|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2524 |
24.11.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2524
tal-10 ta’ Awwissu 2023
dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34001 (2017/C) implimentata mir-Renju ta’ Spanja għal Telecom Castilla La Mancha SA
(notifikata bid-dokument C(2023)5414)
(Il-verżjoni Spanjola biss hija awtentika)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1), il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1),
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (2) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni rċeviet ilment li allega li l-gvern tar-Reġjun Awtonomu ta’ Kastilja-La Mancha (JCCM) kien ta għajnuna mill-Istat lill-kumpanija Telecom Castilla La Mancha SA (Telecom CLM), operatur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi attiv fir-reġjun ta’ Kastilja-La Mancha, permezz tal-għoti ta’ kuntratt għall-kostruzzjoni u għat-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku mingħajr fili (il-miżura). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja biex jikkummenta dwar l-ilment imsemmi hawn fuq fis-16 ta’ Jannar 2012. Ir-Renju ta’ Spanja bagħat informazzjoni lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Marzu 2012. Il-Kummissjoni staqsiet mistoqsijiet ulterjuri fil-21 ta’ Ġunju 2012 li għalihom ir-Renju ta’ Spanja wieġeb fil-25 ta’ Lulju 2012. Ir-Renju ta’ Spanja bagħat informazzjoni ulterjuri fit-3 ta’ April 2013, fl-24 ta’ Ġunju 2014, fl-4 ta’ Lulju 2016 u fit-18 ta’ Lulju 2016. Il-Kummissjoni staqsiet mistoqsijiet ulterjuri fis-17 ta’ Jannar 2017, li għalihom ir-Renju ta’ Spanja wieġeb fit-3 ta’ Frar 2017. |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni infurmat lir-Renju ta’ Spanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-allegata għajnuna (id-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(4) |
Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
|
(5) |
Ir-Renju ta’ Spanja ssottometta kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ Settembru 2017. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti interessata waħda, Telecom CLM, fis-6 ta’ Novembru 2017. Il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lir-Renju ta’ Spanja, li ngħatat l-opportunità li jissottometti osservazzjonijiet. Ir-Renju ta’ Spanja informa lill-Kummissjoni li ma kellu l-ebda kumment b’ittra datata l-15 ta’ Jannar 2018. |
|
(7) |
Permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni staqsiet lir-Renju ta’ Spanja mistoqsijiet ulterjuri. Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet permezz ta’ ittra li waslet fil-11 ta’ Frar 2019. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA
2.1. Il-kuntest
|
(8) |
Ir-reġjun ta’ Kastilja-La Mancha kien ikkaratterizzat minn rata ta’ penetrazzjoni tal-infrastruttura tal-broadband għal kull abitant taħt il-medja Spanjola (4). Bl-eċċezzjoni tal-agglomerazzjonijiet tar-reġjun ta’ Toledo, Ciudad Real, Albacete, Cuenca u Guadalajara, ir-rata ta’ penetrazzjoni tal-broadband tar-reġjun (mobbli u fissi) kienet konsiderevolment aktar baxxa milli fil-bqija tal-pajjiż (5). |
|
(9) |
Għalhekk, fis-snin ta’ qabel il-miżura, il-JCCM ipprova jiżviluppa l-infrastruttura tal-broadband tar-reġjun u jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-broadband fir-reġjun kollu, inkluż f’residenzi remoti u mifruxa, billi pparteċipa fi programmi nazzjonali differenti ta’ żvilupp tal-infrastruttura. Minkejja l-parteċipazzjoni tal-JCCM f’dawn il-programmi, ir-reġjun kompla ma kellux kopertura sħiħa tal-broadband bażiku fl-2010. Fid-dawl ta’ dan, il-JCCM iddikjara l-forniment ta’ tali aċċess għall-broadband għar-residenti kollha tar-reġjun bħala prijorità u fassal proġett għal dak l-iskop. |
2.2. L-objettiv tal-miżura
|
(10) |
L-objettiv tal-miżura kien li tiġi żgurata kopertura bażika tal-broadband (mill-inqas żewġ megabits fis-sekonda (Mbps) veloċità ta’ download għall-utenti finali) għaż-żoni abitati kollha fir-reġjun ta’ Kastilja-La Mancha fejn ma kienet teżisti l-ebda infrastruttura tal-broadband jew ma kienx probabbli li tiġi żviluppata fil-futur qrib, jiġifieri, li kieku jikkwalifikaw bħala żoni “bojod” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband applikabbli dak iż-żmien (6). Għal dan il-għan, il-proġett ippreveda li operatur ta’ parti terza (maħtur skont proċedura miftuħa) jiżviluppa network tal-broadband bażiku u joperah għad-durata tal-proġett, filwaqt li l-JCCM jikseb is-sjieda tan-network. Kien maħsub b’mod espliċitu li l-offerent rebbieħ, minbarra l-iżvilupp u t-tħaddim tan-network, jipprovdi wkoll servizzi bl-imnut lill-utenti finali (servizzi ta’ aċċess għall-internet u telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP). It-tħaddim tan-network kellu jiġi żgurat għar-riskju tal-offerent rebbieħ, li kellu jiżgura l-manutenzjoni tan-network u jkopri l-kostijiet operatorji kollha. Il-JCCM ma jirċievi l-ebda dħul mit-tħaddim tan-network iżda lanqas ma jkollu jħallas xi kost f’dan ir-rigward. |
2.3. Il-proġett u l-baġit
|
(11) |
Fit-13 ta’ Mejju 2010, il-JCCM organizza proċedura miftuħa u ppubblika stedina għall-preżentazzjoni tal-offerti fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ Kastilja-La Mancha għall-forniment ta’ network tal-broadband bażiku, inklużi l-iżvilupp u t-tħaddim tal-infrastruttura meħtieġa, inizjalment, f’478 żona fil-mira li tnaqqsu għal 461 żona fil-mira wara l-analiżi tas-suq (ara l-premessa (12) hawn taħt). Il-kumpaniji kollha rreġistrati bħala operaturi tat-telekomunikazzjoni mal-Kummissjoni Spanjola tas-Suq tat-Telekomunikazzjoni (CMT) kienu eliġibbli biex jissottomettu offerta. L-461 żona fil-mira kollha kienu jikkostitwixxu distretti rurali ta’ muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Kastilja-La Mancha b’popolazzjoni medja ta’ 35 abitant (7). Għalhekk, il-proġett kopra popolazzjoni ġenerali ta’ madwar 16 000 abitant. L-offerti kellhom jiġu vvalutati minn “Mesa de Contratación” fil-Ministeru Reġjonali għall-Industrija, l-Enerġija, u l-Ambjent (8). |
|
(12) |
Sabiex jiġu identifikati ż-żoni fil-mira, il-JCCM kien wettaq analiżi tas-suq li identifikat iż-żoni koperti minn networks eżistenti tal-broadband fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha u dawk iż-żoni mingħajr ebda network tal-broadband. L-analiżi tas-suq kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li waslet f’konsultazzjonijiet bilaterali mal-operaturi kollha tal-broadband li kienu magħrufa mill-JCCM bħala attivi fir-reġjun (9). Din l-informazzjoni ppermettiet l-immappjar tal-infrastruttura eżistenti u żvelat il-pjanijiet ta’ varar tal-operaturi tal-broadband f’orizzont rilevanti ta’ bejn tlieta u erba’ snin. Barra minn hekk, il-JCCM analizza l-Pjanijiet annwali kollha għall-Implimentazzjoni Territorjali li kienu ġew sottomessi fis-snin preċedenti mill-operaturi tan-network irreġistrati mas-CMT (10). L-analiżi tas-suq ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda network tal-broadband bażiku eżistenti fiż-żoni fil-mira u li ma kien ippjanat l-ebda investiment fl-iżvilupp tal-broadband f’dawn iż-żoni fit-tlieta sa erba’ snin ta’ wara l-konsultazzjonijiet. |
|
(13) |
Il-JCCM kien wettaq tliet studji dwar il-kostijiet stmati għall-varar ta’ network tal-broadband bażiku li jiżgura l-kopertura tar-reġjun kollu, li r-rapporti tagħhom ġew sottomessi lill-JCCM f’Novembru 2008, f’Ottubru 2009 u fi Frar 2010. L-istudji wrew li soluzzjoni tal-broadband mingħajr fili tkun l-irħas għażla b’kost stmat ta’ bejn EUR 17-il miljun u EUR 20 miljun. Peress li l-baġit massimu disponibbli għall-proġett kien ta’ EUR 16-il miljun, l-461 żona fil-mira kienu maqsuma fi 311-il żona ta’ kopertura obbligatorja u 150 żona fakultattiva addizzjonali. Id-diviżjoni taż-żoni fil-mira f’żoni obbligatorji u fakultattivi saret skont id-daqs tal-popolazzjoni. It-311-il żona fil-mira obbligatorja kellhom mill-inqas 12-il abitant, iż-żoni fil-mira fakultattivi kollha kellhom inqas minn 12-il abitant. |
|
(14) |
Il-fondi ġew ipprovduti f’partijiet ugwali mill-Ministeru tal-Ambjent u l-Affarijiet Rurali u tal-Baħar (MARM) u mill-JCCM, u kull wieħed minnhom ipprovda EUR 8 miljun mill-baġits tagħhom, nazzjonali u reġjonali, rispettivament. Il-fondi kienu ġew allokati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett fi ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-MARM u l-JCCM dwar programm ta’ żvilupp rurali sostenibbli ffirmat fit-12 ta’ Novembru 2009. |
|
(15) |
Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni li ntużaw mill-JCCM kienu inklużi u spjegati fid-dettall fl-“Ispeċifikazzjonijiet Amministrattivi Speċjali” u l-“Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Speċjali” stabbiliti qabel ma ġiet ippubblikata l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti. Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni pprevedew sistema ta’ għoti ta’ punteġġ sa 100 punt. B’kollox jistgħu jinkisbu 64 punt billi jiġu ssodisfati “kriterji oġġettivi”, bħall-ammont ta’ unitajiet domestiċi addizzjonali koperti min-network il-ġdid, il-kwalità tas-servizzi bl-imnut offruti, l-ammont ta’ fondi meħtieġa, eċċ., b’kollox, 36 punt jistgħu jinkisbu permezz ta’ “kriterji suġġettivi”, fejn il-JCCM ivvaluta: (i) is-soluzzjoni teknoloġika proposta, (ii) l-infrastruttura proposta u l-ġestjoni tal-problemi, (iii) il-grad propost ta’ assistenza u appoġġ mill-offerent fil-proċess tar-ritorn tan-network lejn il-JCCM wara l-iskadenza tal-kuntratt, (iv) offerta vinkolanti potenzjali għax-xiri tan-network mill-JCCM wara l-iskadenza tal-kuntratt, u (v) il-livell ta’ dettall ipprovdut mill-offerent fil-pjan ta’ ritorn tan-network tiegħu. |
|
(16) |
Il-ponderazzjonijiet mogħtija lil kull kriterju għall-aġġudikazzjoni ġew indikati fl-“Ispeċifikazzjonijiet Amministrattivi Speċjali”, li jispeċifikaw l-għadd massimu ta’ punti li jistgħu jinkisbu għal kull kriterju u sottokriterju għall-aġġudikazzjoni. |
|
(17) |
Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tan-network tal-broadband bażiku, il-JCCM kien jeħtieġ fid-dokumenti tal-offerta għaż-żoni ta’ kopertura obbligatorji kollha rata minima ta’ trażmissjoni ta’ veloċità ta’ download ta’ 2 Mbps, li tista’ tittejjeb għal mill-inqas 4 Mbps, u veloċità ta’ upload ta’ 512-il Kbps. Dan stabbilixxa l-latenza massima għal 150 ms u l-jitter massimu għal 30 ms. In-network kellu jiggarantixxi mill-inqas 20 % tal-veloċità nominali kuntrattata fil-ħinijiet tal-ogħla domanda (11). Id-durata ta’ dawn id-domandi massimi b’veloċitajiet ta’ trażmissjoni aktar baxxi għal kull utent finali ma tridx taqbeż is-sagħtejn kuljum. Il-volumi tad-data disponibbli għall-klijenti finali kellhom ikunu bla limitu. |
|
(18) |
Barra minn hekk, il-JCCM kien jeħtieġ li l-offerent rebbieħ joffri telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP (12) u jipprovdi punt ta’ interkonnessjoni tan-network li fih operaturi terzi jiksbu aċċess bl-ingrossa għan-network. Fil-Klawżola 4.2 tal-“Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Speċjali”, il-JCCM obbliga lill-offerenti joffru servizzi ta’ aċċess bl-ingrossa u jiżguraw li operaturi oħrajn tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu jipprovdu lill-utenti finali fiż-żoni fil-mira fil-livell tal-bejgħ bl-imnut servizzi bażiċi tal-broadband tal-istess kwalità, affidabbiltà, u d-disponibbiltà kif kien meħtieġ fl-“Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Speċjali”. L-offerent rebbieħ kellu jlesti l-varar tan-network tal-broadband bażiku fi żmien sena mill-iffirmar tal-kuntratt. |
|
(19) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokumenti tal-offerta għamlu distinzjoni bejn żewġ komponenti differenti tan-network tal-broadband bażiku li għandu jintuża: (i) in-“network ta’ aċċess” u (ii) in-“network tat-trasport”. In-network ta’ aċċess ġie ddefinit bħala l-parti tan-network tal-broadband bejn in-nodu ta’ aċċess u l-utent finali. In-network tat-trasport ġie ddefinit bħala l-parti tan-network tal-broadband bejn in-nodi ewlenin tal-operatur u t-tagħmir ta’ aċċess. In-network ta’ aċċess jista’ jkun bil-fili jew mingħajr fili u l-offerent rebbieħ kellu jipprovdi t-tagħmir kollu meħtieġ, ħlief għat-tagħmir tal-utent finali. In-network tat-trasport kellu jkun network ta’ bosta servizzi li jista’ jintuża wkoll għall-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika minbarra servizzi bażiċi tal-broadband. |
|
(20) |
Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokumenti tal-offerta ppermettew li tintuża mill-ġdid l-infrastruttura eżistenti, inkluża l-infrastruttura użata għat-tranżizzjoni mit-televiżjoni terrestri b’xandir analogu għat-televiżjoni terrestri b’xandir diġitali fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha (l-infrastruttura tad-DTT). |
|
(21) |
Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ Castilla-La Mancha kien fiha link għal sit web tal-JCCM (13), li pprovdiet l-“Ispeċifikazzjonijiet Amministrattivi Speċjali” u l-“Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Speċjali” u kienet tinkludi paġna ta’ “Mistoqsijiet Frekwenti”. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, dan is-sit web elenka mistoqsijiet u tweġibiet fir-rigward tal-proċedura miftuħa u inkluda lista tal-infrastrutturi li kienu ntużaw għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Tranżizzjoni għat-Televiżjoni Terrestri B’Xandir Diġitali (DTT), kif ukoll l-informazzjoni ta’ kuntatt tas-sidien tagħhom, li kienu obbligati bil-kuntratt li jagħtu aċċess għal din l-infrastruttura lill-offerenti kollha għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ network tal-broadband bażiku. (14) |
|
(22) |
Il-JCCM irċieva ħames offerti. Żewġ offerti, minn Telecom CLM u Telefónica España S.A. (Telefónica), issodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi kollha u ġew eżaminati fil-proċedura tal-għażla. |
|
(23) |
L-offerta ta’ Telecom CLM offriet soluzzjoni mingħajr fili bbażata fuq it-teknoloġija WIMAX għal 100 % taż-żoni fil-mira obbligatorji u għal madwar 56 % taż-żoni fil-mira fakultattivi addizzjonali. Għall-bqija taż-żoni fakultattivi, Telecom CLM ipproponiet soluzzjoni satellitari. Il-kombinazzjoni offriet kopertura bażika tal-broadband għaż-żoni fil-mira kollha (obbligatorji u fakultattivi) li ġew speċifikati fid-dokumenti tal-offerta. Telecom CLM offriet li tistabbilixxi u tħaddem in-network għal EUR 15,85-il miljun u rċeviet 1,76/10 punti għall-kriterju tal-prezz fil-proċedura tal-għażla. |
|
(24) |
Filwaqt li s-soluzzjoni satellitari offruta minn Telecom CLM għal madwar 44 % taż-żoni fil-mira fakultattivi ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi fir-rigward tal-latenza massima u l-jitter, l-offerta ta’ Telecom CLM kienet ammissibbli minħabba li tali rekwiżiti tekniċi kienu applikabbli biss għaż-żoni fil-mira obbligatorji (ara l-premessa (17) hawn fuq) u, għaż-żoni fil-mira obbligatorji, l-offerta ta’ Telecom CLM kienet ibbażata fuq it-teknoloġija WIMAX, li kienet tiżgura li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati. |
|
(25) |
L-offerta ta’ Telecom CLM ipprevediet l-istabbiliment ta’ punt ta’ interkonnessjoni f’Toledo u kien fiha t-termini u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ aċċess għan-network lil operaturi tan-network ta’ partijiet terzi. Telecom CLM irċeviet b’kollox 76,13/100 punt (44,93 punt għall-“kriterji oġġettivi” u 31,2 punt għall-“kriterji suġġettivi”). Dan kien jinkludi 0/7 punti għall-kriterju għall-aġġudikazzjoni tal-prezz tal-aċċess bl-ingrossa minħabba li l-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa offruti minn Telecom CLM kienu ogħla minn dawk offruti minn Telefónica. |
|
(26) |
L-offerta ta’ Telefónica offriet soluzzjoni teknoloġika mħallta li tipproponi li jiġu koperti t-311-il żona fil-mira obbligatorji kollha billi tintuża t-teknoloġija WIMAX (għal 218-il żona fil-mira), it-teknoloġija xDSL (għal 58 żona fil-mira) u t-teknoloġija mobbli 3G (għal 35 żona fil-mira). Telefónica offriet li tkopri madwar terz taż-żoni fakultattivi, bl-użu tat-teknoloġija WIMAX, filwaqt li madwar żewġ terzi ta’ dawn iż-żoni ma jkunu koperti xejn. Telefónica, billi bbażat l-aktar fuq l-infrastruttura eżistenti tagħha stess għan-networks mobbli, offriet li tistabbilixxi u tħaddem in-network għal EUR 16-il miljun u rċeviet b’kollox 46,22/100 punt (26,07 punt għall-“kriterji oġġettivi” u 20,15 punt għall-“kriterji soġġettivi”). Dan kien jinkludi 0/10 punti għall-kriterju tal-prezz u 2/7 punti għall-kriterju għall-aġġudikazzjoni tal-prezz tal-aċċess bl-ingrossa. |
|
(27) |
Fis-17 ta’ Awwissu 2010, wara l-proċedura tal-għażla, il-JCCM ta l-kuntratt lil Telecom CLM għal EUR 15,85-il miljun. Fit-13 ta’ Settembru 2010, il-JCCM u Telecom CLM iffirmaw il-kuntratt. Telecom CLM bdiet tħaddem in-network fid-19 ta’ Settembru 2012. |
|
(28) |
Telecom CLM irċeviet l-ammont ta’ EUR 15,85-il miljun f’ħames pagamenti bejn l-20 ta’ April 2012 u s-26 ta’ Novembru 2012. |
