European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2216

18.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2216

tas-16 ta’ Ottubru 2023

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina li jemenda l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Mejju 2021 l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) ffirmat Ftehim mar-Repubblika Arġentina (“l-Arġentina”), dwar il-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE, skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“GATT tal-1994”) bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (1).

(2)

Skont il-Ftehim tal-10 ta’ Mejju 2021, l-Unjoni għandha tinforma lill-Arġentina jekk ir-riżultat tan-negozjati mal-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bi drittijiet skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 ibiddel l-ishma miftiehma fin-negozjati bilaterali tagħhom.

(3)

Bħala riżultat tan-negozjati ma’ Membri oħra tad-WTO, l-Unjoni qablet li tbiddel l-ishma ta’ żewġ kwoti tariffarji li għalihom l-Arġentina għandha drittijiet ta’ negozjar.

(4)

L-Unjoni infurmat lill-Arġentina dwar dawk il-modifiki, u d-diskussjonijiet ġew konklużi b’suċċess fil-15 ta’ Ġunju 2023, bl-inizjalar ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri (il-“Ftehim”).

(5)

L-objettiv tal-Ftehim huwa li jemenda l-Ftehim tal-10 ta’ Mejju 2021 fir-rigward tal-volum ta’ żewġ kwoti tariffarji u li jipprevedi t-tqassim tal-kwoti tariffarji inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE tal-GATT tal-1994 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina li jemenda l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika ta’ konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

T. RIBERA RODRÍGUEZ


(1)  Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Arġentina skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE b’konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 264, 26.7.2021, p. 3).

(2)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2216/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)