ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 196

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 66
4 ta' Awwissu 2023


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1593 tat-28 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 377/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau

1

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1594 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1595 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

13

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1596 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

17

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1597 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/265 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fl-Indja u fit-Turkija

21

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1598 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/285/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau

23

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1599 tat-3 ta’ Awwissu 2023 dwar Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea

25

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1600 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

35

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1601 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

37

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1602 tal-31 ta’ Lulju 2023 dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

44

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ( ĠU L 186, 25.7.2023 )

61

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1593

tat-28 ta’ Lulju 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 377/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1598 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/285/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’Mejju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/285/PESK (2) u r-Regolament (UE) Nru 377/2012 (3).

(2)

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2012/285/PESK u l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 377/2012, il-Kunsill eżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau u kkonkluda li jenħtieġ li tiddaħħal dispożizzjoni dwar eżenzjoni umanitarja applikabbli għal ċerti atturi, kif elenkat fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fir-rigward tal-miżuri komplementari tal-Unjoni dwar l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 377/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 377/2012, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi neċessarji biex jiggarantixxu t-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex isostnu attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

(a)

in-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA);

(e)

l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/285/PESK tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/237/PESK (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 36).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 377/2012 tat-3 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau (ĠU L 119, 4.5.2012, p. 1).


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1594

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 765/2006 (2).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1601 (3) tipprojbixxi l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali u l-munizzjon tagħhom lill-Belarussja. L-oġġetti soġġetti għal dik il-projbizzjoni huma koperti wkoll mir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). F’dak il-kuntest, ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 għandu jiġi ttrattat bħala lex specialis u għalhekk, fil-każ ta’ kunflitt, jieħu preċedenza fuq ir-Regolament (UE) Nru 258/2012.

(4)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1601 tespandi l-lista ta’ oġġetti li jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tagħha billi żżid oġġetti li ntużaw mir-Russja għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u oġġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew il-produzzjoni tas-sistemi militari tal-Belarussja, inkluż apparati semikondutturi, ċirkwiti integrati elettroniċi, tagħmir tal-manifattura u tal-ittestjar, kameras fotografiċi u komponenti ottiċi, komponenti elettriċi/manjetiċi oħra, u apparati, moduli u assemblaġġi elettroniċi.

(5)

Huwa xieraq li tiġi imposta projbizzjoni fuq l-esportazzjoni fuq oġġetti u teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni u l-industrija spazjali, inkluż magni tal-inġenji tal-ajru u l-partijiet tagħhom, kemm għall-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ kif ukoll għal dawk mingħajr ekwipaġġ. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1601 tintroduċi possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jagħtu derogi li jippermettu li ċerti oġġetti tal-avjazzjoni li jintużaw ħafna wkoll fil-qasam mediku, jiġu esportati għal finijiet mediċi, farmaċewtiċi jew umanitarji.

(6)

Fis-26 ta’ Jannar 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ppreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex jemenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK u r-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ppreżentaw proposta konġunta għal Regolament tal-Kunsill biex jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 765/2006. Fid-dawl tal-urġenza marbuta mal-ġlieda kontra ċ-ċirkomvenzjoni fir-rigward ta’ ċerti oġġetti sensittivi, l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti qed jiġu aċċellerati, mingħajr preġudizzju għall-bqija ta’ dawk il-proposti.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 765/2006 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 1ba

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1a ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali u l-munizzjon tagħhom kif elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u armi tan-nar oħra kif elenkati fl-Anness XVI għal dan ir-Regolament, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni u kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti, jew l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżiku jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).”;"

(2)

l-Artikoli 1e u 1f huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1e

1.   Għandu jkun pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, tal-oġġetti u t-teknoloġija b’użu doppju, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew għall-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, maħsuba għal:

(a)

skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent jew bħala rispons għal diżastri naturali;

(b)

skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi;

(c)

l-esportazzjoni temporanja ta’ oġġetti għall-użu mill-media tal-aħbarijiet;

(d)

l-aġġornamenti tas-software;

(e)

l-użu bħala apparat ta’ komunikazzjoni tal-konsumatur; jew

(f)

l-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, u limitat għal oġġetti personali, oġġetti tad-dar, vetturi jew għodod tal-kummerċ li huma proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.

Bl-eċċezzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-esportatur dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta sseħħ l-ewwel esportazzjoni.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li tkun iddeterminat li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma:

(a)

maħsuba għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-gvern tal-Belarussja fi kwistjonijiet purament ċivili;

(b)

maħsuba għall-kooperazzjoni intergovernattiva fi programmi spazjali;

(c)

maħsuba għat-tħaddim, il-manutenzjoni, it-trattament mill-ġdid tal-fjuwil u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, kif ukoll il-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(d)

maħsuba għas-sikurezza marittima;

(e)

maħsuba għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku li mhumiex proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew il-kontroll ta’ aktar minn 50 % tagħha;

(f)

maħsuba għall-użu esklużiv ta’ entitajiet li huma proprjetà, jew taħt il-kontroll b’mod esklużiv jew konġunt, ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż sieħeb;

(g)

maħsuba għar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet; jew

(h)

maħsuba għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati b’mod dirett jew indirett minn dak il-gvern.

5.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew tali assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma dovuti taħt kuntratti konklużi qabel it-3 ta’ Marzu 2022, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, dment li l-awtorizzazzjoni tintalab qabel l-1 ta’ Mejju 2022.

6.   L-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa skont dan l-Artikolu għandhom jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821, li għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.

7.   Meta tiddeċiedi dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li:

(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness V, jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont l-Artikolu 1fa(1); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew l-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4, il-punt (b).

8.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni li jkunu taw skont il-paragrafi 4 u 5 jekk iqisu li tali annullament, sospensjoni, modifika jew revoka hija neċessarja għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.”;

“Artikolu 1f

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, tal-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja, jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, kif elenkati fl-Anness Va, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, maħsuba għal:

(a)

skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq tal-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali;

(b)

skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi;

(c)

l-esportazzjoni temporanja ta’ oġġetti għall-użu mill-media tal-aħbarijiet;

(d)

l-aġġornamenti tas-software;

(e)

l-użu bħala apparat ta’ komunikazzjoni tal-konsumatur; jew

(f)

l-użu personali ta’ -persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, u limitat għal oġġetti personali, oġġetti tad-dar, vetturi jew għodod tal-kummerċ li huma proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.

Bl-eċċezzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-esportatur dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta seħħet l-ewwel esportazzjoni.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma:

(a)

maħsuba għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-gvern tal-Belarussja fi kwistjonijiet purament ċivili;

(b)

maħsuba għall-kooperazzjoni intergovernattiva fil-programmi spazjali;

(c)

maħsuba għat-tħaddim, il-manutenzjoni, it-trattament mill-ġdid tal-fjuwil u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, kif ukoll il-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(d)

maħsuba għas-sikurezza marittima;

(e)

maħsuba għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku, li mhumiex proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew il-kontroll ta’ aktar minn 50 % tagħha;

(f)

maħsuba għall-użu esklużiv ta’ entitajiet li huma proprjetà, jew taħt il-kontroll b’mod esklużiv jew konġunt, ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż sieħeb;

(g)

maħsuba għar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet; jew

(h)

maħsuba għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati b’mod dirett jew indirett minn dak il-gvern.

4a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-punt (e), u permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma maħsuba għall-istralċ sas-6 ta’ Frar 2024 ta’ kuntratti u operazzjonijiet li jkunu għaddejjin fil-5 ta’ Awwissu 2023 u li jkunu neċessarji għall-għoti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni ċivili lill-popolazzjoni ċivili Belarussa.

5.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu iddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma dovuti taħt kuntratti konklużi qabel it-3 ta’ Marzu 2022, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, sakemm tali awtorizzazzjoni tintalab qabel l-1 ta’ Mejju 2022.

5a.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8536 69, 8536 90, 8541 30, 8541 60 kif elenkati fl-Anness Va sas-6 ta’ Frar 2024, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, sa fejn din tkun neċessarja għall-ipproċessar ta’ dawk l-oġġetti fil-Belarussja minn impriża konġunta li fiha kumpanija stabbilita fl-Unjoni jkollha sjieda maġġoritarja fil-5 ta’ Awwissu 2023, għall-fini ta’ importazzjoni sussegwenti fl-Unjoni u l-produzzjoni sussegwenti fl-Unjoni ta’ oġġetti maħsuba għall-użu fis-settur tas-saħħa jew dak farmaċewtiku, jew fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.

6.   L-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa skont dan l-Artikolu għandhom jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821, li għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.

7.   Meta tiddeċiedi dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtui awtorizzazzjoni jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li:

(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness V jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont l-Artikolu 1fa(1); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew tal-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4, il-punt (b).

8.   L-awtorità kompetenti tista’ tannulla, tissospendi, timmodifika jew tirrevoka awtorizzazzjoni li tkun tat skont il-paragrafi 4 u 5 jekk tqis li tali annullament, sospensjoni, modifika jew revoka hija meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.”

;

(3)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 1sa

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, tal-oġġetti u t-teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni jew l-industrija spazjali, kif elenkat fl-Anness XVII, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, b’mod dirett jew indirett, fir-rigward ta’ oġġetti u teknoloġija elenkati fl-Anness XVII lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Għandu jkun ipprojbit li tiġi pprovduta kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew kombinazzjoni tagħhom: reviżjoni, tiswija, spezzjoni, sostituzzjoni, modifika jew rettifika ta’ difett ta’ inġenju tal-ajru jew komponent, bl-eċċezzjoni ta’ spezzjoni ta’ qabel it-titjira, fir-rigward tal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fl-Anness XVII, b’mod dirett jew indirett, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Belarussja jew għall-użu fir-Belarussja.

4.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżiku jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sal-4 ta’ Settembru 2023 ta’ kuntratti konklużi qabel il-5 ta’ Awwissu 2023, jew ta’ kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

6.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jawtorizzaw, b’tali kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, it-twettiq ta’ lokazzjoni finanzjarja ta’ inġenju tal-ajru konkluża qabel il-5 ta’ Awwissu 2023 wara li jkunu ddeterminaw li:

(a)

tkun strettament neċessarja biex tiżgura ripagamenti ta’ kiri lil persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-miżuri restrittivi previsti f’dan ir-Regolament; u

(b)

l-ebda riżorsa ekonomika mhi ser tkun disponibbli għall-kontroparti tal-Belarussja, bl-eċċezzjoni tat-trasferiment tas-sjieda tal-inġenju tal-ajru wara rimborż sħiħ tal-kirja finanzjarja.

7.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, bil-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8517 71 00, 8517 79 00 u 9026 00 00 elenkati fl-Anness XVII, jew għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa neċessarju għal finijiet mediċi jew farmaċewtiċi, jew għal finijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet.

Meta jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet għal finijiet mediċi, farmaċewtiċi jew umanitarji skont dan il-paragrafu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari.

8.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

9.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 1e(4), il-punt (b), u 1f(4), il-punt (b).

10.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 4, il-punt (a), ma għandhiex tapplika għall-iskambju ta’ informazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti standards tekniċi fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1.”

;

(4)

l-Anness Va għar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness I għal dan ir-Regolament;

(5)

it-test fl-Anness II għal dan ir-Regolament huwa miżjud bħala l-Annessi XVI u XVII għar-Regolament (KE) Nru 765/2006.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1601 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ara paġna 37 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).


ANNESS I

L-Anness Va għar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal it-titolu li ġej wara t-titolu “LISTA TA’ OĠĠETTI U TEKNOLOĠIJA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 1f(1) U 1fa(1)”:

“Parti A”;

(2)

fil-“Kategorija I – Elettronika”, taħt “X.A.I.003 Tagħmir tal-ipproċessar speċifiku, minbarra dak speċifikat fis-CML jew fir-Regolament (UE) 2021/821, kif ġej;”, il-punt a huwa sostitwit kif ġej:

“a.

