European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2517

13.11.2023

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2517

tad-9 ta’ Novembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tar-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward tal-pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija tagħhom minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista, u kwalunkwe miżura ta’ emerġenza.

(3)

Fl-24 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE (2), li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago (“Trinidad u Tobago”), permezz tad-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ April 2016 (3) dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax.

(5)

Fid-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata din l-identifikazzjoni possibbli.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 ġiet innotifikata lil Trinidad u Tobago flimkien ma’ ittra li tistieden lil Trinidad u Tobago sabiex jimplimenta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta’ azzjoni sabiex jirrettifika n-nuqqasijiet identifikati.

(7)

Bid-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu ma’ Trinidad u Tobago.

(8)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni stiednet lil Trinidad u Tobago biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimplimenta l-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni u biex jivvaluta l-implimentazzjoni tagħhom.

(9)

Trinidad u Tobago ngħata l-opportunità li jwieġeb għad-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 kif ukoll għal informazzjoni rilevanti oħra kkomunikata mill-Kummissjoni, u li jippreżenta evidenza li tikkontradixxi jew li tikkompleta l-fatti stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni. Trinidad u Tobago ġie żgurat dwar id-dritt tiegħu li jitlob,jew jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

(10)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha rilevanti. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati minn Trinidad u Tobago wara d-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 ġew ikkunsidrati u meqjusa. Saru laqgħat fiżiċi kif ukoll virtwali bejn Trinidad u Tobago u l-Kummissjoni biex jiġu diskussi l-punti rilevanti. Trinidad u Tobago nżamm infurmat, bil-fomm jew bil-miktub, dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(11)

Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni stabbiliet li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti minn Trinidad u Tobago. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew proposti fil-pjan ta’ azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ.

(12)

B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2051 (4), li tidentifika lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(13)

Abbażi tal-proċess ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu mwettaq mill-Kummissjoni, inkluża l-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, u abbażi tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2051, jixraq li Trinidad u Tobago jitqiegħed fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(14)

Fid-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet ta’ Trinidad u Tobago u evalwat il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-finijiet ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

(15)

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-konformità ta’ Trinidad u Tobago f’konformità mas-sejbiet tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016, u fir-rigward tal-informazzjoni rilevanti pprovduta minn hemm ’il quddiem minn Trinidad u Tobago, il-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rrettifikata.

(16)

In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b’mod partikolari mal-adozzjoni ta’ qafas legali adegwat u aġġornat, in-nuqqas ta’ monitoraġġ effiċjenti u adegwat tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago u n-nuqqas ta’ spezzjonijiet tas-sajd fil-port. In-nuqqasijiet identifikati huma marbuta, b’mod iktar ġenerali, man-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u fil-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (5) (UNCLOS), fil-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta’ ħut li jpassi ħafna (highly migratory) (6) (UNFSA) u fil-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port għall-Prevenzjoni, l-Iskoraġġiment u l-Eliminazzjoni tas-Sajd Illegali, mhux Rappurtat u Mhux Regolat (7) (PSMA).

(17)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2051, il-Kummissjoni identifikat lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

(18)

Ma nstabet l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ Trinidad u Tobago li jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali huwa r-riżultat tar-restrizzjonijiet tiegħu bħala pajjiż li qed jiżviluppa.

(19)

Abbażi tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2051, u tal-proċess ta’ djalogu ma’ Trinidad u Tobago li sar mal-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, ġie konkluż li l-azzjonijiet meħuda minn Trinidad u Tobago fid-dawl tad-dmirijiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera ma humiex suffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 94, 117, 118, u 119 tal-UNCLOS, mal-Artikoli 18, 19 u 23 tal-UNFSA u mal-Artikoli 6, 7, 8, 9 u 12 tal-PSMA.

(20)

Għalhekk, Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(21)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward ta’ Trinidad u Tobago, jenħtieġ li dak il-pajjiż jiġi inkluż, f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiġi emendata skont dan.

(22)

L-inklużjoni ta’ Trinidad u Tobago fil-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008. L-Artikolu 38(1) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx. Fil-każ ta’ Trinidad u Tobago, dik il-projbizzjoni jenħtieġ li tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha definiti fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, peress li n-nuqqas ta’ miżuri xierqa adottati fir-rigward tas-sajd IUU li jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax ma huwiex limitat għal stokk jew għal speċi partikolari.

(23)

Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, jimmina l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, jitqies neċessarju li l-Unjoni timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward ta’ Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(24)

Jekk Trinidad u Tobago juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi lil Trinidad u Tobago mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008. Kwalunkwe deċiżjoni bħal din dwar it-tneħħija tiegħu jenħtieġ li tqis ukoll jekk Trinidad u Tobago ħax miżuri konkreti biex ikun jista’ jinkiseb titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago hija b’dan miżjuda mal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

N. CALVIÑO SANTAMARÍA


(1)   ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2016 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 144, 23.4.2016, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2051 tal-25 ta’ Settembru 2023 li tidentifika lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 236, 26.9.2023, p. 26).

(5)   ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.

(6)   ĠU L 189, 3.7.1998, p. 17.

(7)   ĠU L 191, 22.7.2011, p. 3.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2517/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)