|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2418 |
26.10.2023 |
REGOLAMENT (UE) 2023/2418 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Ottubru 2023
dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-istrument leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, fil-laqgħa tagħhom f’Versailles fil-11 ta’ Marzu 2022, impenjaw ruħhom għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża Ewropej minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ftiehmu li jżidu b’mod sostanzjali in-nefqa għad-difiża, li jiżviluppaw aktar inċentivi biex jistimulaw l-investimenti kollaborattivi tal-Istati Membri fi proġetti konġunti u l-akkwist konġunt tal-kapaċitajiet tad-difiża, li jinvestu aktar fil-kapaċitajiet meħtieġa biex titwettaq il-firxa sħiħa ta’ missjonijiet u operazzjonijiet, li jrawmu s-sinerġiji u jagħtu spinta lill-innovazzjoni, u li jsaħħu u jiżviluppaw l-industrija tad-difiża tal-Ewropa, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). |
|
(2) |
L-invażjoni mhux ġustifikata tal-Ukrajna tar-Russja fl-24 ta’ Frar 2022 u l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha li għadha għaddejja għamluha ċara li hu kruċjali li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti. Ir-ritorn ta’ gwerra b’taqbid ta’ intensità għolja u kunflitt territorjali fl-Ewropa, għandu effett negattiv fuq is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u jeħtieġ żieda sinifikanti fil-kapaċità tal-Istati Membri biex ineħħu l-aktar lakuni urġenti u kritiċi, speċjalment dawk aggravati bit-trasferiment tal-prodotti tad-difiża lejn l-Ukrajna. |
|
(3) |
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ssottolinjat b’mod drammatiku l-ħtieġa li l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) tiġi adattata għal bidliet strutturali, biex jissaħħu r-riċerka u l-iżvilupp militari tal-Unjoni, biex jiġi mmodernizzat it-tagħmir militari, u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fil-qafas tal-akkwist fil-qasam tad-difiża. |
|
(4) |
Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) ippreżentaw “komunikazzjoni konġunta dwar “l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur”. Il-komunikazzjoni konġunta ssottolinjat l-effetti ta’ snin ta’ nuqqas ta’ nefqa fid-difiża u l-eżistenza ta’ diskrepanzi finanzjarji, industrijali u fil-kapaċità b’rabta mas-settur tad-difiża fl-Unjoni. Il-komunikazzjoni konġunta speċifikat li r-ritorn tal-gwerra fl-Ewropa kien kixef akkumulazzjoni ta’ lakuni u nuqqasijiet fl-inventarji militari, kapaċità tal-produzzjoni industrijali mnaqqsa, u akkwist konġunt u kollaborazzjoni limitati. Il-komunikazzjoni konġunta enfasizzat ukoll lakuni li għandhom effett immedjat fuq il-libertà ta’ azzjoni tal-forzi armati tal-Istati Membri kif ukoll l-ħtieġa urġenti li ċerti ħażniet jiġu rifornuti, li jiġi sostitwit it-tagħmir militari li m’għadux validu, pereżempju t-tagħmir iddisinjat jew prodott fl-eks Unjoni Sovjetika, u li jissaħħu l-kapaċitajiet strateġiċi. |
|
(5) |
Il-komunikazzjoni konġunta pproponiet ukoll strument apposta għall-immedjat, imfassal bi spirtu ta’ solidarjetà, bħala għodda li tinċentiva lill-Istati Membri biex iwettqu, fuq bażi volontarja, akkwist komuni b’mod kollaborattiv sabiex jimlew l-aktar lakuni urġenti u kritiċi, speċjalment dawk maħluqa mir-rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja. |
|
(6) |
L-istrument ġdid apposta għall-immedjat propost huwa maħsub biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-akkwist komuni tad-difiża u, bil-finanzjament assoċjat tal-Unjoni, għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Unjoni, inkluż billi tiżdied il-produzzjoni tal-prodotti tad-difiżi. Dan ser jikkontribwixxi wkoll għall-punt ta’ riferiment kollettiv ta’ 35 % tan-nefqa totali fuq l-akkwist ta’ tagħmir għall-akkwist kollaborattiv Ewropew tat-tagħmir identifikat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fl-2007. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li t-tisħiħ tal- EDTIB ikun fil-qalba ta’ dawk l-isforzi. Fil-fatt, għad hemm bosta diffikultajiet u diskrepanzi u għad hemm frammentazzjoni, li qed twassal biex ma jkunx hemm biżżejjed azzjoni kollaborattiva u interoperabbiltà bejn il-prodotti. |
|
(8) |
L-istruttura speċifika, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament huma partikolari għall-istrument apposta għall-immedjat u huma ddeterminati minn ċirkostanzi speċifiċi u s-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-preżent. |
|
(9) |
Fil-kuntest attwali tas-suq tad-difiża, ikkaratterizzat b’żieda fit-theddid għas-sigurtà u bi prospett realistiku ta’ kunflitt ta’ intensità għolja, l-Istati Membri qed iżidu malajr il-baġits tad-difiża tagħhom u b’miri li jwettqu xiri simili ta’ prodotti tad-difiża. Dan wassal għal livell ta’ domanda li tista’ taqbeż il-kapaċitajiet tal-manifattura tal-EDTIB, li bħalissa huma maħsuba għall-produzzjoni għaż-żminijiet ta’ paċi. |
|
(10) |
Għaldaqstant, jistgħu jiġu antiċipati inflazzjoni qawwija fil-prezzijiet, kif ukoll aktar dewmien fit-twassil tal-ordnijiet, li potenzjalment jistgħu jagħmlu ħsara lis-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri. L-industriji tad-difiża jeħtieġ jiżguraw il-kapaċità tal-produzzjoni meħtieġa għall-ipproċessar tal-ordnijiet, kif ukoll il-materja prima kritika u s-sottokomponenti. F’dak il-kuntest, jista’ jkun li l-produtturi jagħtu preferenza lill-ordnijiet il-kbar, u potenzjalment iħallu lill-aktar pajjiżi vulnerabbli li jonqoshom id-daqs kritiku u l-mezzi finanzjarji biex jiżguraw ordnijiet kbar, esposti. |
|
(11) |
Is-sitwazzjoni ġeopolitika attwali fil-pajjiżi tal-viċinat tal-Lvant uriet li, billi jenħtieġ li jiġu evitati sforzi doppji, suq tad-difiża diversifikat jista’ jikkontribwixxi għall-varjetà ta’ prodotti li jkunu immedjatament disponibbli fis-suq u għalhekk jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-issodisfar adegwat tal-ħtiġijiet urġenti tal-Istati Membri. |
|
(12) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru sforzi sabiex iż-żieda fl-infiq tirriżulta f’EDTIB ferm aktar b’saħħitha fl-Unjoni kollha. Fil-fatt, żieda fl-investimenti nazzjonali, magħmula mingħajr koordinazzjoni jew kooperazzjoni, tista’ żżid il-frammentazzjoni. |
|
(13) |
