European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2113

11.10.2023

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2113

tat-3 ta’ Ottubru 2023

dwar oqsma teknoloġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE għal valutazzjoni tar-riskju ulterjuri mal-Istati Membri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għarfu li b’tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, b’integrazzjoni ekonomika aktar profonda u bl-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku, ċerti flussi u attivitajiet ekonomiċi jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà ekonomika tagħna u adottaw Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Ekonomika (1) biex jiġi stabbilit approċċ strateġiku komprensiv għas-sigurtà ekonomika.

(2)

L-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Ekonomika hija bbażata fuq approċċ bi tliet pilastri: il-promozzjoni tal-bażi ekonomika u tal-kompetittività tal-UE; il-protezzjoni kontra r-riskji; u s-sħubija mal-usa’ firxa possibbli ta’ pajjiżi biex jiġu indirizzati t-tħassib u l-interessi komuni.

(3)

Bħala parti minn dan il-qafas u fid-dawl tar-riskji li ċerti dipendenzi ekonomiċi u evoluzzjonijiet tekniċi jistgħu jippreżentaw, l-UE teħtieġ stampa ċara tar-riskji għas-sigurtà ekonomika tagħha u l-evoluzzjoni tagħhom maż-żmien.

(4)

Dawn ir-riskji għandhom jiġu identifikati u vvalutati flimkien mal-Istati Membri tal-UE, b’kontributi minn partijiet ikkonċernati privati fi proċess dinamiku u kontinwu.

(5)

L-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Ekonomika identifikat l-erba’ kategoriji ta’ riskju wiesgħa u mhux eżawrjenti li ġejjin għal valutazzjoni ulterjuri: ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, inkluża s-sigurtà tal-enerġija; is-sigurtà fiżika u ċibernetika tal-infrastruttura kritika; is-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija; l-użu tad-dipendenzi ekonomiċi bħala arma u l-koerċizzjoni ekonomika.

(6)

Fil-Komunikazzjoni Konġunta, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tivvaluta r-riskji tas-sigurtà u tal-ħrib tat-teknoloġija abbażi ta’ lista ta’ teknoloġiji strateġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika u, fir-rigward tal-aktar riskji sensittivi, li tipproponi lista ta’ teknoloġiji kritiċi bil-ħsieb tal-valutazzjoni tar-riskju li għandha titwettaq b’mod kollettiv mal-Istati Membri sa tmiem l-2023.

(7)

Il-Komunikazzjoni Konġunta identifikat dawn it-tliet kriterji ddefiniti b’mod strett u li jħarsu ’l quddiem għall-għażla tat-teknoloġiji li jippreżentaw l-aktar riskji sensittivi, għal valutazzjoni ulterjuri: in-natura abilitanti u trasformattiva tat-teknoloġija; ir-riskju ta’ fużjoni ċivili u militari; u r-riskju ta’ użu ħażin tat-teknoloġija għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

(8)

Il-kriterju tan-natura abilitanti u trasformattiva tat-teknoloġija jqis il-potenzjal u r-rilevanza tat-teknoloġija biex tixpruna żidiet sinifikanti fil-prestazzjoni u fl-effiċjenza u/jew bidliet radikali għas-setturi, il-kapaċitajiet eċċ.

(9)

Il-kriterju tar-riskju ta’ fużjoni ċivili u militari jqis ir-rilevanza tat-teknoloġija kemm għas-setturi ċivili kif ukoll għal dawk militari u l-potenzjal tagħha li tavvanza ż-żewġ oqsma, kif ukoll lejn ir-riskju ta’ użi ta’ ċerti teknoloġiji biex jimminaw il-paċi u s-sigurtà.

(10)

Il-kriterju tar-riskju ta’ użu ħażin tat-teknoloġija għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem iqis l-użu ħażin potenzjali tat-teknoloġija bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali.

(11)

Wara l-ewwel analiżi interna, il-Kummissjoni identifikat lista ta’ 10 oqsma teknoloġiċi kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE. Din il-lista ta’ oqsma teknoloġiċi tqis il-ħidma li saret skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju (2). Dan dokument ħaj u jista’ jkun soġġett għal aktar emendi li jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi bħala parti minn eżerċizzju li għadu għaddej.

