|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2531 |
24.11.2023 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/2531 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-24 ta’ Ottubru 2023
dwar in-nomina ta’ kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma biex jadottaw deċiżjonijiet delegati biex ma ssirx oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-awtoritajiet nazzjonali nominati (BĊE/2023/26)
Il-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2023/2530 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2023 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet biex ma ssirx oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-awtoritajiet nazzjonali nominati (ECB/2023/24) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġi indirizzat l-għadd konsiderevoli ta’ deċiżjonijiet li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jadotta għat-twettiq tal-kompiti makroprudenzjali tiegħu, ġiet stabbilita proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati speċifiċi biex ma joġġezzjonawx għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) jew tal-awtoritajiet nazzjonali nominati (ANN). |
|
(2) |
Deċiżjoni ta’ delega hija effettiva mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Bord Eżekuttiv li tinnomina l-kapijiet ta’ unità ta’ ħidma biex jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ deċiżjoni ta’ delega. |
|
(3) |
L-importanza tad-deċiżjoni ta’ delega u l-għadd ta’ ANK jew ANN li għandhom jiġu nnotifikati dwar deċiżjonijiet iddelegati jenħtieġ li jitqiesu mill-Bord Eżekuttiv fin-nomina ta’ kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma. |
|
(4) |
L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 jipprovdi li l-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar in-numru, l-isem u l-kompetenza rispettivi ta’ kull waħda mill-unitajiet ta’ ħidma tal-BĊE. |
|
(5) |
Il-President tal-Bord Superviżorju ġie kkonsultat dwar il-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma li lilhom jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet biex ma joġġezzjonawx għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-ANK jew tal-ANN, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ “miżuri makroprudenzjali maħsuba” fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/2530 (BĊE/2023/24)
Artikolu 2
Deċiżjonijiet ta’ delega biex ma jkunx hemm oġġezzjoni għall-miżuri makroprudenzjali maħsuba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew tal-awtoritajiet nazzjonali nominati
Id-deċiżjonijiet ta’ delega skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/2530 (BĊE/2023/24) għandhom jiġu adottati mid-Direttur Ġenerali jew Viċi Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Makroprudenzjali u l-Istabbiltà Finanzjarja u d-Direttur Ġenerali jew Viċi Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tas-Superviżjoni tal-Linja Orizzontali.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ Ottubru 2023.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L, 2023/2530, 24.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2530/oj
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2531/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)