Varjaturi tal-frekwenza u komponenti ddisinjati apposta, minbarra dawk speċifikati fis-CML jew fir-Regolament (UE) 2021/821”;

(3)

tiżdied il-parti li ġejja:

“Parti B

1.   Apparat semikonduttur

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

8541 10

Dijodi, għajr dijodi fotosensittivi jew li jemettu d-dawl (light-emitting diodes, LED)

8541 21

Tranżisters, għajr tranżisters fotosensittivi b’rata ta’ dissipazzjoni ta’ inqas minn 1 W

8541 29

Tranżisters oħrajn, għajr tranżisters fotosensittivi

8541 30

Tristuri, dijaċi u trijaċi (bl-esklużjoni ta’ apparati semikondutturi fotosensittivi)

8541 49

Apparati semikondutturi fotosensittivi (bl-esklużjoni ta’ ġeneraturi u ċelloli fotovoltajċi)

8541 51

Mezzi oħrajn semikondutturi: Trasdutturi bbażati fuq semikondutturi

8541 59

Mezzi oħrajn semikondutturi

8541 60

Kristalli pjeżelettriċi ingastati

2.   Ċirkwiti elettroniċi integrati, tagħmir tal-manifattura u tal-ittestjar

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

8486 10

Magni u tagħmir għall-manifattura ta’ boules jew wejfers

8486 20

Magni u tagħmir għall-manifattura ta’ mezzi semikondutturi jew ta’ ċirkwiti integrati elettroniċi

8486 40

Magni u apparat speċifikat fin-nota 11(C) ta’ dan il-kapitolu

8534 00

ċirkwiti stampati

8542 31

Proċessuri u kontrolluri, kemm jekk ikkombinati ma’ memorji, konvertituri, ċirkwiti loġiċi, amplifikaturi, ċirkwiti bl-arloġġ jew tal-kronometraġġ, jew ċirkwiti oħrajn, u kemm jekk mhumiex

8542 32

Memorji

8542 33

Amplifikaturi

8542 39

Ċirkwiti Integrati Elettroniċi oħrajn

8543 20

Ġeneraturi tas-sinjali

9030 20

Oxxilloskopji u oxxillografi

9030 32

Multimetri b’apparat ta’ reġistrazzjoni

9030 39

Strumenti u apparati li jkejlu jew jivverifikaw il-vultaġġ, il-kurrent, ir-reżistenza jew il-potenza elettrika, b’apparat ta’ reġistrazzjoni

9030 82

Strumenti u apparati li jkejlu jew jivverifikaw wejfers jew apparati semikondutturi

3.   Kameras fotografiċi u komponenti ottiċi

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

8525 89

Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw oħrajn

9013 10

Miri teleskopiċi biex jintramaw mal-armi; periskopji; teleskopji maħsubin biex jiffurmaw parti minn magni, apparat jew strumenti ta’ dan il-kapitolu jew tat-Taqsima XVI

9013 80

Tagħmir, apparat u strumenti ottiċi oħrajn

4.   Komponenti elettriċi/manjetiċi oħra

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

8532 21

Kapaċitaturi tat-tantalju fissi oħrajn

8532 24

Kapaċitaturi dielettriċi taċ-ċeramika b’ħafna saffi

8536 69

Plugs u sockets

8536 90

Tagħmir ieħor biex jixgħel (switching) jew jipproteġi ċirkuwiti elettriċi, jew sabiex jagħmlu konnessjonijiet ma’ jew ġewwa ċirkuwiti elettriċi (pereżempju swiċċijiet, rilejs, fjusijiet, apparat li jrażżan it-tlugħ f’daqqa tal-kurrent, plaggs, sokits, ħowlders tal-bozoz u konnekters oħrajn, kaxxi fejn jaqbdu l-cables), għal vultaġġ li ma jaqbiżx l-1 000  V; konnekters użati għall-fibra ottika, bundles jew cables tal-fibra ottika

8548 00

Partijiet elettriċi tal-makkinarju jew apparat, mhux speċifikati jew inklużi x’imkien ieħor fil-Kapitolu 85

5.   Apparati, moduli u assemblaġġi elettroniċi

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

8471 50

Unitajiet ta’ pproċessar għajr dawk tas-subintestatura 8471 41 jew 8471 49 , li fihom jew le, fl-istess housing, wieħed jew tnejn minn dawn it-tipi ta’ unità li ġejjin: unitajiet tal-ħżin, unitajiet tal-input, unitajiet tal-output

8471 80

unitajiet għal magni awtomatiċi li jipproċessaw data (minbarra unitajiet tal-ipproċessar, unitajiet tal-input jew l-output u unitajiet ta’ ħżin)

8517 62

Magni għar-riċezzjoni, konverżjoni u trażmissjoni jew riġenerazzjoni ta’ vuċi, immaġini jew data oħra, inkluż tagħmir għall-qlib tal-linji u routing

8517 69

Apparat ieħor għat-trażmissjoni jew ir-riċezzjoni ta’ vuċi, immaġnijiet jew forom ta’ data oħra, inkluż tagħmir għal komunikazzjoni f’network ikkollegat bil-wajer jew bla wajer

8526 91

apparat tar-radjo għal għajnuna għan-navigazzjoni

9014 20

Strumenti u tagħmir għal navigazzjoni aeronawtika jew spazjali (ħlief boxxli)

9014 80

Strumenti u tagħmir oħra ta’ navigazzjoni”


ANNESS II

“ANNESS XVI

Lista ta’ armi tan-nar u armi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 1ba

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

9303

Armi tan-nar oħrajn u mezzi simili li jaħdmu bl-isparar ta’ karga ta’ splussiv

ex 9304

Armi oħrajn (eż. xkubetti u pistoli bil-molla, bl-arja jew bil-gass), ħlief dawk tal-intestatura 9307

ANNESS XVII

Lista ta’ oġġetti u teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 1sa

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

88

Inġenji tal-ajru, inġenji tal-ispazju, l-partijiet tagħhom

ex 2710 19 83

Żjut idrawliċi għall-użu f’vetturi tal-Kapitolu 88

ex 2710 19 99

Żjut lubrikattivi oħrajn u żjut oħra għall-użu fl-avjazzjoni

4011 30 00

Tyers pnewmatiċi ġodda tal-lasktu, tat-tip użati għall-inġenji tal-ajru

ex 6813 20 00

Diski u pads tal-brejkijiet għall-użu fuq inġenji tal-ajru

6813 81 00

Firrodu u peddijiet tal-brejkijiet

8411 11

Turbojets ta’ pressjoni <= 25 kn

8411 12

Turbojets ta’ pressjoni > 25 kn

8411 21

Turbopropellers ta’ potenza <= 1 100 kw

8411 22

Turbopropellers ta’ potenza > 1 100 kw

8411 91

Partijiet ta’ turbojets jew turbopropellers, mhux speċifikati band’oħra

8517 71 00

Antenni u rifletturi ta’ antenni ta’ kull tip; parts tajbin għall-użu magħhom

ex 8517 79 00

Partijiet oħra relatati mal-antenni

9024 10 00

Magni u apparat biex jiġu ttestjati l-ebusija, is-saħħa, il-kompressibiltà, l-elastiċità jew proprjetajiet mekkaniċi oħrajn tal-materjali: Magni u tagħmir biex ikunu eżaminati metalli

9026 00 00

Strumenti u apparat għall-kejl jew għall-iċċekkjar tal-fluss, tal-livell, tal-pressjoni jew kwantitajiet varjabbli oħra tal-likwidi jew tal-gassijiet (pereżempju l-flussimetri, il-gauges għal-livell, il-manometri, il-meters tas-sħana), minbarra l-istrumenti u l-apparat tal-intestaturi 9014 , 9015 , 9028 jew 9032


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1595

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (3) (“ir-Regolament oriġinali”).

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-Regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(5)

Il-Kummissjoni imponiet rati ta’ dazju anti-dumping individwali li jvarjaw minn 13,1 % sa 18,3 % fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina għall-produtturi esportaturi fil-kampjun mir-RPĊ. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, l-Anness 1 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali”);

(b)

ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198; kif ukoll

(c)

ikun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Il-kumpanija Chaozhou Jingmei Craft Products Co., Ltd. (Jingmei jew “l-applikant”), ippreżentat talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment, “NEPT”) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li hija ta’ 17,9 %. L-applikant sostna li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, (“il-kundizzjonijiet tan-NEPT”).

(8)

Sabiex tiddetermina jekk l-applikant ssodisfax il-kundizzjonijiet tan-NEPT, il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT.

(9)

Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-NEPT. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fil-kwestjonarju u t-tweġibiet tal-ittri ta’ defiċjenza tiegħu; u kkonsultat diversi bażijiet tad-data online inklużi Orbis (5), D&B (6), Qichacha, Aiqicha, Baidu (7), is-sit web tal-kumpanija Alibaba kif ukoll sorsi oħra disponibbli pubblikament. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi kwalunkwe kumment skont il-bżonn. L-industrija tal-Unjoni pprovdiet kummenti li ġew ikkunsidrati.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(11)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”), matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li f’dak iż-żmien l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat.

(12)

L-applikant huwa kumpanija li ġiet stabbilita fl-1993, iżda nstab li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni darba biss - bejgħ indirett fl-UE - fl-2012, għalhekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, meta l-applikant biegħ lil kummerċjant Awstraljan, madankollu, bagħat din l-ordni direttament lill-klijent aħħari Irlandiż (Dublin, l-Irlanda) ta’ dan il-kummerċjant Awstraljan. Dan il-bejgħ indirett ġie kkonfermat permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ spedizzjoni u dokumenti oħra. Peress li dan il-kummerċjant Awstraljan kien klijent importanti tal-applikant, u l-Kummissjoni riedet teskludi l-possibbiltà li sar kwalunkwe bejgħ indirett ieħor bħal dan matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali permezz ta’ dan il-kummerċjant Awstraljan, hija talbet il-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni sħiħa tat-tranżazzjonijiet kollha li Jingmei għamlet ma’ dan il-kummerċjant Awstraljan fl-2011. Ma nstabet l-ebda evidenza ta’ bejgħ indirett tal-UE fost dawn it-tranżazzjonijiet.

(13)

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll ir-rekords kontabilistiċi rilevanti kollha tal-applikant għall-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, inkluż ir-rapport tal-introjtu, ir-rapport tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT, il-kotba tal-bejgħ, ir-reġistri tal-bejgħ, il-ktieb sussidjarju tal-introjtu tan-negozju ewlieni, il-ktieb sussidjarju tal-kont pagabbli tal-kummerċjant Awstraljan kif ukoll il-Golden Tax System. Dawn kollha ġew ivverifikati permezz ta’ fajls tal-vidjo, ritratti tal-iskrin, ritratti ta’ kotba tal-kontabbiltà fiżiċi u estrazzjonijiet diretti mis-sistemi tal-IT, li jirrikonċiljaw iċ-ċifri rrapportati. Dawn il-kontrolli kollha ma żvelaw l-ebda bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul l-2011. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li billi l-applikant ipprovda l-informazzjoni dettaljata ħafna kollha mitluba, li nstabet li kienet konsistenti, kompluta u ċara, huwa wera li ma kienx esporta lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

(14)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(15)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant mhux relatat ma’ produttur esportatur li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li Jingmei ma hi relatata mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, l-applikant kellu tliet azzjonisti, inkluż żewġ persuni fiżiċi. L-ebda waħda mill-persuni fiżiċi ma nstabet li hija relatata mal-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping. It-tielet azzjonist – entità ġuridika – ma nstabx li qed jikkummerċjalizza l-prodott ikkonċernat jew li kien relatat ma’ xi kumpanija Ċiniża soġġetta għall-miżuri anti-dumping. Fl-2017 kien hemm bidla fil-parteċipazzjoni azzjonarja tal-applikant, meta l-entità ġuridika msemmija hawn fuq kif ukoll waħda miż-żewġ persuni fiżiċi biegħet l-azzjonijiet tagħha lil azzjonist ġdid, li sar il-maniġer ġenerali tal-applikant. Din is-sitwazzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja baqgħet sal-lum l-istess, b’żewġ azzjonisti, persuni fiżiċi. L-azzjonist il-ġdid huwa wkoll direttur f’kumpanija azzjonarja bl-isem ta’ Guangdong Green Sunshine Tourism Co. Ltd., u għandu 6,87 % tal-azzjonijiet ta’ din il-kumpanija. Din il-kumpanija azzjonarja mhijiex involuta fil-prodott ikkonċernat. Madankollu, skont Qichacha, wieħed mill-azzjonisti tagħha li għandu 0,41 % tal-azzjonijiet, huwa b’mod parallel azzjonist u direttur ta’ Chaozhou Chenhui Ceramics, produttur Ċiniż soġġett għall-miżuri anti-dumping applikabbli bħalissa. Peress li din ir-relazzjoni hija indiretta ħafna u ferm taħt il-limitu ta’ 5 % (0,41 % biss), il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda relazzjoni tal-azzjonisti attwali kif definit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (8). Għalhekk, l-applikant issodisfa t-tieni kriterju.

(16)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(17)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant kien fil-fatt esporta darba lejn l-Unjoni (Irlanda) fl-2012, għaldaqstant wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Dan kien bejgħ indirett lill-Unjoni, minħabba li l-applikant biegħ lil kummerċjant Awstraljan, madankollu, bagħat l-ordni direttament lill-klijent aħħari ta’ dan il-kummerċjant Awstraljan f’Dublin, l-Irlanda. Ġiet ipprovduta dokumentazzjoni sħiħa ta’ din it-tranżazzjoni, inklużi l-ordni, il-fattura, id-dokumenti ta’ spedizzjoni u tal-pagamenti bankarji u l-informazzjoni ġiet ikkontroverifikata permezz ta’ dawn id-dokumenti u ta’ dokumenti oħra tal-applikazzjoni. Għalhekk, l-applikant issodisfa t-tielet kriterju.

(18)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(19)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, jenħtieġ li l-applikant ikun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

D.   DIVULGAZZJONI

(20)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li tqiesu xierqa biex tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping, applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali, lil Chaozhou Jingmei Craft Products Co., Ltd.

(21)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(22)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Chaozhou Jingmei Craft Products Co., Ltd.

C933”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat- 13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).

(5)  Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija fid-dinja kollha. Prinċipalment jipprovdi informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.

(6)  Dun and Bradstreet (D&B) software solution tipprovdi data kummerċjali, analitika, u għarfien għan-negozji dwar il-kumpaniji privati u l-istrutturi korporattivi.