Minħabba l-isfidi msemmija hawn fuq u l-bidliet strutturali relatati, jinħass il-bżonn li jitħaffef l-aġġustament tal-EDTIB, biex jissaħħu l-kompetittività u l-effiċjenza tagħha, f’konformità mal-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’hekk biex tikkontribwixxi għat-tisħiħ u għar-riforma tal-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Istati Membri. Jenħtieġ li waqt li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet industrijali jiġu indirizzati malajr ukoll l-aktar lakuni urġenti. |
|
(14) |
Jenħtieġ li, b’mod partikolari, jiġu inċentivati l-investiment u l-akkwist komuni fid-difiża peress li dawn l-azzjonijiet kollaborattivi jiżguraw li l-bidla meħtieġa fl-EDTIB issir b’mod kollaborattiv, u tiġi evitata aktar frammentazzjoni u tiżdied l-interoperabbiltà. |
|
(15) |
Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit strument apposta għall-immedjat biex tiżdied il-kollaborazzjoni mill-Istati Membri fil-fażi tal-akkwist tad-difiża (l-“Istrument”). L-Istrument jenħtieġ li jinċentiva lill-Istati Membri biex iwettqu azzjonijiet kollaborattivi u, b’mod partikolari, waqt l-akkwisti biex jimlew dawk il-lakuni, li jagħmlu dan b’mod konġunt, filwaqt li jżidu l-interoperabbiltà u jsaħħu u jirriformaw il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tagħhom. |
|
(16) |
Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja, ir-riżorsi allokati għall-Istrument ser jiġu ffinanzjati fil-qafas finanzjarju multiannwali eżistenti mingħajr impatt fuq il-finanzjament li diġà ġie ddedikat għal azzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni. |
|
(17) |
L-Istrument jenħtieġ li jikkumpensa għall-kumplessità u r-riskji assoċjati mal-akkwist komuni filwaqt li jippermetti li l-ekonomiji ta’ skala fl-azzjonijiet tal-Istati Membri jsaħħu u jimmodernizzaw l-EDTIB, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps), biex b’hekk iżid il-kapaċità, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni. L-inċentiv għall-akkwist komuni jirriżulta wkoll f’kostijiet aktar baxxi fir-rigward tal-piż amministrattiv u l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi rilevanti. Jenħtieġ li l-Istrument ikun akkumpanjat minn sforzi biex jissaħħu s-swieq, is-servizzi u s-sistemi Ewropej tad-difiża u s-sigurtà, u li joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti għall-fornituri mill-Istati Membri kollha. L-akkwist komuni f’suq komuni għall-EDTIB jippermetti ekonomiji ta’ skala u jiżgura l-innovazzjoni u l-effiċjenza fil-produzzjoni u t-teknoloġija. |
|
(18) |
F’konformità mal-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta’ Mejju 2022, l-Istrument jkompli jibni u jikkunsidra l-ħidma tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża stabbilita mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli u Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, biex tikkoordina l-ħtiġijiet tal-akkwist tad-difiża fl-immedjat u biex tinvolvi lill-Istati Membri u lill-manifatturi tad-difiża tal-Unjoni fl-appoġġ tal-akkwist konġunt għall-mili mill-ġdid tar-riżervi, b’mod partikolari minħabba l-appoġġ mogħti lill-Ukrajna. |
|
(19) |
Is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa teħtieġ riflessjoni urġenti dwar kif tista’ titnaqqas il-frammentazzjoni żejda permezz ta’ inizjattivi awtonomi tal-Unjoni u dwar kif l-istrumenti rilevanti jistgħu jiġu konnessi b’mod strateġiku. L-Istrument huwa maħsub li jiżgura l-koerenza ma’ inizjattivi kollaborattivi eżistenti tal-Unjoni marbuta mad-difiża, bħall-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet, ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża, il-Fond Ewropew għad-Difiża kif ukoll il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti, u li jiġġenera sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni. L-Istrument hu koerenti għal kollox mal-ambizzjoni tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fejn xieraq, il-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, inkluż dawk stabbiliti fil-kuntest tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll, dment li dawn ikunu konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni u ma jwaqqfu lill-ebda Stat Membru jew pajjiż assoċjat milli jipparteċipa, filwaqt li jfittxu li jevitaw duplikazzjoni bla bżonn. |
|
(20) |
Peress li l-Istrument għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, il-kuntratti tal-akkwist komuni ser, sabiex jibbenefikaw minnu, ikun jeħtiġilhom jingħataw lil kuntratturi jew sottokuntratturi stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiżi assoċjati u li mhumiex soġġetti għall-kontroll ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati jew ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-kontroll fuq kuntrattur jew sottokuntrattur jinftiehem bħala l-abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq kuntrattur jew sottokuntrattur b’mod dirett, jew indirett permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar. Minbarra dan, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri, l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni li jintużaw għall-finijiet ta’ dak l-akkwist jenħtieġ li jkunu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat. |
|
(21) |
F’ċerti ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mill-prinċipju li l-kuntratturi u s-sottokuntratturi involuti f’akkwist komuni appoġġat mill-Istrument ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. F’dak il-kuntest, kuntrattur jew sottokuntrattur stabbilit fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u kkontrollat minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat jenħtieġ li jkun jista’ jipparteċipa bħala kuntrattur jew sottokuntrattur involut fl-akkwist komuni, dment lijiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stretti relatati mal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbilit fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), inkluż fir-rigward tat-tisħiħ tal-EDTIB. |
|
(22) |
