|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2205 |
19.10.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2205
tal-25 ta’ Settembru 2023
dwar l-iffirmar, u l-applikazzjoni provviżorja, u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-istatus tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-24 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 (1), li tistabbilixxi Missjoni ta’ Sħubija ċivili tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova). |
|
(2) |
Fit-22 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/993 (2), li tniedi l-EUPM Moldova. |
|
(3) |
Fis-26 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus tal-EUPM Moldova. |
|
(4) |
Ġie nnegozjat ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fis-26 ta’ Ġunju 2023. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-istatus tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (il-“Ftehim”) jiġi approvat f’isem l-Unjoni. |
|
(6) |
Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-istatus tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (3) (il-‘Ftehim’) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 19, paragrafu 2, tal-Ftehim (4).
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
H. GÓMEZ HERNÁNDEZ
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/855 tal-24 ta’ April 2023 dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (ĠU L 110, 25.4.2023, p. 30).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/993 tat-22 ta’ Mejju 2023 li tniedi l-Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 118).
(3) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2023/2204, 19.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/ agree/2023/2204/oj
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2205/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)