(7)  Qichacha, Aiqicha, Baidu huma bażijiet tad-data privati Ċiniżi, bi skop ta’ qligħ, li jipprovdu data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitika dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, lill-konsumaturi/lill-professjonisti.

(8)  L-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558) (il-Kodiċi Doganali tal-UE), jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament ikun jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien ikunu jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, hi xinhi d-deżinjazzjoni tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fil-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1596

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”), (1)

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“oġġetti li jintużaw fuq il-mejda”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (3) (“ir-Regolament oriġinali”).

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-Regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(5)

Il-Kummissjoni imponiet rati ta’ dazju anti-dumping individwali li jvarjaw minn 13,1 % sa 18,3 % fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina għall-produtturi esportaturi fil-kampjun mir-RPĊ. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, l-Anness 1 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali”);

(b)

ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198; kif ukoll

(c)

effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew ikun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Il-kumpanija Shenzhen M&G Ceramics Co., Ltd. (“M&G” jew “l-applikant”), ippreżentat talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment, “NEPT”) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li hija ta’ 17,9 %. L-applikant sostna li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, (“il-kundizzjonijiet ta’ NEPT”).

(8)

Sabiex tiddetermina jekk l-applikant issodisfax il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT.

(9)

Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-NEPT. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fil-kwestjonarju u t-tweġibiet tal-ittri ta’ defiċjenza tiegħu; ikkonsultat diversi bażijiet tad-data online, inkluż Orbis (5), D&B (6), u Qichacha (7); u kkontroverifikat l-informazzjoni tal-kumpanija mal-informazzjoni ppreżentata f’każijiet preċedenti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi kwalunkwe kumment skont il-bżonn. Ma wasal l-ebda kumment mill-industrija tal-Unjoni.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(11)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”), matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li f’dak iż-żmien l-applikant ma kienx jeżisti. Il-liċenzji tan-negozju u tal-esportazzjoni kkonfermaw Diċembru 2019 bħala d-data tal-istabbiliment tal-applikant u din ġiet kontroverifikata wkoll ma’ sorsi oħra disponibbli pubblikament. Għaldaqstant, l-applikant ma setax jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(12)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(13)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li skont it-tweġibiet tal-applikant għall-kwestjonarju u l-ittra ta’ defiċjenza, iż-żewġ azzjonisti ta’ M&G għandhom rispettivament 60 % u 40 % tal-azzjonijiet. Dan ġie kkonfermat minn Qichacha. L-investigazzjoni kkonfermat li wieħed mill-azzjonisti ma kellu l-ebda rabta ma’ kumpaniji oħra soġġetti għall-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq. It-tieni azzjonist kien attiv f’erba’ kumpaniji oħra fl-industrija mill-1995, li tlieta minnhom ma għadhomx jeżistu. F’dak li jirrigwarda l-kumpanija li għadha teżisti, wara kjarifiki li saru permezz ta’ tweġibiet għal ittra ta’ defiċjenza kif ukoll investigazzjoni ulterjuri, dan l-azzjonist ma nstabx li kellu rabtiet ma’ produtturi soġġetti għall-miżuri anti-dumping oriġinali. B’hekk, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda relazzjoni skont id-definizzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (8).

(14)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(15)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li M&G esportat għall-ewwel darba lejn l-Unjoni (Spanja) f’April 2020, jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-applikant ipprovda l-ordni, il-fattura, il-lista tal-imballaġġ, il-formola tad-dikjarazzjoni doganali, il-polza ta’ karigu u d-dokumenti tal-pagament bankarju. Il-prodotti tal-ordni ġew identifikati wkoll fis-sit web tal-importatur tal-UE.

(16)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(17)

Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, jenħtieġ li l-applikant ikun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

D.   DIVULGAZZJONI

(18)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Shenzhen M&G Ceramics Co., Ltd. (“M&G”).

(19)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(20)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Shenzhen M&G Ceramics Co., Ltd.

C932”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat- 13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).

(5)  Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija fid-dinja kollha. Prinċipalment jipprovdi informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.

(6)  Dun and Bradstreet (D&B) software solution tipprovdi data kummerċjali, analitika, u għarfien għan-negozji dwar il-kumpaniji privati u l-istrutturi korporattivi.

(7)  Qichacha hija bażi tad-data privata Ċiniża, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitika dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, lill-konsumaturi/lill-professjonisti.

(8)  L-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558) (il-Kodiċi Doganali tal-UE), jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament ikun jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien ikunu jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, hi xinhi d-deżijazzjoni, tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fil-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1597

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/265 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fl-Indja u fit-Turkija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mill-Indja u mit-Turkija huma soġġetti għal dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/265 (2).

(2)

Nehani Tiles Private Limited, kodiċi addizzjonali TARIC (3) C126, kumpanija soġġetta għar-rata ta’ dazju anti-dumping ta’ 7,3 % għall-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun, infurmat lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Marzu 2023 (“id-data tat-talba”) li kienet biddlet isimha għal Nehani Tiles Limited Liability Partnership (“Nehani Tiles LLP”).

(3)

Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping applikata lilha skont l-isem li kellha qabel.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni fornuta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ġiet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma wasslitx għal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi ta’ kumpaniji oħrajn li ma kinux investigati mill-Kummissjoni.

(5)

Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament (UE) 2023/265 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għaliha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament (UE) 2023/265 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi addizzjonali TARIC C126.

(6)

L-evidenza fil-fajl ikkonfermat ukoll li l-bidla fl-isem kienet applikabbli mid-29 ta’ Diċembru 2022, il-jum meta l-Ministeru għall-Affarijiet Korporattivi ħareġ iċ-Ċertifikat ta’ Reġistrazzjoni tal-Konverżjoni. Peress li din il-bidla saret effettiva qabel id-data tal-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-miżuri, jiġifieri, mill-10 ta’ Frar 2023.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/265 huwa emendat kif ġej:

“L-Indja

Nehani Tiles Private Limited

Neha Ceramic Industries

Orinda Granito LLP

Orinda Industries LLP

C126”

hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Indja

Nehani Tiles LLP

Neha Ceramic Industries

Orinda Granito LLP

Orinda Industries LLP

C126”

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC C126, li qabel kien attribwit inter alia lil Nehani Tiles Private Limited, għandu japplika inter alia għal Nehani Tiles LLP mill-10 ta’ Frar 2023.

3.   Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Nehani Tiles LLP, li jaqbeż id-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/265 fir-rigward ta’ Nehani Tiles Private Limited, għandu jiġi rimborżat jew jinħafer f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/265 tad-9 ta’ Frar 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fl-Indja u fit-Turkija (ĠU L 41, 10.2.2023, p. 1).

(3)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.


DEĊIŻJONIJIET

4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1598

tat-28 ta’ Lulju 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2012/285/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/285/PESK (1).

(2)

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2012/285/PESK, il-Kunsill eżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau u kkonkluda li jenħtieġ li tiddaħħal dispożizzjoni dwar eżenzjoni umanitarja applikabbli għal ċerti atturi, kif elenkat fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fir-rigward tal-miżuri komplementari tal-Unjoni dwar l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi.

(3)

Hija neċessarja aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni.

(4)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2012/285/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/285/PESK, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi, li huma neċessarji biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fejn tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

(a)

in-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati tagħha u l-organizzazzjonijiet relatati;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li qed jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA); jew minn

(e)

l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) waqt li jaġixxu u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/285/PESK tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Guinea-Bissau u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/237/PESK (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 36).


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1599

tat-3 ta’ Awwissu 2023

dwar Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Jannar 2023, il-Kunsill kellu skambju ta’ fehmiet dwar is-Saħel u l-pajjiżi kostali tal-Afrika tal-Punent, u kkonferma li dak ir-reġjun għadu prijorità għall-Unjoni minkejja s-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà li sejra għall-agħar. Il-Kunsill qabel li jiżviluppa Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi sabiex joffri lill-istati kostali tal-Golf tal-Guinea impenn konkret u taħriġ u appoġġ immirati. Il-Kunsill fakkar li l-Unjoni ser tistazzjona wkoll Konsulenti Militari fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni biex jiggwidaw dan l-isforz.

(2)

Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal sħubija għas-sigurtà u d-difiża possibbli mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (il-“Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi”). Il-kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi huwa bbażat fuq approċċ integrat għal sħubija għas-sigurtà u d-difiża ma’ dawk il-pajjiżi, inkluż l-istabbiliment ta’ Missjoni taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (il- “Missjoni”), ikkomplementat bl-istazzjonament ta’ Konsulenti Militari fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, flimkien ma’ miżuri ta’ assistenza skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-forniment ta’ tagħmir militari u f’sinerġija ma’ proġetti marbuta mas-sigurtà. Il-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi jirrakkomanda li l-Missjoni tingħata l-isem ta’ “Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea”.

(3)

Permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Lulju 2023, il-President tar-Repubblika ta’ Benin stieden lill-Unjoni biex tibgħat il-Missjoni fit-territorju tiegħu.

(4)

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Lulju 2023, il-President tar-Repubblika tal-Ghana stieden lill-Unjoni biex tibgħat il-Missjoni fit-territorju tiegħu.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Missjoni tiġi stabbilita fil-Benin u fil-Ghana. Għandu jkun possibbli li l-Kunsill jiddeċiedi aktar tard li jespandi l-Missjoni għal pajjiżi oħra tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li jinsabu fil-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi, fuq stedina tagħhom.

(6)

Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jenħtieġ li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kontroll politiku fuq il-Missjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(7)

Il-Missjoni jenħtieġ li jkollha pilastru ċivili, taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku ta’ Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, u pilastru militari, taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku ta’ Kmandant Militari. Jenħtieġ li ċ-Ċellola Konġunta ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, kopreseduta mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kmandant Militari, tiżgura l-koerenza fil-linja tal-kmand.

(8)

Il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija jenħtieġ li tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-pilastru ċivili tal-Missjoni. Għall-fini tal-Missjoni, din jenħtieġ li tissaħħaħ b’ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ.

(9)

Il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija jenħtieġ li tkun l-istruttura statika ta’ kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari, u tkun responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-pilastru militari tal-Missjoni. Għall-fini tal-Missjoni, din jenħtieġ li tissaħħaħ b’ċellola militari ta’ kmand u appoġġ.

(10)

Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ jenħtieġ li jeżerċita l-istess funzjonijiet fir-rigward tal-pilastru ċivili tal-Missjoni bħala l-Kap tal-Missjoni f’missjoni ċivili tal-PSDK. Il-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ jenħtieġ li jeżerċita l-istess funzjonijiet fir-rigward tal-pilastru militari tal-Missjoni bħala l-Kap tal-Missjoni f’missjoni militari tal-PSDK.

(11)

Huwa neċessarju li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali dwar l-istatus tal-unitajiet u tal-persunal immexxija mill-Unjoni u l-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fil-Missjoni.

(12)

Skont l-Artikolu 41(2) TUE, jenħtieġ li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta mill-pilastru ċivili tal-Missjoni titħallas mill-baġit tal-Unjoni, filwaqt li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta mill-pilastru militari jenħtieġ li tiġġarrab mill-Istati Membri f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1).

(13)

Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 TUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Taqsima I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   L-Unjoni għandha twettaq Missjoni taħt il-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) bl-objettiv strateġiku li tassisti lill-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li fihom tiġi stabbilita dik il-Missjoni biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet adegwati fil-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom biex irażżnu l-pressjoni eżerċitata minn gruppi terroristiċi armati u jirrispondu għaliha.

2.   Il-Missjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissemma l-“Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea” (l-“Inizjattiva”).

3.   L-Inizjattiva hija b’dan stabbilita fil-Benin u Ghana.

4.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-Inizjattiva għandha tiġi stabbilita wkoll f’pajjiżi oħra tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li jinsabu fil-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal sħubija ta’ sigurtà u difiża possibbli mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea, approvata mill-Kunsill fid-29 ta’ Ġunju 2023, fuq stedina minn dawk il-pajjiżi.

Artikolu 2

Mandat

1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv strateġiku stabbilit fl-Artikolu 1(1), fir-rigward tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3), l-Inizjattiva għandha:

(a)

tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza f’żoni vulnerabbli fir-reġjuni tagħhom tat-tramuntana permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom;

(b)

tipprovdi taħriġ operazzjonali ta’ qabel l-iskjerament tal-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom;

(c)

tappoġġa t-tisħiħ f’oqsma tekniċi tal-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom;

(d)

tippromwovi l-istat ta’ dritt u l-governanza tajba fis-setturi tas-sigurtà tagħhom, waqt li tiffoka fuq il-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom, u tappoġġa t-tisħiħ tal-fiduċja bejn is-soċjetà ċivili u l-forzi tas-sigurtà u tad-difiża.

2.   Id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-aġendi skont ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-UNSCR 2250 (2015) dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-UNSCR 1612 (2005) dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati għandhom jiġu integrati bis-sħiħ u b’mod proattiv fl-ippjanar, l-attivitajiet u r-rappurtar strateġiċi u operazzjonali tal-Inizjattiva.

