European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2498

13.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2498

tal-10 ta’ Novembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 (1).

(2)

Fl-10 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2201 (2), li ġeddiet il-miżuri restrittivi fis-seħħ sal-14 ta’ Novembru 2023, inkluż id-deżinjazzjonijiet kollha.

(3)

Il-Kunsill irrieżamina l-miżuri restrittivi fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074. Abbażi ta’ dak ir-rieżami u b’kont meħud tal-kriżi politika, ekonomika, soċjali u umanitarja li għaddejja fil-Venezwela u l-azzjonijiet persistenti li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-miżuri restrittivi, inkluż id-deżinjazzjonijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta’ persuna waħda mejta, jenħtieġ li jiġġeddu sal-14 ta’ Mejju 2024, u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal 16-il persuna jenħtieġ li tiġi aġġornata.

(4)

Dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-popolazzjoni ġenerali u jistgħu jitreġġgħu lura fid-dawl tal-progress li jkun sar lejn ir-restawr tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela.

(5)

Għalhekk id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-14 ta’ Mejju 2024.”.

(2)

L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2201 tal-10 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 292, 11.11.2022, p. 61).


ANNESS

Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, l-entrata 3 titħassar; u

(2)

l-entrati 2, 7, 8, 11, 14, 16, 19, 21, 23, 24, 25, 29, 31, 38, 51 u 53 huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“2.

Gustavo Enrique GONZÁLEZ LÓPEZ

Data tat-twelid: 2 ta’ Novembru 1960

Sess: raġel

Maħtur mill-ġdid Direttur Ġenerali tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN) fit-30 ta’ April 2019. Konsulent dwar is-Sigurtà u l-Intelligence tal-President Maduro minn Jannar 2019 u Direttur Ġenerali ta’ SEBIN minn Frar 2014 sa Ottubru 2018. Matul iż-żminijiet li serva bħala direttur ta’ SEBIN, uffiċjali taħt l-awtorità aħħarija tiegħu wettqu atti ta’ detenzjoni arbitrarja, tortura u trattament krudili u inuman, inkluż vjolenza sesswali, fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ El Helicoide. Bħala Direttur Ġenerali ta’ SEBIN, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem inkluż detenzjoni arbitrarja, trattament inuman u degradanti, u tortura u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela.

22.1.2018

7.

Diosdado CABELLO RONDÓN

Data tat-twelid: 15 ta’ April 1963

Sess: raġel

Membru tal-Assemblea Nazzjonali mhux eletta demokratikament, eks President tal-Assemblea Kostitwenti u l-Ewwel Viċi President tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV). Involut fid-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, inkluż bl-użu tal-media biex tattakka u thedded pubblikament l-oppożizzjoni politika, media oħra u s-soċjetà ċivili u l-għoti ta’ ordnijiet biex jinżammu individwi, inkluż lis-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN).

22.1.2018

8.

Tareck Zaidan EL-AISSAMI MADDAH

Data tat-twelid: 12 ta’ Novembru 1974

Sess: raġel

Eks Viċi President tal-Ekonomija u eks Ministru għall-Enerġija Popolari taż-Żejt kif ukoll l-Industrija u l-Produzzjoni Nazzjonali. Bħala l-eks Viċi President tal-Venezwela b’sorveljanza tad-direzzjoni tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN), Tareck El-Aissami huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjoni, inkluż detenzjonijiet arbitrarji, investigazzjonijiet motivati politikament, trattament inuman u degradanti, u tortura. Huwa wkoll responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluża l-projbizzjoni ta’ dimostrazzjonijiet pubbliċi, u t-tmexxija tal-“kmand anti-coup” tal-President Maduro li kellu fil-mira s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

25.6.2018

11.

Iván HERNÁNDEZ DALA

Data tat-twelid: 18 ta’ Mejju 1966

Sess: raġel

Maġġur Ġeneral fil-FANB. Direttur Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (DGCIM) minn Jannar 2014 u Kap tal-Gwardja Presidenzjali minn Settembru 2015. Bħala l-Kap tad-DGCIM, Iván Hernández Dala huwa responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, inkluż tortura, l-użu ta’ forza eċċessiva u l-maltrattament tad-detenuti.

25.6.2018

14.

Sandra OBLITAS RUZZA

Data tat-twelid: 7 ta’ Ġunju 1969

Sess: mara

Ministru għall-Edukazzjoni Universitarja. Eks Rettur tal-Universidad Bolivariana de Venezuela. Eks Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) u eks President tal-Kummissjoni tar-Reġistru Elettorali u Ċivili. Responsabbli għall-attivitajiet tas-CNE li dgħajfu d-demokrazija fil-Venezwela, inkluż bil-faċilitazzjoni tal-istabbiliment tal-Assemblea Kostitwenti illeġittima u bil-manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

25.6.2018

16.