(12)

Abbażi tat-tliet kriterji ddefiniti b’mod strett u li jħarsu ’l quddiem għall-għażla tat-teknoloġiji għal valutazzjoni ulterjuri, din ir-Rakkomandazzjoni presenti tidentifika erba’ oqsma teknoloġiċi, minn din il-lista, li hija tqis li x’aktarx jippreżentaw l-aktar riskji sensittivi u immedjati relatati mas-sigurtà tat-teknoloġija u mal-ħrib tat-teknoloġija, jiġifieri s-Semikondutturi Avvanzati, l-Intelliġenza Artifiċjali, it-Teknoloġiji Kwantistiċi u l-Bijoteknoloġiji. Dawn l-oqsma tat-teknoloġija għandhom, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità, ikunu soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju kollettiva mal-Istati Membri sa tmiem is-sena. Soġġett għall-ħidma dwar l-ambitu mal-Istati Membri, din il-valutazzjoni kollettiva tista’ tiffoka fuq is-subsettijiet tat-teknoloġiji f’dawn l-erba’ oqsma teknoloġiċi.

(13)

L-istrutturar tal-lista jirrifletti l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar liema oqsma teknoloġiċi minn fosthom huma aktar probabbli li jippreżentaw l-aktar riskji sensittivi u immedjati relatati mas-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija. Dan jista’ jservi bħala għajnuna għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-passi ulterjuri. Il-Kummissjoni se tidħol fi djalogu miftuħ mal-Istati Membri dwar il-kalendarju xieraq u l-ambitu ta’ valutazzjonijiet tar-riskju ulterjuri, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-kontribut tal-fattur taż-żmien għall-evoluzzjoni tar-riskji. Il-Kummissjoni tilqa’ skambju f’waqtu dwar dan l-aspett tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ekonomika fil-Kunsill, fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u tal-orjentazzjonijiet politiċi ġenerali tiegħu b’reazzjoni għall-Komunikazzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta aktar inizjattivi f’dan ir-rigward sar-Rebbiegħa tal-2024, fid-dawl ta’ tali djalogu u tal-ewwel esperjenza bil-valutazzjonijiet kollettivi inizjali, kif ukoll ta’ inputs ulterjuri li jistgħu jiġu riċevuti fl-oqsma teknoloġiċi elenkati. Fid-deċiżjoni dwar proposti għal valutazzjonijiet tar-riskju kollettivi ulterjuri mal-Istati Membri dwar wieħed jew aktar mill-oqsma teknoloġiċi addizzjonali elenkati, jew is-subsettijiet tagħhom, il-Kummissjoni se tqis l-azzjonijiet li għadhom għaddejjin jew ippjanati għall-promozzjoni jew għas-sħubija fil-qasam tat-teknoloġija li jkun qed jiġi kkunsidrat. B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni se żżomm f’moħħha li l-miżuri meħuda biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE fl-oqsma rilevanti jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta’ ċerti riskji teknoloġiċi.

(14)

L-objettiv tal-valutazzjoni tar-riskju għandu jkun li jiġu identifikati u analizzati l-vulnerabbiltajiet ta’ natura sistemika skont l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà ekonomika tal-UE u l-grad ta’ probabbiltà li jimmaterjalizza l-impatt negattiv. Biex jiġi strutturat l-eżerċizzju tal-valutazzjoni tar-riskju li jmiss mal-Istati Membri, il-Kummissjoni identifikat xi prinċipji gwida.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tippreġudikax l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju. L-eżitu tal-valutazzjoni kollettiva dettaljata tal-livell u tan-natura tar-riskji ppreżentati biss jista’ jservi bħala bażi għal diskussjoni ulterjuri dwar il-ħtieġa ta’ kwalunkwe miżura preċiża u proporzjonata għal promozzjoni, sħubija jew protezzjoni fi kwalunkwe wieħed minn dawn l-oqsma teknoloġiċi, jew kwalunkwe subsett tagħhom. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jużaw din l-informazzjoni fit-tfassil ta’ azzjonijiet ta’ politika futuri, inklużi miżuri ta’ promozzjoni, sħubija jew protezzjoni fil-livell nazzjonali, tal-UE jew f’dak internazzjonali, li għandhom ikunu proporzjonali għal-livell ta’ riskju indirizzat u preċiżi fir-rigward tal-ambitu. Għalhekk, f’dan l-istadju ta’ prevalutazzjoni, ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni dwar ir-rikors għal kwalunkwe strument partikolari fis-settijiet ta’ miżuri tal-UE jew tal-Istati Membri għal promozzjoni, protezzjoni jew sħubija ma’ oħrajn fid-dawl ta’ sigurtà ekonomika msaħħa.

