|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2117 |
13.10.2023 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2117
tat-12 ta’ Ottubru 2023
li jistabbilixxi r-regoli u r-rekwiżiti dettaljati meħtieġa għall-funzjonament u l-ġestjoni ta’ repożitorju tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 216/2008 u (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 74(8) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-informazzjoni relatata mal-avjazzjoni ċivili trid tinħażen f’repożitorju elettroniku tal-informazzjoni stabbilit u ġestit mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) li hu meħtieġ biex tkun żgurata l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar skont dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Hu importanti li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu involuti fl-iżvilupp u l-ġestjoni tar-repożitorju mill-Aġenzija, u għalhekk dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi mekkaniżmu tal-konsultazzjoni xieraq biex ikun żgurat li l-Aġenzija tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni qabel ma tieħu deċiżjonijiet fir-rigward tar-repożitorju. |
|
(3) |
Biex ikun żgurat l-użu effettiv tar-repożitorju, l-istruttura tiegħu jenħtieġ li tipprevedi bażi tad-data ċentrali, infrastruttura tal-komunikazzjoni u interfaċċa meħtieġa għall-ħruġ, it-tfittxija u l-aċċess għall-informazzjoni maħżuna fir-repożitorju. Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet li jużaw ir-repożitorju, jenħtieġ li jkun hemm interfaċċa unika għal tfittxijiet diretti mill-utenti fir-repożitorju u interfaċċa unika għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. |
|
(4) |
Ir-repożitorju jenħtieġ li jiffaċilita l-integrazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fir-repożitorju u l-komunikazzjoni mar-repożitorju permezz tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali xierqa li jkopru l-interfaċċa, is-sigurtà, in-network, u l-informazzjoni dwar il-konfigurazzjoni tal-applikazzjoni. |
|
(5) |
L-Aġenzija jenħtieġ li tiżgura li r-repożitorju jinżamm f’kundizzjonijiet operatorji xierqa biex ikunu evitati l-fallimenti tekniċi u tkun żgurata l-kontinwità tal-operat tar-repożitorju u l-ġestjoni tad-data tiegħu. |
|
(6) |
L-informazzjoni jenħtieġ li tiġi trażmessa u skambjata permezz tar-repożitorju abbażi ta’ formati tal-informazzjoni maqbula b’mod komuni u proposti mill-Aġenzija biex l-informazzjoni skambjata tinftiehem bl-istess mod mill-entitajiet komunikanti. |
|
(7) |
Jenħtieġ li b’aġġornamenti regolari tal-informazzjoni maħżuna fir-repożitorju jkun jista’ jsir skambju aħjar tal-informazzjoni. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiżviluppaw metodoloġija biex jaġġornaw regolarment l-informazzjoni maħżuna fir-repożitorju. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni biex l-informazzjoni maħżuna fir-repożitorju tiġi ttrattata skont il-parametri tal-privatezza, tal-kunfidenzjalità, tal-integrità u tad-disponibbiltà. Jenħtieġ li ssir evalwazzjoni mill-ġdid ta’ din il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni kull meta jkun hemm bidla fl-użu tad-data biex ikun żgurat li l-klassifikazzjoni tkun aġġornata. |
|
(9) |
Hu importanti li jiġu identifikati l-partijiet interessati li jistgħu jirċievu xi informazzjoni maħżuna fir-repożitorju u li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar it-trattament tat-talbiet tagħhom għall-aċċess. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-partijiet interessati. Jenħtieġ li jkun żgurat ukoll li l-informazzjoni riċevuta mill-partijiet interessati tiġi ġestita b’mod kunfidenzjali. |
|
(10) |
Sistema tat-traċċabbiltà tal-informazzjoni maħżuna fir-repożitorju jenħtieġ li tiggarantixxi l-protezzjoni minn aċċess mhux awtorizzat għar-repożitorju, u jenħtieġ li tippermetti l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet meta tiġi pproċessata l-informazzjoni, inkluż id-data personali, biex tkun żgurata l-integrità tad-data u s-sigurtà tal-informazzjoni. |
|
(11) |
Il-persunal tal-utenti awtorizzati jeħtieġ jaċċessa r-repożitorju jenħtieġ li jkun awtorizzat mill-organizzazzjonijiet tagħhom skont proċeduri dokumentati. Il-persunal miċ-ċentri ajrumediċi jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rispettivi tagħhom. |
|
(12) |
Ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-infrastruttura u d-data rilevanti jenħtieġ li jinħolqu fil-qafas tal-politiki tal-ġestjoni tas-sigurtà. Jenħtieġ li b’mod partikolari jinħolqu miżuri għal pjan tal-ġestjoni tas-sigurtà, pjan tal-kontinwità tal-operat u pjan tal-irkupru mid-diżastri. L-utenti awtorizzati jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ il-miżuri tas-sigurtà meħtieġa u li jikkooperaw f’dak ir-rigward. |
|
(13) |
Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata biss għall-fini biex tkun żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-protezzjoni tad-data personali maħżuna fir-repożitorju u skambjata permezz tiegħu. Tali pproċessar irid jikkonforma mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (2) u (UE) 2018/1725 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jiċċara r-responsabbiltajiet tal-entitajiet rilevanti maħtura biex jiżguraw li l-protezzjoni tad-data tkun garantita. |
