|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2425 |
26.10.2023 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2425
tal-20 ta’ Ottubru 2023
dwar il-koordinazzjoni tar-rispons għall-inċidenti li jirriżultaw b’mod partikolari mit-tixrid ta’ kontenut illegali, qabel id-dħul fis-seħħ sħiħ tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-“Att dwar is-Servizzi Diġitali”)
(notifikata bid-dokument C(2023) 7170)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-dinja għaddejja minn perjodu ta’ kunflitt u instabbiltà bla preċedent. Bil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u bl-attakk terroristiku tal-Ħamas fl-Iżrael. Bil-firxa wiesgħa tal-midja soċjali, il-vjolenza u l-gwerra qed jinħassu dejjem aktar online fl-Unjoni. Dan kellu bħala konsegwenza żieda bla preċedent fil-kontenut illegali u dannuż li qed jinxtered online, inklużi l-azzjonijiet koordinati biex jinxterdu d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni fl-Unjoni kollha fir-rigward ta’ kriżijiet internazzjonali bħal dawn. |
|
(2) |
Il-pjattaformi online, b’mod partikolari, għandhom rwol importanti fit-tixrid tal-informazzjoni madwar l-Unjoni. Minn naħa waħda, il-pjattaformi online huma mezzi ewlenin tal-komunikazzjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni u jistgħu jipprovdu informazzjoni sinifikanti lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet pubbliċi. Dawn jiffaċilitaw id-dibattitu pubbliku u t-tixrid tal-informazzjoni, l-opinjonijiet u l-ideat lill-pubbliku, u jinfluwenzaw kif iċ-ċittadini jiksbu u jikkomunikaw l-informazzjoni online. Min-naħa l-oħra, il-pjattaformi online jistgħu jintużaw ħażin bħala mezz biex jinxtered u jiġi amplifikat kontenut illegali jew dannuż online. |
|
(3) |
Bir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), l-Unjoni stabbiliet regoli rivoluzzjonarji biex tara li l-ambjent tal-informazzjoni tagħha jkun sigur, filwaqt li tipproteġi l-libertajiet vitali tal-informazzjoni, speċjalment fi żminijiet ta’ kunflitt, iżda teżiġi wkoll rispons effettiv għat-tixrid tal-kontenut illegali online u t-theddid għad-diskors ċiviku, l-elezzjonijiet u s-sigurtà pubblika. Dak ir-Regolament jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji billi jistabbilixxi regoli armonizzati għal ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, li jiffaċilita l-innovazzjoni, u li fih id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġu protetti b’mod effettiv (2). |
|
(4) |
Ir-Regolament jagħmel dan, b’mod partikolari, billi jimponi obbligi speċifiċi ta’ diliġenza dovuta mfassla għal kategoriji speċifiċi ta’ fornituri tas-servizzi intermedjarji, u billi jistabbilixxi struttura ta’ governanza biex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-monitoraġġ u l-infurzar ta’ dawk l-obbligi, inkluża l-possibbiltà li jitfasslu protokolli ta’ kriżi skont l-Artikolu 48. |
|
(5) |
Filwaqt li r-Regolament (UE) 2022/2065 se japplika bis-sħiħ mis-17 ta’ Frar 2024 biss, diġà japplika għall-fornituri tal-pjattaformi online u tal-magni tat-tiftix online li ġew ddeżinjat bħala pjattaformi online kbar ħafna u bħala magni tat-tiftix online kbar ħafna mill-Kummissjoni fil-25 ta’ April 2023 skont l-Artikolu 33(4) ta’ dak ir-regolament (3). Filwaqt li l-Istati Membri huma obbligati biss jiddeżinjaw il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom u awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065 sas-17 ta’ Frar 2024, (4) il-Kummissjoni tista’ diġà tuża s-setgħat ta’ infurzar fdati lilha skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV ta’ dak ir-regolament fir-rigward tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjat minnha fil-25 ta’ April 2023 (5). |
|
(6) |
Madankollu, il-monitoraġġ u l-infurzar effettivi tar-Regolament (UE) 2022/2065 mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk il-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati jirrikjedu l-assistenza u l-kooperazzjoni attiva mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri. F’diversi każijiet, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament jirrikjedu b’mod espliċitu li l-Kummissjoni tikkoopera mal-Bord Ewropew għas-Servizz Diġitali (“il-Bord”), (6) mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, u ma’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra li l-Istati Membri jippjanaw li jafdaw bil-monitoraġġ u l-infurzar ta’ dak ir-regolament fit-territorju tagħhom. |
|
(7) |