Barra minn hekk, il-proċeduri u l-kuntratti tal-akkwist komuni jenħtieġ ukoll li jinkludu rekwiżit li prodott tad-difiża ma jkunx soġġett għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat li tillimita l-kapaċità tal-Istati Membri li jużaw dak il-prodott ta’ difiża. F’każijiet urġenti, fejn il-kapaċità tal-EDTIB biex tindirizza l-aktar lakuni urġenti u kritiċi fil-ħażniet tal-Istati Membri ma tkunx biżżejjed jew fejn l-EDTIB ma tkunx tista’ tipprovdi l-prodotti tad-difiża meħtieġa fi żmien adegwat, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ma japplikax jekk il-prodotti akkwistati kienu qed jintużaw qabel l-24 ta’ Frar 2022 fil-forzi armati tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-akkwist komuni. Fejn tapplika dik id-deroga, jenħtieġ li l-pajjiżi li jipparteċipaw fl-akkwist komuni jistudjaw il-fattibbiltà li l-komponenti li jikkawżaw ir-restrizzjoni jiġu sostitwiti b’komponenti mingħajr restrizzjonijiet mill-Unjoni jew minn pajjiżi assoċjati. |
|
(23) |
Sabiex jinħoloq l-effett meħtieġ ta’ inċentiv, jenħtieġ li l-għotjiet provduti skont l-Istrument jieħdu l-forma ta’ finanzjament li ma jkunx marbut ma’ kost u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kisba tar-riżultati b’referenza għall-pakketti ta’ ħidma, l-istadji importanti jew il-miri tal-proċess tal-akkwist komuni. |
|
(24) |
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriannali sabiex tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-finanzjament u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament applikabbli. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(25) |
Għall-ġenerazzjoni ta’ effett ta’ inċentiv, il-livell ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull azzjoni jenħtieġ li jkun jista’ jiġi differenzjat abbażi ta’ fatturi bħall-kumplessità tal-akkwist komuni, il-karatteristiċi tal-kooperazzjoni jew l-għadd ta’ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati parteċipanti, jew l-inklużjoni ta’ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati oħra f’kooperazzjonijiet eżistenti, iżda jenħtieġ li ma jaqbiżx il-15 % tal-baġit globali tal-Istrument u jenħtieġ li jiġi limitat għal 15 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni għal kull konsorzju ta’ Stati Membri u pajjiżi assoċjati. Minħabba l-kostijiet ogħla normalment assoċjati mat-twettiq ta’ proċeduri tal-akkwist li jinkludu għedud kbar ta’ kuntratturi, jew li jinvolvu trasferimenti ta’ tagħmir mixtri lejn pajjiżi terzi, jenħtieġ li dan il-limitu jogħla għal 20 % tal-baġit ġenerali u 20 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni għal kull konsorzju ta’ Stati Membri u pajjiżi assoċjati, fejn l-Ukrajna jew il-Moldova jkunu wieħed mir-riċevituri ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża fl-azzjoni ta’ akkwist, jew fejn mill-inqas 15 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni jkun allokat għal SMEs jew kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps) bħala kuntratturi jew sottokuntratturi. Jenħtieġ li l-akkwist ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża għall-Ukrajna u l-Moldova jkun possibbli bil-qbil tal-Istati Membri parteċipanti, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-sigurtà ta’ dawk iż-żewġ pajjiżi kandidati tal-Unjoni fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
|
(26) |
L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jenħtieġ li jaħtru aġent tal-akkwist biex iwettaq l-akkwist komuni f’isimhom. L-aġent tal-akkwist jenħtieġ li jkun awtorità kontraenti kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (1) tad-Direttiva 2014/24/UE (4) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li hija stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jew organizzazzjoni internazzjonali. |
|
(27) |
F’konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (ir-“Regolament Finanzjarju”), tista’ tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li l-azzjoni kellha tinbeda qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat bidla drastika fil-kundizzjonijiet tas-suq tad-difiża, li l-EDTIB trid tadatta għalihom f’ambjent ristrett miż-żmien. Minħabba l-urġenza u s-serjetà ta’ dak l-adattament kif ukoll l-eżistenza ta’ riskju ta’ aktar frammentazzjoni tas-suq intern u tal-ktajjen tal-provvista ta’ prodotti tad-difiża rilevanti, kienu immedjatament meħtieġa azzjonijiet mill-Istati Membri li taw bidu għal kooperazzjoni fl-akkwist konġunt biex jintbagħat sinjal sinifikanti lis-suq u lill-EDTIB. Konsegwentement, jenħtieġ li jkun possibbli appoġġ finanzjarju bikri mill-Unjoni. B’deroga mill-Artikolu 193 tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li għalhekk ikun possibbli, fid-deċiżjoni tal-finanzjament, li jiġu previsti kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet li jkopru perjodi mill-24 ta’ Frar 2022, anke jekk bdew qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għotja, dment li ma jkunux intemmu qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. |
|
(28) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Madankollu, dan ir-Regolament jipprevedi rekwiżiti ta’ eliġibbiltà aktar speċifiċi. Id-Direttiva 2009/81/KE tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jinkludu fil- leġiżlazzjoni tagħhom il-possibbiltà li fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt jimponu rekwiżiti relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà tal-provvista jew tas-sigurtà tal-informazzjoni. Dan ir-Regolament jibni fuq dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/81/KE u joħloq obbligi għall-aġenti tal-akkwist fir-rigward tar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà li għandhom jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt. Tali obbligi jenħtieġ li jipprevalu fuq leġiżlazzjoni konfliġġenti tal-Istat Membru u pajjiżi assoċjati fejn ikun stabbilit l-aġent tal-akkwist. |
|
(29) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/624 (8) għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess transfruntier tas-suq għall-SMEs u l-kumpaniji intermedji fis-settur tad-difiża. B’mod partikolari, din tappella lill-Istati Membri jużaw il-flessibbilta’ offruta mid-Direttiva 2009/81/KE, bħal dik introdotta fl-Artikolu 21 tagħha jew dik offruta mir-rikors akbar għal lottijiet jew akkwist elettroniku. Tappella wkoll lill-Istati Membri jtaffu l-piż amministrattiv relatat mal-akkwist, b’mod partikolari, billi jżommu l-kriterji għal talbiet għal informazzjoni jew kriterji tal-għażla proporzjonati. Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-aġenti tal-akkwist maħtura mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati jagħmlu l-aħjar użu mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-azzjonijiet ta’ akkwist komuni sabiex jiżgura li l-SMEs ikollhom aċċess ġust għall-akkwist appoġġat. |
