European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2202

17.10.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2202

tas-16 ta’ Ottubru 2023

li jemenda ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

F’Mejju tal-2013, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li jeskludu komponenti ta’ fittings b’kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr għatu, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) u mit-Tajlandja (“il-prodott taħt rieżami”). Id-dazju anti-dumping varja bejn 14,9 % u 57,8 %. L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Fit-12 ta’ Ġunju 2013, il-produttur esportatur Ċiniż Jinan Meide Castings Co., Ltd, ippreżenta applikazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li talbet it-tħassir tar- Regolament oriġinali f’dak li għandu x’jaqsam miegħu. Fit-30 ta’ Ġunju 2016, fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali sabet li d-drittijiet tad-difiża ta’ Jinan Meide nkisru u ħassret ir-Regolament ikkontestat sa fejn kien jimponi dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, manifatturati minn Jinan Meide.

(3)

Wara s-sentenza msemmija hawn fuq, b’avviż (3) tat-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) reġgħet fetħet l-investigazzjoni anti-dumping li tikkonċerna fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, manifatturati minn Jinan Meide.

(4)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1146 (4), il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv ta’ 39,2 % fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw miċ-Ċina, manifatturati minn Jinan Meide Castings Co., Ltd.

(5)

Fil-25 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni fetħet rieżami interim parzjali, wara t-talba ta’ Metpro Limited, rigward ċerti tipi ta’ fitting fondut ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajlandja biex tiddetermina jekk kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping applikabbli. Il-Kummissjoni temmet dan ir-rieżami interim parzjali fit-18 ta’ Lulju 2016, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1176 (5), wara l-irtirar mill-applikant tat-talba.

(6)

Fit-23 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni fetħet rieżami interim parzjali, wara t-talba ta’ Hebei Yulong Casting Co., Ltd, rigward ċerti tipi ta’ fitting fondut ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajlandja biex tiddetermina jekk jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping applikabbli. Il-Kummissjoni temmet dan ir-rieżami interim parzjali fil-11 ta’ Jannar 2018, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/52 (6), wara l-irtirar mill-applikant tat-talba.

(7)

Fit-12 ta’ Lulju 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet (7) li l-fittings magħmula minn ħadid fondut bil-grafit sferojdali (magħruf ukoll bħala ħadid fondut duttili) ma jikkorrispondux mal-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, kif definit fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM. Il-Qorti kkonkludiet li fittings magħmula minn ħadid fondut bil-grafit sferojdali jridu jiġu klassifikati taħt is-subintestatura 7307 19 90 tan-NM (bħal oġġetti oħra ta’ ħadid ieħor). Fl-14 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/262 (8) li jemenda r-referenzi għall-kodiċi TARIC biex jallinjahom mal-konklużjonijiet tal-qorti. Minħabba li l-miżuri anti-dumping huma imposti skont id-definizzjoni tal-prodott irrispettivament mill-klassifikazzjoni tariffarja, din l-emenda ma kellha ebda impatt fuq l-ambitu tal-prodott tal-miżuri kurrenti.

(8)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 (9), wara rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm id-dazju anti-dumping definittiv għal ħames snin oħra.

(9)

Id-dazji anti-dumping bħalissa fis-seħħ ivarjaw bejn 24,6 % u 57,8 % fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina u bejn 14,9 % u 15,5 % fuq l-importazzjonijiet mit-Tajlandja.

2.   PROĊEDURA

(10)

Wara talba mressqa mill-importatur KW Tools b.v. (“l-applikant”), fit-18 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku permezz ta’ avviż (“in-Notifika ta’ Bidu”) ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (10). Ir-rieżami kien limitat għall-kjarifika tal-ambitu tal-prodott fid-dawl tal-allegazzjonijiet li ċerti tipi ta’ prodotti (jiġifieri, (i) tee li tikklampja tal-ħadid duttili bl-issiġillar tal-lastiku, għall-użu fuq pajp tal-azzar skanalat b’toqba tal-iżbokk; (ii) tapp tat-tarf tal-ħadid duttili skanalat għall-użu fuq pajpijiet tal-azzar skanalati bi żbokk bil-kamin; (iii) riduċenti tal-ħadid duttili skanalat b’tarf bil-kamin għall-użu fuq pajp tal-azzar skanalat; u (iv) tee riduċenti tal-ħadid duttili skanalata bi żbokk bil-kamin għall-użu fuq pajp tal-azzar skanalat) jenħtieġ li jkunu esklużi espliċitament mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajlandja.

(11)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-partijiet kollha li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali kif ukoll lill-awtoritajiet taċ-Ċina u tat-Tajlandja dwar il-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-adegwatezza tar-rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri.

(12)

Il-Kummissjoni ivvalutat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għall-finijiet ta’ valutazzjoni dwar jekk kienx hemm ħtieġa ta’ kjarifika/emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti.

