![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2379 |
3.10.2023 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2379
tad-29 ta’ Settembru 2023
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward il-l-addittiv tal-ikel tartrat tal-istearil (E 483)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 14 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
(2) |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni. |
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
(4) |
It-tartrat tal-istearil (E 483) huwa sustanza awtorizzata f’ċertu ikel f’konformità mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
(5) |
Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tat-tartrat tal-istearil(E 483) bħala addittiv tal-ikel (4). Fl-opinjoni ddikjarat li ma kienx hemm biżżejjed data tossikoloġika adegwata dwar it-tartrat tal-istearil. Barra minn hekk, kien hemm nuqqas ta’ data adegwata li tista’ tippermetti read-across minn data dwar sustanzi oħra. Konsegwentement, l-Awtorità ma setgħetx tikkonferma s-sikurezza tat-tartrat tal-istearil bħala addittiv tal-ikel u kkonkludiet li d-doża aċċettabbli ta’ kuljum (ADI) għal din is-sustanza ma setgħetx tiġi kkonfermata. |
(6) |
Fid-19 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni nediet sejħa pubblika għal data teknika u xjentifika dwar l-addittiv tal-ikel permess tartrat tal-istearil (E 483), li kellha fil-mira l-ħtiġijiet tad-data identifikati mill-Awtorità. Madankollu, l-ebda operatur tan-negozju ma ħa l-impenn li jipprovdi d-data tossikoloġika mitluba għat-tartrat tal-istearil (E 483). Mingħajr dik id-data, l-Awtorità ma tistax tlesti l-evalwazzjoni mill-ġdid tas-sikurezza tat-tartrat tal-istearil bħala addittiv tal-ikel. Għalhekk, ma jistax jiġi ddeterminat jekk din is-sustanza għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati. |
(7) |
Għaldaqstant jixraq li t-tartrat tal-istearil (E 483) jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati. |
(8) |
Minħabba n-nuqqas ta’ data tossikoloġika xierqa biex tiġi kkonfermata s-sikurezza tat-tartrat tal-istearil (E 483) bħala addittiv tal-ikel, l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ addittivi tal-ikel awtorizzati ma tistax tibqa’ tiġi ġustifikata u jenħtieġ li t-tartrat tal-istearil (E 483) jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel awtorizzati. L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan. |
(9) |
Sabiex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jsibu alternattivi għat-tartrat tal-istearil (E 483), jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
(10) |
Jixraq ukoll li jkun previst perjodu tranżitorju biex l-oġġetti tal-ikel li fihom it-tartrat tal-istearil (E 483) li jkunu ġew introdotti fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ikunu jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati. |
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, titħassar l-entrata għall-addittiv tal-ikel tartrat tal-istearil (E 483).
Artikolu 3
L-oġġetti tal-ikel li fihom it-tartrat tal-istearil (E 483) li ġew introdotti fis-suq legalment qabel it-23 ta’ April 2024 jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sad-data ta’ durabbiltà minima tagħhom jew sad-id-data sa meta jistgħu jintużaw l-aħħar.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-23 ta’ April 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).
(4) EFSA Journal 2020;18(3):6033.
ANNESS
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fil-Parti B, fit-Tabella 3 “Addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa”, titħassar l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 483 Tartrat tal-istearil; |
(2) |
il-Parti E hija emendata kif ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2379/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)