European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2435

27.10.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2435

tas-26 ta’ Ottubru 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4i tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 401/2013.

(2)

Il-Kunsill irrieżamina l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw l-entrata 84 fit-Taqsima A " u l-entrata 17 fit-Taqsima B. fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li dawk l-entrati jiġu emendati. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni aġġornata riċevuta jenħtieġ li l-entrata għal persuna oħra inkluża f’dak l-Anness tiġi emendata.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 401/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU L 121, 3.5.2013, p. 1.


ANNESS

L-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 (“Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 4a”) huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Taqsima “A. Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 4a”, l-entrati 84 u 93 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“84.

Naing Htut Aung

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Data tat-twelid: 27.1.1968;

Sess:raġel

Numru tal-passaport: 12/MAKAYA 118765

Naing Htut Aung huwa Direttur u l-uniku azzjonist ta’ International Gateways Group of Company Limited (IGGC) li jopera fis-settur tal-kummerċ. Huwa għandu rabtiet b’saħħithom mat-tmexxija militari fil-Myanmar.

Permezz tal-IGGC, Naing Htut Aung ipprovda appoġġ finanzjarju lill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) fl-2017 f’avveniment ta’ ġbir ta’ fondi b’rabta mal-“operazzjonijiet ta’ tneħħija” ta’ Rakhine, u ta donazzjoni lit-Tatmadaw fl-2023 fl-okkażjoni ta’ Jum il-Forzi Armati. Barra minn hekk, Naing Htut Aung ġie identifikat bħala importatur u sensar ta’ armi, tagħmir militari u oġġetti b’użu doppju għat-Tatmadaw, li ntużaw kontra l-popolazzjoni ċivili u d-dimostranti fil-pajjiż kollu.

Billi kkontribwixxa għall-kapaċitajiet tal-militar li jwettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili, kif ukoll li jwettaq attivitajiet li jimminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, Naing Htut Aung appoġġa lit-Tatmadaw u kien involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

8.11.2022

93.

Myo Myint Oo

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess:raġel

Myo Myint Oo ilu l-Ministru tal-Unjoni għall-Enerġija mill-5 ta’ Awwissu 2022. Bħala Ministru tal-Gvern, huwa jifforma parti mir-reġim militari.

Taħt l-awtorità tiegħu, l-entità elenkata mill-UE Myanmar Oil and Gas Enterprise (MOGE) tiġġenera dħul għall-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) elenkat mill-UE u l-Myanmar Petroleum Enterprise, li hija involuta fl-importazzjoni u d-distribuzzjoni tal-fjuwil tal-avjazzjoni inkluż għal ġettijiet tal-ġlied u inġenji tal-ajru militari oħra.

Bħala Ministru għall-Enerġija, huwa inkarigat li jippermetti l-investiment u l-kooperazzjoni ma’ sħab barranin fis-setturi taż-żejt u tal-gass, li joħolqu dħul għall-Kunsill Amministrattiv tal-Istat, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-ħtiġijiet finanzjarji tar-reġim militari u għall-importazzjoni ta’ fjuwil tal-avjazzjoni għall-militar li jippermetti l-attakki militari mill-ajru kontra persuni ċivili.

Għaldaqstant huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, jew li tinvolvi ruħha f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma, jew tappoġġahom.

20.2.2023”;

(2)

fit-taqsima “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 4a”, l-entrata 17 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“17.

International Gateways Group of Company Limited (magħrufa wkoll bħala IGGC, magħrufa wkoll bħala IGG)

Indirizz: Kyaik Wine Pagoda Road, No. 19, Myaing Hay Wun Housing, 8-Mile, Mayangone, Yangon, Myanmar;

jew

Thamadi Street” No. 4-1/3, 8th Quarter, Mayangone Township, Yangon region, Myanmar

Email: internationalgatewaysho@gmail.com

Post tar-reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwu assoċjat: Naing Htut Aung (Direttur u l-uniku azzjonist)

Entità assoċjata: MEHL

International Gateways Group of Company Limited (IGGC) hija kumpanija mmexxija b’mod konġunt minn Naing Htut Aung u li topera fis-settur tal-kummerċ. Weħidha kkontribwiet fondi bħala l-ikbar donatur lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Myanmar (Tatmadaw) fl-2017, f’avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi għall-“operazzjonijiet ta’ tneħħija” ta’ Rakhine li saru mill-Kap Kmandant, Min Aung Hlaing. Barra minn hekk, l-IGGC tat donazzjoni lit-Tatmadaw fl-2023 fl-okkażjoni ta’ Jum il-Forzi Armati.

Barra minn hekk, l-IGGC kienet involuta fl-akkwist tal-armi għat-Tatmadaw, inkluż tagħmir militari u oġġetti b’użu doppju, li ntużaw kontra l-popolazzjoni ċivili u d-dimostranti fil-pajjiż kollu. Għaldaqstant, l-IGGC ipprovdiet appoġġ lit-Tatmadaw u kienet involuta f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

20.2.2023”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2435/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)