(16)

Kwalunkwe miżura li tista’ tittieħed se tkun proporzjonata u mmirata b’mod preċiż għar-riskji vvalutati ta’ kull qasam tat-teknoloġija kritika jew ta’ teknoloġija rilevanti. Kwalunkwe miżura implimentata se jkollha l-għan li ssaħħaħ il-qawwa tal-Unjoni f’dawn l-oqsma u tkun imfassla biex timminimizza kwalunkwe effett konsegwenzjali negattiv fuq is-suq u l-ekonomija. B’mod partikolari, dawn il-valutazzjonijiet se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politiki tal-Unjoni b’appoġġ għall-innovazzjoni u l-iżvilupp industrijali għat-teknoloġiji identifikati, inkluż permezz ta’ inizjattivi internazzjonali.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Mil-lista ta’ 10 oqsma kritiċi tat-teknoloġija identifikati fl-Anness, huwa rrakkomandat, bħala pass inizjali, li l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni jivvalutaw, sa tmiem l-2023, l-erba’ oqsma tat-teknoloġija li ġejjin bl-ogħla probabbiltà li jippreżentaw l-aktar riskji sensittivi u immedjati relatati mas-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija:

(a)

Teknoloġiji avvanzati tas-semikondutturi

Is-semikondutturi, il-mikroelettronika u l-fotonika huma komponenti essenzjali ta’ apparati elettroniċi f’oqsma kritiċi bħall-komunikazzjonijiet, il-computing, l-enerġija, is-saħħa, it-trasport u d-difiża u s-sistemi u l-applikazzjonijiet spazjali. Minħabba n-natura abilitanti u trasformattiva enormi tagħhom u l-użu tagħhom għal skopijiet ċivili u militari, huwa kruċjali għas-sigurtà ekonomika li nibqgħu fuq quddiem nett fil-bini u fl-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn it-teknoloġiji.

(b)

Teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali

L-IA (software), il-computing ta’ prestazzjoni għolja, il-cloud u l-edge computing, u l-analitika tad-data għandhom firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet b’użu doppju u huma kruċjali b’mod partikolari għall-ipproċessar ta’ ammonti kbar ta’ data u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet jew previżjonijiet ibbażati fuq din l-analiżi mmexxija mid-data. Dawn it-teknoloġiji għandhom potenzjal trasformattiv enormi f’dan ir-rigward.

(c)

Teknoloġiji kwantistiċi

It-teknoloġiji kwantistiċi għandhom potenzjal kbir li jittrasformaw diversi setturi, ċivili u militari, billi jippermettu teknoloġiji u sistemi ġodda li jagħmlu użu mill-proprjetajiet tal-mekkanika kwantistika. L-impatt sħiħ tat-teknoloġiji kwantistiċi li qed jiġu/se jiġu żviluppati għadu ma jistax jiġi kkwalifikat bis-sħiħ.

(d)

Il-bijoteknoloġiji

Il-bijoteknoloġiji għandhom natura abilitanti u trasformattiva ewlenija f’oqsma bħall-agrikoltura, l-ambjent, il-kura tas-saħħa, ix-xjenza tal-ħajja, il-ktajjen tal-ikel jew il-bijomanifattura. Xi bijoteknoloġiji, bħall-inġinerija ġenetika applikata għall-patoġeni jew il-komposti dannużi prodotti mill-modifika ġenetika tal-mikroorganiżmi, jista’ jkollhom dimensjoni ta’ sigurtà/militari, b’mod partikolari meta jintużaw ħażin.