|
(29) |
F’żewġ okkażjonijiet, Telecom CLM tejbet b’mod volontarju l-eżekuzzjoni tan-network tal-broadband bażiku li kienet ipprovdiet skont il-kuntratt. L-ewwel aġġornament daħal fis-seħħ fit-28 ta’ April 2016, u tejjeb il-veloċità minima ta’ download għal 5 Mbps. It-tieni aġġornament daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Mejju 2018, u tejjeb il-veloċità minima ta’ download għal 10 Mbps. |
|
(30) |
Il-miżura ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni. |
2.4. Durata
|
(31) |
Il-kuntratt ġie konkluż għal ħames snin, b’għażla ta’ tiġdid ta’ sentejn, li matulha t-tħaddim tan-network kellu jiġi żgurat mill-offerent rebbieħ. Il-kuntratt ġie imġedded darbtejn, l-ewwel darba fl-2017 għal sena sa Settembru 2018, u fl-2018 sa Settembru 2019. |
2.5. Benefiċjarju
|
(32) |
L-allegat benefiċjarju huwa Telecom CLM, kumpanija privata li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Toledo, Spanja, attiva fil-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika (televiżjoni, radju u broadband). Din hija kkontrollata minn Equitix Investment Management Limited, kumpanija ta’ investiment. Il-JCCM għandu madwar 45 % tal-ishma ta’ Telecom CLM. |
|
(33) |
Fl-2008, Telecom CLM kienet is-sid ta’ 138 ċentru tat-televiżjoni terrestri b’xandir analogu li kienu jiffurmaw parti mir-reġjun tan-network tat-televiżjoni terrestri ta’ Castilla-La Mancha li kien jikkonsisti f’madwar 500 ċentru ta’ trażmissjoni. Fil-qafas tat-tranżizzjoni tad-DTT, matul l-2008-2009, Telecom CLM irċeviet appoġġ pubbliku fl-ammont ta’ (i) EUR 13,2-il miljun biex tiddiġitalizza ċ-ċentri ta’ trażmissjoni tagħha stess permezz tal-installazzjoni ta’ tagħmir tad-DTT, (ii) EUR 6,4 miljun biex tħaddem u żżomm in-network tar-reġjun ta’ Castilla-La Mancha u (iii) EUR 2,26 miljun biex tibni 20 ċentru ġdid tat-trażmissjoni tad-DTT (15). |
|
(34) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 6846 final li fiha sabet li dan l-appoġġ pubbliku li rċeviet Telecom CLM kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kienet inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru. (16) |
|
(35) |
Fl-2018, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-26 ta’ April 2018 fil-Kawżi magħquda C-91/17 P u C-92/17 P, Cellnex Telecom vs Il-Kummissjoni, u tal-20 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża C-114/17 P, Spain vs Il-Kummissjoni, approvat id-deċiżjoni ta’ rkurpu tal-Kummissjoni. (17) Sat-18 ta’ Awwissu 2022, Telecom CLM kienet ħallset lura l-kapital tal-għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru kollu soġġett għall-proċedura ta’ rkupru għat-tnedija tad-DTT fir-reġjun ta’ Kastilja-La Mancha (SA.27408). |
2.6. Investigazzjoni mill-Kummissjoni Spanjola tas-Suq tat-Telekomunikazzjoni (CMT)
|
(36) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2010, is-CMT bdiet proċedura amministrattiva ex officio biex teżamina l-kundizzjonijiet għat-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku kif miftiehem bejn il-JCCM u Telecom CLM fil-kuntratt iffirmat fit-13 ta’ Settembru 2010, u kwalunkwe effett potenzjali kontra l-kompetizzjoni tiegħu. |
|
(37) |
Fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2011 (18), is-CMT ikkonkludiet li l-prezz tal-aċċess għall-bitstream bl-ingrossa offrut minn Telecom CLM lil partijiet terzi kien għoli wisq u, fil-fatt, qrib wisq tal-prezzijiet bl-imnut tas-suq għas-servizzi bażiċi tal-broadband fir-reġjun. Skont is-CMT, il-prezz tal-aċċess għall-bitstream bl-ingrossa offrut minn Telecom CLM ma kienx jippermetti marġni suffiċjenti lill-fornituri ta’ servizzi bl-imnut ta’ partijiet terzi biex jiksbu profitt xieraq meta jużaw servizzi ta’ aċċess bl-ingrossa pprovduti minn Telecom CLM għall-forniment ta’ servizzi tal-broadband bl-imnut lill-utenti finali. Barra minn hekk, is-CMT sabet li la d-dokumenti tal-offerta u lanqas il-kuntratt konkluż bejn JCCM u Telecom CLM f’Settembru 2010 ma kien fih klawżola ta’ rkupru li tiżgura li l-offerent magħżul ma jiġix ikkumpensat iżżejjed jekk id-domanda għas-servizzi tal-broadband fiż-żona kellha tikber ’il fuq mil-livelli mbassra billi jkun meħtieġ iħallas lura l-profitti żejda. |
|
(38) |
Fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2011, is-CMT ordnat (i) lil Telecom CLM biex tnaqqas il-prezz tal-aċċess li għandu jitħallas minn partijiet terzi għall-aċċess għall-bitstream bl-ingrossa u (ii) lill-JCCM biex jintroduċi klawżola ta’ rkupru fil-kuntratt iffirmat ma’ Telecom CLM f’Settembru 2010 li tkun tirrikjedi lil Telecom CLM tħallas lura l-perċentwal ta’ kwalunkwe profitt żejjed ekwivalenti għas-sehem irrappreżentat mill-ammont ta’ EUR 15,85-il miljun fil-kostijiet totali tal-proġett. |
2.7. Prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa emendati u mekkaniżmu ta’ rkupru
|
(39) |
Telecom CLM kienet toffri aċċess għall-bitstream bl-ingrossa lin-network biex tippermetti lill-operaturi ta’ partijiet terzi jipprovdu servizzi tal-broadband bl-imnut lill-utenti finali fiż-żoni fil-mira li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità, affidabbiltà u disponibbiltà għas-servizzi bl-imnut kif stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet. Wara d-deċiżjoni tas-CMT li l-prezz bl-ingrossa inizjalment offrut minn Telecom CLM (EUR 34,50) kien qrib wisq tal-prezzijiet bl-imnut offruti minnha stess lill-utenti finali (EUR 37,50) kif ukoll ogħla minn prezzijiet oħrajn bl-ingrossa tal-aċċess għall-bitstream fis-settur, Telecom CLM ikkunsidrat mill-ġdid l-offerta tagħha ta’ aċċess għall-bitstream bl-ingrossa, emendatha u naqqset il-prezz tagħha b’effett mill-15 ta’ Lulju 2011, issottomettitha lis-CMT u lill-JCCM, li approvawha, fid-29 ta’ Lulju 2011. |
|
(40) |
Il-prezz tal-aċċess għall-bitstream bl-ingrossa sottomess mill-ġdid tnaqqas għal EUR 23,70 minn dak oriġinali ta’ EUR 34,50, li kien jirrappreżenta tnaqqis ta’ 31,3 % u rriżulta fl-applikazzjoni tal-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa 36,8 % aktar baxxi mill-prezzijiet bl-imnut ta’ Telecom CLM. |
|
(41) |
Id-dokumenti tal-offerta inizjalment ma kinux jinkludu r-rekwiżit ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru minħabba li kien meqjus żejjed peress li l-ammont massimu ta’ għajnuna ta’ EUR 16-il miljun instab li x’aktarx ma kienx biżżejjed għall-varar tan-network u l-proġett għall-benefiċjarju għalhekk x’aktarx li ma kienx ikun profittabbli. Madankollu, is-CMT iddeċidiet li l-JCCM jenħtieġ li jimponi mekkaniżmu ta’ rkupru fuq Telecom CLM sabiex, fil-każ ta’ żieda fid-domanda jew bidla fiċ-ċifri tan-negozju li jirriżultaw f’bidla fil-profitti mit-tħaddim tan-network li tmur lil hinn mill-profitti medji miksuba fis-settur, perċentwal tal-profitt żejjed ekwivalenti għal dak irrappreżentat mill-għajnuna riċevuta fir-rigward tal-investiment totali jenħtieġ li jiġi rritornat lill-JCCM. |
|
(42) |
Għalhekk, il-JCCM issottometta l-mekkaniżmu ta’ rkupru li ġej lis-CMT: “Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju inkluż fl-offerta li abbażi tagħha ngħata dan il-kuntratt ikkunsidra rata ta’ użu tas-servizz tal-broadband ta’ 10 % tal-popolazzjoni fil-mira. Abbażi ta’ dan, il-fatturat annwali huwa mistenni li jkun ta’ 6,3 % tal-baġit għall-għoti tal-kuntratt (EUR 15 845 301,84). Matul l-ewwel kwart ta’ kull sena kalendarja li tikkorrispondi għall-perjodu ta’ tħaddim tan-network, se tiġi rieżaminata r-rata ta’ użu tas-servizz tal-broadband offrut lill-popolazzjoni fil-mira tal-kuntratt. Bis-saħħa ta’ dan ir-rieżami, se jiġu applikati l-kriterji ta’ rkupru li ġejjin:
|
|
(43) |
Is-CMT approvat il-bidliet proposti. Telecom CLM u l-JCCM implimentaw il-miżuri ordnati mis-CMT permezz ta’ addenda għall-kuntratt iffirmat f’Settembru 2010. Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rkupru sar applikabbli fl-1 ta’ Ġunju 2012. |
2.8. L-ilmentatur
|
(44) |
L-ilmentatur, Difusión Herciana S.L., huwa kumpanija privata li tipprovdi appoġġ għas-servizzi tax-xandir u tat-televiżjoni, ibbażata f’Madrid, ġewwa Spanja. |
|
(45) |
L-ilmentatur allega li l-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli favur Telecom CLM. Huwa allega li l-proċedura tal-offerti ma kinitx tiggarantixxi li tintgħażel l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża u li l-intervent tal-JCCM ma kienx ġie vvalidat biżżejjed permezz ta’ eżerċizzju xieraq ta’ konsultazzjoni pubblika u mmappjar. Skont l-ilmentatur, il-biċċa l-kbira taż-żoni fil-mira tal-proġett fil-fatt kienu żoni “griżi” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband u mhux żoni “bojod”. Barra minn hekk, l-ilmentatur allega li l-proġett ma kienx teknoloġikament newtrali minħabba li kien ippreveda l-użu tal-infrastruttura eżistenti tad-DTT. Fl-aħħar nett, l-ilmentatur sostna li l-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa ta’ Telecom CLM fil-qafas tan-network tal-broadband bażiku stabbilit kienu antikompetittivi u kkritika li l-kuntratt iffirmat bejn JCCM u Telecom CLM f’Settembru 2010 ma kienx fih klawżola ta’ rkupru. |
2.9. Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura
|
(46) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset li l-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u li din l-għajnuna kienet ingħatat bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ sostenn stabbiliti fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li l-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM ma kienx ta vantaġġ ekonomiku lil Telecom CLM minkejja li l-kuntratt kien ingħata bħala riżultat ta’ proċedura miftuħa. |
|
(47) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM kienx kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. |
|
(48) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-JCCM ma kienx ikkonsulta pubblikament lill-partijiet ikkonċernati fir-rigward ta’ dan l-investiment pubbliku speċifiku biex jidentifika pjanijiet ta’ investiment privat eżistenti jew futuri fiż-żoni fil-mira iżda kien wettaq biss analiżi tas-suq biex jidentifika n-networks eżistenti tal-broadband billi uża data li diġà kienet disponibbli (ara l-premessa (30) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). It-tieni, il-Kummissjoni kienet imħassba li l-proċess tas-sejħa għall-offerti mwettaq mill-JCCM ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband għat-trasparenza u għall-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża (ara l-premessa (31) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). It-tielet, il-Kummissjoni kienet imħassba li l-miżura ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband dwar in-newtralità teknoloġika (ara l-premessa (32) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Ir-raba’, il-Kummissjoni kienet imħassba li l-miżura ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward l-aċċess bl-ingrossa u mekkaniżmu ta’ rkupru biex jiġi evitat kumpens żejjed (ara l-premessa (33) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, f’konformità mal-prinċipju stabbilit fil-kawża Deggendorf (19), il-fatt li Telecom CLM ma kinitx għadha ħallset lura l-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni fil-Kawża SA.27408 (20) kellu jitqies fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura (ara l-premessa (37) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(49) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM f’Settembru 2010 kien inkompatibbli mas-suq intern. |
3. KUMMENTI MIR-RENJU TA’ SPANJA
3.1. Kummenti ġenerali
|
(50) |
Fit-tweġiba tiegħu għad-deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta kummenti mill-JCCM, billi argumenta, l-ewwel nett, li ma ngħata l-ebda vantaġġ ekonomiku lil Telecom CLM u, it-tieni nett, li, jekk madankollu jitqies li ngħatat għajnuna mill-Istat, l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern, peress li kienet konformi mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja argumenta li l-allegata għajnuna trid titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont il-GBER (21). |
3.2. Nuqqas ta’ vantaġġ ekonomiku
|
(51) |
Skont ir-Renju ta’ Spanja, id-deċiżjoni tal-ftuħ ma tiddentifikax il-vantaġġ speċifiku li allegatament kisbet Telecom CLM u tispjega biss għaliex l-eżistenza ta’ vantaġġ ma setgħetx tiġi eskluża. Ir-Renju ta’ Spanja jindika l-fatt li l-infrastruttura l-ġdida ġiet akkwistata direttament u esklużivament mill-JCCM u mhux minn Telecom CLM, u li t-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku minn Telecom CLM matul il-perjodu ta’ ħames snin ma kienx profittabbli. |
|
(52) |
Ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li seta’ kien jeżisti vantaġġ biss jekk il-kumpens imħallas lil Telecom CLM għas-servizzi tagħha kien qabeż il-prezz tas-suq. Madankollu, proċedura miftuħa kienet tiggarantixxi li l-ammont ta’ fondi tal-Istat mogħti kien limitat għall-minimu meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-proġett. |
|
(53) |
Ir-Renju ta’ Spanja huwa tal-fehma li l-eżistenza ta’ vantaġġ trid tiġi vvalutata billi titqabbel is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju wara l-miżura u s-sitwazzjoni finanzjarja ipotetika tiegħu li kieku ma tkunx ittieħdet il-miżura. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li s-somom imħallsa lil Telecom CLM fl-ambitu tal-kuntratt mogħti ma kinux jaqbżu l-kostijiet tagħha għall-varar tan-network tal-broadband bażiku skont il-kuntratt u li għalhekk Telecom CLM ma bbenefikatx minn sitwazzjoni finanzjarja aħjar wara l-għoti tal-kuntratt f’Settembru 2010. |
|
(54) |
Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jirrikonoxxi li l-appoġġ finanzjarju mogħti lil Telecom CLM ippermettielu jidħol f’suq ġdid. Madankollu, jargumenta li l-faċilitazzjoni tad-dħul fis-suq ma setgħetx titqies bħala għajnuna mill-Istat jekk dak is-suq ma kienx profittabbli. (22) |
3.3. Kompatibbiltà tal-miżura skont il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband
|
(55) |
Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, billi jargumenta li l-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà tal-miżura fil-mument tal-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM. Ir-Renju ta’ Spanja jissuġġerixxi li, sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-proġett fuq il-kompetizzjoni, il-punt fiż-żmien korrett għall-analiżi jkun il-bidu tat-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku varat f’Settembru 2012, jiġifieri, wara l-implimentazzjoni mill-JCCM u Telecom CLM tal-bidliet ordnati mis-CMT. |
3.3.1. Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
|
(56) |
Fir-rigward tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-JCCM wettaq konsultazzjoni bir-reqqa mal-partijiet kollha affettwati mill-miżura, f’konformità mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. Dan jindika li l-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, għall-kuntrarju tal-Linji Gwida tal-2013 dwar il-Broadband (23), ma kinux jirrikjedu konsultazzjoni pubblika tal-partijiet ikkonċernati iżda pjuttost “konsultazzjoni bir-reqqa” tal-partijiet ikkonċernati. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-JCCM wettaq bosta konsultazzjonijiet bilaterali mal-operaturi kollha li kienu qegħdin jużaw servizzi tal-broadband fir-reġjun dak iż-żmien. L-ewwel kuntatti huma rrapportati li seħħew bejn Mejju u Ottubru 2009. L-operaturi rilevanti kienu magħrufa mill-JCCM minħabba r-rekwiżit statutorju għall-operaturi tal-broadband biex kull sena jissottomettu Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Territorjali. Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-approċċ meħud mill-JCCM ġie aċċettat mill-Kummissjoni f’każijiet oħrajn bħala konsultazzjoni bir-reqqa skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. |
|
(57) |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-ilmentatur, ir-Renju ta’ Spanja jindika li l-ilmentatur ma kienx irreġistrat bħala operatur tal-broadband mas-CMT. Ir-Renju ta’ Spanja jissuġġerixxi, b’referenza għal dikjarazzjonijiet li allegatament saru mir-rappreżentant legali tal-ilmentatur f’laqgħa mal-JCCM f’Mejju 2016, li l-ilmentatur qatt ma pprovda servizzi tal-broadband fil-passat u ma kellu l-ebda interess li jagħmel dan fil-futur. |
3.3.2. Immappjar taż-żoni fil-mira
|
(58) |
Fid-dawl tad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kategorizzazzjoni tal-JCCM tal-461 żona fil-mira bħala “bojod” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, li kienu bbażati fuq is-sejbiet tas-CMT fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2011, ir-Renju ta’ Spanja jafferma mill-ġdid li l-461 żona fil-mira kollha kienu żoni “bojod” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. Ir-Renju ta’ Spanja jispjega l-valutazzjoni diverġenti tas-CMT bil-fatt li s-CMT wettqet l-immappjar fil-livell muniċipali biss u kkategorizzat bħala żoni fil-mira “griżi” l-muniċipalitajiet b’kopertura tal-broadband ta’ 50 % tal-popolazzjoni tagħhom jew ogħla. Minflok, il-JCCM analizza ż-żoni fil-mira tal-proġett f’livell aktar granulari billi naqqas il-muniċipalitajiet tar-reġjun f’bosta distretti u billi identifika ż-żoni fil-mira “bojod” fuq din il-bażi. |