|
(30) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Istrument għall-perjodu mis-27 ta’ Ottubru 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2025, li ser ikun l-ammont ta’ referenza primarja skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (9), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali. |
|
(31) |
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (11), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12) u (UE) 2017/1939 (13), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu protetti b’miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod skorrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kull parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. |
|
(32) |
Skont l-Artikolu 85(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 (15), persuni u entitajiet stabbiliti f’pajjiżi jew f’territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Istrument u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew territorju rilevanti jkun marbut. |
|
(33) |
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-prodotti tad-difiża jenħtieġ li jinftiehmu li jfissru prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, b’mod partikolari bħala tipi ta’ prodotti inklużi fil-lista ta’ armi, munizzjon u materjal tal-gwerra stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 255/58 tal-15 ta’ April 1958 (16). Dik il-lista tinkludi biss tagħmir li hu ddisinjat, żviluppat u prodott għal skopijiet speċifikament militari. Madankollu, il-lista hija ġenerika u għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tat-teknoloġija, il-politiki tal-akkwist u r-rekwiżiti militari li jwasslu għall-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ tagħmir, pereżempju fuq il-bażi tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-prodotti tad-difiża għandhom jinftiehmu li jkopru wkoll prodotti li, għalkemm inizjalment kienu ddisinjati għal użu ċivili, aktar tard ġew adattati għal skopijiet militari biex jintużaw bħala armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra. |
|
(34) |
Skont l-Artikolu 4(2) TUE, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà esklużiva ta’ kull Stat Membru. L-Istati Membri jiddeterminaw bejniethom l-arranġamenti applikabbli għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata għall-finijiet tal-akkwisti komuni, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali. |
|
(35) |
Il-Kummissjoni tipproteġi l-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mar-regoli tas-sigurtà stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (17). F’konformità mal-Ftehim tal-4 ta’ Mejju 2011 bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (18) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (19), l-Istati Membri jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata tal-UE għal dak ipprovdut mir-regoli tas-sigurtà tal-Kunsill stipulati fid-Deċiżjoni 2013/488/UE. |
|
(36) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal rapport ta’ evalwazzjoni għall-Istrument u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2026. Jenħtieġ li r-rapport ta’ evalwazzjoni jevalwa l-impatt u l-effettività tal-azzjonijiet li jittieħdu taħt l-Istrument, filwaqt li jħares ‘il quddiem b’mod kritiku dwar modi biex jiġu żgurati l-komponenti kollha fil-katina tal-provvista tad-difiża tal-Unjoni b’kunsiderazzjoni xierqa għall-importanza ta’ arranġamenti ta’ sigurtà tal-provvista u għall-funzjonament tal-EDTIB. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rapport ta’ evalwazzjoni jidentifika n-nuqqasijiet u d-dipendenzi kritiċi fuq pajjiżi terzi mhux assoċjati fir-rigward tal-materja prima, il-komponenti u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, fejn ikompli jibni fuq il-ħidma li saret fil-kuntest tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi. Jenħtieġ li r-rapport jinforma l-ħidma tal-Kummissjoni dwar pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija, inkluż miżuri ta’ mitigazzjoni biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet u d-dipendenzi kritiċi. |
|
(37) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża. |
|
(38) |
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(39) |
Sabiex l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibda mill-aktar fis possibbli, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ b’urġenza, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument għall-immedjat għat-tisħiħ tal-industrija tad-difiża Ewropea permezz tal-akkwist komuni (l-“Istrument”), għall-perjodu mis-27 ta’ Ottubru 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“akkwist komuni” tfisser akkwist imwettaq b’mod konġunt minn mill-inqas tliet Stati Membri; |
|
(2) |
“kontroll” fir-rigward ta’ kuntrattur jew sottokuntrattur, tfisser il-kapaċità li teżerċita influwenza deċiżiva fuq kuntrattur jew sottokuntrattur b’mod dirett, jew b’mod indirett permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar; |
|
(3) |
“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser korp ta’ entità ġuridika, maħtur skont il-liġi nazzjonali, u, fejn applikabbli, li jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv, li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali ta’ dik l-entità ġuridika, u li jissorvelja u jwettaq monitoraġġ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali; |
|
(4) |
“entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat” tfisser entità ġuridika stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat jew, fejn tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, li jkollha l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha f’pajjiż terz mhux assoċjat; |
|
(5) |
“aġent tal-akkwist” tfisser awtorità kontraenti kif definita fl-Artikolu 2(1), il-punt (1) tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/25/UE li hija stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jew organizzazzjoni internazzjonali u li hija deżinjata mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati biex twettaq akkwist komuni f’isimhom; |