2.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi djalogu miftuħ dwar kalendarju u ambitu xierqa għal valutazzjoni tar-riskju kollettiva ta’ oqsma teknoloġiċi oħra elenkati fl-Anness, jew is-subsettijiet tagħhom, filwaqt li jqisu l-ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel malajr u l-gradi differenti ta’ probabbiltà li t-teknoloġiji elenkati jippreżentaw l-aktar riskji sensittivi u immedjati relatati mas-sigurtà tat-teknoloġija u mal-ħrib tat-teknoloġija.

3.

Biex jiġi strutturat l-eżerċizzju tal-valutazzjoni tar-riskju kollettiva, ġew identifikati l-prinċipji gwida li ġejjin:

(a)

Li jiġu identifikati u analizzati l-vulnerabbiltajiet skont l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà ekonomika tal-UE u l-grad ta’ probabbiltà li jimmaterjalizza l-impatt negattiv. L-analiżi għandha tidentifika t-tipi ewlenin ta’ theddid u atturi ta’ theddid, u għandha tqis il-fatturi ġeopolitiċi fejn rilevanti biex tivvaluta l-probabbiltà tal-impatti negattivi. Għandha tqis ukoll, fost l-oħrajn, il-katina tal-valur tat-teknoloġiji, l-evoluzzjoni tar-riskji kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi rilevanti, inkluż kwalunkwe punt ta’ konġestjoni u punt ta’ konġestjoni futur mistenni, immappjar tal-pożizzjoni relattiva tal-UE f’kull teknoloġija, inklużi atturi l-ewlenin u l-elementi tat-tmexxija komparattiva tal-UE; l-interkonnettività globali tal-ekosistema tat-teknoloġija, inkluż fir-riċerka u l-katina tal-provvista għat-teknoloġija.

(b)

Fil-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu tal-valutazzjoni kollettiva, għandu jitqies jekk il-valutazzjoni dettaljata hijiex se tiffoka fuq ċerti subsettijiet ta’ teknoloġiji li huma l-aktar rilevanti.

(c)

Il-valutazzjoni tar-riskju mhux se tkun speċifika għall-pajjiż.

(d)

Li jiġu pprijoritizzati r-riskji li jkollhom effetti potenzjali fuq l-UE kollha.

(e)

Li jiġu żgurati sinerġiji u komplementarjetajiet mal-analiżijiet eżistenti fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri, biex tikkontribwixxi għall-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju.

(f)

Li jitqies il-kontribut tas-settur privat.

4.

Il-valutazzjoni tar-riskju kollettiva se tiżgura l-kunfidenzjalità, fuq talba, tal-inputs riċevuti mill-Istati Membri jew mis-settur privat. Id-dokument finali tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju kollettiva se jiġi kklassifikat b’mod xieraq.

5.

Il-valutazzjoni għandha titwettaq mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni bl-użu tal-fora eżistenti, jew fejn meħtieġ oħrajn ġodda, biex jiġu inklużi l-esperti rilevanti, kif meħtieġ għal kull waħda mit-teknoloġiji kritiċi.

6.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi teknoloġiċi u, jekk ikun meħtieġ, tikkomplementa din ir-Rakkomandazzjoni billi tipproponi teknoloġiji addizzjonali għal valutazzjoni ulterjuri.

Magħmul fi Strasburgu, it-3 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  JOIN(2023) 20 final.

(2)  COM(2021) 70 final.


ANNESS

Lista ta’ 10 oqsma tat-teknoloġija kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE

 

Qasam tat-Teknoloġija

Teknoloġiji*

*

It-teknoloġiji elenkati għal kull qasam huma punt fokali probabbli għall-valutazzjoni tar-riskju iżda mhumiex eżawrjenti

1.

TEKNOLOĠIJI AVVANZATI TAS-SEMIKONDUTTURI

Mikroelettronika, inklużi proċessuri

Teknoloġiji fotoniċi (inkluż laser b’enerġija għolja)

Ċipep ta’ frekwenza għolja

Tagħmir għall-manifattura tas-semikondutturi f’daqsijiet ta’ nodi avvanzati ħafna

2.