3.3.3. Proċedura tal-għażla
|
(59) |
Bi tweġiba għad-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk il-proċedura tal-offerti mwettqa mill-JCCM kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband għat-trasparenza u għall-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta li l-kriterji għall-aġġudikazzjoni “soġġettivi” (36/100) kienu arbitrarji biss minħabba li ma kinux allokati abbażi ta’ formuli matematiċi. Ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (24) fejn iqis li tali kriterji kwalitattivi għall-aġġudikazzjoni ma tqisux bħala arbitrarji u jqis li l-kriterji għall-aġġudikazzjoni “soġġettivi” li ntużaw mill-JCCM fil-proċedura tal-offerti kienu f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (25). Barra minn hekk, fid-dokumenti tal-offerta, il-JCCM speċifika l-importanza relattiva li jagħti lil kull wieħed mill-kriterji kwalitattivi. Fir-rigward tal-kritika tal-Kummissjoni dwar il-livell baxx ta’ importanza li ngħata lill-kriterju tal-prezz fil-kriterji għall-aġġudikazzjoni (10/100), ir-Renju ta’ Spanja jindika li l-allegat benefiċjarju ssottometta l-offerta bl-aktar prezz baxx ta’ dawk l-offerti li ma kinux esklużi mill-proċedura finali tal-għażla minħabba li ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tekniċi għan-network tal-broadband bażiku u jgħid li l-Kummissjoni aċċettat piż baxx għall-kriterju tal-prezz f’każijiet oħrajn (26). Ir-Renju ta’ Spanja jinnota wkoll li s-CMT ma identifikat l-ebda kwistjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2011 u jirreferi għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fejn il-livell baxx ta’ importanza lill-kriterju tal-prezz ma tqiesx bħala problematiku. (27) |
3.3.4. Newtralità teknoloġika
|
(60) |
Fir-rigward tan-newtralità teknoloġika tal-proġett offrut, ir-Renju ta’ Spanja jqis li d-disinn tal-miżura ma ffavorixxa l-ebda teknoloġija jew pjattaforma ta’ network partikolari. Dan jirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fid-dokumenti tal-offerta biex jindika li l-JCCM ma kienx jirrikjedi li l-offerenti jużaw soluzzjoni teknoloġika speċifika. Minflok, stednithom jipproponu s-soluzzjoni li huma jqisu l-aktar xierqa għal kull żona territorjali. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kuntratt offrut ippermetta kwalunkwe soluzzjoni teknoloġika sakemm dik is-soluzzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għan-network. Pereżempju, ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti u l-kombinazzjonijiet ta’ teknoloġiji offruti miż-żewġ offerenti li jikkwalifikaw fil-proċedura tal-offerti. |
|
(61) |
Ir-Renju ta’ Spanja jiġġustifika r-referenza fid-dokumenti tal-offerta għall-possibbiltà tal-użu mill-ġdid tal-infrastruttura eżistenti tad-DTT bil-ħtieġa ta’ konformità mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. Ir-Renju ta’ Spanja jindika li skont il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, l-awtoritajiet jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, jikkunsidraw l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura eżistenti. Ir-Renju ta’ Spanja jisħaq li l-għażla għall-użu mill-ġdid tal-infrastruttura eżistenti ġiet offruta lill-offerenti interessati kollha u li l-offerti kollha minbarra waħda li waslu kien fihom offerti li jibbażaw fuq din l-infrastruttura eżistenti. |
3.3.5. Klawżola ta’ aċċess bl-ingrossa u ta’ rkupru
|
(62) |
Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet tal-aċċess bl-ingrossa offruti minn Telecom CLM u n-nuqqas ta’ mekkaniżmu kuntrattwali ta’ rkupru, ir-Renju ta’ Spanja jillimita l-kummenti tiegħu biex jindika li dawn il-kwistjonijiet ġew solvuti sad-29 ta’ Lulju 2011. B’rispons għad-deċiżjoni tas-CMT tat-23 ta’ Ġunju 2011, Telecom CLM naqqset b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa tagħha għal partijiet terzi u ġiet introdotta klawżola ta’ rkupru fil-kuntratt bejn il-JCCM u Telecom CLM. |
3.3.6. GBER
|
(63) |
Ir-Renju ta’ Spanja huwa tal-fehma wkoll li l-għoti tal-kuntratt, sa fejn jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GBER u huwa kompatibbli mas-suq intern meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet stabbiliti fih. Ir-Renju ta’ Spanja jgħid li skont l-Artikolu 58, il-GBER japplika b’mod retroattiv għal għajnuna individwali illegali u li fl-1 ta’ Lulju 2014, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-GBER, il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 52 tal-GBER, applikabbli għall-miżuri tal-broadband, kienu ġew issodisfati. |
3.3.7. Il-prinċipju tal-kawża Deggendorf
|
(64) |
Ir-Renju ta’ Spanja jgħid li l-prinċipju stabbilit fil-kawża Deggendorf (28) ma jistax jiġi applikat fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna. Għalhekk, il-fatt li Telecom CLM ma kinitx ħallset lura l-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq intern bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.27408 (29) jenħtieġ li jitqies bħala irrilevanti għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura. |
4. KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI
|
(65) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ minn parti interessata waħda, l-allegat benefiċjarju tal-għajnuna, Telecom CLM. |
4.1. Kummenti ġenerali
|
(66) |
Telecom CLM tiffoka l-argumenti tagħha fil-biċċa l-kbira fuq l-istess punti bħar-Renju ta’ Spanja. L-ewwel nett, Telecom CLM targumenta li Telecom CLM ma rċeviet l-ebda vantaġġ ekonomiku. It-tieni, Telecom CLM tqis li l-miżura ma kinitx selettiva u ma affettwatx il-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, Telecom CLM tgħid li, anke jekk l-għoti tal-kuntratt kellu jitqies bħala għajnuna mill-Istat, dan ikun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE (id-Deċiżjoni tal-2005 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali) (30), skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE u l-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, kif ukoll skont il-GBER. |
4.2. Nuqqas ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE
4.2.1. Vantaġġ ekonomiku
|
(67) |
Telecom CLM targumenta li l-kuntratt mogħti lil Telecom CLM f’Awwissu 2010 u ffirmat minn Telecom CLM u mill-JCCM f’Settembru 2010 kien jikkostitwixxi att ta’ inkarigu li permezz tiegħu l-JCCM fdat lil Telecom CLM bil-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Abbażi ta’ dik is-sejba, Telecom CLM tgħid li l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ Altmark (31) kienu applikabbli għall-kumpens imħallas mill-JCCM lil Telecom CLM f’kunsiderazzjoni għall-għoti tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali miftiehem. Telecom CLM targumenta wkoll li l-erba’ kundizzjonijiet kollha (32) stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Altmark ġew issodisfati, u għalhekk l-għoti tal-kuntratt ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għal Telecom CLM u għalhekk ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
|
(68) |
Inkella, Telecom CLM tgħid li ma rċeviet l-ebda vantaġġ ekonomiku minħabba li (i) l-infrastruttura tal-broadband varata ġiet akkwistata direttament mill-JCCM, (ii) kien hemm proċedura miftuħa għall-għażla tal-benefiċjarju li twettqet f’konformità mar-regoli applikabbli, (iii) is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Telecom CLM wara l-għoti tal-kuntratt ma kinitx aħjar milli kieku kienet se tkun mingħajr l-għoti tal-kuntratt u (iv) is-suq li għalih Telecom CLM irċeviet aċċess aktar faċli ma kienx profittabbli. Fl-aħħar nett, Telecom CLM targumenta li, anke jekk kien hemm vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni naqset milli tiddentifikah. |
4.2.2. Selettività, tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
|
(69) |
Fir-rigward tar-rekwiżiti li jifdal tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, Telecom CLM tikkontesta li l-għoti tal-kuntratt kien selettiv, li għamel distorsjoni jew hedded li jfixkel il-kompetizzjoni u li affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fuq il-bażi li l-Kummissjoni naqset milli turi jew tispjega b’mod adegwat għaliex dawk il-kundizzjonijiet kienu ġew issodisfati. |
4.3. Kompatibbiltà tal-allegata għajnuna
|
(70) |
Telecom CLM hija tal-fehma li l-allegata għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern. |
4.3.1. L-Artikolu 106(2) tat-TFUE u d-Deċiżjoni tal-2005 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali
|
(71) |
Telecom CLM tgħid li anke jekk il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-għoti ta’ kuntratt lil Telecom CLM ma kienx jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet ta’ Altmark, dan kien kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE u d-Deċiżjoni tal-2005 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali. Telecom CLM targumenta li l-JCCM fdaha bil-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali billi ffirmat il-kuntratt f’Settembru 2010 u li l-kumpens imħallas ta’ EUR 15,85-il miljun lil Telecom CLM ma kienx jaqbeż il-kostijiet imġarrba minn Telecom CLM fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li ttieħdu fil-kuntratt. Skont Telecom CLM, l-għoti tal-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-2005 dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali minħabba li l-fatturat annwali medju ta’ Telecom CLM fis-sentejn ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt kien taħt il-livell limitu ta’ EUR 100 miljun u l-ammont ta’ kumpens li rċeviet Telecom CLM kien taħt il-livell limitu ta’ EUR 30 miljun stabbilit fid-Deċiżjoni tal-2005 dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. |
4.3.2. L-Artikolu 107(3), il-punt (c), it-TFUE u l-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband
|
(72) |
L-osservazzjonijiet ta’ Telecom CLM fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għoti tal-kuntratt skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), it-TFUE u l-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband fil-biċċa l-kbira tagħhom jirriproduċu l-argumenti sottomessi mir-Renju ta’ Spanja fit-tweġiba tiegħu għad-deċiżjoni ta’ ftuħ. |
|
(73) |
Il-kummenti ta’ Telecom CLM dwar l-immappjar tal-JCCM taż-żoni fil-mira u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati huma sostanzjalment identiċi għas-sottomissjonijiet tar-Renju ta’ Spanja miġbura fil-qosor fit-taqsimiet 3.3.1 u 3.3.2 hawn fuq. |
|
(74) |
Fir-rigward tal-proċedura miftuħa mwettqa mill-JCCM, Telecom CLM tissottometti li l-użu ta’ kriterji għall-aġġudikazzjoni kwalitattivi mill-JCCM kien f’konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u mad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33) b’mod partikolari kif ukoll mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. Telecom CLM tgħid li l-Kummissjoni tinterpreta ħażin il-kunċett tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża billi tivvalutaha bit-tifsira tal-orħos prezz. L-argumenti ulterjuri kollha f’dan ir-rigward huma sostanzjalment identiċi għas-sottomissjoni tar-Renju ta’ Spanja miġbura fil-qosor fit-taqsima 3.3.3 hawn fuq. |
|
(75) |
L-osservazzjonijiet ta’ Telecom CLM dwar in-newtralità teknoloġika tal-offerta, l-obbligu ta’ aċċess bl-ingrossa u l-klawżola ta’ rkupru huma wkoll sostanzjalment identiċi għas-sottomissjonijiet tar-Renju ta’ Spanja kif miġbura fil-qosor fit-taqsimiet 3.3.4 u 3.3.5 hawn fuq. |
4.3.3. GBER
|
(76) |
Telecom CLM tissottometti wkoll li l-miżura kienet soġġetta għall-applikazzjoni retroattiva tal-GBER u li r-rekwiżiti kollha tal-GBER ġew issodisfati fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-GBER fl-1 ta’ Lulju 2014. Telecom CLM hija tal-fehma li l-applikazzjoni tal-GBER għal Telecom CLM ma ġietx eskluża minħabba l-irkupru pendenti tal-għajnuna illegali mogħtija lilha fil-Kawża SA.27408 (34). Telecom CLM tgħid f’dan ir-rigward li l-Artikolu 1(4), il-punt (a), tal-GBER japplika biss għal skemi ta’ għajnuna filwaqt li l-miżura kienet miżura individwali. Barra minn hekk, fl-1 ta’ Lulju 2014, iż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-GBER u għalhekk fiż-żmien tal-applikazzjoni tiegħu għall-miżura, ma kinitx għadha teżistix ordni ta’ rkupru dwar l-għajnuna illegali mill-Istat fil-Kawża SA.27408 minħabba li d-deċiżjoni finali b’ordni ta’ rkupru fil-Kawża SA.27408 ġiet adottata biss fl-1 ta’ Ottubru 2014. |
4.3.4. Il-prinċipju tal-ġurisprudenza ta’ Deggendorf
|
(77) |
Telecom CLM tgħid li l-għajnuna li rċeviet fil-Kawża SA.27408 u n-nuqqas ta’ ħlas lura tagħha ma kellhom l-ebda rilevanza għall-kompatibbiltà tal-miżura. Telecom CLM hija tal-fehma wkoll li kwalunkwe ħlas lura tal-għajnuna illegali riċevuta fil-Kawża SA.27408 ma kienx għadu meħtieġ minħabba li Telecom CLM kienet ittrasferiet it-tagħmir tax-xandir kollu tad-DTT li kien proprjetà tagħha lill-JCCM sa Mejju 2013. |
5. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA
5.1. Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE
|
(78) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. |
|
(79) |
Minn dan jirriżulta li sabiex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-benefiċjarju tal-miżura jrid ikun “impriża”, (ii) il-miżura trid tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u tkun imputabbli lill-Istat, (iii) il-miżura trid tagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriża, (iv) il-vantaġġ ekonomiku jrid ikun selettiv, (v) u l-miżura għandha effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. |
5.1.1. Impriża
|
(80) |
L-impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma entitajiet involuti f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom u mill-mod kif jiġu ffinanzjati (35). |
|
(81) |
Il-benefiċjarju dirett tal-miżura huwa Telecom CLM. |
|
(82) |
Fis-17 ta’ Awwissu 2010, Telecom CLM ingħatat kuntratt għall-istabbiliment u t-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku f’distretti rurali mhux moqdija ta’ muniċipalitajiet tar-reġjun ta’ Castilla-La Mancha għal EUR 15,85-il miljun. Telecom CLM kellha tiżviluppa u tistabbilixxi l-infrastruttura ta’ network tal-broadband bażiku għall-JCCM u għall-ewwel ingħatat id-dritt li tħaddem dan in-network għal ħames snin. Dan id-dritt li jitħaddem in-network ġie estiż darbtejn b’sena sa Settembru 2019. |
|
(83) |
Telecom CLM għamlet użu dirett mill-infrastruttura biex tipprovdi servizzi bl-ingrossa lil dawk li jfittxu aċċess u servizzi tal-broadband bl-imnut, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, lill-utenti finali fiż-żoni fil-mira. Dan jikkostitwixxi attività ekonomika. Għalhekk, Telecom CLM titqies bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
5.1.2. Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat
|
(84) |
Ir-riżorsi tal-Istat jinkludu r-riżorsi kollha tas-settur pubbliku, (36) inkluż ir-riżorsi ta’ entitajiet intra-Statali (deċentralizzati, federali, reġjonali jew oħrajn) (37) u, f’ċerti ċirkostanzi, ir-riżorsi ta’ korpi privati. F’każijiet meta awtorità pubblika tagħti vantaġġ lil benefiċjarju, il-miżura hija imputabbli lill-Istat, anke jekk l-awtorità inkwistjoni jkollha awtonomija legali minn awtoritajiet pubbliċi oħrajn. |
|
(85) |
F’dan il-każ, il-miżura ġiet iffinanzjata f’partijiet ugwali mill-gvern nazzjonali Spanjol u mill-JCCM, entità intra-Statali u awtorità pubblika fil-livell reġjonali u ngħatat permezz ta’ sejħa għall-offerti organizzata mill-JCCM. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat u kienet imputabbli lir-Renju ta’ Spanja. |
5.1.3. Vantaġġ ekonomiku
|
(86) |
Vantaġġ, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku, li impriża ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (38). |
5.1.3.1. L-ebda inkarigu ta’ Telecom CLM fil-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali
|
(87) |
Skont il-ġurisprudenza ta’ Altmark (39), il-finanzjament mill-Istat għall-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE ma jikkostitwixxix vantaġġ għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, dment li jiġu ssodisfati erba’ kundizzjonijiet ewlenin (40). |
|
(88) |
L-erba’ kundizzjonijiet ta’ Altmark huma:
|
|
(89) |
L-ewwel kundizzjoni tirrikjedi li l-benefiċjarju ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament mill-Istat għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jeħtiġlu jkun fdat formalment bil-forniment u bit-twettiq ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li l-obbligi tiegħu jridu jiġu ddefiniti b’mod ċar. |
|
(90) |
Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja ma jqisx li ngħata servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara t-taqsima 3.2 hawn fuq). Telecom CLM targumenta li l-kuntratt mogħti lilha kien jikkostitwixxi att ta’ inkarigu li permezz tiegħu l-JCCM fdat lil Telecom CLM bil-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara l-premessa (67) hawn fuq). |