(13)

Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom intlaħqu l-konklużjonijiet preżenti. F’konformità mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ingħataw perjodu li matulu setgħu jressqu kummenti wara d-divulgazzjoni. Il-kummenti li saru mill-partijiet huma indirizzati fil-punt 4.4 hawn taħt.

3.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(14)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-prodott ikkonċernat kif definit fir-Regolament oriġinali, jiġifieri fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li jeskludi komponenti ta’ fittings b’kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7307 19 10 (kodiċijiet TARIC 7307 19 10 10 u 7307 19 10 20) u li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajlandja.

4.   INVESTIGAZZJONI TA’ RIEŻAMI

4.1.   Introduzzjoni u metodoloġija

(15)

Skont l-applikant, il-prodotti msemmija fil-premessa (10) għandhom karatteristiċi tekniċi u fiżiċi u użi finali differenti mill-prodott taħt rieżami. Dawk il-prodotti huma għall-użu fuq pajpijiet mhux bil-kamin, filwaqt li l-prodott taħt rieżami huwa akkoppjamenti bil-kamin, li huma installati fuq pajpijiet bil-kamin permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ivvitar. Konsegwentement, l-applikant sostna li dawk il-prodotti jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping.

(16)

Matul l-investigazzjoni, ġie stabbilit li l-industrija tal-Unjoni mhijiex manifattur tal-prodotti msemmija fil-premessa (10). Din is-sejba kienet ulterjorment appoġġata mill-informazzjoni sottomessa mill-partijiet interessati li kkooperaw f’din l-investigazzjoni u mill-katalgi tal-produtturi tal-Unjoni.

(17)

Il-Kummissjoni eżaminat b’mod partikolari jekk il-prodotti msemmija fil-premessa (10) kinux distinti minn tipi oħra ta’ fittings tat-tubi malleabbli li bħalissa huma soġġetti għall-miżuri abbażi tal-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tagħhom, u l-użi finali tipiċi u l-interkambjabbiltà tagħhom.

4.2.   Karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi

(18)

Il-prodott taħt rieżami huwa fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali.

(19)

Tees li jikklampjaw bil-kamin (prodott (i) kif deskritt fil-premessa (10)) huma applikati fuq pajpijiet fejn tinqata’ toqba biex tgħaqqadhom jew ma’ bexxiexa jew ma’ fergħa tal-pajp. Tappijiet finali skanalati (prodott (ii) kif deskritt fil-premessa (10)) iridu jiġu installati bl-użu ta’ akkoppjament skanalat, li l-kamin tiegħu, li jinsab fl-iżbokk, ma jintużax għall-installazzjoni. Riduċenti bit-tarf bil-kamin (prodott (iii) kif deskritt fil-premessa (10)) jeħtieġu li jiġi installat akkoppjament addizzjonali, li l-kamin tiegħu, li jinsab fl-iżbokk, ma jintużax għall-installazzjoni. Tees riduċenti skanalati (prodott (iv) kif deskritt fil-premessa (10)) jeħtieġu li jiġi installat akkoppjament addizzjonali, li l-kamin tiegħu, li jinsab fl-iżbokk, ma jintużax għall-installazzjoni.

(20)

Għall-kuntrarju tal-prodott taħt rieżami, li huwa installat permezz tat-tarf bil-kamin tal-pajpijiet, il-prodotti msemmija fil-premessa (10) huma fittings tal-ħadid fondut bil-grafit sferojdali li jistgħu jintużaw biss flimkien ma’ akkoppjament skanalat jew biex jiġu kklampjati fuq pajp jew tubu. Skont dan, il-prodotti msemmija fil-premessa (10) għandhom karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi differenti mill-prodott taħt rieżami.

4.3.   Użu finali u interkambjabbiltà

(21)

Kif stabbilit fil-premessa (19), il-prodotti msemmija fil-premessa (10) ma għandhomx jintużaw fuq sistemi tal-pajpijiet bil-kamin.

(22)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-prodott taħt rieżami u l-prodotti msemmija fil-premessa (10) mhumiex interkambjabbli. Il-prodott taħt rieżami jista’ jintuża biss f’sistemi tal-pajpijiet bil-kamin, filwaqt li l-prodotti msemmija fil-premessa (10) jistgħu jintużaw biss f’sistema ta’ pajpijiet mhux bil-kamin, bħal pajpijiet tal-azzar skanalati jew pajpijiet PVC/PE. Għalhekk, il-prodotti msemmija fil-premessa (10) u l-prodott taħt rieżami ma jistgħux jintużaw b’mod interkambjabbli.