3.   F’approċċ flessibbli u modulari, u skont kif ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti tagħha, l-Inizjattiva għandha b’mod partikolari tistazzjona timijiet mobbli ta’ taħriġ, esperti mistiedna u timijiet ta’ rispons f’każ ta’ kriżi fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3). L-Inizjattiva għandha timplimenta proġetti ċivili u militari f’dawk il-pajjiżi bil-għan li jinkiseb l-objettiv strateġiku tagħha stabbilit fl-Artikolu 1(1) u jitwettqu l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

4.   L-Inizjattiva għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ assistenza skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi li jistgħu jiġu deċiżi mill-Kunsill b’appoġġ għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3).

Artikolu 3

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Inizjattiva. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħa li jemenda d-dokumenti tal-ippjanar, fosthom il-Pjan Operattiv għall-pilastru ċivili tal-Inizjattiva u l-Pjan tal-Missjoni għall-pilastru militari tal-Inizjattiva, u l-linja tal-kmand. Għandha tinkludi wkoll is-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-kapijiet tal-kmand ċivili u militari u taċ-ċelloli tal-appoġġ. Is-setgħa tat-teħid ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-terminazzjoni tal-Inizjattiva għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari, rapporti mill-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward l-attivitajiet tal-pilastru militari tal-Inizjattiva. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili dwar l-attivitajiet tal-pilastru ċivili tal-Inizjattiva. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u lill-Kmandant Militari għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

Artikolu 4

Linja ta’ kmand u struttura

1.   L-Inizjattiva għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

2.   L-Inizjattiva għandu jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fi Brussell.

3.   L-Inizjattiva għandu jkollha pilastru ċivili taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili (il-“pilastru ċivili”) u pilastru militari taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku tal-Kmandant Militari (il-“pilastru ċivili”).

4.   Iċ-Ċellola Konġunta ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, kopreseduta mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kmandant Militari, għandha tiżgura l-koerenza fil-linja tal-kmand.

Taqsima II

Pilastru ċivili

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur Maniġerjali tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-pilastru ċivili.

2.   Is-CPCC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-pilastru ċivili.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-pilastru ċivili fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku lill-persunal tal-pilastru ċivili kif ikun meħtieġ u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.

6.   Il-persunal kollu ssekondat lill-pilastru ċivili għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif xieraq. L-awtorità nazzjonali, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal is-sekondat tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

7.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament għall-persunal tal-pilastru ċivili.

8.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ

1.   Is-CPCC għandha tissaħħaħ għall-fini tal-Inizjattiva permezz ta’ ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ.

2.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jassumi r-responsabbiltà għall-pilastru ċivili u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tagħha, fil-livell operazzjonali. Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jkun responsabbli direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

3.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jkun ir-rappreżentant tal-pilastru ċivili fil-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu.

4.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għall-pilastru ċivili, inkluż ir-responsabbiltà għall-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pilastru ċivili. Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-pilastru ċivili, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ.

5.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-pilastru ċivili. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f’konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, jew mis-SEAE kif xieraq.

6.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jiżgura l-viżibbiltà xierqa tal-pilastru ċivili.

Artikolu 7

Persunal

1.   Il-pilastru ċivili għandu jikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal issekondat minnhom, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.

2.   L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe lment relatat mal-issekondar tal-membri tal-persunal tagħhom issekondati lill-pilastru ċivili tal-Inizjattiva, jew dwarhom, u biex jieħdu kwalunkwe azzjoni kontra tali persuni.

3.   Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu rreklutati fuq bażi kuntrattwali mill-pilastru ċivili jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jingħataw minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali.

4.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali fil-pilastru ċivili għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-pilastru ċivili u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

Artikolu 8

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà għall-pilastru ċivili u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-Inizjattiva f’konformità mal-Artikolu 5.

2.   Il-kap taċ-ċellola ċivili tal-kmand u appoġġ għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-pilastru ċivili u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-Inizjattiva, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali skont it-Titolu V TUE, u mal-istrumenti ta’ sostenn tiegħu.

3.   Il-persunal tal-pilastru ċivili għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-Pjan Operattiv. Għandu wkoll jingħata taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjonijiet organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Arranġamenti legali

Il-pilastru ċivili għandu jkollu l-kapaċità li jakkwista servizzi u provvisti, li jidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li jimpjega persunal, li jkollu kontijiet bankarji, li jakkwista u jiddisponi minn assi u jħallas l-obbligazzjonijiet tiegħu, u li jkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-pilastru ċivili għas-sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun EUR 1 075 000. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

2.   In-nefqa kollha għall-pilastru ċivili għandha tiġi amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist mill-pilastru ċivili għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta’ oriġini għall-prodotti mixtrija mill-pilastru ċivili. Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-pilastru ċivili jista’ jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3), Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħra, fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-pilastru ċivili.

3.   Il-pilastru ċivili għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu. Għal dak il-għan, il-pilastru ċivili għandu jiffirma ftehim mal-Kummissjoni. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand prevista fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-Inizjattiva.

4.   Il-pilastru ċivili għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jkun issorveljat minnha fir-rigward tal-attivitajiet finanzjarji mwettqa fil-qafas tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   In-nefqa marbuta mal-pilastru ċivili għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Ċellola ta’ proġetti ċivili

1.   Il-pilastru ċivili għandu jkollu ċellola ta’ proġetti ċivili għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ċivili b’appoġġ għall-kompiti tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

2.   Iċ-ċellola ta’ proġetti ċivili għandha, skont il-ħtieġa, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’oqsma marbutin mal-pilastru ċivili u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.

3.   Soġġett għall-paragrafu 5, il-pilastru ċivili għandu jkun awtorizzat jirrikorri għal kontributi finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi sabiex jimplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-Inizjattiva, jekk il-proġett ikun:

(a)

previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma’ din id-Deċiżjoni; jew

(b)

integrat matul il-mandat tal-Inizjattiva permezz ta’ emenda għal dik id-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-pilastru ċivili għandu jidħol f’arranġament mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati msemmija fil-paragrafu 3, li jkopri b’mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta’ kwalunkwe ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjoni mill-pilastru ċivili fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

5.   Taħt l-ebda ċirkostanza l-Istati msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhom iżommu lill-Unjoni jew lir-Rappreżentant Għoli responsabbli ta’ atti jew ommissjonijiet mill-pilastru ċivili fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

6.   Il-KPS għandu jaqbel dwar li jiġi aċċettat kontribut finanzjarju minn Stati terzi għaċ-ċellola ta’ proġetti ċivili.

Taqsima III

Pilastru militari

Artikolu 12

Kmandant Militari

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jkun il-Kmandant Militari għall-pilastru militari.

2.   L-MPCC għandha tkun l-istruttura statika ta’ kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari barra miż-żona tal-operazzjonijiet u għandha tkun responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-pilastru militari.

3.   Il-Kmandant Militari, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-pilastru militari fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kmandant Militari għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet tal-pilastru militari, inkluż billi joħroġ struzzjonijiet lill-persunal tiegħu.

5.   Il-Kmandant Militari għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.

6.   Il-persunal kollu ssekondat lill-pilastru militari għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-SEAE, kif xieraq. L-awtorità nazzjonali, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal is-sekondat tagħhom lill-Kmandant Militari.

7.   Il-Kmandant Militari għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali li jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat kif xieraq għall-persunal fil-pilastru militari.

Artikolu 13

Kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ

1.   Għall-fini tal-Inizjattiva, l-MPCC għandha tissaħħaħ b’ċellola militari ta’ kmand u appoġġ.

2.   Il-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ għandu jassumi r-responsabbiltà għall-pilastru militari u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tiegħu, fil-livell operazzjonali.

3.   Il-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ għandu jaqa’ direttament taħt il-Kmandant Militari u għandu jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Kmandant Militari.

Artikolu 14

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti mill-pilastru militari, immexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant Militari.

2.   L-EUMC għandu jirċievi, fuq bażi regolari, rapporti mill-Kmandant Militari. L-EUMC jista’ jistieden lill-Kmandant Militari u lill-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

3.   Il-president tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Kmandant Militari.

Artikolu 15

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-pilastru militari għandhom jiġu amministrati f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-pilastru militari għall-perjodu ta’ sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ EUR 179 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 30 % għall-impenji u 15 % għall-ħlasijiet. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

Artikolu 16

Ċellola ta’ proġetti militari

1.   Il-pilastru militari għandu jkollu ċellola ta’ proġetti militari għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti b’implikazzjonijiet militari b’appoġġ għall-kompiti tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

2.   Iċ-ċellola ta’ proġetti militari għandha, skont il-ħtieġa, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’oqsma marbutin mal-pilastru militari u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.

3.   Soġġett għall-paragrafu 5, il-Kmandant Militari għandu jkun awtorizzat li jirrikorri għal kontributi finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi biex jimplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-pilastru militari.

4.   Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi tista’ tiġġestixxi l-kontributi finanzjarji msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

5.   Taħt l-ebda ċirkostanza l-Istati msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhom iżommu lill-Unjoni jew lir-Rappreżentant Għoli responsabbli għal atti jew ommissjonijiet mill-pilastru militari fl-użu tal-fondi minn dawk l-Istati.

6.   Il-KPS għandu jaqbel dwar li jiġi aċċettat kontribut finanzjarju minn Stati terzi għaċ-ċellola ta’ proġetti ċivili.

Taqsima IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 17

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u tal-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inkluż il-programmi għall-iżvilupp tal-Unjoni u l-programmi ta’ assistenza umanitarja tagħha.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, il-Kmandant Militari u l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   Il-kapijiet tal--kmand ċivili u militari u taċ-ċelloli tal-appoġġ għandhom, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, jirċievu gwida politika lokali mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3).

4.   Il-persunal stazzjonat f’delegazzjoni tal-Unjoni għal pajjiż msemmi fl-Artikolu 1(3) għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-kap ta’ dik id-delegazzjoni.

5.   L-Inizjattiva għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha mal-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) u, kif xieraq, ma’ sħab u organizzazzjonijiet reġjonali tal-istess fehma, b’mod partikolari l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punentu l-Inizjattiva Accra.

Artikolu 18

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, u f’konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-Inizjattiva.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi biex joffru kontributi u biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar li jiġu aċċettati l-kontributi proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant Militari u l-EUMC, jew tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, rispettivament.

3.   L-arranġamenti dettaljati fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’missjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Inizjattiva.

4.   Stati terzi li jagħmlu kontributi għall-pilastru ċivili jew kontributi militari sinifikanti għall-pilastru militari għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-Inizjattiva bħall-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-Inizjattiva.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-istabbiliment ta’ kumitat ta’ kontributuri ċivili jew militari, jekk Stati terzi jagħmlu kontributi għall-pilastru ċivili jew kontributi militari sinifikanti għall-pilastru militari.

Artikolu 19

Status tal-Inizjattiva u l-persunal tagħha

L-istatus tal-Inizjattiva u l-persunal tagħha, inkluż il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ kull wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE.

Artikolu 20

Rilaxx ta’ informazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif xieraq u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-Inizjattiva, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-Inizjattiva, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE:

(a)

sal-livell previst mill-ftehimiet applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat terz ikkonċernat; jew

(b)

sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f’każijiet oħra.

2.   Fil-każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat ukoll li jirrilaxxa lill-pajjiż rilevanti msemmi fl-Artikolu 1(3) kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-Inizjattiva, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għal dak il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva u kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

4.   Ir-Rappreżentant Għoli jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2, lill-persunal tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili jew lill-Kmandant Militari.

Artikolu 21

Ippjanar u tnedija tal-Inizjattiva

Id-Deċiżjoni li titnieda l-Inizjattiva għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan Operattiv għall-pilastru ċivili u tal-Pjan tal-Missjoni, inkluż ir-Regoli tal-Ingaġġ, għall-pilastru militari.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ sentejn mit-tnedija tal-Inizjattiva skont l-Artikolu 21.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar f’konformità mal-pjanijiet approvati għat-tmiem tal-Inizjattiva, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw l-awditjar u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-pilastru militari, stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Dicembru 2009/937/UE li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1600

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ April 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 (1), li stabbiliet il-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) b’mandat sad-19 ta’ Settembru 2018.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1334 (2), li estendiet l-EUTM RCA sal-20 ta’ Settembru 2023 u emendat il-mandat tagħha.

(3)

Fit-13 ta’ Lulju 2023, abbażi tal-eżami strateġiku olistiku tal-EUTM RCA u tal-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà irrakkomanda li l-mandat tal-EUTM RCA jiġi estiż, fil-prinċipju, sad-19 ta’ Settembru 2024 u li ssir valutazzjoni strateġika ta’ EUTM RCA u EUAM RCA mhux aktar tard minn Marzu 2024.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 10, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM RCA għall-perjodu mill-20 ta’ Settembru 2023 sad-19 ta’ Settembru 2024 għandu jkun ta’ EUR 5 212 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun 15 % f’impenji u 0 % għal pagamenti.”

;

(2)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Soġġett għal valutazzjoni strateġika li għandha titwettaq mill-KPS mhux aktar tard minn Marzu 2024, l-EUTM RCA għandha tintemm fid-19 ta’ Settembru 2024.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta’ April 2016 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1334 tat-28 ta’ Lulju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 201, 1.8.2022, p. 27).