|
(6) |
“prodotti tad-difiża” tfisser prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tagħha, inkluż tagħmir mediku tal-kumbattiment; |
|
(7) |
“informazzjoni klassifikata” tfisser informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista’ jikkawża livelli differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri, u li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni tal-UE jew marka ta’ klassifikazzjoni korrispondenti, kif stabbilit fil-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (20). |
|
(8) |
“informazzjoni sensittiva” tfisser informazzjoni u data mhux klassifikata, li jridu jiġu protetti minn aċċess jew żvelar mhux awtorizzat minħabba obbligi stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fejn applikabbli, jew sabiex titħares il-privatezza jew is-sigurtà ta’ persuna fiżika jew ġuridika, |
Artikolu 3
Objettivi
1. L-Istrument għandu l-objettivi li ġejjin:
|
(a) |
irawwem il-kompetittività u l-effiċjenza tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB), inkluż l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps), għal Unjoni aktar reżiljenti u sigura, b’mod partikolari billi jħaffef, b’mod kollaborattiv, l-aġġustament tal-industrija għall-bidliet strutturali, inkluż permezz tal-ħolqien u l-ixprunar tal-kapaċitajiet tal-manifattura tagħha u l-ftuħ tal-ktajjen tal-provvista għal kooperazzjoni transfruntiera fl-Unjoni kollha, u b’hekk l-EDTIB tkun tista’ tipprovdi l-prodotti tad-difiża meħtieġa mill-Istati Membri; |
|
(b) |
irawwem il-kooperazzjoni fil-proċessi tal-akkwist tad-difiża bejn l-Istati Membri parteċipanti sabiex dawn jikkontribwixxu għas-solidarjetà, jipprevjenu effetti ta’ esklużjoni, iżidu l-effettività tal-infiq pubbliku u jnaqqsu l-frammentazzjoni żejda, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal żieda fl-istandardizzazzjoni tas-sistemi ta’ difiża u aktar interoperabbiltà bejn il-kapaċitajiet tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu preservati l-kompetittività u d-diversità tal-prodotti disponibbli għall-Istati Membri u fil-katina tal-provvista. |
2. Il-ħidma biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1 għandha tagħmel enfasi fuq it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-EDTIB fl-Unjoni kollha, biex din tkun tista’ tindirizza, b’mod partikolari, l-aktar ħtiġijiet urġenti u kritiċi tal-prodotti tad-difiża, speċjalment dawk żvelati jew aggravati bir-rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, bħall-vjeġġi lejn l-Ukrajna ta’ prodotti tad-difiża, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża u l-ħidma tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża. Dan jista’ jinkiseb bir-riforniment tal-ħażniet li huma eżawriti minħabba t-trasferimenti ta’ prodott tad-difiża lejn l-Ukrajna, inkluż b’tagħmir disponibbli fis-suq, kif ukoll bis-sostituzzjoni tat-tagħmir li m’għadux validu u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet.
Artikolu 4
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Istrument għall-perjodu mis-27 ta’ Ottubru 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2025 għandu jkun EUR 300 miljun bil-prezzijiet attwali.
2. Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Istrument, bħal attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi.
3. Ir-riżorsi allokati għall-Istati Membri b’ġestjoni kondiviża, meta jintalbu minnhom, jistgħu jiġu trasferiti lejn l-Istrument soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar- Regolament Finanzjarju. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
4. L-impenji baġitarji għall-attivitajiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq bosta snin f’pagamenti annwali.
Artikolu 5
Pajjiżi assoċjati
L-Istrument għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta dawk il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri fiż-Żona Ekonomika Ewropea (pajjiżi assoċjati), f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
Artikolu 6
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni
1. L-Istrument għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-finanzjament tal-Unjoni għandu jintuża biex jinċentiva l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tiġi stabbilita billi jitqiesu n-natura kollaborattiva tal-akkwist komuni u l-ħtieġa li jinħoloq l-effett inċentiv meħtieġ biex jistimula l-kooperazzjoni.
3. B’deroga mill-Artikolu 193 tar-Regolament Finanzjarju, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu, fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, ikopru azzjonijiet li jkunu bdew qabel id-data tat-talba għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal dik l-azzjoni, dment li dawk l-azzjonijiet ma jkunux bdew qabel l-24 ta’ Frar 2022 u ma jitlestewx qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. L-azzjonijiet eliġibbli retroattivament għandhom jikkonformaw mal-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament.
4. L-għotjiet implimentati b’ġestjoni diretta għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 7
L-użu ta’ finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet
1. L-għotjiet għandhom jieħdu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet, skont l-Artikolu 180(3) tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-livell ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni attribwit għal kull azzjoni jista’ jiġi definit abbażi ta’ fatturi bħal:
|
(a) |
il-kumplessità tal-akkwist komuni, li għalih proporzjon tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni u l-esperjenza miksuba f’azzjonijiet simili jistgħu jservu bħala indikatur inizjali; |
|
(b) |
il-karatteristiċi tal-kooperazzjoni, li x’aktarx iwasslu għal eżiti akbar ta’interoperabbiltà u sinjali ta’ investiment fit-tul lill-industrija; jew |
|
(c) |
l-għadd ta’ Stati Membri parteċipanti u pajjiżi assoċjati jew l-inklużjoni ta’ aktar Stati Membri jew pajjiżi assoċjati fil-kooperazzjonijiet eżistenti. |
3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull azzjoni ma għandhiex taqbeż il-15 % tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) u għandha tkun limitata għal 15 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni għal kull konsorzju ta’ Stati Membri u pajjiżi assoċjati.
