|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2522 |
16.11.2023 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2522
tat-8 ta’ Novembru 2023
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Ħolqien ta’ Awtorità Ewropea għall-Ambjent”
(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-28 ta’ Settembru 2023, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Ħolqien ta’ Awtorità Ewropea għall-Ambjent”. |
|
(2) |
L-objettiv tal-inizjattiva kif espressa mill-organizzaturi huwa li l-Kummissjoni “tistabbilixxi Awtorità Ewropea għall-Ambjent, jew bħala s-suċċessur tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li teżerċita setgħat uffiċjali, inkella bħala awtorità ġdida.” Dik l-Awtorità jkollha s-setgħa li “tieħu deċiżjonijiet amministrattivi li huma vinkolanti fuq l-Istati Membri u persuni fiżiċi u ġuridiċi” u li “tawtorizza u tissorvelja attivitajiet li għandhom impatt ambjentali u taġixxi f’każijiet ta’ tniġġis ambjentali fil-livell tal-UE. F’dan l-aħħar każ, hija tippenalizza lil min iniġġes billi tipprojbixxi l-attività li tniġġes, tirrestawra l-kundizzjoni bażi, timponi multi fi proporzjon mat-tniġġis, u l-bqija, f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. |
|
(3) |
L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. Huwa jirreferi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u jispjega li minħabba li l-Unjoni “qed tirsisti biex issir l-ewwel kontinent fid-dinja newtrali għall-klima, din it-trasformazzjoni soċjali u ekonomiku se tinvolvi inevitabilment it-tixrid ta’ teknoloġiji ġodda u kumplessi u l-emerġenza ta’ impatti ambjentali ġodda u kumplessi fuq l-Unjoni kollha kemm hi.” F’dan il-kuntest, l-inizjattiva “tipprova toħloq awtorità responsabbli għall-prevenzjoni tat-tniġġis ambjentali fil-livell tal-UE li għandha l-għarfien espert ambjentali l-aktar reċenti u, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali għall-ambjent tal-Istati Membri, tieħu deċiżjonijiet amministrattivi vinkolanti kull meta l-impatt ambjentali tal-attivitajiet agrikoli, industrijali jew tas-servizzi tal-Istati Membri jestendi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jokkorri fil-livell tal-UE”. L-anness jelenka eżempji ta’ “impatti ambjentali u tniġġis fil-livell tal-UE” li fir-rigward tagħhom l-Awtorità Ewropea għall-Ambjent tista’ taġixxi, jiġifieri: tniġġis transkonfinali tal-arja; tniġġis tal-ilma; tniġġis tal-baħar; kontaminazzjoni tal-ħamrija; tniġġis akustiku; mmaniġġar transkonfinali tal-iskart u tibdil fil-klima. |
|
(4) |
Fir-rigward tal-objettiv tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tqis li l-istabbiliment ta’ awtorità ambjentali jista’ jiġi propost fuq il-bażi tal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi segwiti mill-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li l-awtorità ambjentali tingħata setgħat biex toħroġ deċiżjonijiet amministrattivi vinkolanti, inkluża l-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet b’impatt ambjentali, il-projbizzjoni ta’ attivitajiet li jniġġsu u l-impożizzjoni ta’ penali, dment li tali setgħat deċiżjonali ma jinvolvu l-ebda diskrezzjoni politika. |
|
(5) |
Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-partijiet tal-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(6) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità, tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, humiex issodisfati f’dan il-każ. |
|
(7) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(8) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja, u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(9) |
L-inizjattiva intitolata “Ħolqien ta’ Awtorità Ewropea għall-Ambjent” jenħtieġ li għalhekk tiġi rreġistrata. |
|
(10) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Ħolqien ta’ Awtorità Ewropea għall-Ambjent” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Ħolqien ta’ Awtorità Ewropea għall-Ambjent”, irrappreżentata minn Anna Júlia DONÁTH u s-Sa Rebeka HEVESI li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2522/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)