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1601

tat-3 ta’ Awwissu 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/356 (2), li emendat it-titlu tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet aktar miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill Ewropew appella lill-awtoritajiet Belarussi biex jieqfu jabilitaw il-gwerra ta’ aggressjoni Russa billi jippermettu lill-forzi armati Russi jużaw it-territorju Belarussu u billi jipprovdu appoġġ lill-militar Russu. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li r-reġim Belarussu jrid jirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali u li l-Unjoni tibqa’ lesta li taġixxi malajr b’aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja.

(5)

Fit-18 ta’ Jannar 2023, l-Unjoni ħarġet dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li fiha esprimiet tħassib serju dwar is-sitwazzjoni mwiegħra u li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja taħt ir-reġim ta’ Lukashenka, u kkundannat ulterjorment l-attivitajiet tar-reġim f’Minsk immirati biex jappoġġaw l-aggressjoni barbarika Russa kontra l-Ukrajna u t-tentattivi mġedda biex il-migranti jintużaw b’mod ċiniku u vjolenti biex jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-fruntieri tal-Unjoni.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2023 u tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Ewropew ikkundanna t-tkomplija tal-appoġġ militari għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja pprovdut mill-Belarussja u enfasizza li l-Belarussja teħtieġ tieqaf tħalli lill-forzi armati Russi jużaw it-territorju tagħha, inkluż għall-iskjerament ta’ armi nukleari tattiċi.

(7)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-involviment kontinwu tal-Belarussja fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi addizzjonali.

(8)

B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u komponenti u munizzjon essenzjali tagħhom. L-oġġetti soġġetti għal dik il-projbizzjoni huma koperti wkoll mir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). F’dak il-kuntest, id-Deċiżjoni 2012/642/PESK għandha tiġi ttrattata bħala lex specialis u għalhekk, fil-każ ta’ kunflitt, tieħu preċedenza fuq ir-Regolament (UE) Nru 258/2012.

(9)

Huwa xieraq ukoll li tiġi estiża aktar il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju u avvanzati, u li jiġu introdotti aktar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, b’mod partikolari oġġetti li ntużaw mir-Russja għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

(10)

Huwa xieraq ukoll li tiġi imposta projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija adattati għall-użu fl-avjazzjoni u fl-industrija spazjali, inkluż magni tal-inġenji tal-ajru u l-partijiet tagħhom, kemm għall-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ kif ukoll għal dawk mingħajr ekwipaġġ.

(11)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 1a

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon kif elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u armi tan-nar u armi oħra kif elenkati fl-Anness VI għal din id-Deċiżjoni, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni u kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżiku jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabbrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 2c, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti tal-oġġetti u t-teknoloġija kollha b’użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom għandu jiġi pprojbit, irrispettivament minn jekk tali oġġetti u teknoloġija joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).”;"

(3)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-esportazzjoni temporanja ta’ oġġetti għall-użu mill-media tal-aħbarijiet;”;

(4)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

l-użu bħala apparat ta’ komunikazzjoni tal-konsumatur; jew;”;

(5)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (f) huwa mħassar;

(6)

fl-Artikolu 2c(3), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

l-użu personali tal-persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, u limitat għal oġġetti personali, oġġetti tad-dar, vetturi jew għodod tal-kummerċ li huma proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.”;

(7)

fl-Artikolu 2c(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur hu residenti jew stabbilit fih dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta seħħet l-ewwel esportazzjoni.”;

(8)

fl-Artikolu 2c(4), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku li mhumiex proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew il-kontroll ta’ aktar minn 50 % tagħha;”;

(9)

fl-Artikolu 2c(4), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet; jew”;

(10)

fl-Artikolu 2c(4), jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

l-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-gvern.”;

(11)

fl-Artikolu 2c, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Permezz ta’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew tali assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu dovuti taħt kuntratti konklużi qabel it-3 ta’ Marzu 2022, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, dment li l-awtorizzazzjoni tkun intalbet qabel l-1 ta’ Mejju 2022.”

;

(12)

fl-Artikolu 2c, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa skont dan l-Artikolu għandhom jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821, li għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha”;

(13)

fl-Artikolu 2c(7), il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont l-Artikolu 2da(1), il-punt (a); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata huma maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew tal-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4, il-punt (b).”;

(14)

fl-Artikolu 2d(3), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-esportazzjoni temporanja ta’ oġġetti għall-użu mill-media tal-aħbarijiet;”;

(15)

fl-Artikolu 2d(3), il-punt (f) huwa mħassar;

(16)

fl-Artikolu 2d(3), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

l-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, u limitat għal oġġetti personali, oġġetti tad-dar, vetturi jew għodod tal-kummerċ li huma proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.”;

(17)

fil-paragrafu 2d(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur hu residenti jew stabbilit fih dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta sseħħ l-ewwel esportazzjoni.”;

(18)

fl-Artikolu 2d(4), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku li mhumiex il-proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew il-kontroll ta’ aktar minn 50 % tagħha;”;

(19)

fl-Artikolu 2d(4), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet; jew”;

(20)

fl-Artikolu 2d(4), jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

l-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-gvern.”;

(21)

fl-Artikolu 2d, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-punt (e), u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li tkun iddeterminat li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu maħsuba għall-istralċ sas-6 ta’ Frar 2024, ta’ kuntratti u operazzjonijiet li jkunu għaddejjin fil-5 ta’ Awwissu 2023, u li jkunu neċessarji għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni ċivili lill-popolazzjoni ċivili Belarussa.”

;

(22)

fl-Artikolu 2d, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8536 69, 8536 90, 8541 30 u 8541 60 sas-6 ta’ Frar 2024, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, sa fejn dan ikun neċessarju għall-ipproċessar ta’ dawk l-oġġetti fil-Belarussja minn impriża konġunta li fiha kumpanija stabbilita fl-Unjoni jkollha sjieda maġġoritarja fil-5 ta’ Awwissu 2023, għall-fini ta’ importazzjoni sussegwenti fl-Unjoni u l-produzzjoni sussegwenti fl-Unjoni ta’ oġġetti maħsuba għall-użu fis-settur tas-saħħa jew dak farmaċewtiku, jew fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.”

;

(23)

fl-Artikolu 2d, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa skont dan l-Artikolu għandhom jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821, li għandhom japplikaw mutatis mutandis. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.”

;

(24)

fl-Artikolu 2d(7), il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, sakemm il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont l-Artikolu 2da(1), il-punt (a); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ għajnuna teknika jew finanzjarja relatata tkun maħsuba għas-settur tal-avjazzjoni jew tal-industrija spazjali, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-għoti ta’għajnuna teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi skont il-paragrafu 4, il-punt (b).”;

(25)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2sa

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, tal-oġġetti u t-teknoloġija adatti għall-użu fl-avjazzjoni jew fl-industrija spazjali, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, direttament jew indirettament, fir-rigward ta’ prodotti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment ta’ kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom: tiġdid, tiswija, spezzjoni, sostituzzjoni, modifika jew rettifika ta’ difett ta’ inġenju tal-ajru jew komponent, bl-eċċezzjoni ta’ spezzjoni ta’ qabel it-titjira, fir-rigward tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fir-Belarussja.

4.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sal-4 ta’ Settembru 2023 ta’ kuntratti konklużi qabel il-5 ta’ Awwissu 2023, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

6.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, l-eżekuzzjoni ta’ kera finanzjarja ta’ inġenju tal-ajru konkluża qabel il-5 ta’ Awwissu 2023 wara li jkunu ddeterminaw li:

(a)

tkun strettament neċessarja biex tiżgura ripagamenti ta’ kiri lil persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-miżuri restrittivi previsti f’din id-Deċiżjoni; u

(b)

l-ebda riżorsa ekonomika mhi ser tkun disponibbli għall-kontroparti tal-Belarussja, bl-eċċezzjoni tat-trasferiment tas-sjieda tal-inġenju tal-ajru wara rimborż sħiħ tal-kirja finanzjarja.

7.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, b’tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8517 71 00, 8517 79 00 u 9026 00 00, jew għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa neċessarju għal finijiet mediċi jew farmaċewtiċi, jew għal finijiet umanitarji, bħat-twassil jew il-faċilitazzjoni tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet.

Meta jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet għal finijiet mediċi, farmaċewtiċi jew umanitarji f’konformità ma’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari.

8.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

9.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2c(4), il-punt (b), u 2d(4), il-punt (b).

10.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 4, il-punt (a), ma għandhiex tapplika għall-iskambju ta’ informazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti standards tekniċi fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1.

11.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”

;

(26)

it-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala l-Anness VI għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/356 tat-2 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 67, 2.3.2022, p. 103).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).


ANNESS

“ANNESS VI

Lista ta’ armi tan-nar u armi oħrajn imsemmija fl-Artikoli 1a

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

9303

Armi tan-nar oħrajn u mezzi simili li jaħdmu bl-isparar ta’ karga ta’ splussiv

eks9304

Armi oħrajn (eż. xkubetti u pistoli bil-molla, bl-arja jew bil-gass), ħlief dawk tal-intestatura 9307 .


4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/44


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1602

tal-31 ta’ Lulju 2023

dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220a(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-kuntest tal-azzjonijiet adottati mill-Unjoni wara l-kriżi tal-COVID-19, ġie stabbilit network tan-negozjanti primarji bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 (2) biex jiffunzjona bħala network kwalifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment li dwaru l-Kummissjoni tappella għat-tqegħid primarju ta’ titoli ta’ dejn, għall-promozzjoni ta’ tali kollokamenti u, skont il-każ, għall-forniment ta’ servizzi finanzjarji rilevanti, bħall-għoti ta’ pariri u intelligence ġusti dwar is-suq.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 (3), it-teħid b’self awtorizzat skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (4) u, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn għall-finanzjament ta’ programmi ta’ assistenza finanzjarja jenħtieġ li jsiru mill-Kummissjoni taħt strateġija ta’ finanzjament diversifikata. Strateġija ta’ finanzjament diversifikata hija metodu ta’ self ġenerali li jippermetti flessibbiltà rigward iż-żmien u l-maturità ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament uniku u għal żborżi regolari u kostanti lill-benefiċjarji.

(3)

Wara sentejn ta’ funzjonament tan-netwerk tan-negozjanti primarji, huwa meħtieġ xi titjib b’mod partikolari fir-rigward tal-proċessi ta’ notifiki pprovduti min-negozjanti primarji, u fir-rigward tas-sospensjoni jew l-esklużjoni ta’ negozjant primarju min-netwerk.

(4)

Ir-rikors għas-swieq kapitali jsir fuq skala kbira, u l-ħruġ isir ta’ spiss ħafna. Bħala konsegwenza, l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament għandha tkun flessibbli.

(5)

In-negozjanti primarji ammessi fin-network huma intitolati li jipparteċipaw f’irkantijiet imwettqa mill-Kummissjoni għat-teħid ta’ self fis-swieq tal-kapital. Id-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tibni fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni fl-għażla tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment taħt il-programmi ta’ assistenza finanzjarja eżistenti. Hija tibbaża wkoll fuq l-aħjar prattika minn emittenti sovrani u supranazzjonali.

(6)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment għandhom ikunu intitolati għal sħubija fin-netwerk tan-negozjanti primarji jekk jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. Dawn għandhom l-għan li jiggarantixxu t-twettiq effiċjenti tal-funzjoni tan-negozjanti primarji, b’mod partikolari t-tmexxija kompetenti tal-operazzjonijiet tas-suq u l-konformità mal-impenji tas-sottoskrizzjoni. F’dan ir-rigward huwa kruċjali li n-negozjanti primarji eliġibbli jagħtu xhieda ta’ struttura organizzazzjonali solida, kapaċità professjonali u ta’ ġestjoni, attività tas-suq sinifikanti fis-sottoskrizzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ bonds sovrani u supranazzjonali, u konformità mal-qafas regolatorju rilevanti, speċjalment fir-rigward tar-rekwiżiti (5) prudenzjali tal-Unjoni (6). F’konformità mal-prinċipju tat-trasparenza, dawk il-kriterji u d-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment bħala negozjant primarju għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Is-sħubija fin-netwerks tan-negozjanti primarji mħaddma minn Stat Membru jew emittent supranazzjonali tagħti d-dritt lill-istituzzjoni ta’ kreditu jew lid-ditta tal-investiment biex tipparteċipa fl-irkantijiet tad-dejn pubbliku ta’ dak l-emittent. Involviment regolari u attiv fi proċeduri ta’ rkantijiet sovrani jew supranazzjonali hija turija affidabbli ta’ esperjenza f’operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku. Jenħtieġ għalhekk li l-eliġibbiltà għas-sħubija tan-network tan-negozjanti primarji tal-Unjoni tkun bil-kundizzjoni ta’ sħubija f’tal-anqas network tan-negozjanti primarji jew mekkaniżmu ta’ negozjar primarju wieħed ta’ emittent supranazzjonali Ewropew jew ta’ Stat Membru.

(8)

Jenħtieġ li ladarba jiġu ammessi fin-network tan-negozjanti primarji, in-negozjanti primarji jitħallew ikollhom it-titlu ta’ “Membru tan-Network tan-Negozjanti Primarji tal-Unjoni Ewropea” u jipparteċipaw fl-irkantijiet kollha tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom. Jenħtieġ li dawk in-negozjanti jixtru medja minima ponderata tal-volumi rkantati u jenħtieġ li jikkonformaw ma’ ċerti obbligi ta’ rapportar.

