European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2116

6.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2116

tat-22 ta’ Mejju 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-15-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-modifika tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni u dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji, il-modifika tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi, u l-modifika tar-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-preskrizzjoni teknika uniformi dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (COTIF), permezz tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (1).

(2)

Skont l-Artikolu 13(1), il-punt (f), tal-COTIF, ġie stabbilit il-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-OTIF.

(3)

Skont l-Artikolu 20(1), il-punt (b), tal-COTIF, u f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regoli Uniformi dwar il-Validazzjoni tal-Istandards Tekniċi u l-Adozzjoni ta’ Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal tal-Ferroviji maħsub li jintuża fit-Traffiku Internazzjonali (APTU) – l-Appendiċi F tal-Konvenzjoni, is-CTE għandu l-kompetenza li jadotta jew jemenda, inter alia, il-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi (UTPs) dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni (UTP GEN-E), dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji (UTP GEN-G), u dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija (UTP TAF).

(4)

Skont l-Artikolu 16(10) tal-COTIF, is-CTE għandu l-kompetenza li jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(5)

Fl-aġenda tal-15-il sessjoni tiegħu, li ser issir fit-13 u l-14 ta’ Ġunju 2023, is-CTE inkluda proposta għal deċiżjonijiet biex tiġi riveduta bis-sħiħ il-UTP GEN-E, biex tiġi riveduta l-UTP GEN-G, biex jiġu mmodifikati r-regoli ta’ proċedura u biex jiġu aġġornati r-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija (TAF TSI) elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF.

(6)

L-objettivi tad-deċiżjonijiet tas-CTE previsti huma li jallinjaw il-UTP GEN-E mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jirrevedu l-UTP GEN-G, li jimmodifikaw ir-regoli ta’ proċedura tas-CTE u li jallinjaw l-UTP TAF mar-regoli tal-UE, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/541 (3).

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CTE, minħabba li d-deċiżjonijiet proposti ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

(8)

Id-deċiżjonijiet previsti tal-OTIF huma f’konformità mad-dritt u mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni kif jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-OTIF mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-15-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (CTE) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward tal-modifika tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi (UTPs) dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-entitajiet ta’ valutazzjoni (UTP GEN-E); u dwar Metodu Komuni ta’ Sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji (UTP GEN-G); fir-rigward tal-modifika tar-regoli ta’ proċedura tas-CTE; u fir-rigward tal-modifika tar-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar l-applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija (UTP TAF) għandha tkun kif ġej:

(1)

li tivvota favur ir-reviżjoni proposta mis-CTE tal-UTP GEN-E (Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-23005);

(2)

li tivvota favur ir-reviżjoni proposta mis-CTE għall-UTP GEN-E (Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-23006);

(3)

li tivvota favur ir-reviżjoni proposta mis-CTE tar-regoli ta’ proċedura tas-CTE (Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-23002);

(4)

li tivvota favur il-proposta tas-CTE biex jiġu aġġornati r-referenzi għad-Dokumenti Tekniċi tat-TSI dwar it-TAF elenkati fl-Appendiċi I tal-UTP TAF (deċiżjoni tad-Dokument ta’ Ħidma tas-CTE TECH-23007).

Artikolu 2

Ladarba jiġu adottati, id-deċiżjonijiet tas-CTE għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiġi indikata d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)   ĠU L 51, 23.2.2013, p. 8.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/541 tas-26 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2014 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-kalkolu u l-iskambju tad-data u l-aġġornament tal-proċess tal-Ġestjoni tal-Kontroll tat-Tibdil (ĠU L 108, 29.3.2021, p. 19).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2116/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)