European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2422

27.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2422

tas-26 ta’ Ottubru 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1).

(2)

Fir-rigward tal-entrata 84 fit-Taqsima A” u l-entrata 17 fit-Taqsima B fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK, il-miżuri fl-Artikoli 5(1) u 6(1) ta’ dik id-Deċiżjoni japplikaw sad-29 ta’ Ottubru 2023.

(3)

Abbażi ta’ rieżami interim tad-Deċiżjoni 2013/184/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw dawk iż-żewġ entrati jiġu estiżi sat-30 ta’ April 2024.

(4)

Abbażi tal-informazzjoni aġġornata riċevuta, jenħtieġ li dawk iż-żewġ entrati u l-entrata għal persuna oħra inkluża fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK jiġu emendati.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/184/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/184/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ April 2024. Għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”

;

(2)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta’ April 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK (“Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 5(1) u 6(1)”) huwa emendat b’dan li ġej:

(1)

fit-Taqsima “a. Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 5(1) u 6(1)", l-entrati 84 u 93 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“84.

Naing Htut Aung

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Data tat-twelid: 27.1.1968;

Sess:raġel

Numru tal-passaport: 12/MAKAYA 118765

Naing Htut Aung huwa Direttur u l-uniku azzjonist ta’ International Gateways Group of Company Limited (IGGC) li jopera fis-settur tal-kummerċ. Huwa għandu rabtiet b’saħħithom mat-tmexxija militari fil-Myanmar.

Permezz tal-IGGC, Naing Htut Aung ipprovda appoġġ finanzjarju lill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) fl-2017 f’avveniment ta’ ġbir ta’ fondi b’rabta mal-“operazzjonijiet ta’ tneħħija” ta’ Rakhine, u ta donazzjoni lit-Tatmadaw fl-2023 fl-okkażjoni ta’ Jum il-Forzi Armati. Barra minn hekk, Naing Htut Aung ġie identifikat bħala importatur u sensar ta’ armi, tagħmir militari u oġġetti b’użu doppju għat-Tatmadaw, li ntużaw kontra l-popolazzjoni ċivili u d-dimostranti fil-pajjiż kollu.

Billi kkontribwixxa għall-kapaċitajiet tal-militar li jwettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili, kif ukoll li jwettaq attivitajiet li jimminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, Naing Htut Aung appoġġa lit-Tatmadaw u kien involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

8.11.2022”;

“93.

Myo Myint Oo

Nazzjonalità: Myanmar/Burma;

Post tat-twelid: Myanmar/Burma;

Sess:raġel

Myo Myint Oo ilu l-Ministru tal-Unjoni għall-Enerġija mill-5 ta’ Awwissu 2022. Bħala Ministru tal-Gvern, huwa jifforma parti mir-reġim militari.

Taħt l-awtorità tiegħu, l-entità elenkata mill-UE Myanmar Oil and Gas Enterprise (MOGE) tiġġenera dħul għall-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) elenkat mill-UE u l-Myanmar Petroleum Enterprise, li hija involuta fl-importazzjoni u d-distribuzzjoni tal-fjuwil tal-avjazzjoni inkluż għal ġettijiet tal-ġlied u inġenji tal-ajru militari oħra.

Bħala Ministru għall-Enerġija, huwa inkarigat li jippermetti l-investiment u l-kooperazzjoni ma’ sħab barranin fis-setturi taż-żejt u tal-gass, li joħolqu dħul għall-Kunsill Amministrattiv tal-Istat, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-ħtiġijiet finanzjarji tar-reġim militari u għall-importazzjoni ta’ fjuwil tal-avjazzjoni għall-militar li jippermetti l-attakki militari mill-ajru kontra persuni ċivili.

Għaldaqstant huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, jew li tinvolvi ruħha f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma, jew tappoġġahom.

20.2.2023”;

(2)

fit-taqsima “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 6(1)”, l-entrata 17 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

“17.

International Gateways Group of Company Limited (magħrufa wkoll bħala IGGC, magħrufa wkoll bħala IGG)

Indirizz: Kyaik Wine Pagoda Road, No. 19, Myaing Hay Wun Housing, 8-Mile, Mayangone, Yangon, Myanmar;

jew

Thamadi Street” No. 4-1/3, 8th Quarter, Mayangone Township, Yangon region, Myanmar

Email: internationalgatewaysho@gmail.com

Post tar-reġistrazzjoni: Myanmar;

Individwu assoċjat: Naing Htut Aung (Direttur u l-uniku azzjonist)

Entità assoċjata: MEHL

International Gateways Group of Company Limited (IGGC) hija kumpanija mmexxija b’mod konġunt minn Naing Htut Aung u li topera fis-settur tal-kummerċ. Weħidha kkontribwiet fondi bħala l-ikbar donatur lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Myanmar (Tatmadaw) fl-2017, f’avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi għall-“operazzjonijiet ta’ tneħħija” ta’ Rakhine li saru mill-Kap Kmandant, Min Aung Hlaing. Barra minn hekk, l-IGGC tat donazzjoni lit-Tatmadaw fl-2023 fl-okkażjoni ta’ Jum il-Forzi Armati.

Barra minn hekk, l-IGGC kienet involuta fl-akkwist tal-armi għat-Tatmadaw, inkluż tagħmir militari u oġġetti b’użu doppju, li ntużaw kontra l-popolazzjoni ċivili u d-dimostranti fil-pajjiż kollu. Għaldaqstant, l-IGGC ipprovdiet appoġġ lit-Tatmadaw u kienet involuta f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma.

20.2.2023”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2422/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)