European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2409

24.10.2023

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2409

tad-19 ta’ Ottubru 2023

li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/55/KE tistabbilixxi standards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, tippromwovi bilanċ tal-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu u jġorru l-konsegwenzi li jirċievu dawn il-persuni.

(2)

Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (2) li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja.

(3)

F’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE, il-protezzjoni temporanja l-ewwel kienet tapplika għal perjodu inizjali ta’ sena, sal-4 ta’ Marzu 2023, u mbagħad ġiet estiża awtomatikament għal sena addizzjonali sal-4 ta’ Marzu 2024.

(4)

Fil-kuntest tal-attivazzjoni tagħha, l-Istati Membri qablu li ma japplikawx l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/55/KE fir-rigward ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stat Membru partikolari f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, u li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor mill-Istati Membri fuq bażi bilaterali.

(5)

Bħalissa hemm bejn wieħed u ieħor 4,1 miljun persuna spostata li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni. Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tippermettix ir-ritorn tagħhom lejn l-Ukrajna taħt kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. L-organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tistma li, mill-25 ta’ Mejju 2023, 5,1 miljun persuna huma spostati internament fl-Ukrajna. Aktar minn nofs il-persuni spostati internament kollha rrapportaw li ġew spostati għal sena jew aktar. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġġjati stima li aktar minn 5 miljun persuna huma spostati fl-Ukrajna u li aktar minn 17-il miljun persuna jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti. F’Ġunju 2023, fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti fl-Ukrajna, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tenna l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-ritorn lejn l-Ukrajna, li appellat lill-Istati biex ma jirritornawx bil-forza ċittadini u eks residenti abitwali tal-Ukrajna, inklużi dawk li kellhom it-talbiet tagħhom għall-ażil miċħuda.

(6)

L-għadd kumplessiv ta’ reġistrazzjonijiet ta’ persuni li jgawdu protezzjoni temporanja baqa’ stabbli madwar 4,1 miljun, b’numri baxxi ta’ persuni jirrapportaw li rritornaw lejn l-Ukrajna fuq bażi permanenti. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ influss bil-massa futur u l-ispostament ta’ aktar persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna lejn l-Unjoni għadu jeżisti minħabba l-volatilità u l-inċertezza tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat tal-azzjonijiet ostili mir-Russja. Għadu għaddej ġlied qawwi f’ħafna żoni u għad hemm riskju ta’ eskalazzjoni. Dan, flimkien mas-sitwazzjoni umanitarja diffiċli fl-Ukrajna jista’ jwassal għal żieda f’daqqa u ulterjuri fil-wasliet fl-Unjoni li jistgħu jilħqu l-livell ta’ influss bil-massa. Fl-istess waqt, xorta jkun hemm riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf dalwaqt u dawk il-persuni kollha kellhom japplikaw għal protezzjoni internazzjonali f’daqqa.

(7)

L-għadd kbir ta’ persuni spostati fl-Unjoni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja x’aktarx li ma jonqosx sakemm tkompli l-gwerra kontra l-Ukrajna. Għalhekk, l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja hija neċessaraja biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ persuni li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni jew li ser jeħtieġu tali protezzjoni mill-4 ta’ Marzu 2024, peress li tipprevedi protezzjoni immedjata u aċċess għal sett armonizzat ta’ drittijiet filwaqt li żżomm il-formalitajiet għal minimu f’sitwazzjoni ta’ influss bil-massa lejn l-Unjoni. L-estensjoni tal-protezzjoni temporanja ser tgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija b’żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja sal-4 ta’ Marzu 2024, li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf sa dak iż-żmien jew minn persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna li jaslu fl-Unjoni wara dik id-data u qabel l-4 ta’ Marzu 2025.

(8)

Għalhekk, meta jitqies li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu, jenħtieġ li l-protezzjoni temporanja għall-kategoriji ta’ persuni spostati msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 tiġi estiża sal-4 ta’ Marzu 2025.

(9)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva 2001/55/KE u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 hija estiża għal perjodu ta’ sena sal-4 ta’ Marzu 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

F. GRANDE-MARLASKA GÓMEZ


(1)   ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2409/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)