni tad-data personali se tkun qed tintuża dik l-iskema taċ-ċertifikazzjoni partikolari, jew arranġamenti ekwivalenti li jridu jiġu speċifikati.

10.

L-Istati Membri għandhom iżidu l-implimentazzjoni tal-obbligu tat-teħid lura stabbilit fl-Artikolu 5(2), il-punti (b) u (c), tad-Direttiva 2012/19/UE bi spezzjonijiet u monitoraġġ sistematiċi u perjodiċi tad-distributuri.

11.

L-Istati Membri huma mistiedna jeżiġu li d-distributuri jinfurmaw lill-konsumaturi li jixtru tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur dwar il-possibbiltà li jirritornaw it-tagħmir elettriku u elettroniku użat jew għar-rimi. Din l-informazzjoni trid tingħata b’mod ċar u viżibbli waqt il-bejgħ jew, fil-każ tal-bejgħ online, b’informazzjoni mogħtija mal-offerta.

12.

L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-għodod, inklużi dawk stabbiliti mill-Kummissjoni, biex jiffaċilitaw it-tagħlim bejn il-pari fost l-awtoritajiet ambjentali u jagħtu appoġġ imfassal apposta, b’mod partikolari billi jiskambjaw l-aqwa prattiki ma’ Stati Membri oħra rigward il-ġbir tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur għar-rimi u rigward it-teħid lura tat-tagħmir elettroniku żgħir tal-konsumatur użat.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  The Global E-waste Monitor 2020: Quantities, flows, and the circular economy potential: https://ewastemonitor.info/wp-content/uploads/2020/11/GEM_2020_def_july1_low.pdf

(2)  Il-Eurostat: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Waste_statistics_-_electrical_and_electronic_equipment

(3)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(4)  RREUSE (2021) Job creation in the re-use sector: data insights from social enterprises.

(5)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (COM(2023) 160) fl-Anness II tiegħu hemm lista tal-materja parima kritika.

(6)  Studju dwar l-impatti soċjali u ambjentali tal-attivitajiet tal-minjieri fl-UE: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2022/729156/IPOL_STU(2022)729156_EN.pdf

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final).

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva” COM(2020) 98 final.

(9)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021) 400 final.

(10)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020, COM(2023) 160 final.

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1670 tas-16 ta’ Ġunju 2023 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ismartphones, għat-telefowns ċellulari għajr l-ismartphones, għat-telefowns bla fili u għall-islate tablets skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 (ĠU L 214, 31.8.2023, p. 47).

(12)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(13)  Is-sezzjonijiet għall-bejgħ tat-tagħmir elettriku u elettroniku jkollhom erja ta’ mill-inqas 400 m2.

(14)  Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24).

(15)  Inizjattiva li tippromwovi l-konformità tal-WEEE: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/09c7215a-49c5-11e8-be1d-01aa75ed71a1.

(16)  Studju dwar l-alternattivi għall-iskemi tar-ritorn tat-telefowns ċellulari, it-tablets u tagħmir elettriku u elettroniku żgħir ieħor fl-UE: https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/f049cf4f-ed23-11ec-a534-01aa75ed71a1/language-en.

(17)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/19 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li tistabbilixxi metodoloġija komuni u format għar-rappurtar dwar l-użu mill-ġdid f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 10, 12.1.2021, p. 1).

(18)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2193 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi r-regoli għall-kalkolu, il-verifika u r-rappurtar tad-data u l-istabbiliment tal-formati tad-data għall-finijiet tad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 330, 20.12.2019, p. 72).

(19)  Il-programm TAIEX-EIR PEER2PEER.

(20)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2585/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)