Il-fatt li diversi Stati Membri għadhom ma ħatrux il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom u li l-Bord għadu ma ġiex kostitwit jikkomplika l-monitoraġġ u l-infurzar ta’ dak ir-regolament mill-Kummissjoni, qabel id-dħul fis-seħħ sħiħ tiegħu, fir-rigward tal-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati li għalihom diġà japplika r-Regolament (UE) 2022/2065 (7). Madankollu, il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura l-effettività sħiħa ta’ dak ir-regolament fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi bħal dawn. |
|
(8) |
Sad-data tal-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, kienu inqas minn 10 % dawk l-Istati Membri li diġà ħatru formalment il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. Madankollu, f’ħafna Stati Membri nbdew il-proċessi leġiżlattivi nazzjonali u ġew identifikati b’mod preliminari l-awtoritajiet regolatorji eżistenti biex jassumu r-rwol ta’ Koordinatur tas-Servizzi Diġitali. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, sakemm l-istruttura ta’ governanza prevista mir-Regolament (UE) 2022/2065 tkun kompletament fis-seħħ, jaħtru awtorità indipendenti biex tkun parti minn network informali ta’ Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali prospettivi, peress li r-rwol tagħhom huwa essenzjali biex jiġu identifikati u indirizzati l-inċidenti, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mit-tixrid ta’ kontenut illegali, li joħolqu riskju ċar li jiġu intimidati gruppi ta’ popolazzjoni u destabbilizzati strutturi politiċi u soċjali fl-Unjoni jew f’partijiet minnha, inklużi dawk li hemm riskju li jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f’partijiet sinifikanti minnha. Huma mħeġġa jiltaqgħu regolarment bejniethom u mal-Kummissjoni f’network informali biex jiddiskutu inċidenti bħal dawn li jirriżultaw mit-tixrid ta’ kontenut illegali mxerred fuq pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna, li għalihom diġà japplika dak ir-regolament. B’mod partikolari, inċidenti bħal dawn jistgħu jinkludu t-tixrid ta’ kontenut illegali fir-rigward ta’ kunflitti internazzjonali, atti ta’ terroriżmu, emerġenzi tas-saħħa pubblika, proċessi elettorali, eċċ. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni tippromwovi wkoll is-sejħa ta’ laqgħat speċifiċi b’rispons għal inċident biex jinkiseb rispons aġli, koordinat u proporzjonat fid-dawl tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 mill-fornituri, kif ukoll fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, biex tiġi ssimplifikata l-komunikazzjoni f’sitwazzjonijiet urġenti u jinfirex l-għarfien dwar is-sitwazzjoni. |
|
(10) |
L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jassistu lill-Kummissjoni fil-kompitu tagħha ta’ monitoraġġ u infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065 fir-rigward ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mħeġġa jiġbru evidenza dwar it-tixrid ta’ kontenut illegali permezz ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna fit-territorju tagħhom u jikkondividu dik l-evidenza mal-Kummissjoni biex tkun tista’ twieġeb kif xieraq u malajr għal kontenut bħal dan. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) 2022/2065 ma jiddeterminax jekk tip partikolari ta’ kontenut jikkwalifikax bħala kontenut illegali. L-illegalità tal-kontenut jiddeterminawha l-liġijiet nazzjonali jew, meta armonizzati, ir-regoli Ewropej. Diversi atti tad-dritt tal-Unjoni jipprevedu qafas legali fir-rigward ta’ ċerti tipi partikolari ta’ kontenut illegali li jiġu ppreżentati u mxerrda online u jarmonizzaw dak li għandu jitqies illegali madwar l-Unjoni. B’mod partikolari, id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta’ reati u sanzjonijiet kriminali fil-qasam tar-reati terroristiċi, ir-reati relatati ma’ grupp terroristiku u r-reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni, appoġġ u assistenza għall-vittmi tat-terroriżmu. |
|
(12) |
Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jiddefinixxi speċifikament x’jikkostitwixxi kontenut terroristiku online, jiġifieri materjal li jinċita t-twettiq ta’ reat terroristiku, jigglorifika atti terroristiċi, jippromwovi t-twettiq ta’ tali reati, jissolleċita t-twettiq jew jikkontribwixxi għal attivitajiet relatati ma’ reati terroristiċi jew jipparteċipa fihom, jipprovdi struzzjoni dwar it-tfassil ta’ diversi tipi ta’ armi għall-finijiet ta’ terroriżmu jew jikkostitwixxi theddida għat-twettiq ta’ reat terroristiku. Dan jipprovdi wkoll il-qafas legali biex l-Istati Membri jibagħtu ordnijiet ta’ tneħħija lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u jobbligawhom ineħħu l-kontenut fi żmien siegħa. Dan jirrikjedi wkoll li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jipprevjenu l-isfruttament tas-servizzi tagħhom jekk ikunu esposti għal kontenut terroristiku. |