|
(91) |
L-eżistenza ta’ att ta’ inkarigu skont l-ewwel kundizzjoni ta’ Altmark imsemmija hawn fuq tirrikjedi li kompitu ta’ servizz pubbliku jiġi assenjat permezz ta’ att, li jista’ jieħu l-forma ta’ kuntratt. Madankollu, dan l-att irid mill-inqas jispeċifika, fost affarijiet oħrajn, il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll, u r-rieżami tal-kumpens u l-arranġamenti biex jiġi evitat u rkuprat kwalunkwe kumpens żejjed (41). |
|
(92) |
Il-kuntratt bejn il-JCCM u Telecom CLM ma kienx fih klawżola ta’ rkupru u għalhekk ma kien fih l-ebda arranġament biex jiġi evitat u rkuprat kwalunkwe kumpens żejjed. Mekkaniżmu ta’ rkupru ġie inkorporat fil-kuntratt biss f’Lulju 2011 b’rispons għall-intervent tas-CMT, jiġifieri, kważi sena wara l-għoti u l-iffirmar tal-kuntratt f’Awwissu u f’Settembru 2010, rispettivament. |
|
(93) |
Barra minn hekk, il-kuntratt mogħti lil Telecom CLM la jirreferi għall-assenjazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jew ta’ obbligi oħrajn ta’ servizz pubbliku lil Telecom CLM u lanqas ma stabbilixxa l-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u r-rieżami tal-kumpens li għandu jitħallas lil Telecom CLM għall-operat ta’ servizz ta’ interess ekonomiku. Dan jindika wkoll li l-JCCM ma kellux l-intenzjoni li jassenja servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jew obbligi oħrajn ta’ servizz pubbliku lil Telecom CLM meta ta l-kuntratt. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-JCCM fda lil Telecom CLM bil-qadi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku meta ta u ffirma l-kuntratt offrut. |
|
(94) |
Minħabba n-natura kumulattiva tal-erba’ kriterji ta’ Altmark, jekk kwalunkwe wieħed minn dawn il-kriterji ma jiġix issodisfat, il-kumpens jitqies li jikkostitwixxi vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Peress li mill-inqas wieħed mill-erba’ kriterji ta’ Altmark ma huwiex issodisfat f’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-argument li l-JCCM assenja l-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku lil Telecom CLM permezz tal-kuntratt mogħti jrid għalhekk jiġi miċħud. |
5.1.3.2. L-għoti tal-kuntratt bħala vantaġġ ekonomiku
|
(95) |
Il-JCCM ta lil Telecom CLM kuntratt għall-istabbiliment ta’ network tal-broadband bażiku li għandu jinkiseb direttament mill-JCCM u għat-tħaddim tiegħu għar-riskju ekonomiku proprju ta’ Telecom CLM għal ħames snin bil-possibbiltà li dak il-perjodu jiġi estiż b’sentejn oħra. Telecom CLM ingħatat EUR 15,85-il miljun, imħallsa f’ħames pagamenti bejn l-20 ta’ April 2012 u s-26 ta’ Novembru 2012, wara t-tlestija tal-istabbiliment tal-infrastruttura bażika tal-broadband. |
|
(96) |
Għalhekk, minbarra l-ammont mogħti għall-varar tan-network tal-broadband bażiku, li nkiseb mill-JCCM, Telecom CLM kisbet id-dritt li tħaddem in-network għal mill-inqas ħames snin u għalhekk kellha d-dritt li tgawdi l-benefiċċji ekonomiċi mill-isfruttament ta’ dak in-network kemm għall-forniment ta’ servizzi bl-ingrossa kif ukoll ta’ servizzi bl-imnut. |
|
(97) |
Il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-fatturi maħruġa minn Telecom CLM lill-JCCM fil-proċess tal-varar tan-network tal-broadband bażiku, fid-dawl tal-istudji dwar il-kostijiet għall-varar ta’ network tal-broadband bażiku fiż-żoni fil-mira li kienu twettqu mill-JCCM (ara l-premessa (13) hawn fuq), u fid-dawl tas-sottomissjonijiet mir-Renju ta’ Spanja u minn Telecom CLM, il-prezz ta’ EUR 15,85-il miljun li għalihom ingħata l-kuntratt fil-prinċipju kopra l-kostijiet għall-istabbiliment tan-network tal-broadband bażiku. Madankollu, Telecom CLM mhux biss varat in-network, iżda setgħet tgawdi wkoll mill-benefiċċji ekonomiċi tan-network tal-broadband bażiku, jiġifieri, il-forniment kummerċjali ta’ servizzi ta’ aċċess bl-ingrossa lill-operaturi tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll servizzi bażiċi bl-imnut tal-broadband lill-utenti finali, inklużi s-servizzi ta’ telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, għal mill-inqas ħames snin. |
|
(98) |
L-operaturi li jużaw l-infrastruttura megħjuna biex jipprovdu servizzi lil utenti finali jirċievu vantaġġ jekk l-użu tal-infrastruttura jagħtihom vantaġġ ekonomiku li altrimenti ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq. (42) Fil-każ tal-infrastruttura tal-broadband, hemm vantaġġ għall-operaturi li jagħmlu użu mill-infrastruttura ffinanzjata pubblikament biex jipprovdu servizzi lill-utenti finali jekk dak li jħallsu għad-dritt li jisfruttaw l-infrastruttura jkun inqas minn dak li altrimenti kienu jħallsu għal infrastruttura komparabbli f’kundizzjonijiet normali tas-suq (43). |
|
(99) |
Permezz tal-għoti tal-kuntratt, Telecom CLM varat in-network għad-detriment tal-JCCM u akkwistat id-dritt li tħaddem u tisfrutta n-network tal-broadband bażiku tal-JCCM għal mill-inqas ħames snin mingħajr remunerazzjoni. F’kundizzjonijiet normali tas-suq, l-operaturi/is-sidien tal-infrastruttura tal-broadband jiksbu dħul billi jagħmlu n-network tagħhom disponibbli għal operaturi oħrajn jew billi jipprovdu servizzi bl-imnut lill-utenti finali. Barra minn hekk, dawk li jfittxu aċċess iħallsu prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa għad-dritt li jużaw l-infrastruttura tal-broadband lill-operaturi/lis-sidien ta’ dak in-network. Għalhekk, il-JCCM seta’ jikseb dħul billi jagħmel disponibbli n-network varat għal dawk li jfittxu aċċess u jipprovdi servizzi lill-utenti finali. Dan kien il-każ ukoll għal Telecom CLM, li biegħet servizzi bl-imnut tal-broadband lill-utenti finali, inklużi s-servizzi ta’ telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, u s-servizzi bl-ingrossa lil partijiet terzi għall-benefiċċju ekonomiku tagħha stess. |
|
(100) |
Ir-Renju ta’ Spanja u ta’ Telecom CLM jargumentaw li Telecom CLM ma rċevietx vantaġġ ekonomiku skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li l-JCCM akkwista direttament l-infrastruttura li trid tiġi żviluppata minn Telecom CLM, il-proċedura miftuħa kienet tiggarantixxi li l-ammont ta’ fondi mogħtija lil Telecom CLM kien limitat għall-minimu meħtieġ, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Telecom CLM ma kinitx aħjar wara l-għoti tal-kuntratt minn qabel u n-network tal-broadband bażiku operat minn Telecom CLM ma kienx profittabbli (ara l-premessi (51)-(54) u (68) hawn fuq). |
|
(101) |
Kif deskritt hawn fuq (ara l-premessi (95)-(99)), filwaqt li n-network bażiku ġdid tal-broadband li ġie varat nkiseb direttament mill-JCCM u mhux minn Telecom CLM, Telecom CLM ingħatat id-dritt esklużiv ta’ tħaddim għal ħames snin, li hija r-raġuni għaliex Telecom CLM irċeviet vantaġġ ekonomiku minħabba l-kuntratt mogħti. |
|
(102) |
Fir-rigward tal-argument li n-network tal-broadband bażiku mħaddem minn Telecom CLM matul il-perjodu ta’ ħames snin u sentejn ma kienx profittabbli, ir-Renju ta’ Spanja u Telecom CLM ma ssostanzjawx dik l-affermazzjoni b’evidenza ta’ sostenn. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għal Telecom CLM meta ngħata l-kuntratt. L-element deċiżiv huwa jekk il-korpi pubbliċi aġixxewx kif kien jagħmel operatur f’ekonomija tas-suq f’sitwazzjoni simili. Madankollu, operatur f’ekonomija tas-suq f’sitwazzjoni simili bħall-JCCM ma kienx jagħti lill-operatur tan-network tal-broadband bażiku li għad irid jiġi stabbilit id-dritt li jisfrutta dik l-infrastruttura għal 5 snin u sentejn oħrajn għall-benefiċċju ekonomiku tiegħu stess mingħajr remunerazzjoni fil-livell tal-prezz tas-suq. Operatur f’ekonomija tas-suq f’sitwazzjoni simili bħall-JCCM kien ifittex li jimmassimizza l-benefiċċju ekonomiku tiegħu stess. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jipprovdi xi evidenza li operatur tas-suq kien jagħti d-dritt li jisfrutta l-infrastruttura tal-broadband mingħajr ebda remunerazzjoni. Minflok, id-dokumentazzjoni disponibbli turi li skont il-kuntratt mogħti, Telecom CLM tista’ tħaddem l-infrastruttura u tipprovdi s-servizzi tagħha, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, bi ħlas lil dawk li jfittxu aċċess bl-ingrossa u lill-utenti finali għar-riskju ekonomiku tagħha stess u għall-benefiċċju ekonomiku tagħha stess, mingħajr ma tqis il-JCCM, is-sid, fil-livell tal-prezz tas-suq. |
|
(103) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li proċedura tal-offerti kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u mhux kundizzjonali tista’ telimina l-għajnuna b’ċerti kundizzjonijiet fil-każ ta’ konċessjoni biex titħaddem l-infrastruttura, fost l-oħrajn jekk id-dritt jiġi assenjat għal prezz pożittiv. Madankollu, is-sejħa għall-offerti ma tiċħadx l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għal Telecom CLM, peress li ma kien hemm l-ebda prezz pożittiv f’dik is-sejħa għall-offerti għat-tħaddim tal-infrastruttura li għandha titħallas mill-benefiċjarju lis-sid tal-infrastruttura. Il-kuntratt mogħti ppermetta lil Telecom CLM twettaq attività kummerċjali, jiġifieri t-tħaddim u l-isfruttament tal-infrastruttura għall-benefiċċju ekonomiku tagħha stess għal ħames snin u sentejn oħrajn, b’kundizzjonijiet li altrimenti ma humiex disponibbli fis-suq. |
|
(104) |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju wara l-miżura u s-sitwazzjoni finanzjarja ipotetika tiegħu li kieku ma tteħditx il-miżura, il-Kummissjoni tqis li l-kunsiderazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali ma tibdilx ir-riżultat tal-analiżi tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għal Telecom CLM. Ir-Renju ta’ Spanja u ta’ Telecom CLM isostnu li l-kumpens imħallas lil Telecom CLM ma qabiżx il-kostijiet tagħha u li għalhekk Telecom CLM ma bbenefikatx minn sitwazzjoni finanzjarja aħjar wara l-għoti tal-kuntratt f’Settembru 2010. Madankollu, din il-fehma ma tqisx li Telecom CLM ingħatat ukoll id-dritt tat-tħaddim u tal-isfruttament tal-infrastruttura bażika tal-broadband għall-benefiċċju ekonomiku tagħha stess għal ħames snin u sentejn oħrajn u mingħajr ma ħallset remunerazzjoni lill-JCCM, lis-sid, fil-livell tal-prezz tas-suq. |
|
(105) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li permezz tal-għoti tal-kuntratt, il-JCCM ta vantaġġ lil Telecom CLM, li ma kienx ikun disponibbli f’kundizzjonijiet normali tas-suq. |
5.1.4. Selettività
|
(106) |
Sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, miżura tal-Istat trid tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”. Il-miżura tiffavorixxi lil Telecom CLM bħala l-unika benefiċjarju. |
|
(107) |
Il-miżura għandha fil-mira tagħha impriża unika attiva fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħrajn kollha attivi f’dan is-settur. Barra minn hekk, il-miżura hija llimitata għall-użu mill-operaturi tan-network tal-broadband bażiku u ma tikkonċernax it-tħaddim ta’ infrastruttura ġenerali, li tkun miftuħa għal kwalunkwe persuna fuq bażi mhux diskriminatorja. |
|
(108) |
Minħabba li dan il-każ jikkonċerna miżura ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku (ara l-premessi (95)-(105) hawn fuq) hija biżżejjed biex tappoġġa l-preżunzjoni li l-miżura hija selettiva (44). Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li impriżi oħrajn fl-istess settur jew f’setturi oħrajn f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli jibbenefikaw mill-istess vantaġġ. |
|
(109) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura kienet selettiva. |
5.1.5. Effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni
|
(110) |
L-appoġġ pubbliku lill-impriżi jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat biss skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jekk “twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni” u biss sa fejn “tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Skont il-każistika tal-Qrati tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” huwa marbut mal-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u t-tnejn li huma spiss ikunu marbuta b’mod intrinsiku. B’mod partikolari, il-Qorti ddikjarat li “b’mod partikolari, meta l-għajnuna finanzjarja mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati mill-għajnuna” ” (45). |
|
(111) |
Is-settur tal-broadband fi Spanja għandu aċċess għal finanzjament privat sinifikanti għall-iżvilupp u għat-tħaddim ta’ networks tal-broadband bażiċi madwar il-pajjiż kollu. Għalhekk, effett fuq il-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni ma humiex esklużi. |
|
(112) |
L-iżvilupp u t-tħaddim tal-infrastruttura għan-networks tal-broadband bażiċi jikkostitwixxu servizz f’settur liberalizzat fejn normalment ikun hemm, jew jista’ jkun hemm, kompetizzjoni. Telecom CLM hija attiva f’dan is-settur u ngħatat vantaġġ finanzjarju mill-JCCM, li jista’ jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn attivi f’dan is-settur. |
|
(113) |
L-intervent tal-JCCM fl-iżvilupp u fit-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku f’461 distrett rurali u mhux moqdi ta’ muniċipalitajiet fir-reġjun biddel il-kundizzjonijiet eżistenti tas-suq. Minħabba l-miżura, il-persuni fiżiċi u l-impriżi stabbiliti f’dawn iż-żoni jistgħu jagħżlu li jabbonaw għas-servizzi bażiċi tal-broadband ipprovduti minn Telecom CLM, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, minflok soluzzjonijiet alternattivi oħrajn, possibbilment aktar għaljin ibbażati fuq is-suq, bħal konnessjonijiet satellitari. |
|
(114) |
L-impriżi attivi fl-iżvilupp u fit-tħaddim tal-infrastruttura għal networks tal-broadband bażiċi u l-forniment ta’ servizzi tal-broadband bl-imnut jistgħu jikkompetu fil-kummerċ intra-Unjoni peress li ħafna minnhom huma attivi f’aktar minn Stat Membru wieħed. Is-swieq għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (inklużi s-swieq tal-broadband bl-ingrossa u bl-imnut) huma miftuħa għall-kompetizzjoni bejn l-operaturi u l-fornituri ta’ servizzi. Għalhekk, impriżi oħrajn attivi f’dawn is-swieq u f’aktar minn Stat Membru wieħed jistgħu jitqiesu affettwati mill-vantaġġ finanzjarju għal Telecom CLM. |
|
(115) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ikkonkludiet li l-miżura setgħet tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
5.1.6. Konklużjoni
|
(116) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
5.2. Legalità tal-għajnuna
|
(117) |
Ir-Renju ta’ Spanja ma nnotifikax il-miżura lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE (ara l-premessa (30) hawn fuq). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna kienet illegali. |
5.3. Kompatibbiltà tal-għajnuna
|
(118) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE u abbażi tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband u mhux skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE jew il-GBER (46). |
|
(119) |
L-Artikolu 106(2) tat-TFUE jipprovdi l-bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dan jiddikjara li l-impriżi fdati bl-operat tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom il-karattru ta’ monopolju li jipproduċi d-dħul huma soġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li Telecom CLM ma ġietx fdata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali meta l-JCCM taha l-kuntratt f’Awwissu 2010. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet li ma ġie fdat l-ebda obbligu ieħor ta’ servizz pubbliku lil Telecom CLM meta ngħatat il-kuntratt u l-kuntratt la kien jinkludi mekkaniżmu ta’ kumpens u lanqas il-parametri għall-kalkolu, għall-monitoraġġ u għar-rieżami tal-kumpens (ara l-premessi (87)-(94) hawn fuq). |
|
(120) |
Skont l-Artikolu 58(1) tal-GBER (47), il-GBER japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-GBER, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9. Skont l-Artikolu 52(1) tal-GBER fis-seħħ dak iż-żmien, l-għajnuna għall-investiment għall-iżvilupp tan-network tal-broadband għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-GBER u fil-Kapitolu I tal-GBER. Skont l-Artikolu 52(2) tal-GBER, huma eliġibbli biss il-kostijiet ta’ investiment. Madankollu, Telecom CLM ma saritx is-sid tan-network tal-broadband bażiku varat (ara l-premessa (10) hawn fuq), u għalhekk il-Kummissjoni tqis li Telecom CLM ma kellha l-ebda kost ta’ investiment. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) tal-GBER jirrikjedi li tkun twettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa biex jiġi vverifikat li ż-żoni fil-mira kienu tabilħaqq żoni “bojod” għall-broadband bażiku. Peress li l-JCCM kien wettaq biss konsultazzjonijiet bilaterali mal-operaturi kollha tal-broadband li kienu magħrufa li huma attivi fir-reġjun (ara l-premessa (12) hawn fuq), dan ir-rekwiżit tal-GBER ma ġiex issodisfat lanqas. Għalhekk, il-miżura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GBER. |
|
(121) |
Skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE, “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (48) huma l-istandard għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għat-tnedija ta’ networks tal-broadband bażiċi mogħtija bejn l-1 ta’ Ottubru 2009 u s-26 ta’ Jannar 2013. |
|
(122) |
Sabiex jiġu ddikjarati kompatibbli, iridu jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, l-għajnuna trid tkun maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, u t-tieni, l-għajnuna ma tridx taffettwa b’mod avvers il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni (49). |
|
(123) |
Skont l-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni teżamina:
|
|
(124) |
Skont it-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-effetti pożittivi tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-attivitajiet li beħsieħha tappoġġa u l-effetti negattivi li l-miżura jista’ jkollha fuq is-suq intern, f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u effetti negattivi fuq il-kummerċ ikkawżati mill-miżura. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvaluta:
|
|
(125) |
Bħala pass finali, il-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti negattivi identifikati tal-għajnuna fuq is-suq intern mal-effetti pożittivi tal-għajnuna fuq l-attivitajiet ekonomiċi appoġġati. |
L-ewwel kundizzjoni
5.3.1. Faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ attività ekonomika
|
(126) |
Il-miżura appoġġat l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-varar, it-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku u l-forniment ta’ servizzi tal-broadband bl-imnut f’distretti ta’ muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha fejn il-broadband ma kienx disponibbli u fejn it-tnedija ta’ network tal-broadband la kienet mistennija u lanqas ippjanata (ara l-premessa (12) hawn fuq). Il-miżura kienet maħsuba b’ mod espliċitu li l-benefiċjarju jipprovdi wkoll servizzi tal-broadband lill-utenti finali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut (ara l-premessa (10) hawn fuq) u jiżgura d-disponibbiltà għall-utenti finali f’tali żoni ta’ servizzi tal-broadband b’veloċitajiet ta’ mill-inqas 2 Mbps download u 512-il Kbps upload (ara l-premessa (17) hawn fuq). Il-benefiċjarju kien meħtieġ ukoll li joffri telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP u li jipprovdi punt ta’ interkonnessjoni tan-network li fih l-operaturi terzi jingħataw aċċess bl-ingrossa għan-network (ara l-premessa (18) hawn fuq). Għalhekk, il-miżura indirizzat sitwazzjoni tas-suq li impediet lill-konsumaturi u lin-negozji fiż-żoni fil-mira milli jkollhom aċċess għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, u b’hekk żiedet il-kompetittività ekonomika taż-żoni fil-mira. |
|
(127) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li billi tappoġġa d-disponibbiltà ta’ network u servizzi bażiċi tal-broadband f’dawn iż-żoni fil-mira u billi timponi l-obbligu fuq il-benefiċjarju li jiżgura (i) il-forniment ta’ servizzi tal-broadband lill-utenti finali b’veloċitajiet ta’ mill-inqas 2 Mbps bħala download u 512-il Kbps bħal upload, inkluż it-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, (ii) l-aċċess bl-ingrossa għan-network tal-broadband bażiku permezz ta’ punt ta’ interkonnessjoni tan-network, il-miżura kkontribwiet għall-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet ekonomiċi. |
5.3.2. Effett ta’ inċentiv
|
(128) |
Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-forniment ta’ network tal-broadband bażiku inkluż il-forniment ta’ servizzi tal-broadband bl-imnut inkluż it-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP lill-utenti finali għal ħames snin u sentejn oħrajn kienx isir fl-istess perjodu ta’ żmien mingħajr l-ebda għajnuna mill-Istat (50). |
|
(129) |
L-analiżi tas-suq u l-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati affettwati kollha mwettqa mill-JCCM qabel it-tnedija tal-proċedura tal-offerti wrew li ma kien hemm l-ebda infrastruttura tal-broadband eżistenti fiż-żoni fil-mira u li ma kien ippjanat l-ebda investiment fl-iżvilupp tal-broadband f’dawn iż-żoni fit-tliet sa erba’ snin wara l-konsultazzjonijiet (ara l-premessa (12) hawn fuq). Dan kien jiżgura li l-miżura kopriet biss distretti ta’ muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha li ma kinux koperti bil-broadband fiż-żmien tal-bidu tat-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku appoġġat f’Settembru 2012. Għalhekk, fin-nuqqas tal-miżura, l-ebda servizz tal-broadband bl-imnut inkluż it-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP ma kien ikun disponibbli għall-utenti finali fiż-żoni fil-mira. |
|
(130) |
Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-benefiċjarju jsostnu li t-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku fiż-żoni fil-mira ma kienx profittabbli (ara l-premessi (51) u (68) hawn fuq). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li t-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku inkluż il-forniment ta’ servizzi tal-broadband lill-utenti finali fiż-żoni fil-mira, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, ma kienx isir fl-istess perjodu ta’ żmien mingħajr l-għajnuna, u li għalhekk l-għajnuna pproduċiet bidla fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-operaturi tal-offerti, inkluż Telecom CLM. |
|
(131) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kellha effett ta’ inċentiv. |
5.3.3. Konformità ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni
|
(132) |
Jekk miżura ta’ għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet marbuta magħha jew l-attività li tiffinanzja tkun tinvolvi ksur ta’ dispożizzjoni jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern. |
|
(133) |
Il-Kummissjoni ma hija konxja dwar l-ebda ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni li jipprevjeni li l-miżura tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern. |
It-tieni kundizzjoni
5.3.4. Effetti pożittivi tal-għajnuna
|
(134) |
L-461 żona fil-mira tal-miżura kienu jikkostitwixxu distretti rurali ta’ muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha b’popolazzjoni medja ta’ 35 abitant biss. Il-JCCM ta għajnuna lil Telecom CLM biss għall-varar u għat-tħaddim, li kienu marbuta b’mod inseparabbli minħabba l-fatt li l-kuntratt offrut kopra t-tnejn li huma, mingħajr l-ebda għażla ta’ diviżjoni, ta’ network tal-broadband bażiku f’dawn iż-żoni, fejn l-utenti finali għad ma kellhomx aċċess għas-servizzi tal-broadband bl-imnut, u fejn it-tnedija ta’ network tal-broadband la kienet mistennija u lanqas ippjanata sal-mument li beda jħaddem in-network tal-broadband bażiku appoġġat f’Settembru 2012 (ara l-premessa (12) hawn fuq). F’dawn iż-żoni, il-miżura żgurat li l-utenti finali kellhom aċċess għal servizzi bażiċi tal-broadband b’veloċità ta’ mill-inqas 2 Mbps bħala download u 512-il Kbps bħala upload, inkluż għat-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, mill-bidu tat-tħaddim tan-network f’Settembru 2012 (ara l-premessa (17) hawn fuq). Telecom CLM tejbet il-prestazzjoni tan-network darbtejn, l-ewwel għal mill-inqas 5 Mbps bħala download fit-28 ta’ April 2014 u mbagħad għal mill-inqas 10 Mbps bħala download fl-4 ta’ Mejju 2018 (ara l-premessa (29) hawn fuq). |
|
(135) |
Fl-2020, l-aċċess mifrux u affordabbli għan-networks u għas-servizzi tal-broadband diġà kien ta’ importanza ewlenija għall-kontribut tat-teknoloġija tal-broadband għat-tkabbir u għall-innovazzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija u għall-koeżjoni soċjali u territorjali. |
|
(136) |
Dak iż-żmien, il-Kummissjoni konsistentement għamlet distinzjoni bejn żoni fejn ma teżisti l-ebda infrastruttura tal-broadband jew fejn huwa improbabbli li tiġi żviluppata dalwaqt (żoni bojod), żoni fejn hemm biss operatur wieħed ta’ network tal-broadband (żoni griżi) u żoni fejn hemm mill-inqas żewġ fornituri jew aktar ta’ networks tal-broadband (żoni suwed) (51). Bħala kwistjoni ta’ politika, il-Kummissjoni dejjem qieset l-appoġġ għall-varar tan-network tal-broadband f’żoni “bojod” rurali u mhux moqdija biżżejjed bħala konformi mal-politiki eżistenti tal-Unjoni, peress li tippromwovi l-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika u tindirizza l-fallimenti tas-suq (52). |
|
(137) |
Billi jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-forniment ta’ servizzi tal-broadband f’żoni fejn il-broadband ma kienx disponibbli u fejn ma kien hemm l-ebda pjan minn investituri privati biex jintroduċu tali infrastruttura fil-futur qrib, li ġeneralment kien mifhum bħala li jirreferi għal perjodu ta’ 3 snin, (53) l-Istati Membri jsegwu objettivi ġenwini ta’ koeżjoni u żvilupp ekonomiku. Għalhekk, l-intervent tar-Renju ta’ Spanja kien konformi mal-interess komuni. |
|
(138) |
Barra minn hekk, fl-istrateġija tagħha Ewropa 2020 (54), f’Marzu 2010 il-Kummissjoni ppreżentat l-Inizjattiva Ewlenija tagħha “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, li kellha l-għan li “jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn Suq Diġitali Uniku msejjes fuq internet b’veloċità għolja u għolja ħafna u b’applikazzjoni interoperabbli, b’aċċess ’broadband’ għal kulħadd sal-2013, aċċess lil kulħadd għal internet b’veloċità aktar għolja (30Mbps jew aktar) sal-2020, u 50 % jew aktar tal-entitajiet domestiċi Ewropej b’abbonamenti għal konnessjonijiet tal-internet ta’ aktar minn 100 Mbps”. (55) (enfasi miżjuda). Dan l-għan issaħħaħ mill-impenn tal-Kummissjoni “tippromwovi aċċess u l-użu tal-internet miċ-ċittadini kollha tal-Ewropa, speċjalment permezz ta’ azzjonijiet għas-sostenn tal-kapaċitajiet u l-aċċessibbiltà diġitali” (56). |
|
(139) |
Għalhekk, l-għajnuna mogħtija mill-JCCM ippromwoviet u segwiet koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika. Barra minn hekk, ikkontribwiet għall-ilħuq tal-objettiv tal-Aġenda Diġitali li sal-2013 tipprovdi aċċess għall-broadband għal kulħadd. |
|
(140) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna kellha effetti pożittivi fiż-żoni fil-mira. |
5.3.5. Neċessità tal-għajnuna: nuqqas ta’ konsenja fis-suq minħabba falliment tas-suq
|
(141) |
L-għajnuna mill-Istat tista’ titqies bħala meħtieġa meta tintroduċi titjib materjali li s-suq waħdu ma jistax jikseb. Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet, jikkoreġu fallimenti tas-suq u b’hekk itejbu l-funzjonament effiċjenti tas-swieq u jsaħħu l-kompetittività. |
|
(142) |
Falliment tas-suq jeżisti jekk is-swieq, li jitħallew waħedhom, mingħajr intervent pubbliku, jonqsu milli jagħtu eżitu effiċjenti għas-soċjetà. Dan jista’ jirriżulta, pereżempju, meta ċerti investimenti ma jkunux qegħdin isiru minkejja li l-benefiċċju ekonomiku għas-soċjetà jaqbeż il-kost tagħhom. |
|
(143) |
Iż-żoni fil-mira tal-miżura kienu distretti ta’ muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Kastilja-La Mancha fejn l-utenti finali ma kellhomx aċċess għal servizzi bażiċi tal-broadband u fejn it-tnedija ta’ network tal-broadband la kienet mistennija u lanqas ippjanata saż-żmien meta beda jaħdem in-network tal-broadband bażiku appoġġat f’Settembru 2012 (ara l-premessa (12) hawn fuq). |
|
(144) |
F’dan ir-rigward, il-JCCM żgura d-disponibbiltà tan-network tal-broadband bażiku u tas-servizzi tal-broadband bl-imnut fiż-żoni fil-mira, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, li ma kinux jiġu pprovduti mingħajr appoġġ taħt il-miżura. Id-dħul li jista’ jinkiseb mill-isfruttament tan-network u d-dispożizzjonijiet tas-servizzi bl-imnut, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, kien ħafna aktar limitat fiż-żoni fil-mira tal-miżura milli f’postijiet oħrajn fi Spanja minħabba l-għadd żgħir ħafna tal-popolazzjoni fiż-żoni fil-mira tal-miżura ta’ 35 abitant biss bħala medja u 16 000 abitant b’kollox. Peress li l-baġit massimu disponibbli għall-proġett kien ta’ EUR 16-il miljun, l-461 żona fil-mira kienu maqsuma fi 311-il żona ta’ kopertura obbligatorja u 150 żona fakultattiva addizzjonali (ara l-premessa (13) hawn fuq). |
|
(145) |
Meta titqies is-sitwazzjoni tal-utenti finali fiż-żoni fil-mira tal-miżura li ma kellhom l-ebda aċċess għall-broadband fl-2010, il-miżura kkontribwiet għall-għan tal-aċċess għall-broadband għal kulħadd sal-2013. Dan kien meħtieġ biex jinkiseb Suq Uniku Diġitali u biex jiġi żgurat li r-residenti kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fih u jibbenefikaw minnu. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (136) hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li l-appoġġ għall-varar tan-network tal-broadband f’żoni “bojod” rurali u mhux moqdija biżżejjed jippromwovi l-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika u jindirizza l-fallimenti tas-suq. |
|
(146) |
Fir-rigward tal-konklużjoni tal-JCCM li l-461 żona fil-mira kienu żoni “bojod” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja wera li l-JCCM kien iġġustifikat meta wasal għal dik il-konklużjoni. Skont ir-Renju ta’ Spanja, is-sejbiet tad-deċiżjoni tas-CMT u r-riżultati tal-immappjar tal-JCCM ma kinux kontradittorji (ara l-premessa (58) hawn fuq). Ir-Renju ta’ Spanja spjega li l-JCCM kien iddefinixxa l-461 żona fil-mira kollha fil-livell ta’ distretti ta’ muniċipalitajiet. Filwaqt li xi wħud minn dawk id-distretti kienu jiffurmaw parti minn żoni usa’, li ċerti partijiet minnhom kienu diġà moqdija minn networks tal-broadband bażiċi, dan ma kienx il-każ għad-distretti speċifiċi li jiffurmaw l-461 żona fil-mira. B’kuntrast ma’ dan, id-deċiżjoni tas-CMT hija bbażata fuq analiżi fil-livell tal-muniċipalità u kkategorizzat żona bħala “griża” jekk il-muniċipalità kellha kopertura tal-broadband eżistenti ta’ 50 % tal-popolazzjoni jew ogħla (anke jekk ċerti distretti f’dik il-muniċipalità wrew kopertura aktar baxxa). |
|
(147) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna kienet meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi inkwistjoni u introduċiet titjib materjali fiż-żoni “bojod” rurali u mhux moqdija biżżejjed skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband li s-suq waħdu ma kienx jagħti. Għalhekk, il-miżura indirizzat falliment tas-suq fiż-żoni fil-mira. |
5.3.6. Adegwatezza tal-għajnuna mill-Istat bħala strument ta’ politika
|
(148) |
L-għajnuna kellha tkun strument ta’ politika xieraq biex tiġi indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ twassil tas-suq minħabba falliment tas-suq. |
|
(149) |
Kif ġie kkonfermat mill-analiżi tas-suq u mill-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati affettwati mwettqa mill-JCCM qabel is-sejħa għall-offerti, il-problema tal-461 żona fil-mira kollha kkonċernati kienet li ma kellhom l-ebda kopertura tal-broadband u li l-atturi tas-suq ma kinux qegħdin jippjanaw li jipprovdu servizzi bażiċi tal-broadband f’dawn iż-żoni fit-tliet sa erba’ snin ta’ wara l-konsultazzjonijiet. |
|
(150) |
Skont ir-Renju ta’ Spanja, ir-regolamentazzjoni ex ante ma wasslitx għal biżżejjed investimenti biex jitnaqqas id-“distakk diġitali” f’dawn l-oqsma fil-mira tar-reġjun. |
|
(151) |
Filwaqt li r-regolamentazzjoni ex ante tista’ tiffaċilita kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari fis-swieq tal-prodotti u ġeografiċi fejn impriża tkun inħatret bħala li għandha saħħa sinifikanti fis-suq, ma kinitx tkun strument suffiċjenti biex tippermetti l-provvista ta’ servizzi tal-broadband fiż-żoni fil-mira tal-proġett. Dawn iż-żoni kienu kkaratterizzati min-nuqqas ta’ networks tal-broadband u ta’ pjanijiet ta’ investiment kummerċjali u min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizzi tal-broadband bl-imnut, peress li l-profittabbiltà inerenti tal-investiment f’dawn iż-żoni kienet mistennija li tkun partikolarment baxxa minħabba l-postijiet mifruxa ħafna tal-bosta żoni fil-mira u d-daqs tal-popolazzjoni żgħir ħafna tagħhom ta’ 35 abitant biss bħala medja. |
|
(152) |
Bl-istess mod, il-miżuri min-naħa tad-domanda favur is-servizzi tal-broadband (bħal vawċers għall-utenti finali) jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-penetrazzjoni tal-broadband u jenħtieġ li jiġu mħeġġa bħala alternattiva jew bħala komplement għal miżuri pubbliċi oħrajn. Madankollu, fil-każ inkwistjoni, ma setgħux solvew in-nuqqas ta’ provvista tal-broadband minħabba li l-infrastruttura xorta kellha tiġi varata u d-daqs tal-popolazzjoni taż-żoni fil-mira kien tant żgħir li l-miżuri min-naħa tad-domanda ma setgħux jattiraw investiment privat fl-infrastruttura bażika tal-broadband fl-461 żona fil-mira. |
|
(153) |
Peress li l-profittabbiltà tal-varar u tat-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku fiż-żoni fil-mira tqieset bħala negattiva, il-JCCM ma ra l-ebda alternattiva għall-għoti ta’ finanzjament pubbliku biex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi bl-imnut fiż-żoni fil-mira. |
|
(154) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat kienet l-istrument ta’ politika xieraq biex jiġi indirizzat il-falliment tas-suq f’dawn iż-żoni. |