|
(14) |
Jeħtieġ li jiġu identifikati u allokati r-responsabbiltajiet rispettivi tal-entitajiet li jipproċessaw id-data personali fir-repożitorju, inkluż id-dħul u l-estrazzjoni tad-data personali mir-repożitorju. Ir-Regolament (UE) 2018/1139 jipprevedi li l-Aġenzija, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, tistabbilixxi u timmaniġġja repożitorju tal-informazzjoni meħtieġ biex tkun żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. B’mod partikolari, biex jikkooperaw ħalli jiżguraw il-ġestjoni tas-sigurtà tar-repożitorju. Għaldaqstant, dawn jenħtieġ li jkunu kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data personali għall-ġestjoni tar-repożitorju. Għalhekk, jeħtieġ jiġu definiti r-responsabbiltajiet tal-kontrolluri konġunti u l-obbligi speċifiċi tagħhom lejn is-suġġetti tad-data. |
|
(15) |
Kull awtorità kompetenti nazzjonali, l-Aġenzija u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu l-uniku kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fis-sistemi tagħhom stess bħala utenti awtorizzati. Jenħtieġ li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data jsiru f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725. Peress li d-data skambjata fir-repożitorju toriġina minn kull kontrollur, jenħtieġ li dawn jinnotifikaw lill-Aġenzija f’każ ta’ xi ksur tad-data personali fis-sistema tagħhom li jista’ jikkomprometti s-sigurtà, il-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà jew l-integrità tad-data personali pproċessata fir-repożitorju. |
|
(16) |
Jenħtieġ li jiġi speċifikat l-obbligu ta’ notifika reċiproka tal-ksur tas-sigurtà, inkluż tal-ksur tad-data personali, biex il-kontrolluri konġunti jkunu jistgħu jidentifikaw l-inċidenti tas-sigurtà u l-ksur tad-data malajr kemm jista’ jkun. Ir-rappurtar meħtieġ ta’ dan il-ksur jenħtieġ li jkun żgurat minn kull kontrollur kif xieraq. |
|
(17) |
Meta meħtieġ, l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data jista’ jiġi ristrett skont ċerti kundizzjonijiet speċifikati. Dawn ir-restrizzjonijiet jenħtieġ li jkunu proporzjonati u limitati fl-ambitu u fiż-żmien. Is-suġġett tad-data jenħtieġ li jitħalla jeżerċita d-drittijiet tiegħu għal difiża effettiva u rimedju ġudizzjarju. |
|
(18) |
Biex tkun żgurata s-sikurezza tal-avjazzjoni, l-awtorità kompetenti jaf ikollha bżonn aċċess għal rekords preċedenti, inkluż dawk li jkun fihom id-data personali. B’mod partikolari, l-aċċess għal data medika li tiġġustifika perjodi preċedenti ta’ inkapaċità jew l-impożizzjoni ta’ limitazzjonijiet. Għalhekk, u mingħajr preġudizzju għal perjodi iqsar previsti fil-liġi nazzjonali, perjodu massimu tal-ħżin ta’ 10 snin li jibda mid-data tal-iskadenza tad-dokument (eż. ċertifikati tas-saħħa, rapporti mediċi, liċenzji) inkluż kull dokument meħtieġ għall-proċeduri msemmija fir-Regolament (UE) 2018/1139 jenħtieġ li jiżgura li din id-data xorta tista’ tkun disponibbli għall-utenti awtorizzati. |
|
(19) |
Id-data personali fir-repożitorju hi informazzjoni essenzjali li jenħtieġ li tinżamm għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni u għall-finijiet ta’ riċerka storika. Meta jiskadi l-perjodu tal-ħżin jew xi perjodu iqsar possibbilment previst fil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li d-data personali titħassar minnufih mir-repożitorju. Id-data personali tista’ tinżamm għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku tas-sikurezza tal-avjazzjoni u għall-finijiet ta’ riċerka storika barra mir-repożitorju. |
|
(20) |
Biex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-entitajiet affettwati jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw il-proċeduri tagħhom għall-qafas regolatorju l-ġdid qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament. Għalhekk, ċerti rekwiżiti tal-Anness I jenħtieġ li jkunu applikabbli f’dati aktar tard skont il-kategorija tal-oġġett tal-informazzjoni tagħhom u d-data tal-ħruġ. |
|
(21) |
L-Aġenzija ħejjiet abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni għall-funzjonament u l-ġestjoni ta’ repożitorju tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u ppreżentatu lill-Kummissjoni bl-Opinjoni Nru 04/2022 (4), f’konformità mal-Artikolu 75(2), il-punt (b), u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139. |
|
(22) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fid-29 ta’ Marzu 2023. |
|
(23) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-applikazzjoni tar-regoli komuni tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-funzjonament u l-ġestjoni ta’ repożitorju tal-informazzjoni meħtieġa biex tkun żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar skont ir-Regolament (UE) 2018/1139.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2018/1139, (UE) 2016/679, (UE) 2018/1725 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 (5) u (UE) 2021/664 (6).
2. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“utenti awtorizzati” tfisser il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u kull awtorità kompetenti tal-Istat Membru fdat bl-investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti tal-avjazzjoni ċivili kif stabbilit fl-Artikolu 74(6), l-ewwel sentenza, tar-Regolament (UE) 2018/1139; |
|
(b) |
“interfaċċa” tfisser il-punt fejn sistemi indipendenti u spiss mhux relatati jikkonnettjaw u jaġixxu fuq xulxin jew jikkomunikaw ma’ xulxin; |
|
(c) |
“persunal awtorizzat” tfisser il-persunal tal-utenti awtorizzati li jkunu rċevew aċċess għar-repożitorju; |
|
(d) |
“kategorija ta’ oġġett tal-informazzjoni” tfisser it-tip ta’ informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139 li trid tiġi skambjata u aċċessata mill-utenti awtorizzati; |
|
(e) |
“oġġett tal-informazzjoni” tfisser biċċa informazzjoni skambjata individwalment li għandha dejjem tikkorrispondi għall-kategorija tal-oġġett tal-informazzjoni u tkun kompatibbli mal-format tal-informazzjoni tagħha; |
|
(f) |
“format tal-informazzjoni” tfisser struttura predefinita tal-kategorija tal-oġġett tal-informazzjoni li tikkonsisti fi skema ta’ oqsma li jikkorrispondu għal tipi dettaljati tal-kontenut f’kull kategorija tal-oġġetti tal-informazzjoni u vokabularji magħmula minn settijiet limitati tal-valuri permissibbli assoċjati ma’ kull qasam; |
|
(g) |
“parti interessata” tfisser awtoritajiet pubbliċi tal-istituzzjonijiet, tal-aġenziji u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea u awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma soġġetti għal oġġett tal-informazzjoni kif definit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u l-entitajiet kwalifikati akkreditati skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2018/1139. |
KAPITOLU II
TWAQQIF, ĠESTJONI U MANUTENZJONI TAR-REPOŻITORJU
Artikolu 3
Twaqqif tar-repożitorju
1. Ir-repożitorju għandu jkun magħmul mill-interfaċċi tal-Ħżin, tal-Iskambju, u tal-Aċċess għall-Utenti.
2. L-interfaċċa tal-Ħżin imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonsisti minn:
|
(a) |
bażi tad-data ċentrali li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, u tkun tinkludi l-informazzjoni eżistenti u informazzjoni ġdida, u; |
|
(b) |
rendikont tal-bidliet fl-informazzjoni u l-istatus attwali/arkivjat tagħha. |
3. L-interfaċċa tal-Iskambju msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonsisti minn:
|
(a) |
infrastruttura tal-komunikazzjoni li tipprovdi Interfaċċi Programmabbli tal-Applikazzjoni (APIs) siguri għall-ħruġ, il-bidla, it-tfittxija/il-qari, u l-arkivjar tal-informazzjoni bejn is-sistemi tal-utenti awtorizzati u r-repożitorju, u; |
|
(b) |
regoli dwar il-verifika tal-kwalità tal-informazzjoni li jiżguraw il-konsistenza, l-integrità u l-eżattezza tal-informazzjoni maħżuna. |
4. L-interfaċċa tal-Aċċess għall-Utenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tipprevedi tfittxija online u sigura u aċċess għall-qari tal-informazzjoni maħżuna. L-interfaċċa tal-Aċċess għall-Utenti għandha tkun disponibbli biss għall-persunal awtorizzat.
5. L-Aġenzija għandha tiżviluppa d-dokumentazzjoni meħtieġa li tappoġġa l-integrazzjoni tal-utenti awtorizzati mar-repożitorju. Dik id-dokumentazzjoni għandha tikkonsisti minn:
|
(a) |
standards tal-API u mekkaniżmi tal-iskambju; |
|
(b) |
informazzjoni dwar is-sigurtà, in-network u l-konfigurazzjoni tal-applikazzjoni meħtieġa għal komunikazzjoni mar-repożitorju; |
|
(c) |
regoli li jispeċifikaw l-istruttura u l-kontenut validi tal-informazzjoni skambjata mar-repożitorju. |
6. L-Aġenzija għandha tipprevedi wkoll ambjent tal-ittestjar biex l-utenti awtorizzati jkunu jistgħu jittestjaw il-funzjonalità u l-prestazzjoni tal-interfaċċa tal-Iskambju bejn is-sistemi tagħhom u r-repożitorju.
Artikolu 4
Ġestjoni tar-repożitorju
1. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni operatorja tar-repożitorju u għandha taħżen l-informazzjoni fir-repożitorju b’mod sigur.
2. L-utenti awtorizzati għandhom jittrażmettu u jiskambjaw l-informazzjoni permezz tar-repożitorju mill-interfaċċi u għandhom jiżguraw konnessjoni online sigura bejn is-sistemi tagħhom u r-repożitorju.
3. Qabel ma tieħu xi deċiżjoni dwar il-ġestjoni operatorja tar-repożitorju, jew qabel ma tagħmlu disponibbli għall-pubbliku, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.
4. Il-persunal awtorizzat tal-eżaminaturi ajrumediċi u ċ-ċentri ajrumediċi nazzjonali għandu jittrażmetti u jiskambja l-informazzjoni fir-repożitorju tramite l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta’ pajjiżu f’konformità mal-Artikolu 10(4) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Manutenzjoni tar-repożitorju
1. L-Aġenzija għandha tieħu ħsieb il-manutenzjoni tar-repożitorju u tiżgura li dan ikun jiffunzjona kif suppost mil-lat ta’ privatezza, kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà.
2. L-Aġenzija għandha tagħmel backup sistematiku tar-repożitorju u tad-data tiegħu.
KAPITOLU III
REGOLI DWAR L-INFORMAZZJONI MAĦŻUNA FIR-REPOŻITORJU
Artikolu 6
Formati u standards tal-informazzjoni
1. L-utenti awtorizzati għandhom jittrażmettu, jaġġornaw regolarment u jiskambjaw informazzjoni permezz tar-repożitorju abbażi ta’ formati tal-informazzjoni maqbula b’mod komuni u proposti mill-Aġenzija
2. Il-formati tal-informazzjoni għandhom jiġu standardizzati għal kull kategorija tal-informazzjoni. L-utenti awtorizzati għandhom jittrażmettu biss l-oġġetti tal-informazzjoni lir-repożitorju bil-format tal-informazzjoni speċifiku għal dik il-kategorija tal-informazzjoni.