4. B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull azzjoni tista’ tammonta sa 20 % tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) u għandha tkun limitata għal 20 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni fejn tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-Ukrajna jew il-Moldova huma wieħed mir-riċevituri ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ prodotti tad-difiża fl-azzjoni ta’ akkwist, f’konformità mal-Artikolu 9(3); |
|
(b) |
mill-inqas 15 % tal-valur stmat tal-kuntratt tal-akkwist komuni huwa allokat lil SMEs jew kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps) bħala kuntratturi jew sottokuntratturi. |
Artikolu 8
Azzjonijiet eliġibbli
1. Huma biss l-azzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni taħt l-Istrument:
|
(a) |
huma jinvolvu l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet eliġibbli kif imsemmija fl-Artikolu 10 għall-akkwist komuni li jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti u kritiċi tal-prodotti tad-difiża u li jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3; |
|
(b) |
huma jinvolvu kooperazzjoni ġdida, inkluż fi ħdan qafas eżistenti, jew estensjoni ta’ kooperazzjoni eżistenti ma’ mill-inqas Stat Membru jew pajjiż assoċjat wieħed ġdid; |
|
(c) |
huma jitwettqu minn konsorzju ta’ mill-inqas tliet Stati Membri; |
|
(d) |
huma għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati fl-Artikolu 9. |
2. L-azzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament:
|
(a) |
l-azzjonijiet tal-akkwist komuni ta’ oġġetti jew servizzi li huma pprojbiti bil-liġi internazzjonali applikabbli; |
|
(b) |
l-azzjonijiet tal-akkwist komuni ta’ armi awtonomi letali li ma jippermettux kontroll sinifikattiv mill-bniedem tad-deċiżjonijiet tal-għażla u tal-involviment meta jsiru attakki fuq il-bnedmin. |
Artikolu 9
Kundizzjonijiet addizzjonali tal-eliġibbiltà
1. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati li jipparteċipaw f’akkwist komuni għandhom jaħtru, b’mod unanimu, aġent tal-akkwist biex jaġixxi f’isimhom għall-finijiet ta’ dak l-akkwist komuni. L-aġent tal-akkwist għandu jwettaq il-proċeduri tal-akkwist u jikkonkludi l-kuntratti li jirriżultaw mal-kuntratturi f’isem il-pajjiżi parteċipanti. L-aġent tal-akkwist jista’ jipparteċipa fl-azzjoni bħala benefiċjarju u jista’ jaġixxi bħala l-koordinatur tal-konsorzju, u jista’ għalhekk ikun kapaċi jimmaniġġa u jikkombina fondi mill-Istrument u fondi mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati parteċipanti.
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-aġġudikament ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ provvista u kuntratti ta’ servizz mill-awtoritajiet kontraenti jew entitajiet fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà stabbilit fid-Direttiva 2009/81/KE.
2. Il-proċeduri tal-akkwist imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq ftehim li għandu jiġi ffirmat mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati parteċipanti mal-aġent tal-akkwist skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-programm ta’ ħidma. Il-ftehim għandu, b’mod partikolari, jiddetermina l-arranġamenti prattiċi li jirregolaw l-akkwist komuni u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-proċedura, il-valutazzjoni tal-offerti u l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt.
3. Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 jista’ jawtorizza lill-aġent tal-akkwist biex jakkwista kwantitajiet addizzjonali tal-prodott tad-difiża kkonċernat għall-Ukrajna jew il-Moldova. Tali awtorizzazzjoni għandha tiġi approvata b’mod unanimu mill-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-akkwist komuni.
Dawn l-arranġamenti addizzjonali tal-akkwist għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli tal-Unjoni u jkunu f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża.
4. Il-proċeduri u l-kuntratti tal-akkwist komuni għandhom jinkludu rekwiżiti tal-parteċipazzjoni għall-kuntratturi u għas-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni stabbiliti fil-paragrafi 5 sa 12.
5. Il-kuntratturi u s-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni għandhom jiġu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat. Ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat jew, inkella, għandhom ikunu ġew soġġetti għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u, fejn meħtieġ, għal miżuri ta’ mitigazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
6. B’deroga mill-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u kkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat tista’ tipparteċipa fl-akkwist komuni jekk tipprovdi garanziji vverifikati mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih ikun stabbilit il-kuntrattur jew is-sottokuntrattur involut fl-akkwist komuni. Il-garanziji għandhom jipprovdu assigurazzjonijiet li l-involviment tal-kuntrattur jew tas-sottokuntrattur involut fl-akkwist komuni ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif stabbilit fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni skont it-Titolu V TUE, jew l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
7. Il-garanziji imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati fuq mudell standardizzat ipprovdut mill-Kummissjoni, assistita mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16, u għandhom ikunu parti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, biex jiġi żgurat approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha. Il-garanziji għandhom jissostanzjaw, b’mod partikolari, li, għall-finijiet tal-akkwist komuni, hemm stabbiliti miżuri biex jiżguraw li:
|
(a) |
il-kontroll fuq il-kuntrattur jew fuq is-sottokuntrattur involut fl-akkwist komuni ma jiġix eżerċitat b’mod li jillimita jew jirrestrinġi l-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-ordni u li jagħti r-riżultati; u |
|
(b) |
ikun evitat l-aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni klassifikata relatata mal-akkwist komuni, filwaqt li l-impjegati jew persuni oħrajn involuti fl-akkwist komuni jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru jew pajjiż assoċjat f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti nazzjonali. |
8. L-aġenti tal-akkwist għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’notifika dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni applikati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu jew skont il-garanziji msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni applikati jew il-garanziji għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni fuq talba. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament bi kwalunkwe notifika pprovduta f’konformità ma’ dan il-paragrafu.
9. L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni li jintużaw għall-finijiet tal-akkwist komuni għandhom ikunu qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat. Fejn il-kuntratturi jew is-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni ma jkollhomx alternattivi jew infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi rilevanti għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, huma jistgħu jużaw l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati, dment li dan l-użu ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri u jkun konsistenti mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.