TEKNOLOĠIJI TAL-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI

Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

Cloud u edge computing

Teknoloġiji tal-analitika tad-data

Viżjoni tal-kompjuter, ipproċessar tal-lingwa, rikonoxximent tal-oġġett

3.

TEKNOLOĠIJI KWANTISTIĊI

Computing kwantistiku

Kriptografija kwantistika

Komunikazzjonijiet kwantistiċi

Rilevament kwantistiku u radar

4.

BIJOTEKNOLOĠIJI

Tekniki ta’ modifika ġenetika

Tekniki ġenomiċi ġodda

Gene-drive

Bijoloġija sintetika

5.

TEKNOLOĠIJI AVVANZATI TA’ KONNETTIVITÀ, NAVIGAZZJONI U DIĠITALI

Komunikazzjonijiet u konnettività diġitali siguri, bħar-RAN & Open RAN (Network ta’ Aċċess bir-Radju) u l-6G

Teknoloġiji taċ-ċibersigurtà inklużi s-sorveljanza ċibernetika, is-sistemi ta’ sigurtà u ta’ intrużjoni, il-forensika diġitali

Internet tal-Oġġetti u r-Realtà Virtwali

Teknoloġiji tar-reġistru distribwit u tal-identità diġitali

Teknoloġiji ta’ gwida, navigazzjoni u kontroll, inkluż l-avjonika u l-pożizzjonament marittimu

6.

TEKNOLOĠIJI TA’ RILEVAMENT AVVANZATI

Rilevament elettro-ottiku, bir-radar, kimiku, bijoloġiku, tar-radjazzjoni u distribwit

Manjetometri, gradjometri manjetiċi

Sensuri ta’ kamp elettriku taħt l-ilma

Gravimetri u gradjometri

7.

TEKNOLOĠIJI SPAZJALI U TA’ PROPULSJONI

Teknoloġiji ddedikati ffukati fuq l-ispazju, li jvarjaw mil-livell tal-komponent għal-livell tas-sistema

Teknoloġiji tas-sorveljanza spazjali u tal-osservazzjoni tad-Dinja

Pożizzjonament, Navigazzjoni u Sinkronizzazzjoni (PNT) Spazjali

Komunikazzjonijiet siguri inkluża l-konnettività f’Orbita Dinjija Baxxa (LEO)

Teknoloġiji ta’ propulsjoni, inklużi teknoloġiji ipersoniċi u komponenti għall-użu militari

8.

TEKNOLOĠIJI TAL-ENERĠIJA

Teknoloġiji ta’ fużjoni nukleari, reatturi u ġenerazzjoni tal-enerġija, teknoloġiji ta’ konverżjoni radjoloġika/arrikkiment/riċiklaġġ

Idroġenu u fjuwils ġodda

Teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, inklużi l-fotovoltajċi

Grilji u ħżin tal-enerġija intelliġenti, batteriji

9.

ROBOTIKA U SISTEMI AWTONOMI

Droni u vetturi (tal-ajru, tal-art, tal-wiċċ u ta’ taħt l-ilma)

Robots u sistemi ta’ preċiżjoni kkontrollati mir-robots

Eżoskeletri

Sistemi bbażati fuq l-IA

10.

TEKNOLOĠIJI AVVANZATI TAL-MATERJALI, TAL-MANIFATTURA U TAR-RIĊIKLAĠĠ

Teknoloġiji għan-nanomaterjali, materjali intelliġenti, materjali taċ-ċeramika avvanzati, materjali tal-ħabi, materjali sikuri u sostenibbli skont id-disinn

Manifattura addittiva, inkluż fuq il-post

Manifattura ta’ mikropreċiżjoni diġitali kkontrollata u mmaxinjar/iwweldjar bil-laser fuq skala żgħira

Teknoloġiji għall-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika (inkluż l-estrazzjoni idrometallurġika, il-bijolessija, il-filtrazzjoni bbażata fuq in-nanoteknoloġija, l-ipproċessar elettrokimiku u l-massa sewda)


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2113/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)