|
(13) |
Bl-istess mod, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI (10) teżiġi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw diversi tipi ta’ mġiba intenzjonali relatati mal-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew mal-mibegħda kontra xi grupp ta’ persuni jew membru ta’ grupp bħal dan li huma ddefiniti b’referenza għar-razza, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika. Jeżiġi wkoll lill-Istati Membri jikkriminalizzaw il-kondotta intenzjonali li jiġu skużati, miċħuda jew trivjalizzati b’mod serju d-delitti ta’ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-paċi diretti kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ tali grupp definit b’referenza għar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, in-nisel jew l-oriġini nazzjonali jew etnika meta tali mġiba x’aktarx titwettaq b’mod li jinċita l-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp bħal dan jew membru ta’ grupp bħal dan. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li diġà huwa possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li joħorġu inibizzjonijiet kontra fornituri tas-servizzi intermedjarji li s-servizzi tagħhom qed jintużaw biex ixerrdu kontenut illegali online. Fil-kuntest attwali, huwa ta’ importanza kruċjali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti passi minnufih biex jidentifikaw ta’ kontenut illegali online bħal dan u joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija abbażi tas-sistemi nazzjonali tagħhom. L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jagħmilha ċara li ordnijiet bħal dawn jistgħu jinħarġu fuq bażi transfruntiera. Fid-dawl tar-riskju ta’ inċidenti huwa ta’ importanza primarja li l-awtoritajiet kompetenti jiġbru l-evidenza kollha meħtieġa biex jippermettu miżuri effettivi kontra l-amplifikazzjoni tal-kontenut illegali online fir-rigward tad-delitti li ta’ spiss ikunu orribbli u jagħmlu użu mis-setgħat mogħtija lilhom mill-istrumenti differenti tad-dritt tal-Unjoni biex jindirizzaw il-kontenut illegali. |
|
(15) |
Il-multipliċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni u l-forom differenti ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-kontenut illegali jżidu l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fil-fażi li twassal għall-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) 2022/2065. It-teħid ta’ azzjoni rapida u kkoordinata huwa kruċjali biex jiġi evitat li jiċċirkola online l-kontenut illegali, u b’mod partikolari l-kontenut terroristiku u d-diskors ta’ mibegħda illegali, inkluż billi dan isir virali. Meta l-azzjoni li tittieħed fil-livell nazzjonali kontra l-amplifikazzjoni tal-kontenut illegali online ma tkunx ikkoordinata, din iżżid il-frammentazzjoni u l-inċertezza legali, u żżid il-frizzjoni u ż-żminijiet ta’ reazzjoni. Barra minn hekk, kif rikonoxxut mir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tinforza dak ir-regolament fir-rigward tal-fornituri tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-fornituri tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna. Fid-dawl ta’ dan, huwa preferibbli li l-Istati Membri jaġixxu b’mod koordinat b’appoġġ għall-azzjonijiet ta’ infurzar eventwali li l-Kummissjoni tista’ tieħu meta teżerċita s-setgħat tagħha stabbiliti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li jeżistu diversi oqfsa ta’ kooperazzjoni volontarja biex jiġi indirizzat it-tixrid ta’ kontenut illegali online. |
|
(17) |