(9)

Jenħtieġ li n-negozjanti primarji jaderixxu wkoll mat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni fin-network tan-negozjanti primarji, b’mod partikolari d-drittijiet, l-impenji u l-obbligi tal-membri tan-network tan-negozjanti primarji, ir-rieżami annwali, l-obbligi ta’ rapportar, kif ukoll ir-regoli dwar il-kontrolli, dwar is-sospensjoni tas-sħubija, dwar l-esklużjoni min-network tan-negozjanti primarji u dwar il-possibbiltà ta’ ħruġ minnu.

(10)

Minbarra l-irkantijiet, il-ħruġ ta’ titoli ta’ dejn taħt programmi ta’ self jitwettaq permezz ta’ sindakazzjoni jew pjazzamenti privati. Għal dan l-għan, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti tal-investiment li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà stabbiliti għal tranżazzjonijiet sindakati u pjazzamenti privati jinħatru mill-Kummissjoni għall-fini ta’ kull tranżazzjoni ta’ self.

(11)

Il-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji li jixtru perċentwal medju ponderat ogħla ta’ volumi rkantati minn dak meħtieġ biex ikunu membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji, li jżommu sehem mis-suq sekondarju suffiċjenti f’titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom u li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-arranġamenti ta’ kwotazzjoni għandhom ikunu eliġibbli biex iservu bħala maniġers ewlenin fi tranżazzjonijiet sindakati. Jenħtieġ ukoll li dan il-grupp ta’ negozjanti jieħu impenn li jippromwovi l-likwidità tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom permezz ta’ attività ta’ ġenerazzjoni tas-suq, li jipprovdi konsulenza ekwa u informazzjoni dwar is-suq lill-Kummissjoni u li jippromwovi l-operazzjonijiet ta’ ħruġ tal-Unjoni u tal-Euratom mal-investituri.

(12)

Jenħtieġ li l-kompiti marbuta mar-rwoli ta’ maniġer ta’ tmexxija u maniġer ta’ tmexxija konġunta jitqiesu bħala servizzi finanzjarji kif imsemmi fil-Kapitolu 1, it-Taqsima 2, il-punt 11.1, il-punt (j), tal-Anness I tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Jenħtieġ għalhekk li l-ħatra tan-negozjanti primarji eliġibbli bħala membri tas-sindakat għal tranżazzjoni speċifika ta’ ħruġ tkun ibbażata fuq proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt. Jenħtieġ li f’din il-proċedura jkun hemm inkluż li tintbagħat talba għal proposti lin-negozjanti eliġibbli u l-evalwazzjoni tal-proposti riċevuti mill-Kummissjoni.

(13)

Meta titqies il-frekwenza għolja li biha l-Kummissjoni hija mistennija li tirrikorri għas-swieq tal-kapital, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu bla intoppi, veloċi u effiċjenti biex jinħatru banek bħala maniġers ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati. Għaldaqstant huwa meħtieġ li tiġi pprovduta bażi ekwa u trasparenti biex it-talba għal proposti tkun limitata għal subsett tan-negozjanti primarji eliġibbli li jipparteċipaw fis-sindakati. Din l-għażla addizzjonali hija meħtieġa biex ikun hemm bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ kompetizzjoni fil-proċedura ta’ akkwist għas-servizzi li jappoġġaw is-sindakat u l-ħtieġa ta’ tħejjija effiċjenti ta’ tranżazzjonijiet li jirrikjedu ċertu urġenza, u biex jiġi evitat sforz doppju min-negozjanti primarji fil-proċess ta’ offerti għall-mandati sindakati. Din l-għażla tal-banek jenħtieġ li tkun ibbażata fuq kriterji kwalitattivi u kwantitattivi, relatati mal-kapaċità ppruvata tan-negozjanti primarji eliġibbli li jappoġġaw l-operazzjonijiet ta’ ħruġ sovrani u supranazzjonali fis-swieq primarji u sekondarji, u l-abbiltà tagħhom li jiddistribwixxu t-titoli ta’ dejn lill-investituri. Jenħtieġ li dan il-proċess jipprovdi wkoll mekkaniżmu ta’ rotazzjoni li jiżgura opportunità indaqs għall-parteċipazzjoni fost in-negozjanti primarji eliġibbli kollha.

(14)

In-negozjanti primarji jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prattiki tas-suq u l-etika, inkluż li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe proċediment, sentenza, deċiżjoni jew sanzjoni li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 relatati mas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 135 sa 142 tiegħu. Dawn in-notifiki għandhom ikunu relatati biss man-negozjanti primarji nfushom u l-entitajiet prinċipali tagħhom. Tali notifika jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tan-negozjanti primarji li jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjonijiet kif iddikjarati matul il-proċess ta’ applikazzjoni.

(15)

Sabiex tiġi prevista likwidità akbar tas-suq sekondarju tal-Unjoni u tat-titoli ta’ dejn tal-Euratom, u biex jittejbu l-iskoperta tal-prezzijiet u t-trasparenza, huwa xieraq li jiġi introdott arranġament ta’ kwotazzjoni li jenħtieġ li jħeġġeġ lin-negozjanti primarji jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq u jikkwotaw it-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom fuq pjattaformi elettroniċi rikonoxxuti. Il-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji jenħtieġ li jingħataw inċentivi xierqa biex jinvolvu ruħhom f’tali attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq. Għal dan l-għan huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-issodisfar tal-arranġament ta’ kwotazzjoni.

(16)

Sabiex jiġu pprovduti inċentivi addizzjonali għan-negozjanti primarji kollha biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq, huwa xieraq li jiġi pprovdut aċċess aktar sempliċi għall-mandati ta’ tmexxija konġunta għal tranżazzjonijiet sindakati anke lil dawk in-negozjanti primarji li jappoġġaw il-likwidità tas-suq sekondarju fl-Unjoni u t-titoli ta’ dejn tal-Euratom u jissodisfaw il-kriterji minimi tal-arranġament ta’ kwotazzjoni, iżda ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà biex iservu bħala maniġers ewlenin għal tranżazzjonijiet sindakati. Tali aċċess għal mandati ta’ tmexxija konġunta jippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi addizzjonali lil firxa usa’ ta’ membri tan-network tan-negozjanti primarji, li jieħdu passi biex jappoġġaw il-ħruġ tad-dejn tal-Unjoni u tal-Euratom. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal mandati ta’ tmexxija konġunta għal tranżazzjonijiet sindakati għandhom għalhekk jiġu stabbiliti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra mandati ta’ tmexxija konġunta għal mill-inqas tranżazzjoni waħda fil-perjodu kopert minn pjan ta’ finanzjament stabbilit f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2544 (7).

(17)

Huwa xieraq li jiġu definiti u distinti b’mod ċar l-impenji li jikkonċernaw mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta u li l-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ tmexxija konġunta jsiru proporzjonati għall-benefiċċji tar-rwol. Għal dak l-għan, il-mandati ta’ tmexxija konġunta jistgħu jingħataw ukoll lin-negozjanti primarji li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà rilevanti iżda jistgħu ma jwettqux l-impenji addizzjonali kollha li huma meħtieġa biex jirċievu mandat ewlieni. In-negozjanti primarji kollha li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ tmexxija konġunta għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw bħala komexxejja fi tranżazzjoni sindakata, ħlief f’każijiet fejn l-effiċjenza operazzjonali tkun żgurata aħjar permezz ta’ subsett ta’ komexxejja eliġibbli. F’każijiet bħal dawn, il-ko-lead eliġibbli għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ ordni alfabetika b’mekkaniżmu ta’ rotazzjoni.

(18)

Sabiex tissaħħaħ aktar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-proċessi ta’ sospensjoni u esklużjoni tan-negozjanti primarji jenħtieġ li jkunu ċari u effiċjenti. Huwa importanti li jiġi żgurat li f’każijiet ta’ ħtieġa, is-sospensjoni ta’ negozjant primarju tkun tista’ ssir mingħajr dewmien żejjed. F’każijiet fejn jinbeda proċess ta’ esklużjoni, jenħtieġ li tali proċess jippermetti biżżejjed żmien għan-negozjanti primarji biex iwieġbu għal avviż ta’ nuqqas ta’ konformità kkomunikat mill-Kummissjoni, u, fejn applikabbli, jieħdu miżuri korrettivi f’każijiet fejn tali nuqqas ta’ konformità jista’ jiġi kkoreġut.

(19)

Billi titqies il-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ monitoraġġ sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-membri tan-network tan-negozjanti primarji mal-obbligi stabbiliti skont din id-Deċiżjoni u dispożizzjonijiet applikabbli rilevanti oħra, b’mod partikolari t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali. Jenħtieġ li, fejn xieraq, f’dik is-superviżjoni jkun involut l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

(20)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 stabbiliet in-netwerk tan-negozjanti primarji u ddefiniet b’mod partikolari l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għażla tal-membri tiegħu. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/857 (8) emendat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 u estendiet il-kriterji ta’ eliġibbiltà billi inkludiet ċerti ditti tal-investiment awtorizzati li jwettqu l-attivitajiet ta’ sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod skont id-Direttiva 2014/65/UE (9). Din id-Deċiżjoni tibni fuq il-prinċipji stabbiliti mid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625, li jenħtieġ li titħassar kif xieraq.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi n-network tan-negozjanti primarji u tistabbilixxi l-kriterji eliġibbli u d-dispożizzjonijiet proċedurali għall-għażla tal-membri tiegħu kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk il-membri.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għal kwalunkwe attività ta’ teħid ta’ self u ta’ ġestjoni tad-dejn imwettqa mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Euratom, li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħżel kontropartijiet finanzjarji privati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“rkant” tfisser il-proċess tal-operazzjonijiet ta’ ħruġ tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom abbażi ta’ offerti kompetittivi permezz ta’ pjattaforma għall-irkantijiet fis-suq primarju;

(2)

“programmi ta’ self” tfisser il-programmi tal-Unjoni u tal-Euratom li jinvolvu attivitajiet ta’ teħid b’self fis-swieq finanzjarji;

(3)

“istituzzjonijiet ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4, paragrafu 1 (1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(4)

“titoli ta’ dejn” tfisser noti u/jew strumenti finanzjarji b’terminu qasir, bħal kambjali tat-teżor, kif ukoll kwalunkwe strument finanzjarju ieħor, maħruġ mill-Unjoni u/jew mill-Euratom;

(5)

“ditta tal-investiment” tfisser ditta ta’ investiment kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt 1, tad-Direttiva 2014/65/UE;

(6)

“pjattaforma interprofessjonali” tfisser negozjant għal negozjant f’ċentru elettroniku tan-negozjar, stabbilit fl-Unjoni Ewropea, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (24) tad-Direttiva (UE) 2014/65/UE, fejn in-negozjant i primarji jipparteċipaw bħala ġeneraturi tas-suq għan-negozjar f’suq sekondarju;

(7)

“kwotazzjoni” tfisser rati ta’ offerti u talbiet sodi jew prezzijiet imqiegħda fuq pjattaformi interprofessjonali li jwasslu għall-konklużjoni awtomatika ta’ tranżazzjoni jekk ir-rati jew il-prezzijiet korrispondenti tal-offerta jew tat-talba jkunu ġew ipprovduti minn parteċipant ieħor (ktieb tal-ordnijiet b’limitu ċentrali);

(8)

“membri fin-network tan-negozjanti primarji” tfisser kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4 inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 15;

(9)

“emittent supranazzjonali Ewropew” tfisser il-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Nordiku tal-Investiment.

Artikolu 3

Twaqqif tan-network tan-negozjanti primarji

In-netwerk tan-negozjanti primarji tal-Unjoni (“in-netwerk tan-negozjanti primarji”) għandu jinkludi grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment li huma eliġibbli biex jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Kummissjoni li ġejjin:

(a)

il-pjazzament ta’ titoli ta’ dejn fis-swieq primarji tal-kapital, b’mod partikolari permezz ta’ rkantijiet u tranżazzjonijiet sindakati;

(b)

il-promozzjoni tal-likwidità tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom fis-swieq finanzjarji;

(c)

il-forniment ta’ konsulenza ekwa u informazzjoni dwar is-suq lill-Kummissjoni;

(d)

il-promozzjoni u l-iżvilupp tat-tqegħid tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom.

KAPITOLU 2

SĦUBIJA TAN-NETWORK TAN-NEGOZJANTI PRIMARJI

Artikolu 4

Kriterji ta’ eliġibbiltà għan-network tan-negozjanti primarji

istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal sħubija fin-network tan-negozjanti primarji:

(a)

ikunu entità ġuridika stabbilita u jkollhom is-sede prinċipali tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

ikunu ssorveljati minn awtorità kompetenti tal-Unjoni u jkunu awtorizzati jwettqu attività ta’ negozju ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10); jew

(ii)

ditta tal-investiment awtorizzata li twettaq l-attività ta’ sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod skont id-Direttiva 2014/65/UE; kif ukoll

(c)

jkunu membru ta’ network tan-negozjanti primarji sovran jew supranazzjonali Ewropew stabbilit għall-fini li jservi bħala kontroparti ta’ Stat Membru jew ta’ emittent supranazzjonali Ewropew. Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, network tan-negozjanti primarji sovran jew supranazzjonali Ewropew għandu jinftiehem bħala wieħed minn dawn iż-żewġ entitajiet segwenti:

(i)

network, grupp jew sistema organizzata ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li jinħatru minn emittent sovran jew supranazzjonali biex iservu bħala kontroparti tas-suq fil-qafas tal-ġestjoni tad-dejn pubbliku, li s-sħubija tagħhom tipikament tinvolvi l-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ dejn pubbliku permezz ta’ rkantijiet;

(ii)

mekkaniżmu ta’ negozju primarju li jkun sostanzjalment ekwivalenti għan-network, grupp jew sistema organizzata msemmija fil-punt (i).