Katherine Nayarith HARRINGTON PADRÓN

Data tat-twelid: 5 ta’ Diċembru 1971

Sess: mara

President taċ-Ċirkwit Ġudizzjarju Kriminali taż-Żona Metropolitana ta’ Caracas. Eks Viċi Prosekutur Ġenerali (titolu tradott ukoll bħala Viċi Avukat Ġenerali) minn Lulju 2017 sa Ottubru 2018. Maħtura Viċi Prosekutur Ġenerali mill-Qorti Suprema minflok mill-Assemblea Nazzjonali, bi ksur tal-Kostituzzjoni. Responsabbli li dgħajfet id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi tat bidu għal prosekuzzjonijiet politikament motivati u naqset milli tinvestiga allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta’ Maduro.

25.6.2018

19.

Néstor Neptali BLANCO HURTADO

Data tat-twelid: 26 ta’ Settembru 1982

Numru tal-identità: V-15222057

Sess: raġel

Kmandant fiż-żona ta’ counter-intelligence militari Nru 32 fir-reġjun ta’ Los Llanos. Bħala Maġġur fil-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana (GNB), opera flimkien ma’ uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas minn Diċembru 2017. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, l-użu ta’ forza eċċessiva u l-maltrattament tad-detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM.

27.9.2019

21.

Carlos Alberto CALDERÓN CHIRINOS

Numru tal-identità: V-10352300

Sess: raġel

Uffiċjal bil-kmand mill-elit tal-Pulizija Nazzjonali tal-Venezwela (PNB/FAES). Eks uffiċjal għoli (imsejjaħ Kummissarju Ġenerali, Direttur ta’ El Helicoide u Direttur ta’ Investigazzjonijiet Strateġiċi) fis-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Uffiċjali tad-Direttorat għall-Investigazzjonijiet Strateġiċi taħt is-superviżjoni tiegħu wettqu detenzjonijiet illegali, atti ta’ tortura u trattament ħażin ieħor, u vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, l-użu ta’ forza eċċessiva u l-maltrattament tad-detenuti fil-faċilitajiet tas-SEBIN. B’mod partikolari, huwa pparteċipa u huwa responsabbli għal atti ta’ tortura u għat-trattament krudili, inuman u degradanti tad-detenuti f’El Helicoide, ħabs tas-SEBIN.

27.9.2019

23.

Rafael Antonio FRANCO QUINTERO

Data tat-twelid: 14 ta’ Ottubru 1973

Numru tal-identità: V-11311672

Sess: raġel

Brigadier Ġeneral tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana tal-Venezwela (FANB). Uffiċjal fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali Bolivarjan (SEBIN). Kap tas-Sigurtà fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Maiquetía minn Awwissu 2019. Direttur tad-Direttorat Speċjali tal-Investigazzjonijiet Kriminali u Kriminalistiċi (DEIPC) u fid-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) bejn Novembru 2016 u Novembru 2018. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, l-użu ta’ forza eċċessiva u l-maltrattament ta’ detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, b’mod partikolari fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-Boleita. Uffiċjali taħt l-awtorità tiegħu kienu wkoll implikati fi vjolenza sesswali kontra d-detenuti. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Rappurtat li għandu konnessjoni mal-mewt tal-Kaptan Acosta Arévalo.

27.9.2019

24.

Alexander Enrique GRANKO ARTEAGA

Data tat-twelid: 25 ta’ Marzu 1981

Numru tal-identità: V-14970215

Sess: raġel

Kap (Direttur) tad-Diviżjoni tal-Affarijiet Speċjali (DAE) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) mill-2017. Kap tal-Uffiċċju taċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Boleita tad-DGCIM mid-29 ta’ Awwissu 2022. Mill-2017 sal-2022 huwa ordna, issorvelja u pparteċipa direttament f’detenzjonijiet arbitrarji, għajbien sfurzat għal żmien qasir, tortura, inkluż vjolenza sesswali, u trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor. Promoss għall-grad ta’ logutenent kurunell tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana fl-1 ta’ Lulju 2020. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, l-użu ta’ forza eċċessiva li kkaġuna mewt u dannu, u l-maltrattament ta’ detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM li twettqu minnu stess u minn uffiċjali taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, u kien ukoll involut direttament f’din ir-repressjoni. Rappurtat li għandu konnessjoni mal-mewt tal-Kaptan Acosta Arévalo.

27.9.2019

25.

Hannover Esteban GUERRERO MIJARES

Data tat-twelid: 14 ta’ Jannar 1971

Sess: raġel

Viċi Kmandant u Kap tal-Persunal tal-35 Brigata Militari tal-Pulizija mill-2019. Direttur tad-Direttorat Speċjali tal-Investigazzjonijiet Kriminali u Kriminalistiċi (DEIPC) fid-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) minn Novembru 2018 sa Awwissu 2019. Bħala Direttur tad-DEIPC, huwa ssorvelja l-faċilità tad-DGCIM f’Boleita. Matul dan il-perjodu, twettqu atti ta’ tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor kif ukoll vjolenza sesswali minn uffiċjali tad-DGCIM f’Boleita. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, l-użu ta’ forza eċċessiva u l-maltrattament ta’ detenuti mwettqa minnu u minn membri taħt il-kmand tiegħu, b’mod partikolari f’Boleita. Rappurtat li għandu konnessjoni mal-mewt tal-Kaptan Acosta Arévalo.