10. Il-proċeduri u l-kuntratti tal-akkwist komuni għandhom jinkludu wkoll rekwiżit li l-prodott tad-difiża ma jkunx soġġett għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat direttament jew indirettament permezz ta’ entità ġuridika intermedjarja waħda jew iktar, li tillimita l-abbiltà ta’ Stat Membru li juża dak il-prodott tad-difiża.
11. B’deroga mill-paragrafu 10 u fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika u l-bżonn urġenti ta’ akkwist ta’ prodotti tad-difiża bl-appoġġ tal-Istrument, ir-rekwiżit imsemmi f’dak il-paragrafu ma għandux japplika għal prodotti tad-difiża urġenti u kritiċi, dment li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati li jkunu qed jipparteċipaw fl-akkwist komuni jimpenjaw ruħhom li jistudjaw il-fattibbiltà tas-sostituzzjoni tal-komponenti li jikkawżaw ir-restrizzjoni b’komponent alternattiv, mingħajr restrizzjoni, li joriġina fl-Unjoni; |
|
(b) |
il-prodotti tad-difiża akkwistati kienu qed jintużaw qabel l-24 ta’ Frar 2022 fil-forzi armati tal-maġġoranza tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-akkwist komuni. |
12. Il-kost tal-komponenti li joriġinaw fl-Unjoni jew f’pajjiżi assoċjati ma għandux ikun inqas minn 65 % tal-valur stmat tal-prodott finali. L-ebda komponent ma għandu jiġi akkwistat minn pajjiżi terzi mhux assoċjati li jmorru kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat.
13. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni’ tfisser kwalunkwe entità ġuridika li tipprovdi inputs kritiċi li jkollha attributi uniċi li jkunu essenzjali għall-funzjonament ta’ prodott u li tkun allokata mill-inqas 15 % tal-valur tal-kuntratt.
Artikolu 10
Entitajiet eliġibbli
Dment li jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju, l-entitajiet eliġibbli għall-finanzjament huma:
|
(a) |
awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri; |
|
(b) |
awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi assoċjati; |
|
(c) |
aġenti tal-akkwist. |
Artikolu 11
Kriterji għall-aġġudikazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa proposti abbażi tal-kriterji li ġejjin għall-aġġudikazzjoni tal-għotji:
|
(a) |
l-għadd ta’ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati li jipparteċipaw f’kull akkwist komuni; |
|
(b) |
il-valur stmat tal-akkwist komuni; |
|
(c) |
dimostrazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-azzjoni għat-tisħiħ tal-kompetittività u għall-adattament, il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tal-EDTIB sabiex tkun tista’ tindirizza, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet l-aktar urġenti u kritiċi tal-prodott tad-difiża, kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), inkluż fir-rigward taż-żmien meħtieġ għat-twassil tal-ordnijiet, id-disponibbiltà u l-forniment; |
|
(d) |
dimostrazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-azzjoni għar-riforniment tal-ħażniet, inkluż dawk eżawriti bħala riżultat tar-rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, għas-sostituzzjoni tat-tagħmir li m’għadux validu, u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, kif imsemmi fl-Artikolu 3(2); |
|
(e) |
il-punt sa fejn l-azzjoni tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati, b’mod partikolari permezz tat-tqassim proporzjonali tar-riskji u l-opportunitajiet finanzjarji u tekniċi abbażi ta’ kunċett ġenwinament kooperattiv, kif ukoll għall-interoperabbiltà tal-prodotti akkwistati skont dan ir-Regolament; |
|
(f) |
il-kontribut tal-azzjoni biex jintgħelbu l-ostakli għall-akkwist komuni; |
|
(g) |
il-punt sa fejn l-azzjoni tikkontribwixxi għall-kompetittività u l-adattament tal-EDTIB għal bidliet strutturali, inkluż bidliet teknoloġiċi, fost affarijiet oħra permezz tal-ħolqien jew it-tisħiħ previsti tal-kapaċitajiet tal-manifattura, ir-riżerva tal-kapaċitajiet tal-manifattura u s-sigurtà tal-provvista; |
|
(h) |
il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps); |
|
(i) |
il-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida bejn il-kuntratturi u s-sottokuntratturi fil-ktajjen tal-provvista madwar l-Unjoni kollha; |
|
(j) |
il-kwalità u l-effiċjenza tal-pjanijiet li jwettqu l-azzjoni. |
2. Il-programm ta’ ħidma għandu jistabbilixxi aktar dettalji dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għall-aġġudikazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1, inkluż kwalunkwe fattur korrettiv li għandu jiġi applikat. Il-programm ta’ ħidma ma għandux jistabbilixxi limiti individwali.
3. Il-Kummissjoni għandha taqsam ir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sejħa mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16. Il-Kummissjoni għandha taqsam mal-applikanti rapport dettaljat dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-proposta tagħhom.
Artikolu 12
Programm ta’ ħidma
1. L-Istrument għandu jiġi implimentat permezz ta’ programm ta’ ħidma pluriennali skont l-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju (il-“programm ta’ ħidma”).
2. Il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta l-programm ta’ ħidma. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).