Artikolu 5

Impenji

1.   Il-membri tan-network tan-negozjanti primarji għandhom jieħdu l-impenji segwenti:

(a)

li jixtru medja minima ponderata ta’ 0,05 % tal-volumi rkantati mill-Unjoni u/jew mill-Euratom fuq bażi semiannwali f’konformità mal-parti 1 tal-Anness I;

(b)

li jikkonformaw mal-obbligu li jirrapportaw b’mod preċiż, f’waqtu u integrali fuq bażi ta’ kull xahar lill-Kummissjoni l-volumi nnegozjati f’titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom, skont il-format ta’ rapportar armonizzat għan-negozjar fis-suq tad-dejn sovran sekondarju Ewropew stabbilit permezz tas-Sottokumitat dwar is-Swieq tad-Dejn Sovran tal-UE tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea.

(c)

li jippreżentaw kopja ffirmata tat-“Termini u l-Kundizzjonijiet ġenerali tan-negozjanti primarji tal-Unjoni Ewropea” (“TKĠ”);

(d)

li jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet tan-negozjar pprovduti lill-persunal tan-negozjar tiegħu jiġu riveduti kull tliet xhur u jkunu validament fis-seħħ;

(e)

li jikkonformaw mal-etika u l-prattiki tas-suq, b’mod partikolari

(i)

jiżguraw konformità mar-regoli ta’ kondotta u l-ogħla standards fil-prattiki tas-suq applikabbli għall-operazzjonijiet tagħhom fin-negozju b’introjtu fiss f’EUR;

(ii)

in-negozjanti primarji u l-entitajiet omm tagħhom għandhom japplikaw miżuri relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML) u l-finanzjament tat-terroriżmu (CTF) f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli fis-seħħ.

(iii)

kull negozjant primarju għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni b’kull proċediment mibdi kontrih minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru dwar l-attività mwettqa min-negozjant primarju bħala istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment. Kull negozjant primarju għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura jew deċiżjoni li tittieħed b’riżultat ta’ dawn il-proċedimenti;

(iv)

kull negozjant primarju għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni jekk in-negozjant primarju jew l-entità omm tiegħu humiex ikkundannati b’akkuża kriminali, inkluża l-evażjoni tat-taxxa, jew soġġetti għal sanzjonijiet amministrattivi jew dixxiplinari, jew sospiżi jew esklużi minn organizzazzjoni tal-industrija fi kwalunkwe Stat Membru;

(v)

Jekk awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tidentifika xi nuqqasijiet b’rabta mal-AML jew is-CTF jew timponi xi sanzjoni b’rabta mal-AML jew is-CTF, in-negozjanti primarji għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni immedjatament u jirrapportaw dwar il-miżuri korrettivi tagħhom;

(vi)

In-negozjant primarju għandu jiżgura li ma jikkonkludix tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom, li jkunu jinvolvu kwalunkwe kontroparti inkorporata jew stabbilita f’pajjiż inkluż fil-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa jew li tkun identifikata bħala pajjiż terz b’riskju kbir skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 u elenkata fir-Regolament Delegat (UE) 1675/2016 jew li effettivament ma tikkonformax mal-istandards tat-taxxa tal-Unjoni jew miftiehma internazzjonalment dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-ksur tar-reġimi ta’ sanzjonijiet, b’mod partikolari l-miżuri restrittivi skont l-Artikolu 215 TFUE;

(f)

li jittrattaw b’mod kunfidenzjali l-informazzjoni kollha riċevuta mill-Kummissjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b), il-kwalità tar-rappurtar għandha tiġi vvalutata regolarment u r-riżultati għandhom jiġu nnotifikati lin-negozjant primarju interessat. In-negozjant primarju għandu jiġi nnotifikat jekk id-data mogħtija ma tkunx preċiża

3.   Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu 1, punt (e), il-Kummissjoni għandha tevalwa l-imġiba tan-negozjanti primarji matul l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni sindakata u operazzjonijiet oħra ta’ ġestjoni tad-dejn f’termini ta’ prontezza, newtralità tas-suq u eżekuzzjoni ordnata u effiċjenti.

Artikolu 6

Termini u kundizzjonijiet ġenerali

1.   It-TKĠ għandhom japplikaw għal kwalunkwe attività ta’ teħid ta’ self u ta’ ġestjoni tad-dejn imwettqa mill-Kummissjoni taħt il-programmi ta’ teħid ta’ self skont din id-Deċiżjoni.

2.   F’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, it-TKĠ għandhom:

(a)

jistabbilixxi d-dettalji tal-obbligi għad-durata tal-parteċipazzjoni fin-netwerk tan-negozjanti primarji u d-dettalji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta;

(b)

jistabbilixxu l-kontenut tar-rieżami annwali u l-proċedura għalih;

(c)

jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-obbligi ta’ rappurtar;

(d)

jistabbilixxu r-regoli dwar il-kontrolli;

(e)

jistabbilixxu d-dettalji tar-regoli u l-proċedura għas-sospensjoni tas-sħubija, it-tneħħija ta’ dik is-sospensjoni, u l-esklużjoni min-network tan-negozjanti primarji; kif ukoll

(f)

jirregolaw il-possibbiltà ta’ rtirar min-network tan-negozjanti primarji;

(g)

tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-arranġamenti ta’ kwotazzjoni, inkluż il-perjodu ta’ osservazzjoni u r-rekwiżiti u l-proċess għar-rikonoxximent tal-pjattaforma interprofessjonali;

3.   Kwalunkwe limitu ta’ żmien għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

jekk limitu ta’ żmien ikun espress f’jiem jew xhur minn ċertu data jew avveniment, il-jum jew ix-xahar li fih taħbat dik id-data jew jokkorri dak l-avveniment ma għandux jgħodd li jaqa’ f’dak il-limitu ta’ żmien;

(b)

il-limiti ta’ żmien espressi f’jiem għandhom jinkludu ġranet tax-xogħol biss. Il-ġranet ta’ negozju għandhom jiġu ddeterminati skont il-kalendarju Lussemburgiż tal-btajjel pubbliċi u bankarji (https://www.abbl.lu/fr/topic/bank-holidays/);

(c)

limitu ta’ żmien espress f’xhur għandu jintemm bl-iskadenza tal-jum fl-aħħar xahar li jikkorrispondi għall-istess jum li fih taħbat dik id-data jew okkorra l-avveniment minn meta ġie kkalkulat il-limitu ta’ żmien.

(d)

jekk il-jum li fih jenħtieġ li jiskadi l-limitu ta’ żmien espress f’xhur ma jokkorrix fl-aħħar xahar, il-limitu ta’ żmien għandu jintemm bl-iskadenza tal-aħħar jum ta’ dak ix-xahar;

(e)

jekk żmien espress f’xhur jiskadi f’jum ta’ vaganza pubblika jew bankarja, dan għandu jiġi estiż sa tmiem l-ewwel ġurnata tax-xogħol sussegwenti.

Artikolu 7

Drittijiet tal-membri tan-network tan-negozjanti primarji

Il-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji għandu jkollhom id-drittijiet li ġejjin:

(a)

li jirreklamaw lilhom infushom bħala “Membru tan-Network tan-Negozjanti Primarji tal-Unjoni Ewropea”;

(b)

li jipparteċipaw u jitfgħu offerti fi kwalunkwe rkant ta’ titoli ta’ dejn tal-Unjoni jew tal-Euratom;

(c)

li jirċievu fuq bażi regolari, mill-inqas darba fis-sena, feedback dwar il-prestazzjoni tagħha, speċjalment fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha fl-irkanti u fis-swieq sekondarji; din il-feedback għandha tkun ibbażata fuq il-proċess ta’ evalwazzjoni interna msemmi fl-Artikolu 13 bi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu kkomunikati lin-negozjanti primarji;

(d)

mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 3, li jkunu eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-dejn, inkluż l-operazzjonijiet li ġejjin:

(i)

pjazzamenti privati;

(ii)

tranżazzjonijiet ta’ riakkwist kif definit fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(iii)

swaps kif definit fit-Taqsima 1, il-punt 10, tal-Anness III tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (12).

(e)

li jirriżenja fi kwalunkwe mument is-sħubija tiegħu fin-netwerk tan-negozjanti primarji billi jinnotifika tali riżenja lill-Kummissjoni; din ir-riżenja għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ xogħol tal-ewwel xahar wara d-data tan-notifika.

KAPITOLU 3

MANDATI TA’ TMEXXIJA U TA’ TMEXXIJA KONĠUNTA GĦAT-TRANŻAZZJONIJIET SINDAKATI

Artikolu 8

Kriterji ta’ eliġibbiltà għal mandati ewlenin għal tranżazzjonijiet sindakati

Il-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji huma eliġibbli biex iservu bħala maniġers ewlenin għal tranżazzjonijiet sindakati, soġġett għall-issodisfar tal-kriterji li ġejjin:

(a)

ikunu xtraw sehem minimu tal-volumi rkantati mill-Unjoni u mill-Euratom, b’medja ponderata abbażi tal-aħħar tliet irkanti fuq bażi kontinwa;

(b)

ikunu pprovdew evidenza, ibbażata fuq id-data tat-tranżazzjonijiet irrapportata skont din id-Deċiżjoni, li jkollhom sehem minimu mis-suq fost in-negozjanti primarji fit-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom fis-swieq sekondarji fuq bażi kontinwa;

(c)

ikunu kkonformaw mar-rekwiżiti minimi tal-arranġamenti ta’ kwotazzjoni matul il-perjodu ta’ osservazzjoni;

(d)

li jkunu qablu, bħala parti mill-KĠT, mat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-mandati għal tranżazzjonijiet sindakati u mal-iskeda tat-tariffi.

L-ishma minimi msemmija fl-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b), ir-rekwiżiti minimi msemmija fl-ewwel paragrafu, il-punt (c), kif ukoll regoli dettaljati oħra għall-mandati ewlenin għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki tas-suq b’mod partikolari ta’ emittenti pari u għandhom jirriflettu l-bilanċ tal-benefiċċji u l-obbligi għall-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji. Fejn il-kriterju jinkludi ishma relattivi, il-perċentwali għandhom iqisu n-numru totali ta’ negozjanti primarji.

Artikolu 9

Kriterji ta’ eliġibbiltà għal mandati ta’ tmexxija konġunta għal tranżazzjonijiet sindakati

Il-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji huma eliġibbli biex iservu bħala maniġers ewlenin konġunti għal tranżazzjonijiet sindakati, soġġett għall-issodisfar tal-kriterji li ġejjin:

(a)

wara li jkun qabel, bħala parti mill-GTC, mat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għal mandati ta’ tmexxija konġunta għal tranżazzjonijiet sindakati u mal-iskeda tat-tariffi;

(b)

ikunu kkonformaw mar-rekwiżiti minimi tal-arranġamenti ta’ kwotazzjoni matul il-perjodu ta’ osservazzjoni; kif ukoll

(c)

ma ngħatax il-mandat ewlieni matul il-perjodu ta’ osservazzjoni.

Ir-rekwiżiti minimi msemmija fl-ewwel paragrafu, il-punt (b) u l-perjodu ta’ osservazzjoni msemmi fl-ewwel paragrafu, il-punti (b) u (c), kif ukoll regoli dettaljati oħra għal mandati ta’ tmexxija konġunta għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki tas-suq inklużi dawk ta’ emittenti pari u għandhom jirriflettu l-bilanċ tal-benefiċċji u l-obbligi għall-membri tan-netwerk tan-negozjanti primarji.

Artikolu 10

Skeda tariffarja

L-iskeda tariffarja msemmija fl-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) u l-Artikolu 9, il-punt (a) għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet ta’ self u ta’ ġestjoni tad-dejn. L-iskeda tariffarja għandha tistabbilixxi remunerazzjoni proporzjonata mal-kostijiet u mar-riskji mġarrba min-negozjanti primarji eliġibbli fit-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Unjoni u tal-Euratom, filwaqt li tiżgura l-kosteffiċjenza għall-Unjoni u tqis l-ispeċifiċitajiet tal-ħruġ tad-dejn tal-Unjoni, b’mod partikolari l-volumi u l-maturitajiet. L-iskeda tariffarja għandha tissemma’ f’anness tat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati.

Artikolu 11

Arranġamenti ta’ kwotazzjoni

Ir-rekwiżiti minimi tal-arranġamenti ta’ kwotazzjoni msemmija fl-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu, il-punt (c) u l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (b) għandhom jirreferu għall-ħin tan-negozjar, l-għadd ta’ kwotazzjonijiet u firxiet ikkwotati għal titoli ta’ dejn speċifikati tal-Unjoni u fuq pjattaforma interprofessjonali rikonoxxuta matul il-perjodu ta’ osservazzjoni.

