European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2427

26.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2427

tat-23 ta’ Ottubru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta’ 3 snin, sal-31 ta’ Diċembru 1995.

(2)

Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”), stabbilit taħt l-Artikolu 3 tal-Ftehim, għandu s-setgħa skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim li- jestendi l-Ftehim, b’vot speċjali, għal perjodi suċċessivi, ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tiegħu ’l hawn, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar b’deċiżjoni tal-ISC f’Novembru 2021 u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(3)

Fl-2021, l-ISC qabel li jemenda l-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 23, 25, 32, 33, u 34 tiegħu. Dawk l-emendi kienu oriġinarjament maħsuba biex jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024. Matul it-62 sessjoni tiegħu, l-ISC qabel li jtawwal il-perjodu li fih il-Membri jkunu jistgħu jiddepożitaw l-istrumenti ta’ aċċettazzjoni tagħhom dwar dawk l-emendi sat-30 ta’ April 2024, filwaqt li d-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-emendi ġie pospost għall-1 ta’ Jannar 2025. Fid-dawl ta’ dan, il-validità tal-Ftehim fil-formulazzjoni attwali tiegħu jeħtieġ li tiġi estiża.

(4)

Matul it-63 sessjoni tiegħu li se ssir fl-24 ta’ Novembru 2023, l-ISC għandu jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim fil-formulazzjoni attwali tiegħu, sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ISC, matul it-63 sessjoni tiegħu, fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim. Huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jiġi estiż ulterjorment,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, matul it-63 sessjoni tiegħu, għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 għal perjodu ulterjuri ta’ sena, sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

L. PLANAS PUCHADES


(1)   ĠU L 379, 23.12.1992, p. 16.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2427/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)