3. Il-lista tal-kategoriji tal-oġġetti tal-informazzjoni hija stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 7
Klassifikazzjoni tal-informazzjoni
1. L-Aġenzija, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, għandha tikklassifika l-kategoriji tal-oġġetti tal-informazzjoni skont il-marki li ġejjin:
|
(a) |
privatezza: data mhux personali, data personali mhux sensittiva, jew data personali sensittiva; |
|
(b) |
kunfidenzjalità: l-ebda impatt, impatt limitat, impatt sinifikanti, jew impatt katastrofiku; |
|
(c) |
integrità: l-ebda impatt, impatt limitat, impatt sinifikanti, jew impatt katastrofiku; |
|
(d) |
disponibilità: l-ebda impatt, impatt limitat, impatt sinifikanti, jew impatt katastrofiku. |
2. Id-definizzjonijiet dettaljati tal-marki msemmija fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Anness II.
3. Kull meta tqis li jkun meħtieġ, l-Aġenzija, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, għandha tevalwa mill-ġdid il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni biex tiżgura li din tkun għadha xierqa abbażi tal-bidliet fl-użu tal-informazzjoni.
Artikolu 8
Arranġamenti għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni
1. Meta tintalab minn xi parti interessata, l-Aġenzija tista’ tipprovdi l-informazzjoni li jkun hemm fir-repożitorju lil dik il-parti interessata, u tissoġġettaha għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Talba għal disseminazzjoni tal-informazzjoni mir-repożitorju għandha tiġi ppreżentata bil-mod u l-manjiera stabbiliti mill-Aġenzija.
3. Meta tirċievi talba, l-Aġenzija għandha tivverifika li:
|
(a) |
it-talba tkun ġejja minn parti interessata; u |
|
(b) |
il-parti interessata turi li l-informazzjoni mitluba hija meħtieġa strettament għall-operazzjonijiet tal-parti interessata stess. |
4. L-Aġenzija għandha tevalwa jekk it-talba hix ġustifikata u, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 jiġu ssodisfati, din għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-parti interessata.
5. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-parti interessata biss skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-parti interessata ma tirċevix aċċess għall-kontenut kollu tar-repożitorju; |
|
(b) |
l-informazzjoni tkun meħtieġa strettament għall-operazzjonijiet tal-parti interessata stess; |
|
(c) |
l-ebda data personali ma tiġi disseminata, sakemm dik id-data ma tkunx tikkonċerna lill-parti interessata nnifisha jew diment li dik id-disseminazzjoni tkun meħtieġa strettament biex jitwettqu l-operazzjonijiet tal-parti interessata. |
6. L-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli għall-utenti awtorizzati lista aġġornata tat-talbiet riċevuti u l-azzjoni meħuda mill-Aġenzija.
7. Il-parti interessata għandha:
|
(a) |
tuża l-informazzjoni biss għall-iskop speċifikat fil-formola tat-talba; |
|
(b) |
ma tiżvelax l-informazzjoni riċevuta mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-utenti awtorizzati; |
|
(c) |
tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni riċevuta. |
Artikolu 9
Reġistrazzjoni tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data
1. L-Aġenzija għandha tiżgura li l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data jiġu rreġistrati. Ir-rendikont għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
il-fini tat-talba għall-aċċess għad-data tar-repożitorju; |
|
(b) |
l-identifikazzjoni tal-utent awtorizzat li jiġbor id-data; |
|
(c) |
id-data u l-ħin eżatti tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data; |
|
(d) |
l-identifikazzjoni tal-persunal awtorizzat li jwettaq it-tiftixa. |
2. L-Aġenzija għandha tuża r-rendikonti tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data biss biex timmonitorja l-legalità tal-aċċess għall-informazzjoni u tiżgura l-integrità u s-sigurtà tad-data. Ir-rendikonti għandu jkun fihom id-data meħtieġa strettament għal dak il-għan li tikkonforma mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data kif stabbilit fl-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Ir-rendikonti għandhom jitħassru meta tintemm il-proċedura tal-monitoraġġ jew mhux aktar tard minn sena wara.
3. Meta jitolbu dan, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jingħataw aċċess għar-rendikonti biex jivvalutaw il-legalità tal-aċċess għall-informazzjoni, jimmonitorjaw il-legalità tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data u jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tad-data.
Artikolu 10
Aċċess għar-repożitorju
1. L-utenti awtorizzati għandhom jiżguraw li l-persunal awtorizzat biss ikollu aċċess għar-repożitorju.
2. L-utenti awtorizzati għandhom jiżguraw li l-persunal tagħhom jirċievi aċċess għall-informazzjoni abbażi tal-marki tal-privatezza u tal-kunfidenzjalità tal-kategorija tal-oġġett tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 7.
3. L-utenti awtorizzati għandhom jistabbilixxu u jżommu:
|
(a) |
lista tal-persunal awtorizzat; |
|
(b) |
proċeduri dwar l-aċċess għar-repożitorju; tali proċeduri għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti legali applikati għall-aċċess u l-ipproċessar tal-informazzjoni stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali. Għandhom jiddokumentaw it-termini u l-kundizzjonijiet biex il-persunal awtorizzat ikollu aċċess għar-repożitorju. |
4. L-eżaminaturi ajrumediċi u ċ-ċentri ajrumediċi nazzjonali għandhom jiżguraw li l-persunal awtorizzat mill-awtorità kompetenti nazzjonali tagħhom biss ikollu aċċess għar-repożitorju.
