Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2521 |
16.11.2023 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2521
tat-8 ta’ Novembru 2023
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “ ‘Se Nsir Ewropew’: IĊE biex Tgħaqqad iċ-Ċittadinanza Nazzjonali u Ewropea Tiegħek”
(notifikata bid-dokument C(2023) 7583)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata ‘“Se Nsir Ewropew”: IĊE biex Tgħaqqad iċ-Ċittadinanza Nazzjonali u Ewropea Tiegħek’ ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 2023. |
(2) |
L-għanijiet tal-inizjattiva kif ġew spjegati mill-organizzaturi huma: “[din] l-IĊE [l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej] titlob dritt għal kulħadd, u mhux biss il-ftit, li jkollhom għarfien bażiku dwar l-UE u ċ-Ċittadinanza Ewropea tagħhom minn età bikrija.” L-organizzaturi jappellaw lill-Kummissjoni biex tipproponi att legali li, “għall-Istati Membri kollha [,] jintroduċi dritt għal kull tifel u tifla għal edukazzjoni fiċ-Ċittadinanza Ewropea u l-valuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt” u “tagħti lil kull min jixtieqlu opportunità ta’ darba f’ħajtu biex jagħmel użu tajjeb minn dan l-għarfien u jesplora x’għandha x’toffri l-Ewropa”. L-organizzaturi jappoġġaw dan permezz ta’ “rekwiżit ta’ edukazzjoni ċivika Ewropea fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-libertà tal-moviment, u l-protezzjoni tal-valuri Ewropej”, “Statut dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea bħala mudell għall-edukazzjoni ċivika” u l-ħolqien ta’ “ċentru ta’ eċċellenza għall-iskambju tal-aħjar prattika fl-edukazzjoni ta’ kwalità u t-taħriġ tal-għalliema.” |
(3) |
L-inizjattiva tinkludi anness li jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva. Dan jispjega li l-inizjattiva “għandha l-għan li tiżgura li minn età żgħira kulħadd fl-UE jkun mgħammar bil-kompetenza meħtieġa u jingħata l-opportunità li jieħu vantaġġ minn dak li għandha x’toffri l-Ewropa”. L-organizzaturi jqisu li “id-dritt għall-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea huwa kundizzjoni abilitanti essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni Ewropea” u li din l-edukazzjoni “hija mod kif l-Unjoni Ewropea titqarreb lejn iċ-ċittadini kollha tagħha” u biex tiżdied “ir-reżiljenza tal-komunitajiet u taċ-ċittadini individwali għall-esponiment għal forom multipli ta’ miżinformazzjoni”. |
(4) |
Ġie ppreżentat ukoll dokument addizzjonali li jipprovdi analiżi tal-atti proposti mill-grupp ta’ organizzaturi bħala parti mit-talba ta’ reġistrazzjoni tagħhom. |
(5) |
Fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tqis li tista’ tipproponi dispożizzjoni li tistabbilixxi dritt għall-edukazzjoni dwar l-Unjoni u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma setgħetx tiddefinixxi l-kontenut preċiż tal-edukazzjoni, b’tali mod li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim previst fl-Artikolu 165 TFUE. |
(6) |
Fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ edukazzjoni ċivika Ewropea fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, dan jista’ jiġi propost abbażi tal-Artikolu 21(2) tat-TFUE, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. |
(7) |
Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ “Statut dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea”, dan jista’ jiġi propost abbażi tal-Artikolu 25 tat-TFUE. Alternattivament, jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 21(2) TFUE jekk il-proposta jkollha l-għan li tiffaċilita d-dritt ta’ moviment u residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tipproponi att leġiżlattiv li jistabbilixxi miżuri ta’ inċentiv għat-taħriġ tal-għalliema fid-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni ċivika, inkluż il-ħolqien ta’ ċentru ta’ eċċellenza, ibbażat fuq l-Artikolu 165(4) tat-TFUE. |
(8) |
Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-partijiet tal-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
(9) |
Din il-konklużjoni ma taffettwax l-evalwazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa sabiex il-Kummissjoni taġixxi, inkluż l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ sussidjarjetà u ta’ kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, humiex issodisfatti f’dan il-każ. |
(10) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
(11) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(12) |
L-inizjattiva intitolata ‘“Se Nsir Ewropew”: IĊE biex Tgħaqqad iċ-Ċittadinanza Nazzjonali u Ewropea Tiegħek’ għandha ghalhekk tiġi reġistrata. |
(13) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata ‘“Se Nsir Ewropew”; IĊE biex Tgħaqqad iċ-Ċittadinanza Nazzjonali u Ewropea Tiegħek’ għandha tiġi reġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata ‘“Se Nsir Ewropew”: IĊE biex tgħaqqad iċ-Ċittadinanza Nazzjonali u Ewropea Tiegħek’, irrappreżentata mis-Sur Anthony VENABLES u s-Sa Suzana CARP li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2521/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)