It-teħid ta’ azzjoni rapida u kkoordinata f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi huwa kruċjali biex jiġi evitat li jinfirex online l-kontenut illegali, u b’mod partikolari l-kontenut terroristiku u d-diskors ta’ mibegħda illegali, inkluż billi dan isir virali. Il-Protokoll ta’ Kriżi tal-UE, żviluppat fl-2019 fil-kuntest tal-Forum tal-UE dwar l-Internet, u aġġornat fl-2023, jipprevedi mekkaniżmu volontarju għal rispons transfruntier ikkoordinat u rapidu mill-fornituri tas-servizzi online u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal kriżi suspettata fl-ispazju online, li tirriżulta minn att terroristiku jew estremist vjolenti. Il-Protokoll tal-UE dwar il-Kriżi jistabbilixxi l-proċeduri, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi ewlenin, b’mod partikolari biex jiġi evitat it-tfixkil tal-investigazzjonijiet u jiġi żgurat il-ġbir tal-evidenza u huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni volontarja fost il-membri tal-Forum tal-UE dwar l-Internet. L-Istati Membri jistgħu jattivaw il-Protokoll, f’konsultazzjoni mal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-UE (IRU) tal-Europol. L-EU IRU għandha rwol ewlieni fil-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-fornituri tas-servizzi online. Il-preservazzjoni tal-kontenut imneħħi hija wkoll kruċjali biex tippermetti l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontenut imneħħi bla bżonn u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali. |
|
(18) |
Fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online, il-pjattaformi ewlenin tal-midja soċjali, li wħud minnhom ġew iddeżinjati bħala pjattaformi online kbar ħafna skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, impenjaw ruħhom li jivvalutaw u jekk ikun meħtieġ ineħħu l-kontenut ta’ diskors ta’ mibegħda nnotifikat lilhom f’24 siegħa, fil-maġġoranza tal-każijiet; il-konformità tagħhom tiġi vvalutata minn network ta’ sinjalaturi fdati. Il-Kummissjoni u l-firmatarji bħalissa qed jirrieżaminaw il-Kodiċi ta’ Kondotta, anke fil-kuntest tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2022/2065, biex jintroduċu impenji li jistgħu jgħinu biex jittaffew ir-riskji sistemiċi u jiġi antiċipat it-theddid ta’ mewġiet ta’ diskors ta’ mibegħda illegali qabel ma l-kontenut isir virali online. |
|
(19) |
Ir-Regolament (UE) 2022/2065 jipprevedi mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni għal reazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Madanakollu, kif juru l-avvenimenti riċenti, diġà qed jinqalgħu ċirkostanzi straordinarji qabel is-17 ta’ Frar 2024, li qed jaffettwaw l-ispazju diġitali Ewropew. Ċirkostanzi straordinarji bħal dawn, ikkawżati minn inċidenti jew kriżijiet speċifiċi li jirriżultaw mit-tixrid ta’ kontenut illegali, joħolqu riskju ċar ta’ intimidazzjoni ta’ gruppi ta’ popolazzjoni u ta’ destabbilizzazzjoni tal-istrutturi politiċi u soċjali fl-Unjoni jew f’partijiet minnha. Din is-sitwazzjoni teżiġi azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni issa, ferm qabel id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament (UE) 2022/2065 (eż. is-17 ta’ Frar 2024). |
|
(20) |
Fir-rigward tat-theddid ta’ emerġenza bħal dawn, hemm ir-riskju li l-azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali kontra l-amplifikazzjoni tal-kontenut illegali online ma tkunx ikkoordinata, li jwassal għal frammentazzjoni u inċertezza legali, u jżid il-frizzjoni u ż-żminijiet ta’ rispons. Barra minn hekk, kif rikonoxxut mir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tinforza ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjoni sistemika tar-regoli mill-fornituri tal-pjattaformi online kbar ħafna u mill-fornituri tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna. Fid-dawl ta’ dan, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod koordinat b’appoġġ għall-azzjonijiet ta’ infurzar eventwali li l-Kummissjoni tista’ tieħu meta teżerċita s-setgħat tagħha stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2065. |
|
(21) |
L-involviment tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-ippjanar tar-rispons nazzjonali biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali huwa importanti sabiex il-miżuri meħuda jew ippjanati ma jfixklulhomx xogħolhom, b’mod partikolari meta jkun hemm theddida imminenti għall-ħajja. |
|
(22) |
Fid-dawl tal-perjodu bla preċedent ta’ kunflitt u instabbiltà li qed jaffettwa lill-Unjoni, din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ tħejjija, kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri qabel l-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) 2022/2065 fis-17 ta’ Frar 2024, fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera, biex tippermetti tranżizzjoni rapida lejn l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u biex tiżgura l-effettività sħiħa tiegħu sa mill-bidu nett. Din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex l-għan li tissostitwixxi jew tissupplimenta l-mekkaniżmi ta’ infurzar u lanqas il-qafas tal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2065. |
|
(23) |