5.3.7. Proporzjonalità: Għajnuna limitata għall-minimu meħtieġ
|
(155) |
L-għajnuna titqies bħala proporzjonata jekk l-ammont tagħha jiġi llimitat għall-minimu meħtieġ u d-distorsjonijiet potenzjali jiġu mminimizzati. Meta tiġi vvalutata n-natura proporzjonali tal-miżuri fiż-żoni “bojod” skont il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, kellhom jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi mminimizzata l-għajnuna mill-Istat involuta u d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni: |
5.3.7.1. Analiżi dettaljata tal-immappjar u l-kopertura
|
(156) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw b’mod ċar liema żoni ġeografiċi se jkunu koperti mill-miżura ta’ appoġġ inkwistjoni (57). Billi, fl-istess ħin, jagħmlu analiżi tal-kundizzjonijiet u l-istruttura tal-kompetizzjoni prevalenti fiż-żona partikolari u jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati kollha affettwati mill-miżura rilevanti, l-Istati jimminimizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma’ fornituri eżistenti u ma’ dawk li diġà għandhom pjanijiet ta’ investiment għall-futur qrib u jippermettu lil dawn l-investituri jippjanaw l-attivitajiet tagħhom. |
|
(157) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-eżerċizzju ta’ mmappjar imwettaq mill-JCCM fid-deċiżjoni tal-ftuħ tad-19 ta’ Lulju 2017. Id-dubji relatati ma’: (i) il-korrettezza tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mwettqa mill-JCCM qabel it-tnedija tal-miżura, inkluż il-fatt li l-ilmentatur ma kienx ġie kkonsultat; u (ii) il-korrettezza tal-kategorizzazzjoni tal-461 żona fil-mira tal-miżura bħala “bojod” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, meta jitqiesu s-sejbiet tas-CMT fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2011 (ara l-premessa (48) hawn fuq u l-premessa (30) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Madankollu, wara l-investigazzjoni dettaljata tagħha, il-Kummissjoni tqis li d-dubji serji li qajmet b’mod preliminari tnaqqsu. |
|
(158) |
Fir-rigward tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-Kummissjoni tqis li l-JCCM wettaq analiżi tas-suq dwar in-networks tal-broadband eżistenti fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha u identifika b’mod ċar dawk iż-żoni mingħajr ebda network tal-broadband u servizzi tal-bejgħ bl-imnut tal-broadband b’mod li kien konformi mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (ara l-premessa (12) hawn fuq). |
|
(159) |
L-ewwel nett, l-analiżi tas-suq tal-JCCM qieset l-informazzjoni li waslet f’konsultazzjonijiet bilaterali mill-operaturi kollha tal-broadband li kienu magħrufa mill-JCCM bħala attivi fir-reġjun. L-informazzjoni li waslet f’dawn il-konsultazzjonijiet bilaterali ppermettiet l-immappjar tal-infrastruttura eżistenti u infurmat dwar il-pjanijiet għall-varar tal-infrastruttura tal-operaturi tal-broadband fit-tliet sa erba’ snin ta’ wara. |
|
(160) |
It-tieni, il-JCCM analizza l-Pjanijiet annwali kollha għall-Varar Territorjali li kienu ġew sottomessi fis-snin ta’ qabel mill-operaturi tan-network irreġistrati mas-CMT. Din l-analiżi żvelat li ma kien hemm l-ebda fornitur eżistenti fiż-żoni fil-mira u li l-ebda fornitur ma kellu diġà pjanijiet ta’ investiment għall-futur qrib f’dawn iż-żoni. Iż-żoni fil-mira rilevanti mbagħad ġew speċifikati fl-avviż dwar kuntratt u fl-annessi tiegħu (58). |
|
(161) |
Filwaqt li r-rekwiżiti eżatti għal konsultazzjoni bir-reqqa tal-partijiet ikkonċernati kollha affettwati mill-miżura ma kinux definiti fil-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, kienet prattika stabbilita fis-settur dak iż-żmien, u aċċettata mill-Kummissjoni, li jsiru konsultazzjonijiet diretti u individwali ma’ operaturi magħrufa dwar l-infrastruttura eżistenti tagħhom u l-pjanijiet ta’ varar futuri. Dan l-approċċ tqies suffiċjenti f’deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni biex ma jitqajmux oġġezzjonijiet (59). Il-JCCM kien ikkuntattja lill-operaturi kollha tal-komunikazzjoni elettronika li kienu magħrufa li huma attivi fir-reġjun (jiġifieri, il-kumpaniji rreġistrati mas-CMT bħala operaturi tal-komunikazzjoni elettronika u li pprovdew rapporti regolari dwar il-varar). Ma kinitx meħtieġa konsultazzjoni pubblika kif meħtieġ mil-Linji Gwida tal-2013 dwar il-Broadband aktar tard (60) skont il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband sabiex miżura tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. |
|
(162) |
It-tielet, l-ilmentatur ma kellux għalfejn jiġi kkonsultat bħala parti kkonċernata mill-JCCM qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż dwar kuntratt. L-ilmentatur kien magħruf mal-JCCM, iżda biss bħala fornitur ta’ appoġġ għas-servizzi tax-xandir u tat-televiżjoni. L-ilmentatur ma kienx irreġistrat mas-CMT bħala operatur tal-komunikazzjoni elettronika u qatt ma kien attiv bħala operatur (ara t-taqsima 2.8 hawn fuq). Għalhekk, ma kien hemm l-ebda raġuni biex il-JCCM jikkonsulta lill-ilmentatur dwar il-proġett inkwistjoni. |
|
(163) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji inizjali espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ ġew eliminati u li l-analiżi dettaljata tal-immappjar u tal-kopertura mwettqa mill-JCCM hija kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. |
5.3.7.2. Proċess ta’ sejħa miftuħa għall-offerti
|
(164) |
Approċċ ta’ sejħa miftuħa għall-offerti jiżgura li jkun hemm trasparenza għall-investituri kollha li jixtiequ jagħmlu offerta għat-twettiq tal-proġett sussidjat (61). Hija kundizzjoni indispensabbli li f’sejħa miftuħa għall-offerti, l-offerenti kollha jiġu ttrattati b’mod ugwali u mhux diskriminatorju. |
|
(165) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji kemm il-proċedura tal-offerti kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband fir-rigward tat-trasparenza. Din qieset li l-kriterji għall-aġġudikazzjoni li ntużaw mill-JCCM kienu jibbażaw b’mod sinifikanti fuq kriterji ta’ evalwazzjoni soġġettivi (ara l-premessa (48) hawn fuq u l-premessa (31) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(166) |
Wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fit-13 ta’ Mejju 2010 il-Kummissjoni ddeterminat li ġiet ippubblikata stedina għall-preżentazzjoni tal-offerti fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ Castilla-La Mancha u l-impriżi kollha rreġistrati bħala operaturi tal-komunikazzjoni elettronika mas-CMT kienu eliġibbli li jissottomettu offerta (ara l-premessa (11) hawn fuq). |
|
(167) |
Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni li ntużaw mill-JCCM kienu inklużi u spjegati fid-dettall fl-“Ispeċifikazzjonijiet Amministrattivi Speċjali” u fl-“Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Speċjali” u għalhekk kienu ġew stabbiliti minn qabel, jiġifieri, qabel ma ġiet ippubblikata l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti. Il-JCCM kien għażel il-metodu tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġuża” fuq il-metodu bl-orħos prezz, li hija prattika standard għal proġetti aktar ikkumplikati u akbar. Il-kriterji għall-aġġudikazzjoni pprevedew sistema ta’ għoti ta’ punteġġ sa 100 punt. B’kollox jistgħu jintlaħqu 64 punt billi jiġu ssodisfati “kriterji oġġettivi”, bħall-ammont ta’ unitajiet domestiċi addizzjonali koperti min-network il-ġdid, il-kwalità tas-servizzi bl-imnut offruti, l-ammont ta’ fondi meħtieġa, eċċ. b’kollox jistgħu jinkisbu 36 punt permezz ta’ “kriterji oġġettivi”, fejn il-JCCM ivvaluta (i) is-soluzzjoni teknoloġika proposta, (ii) l-infrastruttura proposta u l-ġestjoni tal-problemi, (iii) il-grad propost ta’ assistenza u appoġġ mill-offerent fil-proċess tar-ritorn tan-network lejn il-JCCM wara l-iskadenza tal-kuntratt, (iv) offerta vinkolanti potenzjali għax-xiri tan-network mill-JCCM wara l-iskadenza tal-kuntratt u, (v) il-livell ta’ dettall ipprovdut mill-offerent fil-pjan ta’ ritorn tan-network tiegħu (ara l-premessa (15) hawn fuq). |
|
(168) |
Il-ponderazzjonijiet mogħtija lil kull kriterju għall-aġġudikazzjoni ġew indikati b’mod ċar fl-“Ispeċifikazzjonijiet Amministrattivi Speċjali”, li jindikaw l-għadd massimu ta’ punti li jistgħu jintlaħqu għal kull kriterju u sottokriterju għall-aġġudikazzjoni (ara l-premessa (16) hawn fuq). |
|
(169) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-“kriterji soġġettivi” huma fil-fatt kriterji kwalitattivi, li huma marbuta mas-suġġett tal-proċedura u jappartjenu għall-karatteristiċi tekniċi u funzjonali tan-network, taż-żamma, tal-ġestjoni futuri, eċċ. L-użu ta’ tali kriterji huwa permess skont ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku jekk il-ponderazzjoni ta’ kull kriterju tiġi stabbilita minn qabel u ssir trasparenti, bħal f’dan il-każ. |
|
(170) |
Barra minn hekk, il-kriterji kollha, inklużi l-“kriterji soġġettivi”, kienu konnessi mas-suġġett tal-offerta, u elenkati fid-dokumenti tal-offerta. Il-“kriterji soġġettivi” ma jidhrux mhux xierqa minħabba li l-JCCM kellu jsir is-sid tal-infrastruttura tal-broadband bażika li għandha tiġi stabbilita u x’aktarx kellu jieħu f’idejh it-tħaddim tan-network wara l-iskadenza tal-kuntratt mogħti. |
|
(171) |
Għalhekk, il-“kriterji soġġettivi” li ntużaw mill-JCCM jitqiesu li kienu trasparenti biżżejjed biex jiġu applikati b’mod oġġettiv, konkret u uniformi mill-JCCM. |
|
(172) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-JCCM għażel lill-benefiċjarju fi proċedura miftuħa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband fir-rigward tat-trasparenza. |
5.3.7.3. L-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża
|
(173) |
Fi proċedura miftuħa, biex jitnaqqas l-ammont ta’ għajnuna li tkun se tingħata, meta l-kundizzjonijiet tal-kwalità jkunu simili jekk mhux identiċi, l-offerent li jitlob l-inqas ammont ta’ għajnuna jenħtieġ li fil-prinċipju jikseb aktar punti ta’ prijorità meta ssir il-valutazzjoni ġenerali tal-offerta tiegħu (62). Madankollu, bħala parti mill-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, jitqiesu diversi kriterji, mhux biss l-offerta l-aktar baxxa. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, l-awtorità li tagħti l-kuntratt jenħtieġ li tispeċifika bil-quddiem il-ponderazzjoni relattiva li tkun se tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula. |
|
(174) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji kemm il-proċedura tal-offerti kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward ir-rekwiżiti għall-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, bl-argument li l-kriterju għall-aġġudikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna mitluba mill-offerent kien ingħata wisq ftit importanza (10/100 punti biss, jiġifieri 10 % biss tal-kriterji ġenerali għall-aġġudikazzjoni) u għalhekk ma jippermettix offerti li jaqblu mal-valur tas-suq (ara l-premessa (48) hawn fuq u l-premessa (31) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(175) |
Il-JCCM kien speċifika u kkomunika minn qabel il-kriterji għall-aġġudikazzjoni u l-ponderazzjoni relattiva li kellu jagħti lil kull wieħed minnhom (ara l-premessi (15) u (16) hawn fuq). |
|
(176) |
Tnejn mill-ħames offerti sottomessi fil-proċedura miftuħa ssodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi speċifikati fid-dokumenti tal-offerta u ġew ikkunsidrati mill-JCCM fil-proċedura tal-għażla (Telecom CLM u Telefónica S.A.; ara l-premessa (22) hawn fuq). L-offerta ta’ Telecom CLM irċeviet 76,13/100 punt (44,93 punt għall-“kriterji oġġettivi” u 31,2 punt għall-“kriterji soġġettivi”) filwaqt li l-offerta ta’ Telefónica rċeviet total ta’ 46,22/100 punt (26,07 punt għall-“kriterji oġġettivi” u 20,15 punt għall-“kriterji soġġettivi”) (ara l-premessi (25) u (26) hawn fuq). L-offerta ta’ Telecom CLM talbet ammont aktar baxx ta’ għajnuna mill-offerta ta’ Telefónica u għalhekk irċeviet aktar punti għal dan il-kriterju (1,76/10 meta mqabbla mal–0,00/10) (ara l-premessi (23) u (26) hawn fuq). |
|
(177) |
Skont l-istudji mwettqa mill-JCCM qabel it-tnedija tal-proġett, ma kienx probabbli li l-baġit tal-għajnuna disponibbli fl-ammont ta’ EUR 16-il miljun ikun biżżejjed biex ikopri ż-żoni fil-mira obbligatorji u fakultattivi kollha (ara l-premessa (13) hawn fuq). Għalhekk kien improbabbli li l-kriterju għall-aġġudikazzjoni tal-ammont mitlub ta’ għajnuna jsir fattur importanti jew deċiżiv għall-valutazzjoni tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża peress li kien mistenni li l-biċċa l-kbira, jekk mhux kollha, tal-offerenti jitolbu l-ammont sħiħ ta’ għajnuna disponibbli. |
|
(178) |
Il-JCCM eventwalment ta l-kuntratt lil dak l-offerent li l-offerta tiegħu kienet talbet l-inqas ammont ta’ għajnuna. Il-JCCM kien ta wkoll lil dan l-offerent l-akbar għadd ta’ punti għall-kriterju għall-aġġudikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna mitluba (1,76/10 meta mqabbel ma’ 0/10). Kwalunkwe importanza akbar lil dan il-kriterju għall-aġġudikazzjoni kienet tkun biss ta’ vantaġġ għall-benefiċjarju. |
|
(179) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ma għadhiex tqis li l-livell relattivament baxx ta’ importanza mogħti lill-kriterju għall-aġġudikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna mitluba kkawża trattament mhux ugwali jew diskriminatorju fil-miżura jew żied l-ammont ta’ għajnuna eventwalment mogħtija. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-valutazzjoni tal-JCCM tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża kienet, għalhekk, f’konformità mal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband. |
5.3.7.4. Newtralità teknoloġika
|
(180) |
Minħabba li s-servizzi tal-broadband jistgħu jiġu pprovduti fuq varjetà ta’ infrastrutturi tan-network ibbażati fuq teknoloġiji bil-fili, mingħajr fili, satellitari u mobbli, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jiffavorixxu l-ebda teknoloġija jew pjattaforma tan-network partikolari sakemm ma jkunux jistgħu juru li hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan (63). L-offerenti jenħtieġ li jkunu intitolati li jipproponu l-forniment tas-servizzi meħtieġa bl-użu jew bit-taħlit ta’ kwalunkwe teknoloġija li jqisu l-aktar xierqa. |
|
(181) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm il-proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward in-newtralità teknoloġika, bl-argument li kien jidher li l-JCCM kien iffoka l-proġett fuq teknoloġija mingħajr fili speċifika peress li kien ikkalkula l-baġit abbażi tal-kostijiet tal-varar għal network mingħajr fili u kien indirettament ħeġġeġ l-użu ta’ infrastruttura eżistenti ta’ teknoloġija speċifika (ara l-premessa (48) hawn fuq u l-premessa (32) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Matul l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni stabbiliet dan li ġej:
|
|
(182) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi, meta tqis l-informazzjoni miksuba matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li d-dokumenti tas-sejħa għall-offerti kienu teknoloġikament newtrali, sabiex il-proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward ir-rekwiżit tan-newtralità teknoloġika. |
5.3.7.5. Użu tal-infrastruttura eżistenti
|
(183) |
Skont il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, kull fejn possibbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu lill-offerenti jagħmlu użu minn kwalunkwe infrastruttura eżistenti disponibbli biex tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux meħtieġa tar-riżorsi u l-ħela tagħhom (65). Sabiex wieħed jipprova jillimita l-impatt ekonomiku fuq l-operaturi tan-netwerks eżistenti, dawn tal-aħħar jenħtieġ li jagħmlu l-infrastruttura tagħhom disponibbli għal proġett notifikat. |
|
(184) |
Il-JCCM offra lill-offerenti kollha l-possibbiltà li jirrikorru għall-infrastruttura eżistenti tad-DTT biex jissottomettu l-offerti tagħhom. Fl-istess ħin, ma kinux meħtieġa jużaw l-infrastruttura tad-DTT. L-operaturi tan-network kienu liberi li jużaw l-infrastruttura eżistenti tagħhom stess. Pereżempju, Telefónica għamlet offerta b’offerta li tibbaża l-aktar fuq l-infrastruttura eżistenti tagħha stess. L-offerta ta’ Telefónica nstabet li kienet eliġibbli u ġiet aċċettata għall-proċedura tal-għażla. |
|
(185) |
Il-possibbiltà li jsir użu mill-infrastruttura eżistenti tad-DTT ma kinitx tiffavorixxi lil Telecom CLM bħala waħda mis-sidien ta’ partijiet ta’ dik l-infrastruttura minħabba li s-sidien differenti kollha tal-infrastruttura tad-DTT (jiġifieri, bosta muniċipalitajiet differenti, Telecom CLM u l-kumpanija privata Abertis Telecom S.A.) kienu obbligati jagħtu aċċess għal dik l-infrastruttura lil fornitur tan-network għall-finijiet tal-varar futur ta’ network tal-broadband bażiku. Lanqas il-fatt li Telecom CLM kienet qiegħda tħaddem in-network kollu tad-DTT tar-reġjun ma ta vantaġġ lil Telecom CLM minħabba li l-infrastruttura passiva biss li ntużat min-network tad-DTT setgħet terġa’ tintuża għal network tal-broadband bażiku u mhux it-tagħmir tad-DTT innifsu li kien ġie appoġġat permezz ta’ għajnuna preċedenti u li ġie installat fuq dik l-infrastruttura passiva u mħaddem minn Telecom CLM (ara wkoll il-premessa (217) hawn taħt). |
