ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 201

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 66
11 ta' Awwissu 2023


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1626 tad-19 ta’ April 2023 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ penali għall-fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1627 tal-10 ta’ Awwissu 2023 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tas-sustanza bis(2-etileżil)ċikloeżan-1,4-dikarbossilat (Nru FCM 1079) ( 1 )

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1628 tal-10 ta’ Awwissu 2023 li tirrifjuta talba għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Лидский квас/Lidski kvas (IĠP)) (notifikata bid-dokument C(2023) 5371)

7

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

11.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1626

tad-19 ta’ April 2023

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ penali għall-fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (1), u b'mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 7(11) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ir-reġim tal-penali fi flus ma għandux japplika għal parteċipanti inadempjenti li huma CCPs.

(2)

L-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 (2) kif applikabbli bħalissa jipprevedi mekkaniżmu speċifiku dwar il-ġbir u d-distribuzzjoni mis-CCPs ta’ penali fi flus (“mekkaniżmu ta’ penali”) biex jiġi żgurat li, fir-rigward ta’ fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati, fejn is-CCPs jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet, il-penali fi flus ma jiġux applikati għas-CCPs.

(3)

Madankollu, minħabba l-multipliċità tal-partijiet involuti, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ penali mis-CCPs iżżid ir-riskji operazzjonali, il-kumplessitajiet tekniċi u l-kostijiet mal-proċess tal-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ penali fi flus għal fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati. Il-penali għall-fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati jistgħu jiġu kkalkulati, applikati, miġbura u distribwiti mill-ġdid mis-CSDs, minn u lill-parteċipanti kollha identifikati fl-istruzzjonijiet tas-saldu ppreżentati mis-CCPs, f’konformità mal-Artikoli 16, 17 u 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229, bħal kull penali oħra għal fallimenti tas-saldu relatata ma’ tranżazzjonijiet mhux ikklerjati.

(4)

Skont l-Artikolu 2(19) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, kwalunkwe istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent tas-saldu, kamra tal-ikklerjar, operatur tas-sistema jew membru tal-ikklerjar ta’ CCP tista’ tikkwalifika bħala parteċipant.

(5)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kalkolu, il-ġbir u d-distribuzzjoni tal-penali fi flus għall-fallimenti tal-istruzzjonijiet ta’ saldu relatati mat-tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs, filwaqt li fl-istess ħin jitnaqqsu r-riskji u l-kost relatati ma’ tali proċess, jenħtieġ li, skont l-Artikoli 16, 17 u 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229, is-CSDs jikkalkulaw, jiġbru mingħand il-parteċipanti rilevanti tagħhom kif ukoll jiddistribwulhom il-penali fi flus relatati mal-istruzzjonijiet ta’ saldu ppreżentati mis-CCPs għal tranżazzjonijiet ikklerjati.

(6)

Meta s-CCPs jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet, l-ammont nett ta’ penali li s-CSDs iridu jiġbru u jiddistribwixxu fir-rigward tal-istruzzjonijiet ta’ saldu ppreżentati minn CCP normalment ikun jammonta għal żero peress li l-istruzzjonijiet ta’ saldu ppreżentati mis-CCP jirrappreżentaw iż-żewġ komponenti tat-tranżazzjonijiet ikklerjati. Madankollu, f’ċerti każijiet bħall-konsenja tard ta’ titoli lil CCP mid-data tas-saldu prevista li ma tippermettix li jsir is-saldu tal-istruzzjonijiet ta’ konsenja mis-CCP, jew f’każijiet ta’ differenzi fil-penali kkalkulati minn CSDs differenti, jistgħu jibqgħu fil-kotba tas-CCPs pożizzjonijiet żbilanċjati fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ikklerjati u l-ammont nett ta’ penali li għandu jinġabar minn CCPs jew jitqassamilhom jista’ jkun differenti minn żero. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li s-CCPs jitħallew jallokaw lill-membri tal-ikklerjar tagħhom l-ammont nett li jifdal ta’ penali, kreditu jew debitu. Jenħtieġ li s-CCPs jistabbilixxu mekkaniżmu xieraq fir-regoli tagħhom għal dan il-għan.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 jiġi emendat skont dan.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-kalkolu tal-penali għall-fallimenti tas-saldu li jseħħu qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jiġix affettwat b’mod retroattiv, huwa xieraq li jiġu inklużi dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

(9)

Sabiex is-CCPs u s-CSDs ikunu jistgħu jimplimentaw l-adattamenti teknoloġiċi meħtieġa bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mal-mekkaniżmu ta’ penali emendat, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(11)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229

L-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Mekkaniżmu ta’ penali għal fallimenti tas-saldu relatati ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu

Fir-rigward tal-fallimenti tas-saldu relatati mat-tranżazzjonijiet ikklerjati ppreżentati mis-CCPs għas-saldu, is-CSDs għandhom japplikaw l-Artikoli 16, 17 u 18.