4.4.   Kummenti tal-partijiet interessati

(23)

In-Notifika ta’ Bidu stiednet lill-partijiet jikkummentaw dwar l-adegwatezza tar-rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri u, b’mod partikolari, il-kjarifika li l-prodotti msemmija fil-premessa (10) jenħtieġ li jiġu esklużi kif indikat mill-applikant fit-talba tiegħu għal rieżami. Waslu kummenti bil-miktub mingħand tliet kumpaniji, jiġifieri produttur tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami; importatur tal-Unjoni tal-prodotti msemmija fil-premessa (10); u kumpanija terza, li hija kemm produttur tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami kif ukoll importatur tal-prodotti msemmija fil-premessa (10). Il-Kummissjoni organizzat laqgħat online ma’ kull waħda mill-partijiet biex tiċċara l-kummenti u l-pożizzjonijiet tagħhom.

(24)

Il-produttur tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami oppona l-esklużjoni tal-prodott, billi allega li l-prodott taħt rieżami huwa sostitwibbli mill-prodotti msemmija fil-premessa (10), speċjalment f’sistemi tat-tifi tan-nar fejn xi sistemi tal-pajpijiet huma bil-kamin u sistemi oħra mhumiex bil-kamin/skanalati. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (21), il-Kummissjoni sabet li l-prodotti msemmija fil-premessa (10) jistgħu jintużaw biss f’sistemi tal-pajpijiet mhux bil-kamin u għaldaqstant mhumiex kompatibbli mal-prodott taħt rieżami, li jista’ jintuża biss f’sistemi tal-pajpijiet bil-kamin. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(25)

Iż-żewġ importaturi tal-prodotti msemmija fil-premessa (10) appoġġaw it-talba tal-applikant u talbu kjarifika ulterjuri tad-deskrizzjoni ta’ dawk il-prodotti. Huma indikaw li importaw tees li jikklampjaw tal-ħadid duttili użati biex jikkonnettjaw jew jissikkaw pajpijiet skanalati jew pajpijiet tal-provvista tal-ilma u kullari tal-ħadid duttili għat-tapsjar tal-pajpijiet tal-PVC/PE. Dawn il-prodotti joqogħdu fl-istess deskrizzjoni bħat-tees li jikklampjaw fil-premessa (19), peress li huma maħsuba biex jiġu kklampjati b’siġillar tal-lastiku fuq tubu jew pajp biex jippermettu konnessjoni ma’ toqba tal-iżbokk. L-applikant ikkonferma bil-miktub li dawn il-prodotti huma l-istess bħal dawk identifikati fit-talba għal rieżami u spjega li it-tees li jikklampjaw jistgħu jintużaw fuq pajpijiet oħra għajr il-pajpijiet tal-azzar skanalati biss biex l-użu finali ma jkunx essenzjali għad-definizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tneħħi l-użu speċifiku tal-applikant mid-definizzjoni ta’ dan it-tip ta’ prodott, imsemmija fil-premessa (10).

(26)

Wara d-divulgazzjoni, importatur wieħed talab kjarifika dwar jekk it- “tees li jikklampjaw tal-ħadid” imsemmija fil-premessa (10) humiex ekwivalenti għall-“kullari tal-ħadid duttili għat-tapsjar” imsemmija fil-premessa (25). Il-Kummissjoni kkonfermat li dawn il-prodotti huma ekwivalenti.

(27)

Importaturi wieħed talab ukoll l-esklużjoni tal-kullari għall-ibblankjar tal-pajpijiet, li huma konnetturi magħmula minn ħadid duttili mingħajr żbokki bil-kamin użati biex jissiġillaw toqba f’tubu jew pajp. Madankollu, peress li l-parti ta’ fuq tal-kullar hija konnessa mal-parti t’isfel bil-viti bil-kamin, dawn għandhom element bil-kamin unikament għal din il-konnessjoni bil-vit. Peress li l-kullari għall-ibblankjar tal-pajpijiet ma għandhomx żbokk bil-kamin, il-Kummissjoni qieset li dan il-prodott mhuwiex fitting u għalhekk ma jaqax fid-definizzjoni tal-prodott taħt rieżami. Għaldaqstant, il-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami ma japplikawx fil-każ ta’ kullari magħmula minn ħadid duttili għall-ibblankjar tal-pajpijiet.

(28)

Wara id-divulgazzjoni, importatur wieħed talab kjarifika dwar jekk il-“klampijiet ta’ ostruzzjoni duttili” humiex ekwivalenti għall- “kullari għall-ibblankjar” imsemmija fil-premessa (27). Il-Kummissjoni kkonfermat li huma esklużi biss klampijiet ta’ ostruzzjoni duttili li għandhom biss kamin biex jikkonnettjaw il-parti ta’ fuq mal-parti ta’ isfel tal-prodott, jiġifieri li mhumiex bil-kamin fuq ġewwa u li ma għandhomx jintużaw fuq sistema tal-pajpijiet bil-kamin.

