European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2502

13.11.2023

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2502

tas-7 ta’ Settembru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġustament tal-valuri tal-massa ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2019/631, il-massa fi stat ta’ tħaddim medja użata għall-fini ta’ kalkolu tal-miri tal-emissjonijiet speċifiċi tad-diossidu tal-karbonju (CO2) tal-flotta kollha tal-Unjoni għal kull manifattur ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda (il-valur M0) għandha tiġi aġġustata regolarment sal-2024 biex jitqiesu l-bidliet fil-massa medja tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fl-Unjoni.

(2)

Abbażi tad-data fl-Annessi I sa IV tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/973 (2), fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2087 (3) u fl-Annessi I sa III tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1623 (4), il-massa medja fi stat ta’ tħaddim ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fis-snin kalendarji 2019, 2020 u 2021, ponderata skont l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet ġodda f’kull waħda minn dawk is-snin, kienet 1 875,07 kg. Għalhekk jenħtieġ li l-valur M0 għas-sena kalendarja 2024 imsemmi fil-Parti B, il-punt 4, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/631 ikun ugwali għal dak il-valur.

(3)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2019/631, mill-2025, il-massa tat-test medja tal-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha (il-valuri TM0) għandha tintuża għall-fini ta’ kalkolu tal-miri ta’ referenza tal-emissjonijiet speċifiċi għal kull manifattur ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal kull manifattur ta’ vetturi kummerċjali ħfief. Il-valuri TM0 li għandhom jintużaw għall-kalkolu għandhom jiġu aġġustati regolarment għall-massa tat-test medja rispettiva tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati.

(4)

Il-valuri TM0 indikattivi għall-2025 jenħtieġ li jiġu kkalkolati bħala l-massa tat-test medja rispettiva tal-karozzi tal-passiġġieri ġodda kollha u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati fis-sena kalendarja 2021. Abbażi tad-data fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1623, il-massa tat-test medja tal-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri rreġistrati fis-sena kalendarja 2021 kienet 1 609,6 kg, u l-massa tat-test medja tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati fis-sena kalendarja 2021 kienet 2 163,0 kg. Għalhekk, il-valuri indikattivi TM0 għas-sena kalendarja 2025 imsemmija fil-Parti A, il-punt 6.2.1, u fil-Parti B, il-punt 6.2.1, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/631, jenħtieġ li jkunu ugwali għal dawk il-valuri.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/631 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/631 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A, il-punt 6.2.1, l-entrata TM0 hija sostitwita b’dan li ġej:

“TM0 huwa 1 609,6 kg fl-2025 u l-valur f’kilogrammi (kg) iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d), fis-snin kalendarji l-oħra.”;

(2)

fil-Parti B, il-punt 4, l-entrata M0 hija sostitwita b’dan li ġej:

“M0 huwa 1 766,4 fl-2020, 1 825,23 fl-2021, fl-2022 u fl-2023, u 1 875,07 fl-2024”;

(3)

fil-Parti B, il-punt 6.2.1, l-entrata TM0 hija sostitwita b’dan li ġej:

“TM0 huwa 2 163,0 kg fl-2025 u l-valur f’kilogrammi (kg) iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d), fis-snin kalendarji l-oħra.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/973 tal-1 ta’ Ġunju 2021 li tikkonferma jew temenda l-kalkolu proviżorju tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u l-miri tal-emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief għas-sena kalendarja 2019 u, għall-manifattur Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG u l-konsorzju tal-Volkswagen, għas-snin kalendarji mill-2014 sal-2018 skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 215, 17.6.2021, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2087 tas-26 ta’ Settembru 2022 li tikkonferma jew temenda l-kalkolu proviżorju tal-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 u l-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi għall-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief għas-sena kalendarja 2020 u li tinforma lill-manifatturi dwar il-valuri li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi u tal-miri ta’ deroga għas-snin kalendarji mill-2021 sal-2024 skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 280, 28.10.2022, p. 49).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1623 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li tispeċifika l-valuri relatati mal-prestazzjoni tal-manifatturi u tal-konsorzji tal-manifatturi ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda għas-sena kalendarja 2021 u l-valuri li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-miri tal-emissjonijiet speċifiċi mill-2025 ’il quddiem, skont ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tikkoreġi d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2087 (ĠU L 200, 10.8.2023, p. 5).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2502/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)