Is-CCPs jistgħu jallokaw lill-membri tal-ikklerjar tagħhom kwalunkwe ammont nett li jifdal ta’ penali, kreditu jew debitu, imħallas skont l-Artikolu 16 u distribwit skont l-Artikolu 17(2).

Is-CCPs għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu xieraq fir-regoli tagħhom għal dan il-għan.”

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżitorja

L-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229 kif applikabbli fl-1 ta’ Settembru 2024 għandu jkompli japplika għall-fallimenti tas-saldu li seħħew qabel it-2 ta’ Settembru 2024.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta’ Settembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230, 13.9.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


11.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1627

tal-10 ta’ Awwissu 2023

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tas-sustanza bis(2-etileżil)ċikloeżan-1,4-dikarbossilat (Nru FCM 1079)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (a), (e) u (i) u l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (2) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. B’mod partikolari, l-Anness I ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ sustanzi awtorizzati li jistgħu jintużaw intenzjonalment fil-manifattura ta’ materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel.

(2)

Fl-11 ta’ Diċembru 2019, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika favorevoli (3) dwar l-użu tas-sustanza bis(2-etileżil)ċikloeżan-1,4-dikarbossilat (“DEHCH”, Nru CAS 84731-70-4, Nru FCM 1079), bħala addittiv (plastifikant) fil-klorur tal-polivinil (PVC) sa 25 % w/w f’kuntatt ma’ ikel milwiem, aċiduż u b’livell baxx ta’ alkoħol għall-ħżin fit-tul f’temperatura ambjentali jew inqas (imkessaħ u ffriżat). Barra minn hekk, abbażi ta’ studju xjentifiku pprovdut lill-Awtorità, l-Awtorità kkonkludiet li s-sustanza ma tqajjimx tħassib dwar il-ġenotossiċità u nnotat li ma ġie osservat l-ebda effett avvers sal-ogħla doża ttestjata ta’ 1 000 mg/kg ta’ piż tal-ġisem (bw) kuljum fi studji dwar it-tossiċità b’doża ripetuta. Madankollu, minħabba l-inċertezza dwar il-potenzjal ta’ akkumulazzjoni tas-sustanza fil-bnedmin, ikkonkludiet li l-migrazzjoni tas-sustanza jenħtieġ li ma taqbiżx iż-0,05 mg/kg ta’ ikel, u li s-sustanza jenħtieġ li tintuża biss fil-PVC f’kuntatt mal-ikel, li għalih huma assenjati s-simulanti A (10 % etanol) u B (3 % aċidu aċetiku), f’temperatura ambjentali jew inqas.

(3)

Għalhekk jixraq li tiġi awtorizzata s-sustanza bis(2-etileżil)ċikloeżan-1,4-dikarbossilat.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 10/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2020; 18(1):5973


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 10/2011, tiddaħħal l-entrata li ġejja f’ordni numerika:

“1079

 

84731-70-4

bis(2-etileżil)ċikloeżan-1,4-dikarbossilat (DEHCH)

iva

le

le

0,05

 

Għandu jintuża biss bħala addittiv fil-klorur tal-polivinil (PVC) sa 25 % w/w f’temperatura ambjentali jew inqas f’kuntatt mal-ikel li għalih it-Tabella 2 tal-Anness III tassenja is-simulanti tal-ikel A jew B.”

 


DEĊIŻJONIJIET

11.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1628

tal-10 ta’ Awwissu 2023

li tirrifjuta talba għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(“Лидский квас/Lidski kvas” (IĠP))

(notifikata bid-dokument C(2023) 5371)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ismijiet “Лидский квас/Lidski kvas” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP). L-applikazzjoni tirreferi għal xarba ffermentata prodotta fil-belt ta’ Lida fil-Belarussja u tressqet mill-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” mill-Belarussja fil-21 ta’ Lulju 2021 (PGI-BY-02788).

(2)

Wara l-iskrutinju, il-Kummissjoni bagħtet ittra li fiha talbet kjarifika ta’ wħud mill-aspetti tal-fajl. B’mod partikolari, filwaqt li jitqies li l-ilma għall-produzzjoni ta’ “Лидский квас/Лiдскi квас” għandu jiġi minn nixxigħat partikolari li jinsabu fuq art li tkun proprjetà tal-applikant, u l-produzzjoni tal-prodott issir skont “struzzjoni teknoloġika unika separata”, kif iddikjarat fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, is-sid u l-uniku utent li huwa l-applikant, l-applikant intalab jispjega jekk il-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra hijiex possibbli f’konformità mal-prinċipji tal-iskema ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-UE.