|
(186) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proġett issodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward ir-rekwiżit li jitqies l-użu tal-infrastruttura eżistenti. |
5.3.7.6. Aċċess effettiv bl-ingrossa
|
(187) |
L-awtorizzazzjoni ta’ aċċess effettiv bl-ingrossa lil partijiet terzi għal infrastruttura ssussidjata tal-broadband hija komponent meħtieġ ta’ kwalunkwe miżura mill-Istat biex jiġi ffinanzjat il-bini ta’ infrastruttura ġdida tal-broadband (66). |
|
(188) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji kemm il-proġett issodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward l-aċċess bl-ingrossa u l-ipprezzar tal-aċċess bl-ingrossa, filwaqt li argumentat li l-miżura ma kinitx imfassla kif suppost ex ante minħabba li s-CMT sussegwentement sabet li, wara li l-kuntratt ingħata lil Telecom CLM, il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa offruti minn Telecom CLM kienu għoljin wisq (ara l-premessa (48) hawn fuq u l-premessa (33) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(189) |
Id-dokumenti tal-offerta kienu jobbligaw lill-offerent rebbieħ jipprovdi mill-inqas punt ta’ interkonnessjoni wieħed sabiex l-operaturi tan-network ta’ partijiet terzi jkunu jistgħu jużaw in-network biex jipprovdu servizzi bażiċi tal-broadband lill-utenti finali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Fil-Klawżola 4.2 tal-“Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Speċjali”, il-JCCM obbliga lill-offerenti joffru servizzi ta’ aċċess bl-ingrossa u jiżguraw li operaturi oħrajn tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu jipprovdu lill-utenti finali fiż-żoni fil-mira fil-livell tal-bejgħ bl-imnut servizzi bażiċi tal-broadband tal-istess kwalità, affidabbiltà u disponibbiltà kif kien meħtieġ fl-“Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Speċjali” (ara l-premessa (18) hawn fuq). Għalhekk, id-dokumenti tal-offerta taw mandat għall-aċċess bl-ingrossa effettiv tal-partijiet terzi għall-infrastruttura. |
|
(190) |
L-offerta ta’ Telecom CLM ipprevediet l-istabbiliment ta’ punt ta’ interkonnessjoni f’Toledo u kien fiha t-termini u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ aċċess għall-bitstream għan-network lil operaturi tan-network ta’ partijiet terzi (ara l-premessa (25) hawn fuq). L-aċċess bl-ingrossa offrut minn Telecom CLM ma kienx limitat fiż-żmien. Dan ippermetta lill-operaturi ta’ partijiet terzi jikkompetu ma’ Telecom CLM fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li saħħaħ l-għażla u l-kompetizzjoni fiż-żoni fil-mira u evita l-ħolqien ta’ monopolju tas-servizz lokali għal Telecom CLM. |
|
(191) |
Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv bl-ingrossa u biex tiġi mminimizzata d-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni, huwa kruċjali li jiġu evitati prezzijiet eċċessivi bl-ingrossa jew, b’kuntrast ma’ dan, ipprezzar predatorju jew kompressjonijiet tal-prezzijiet mill-offerent magħżul. L-aċċess għall-prezzijiet bl-ingrossa jenħtieġ li jkun abbażi tal-prezzijiet bl-ingrossa medji ppubblikati (irregolati) li jeżistu f’inħawi oħrajn paragunabbli u aktar kompetittivi tal-pajjiż jew taż-ŻEE jew, fin-nuqqas ta’ tali prezzijiet ippubblikati, fuq il-prezzijiet stabbiliti diġà jew approvati mill-NRA għas-swieq u s-servizzi kkonċernati (67). |
|
(192) |
Fil-bidu, Telecom CLM kienet toffri aċċess għall-bitstream bl-ingrossa lin-network għal EUR 34,50 filwaqt li l-prezzijiet bl-imnut tagħha ta’ kull xahar offruti lill-utenti finali kienu ta’ EUR 37,50 (ara l-premessa (39) hawn fuq). |
|
(193) |
Fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2011, is-CMT ikkonkludiet li l-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa offruti minn Telecom CLM fil-livell tal-prezzijiet kienu qrib wisq tal-prezzijiet li Telecom CLM kienet qiegħda tippjana li titlob lill-utenti finali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut għas-servizzi bażiċi tagħha tal-broadband. Is-CMT ikkonkludiet ukoll li dawn il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa kienu ogħla minn prezzijiet oħrajn tal-aċċess għall-bitstream bl-ingrossa fis-settur (ara l-premessa (39) hawn fuq). Barra minn hekk, is-CMT sabet li jkun impossibbli għal kwalunkwe operatur tan-network ta’ partijiet terzi li jixtri aċċess għan-network tal-broadband bażiku minn Telecom CLM fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa tas-CLM biex tagħmel profitt mill-forniment ta’ servizzi bażiċi tal-broadband fil-livell tal-bejgħ bl-imnut lill-utenti finali f’kompetizzjoni ma’ Telecom CLM (ara l-premessa (37) hawn fuq). Għalhekk, is-CMT kienet tirrikjedi li Telecom CLM tnaqqas il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa tagħha. B’riżultat ta’ dan, Telecom CLM naqqset il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa offruti tagħha b’aktar minn 30 % sad-29 ta’ Lulju 2011 (ara l-premessi (39) u (40) hawn fuq). Is-CMT, meta wieħed iqis li l-prezz il-ġdid kien f’konformità mal-prezzijiet medji tal-aċċess għall-bitstream li jipprevalu fi Spanja, approvat il-prezz il-ġdid tal-aċċess bl-ingrossa ta’ EUR 23,70 fiż-żoni fil-mira (ara l-premessa (39) hawn fuq). |
|
(194) |
Il-Kummissjoni tosserva li n-nuqqasijiet relatati mal-prezz tal-aċċess bl-ingrossa ġew solvuti fil-kuntratt emendat qabel ma setgħu jipproduċu kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ewwel nett, Telecom CLM spjegat it-tnaqqis b’aktar minn 30 % tal-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa tagħha f’Lulju 2011, jiġifieri, aktar minn sena qabel il-bidu tat-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku f’Settembru 2012. Għalhekk, il-prezzijiet għoljin inizjali tal-aċċess bl-ingrossa ma kellhom l-ebda impatt fuq il-kompetizzjoni. L-aċċess ta’ partijiet terzi għan-network kien possibbli biss minn Settembru 2012, meta l-prezzijiet imnaqqsa kienu diġà applikabbli. |
|
(195) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezz emendat tal-aċċess bl-ingrossa, kif approvat mis-CMT, kien f’konformità mal-prezzijiet medji ppubblikati bl-ingrossa li kienu jipprevalu f’żoni aktar kompetittivi oħrajn tar-Renju ta’ Spanja. Għalhekk, il-prezz tal-aċċess għall-bitstream bl-ingrossa l-ġdid offrut minn Telecom CLM u approvat mis-CMT serva biex jirreplika l-kundizzjonijiet tas-suq u kien jiżgura aċċess bl-ingrossa effettiv, filwaqt li naqqas id-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. |
|
(196) |
Għalhekk, il-proġett kif emendat, issodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward ir-rekwiżit li jingħata aċċess effettiv bl-ingrossa lil partijiet terzi u fir-rigward tal-ipprezzar. |
5.3.7.7. Mekkaniżmu ta’ rkupru biex jiġi evitat kumpens żejjed
|
(197) |
Sabiex jiġi żgurat li l-offerent magħżul ma jkunx ikkumpensat iżżejjed jekk id-domanda għall-broadband fiż-żona fil-mira tikber lil hinn mil-livelli antiċipati, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu mekkaniżmu ta’ ħlas invertit fil-kuntratt mal-offerent rebbieħ (68). |
|
(198) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji kemm il-proġett issodisfa l-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward mekkaniżmu ta’ rkupru biex jiġi evitat kumpens żejjed, billi argumentat li l-miżura ma kinitx imfassla kif suppost ex ante minħabba li, inizjalment, ma kienx hemm mekkaniżmu ta’ rkupru fil-kuntratt mogħti lil Telecom CLM u tali mekkaniżmu ġie introdott biss mill-JCCM wara l-intervent tas-CMT (ara l-premessa (48) hawn fuq u l-premessa (33) tad-deċiżjoni tal-ftuħ. |
|
(199) |
Il-kuntratt kif mogħti lil Telecom CLM ma kienx fih mekkaniżmu ta’ rkupru. Madankollu, tali mekkaniżmu ġie implimentat fil-kuntratt bejn il-JCCM u Telecom CLM, wara l-investigazzjoni tas-CMT u l-approvazzjoni mis-CMT tal-mekkaniżmu ta’ rkupru b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2012 (ara l-premessi (41)-(43) hawn fuq), jiġifieri qabel ma Telecom CLM bdiet tħaddem in-network tal-broadband bażiku (ara l-premessa (27) hawn fuq). Il-Kummissjoni tqis li l-irkupru introdott fil-kuntratt żgura li l-ammont ta’ għajnuna ġie mminimizzat. |
|
(200) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-mekkaniżmu ta’ rkupru nieqes inizjalment ma seta’ kellu l-ebda impatt fuq il-kompetizzjoni, minħabba li ġie introdott fil-kuntratt ħafna qabel ma Telecom CLM setgħet tagħmel kwalunkwe profitt mill-operat tan-network tal-broadband bażiku. |
|
(201) |
Għalhekk, il-proġett kif emendat, issodisfa wkoll il-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband rigward ir-rekwiżit li jiġi pprovdut mekkaniżmu ta’ rkupru fil-kuntratt mal-benefiċjarju. |
5.3.7.8. Konklużjoni dwar il-proporzjonalità
|
(202) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi (156)-(201) hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat involuta u d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni kienu limitati għall-minimu meħtieġ skont il-miżura. |
5.3.8. Effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
|
(203) |
L-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE jirrikjedi l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ fis-swieq tal-prodotti rilevanti, li, f’dan il-każ, ifisser il-varar u t-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku u l-forniment ta’ servizzi tal-broadband, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, fil-livell tal-bejgħ bl-imnut lill-utenti finali. |
|
(204) |
Minħabba li ż-żoni fil-mira tal-miżura kienu ż-żoni “bojod” skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband, jiġifieri ż-żoni mingħajr aċċess għall-broadband, ma huwiex probabbli li l-miżura tirriżulta f’effetti negattivi sinifikanti fuq il-kompetizzjoni minħabba l-varar u t-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku appoġġat f’dawn iż-żoni. Ma kien hemm l-ebda operatur eżistenti tan-network tal-broadband fiż-żoni fil-mira li seta’ ġie affettwat mill-varar u l-ebda wieħed minnhom ma kien qiegħed jippjana li jidħol fuq medda ta’ żmien qrib iż-żmien. |
|
(205) |
Fit-teorija, seta’ kien il-każ li l-atturi privati tas-suq naqqsu l-investimenti futuri tagħhom fin-networks tal-broadband fiż-żoni fil-mira jew iddeċidew li ma jidħlux fis-swieq fiż-żoni fil-mira minħabba l-varar u t-tħaddim tan-network bażiku appoġġat tal-broadband iżda l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda indikazzjoni għal dak il-għan. |
|
(206) |
Fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ, l-ebda informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni ma tindika li l-miżura kellha effett ta’ tixrid negattiv sinifikanti għal Stati Membri oħrajn. |
5.3.9. L-ippeżar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna kontra kwalunkwe effett negattiv f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u effetti negattivi fuq il-kummerċ
|
(207) |
Miżura ta’ għajnuna mill-Istat imfassla bir-reqqa jenħtieġ li tiżgura li l-bilanċ ġenerali tal-effetti tal-miżura jkun pożittiv billi tevita milli taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni. |
|
(208) |
Il-miżura stabbilita mill-JCCM ikkontribwiet għall-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-varar u tat-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku fiż-żoni fil-mira u żgurat id-disponibbiltà għall-utenti finali, li ma kellhomx aċċess għall-broadband qabel, ta’ servizzi tal-broadband b’veloċitajiet ta’ mill-inqas 2 Mbps bħala download u 512-il Kbps bħala upload (ara l-premessa (126) hawn fuq). Din żgurat ukoll li l-konsumaturi u n-negozji ġew offruti telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP (ara l-premessa (126) hawn fuq) u l-prestazzjoni tan-network tjiebet darbtejn, l-ewwel għal mill-inqas 5 Mbps bħala download fit-28 ta’ April 2014 u mbagħad għal mill-inqas 10 Mbps bħala download fl-4 ta’ Mejju 2018 (ara l-premessa (134) hawn fuq). Għalhekk, il-miżura ppromwoviet u fittxet il-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika u kkontribwiet għall-ilħuq tal-objettiv tal-Aġenda Diġitali li tipprovdi aċċess għall-broadband għal kulħadd sal-2013 (ara l-premessa (139) hawn fuq). |
|
(209) |
Barra minn hekk, meta jitqies l-obbligu ta’ aċċess bl-ingrossa fuq il-benefiċjarju, il-miżura mhux biss kellha effetti pożittivi għall-utenti finali iżda wkoll għall-kompetizzjoni fiż-żoni fil-mira. |
|
(210) |
Barra minn hekk, il-miżura indirizzat falliment tas-suq (ara t-taqsima 5.3.5 hawn fuq) fis-sens li l-varar ta’ network tal-broadband u l-forniment ta’ servizzi tal-broadband bl-imnut lill-utenti finali fiż-żoni fil-mira ma kinux iseħħu sal-bidu tat-tħaddim tan-network tal-broadband bażiku appoġġat f’Settembru 2012 mingħajr l-għajnuna. |
|
(211) |
Il-miżura kienet proporzjonata wkoll (ara t-taqsima 5.3.7 hawn fuq). It-tfassil tagħha żgura li kienet limitata għall-minimu meħtieġ u li l-effetti negattivi potenzjali tagħha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ fis-swieq għall-kostruzzjoni u għat-tħaddim ta’ networks tal-broadband bażiċi kif ukoll għall-forniment ta’ servizzi bażiċi tal-broadband, inklużi t-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP, fil-livell tal-bejgħ bl-imnut lill-utenti finali kienu limitati. Il-miżura kienet maħsuba biex tipprevjeni l-esklużjoni tal-investimenti privati u l-effetti tagħha kienu limitati għaż-żoni fil-mira, jiġifieri, id-distretti ta’ muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha b’popolazzjoni medja ta’ 35 abitant, fejn l-utenti finali ma kellhom l-ebda aċċess għall-broadband u fejn l-investituri privati ma kellhomx l-intenzjoni li jinvestu mingħajr l-għajnuna. |
|
(212) |
Il-Kummissjoni ma hijiex konxja ta’ xi effett negattiv tal-miżura li seta’ affettwa b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni (ara t-taqsima 5.3.8 hawn fuq). |
|
(213) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM kien iġġustifikat b’mod oġġettiv biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizzi bażiċi tal-broadband fl-461 żona fil-mira, jiġifieri, distretti remoti ta’ bosta muniċipalitajiet differenti li kienu mifruxa madwar ir-reġjun kollu ta’ Castilla-La Mancha. |
|
(214) |
Meta wieħed iqis dan ta’ hawn fuq u fid-dawl tal-karatteristiċi ġenerali tal-miżura u tas-salvagwardji applikati, l-impatt pożittiv tal-għajnuna fuq l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi inkwistjoni jisboq kwalunkwe effett negattiv potenzjali fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Kollox ma’ kollox, il-miżura kienet f’konformità mal-objettivi tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE u ma affettwatx b’mod negattiv il-kompetizzjoni sa punt li jmur kontra l-interess komuni. |
5.3.10. Użu mill-ġdid tal-infrastruttura passiva tad-DTT
|
(215) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni argumentat li, f’konformità mal-prinċipju stabbilit fil-kawża Deggendorf (69), il-fatt li Telecom CLM ma kinitx għadha ħallset lura l-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq intern b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.27408 (70) kellu jitqies fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, minħabba li l-offerta rebbieħa ta’ Telecom CLM kienet tibbaża fuq l-użu tan-network eżistenti tad-DTT, li kien ġie varat b’għajnuna illegali mill-Istat, din l-għajnuna illegali x’aktarx kienet ukoll determinanti għall-għoti tal-kuntratt lil Telecom CLM f’dan il-każ (ara l-premessa (48) hawn fuq u l-premessa (37) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(216) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.27408 ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-2018 (71). Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni llum, sat-18 ta’ Awwissu 2022, Telecom CLM kienet ħallset lura bis-sħiħ l-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq intern bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq. |
|