Il-Kummissjoni se tivvaluta l-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ladarba tiskadi, jiġifieri meta r-Regolament (UE) 2022/2065 jidħol fis-seħħ bis-sħiħ. |
|
(24) |
Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tapplika mis-17 ta’ Frar 2024. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
SKOP TA’ DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI
Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispondu b’mod ikkoordinat u konsistenti għall-inċidenti, b’mod partikolari li jirriżultaw mit-tixrid ta’ kontenut illegali, li joħolqu riskju ċar ta’ intimidazzjoni ta’ gruppi ta’ popolazzjoni u ta’ destabbilizzazzjoni tal-istrutturi politiċi u soċjali fl-Unjoni jew f’partijiet minnha, inkluż dawk li hemm riskju li jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f’partijiet sinifikanti minnha, fil-konfront ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna deżinjati skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, qabel is-17 ta’ Frar 2024.
DEFINIZZJONIJIET
Għall-iskopijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“Koordinatur tas-Servizzi Diġitali” tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali deżinjat minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2022/2065; |
|
(b) |
“Bord” tfisser il-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali stabbilit skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2022/2065; |
|
(c) |
“Pjattaformi online kbar ħafna” u “magni tat-tiftix online kbar ħafna” tfisser il-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix online ddeżinjati skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065. |
RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI
Network informali ta’ Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali prospettivi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni qabel is-17 ta’ Frar 2024
|
1. |
Qabel is-17 ta’ Frar 2024, l-Istati Membri huma mħeġġa, permezz ta’ network informali (“in-Network Informali”), jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b’rabta mat-tixrid ta’ kontenut illegali fuq pjattaformi online kbar ħafna u fuq magni tat-tiftix online kbar ħafna li diġà ġew iddeżinjati skont l-Artikolu 33(4) ta’ dak ir-regolament. |
|
2. |
Dawk l-Istati Membri li diġà ħatru formalment, jew tal-anqas identifikaw, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali indipendenti tagħhom skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2025/2065 huma mħeġġa jgħaddu d-dettalji tal-kuntatt lill-Kummissjoni tal-awtorità responsabbli ddeżinjata jew li jkunu se jiddeżinjaw. L-Istati Membri l-oħra kollha huma mħeġġa jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun, inkluż fuq bażi ad hoc biex jipparteċipaw fin-network ta’ Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali prospettivi skont il-paragrafu 1. |
|
3. |
L-Istati Membri l-oħra huma mħeġġa jaħtru uffiċjal ta’ livell għoli biex jipparteċipa fin-Network Informali u jikkondividu mal-Kummissjoni d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità li jirrappreżenta dak l-uffiċjal li tista’ sservi bħala punt ta’ kuntatt sakemm jiġi ddeżinjat il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. |
Laqgħat speċifiċi għall-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet
|
4. |
Il-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq rakkomandazzjoni ta’ membru wieħed jew aktar tan-network informali ta’ Koordinaturi prospettivi tas-Servizzi Diġitali tista’ tlaqqa’ n-Network Informali ta’ Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali prospettivi. Huwa rakkomandat li n-Network Informali jikkoopera mal-Kummissjoni biex twieġeb permezz ta’ laqgħat speċifiċi għal inċidenti, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mit-tixrid ta’ kontenut illegali, li joħolqu riskju ċar ta’ intimidazzjoni ta’ gruppi ta’ popolazzjoni u ta’ destabbilizzazzjoni ta’ strutturi politiċi u soċjali fl-Unjoni jew f’partijiet minnha, inkluż dawk li hemm riskju li jwasslu għal theddida serja għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni jew f’partijiet sinifikanti minnha. |
|
5. |
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jipparteċipaw b’mod attiv fil-laqgħat tan-Network Informali. |
|
6. |
Dawk ir-reazzjonijiet ikkoordinati min-Network Informali jistgħu jinkludu l-għodod li ġejjin: |
Laqgħat regolari dwar ir-Rispons għall-Inċidenti
|
7. |