(3)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li persuna fiżika jew ġuridika unika tista’ tiġi ttrattata bħala grupp, meta tressaq applikazzjoni, meta jintwera li ż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ikunu ssodisfati: (a) il-persuna kkonċernata tkun l-uniku produttur lest li jressaq applikazzjoni; u (b) fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, iż-żona ġeografika ddefinita jkollha karatteristiċi li jvarjaw sew minn dawk ta’ żoni ġirien jew il-karatteristiċi tal-prodott ikunu differenti minn dawk prodotti f’żoni ġirien. L-applikant intalab jipprovdi tali ġustifikazzjonijiet.

(4)

Fit-tweġiba, l-applikant ipprovda Dokument Uniku u Speċifikazzjoni tal-Prodott aġġornati, li skonthom il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Lidskoe Pivo” hija l-uniku sid u operatur tal-bjar li jridu jintużaw għall-produzzjoni ta’ “Лидский квас/Lidski kvas” u li l-proċess kollu tal-produzzjoni jsir fit-territorju tal-belt ta’ Lida mill-applikant u skont “struzzjoni teknoloġika unika separata”, li s-sid u l-uniku utent tagħha huwa l-applikant.

(5)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u fl-ittra ta’ rifjut infurmat lill-applikant li jekk ma tasal l-ebda osservazzjoni fi żmien xahrejn mill-wasla tal-ittra, biħsiebha tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(6)

Il-Kummissjoni qieset li s-sistema tal-IĠ ġiet żviluppata u mfassla sabiex tippermetti lill-produtturi, ta’ ċertu żona u li l-prodott tagħhom ikun distint minn kwalunkwe prodott ieħor fis-suq minħabba l-ambjent naturali/soċjali li fih ikun ġie prodott, jipproteġu l-prodotti tagħhom.

(7)

Il-Kummissjoni qieset li l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jikkonferixxu, għad-differenza ta’ trademarks individwali, drittijiet kollettivi u għall-kuntrarju ta’ trademarks li jkunu proprjetà ta’ detenturi identifikabbli b’mod ċar, l-IĠ jitqiesu li huma proprjetà ta’ komunità astratta kollettiva, li tinkludi l-produtturi kollha — attwali jew potenzjali — li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni relatata. Dan ifisser li kwalunkwe produttur li jirrispetta r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ juża d-deżinjazzjoni protetta.

(8)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa ċar li l-parteċipazzjoni ta’ produtturi oħra mhijiex possibbli fil-każ ta’ “Лидский квас/Lidski kvas”, meta l-applikant ikun l-uniku sid u operatur tal-bjar li jridu jintużaw għall-produzzjoni tal-prodott inkwistjoni.

(9)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li s-sid u l-uniku utent tal-“istruzzjoni teknoloġika unika separata”, li skontha l-prodott jiġi prodott, huwa l-applikant. Għalhekk, il-karatteristiċi tal-prodott mhumiex attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 iżda għal “metodu ta’ produzzjoni speċjali”, kif deskritt mill-applikant, li huwa fil-pussess esklużiv tal-applikant. It-tekniki tal-produzzjoni huma deskritti b’mod ġenerali billi sempliċement ġew elenkati l-passi tal-produzzjoni, mingħajr ma ġew ipprovduti xi dettalji li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ produtturi potenzjali oħra.

(10)

Barra minn hekk, l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jipprevedi li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-IĠ jenħtieġ li bħala regola jitressqu minn grupp ta’ produtturi. Huwa biss meta l-kundizzjonijiet addizzjonali tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, jiġu ssodisfati, li produttur uniku jista’ japplika għal tali protezzjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-applikant ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward.

(11)

L-applikant ma weġbitx għall-ittra ta’ rifjut li ntbagħtet mill-Kummissjoni fl-iskadenza stabbilita.

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Лидский квас/Lidski kvas” bħala IĠP ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jiġifieri l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 49(1) tar-Regolament imsemmi.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Лидский квас/Lidski kvas” bħala indikazzjoni ġeografika protetta tiġi rrifjutata.

(14)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Лидский квас/Lidski kvas” hija rrifjutata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-rappreżentant legali tal-applikant:

EUROMARKPAT GERMANY

v.Füner Ebbinghaus Finck Hano

European Patent, Trademark and Design Attorneys

Mariahilfplatz 3

81541 München

Il-Ġermanja

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.