3. Il-programm ta’ ħidma għandu jistipula:
|
(a) |
id-daqs finanzjarju minimu tal-azzjonijiet ta’ akkwist konġunt; |
|
(b) |
l-ammont indikattiv ta’ appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet imwettqa mill-għadd minimu ta’ Stati Membri kif meħtieġ mill-Artikolu 8(1), il-punt (c); |
|
(c) |
l-inċentivi għall-akkwist ta’ valur ogħla u l-inklużjoni ta’ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati addizzjonali f’kooperazzjoni eżistenti; |
|
(d) |
l-ammont globali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull prijorità ta’ finanzjament; |
|
(e) |
deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jinvolvu kooperazzjoni għall-akkwist komuni; |
|
(f) |
il-valur stmat tal-akkwist komuni; |
|
(g) |
il-proċedura għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti; |
|
(h) |
deskrizzjoni tal-istadji importanti, li għandhom ikunu mfassla b’tali mod li jimmarkaw progress sostanzjali fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet, ir-riżultati li għandhom jinkisbu u l-ammonti assoċjati li għandhom jiġu sborżati; |
|
(i) |
l-arranġamenti għall-verifika tal-istadji importanti imsemmija fil-punt (h), u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet u l-kisba tar-riżultati; kif ukoll |
|
(j) |
il-metodi għad-determinazzjoni u, fejn applikabbli, l-aġġustament tal-ammonti ta’ finanzjament. |
4. Il-programm ta’ ħidma għandu jistipula l-prijoritajiet ta’ finanzjament f’konformità mal-ħtiġijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2). Dawk il-prioritajiet ta’ finanzjament għandhom l-għan li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ kwantitajiet biżżejjed tal-aktar prodotti tad-difiża urġenti u kritiċi biex jiġu indirizzati l-aktar lakuni urġenti fil-kapaċità, kif imsemmi fit-Taqsima 4 tal-komunikazzjoni konġunta dwar l-Analiżi tad-“Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur”.
Artikolu 13
Applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva
1. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:
|
(a) |
l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati li jkunu qed jipparteċipaw f’akkwist komuni għandhom jiddeterminaw, bejniethom, l-arranġamenti applikabbli għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata għall-finijiet ta’ dak l-akkwist komuni, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali. |
|
(b) |
kull Stat Membru għandu jiżgura li joffri livell ta’ protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dik ipprovduta mir-regoli tas-sigurtà tal-Kunsill stipulati fid-Deċiżjoni 2013/488/UE; |
|
(c) |
il-Kummissjoni għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata tal-UE li taslilha b’rabta mal-Istrument, f’konformità mar-regoli tas-sigurtà stipulati fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444. |
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ skambju sigur sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u pajjiżi assoċjati u, fejn xieraq, mal-applikanti u r-riċevituri. Dik is-sistema għandha tqis ir-regolamenti tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.
Artikolu 14
Monitoraġġ u rapportar
1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istrument u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti ta’ monitoraġġ meħtieġa.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jevalwa l-impatt u l-effettività tal-azzjonijiet meħuda taħt l-Istrument (ir-“rapport ta’ evalwazzjoni”).u għandha tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun imsejjes fuq konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin, u għandu jevalwa l-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. Huwa għandu jevalwa r-restrizzjonijiet potenzjali fil-funzjonament tal-Istrument u b’mod partikolari, il-kontribut tal-Istrument:
|
(a) |
għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, inkluż il-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida; |
|
(b) |
għall-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps) fl-azzjonijiet; |
|
(c) |
għall-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida bejn il-kuntratturi u s-sottokuntratturi fi ktajjen tal-provvista madwar l-Unjoni kollha; |
|
(d) |
għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-adattament, il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tal-EDTIB biex din tkun tista’ tindirizza, b’mod partikolari, l-aktar ħtiġijiet tal-prodotti tad-difiża urġenti u kritiċi; |
|
(e) |
għall-valur globali tal-kuntratti ta’ akkwist komuni tal-aktar prodotti tad-difiża urġenti u kritiċi appoġġati mill-Istrument. |
4. Imsejjes fuq il-kontributi disponibbli mill-aġent tal-akkwist, bħal studji tal-fattibbiltà, skont l-Artikolu 9(11), il-punt (a), u, fejn rilevanti, fuq il-ħidma li saret fil-kuntest tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi, ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jidentifika nuqqasijiet u dipendenzi kritiċi fuq pajjiżi terzi mhux assoċjati fir-rigward tal-prodotti akkwistati bl-appoġġ finanzjarju mill-Istrument.. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jinforma l-ħidma tal-Kummissjoni dwar pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija, inkluż miżuri ta’ mitigazzjoni biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet u d-dipendenzi kritiċi. Il-Kummissjoni għandha tqis li tipproponi miżuri biex jonqsu n-nuqqasijiet u d-dipendenzi kritiċi fuq pajjiżi terzi mhux assoċjati fil-kuntest tal-Fond Ewropew għad-Difiża, fejn xieraq, filwaqt li tħares ‘il quddiem b’mod kritiku dwar modi biex tiżgura l-komponenti kollha meħtieġa fil-katina tal-provvista tal-EDTIB.
5. Ir-rekwiżiti ta’ rapportar kollha tal-Istati Membri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, kif ukoll l-Artikolu 346 TFUE.
Artikolu 15
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew għal-liġijiet u regolamenti nazzjonali applikabbli għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva, ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Istrument, mal-azzjonijiet meħuda skont l-Istrument u mar-riżultati miksuba.
3. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Istrument għandhom jikkontribwixxu għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.
Artikolu 16
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandha tiġi mistiedna tagħti l-fehmiet u l-għarfien espert tagħha lill-kumitat bħala osservatur. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu wkoll jiġi mistieden biex jgħin lill-kumitat.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Ottubru 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. M. ALBARES BUENO
(1) ĠU C 486, 21.12.2022, p. 168.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2023 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2023.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(4) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(5) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(6) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/624 tal-20 ta’ April 2018 dwar l-aċċess għas-suq transfruntier għas-subfornituri u l-SMEs fis-settur tad-difiża (ĠU L 102, 23.4.2018, p. 87).
(9) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(14) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inkluż ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea minn naħa,u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni extra-Ewropea, inkluż Greenland) (ĠU L 355, 7.10.2021, p. 6).
(16) Id-Deċiżjoni li tiddefinixxi l-lista ta’ prodotti (armi, munizzjonijiet, u materjal tal-gwerra) li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 223(1)(b) — li issa sar l-Artikolu 296(1)(b) — tat-Trattat (dok. 255/58) Minuti tal-15 ta’ April 1958: dok. 368/58.
(17) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(18) ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13.
(19) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(20) ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13.
(21) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(22) Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)