Fil-kuntest ta’ inċidenti bħal dawn, il-Kummissjoni tirrakkomanda li n-network informali ta’ Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali prospettivi jiltaqa’ regolarment biex jikseb fehim ikkoordinat tal-iżvilupp taċ-ċirkostanzi straordinarji fil-livell nazzjonali u jipproponi qafas għal kull azzjoni ta’ segwitu li tista’ titqies meħtieġa fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji identifikati. |
|
8. |
Laqgħat bħal dawn għandhom ikopru l-aspetti li ġejjin:
|
Ġbir ta’ informazzjoni
|
9. |
In-network informali tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali prospettivi jista’, meta jkun rilevanti, jipprovdi informazzjoni sinifikanti dwar il-funzjonament u t-tfassil tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna rilevanti, miġbura waqt l-eżerċizzju tal-kompiti rispettivi tagħhom u fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom stabbiliti mir-Regolament (UE) 2022/2065 jew mingħand awtoritajiet kompetenti oħra fl-Istat Membru rispettiv tagħhom. |
Appoġġ lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u l-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065
|
10. |
Qabel is-17 ta’ Frar 2024, l-Istati Membri huma mħeġġa jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065 b’rabta mat-tixrid ta’ kontenut illegali fuq pjattaformi online kbar ħafna u fuq magni tat-tiftix online kbar ħafna li diġà ġew iddeżinjati skont l-Artikolu 33(4) ta’ dak ir-regolament. |
|
11. |
Assistenza bħal din tista’ tikkonsisti minn
|
Tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni f’oqfsa ta’ kooperazzjoni volontarja eżistenti
|
12. |
L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jipparteċipaw fl-oqfsa ta’ kooperazzjoni volontarja eżistenti biex jindirizzaw it-tixrid ta’ kontenut illegali online. Oqfsa ta’ kooperazzjoni volontarja bħal dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-Protokoll ta’ Kriżi tal-UE, li jipprevedi mekkaniżmu volontarju biex iwieġeb għal kriżi suspettata fl-ispazju online, li tirriżulta minn att terroristiku jew estremist vjolenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkoordinaw permezz ta’ fora internazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, bħas-Sejħa Christchurch u l-Forum Globali tal-Internet għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mmexxi mill-industrija. |
Perjodu tal-applikazzjoni
|
13. |
Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tapplika sas-17 ta’ Frar 2024. |
|
14. |
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. |
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2023.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).
(2) L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065
(3) Il-lista ta’ servizzi deżinjati ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni, skont l-Artikolu 33(6) tar-Regolament (UE) 2065: ĠU C 249, 14.7.2023, p. 2.
(4) Ara l-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065.
(5) Skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni għandha setgħat esklużivi biex tissorvelja u tinforza t-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2022/2065, li fiha obbligi ta’ diliġenza dovuta msaħħa li japplikaw għall-pjattaformi online kbar ħafna u għall-magni tat-tiftix online kbar ħafna ddeżinjati. Skont l-Artikolu 56(3) ta’ dak ir-regolament, il-Kummissjoni għandha wkoll is-setgħa li tissorvelja u tinforza l-obbligi ta’ diliġenza dovuta stabbiliti f’dak ir-Regolament, minbarra dawk stabbiliti fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tiegħu, kontra l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna.
(6) Skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Bord huwa grupp konsultattiv indipendenti, magħmul mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, dwar is-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji.
(7) Skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Bord, fost l-oħrajn, se jagħti pariri lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar miżuri xierqa ta’ investigazzjoni u infurzar, b’mod partikolari fir-rigward tal-fornituri tal-pjattaformi online kbar ħafna jew tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna u filwaqt li jqis, b’mod partikolari, il-libertà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jipprovdu servizzi madwar l-Unjoni kollha.
(8) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
(9) Ir-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ĠU L 172, 17.5.2021, p. 79).
(10) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2425/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)