27.9.2019

29.

Elvis Eduardo HIDROBO AMOROSO

Data tat-twelid: 4 ta’ Awwissu 1963

Post tat-twelid: Caracas, Distrito Capital, Venezuela

Numru tal-identità: V-7659695

Sess: raġel

President tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali tal-Venezwela mill-24 ta’ Awwissu 2023. Eks Kontrollur Ġenerali (bejn it-23 ta’ Ottubru 2018 u Awwissu 2023), u eks l-Ewwel u t-Tieni Viċi President tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bil-projbizzjoni lill-membri tal-oppożizzjoni milli jokkupaw kariga pubblika għal 15-il sena u t-tmexxija tal-ANC mhux rikonoxxuta, l-iffirmar tal-“liġi kontra l-mibegħda”, li tiġġustifika t-tneħħija ta’ gvernatur tal-oppożizzjoni elett legalment u l-projbizzjoni ta’ Juan Guaidó minn kwalunkwe kariga pubblika.

29.6.2020

31.

Jorge Elieser MÁRQUEZ MONSALVE

Data tat-twelid: 20 ta’ Frar 1971

Post tat-twelid: Caracas, Venezuela

Numru tal-identità: V-8714253

Sess: raġel

Ministru għall-Uffiċċju tal-Presidenza minn Novembru 2017 u Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Nazzjonali tat-Telekomunikazzjoni(CONATEL) mis-7 ta’ Awwissu 2017. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi llimita serjament id-drittijiet tal-poplu Venezwelan għal-libertà tal-istampa, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. Huwa uża s-setgħat speċjali tal-CONATEL biex isikket il-kritika u d-dissidenti lejn ir-reġim billi mblokka, iffiltra u ostakola s-siti web tal-Internet, billi rrevoka l-liċenzji eżistenti għall-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u billi rrifjuta li jingħataw liċenzji ġodda.

29.6.2020

38.

Omar José PRIETO FERNÁNDEZ

Data tat-twelid: 25 ta’ Mejju 1969

Numru tal-identità: V-9761075

Sess: raġel

Eks Gvernatur tal-Istat ta’ Zulia (2017 - 2021). F’din il-pożizzjoni huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istat ta’ Zulia. Huwa ngħata l-ġurament mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta, wara li r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjoni rrifjuta li jieħu l-ġurament tal-ħatra quddiem l-ANC. Omar José Prieto Fernández ippromwova b’mod attiv l-elezzjonijiet mhux demokratiċi għall-Assemblea Nazzjonali, li saru fis-6 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, huwa hedded lil mexxejja tal-oppożizzjoni bi “żjarat id-dar” fl-Istat ta’ Zulia u ddikjara l-intenzjoni tiegħu li jekk gvern interim immexxi minn Juan Guaidó jieħu l-poter, huwa jiddikjara l-Istat ta’ Zulia bħala indipendenti. Membru attiv tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV).

22.2.2021

51.

Carlos Ramón Enrique CARVALLO GUEVARA

Numru tal-identità: V-10132041

Sess: raġel

President tal-intrapriża statali Corporación Ecosocialista Ezequiel Zamora (CORPOEZ) minn Marzu 2021. Ġeneral tad-Diviżjoni u Viċi Direttur tad-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) mill-21 ta’ Awwissu 2020. Suċċessur tal-Ġeneral Rafael Ramón Blanco Marrero. Preċedentement, Carvallo Guevara serva fid-DGCIM fir-reġjun ta’ Los Andes u okkupa kariga għolja fil-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela mwettqa minn uffiċjali tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Fis-sejbiet tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tal-20 ta’ Settembru 2022, id-DGCIM huwa kkaratterizzat bħala istituzzjoni direttament responsabbli għat-twettiq ta’ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem.

22.2.2021

53.

Carlos Enrique TERÁN HURTADO

Numru tal-identità: V-8042567

Sess: raġel

Ġeneral tad-Diviżjoni tal-Armata Nazzjonali Bolivarjana tal-Venezwela mill-2022. Direttur tad-Direttorat Speċjali tal-Investigazzjonijiet Kriminali u Kriminalistiċi (DEIPC) fid-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) minn Awwissu 2019 sa Frar 2021. F’funzjonijiet preċedenti, il-Brigadier Ġeneral Terán Hurtado serva bħala kap tal-pulizija fl-istat ta’ Falcón u kap tad-DGCIM fl-istat ta’ Táchira. Responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż trattament krudili u inuman ta’ detenuti, imwettqa minn uffiċjali tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Fis-sejbiet dettaljati tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, il-Brigadier Ġeneral Terán Hurtado huwa speċifikament indikat bħala wieħed mill-atturi responsabbli, u huwa marbut mal-każ tal-Kaptan de la Sotta.

22.2.2021”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2498/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)