Artikolu 11
Ġestjoni tas-sigurtà tar-repożitorju
1. L-Aġenzija għandha tipproteġi l-infrastruttura tar-repożitorju u l-informazzjoni fih, u għandha tiżviluppa:
|
(a) |
pjan tal-ġestjoni tas-sigurtà; |
|
(b) |
pjan tal-kontinwità tal-operat; |
|
(c) |
pjan tal-irkupru mid-diżastri. |
2. L-Aġenzija għandha tevita l-ipproċessar mhux awtorizzat tal-informazzjoni u kull qari, ikkopjar, modifika, tneħħija jew tħassir mhux awtorizzati tal-informazzjoni fir-repożitorju, jew waqt id-disseminazzjoni minn jew lejn ir-repożitorju, jew waqt it-trażmissjoni, b’mod partikolari b’tekniki xierqa tal-kriptaġġ.
3. L-Aġenzija għandha tiżgura li l-persuni awtorizzati biex jaċċessaw ir-repożitorju jkollhom aċċess biss għall-informazzjoni koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom, b’identitajiet individwali tal-utenti u modalitajiet tal-aċċess kunfidenzjali biss.
4. L-utenti awtorizzati għandhom jimmaniġġjaw is-sigurtà tal-informazzjoni tagħhom qabel u waqt it-trażmissjoni lir-repożitorju u għandhom jipproteġu l-infrastruttura tagħhom billi jiżguraw:
|
(a) |
it-twaqqif ta’ interfaċċi bejn is-sistemi tagħhom u r-repożitorju; |
|
(b) |
it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-interfaċċi; |
|
(c) |
li l-persunal awtorizzat ikun imħarreġ kif xieraq fis-sigurtà tal-informazzjoni, fil-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u fid-drittijiet fundamentali qabel ma jitħalla jipproċessa l-informazzjoni maħżuna fir-repożitorju. |
5. L-utenti awtorizzati għandhom jikkooperaw ħalli jiżguraw il-ġestjoni tas-sigurtà tar-repożitorju.
KAPITOLU IV
PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI
Artikolu 12
Ipproċessar tad-data personali maħżuna fir-repożitorju
1. Id-data personali maħżuna fir-repożitorju għandha tiġi pproċessata biss biex tkun żgurata l-kooperazzjoni bejn l-utenti awtorizzati meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom relatati maċ-ċertifikazzjoni, is-sorveljanza u l-infurzar. L-ipproċessar għandu jkun limitat sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u għal dak li hu meħtieġ strettament u proporzjonat għall-objettivi segwiti.
2. Id-data personali għandha tiġi aċċessata u pproċessata f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tar-repożitorju.
3. L-obbligi tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku għandhom jitqiesu kemm waqt id-determinazzjoni tal-mezzi għall-ipproċessar u anki waqt l-ipproċessar innifsu.
4. L-Aġenzija għandha twettaq rieżamijiet regolari biex tiżgura l-effettività tas-salvagwardji kollha tal-protezzjoni tad-data implimentati.
Artikolu 13
Kontroll konġunt tad-data personali maħżuna fir-repożitorju
1. Il-kontrolluri konġunti tad-data personali maħżuna fir-repożitorju għandhom ikunu l-utenti awtorizzati.
2. Kull kontrollur konġunt għandu jkun responsabbli għall-issodisfar tal-kriterji tal-klassifikazzjoni tal-informazzjoni għal kull oġġett tal-informazzjoni pproċessat fir-Repożitorju.
Artikolu 14
Allokazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-kontrolluri konġunti
1. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli:
|
(a) |
għat-twaqqif, it-tħaddim u l-amminiazzjoni tar-repożitorju; |
|
(b) |
għall-ġestjoni kontinwa tar-repożitorju, b’mod partikolari d-drittijiet tal-aċċess u s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata fir-repożitorju f’konformità mal-Artikoli 4, 5, 9 u 12; |
|
(c) |
biex tikkomunika kull ksur tad-data personali fir-repożitorju lill-utenti awtorizzati, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u, meta meħtieġ, lis-suġġetti tad-data f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1725; |
|
(d) |
biex tiddefinixxi u timplimenta l-mezzi tekniċi biex il-pazjenti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725. |
2. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli:
|
(a) |
għall-ipproċessar tad-data personali fir-repożitorju f’konformità mal-Interfaċċi tal-Ħżin, tal-Iskambju u tal-Aċċess għall-Utenti msemmija fl-Artikolu 3 u r-rekwiżiti tas-sigurtà definiti fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 12; |
|
(b) |
biex jiżguraw is-sigurtà ta’ kull ipproċessar tad-data personali barra r-repożitorju meta dik id-data tiġi pproċessata għall-finijiet tal-ipproċessar permezz tar-repożitorju jew b’rabta miegħu; |
|
(c) |
biex jaħtru l-persunal awtorizzat li għandu jingħata aċċess għar-repożitorju f’konformità mal-Artikolu 11, u jikkomunikaw dan lill-Aġenzija; |
|
(d) |
biex jaġixxu bħala punt ta’ kuntatt għas-suġġetti tad-data li jkunu fir-responsabbiltà tagħhom bħala kontrolluri uniċi, inkluż meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, permezz meta meħtieġ tal-mezzi tekniċi pprovduti mill-Aġenzija f’konformità mal-punt 1(d), jew permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni indikati fil-punt 3; |
|
(e) |
biex jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar kull inċident tas-sigurtà, inkluż kull ksur tad-data personali li jista’ jikkomprometti s-sigurtà, il-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà jew l-integrità tad-data personali trażmessa u/jew maħżuna fir-repożitorju; |
|
(f) |
biex jinnotifikaw kull ksur tad-data relatat mad-data personali pproċessata fir-repożitorju lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti rispettivi u, meta meħtieġ, lis-suġġetti tad-data, f’konformità mal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1725 kif applikabbli. |
3. Kull kontrollur konġunt għandu jaħtar:
|
(a) |
punt ta’ kuntatt b’indirizz tal-email funzjonali għall-komunikazzjoni bejniethom; |
|
(b) |
punt ta’ kuntatt biex jappoġġa lis-suġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. |
4. Meta kontrollur konġunt jirċievi talba mingħand suġġett tad-data li ma tkunx fir-responsabbiltà tiegħu, dan għandu jibgħatha minnufih lill-kontrollur konġunt responsabbli. Jekk jintalbu dan, il-kontrolluri konġunti għandhom jgħinu lil xulxin fil-ġestjoni tat-talbiet tas-suġġetti tad-data u għandhom iwieġbu lil xulxin mingħajr dewmien u mill-aktar tard fi żmien 15-il ġurnata minn meta jirċievu t-talba għall-għajnuna.