4.5.   Konklużjoni dwar l-ambitu tal-prodott

(29)

L-investigazzjoni ta’ rieżami stabbilixxiet li, minħabba l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi differenti tagħhom, l-użi finali differenti, u n-nuqqas ta’ interkambjabbiltà, il-prodotti msemmija fil-premessa (10) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ. Il-Kummissjoni ċċarat ukoll li l-kullari tal-ħadid duttili għall-ibblankjar tal-pajpijiet mhumiex fittings u għalhekk ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-prodott taħt rieżami.

(30)

Għalhekk jitqies xieraq li jiġi ċċarat li dawk il-prodotti ma jaqgħux fl-ambitu tal-prodott soġġett għall-miżuri anti-dumping.

(31)

Fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq, jitqies xieraq li jiġi emendat ir-Regolament oriġinali biex tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-prodott.

(32)

Partijiet interessati ġew informati dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni ta’ rieżami.

4.6.   Applikazzjoni retroattiva

(33)

Matul l-investigazzjoni, l-applikant u importatur talbu li l-esklużjoni tal-prodott ikollha effett retroattiv għall-impożizzjoni inizjali tad-dazju anti-dumping.

(34)

Il-prodotti msemmija fil-premessa (10) ma kinux koperti mill-investigazzjoni oriġinali fl-2012 u l-investigazzjonijiet sussegwenti kollha, peress li dawn l-investigazzjonijiet koprew fittings tal-ħadid fondut malleabbli u sferojdali (duttili) li jintużaw biex jgħaqqdu pajpijiet jew tubi bil-kamin.

(35)

Peress li din l-investigazzjoni ta’ rieżami kienet limitata għall-kjarifika tal-ambitu tal-prodott u peress li l-prodotti msemmija fil-premessa (10) ma kinux koperti mill-investigazzjoni oriġinali u mill-miżuri anti-dumping konsegwenti, jitqies xieraq li s-sejbiet ta’ dan ir-rieżami jiġu applikati mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni prevalenti li tipprevjeni l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni retroattiva.

(36)

Konsegwentament, għal oġġetti li mhumiex koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2019/1259, kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazju anti-dumping definittiv imħallas jew imdaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament oriġinali u d-dazji anti-dumping provviżorji miġbura b’mod definittiv skont l-Artikolu 2 tal-istess Regolament jenħtieġ li jitħallsu lura jew jiġu rimessi f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(37)

Dan ir-rieżami ma jaffettwax id-data li fiha r-Regolament (UE) 2019/1259 mhux se jibqa’ validu aktar skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(38)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2019/1259 huwa b’dan sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Huwa impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10 (il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 10 u 7307 19 10 20) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja.

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi: korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13; kaxxi tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr għatu fejn jingħaqdu l-kejbils; tees li jikklampjaw tal-ħadid duttili bl-issiġillar tal-lastiku u toqba tal-iżbokk; tappijiet tal-ħadid duttili skanalati għall-użu fuq pajpijiet tal-azzar skanalati bi żbokk bil-kamin; riduċenti tal-ħadid duttili bil-kamin fit-tarf; tees riduċenti tal-ħadid duttili skanalati bi żbokk bil-kamin; kullari tal-ħadid duttili għall-ibblankjar tal-pajpijiet mingħajr żbokki bil-kamin użati biex jissiġillaw toqba f’tubu jew pajp”.

Artikolu 2

Għal oġġetti li mhumiex koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2019/1259, kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazju anti-dumping definittiv imħallas jew imdaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament oriġinali (UE) Nru 430/2013 u d-dazji anti-dumping provviżorji miġbura b’mod definittiv skont l-Artikolu 2 tal-istess Regolament għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Il-ħlas lura u r-remissjoni għandhom jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-15 ta’ Mejju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja, (ĠU L 129, 14.5.2013, p. 1).

(3)   ĠU C 398, 28.10.2016, p. 57.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1146 tat-28 ta' Ġunju 2017 li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta' ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, manifatturati minn Jinan Meide Castings Co., Ltd (ĠU L 166, 29.6.2017, p. 23).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1176 tat-18 ta' Lulju 2016 li ttemm ir-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta' ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 115).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/52 tal-11 ta' Jannar 2018 li ttemm ir-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta' ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja (ĠU L 7, 12.1.2018, p. 39).

(7)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe NV v Belgische Staat, C-397/17 u C-398/17, ECLI:EU:C:2018:564

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/262 tal-14 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' fittings fonduti ta' tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta' ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja (ĠU L 44, 15.2.2019, p. 6).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 tal-24 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 197, 25.7.2019, p. 2).

(10)   ĠU C 438, 18.11.2022, p. 7


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2202/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)