(217) |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-għajnuna illegali mill-Istat mogħtija u mħallsa lil Telecom CLM għat-tranżizzjoni lejn id-DTT fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha ma kinitx tirriżulta f’vantaġġ deċiżiv biex tirbaħ l-għoti tal-kuntratt fil-każ inkwistjoni. L-investigazzjoni formali wriet li Telecom CLM użat biss l-infrastruttura passiva tan-network eżistenti tad-DTT, jiġifieri ċ-ċentri tat-trażmissjoni, għall-varar tan-network tal-broadband bażiku mingħajr fili. Madankollu, din l-infrastruttura passiva għat-televiżjoni terrestri fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha kienet teżisti fil-biċċa l-kbira qabel it-tranżizzjoni mit-televiżjoni b’xandir analogu għal dik b’xandir diġitali. Din kienet tikkonsisti f’total ta’ madwar 500 ċentru ta’ trażmissjoni, li minnhom Telecom CLM kellha 138 (ara l-premessa (33) hawn fuq). Telecom CLM bniet biss 20 ċentru ta’ trażmissjoni addizzjonali bl-għajnuna illegali mill-Istat mill-Kawża SA.27408, saret is-sid ta’ sitta biss u użat mill-ġdid wieħed biss minn dawn iċ-ċentri ta’ trażmissjoni addizzjonali għan-network tal-broadband bażiku fil-każ inkwistjoni (ara l-premessa (33) u n-nota f’qiegħ il-paġna 15 above). Sabiex jinkiseb aċċess għall-bqija tal-infrastruttura passiva tad-DTT, Telecom CLM kellha ssegwi l-istess proċedura bħal kwalunkwe operatur terz interessat ieħor, jiġifieri, li tikseb aċċess għal dik l-infrastruttura mis-sidien ta’ dawk iċ-ċentri ta’ trażmissjoni. Telecom CLM kienet użat l-għajnuna illegali għat-tranżizzjoni lejn it-televiżjoni terrestri b’xandir diġitali l-aktar biex l-infrastruttura passiva eżistenti tiġi mgħammra bit-tagħmir attiv tad-DTT (ara l-premessa (33) hawn fuq). Madankollu, dan it-tagħmir attiv tad-DTT ma setax jerġa’ jintuża għall-forniment ta’ servizzi bażiċi tal-broadband. Għalhekk, l-ammont ta’ għajnuna illegali riċevuta minn Telecom CLM fl-ambitu tal-iskema tad-DTT soġġetta għall-Kawża SA.27408 b’rilevanza għall-miżura kien limitat għall-kostijiet tal-kostruzzjoni ta’ ċentru ta’ trażmissjoni addizzjonali wieħed, proprjetà ta’ Telecom CLM u użat mill-ġdid għan-network tal-broadband bażiku soġġett għall-każ inkwistjoni. |
|
(218) |
Barra minn hekk, l-infrastruttura kollha eżistenti tad-DTT, inklużi ċ-ċentri ta’ trażmissjoni addizzjonali mibnija bl-għajnuna illegali, kienet saret disponibbli għall-offerenti interessati kollha, mhux biss għal Telecom CLM. Fil-fatt, erbgħa minn kull ħames offerenti kienu jibbażaw fuq l-użu tan-network eżistenti tad-DTT (ara l-premessa (21) hawn fuq). |
|
(219) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna illegali mill-Istat koperta mid-deċiżjoni fil-Kawża SA.27408 u riċevuta minn Telecom CLM ma tatx vantaġġ deċiżiv fl-offerta għall-għoti tal-kuntratt fil-miżura. Għalhekk, l-għajnuna illegali mill-Kawża SA.27408 ma kinitx tagħmel il-proċedura tal-offerti diskriminatorja. |
6. KONKLUŻJONI
|
(220) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Renju ta’ Spanja implimenta b’mod illegali l-miżura favur Telecom CLM bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Madankollu, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali neħħiet id-dubji espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ tad-19 ta’ Lulju 2017 dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna u stabbiliet li r-rekwiżiti tal-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband kienu ġew issodisfati. Għalhekk, l-għoti ta’ kuntratt lil Telecom CLM f’Awwissu 2010, kif emendat, kien kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-TFUE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat li r-Renju ta’ Spanja implimenta għal Telecom CLM fil-forma tal-għoti ta’ kuntratt għall-istabbiliment u għat-tħaddim ta’ network tal-broadband bażiku mingħajr fili f’żoni remoti tar-reġjun ta’ Castilla-La Mancha, kif emendata, hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9.
(2) Għajnuna mill-Istat — Spanja — Għajnuna mill-Istat SA.34001 (2017/C) — Għajnuna allegata lil Telecom Castilla-La Mancha — Stedina sabiex jintbagħtu l-kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 336, 6.10.2017, p. 20).
(3) Cf. in-nota f’qiegħ il-paġna2.
(4) 17,1 % fir-reġjun ta’ Kastilja-La Mancha meta mqabbel ma’ 20,7 % fi Spanja b’mod ġenerali, ara r-rapport ta’ Comisión del Mercodo de las Telecominaciones tat-23 ta’ Ġunju 2011, MTZ 2010/2249, fuq paġna 6, disponibbli fuq: https://www.cnmc.es/sites/default/files/1505025_7.pdf.
(5) Ara r-rapport ta’ Comisión del Mercado de las Telecominaciones tat-23 ta’ Ġunju 2011, MTZ 2010/2249, paġna 7, disponibbli fuq: https://www.cnmc.es/sites/default/files/1505025_7.pdf.
(6) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mat-tusigħ rapidu tan-networks tal-faxx wiesa’ (ĠU C 235, 30.09.2009, p.7) (Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband).
(7) Ara wkoll, il-premessi (15)-(20) hawn taħt għal deskrizzjoni tal-kriterji għall-aġġudikazzjoni applikati bħala parti mill-proċess tas-sejħa għall-offerti.
(8) Kompożizzjoni tal-“Mesa de Contratación”: Il-President, id-Direttur Ġenerali fid-dipartiment għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u t-Telekomunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru; erba’ membri: rappreżentant wieħed tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Awditjar, rappreżentant wieħed tas-Servizz Legali tal-Ministeru Reġjonali, żewġ rappreżentanti tad-dipartiment għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u t-Telekomunikazzjoni.
(9) L-operaturi kkonsultati kienu jinkludu Abertis Telecom S.A., Telefónica España S.A., Telecom CLM, IberBand S.A., Radio Banda Ancha, Ensinca Networks S.L. u l-operaturi tan-network mobbli Orgedor, Yoigo, Vodafone España S.A.U. u Telefónica Móviles S.A.
(10) L-operaturi kollha tal-broadband fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha kienu legalment obbligati jissottomettu lill-JCCM kull sena Pjan għall-Implimentazzjoni Territorjali tan-Network flimkien ma’ rapport li jagħti dettalji dwar il-post tal-installazzjonijiet eżistenti tagħhom u li fih skeda għall-installazzjonijiet ġodda ppjanati kollha.
(11) Skont l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-Offerta: “Meta jkun hemm kompetizzjoni massima għall-utenti (domandi massimi) trid tiġi żgurata rata minima għal kull utent ta’ 20 % tal-veloċità nominali li tkun ġiet ikkuntrattata u l-volum tat-traffiku mibgħut jew użat mill-utent fl-ebda każ ma għandu jkun limitat.”
(12) It-telefonija tal-Internet/vuċi fuq IP hija metodu għat-twassil ta’ komunikazzjoni bil-vuċi u sessjonijiet multimedjali fuq networks tal-Protokoll tal-Internet, bħall-internet. Għalhekk, it-terminu jirreferi għall-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni fuq l-internet, aktar milli permezz tan-network telefoniku pubbliku kommutat.
(13) www.jccm.es/contratacion: is-sit web ma kienx għadu aċċessibbli fiż-żmien tal-investigazzjoni formali u għalhekk il-kontenut tiegħu ma setax jiġi vverifikat.
(14) Dan l-obbligu kien diġà inkluż fil-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni bejn il-JCCM u l-awtoritajiet lokali li għandhom il-biċċa l-kbira tal-infrastruttura passiva rilevanti. Dawn il-ftehimiet ġew konklużi għat-tranżizzjoni mit-televiżjoni terrestri b’xandir analogu għad-DTT u pprevedew ir-rekwiżit tal-muniċipalitajiet li jagħtu aċċess għal dik l-infrastruttura għal kwalunkwe varar futur tan-network tal-broadband. Is-sidien l-oħrajn tal-infrastruttura passiva rilevanti kienu Telecom CLM u Abertis Telecom S.A., it-tnejn benefiċjarji tal-għajnuna tad-DTT, li kellhom l-istess obbligi fil-kuntratti tagħhom għall-għoti ta’ għajnuna għad-DTT.
(15) Telecom CLM saret is-sid ta’ sitt ċentri bħal dawn u użat mill-ġdid ċentru għan-network tal-broadband bażiku.
(16) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6846 final tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.27408 (C 24/2010 (ex NN 37/2010, ex CP 19/2009) implimentata mill-awtoritajiet ta’ Castile-La Mancha għall-użu tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbani f’Castile-La Mancha (it-tnedija tad-DTT f’Castilla-La Mancha; SA.27408, 01.10.2014), disponibbli fuq http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/237771/237771_1657032_272_4.pdf.
(17) Is-sentenzi tal-Qorti tas-26 ta’ April 2018 fil-Kawżi magħquda C-91/17 P u C-92/17 P, Cellnex Telecom vs Il-Kummissjoni, EU:C:2018:284, u tal-20 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża C-114/17 P, Spanja vs Il-Kummissjoni, EU:C:2018:753.
(18) Resolución relativa al procedimiento de imposición de condiciones para la explotación de una red de banda ancha en zonas rurales de la Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha (MTZ 2010/2249), tat-23 ta’ Ġunju 2011, disponibbli fuq: https://www.cnmc.es/sites/default/files/1505025.pdf.
(19) Is-sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Mejju 1997 fil-Kawża C-355/95 P Textilwerke Deggendorf GmbH (TWD) vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ECLI:EU:C:1997:241.
(20) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 16 ta’ hawn fuq.
(21) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1) (GBER).
(22) Fl-investigazzjoni preliminari, ir-Renju ta’ Spanja kien argumenta li, filwaqt li l-JCCM ma fdax il-proġett lil Telecom CLM bħala Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI), seta’ jieħu miżuri, f’konformità mad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU l 108, 24.4.2002, p. 51) (Direttiva Servizz Universali) li tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi minbarra dawk koperti mill-kunċett ta’ servizz universali, bħas-servizzi tal-broadband (ara l-premessa (11) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Il-Kummissjoni indirizzat u ċaħdet dan l-argument fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessa (20) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Ir-Renju ta’ Spanja ma kkummentax dwar dan il-punt fil-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ u ma għadux isostni li l-proġett ġie fdat lil Telecom CLM f’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizz Universali.
(23) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1) (Il-Linji Gwida tal-2013 dwar il-Broadband).
(24) Bħad-deċiżjoni inkwistjoni fil-Kawża T-169/00 Esedra vs il-Kummissjoni, EU:T:2002:40.
(25) Ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għall-Kawża C-513/99 Concordia Bus Finland, EU:C:2002:495.
(26) Fl-investigazzjoni preliminari r-Renju ta’ Spanja spjega li r-raġuni għal-livell baxx ta’ importanza lill-kriterju tal-prezz kienet minn naħa waħda li l-JCCM kien se jakkwista n-network u għalhekk kien interessat fi kriterji kwalitattivi oħrajn u li l-għajnuna disponibbli ta’ EUR 16-il miljun tqieset li ma kinitx biżżejjed għall-varar tan-network, u għalhekk kien mistenni li l-kriterju tal-prezz ikollu rwol insinifikanti (filwaqt li jistenna li l-offerenti kollha jkunu jeħtieġu l-ammont sħiħ ta’ EUR 16-il miljun għall-varar tan-network) u li f’dan l-isfond, enfasi kbira wisq fuq il-kriterju tal-prezz tagħti vantaġġ sinifikanti lill-operaturi b’infrastruttura eżistenti fir-reġjun. Ir-Renju ta’ Spanja jirreferi wkoll għall-Kawża N323/2009, ara n-nota f’qiegħ il-paġna 27 hawn taħt.
(27) Ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009)10259 final tal-14 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża N323/2009 (SA.28665), Il-broadband fiż-żoni rurali tal-Asturji, fejn il-Kummissjoni ddikjarat għajnuna kompatibbli mogħtija permezz ta’ proċedura tal-offerti li fiha l-fattur tal-prezz, flimkien mal-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett, ingħata piż ta’ massimu ta’ 15-il punt minn total ta’ 90. Id-deċiżjoni hija aċċessibbli fuq: https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/231480/231480_1087482_29_1.pdf.
(28) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 19 ta’ hawn fuq.
(29) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 16 ta’ hawn fuq.
(30) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67) (Id-Deċiżjoni tal-2005 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali).
(31) Is-sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, ECLI:EU:C:2003:415.
(32) L-erba’ kundizzjonijiet ta’ Altmark huma:
L-impriża benefiċjarja jeħtiġilha effettivament ikollha obbligi ta’ servizz pubbliku xi twettaq u l-obbligi jeħtiġilhom jiġu ddefiniti b’mod ċar;
Il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, biex jiġi evitat li dan il-kumpens jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi li jikkompetu magħha;
Il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-kostijiet kollha jew parti mill-kostijiet imġarrba fit-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli; kif ukoll
Meta l-impriża li għandha twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ speċifiku, ma tintgħażilx skont proċedura ta’ akkwist pubbliku li tippermetti l-għażla tal-offerent li jkun kapaċi jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas kost għall-komunità, il-livell ta’ kumpens meħtieġ irid jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet li impriża tipika, immexxija tajjeb u pprovduta b’mezzi ta’ trasport adegwati biex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa tas-servizz pubbliku, kienet iġġarrab fit-twettiq ta’ dawk l-obbligi, filwaqt li tqis id-dħul rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq tal-obbligi.
(33) Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).
(34) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 16 ta’ hawn fuq.
(35) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006 fil-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze SpA et, EU:C:2006:8, il-punt 107.
(36) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996 fil-Kawża T-358/94, Air France vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1996:194, il-punt 56
(37) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002 fil-kawżi magħquda T-92/00 u 103/00, Territorio Histórico de Álava et vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2002:61, il-punt 57.
(38) Is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ April 1999 fil-Kawża C-342/96, Spanja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1999:210, il-punt 41.
(39) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 31 ta’ hawn fuq.
(40) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32 ta’ hawn fuq.
(41) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4), fil-paragrafu 52.
(42) Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1) (Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat), fil-paragrafu 223.
(43) Ara l-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (in-nota f’qiegħ il-paġna 42 ta’ hawn fuq), il-paragrafu 223.
(44) Ara l-Kawżi C-15/14 P, Il-Kummissjoni vs MOL, EU:C:2015:362, il-punt 60; C-270/15 P Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, EU:C:2016:489, il-punt 49; T-314/15 Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, EU:T:2017:903, il-punt 79.
(45) Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ April 2001 fil-Kawża T-288/97, Regione Friuli Venezia Giulia vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2001:115, il-punt 41.
(46) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 21 ta’ hawn fuq.
(47) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 21 ta’ hawn fuq.
(48) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 6 ta’ hawn fuq.
(49) Is-sentenza tal-Qorti tat-22 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża C-594/18 P, Austria vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2020:742, il-punt 19.
(50) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 50.
(51) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafi 37 u 40.
(52) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 41.
(53) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 42.
(54) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, 3.3.2010, COM(2010) 2020 final (Komunikazzjoni “Ewropa 2020”).
(55) Il-Komunikazzjoni “Ewropa 2020”, paġna 14.
(56) Ibid.
(57) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(a).
(58) Wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ żoni fil-mira għall-proċedura tal-offerti, xi operaturi qalu lill-JCCM li ċerti żoni jkunu koperti b’networks tal-broadband fil-futur qrib u b’riżultat ta’ dan kienu esklużi miż-żoni fil-mira.
(59) Ara, pereżempju, Commission decision C (2010)9171 final of 10 December 2010, on State aid case N336/2010 – Austrian federal broadband scheme, aċċessibbli fuq: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/237158/237158_1182946_31_3.pdf.
(60) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 23 ta’ hawn fuq.
(61) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(b).
(62) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(c).
(63) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(d).
(64) Dan ġie kkonfermat mill-avukat estern tal-benefiċjarju fil-posta elettronika tiegħu lill-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2019.
(65) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(e).
(66) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(f).
(67) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(g).
(68) Il-Linji Gwida tal-2009 dwar il-Broadband (in-nota f’qiegħ il-paġna 6 hawn fuq), il-paragrafu 51(h).
(69) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 19 ta’ hawn fuq.
(70) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 16 ta’ hawn fuq.
(71) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 17 ta’ hawn fuq.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2524/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)