5. Jekk kontrollur, biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu speċifikati fl-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ikun jeħtieġ informazzjoni mingħand kontrollur ieħor, dan għandu jibgħat talba speċifika fl-indirizz tal-email funzjonali msemmi fil-punt 3(a). Dan tal-aħħar għandu jagħmel l-aħjar li jista’ biex jipprovdi dik l-informazzjoni.
Artikolu 15
Restrizzjonijiet
1. Il-kontrolluri jistgħu jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biss sa fejn u sakemm ikun meħtieġ strettament għas-salvagwardja tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili. L-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data jista’ jiġi ristrett biss fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
waqt li jkunu għaddejjin xi investigazzjonijiet, spezzjonijiet jew attivitajiet tal-monitoraġġ li jissemmew fl-Artikolu 75(2), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2018/1139 u li jkunu qed jitwettqu mill-Aġenzija fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tagħha, jew mill-awtoritajiet kompetenti kif previst fil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni; |
|
(b) |
waqt li jkunu għaddejjin xi proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew quddiem xi qorti kompetenti oħra skont il-liġi nazzjonali jew internazzjonali. |
2. Meta l-Kummissjoni u l-Aġenzija jkunu l-kontrolluri, dawn jistgħu wkoll jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biss sa fejn u sakemm ikun meħtieġ strettament għas-salvagwardja tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, jekk ikunu għaddejjin investigazzjonijiet tas-sigurtà tal-IT b’impatt dirett jew indirett fuq il-funzjonament tar-repożitorju.
3. Ir-restrizzjonijiet kollha għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità, u għandhom ikunu limitati fl-ambitu u fiż-żmien.
4. Is-suġġett tad-data li l-eżerċitar tad-drittijiet tiegħu jkun ristrett għandu jiġi infurmat dwar ir-raġunijiet u l-firxa tar-restrizzjoni.
Artikolu 16
Perjodu tal-ħżin tad-data personali
1. L-utenti awtorizzati għandhom:
|
(a) |
jaħżnu d-data personali fir-repożitorju għal perjodu massimu ta’ 10 snin li jibda mid-data tal-iskadenza tad-dokument, jew mid-data meta ma jibqax validu, inkluż kull dokument meħtieġ għall-proċeduri msemmija fir-Regolament (UE) 2018/1139 sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teżiġi xi perjodu differenti; |
|
(b) |
iħassru d-data personali mir-repożitorju malli jiskadi l-perjodu tal-ħżin. |
2. Ir-repożitorju għandu jkollu l-mezzi tekniċi biex jippermetti:
|
(a) |
it-tħassir awtomatizzat tad-data personali malli jiskadi l-perjodu tal-ħżin; |
|
(b) |
il-psewdonimizzazzjoni awtomatizzata, jew soluzzjonijiet tekniċi oħra b’effett ekwivalenti, tad-data personali maħżuna għall-finijiet ta’ arkivjar. |
Artikolu 17
Ipproċessar għall-finijiet ta’ arkivjar u ta’ riċerka storika fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni
1. Malli jiskadi l-perjodu tal-ħżin, l-Aġenzija tista’ żżomm id-data personali mir-repożitorju f’reġistru separat għall-finijiet ta’ arkivjar u ta’ riċerka storika.
2. Dik id-data personali għandha tkun limitata għal dik meħtieġa strettament għall-finijiet ta’ arkivjar u ta’ riċerka storika fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni, u għal konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data kif stabbilit fl-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
3. L-Aġenzija għandha tiżviluppa protokoll dwar l-aċċess għar-reġistru. L-Artikoli 4, 5 u 9 sa 12 għandhom japplikaw għal dan ir-reġistru.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-Kapitoli I u II għandhom japplikaw mill-1 ta’ April 2025.
3. Ir-rekwiżiti rigward l-oġġetti tal-informazzjoni maħruġa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli:
|
(a) |
mill-1 ta’ Jannar 2027 għall-kategorija tal-Anness I, il-grupp A; |
|
(b) |
mill-1 ta’ Jannar 2028 għall-kategorija tal-Anness I, il-grupp B; |
|
(c) |
mill-1 ta’ Jannar 2029 għall-kategorija tal-Anness I, il-grupp C; |
4. Ir-rekwiżiti rigward l-oġġetti tal-informazzjoni validi u maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament elenkati fl-Anness I, għandhom ikunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2029.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(4) https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 tal-24 ta’ Mejju 2019 dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 45).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/664 tat-22 ta’ April 2021 dwar qafas regolatorju għall-U-space (ĠU L 139, 23.4.2021, p. 161).
ANNESS I
LISTA TAL-OĠĠETT TAL-INFORMAZZJONI
|
Oġġett tal-informazzjoni |
Gruppi ta’ prijorità |
|
Liċenzji |
|
|
Liċenzji tal-bdoti |
A |
|
Validazzjoni tal-liċenzja tal-bdoti |
A |
|
Liċenzja tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru |
A |
|
Liċenzja tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru |
B |
|
Ċertifikati — Organizzazzjonijiet |
|
|
Ċertifikat tal-fornituri tal-ATM/ANS |
B |
|
Ċertifikat tal-operaturi tal-ajru |
B |
|
Ċertifikat tal-operaturi tal-ajru (AOC) |
B |
|
Ċertifikat tat-tagħmir tal-ajrudrom |
B |
|
Ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà (CofA) |
B |
|
Ċertifikat ta’ kwalifika tal-apparat tat-taħriġ tas-simulazzjoni tat-titjir (FSTD) |
C |
|
Ċertifikat tal-operaturi tal-UAS ħfief (LUC) |
A |
|
Ċertifikat tal-operaturi tal-UAS |
C |
|
Ċertifikat tal-fornituri tas-servizzi tal-U-spazju (USSP) |
B |
|
Ċertifikat tal-Fornituri tas-Servizzi tal-Informazzjoni Komuni |
B |
|
Ċertifikati — Persunal |
|
|
Ċertifikat tat-taħriġ teoretiku tal-bdoti remoti |
C |
|
Ċertifikat tal-eżaminaturi |
A |
|
Ċertifikat tal-għalliema |
A |
|
Ċertifikat taċ-ċentru tal-valutazzjoni tal-kompetenza lingwistika |
C |
|
Ċertifikati — Prodotti/Tagħmir |
|
|
Ċertifikat tat-tip (TC) |
B |
|
Ċertifikat supplimentari tat-tip (STC) |
B |
|
Ċertifikat ristrett tat-tip (RTC) |
B |
|
Folju tad-data taċ-ċertifikat tat-tip |
C |
|
Ċertifikat tal-istorbju |
C |
|
Ċertifikat ristrett tal-istorbju |
C |
|
Ċertifikat tar-rieżami tal-ajrunavigabbiltà (ARC) |
C |
|
Ċertifikat ristrett tal-ajrunavigabbiltà (RCofA) |
C |
|
Approvazzjoni ta’ bidliet maġġuri/minuri |
C |
|
Approvazzjoni ta’ disinn tat-tiswija maġġuri/minuri |
C |
|
Ċertifikat tas-sistemi tal-ATM/ANS u tal-kostitwenti tal-ATM/ANS |
B |
|
Ċertifikati — Mediċi |
|
|
Ċertifikat tal-eżaminaturi ajrumediċi |
A |
|
Ċertifikat taċ-ċentri ajrumediċi (AeMC) |
A |
|
Ċertifikat tal-eżaminaturi ajrumediċi tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (ATCO) |
A |
|
Ċertifikat mediku tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (ATCO) |
A |
|
Formola tal-applikazzjoni għaċ-Ċertifikat mediku tal-bdoti |
A |
|
Formoli tal-eżamijiet mediċi tal-bdoti u Ċertifikati mediċi ta’ appoġġ |
A |
|
Ċertifikat mediku tal-bdoti |
A |
|
Dikjarazzjonijiet |
|
|
Dikjarazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-informazzjoni dwar it-titjir (FIS) |
B |
|
Dikjarazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-ġestjoni tar-rampa |
B |
|
Dikjarazzjoni tal-fornituri tas-servizzi fuq il-mitjar |
B |
|
Sistemi tal-ATM/ANS u kostitwenti tal-ATM/ANS — Dikjarazzjoni |
B |
|
Sistemi tal-ATM/ANS u kostitwenti tal-ATM/ANS — Dikjarazzjoni tal-Konformità |
B |
|
Dikjarazzjoni tal-operaturi bħala fornituri tat-taħriġ tekniku STS |
C |
|
Dikjarazzjonijiet NCC u SPO tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru |
C |
|
Dikjarazzjoni STS operazzjonali tal-UAS |
A |
|
Attestazzjonijiet u rapporti |
|
|
Attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina |
C |
|
Rapport mediku tal-ekwipaġġ tal-kabina |
C |
|
Eżenzjonijiet |
|
|
Eżenzjoni (kumulattiva) ta’ aktar minn 8 xhur — Deċiżjoni |
B |
|
Eżenzjoni (kumulattiva) ta’ aktar minn 8 xhur — Notifika |
B |
|
Eżenzjoni (kumulattiva) ta’ aktar minn 8 xhur — Rakkomandazzjoni |
B |
|
Eżenzjoni (kumulattiva) sa 8 xhur — Notifika |
A |
|
Eżenzjoni mill-pussess ta’ Ċertifikat ATM/ANS bħala fornitur — Deċiżjoni |
C |
|
Eżenzjoni mill-pussess ta’ Ċertifikat ATM/ANS bħala fornitur — Notifika |
C |
|
Eżenzjoni mill-pussess ta’ Ċertifikat ATM/ANS bħala fornitur |
C |
|
Approvazzjonijiet |
|
|
Permess għat-titjir — approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjira |
A |
|
Permess għat-titjir |
A |
|
Approvazzjoni tar-Rapport tal-Bord tar-Reviżjoni tal-Manutenzjoni (MRB) |
C |
|
Eżamijiet tal-għarfien teoriku (ECQB) |
C |
|
Approvazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tal-Ajrunavigabbiltà Kombinata (CAOA) — Parti-CAO |
B |
|
Approvazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tal-Meniġment tal-Ajrunavigabbiltà Kontinwa (CAMOA) |
B |
|
Approvazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tal-Manutenzjoni (MOA) — Parti M, Sottoparti F, Formola 3-MF tal-EASA |
B |
|
Approvazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tal-Manutenzjoni (MOA) — Parti-145 |
B |
|
Approvazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tat-Taħriġ fil-Manutenzjoni (MTOA) — Parti-147 |
B |
|
Ittra ta’ Ftehim għal produzzjoni mingħajr l-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-produzzjoni |
C |
|
Approvazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produzzjoni (POA) |
B |
|
Proċedura alternattiva għall-approvazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tad-disinn (APDOA) |
C |
|
Approvazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tad-disinn (DOA) |
B |
|
Approvazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS |
B |
|
Organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (ATCO) |
B |
|
Approvazzjoni tal-organizzazzjoni tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-kabina (CCTO) |
C |
|
Approvazzjoni tal-organizzazzjoni tat-taħriġ (ATO) (bdoti) |
C |
|
Organizzazzjoni tat-taħriġ dikjarata (DTO) għall-bdoti |
C |
|
Approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-kabina (RITO) |
B |
|
Deċiżjonijiet |
|
|
Parteċipazzjoni fl-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Bażiku għall-attivitajiet elenkati — Deċiżjoni |
C |
|
Invaliditar u rikonoxximent ta’ ċertifikati jew dikjarazzjonijiet |
C |
|
Deċiżjoni għal-eżenzjoni mid-dispożizzjoni tar-Regolament Bażiku għal Ajrudromi |
C |
|
Responsabbiltà konġunta għal kompiti relatati mal-operaturi tal-inġenji tal-ajru involuti fit-trasport kummerċjali bl-ajru |
C |
|
Proposta għal emenda fl-Att ta’ Implimentazzjoni/Att Delegat |
C |
|
Akkreditazzjoni bħala Entità Kwalifikata |
C |
|
Proposta għal Skema Individwali għall-Ispeċifikazzjoni tal-Ħin tat-Titjir (IFTSs) |
C |
|
Notifiki tal-iskemi FTL |
C |
|
Konferma tal-operaturi dwar l-aċċettabbiltà tal-miżuri ta’ mitigazzjoni aġġornati u tal-konformità mal-kundizzjonijiet lokali f’każ ta’ operazzjonijiet transfruntieri |
C |
|
Reġistrazzjoni tal-operaturi tal-UAS |
A |
|
Deċiżjoni ta’ Stat Membru dwar l-għażla ta’ fornitur uniku tas-servizzi tal-informazzjoni komuni |
B |
|
Miżuri |
|
|
Miżura immedjata b’reazzjoni għal problema serja tas-sikurezza — Deċiżjoni |
B |
|
Miżura immedjata b’reazzjoni għal problema serja tas-sikurezza — Rakkomandazzjoni |
B |
|
Miżura immedjata b’reazzjoni għal problema serja tas-sikurezza — Notifika |
B |
|
Bullettini tal-Informazzjoni dwar iż-Żoni tal-Kunflitt (CZIB) — Miżuri |
B |
|
Parteċipazzjoni (Art. 2(6)) fl-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Bażiku għall-attivitajiet elenkati — Notifika |
C |
|
Parteċipazzjoni fl-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Bażiku għall-attivitajiet elenkati — Rakkomandazzjoni |
C |
|
Nonparteċipazzjoni fl-eżenzjoni ta’ kategoriji tal-inġenji tal-ajru minn dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Bażiku |
C |
|
Oħrajn |
|
|
Operatur tal-ajru — speċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet |
C |
|
Awtorizzazzjoni ta’ operatur tal-pajjiż terz (TCO) |
B |
|
Operazzjonijiet Speċjalizzati Kummerċjali ta’ Riskju Għoli — Awtorizzazzjoni |
B |
|
Reġistrazzjoni ta’ apparat ċertifikat tal-UAS |
A |
|
Awtorizzazzjoni ta’ Ordni Standard Teknika Ewropea (ETSOA): |
C |
|
Devjazzjoni għall-ETSO |
C |
|
Proposta għal emenda fl-Att ta’ Implimentazzjoni/Att Delegat — Notifika |
B |
|
Proposta għal emenda fl-Att ta’ Implimentazzjoni/Att Delegat — Rakkomandazzjoni |
B |
|
Lista tal-Istati Membri u l-Organizzazzjonijiet li jkunu trasferew ir-responsabbiltajiet, il-kompitu riallokat (f’konformità mal-Artikoli 64 u 65) u l-awtorità kompetenti responsabbli wara r-riallokazzjoni |
C |
|
Id-Direttivi dwar l-ajrunavigabbiltà (AD), dwar is-sikurezza, il-Bullettini tal-Informazzjoni dwar is-Sikurezza (SIB) |
C |
|
Abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet għal tweġiba għall-Ittri lill-Istati tal-ICAO |
C |
|
Lista tal-kontroll tal-Konformità tal-Istandards u l-prattiki rakkomandati (SARPs) tal-ICAO |
C |
|
Rakkomandazzjonijiet għal tweġiba għall-Ittri lill-Istati tal-ICAO |
C |
|
Talbiet għal Mezzi Alternattivi tal-Konformità |
C |
ANNESS II
KLASSIFIKAZZJONI TAL-INFORMAZZJONI
Definizzjonijiet dettaljati tal-immarkar skont l-Artikolu 7(2)
|
(a) |
il-PRIVATEZZA hi kklassifikata skont il-kategoriji ta’ hawn taħt:
|
|
(b) |
il-KUNFIDENZJALITÀ hi kklassifikata skont il-kategoriji ta’ hawn taħt:
|
|
(c) |
l-INTEGRITÀ hi kklassifikata skont il-kategoriji ta’ hawn taħt:
|
|
(d) |
id-DISPONIBBILTÀ hi kklassifikata skont il-kategoriji ta’ hawn taħt:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2117/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)