Artikolu 12

Impenji addizzjonali għall-mandati ewlenin

Membri tan-network tan-negozjanti primarji li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 8 jistgħu jintgħażlu għal mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għal tranżazzjonijiet sindakati abbażi tal-valutazzjoni tal-impenn tagħhom li jwettqu kwalunkwe waħda minn dawn l-attivitajiet:

(a)

abbażi tal-aħjar sforz, jippromwovu l-likwidità tat-titoli tad-dejn tal-Unjoni u tal-Euratom b’attività ta’ ġenerazzjoni tas-suq, u b’hekk jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-prezz, għall-effiċjenza tas-suq sekondarju u għal eżekuzzjoni ordnata tan-negozjar;

(b)

jipprovdu konsulenza ekwa u informazzjoni dwar is-suq lill-Kummissjoni sabiex tfassal u timplimenta l-programmi ta’ teħid ta’ self, u, b’mod partikolari, jipprovdu konsulenza qabel il-pubblikazzjoni tal-programm ta’ finanzjament u fil-kuntest tat-tħejjija tat-tranżazzjonijiet tal-ġestjoni tad-dejn skont il-programmi ta’ teħid ta’ self;

(c)

jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni b’mod regolari dwar ix-xejriet tas-suq, l-analiżi u r-riċerka dwar il-funzjonament tas-swieq bi dħul fiss u, b’mod partikolari, is-sovrani, is-supranazzjonali u l-aġenziji;

(d)

jippromwovu u jiżviluppaw il-pjazzament tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom f’komunità tal-investituri diversifikata u wiesgħa bħala parti mill-istrateġija tan-negozju tagħhom.

Artikolu 13

Għażla tas-sindakat

1.   Is-sindakati għandhom jintgħażlu skont il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2, il-punt 11.1, il-punt (j), tal-Anness I tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fi proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat it-talbiet għal proposti lil sottogrupp ta’ membri eliġibbli tan-network tan-negozjanti primarji li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 8 u 12, u titlob offerta għal parteċipazzjoni bħala maniġers ta’ tmexxija jew ta’ tmexxija konġunta.

3.   L-għażla tas-sottogrupp ta’ negozjanti primarji eliġibbli li għandha tintbagħtilhom mill-Kummissjoni t-talba għal proposti għandha tkun ibbażata fuq kriterji kwalitattivi u kwantitattivi oġġettivi, marbuta mal-kapaċità ppruvata ta’ negozjanti primarji eliġibbli fl-appoġġ tal-ħruġ sovran u supranazzjonali fis-swieq primarji u sekondarji, u l-kapaċità tagħhom li jiddistribwixxu titoli ta’ dejn lill-investituri. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu wkoll valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 12. Il-Kummissjoni għandha timplimenta kriterju ta’ rotazzjoni biex tiżgura li l-membri kollha eliġibbli tan-network tan-negozjanti primarji jiġu mistiedna regolarment biex jirrispondu għal talbiet għal proposti.

4.   Il-proposti riċevuti mill-membri eliġibbli msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu evalwati abbażi ta’ sett addizzjonali ta’ kriterji kwalitattivi u kwantitattivi oġġettivi u fid-dawl tal-istabbiliment ta’ sindakat, li l-kompożizzjoni tiegħu tkun l-aħjar kombinazzjoni possibbli ta’ maniġers għall-prestazzjoni ottima ta’ tranżazzjoni partikolari.

5.   Il-kriterji għat-trażmissjoni tat-talbiet għal proposti u għall-evalwazzjoni tal-proposti riċevuti għandhom jiġu kkomunikati lis-sottogrupp ta’ membri tan-network tan-negozjanti primarji flimkien mat-talba għal proposti.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lin-negozjanti primarji biex jesprimu l-interess tagħhom f’mandat bħala maniġers ewlenin konġunti għal tranżazzjoni sindakata, flimkien ma’ maniġer ewlieni konġunt jew maniġers, abbażi taċ-ċirkostanzi tas-suq u bil-ħsieb li tiġi żgurata l-prestazzjoni ottimali ta’ tranżazzjoni partikolari. Il-Kummissjoni tista’ tistieden jew lin-negozjanti primarji kollha eliġibbli skont l-Artikolu 8 jew sottogrupp tagħhom abbażi ta’ ordni alfabetika u mekkaniżmu ta’ rotazzjoni. Tali stedina għandha titqies għal mill-inqas tranżazzjoni waħda ta’ sindakazzjoni fil-perjodu kopert minn pjan ta’ finanzjament stabbilit f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2022/2544.

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħti lin-negozjanti primarji kollha, li aċċettaw l-istedina msemmija fil-paragrafu 6, il-mandat għall-maniġers koprinċipali.

KAPITOLU 4

APPLIKAZZJONI GĦAS-SĦUBIJA U L-ISTABBILIMENT TAL-LISTA TAL-MEMBRI TAN-NETWORK TAN-NEGOZJANTI PRIMARJI U L-MONITORAĠĠ

Artikolu 14

Applikazzjoni għas-sħubija u l-lista ta’ negozjanti primarji

1.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment interessati għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni applikazzjoni għas-sħubija fin-netwerk tan-negozjanti primarji billi jimlew u jissottomettu l-formola tal-applikazzjoni u l-lista ta’ kontroll annessa fir-rigward tal-kriterji ta’ ammissjoni disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għall-ammissjoni għan-network tan-negozjanti primarji għandhom jinkludu prova ta’ konformità mal-Artikoli 4 u 5. L-evidenza u d-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu mehmuża huma ddettaljati fil-formola tal-applikazzjoni u l-annessi tagħha.

3.   Fil-każ ta’ formola ta’ applikazzjoni mhux kompluta, informazzjoni mhux kompluta jew data insuffiċjenti, l-applikant jista’ jintalab mill-Kummissjoni biex jippreżenta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. In-nuqqas li tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa bi skadenza speċifika għandu jirriżulta fir-rifjut tal-formola ta’ applikazzjoni.

4.   L-għoti ta’ informazzjoni jew dokumenti foloz, qarrieqa jew mhux korretti matul il-proċess tal-applikazzjoni għandu jirriżulta f’nuqqas ta’ ammissjoni fin-network tan-negozjanti primarji jew, skont il-każ, jista’ jwassal għal esklużjoni min-network tan-negozjanti primarji f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   Fil-formola tal-applikazzjoni kull negozjant primarju għandu jiddikjara l-aċċettazzjoni tiegħu tal-GTC, u b’hekk jirrikonoxxi n-natura vinkolanti tal-GTC u jimpenja ruħu li jirrispettahom.

6.   Il-formola ta’ applikazzjoni u t-TKĠ għandhom jiġu ffirmati u t-TKĠ għandhom jiġu inizjalati wkoll fuq kull paġna minn rappreżentant awtorizzat kif xieraq tan-negozjant primarju li, abbażi ta’ liġijiet applikabbli tal-ġuriżdizzjoni rilevanti u d-dokumenti korporattivi rilevanti, għandu s-setgħa li jinvolvi b’mod validu lil dan in-negozjant primarju għall-iskop tal-prestazzjoni tal-obbligi u l-attivitajiet skont it-TKĠ. Għal dan l-għan, meta tiġi ppreżentata l-formola ta’ applikazzjoni għandu jiġi pprovdut estratt tar-reġistru tal-kumpanija rilevanti.

7.   Kwalunkwe komunikazzjoni, avviż jew informazzjoni relatata ma’ din id-Deċiżjoni u mal-KĠT għandha tintbagħat fl-indirizz għall-avviż elett min-negozjanti primarji fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom u għandha tiġi indirizzata lill-persuna li tkun innominata bħala “koordinatur” fil-formola tal-applikazzjoni.

Artikolu 15

Ammissjoni fin-network tan-negozjanti primarji

1.   Id-deċiżjoni dwar jekk applikant jiġix inkluż fil-lista tan-network tan-negozjanti primarji għandha tiġi adottata sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni rilevanti. Jekk applikant jintalab jippreżenta informazzjoni addizzjonali f’konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 14, il-limitu ta’ żmien għal deċiżjoni marbuta ma’ dak l-applikant għandu jiġi sospiż sad-data tal-preżentazzjoni ta’ dik l-informazzjoni addizzjonali. Jekk l-applikant jinforma lill-Kummissjoni li jqis li l-applikazzjoni hija kompluta, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata fi żmien xahrejn (2). Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-applikant.

2.   Id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ammissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet tal-motivazzjoni tagħha.

3.   Il-lista aġġornata tal-membri tan-network tan-negozjanti primarji għandha tiġi ppubblikata darba fis-sena f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Fid-dawl tat-twettiq tar-rieżami annwali, in-negozjanti primarji għandhom jiġu mistiedna jirrappreżentaw u jiddikjaraw lill-Kummissjoni li għadhom jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà għas-sħubija stipulata fl-Artikolu 4.

Artikolu 16

Monitoraġġ

Il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki, jew tista’ taħtar parti terza biex twettaqhom, biex tikkontrolla l-konformità tal-membri tan-network tan-negozjanti primarji ma’ din id-Deċiżjoni. Il-membri tan-network tan-negozjanti primarji għandhom jikkooperaw u jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dawn il-verifiki, speċjalment billi jipprovdu l-informazzjoni u d-data meħtieġa kif ukoll l-aċċess għalihom.

Kull membru tan-network tan-negozjanti primarji għandu:

(a)

jipprovdu lill-Kummissjoni bil-limitu tar-riskju stabbilit għall-attività ta’ negozjar tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom f’konformità mal-GTC;

(b)

jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tnaqqis fil-grad mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni fl-Unjoni rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

(c)

jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sussegwenti mal-kriterju ta’ eliġibbiltà stipulat fl-Artikolu 4.

Meta jaċċetta t-TKĠ, in-negozjanti primarju jagħti l-kunsens tiegħu għal awditi u verifiki possibbli marbuta mad-data trażmessa lill-Kummissjoni fil-qafas tal-obbligi ta’ rapportar tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-data li għandha tintuża biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tagħha fis-suq sekondarju.

Artikolu 17

Sospensjoni u esklużjoni min-network tan-negozjanti primarji

1.   Is-sħubija tan-negozjant primarju fin-network tan-negozjanti primarji tista’ tiġi sospiża f’dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

il-bidu ta’ proċedimenti kontra negozjant primarju kif imsemmi fil-punt (e) (iii) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5;

(b)

il-bidu ta’ proċedura, li tista’ tirriżulta fil-waqfien tas-sħubija fin-netwerk jew fil-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 4, punt (c);

(c)

ikun hemm bażi għall-esklużjoni tan-negozjant primarju skont l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

In-negozjant primarju għandu jiġi mistieden permezz ta’ avviż ta’ qabel is-sospensjoni biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn tlett (3) ijiem mill-wasla tal-avviż, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati, inkluż b’mod partikolari dawk relatati mar-riskju reputazzjonali. Id-deċiżjoni ta’ sospensjoni għandha ssir effettiva fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara d-data tan-notifika lin-negozjant primarju mhux konformi. In-negozjanti primarji sospiżi ma għandhomx jirċievu mandati ta’ tmexxija jew ta’ tmexxija konġunta għall-perjodu tas-sospensjoni tagħhom.

Is-sospensjoni tista’ titneħħa b’talba mingħand in-negozjant primarju sospiż. In-negozjant primarju għandu jippreżenta raġunijiet biżżejjed li, kif applikabbli, il-proċedimenti msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għadhomx pendenti u ma rriżultawx f’sanzjoni ta’ natura liema tkun kontra n-negozjant sospiż, jew il-proċedura msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ma għadhiex pendenti u ma rriżultax fil-waqfien tas-sħubija fin-network jew il-mekkaniżmu msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 4. L-evidenza ppreżentata għandha tiġi vvalutata u għandha tittieħed deċiżjoni fi żmien 15 jum tax-xogħol minn meta tasal it-talba, sakemm tkun ingħatat biżżejjed evidenza.

2.   In-negozjant primarju għandu jiġi eskluż min-network tan-negozjanti primarji f’dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

in-negozjant primarju ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

(b)

l-esklużjoni tan-negozjant primarju skont l-Artikoli minn 135 sa 142 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

(c)

nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti taħt il-punti (a) u (c) tal-Artikolu 5.

3.   Il-proċedura li jmiss għandha tapplika għall-esklużjoni min-network tan-negozjanti primarji f’każijiet stipulati skont il-paragrafu 2:

(a)

in-negozjant primarju għandu jiġi mistieden, b’avviż ta’ qabel l-esklużjoni, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn sebat (7) ijiem minn meta jirċievi l-avviż;

(b)

id-deċiżjoni ta’ esklużjoni għandha tiġi nnotifikata lin-negozjant primarju. Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni għandha ssir effettiva fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara d-data tan-notifika tagħha lin-negozjant primarju eskluż.

4.   In-negozjant primarju jista’ jiġi eskluż min-network tan-negozjanti primarji fil-każ ta’:

(a)

nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti skont il-punti (b), (d) (e) u (f) tal-Artikolu 5;

(b)

impenn ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), kif deċiż f’deċiżjoni finali adottata mill-awtorità kompetenti rilevanti;

(c)

deċiżjoni finali mill-awtorità kompetenti meħuda bħala riżultat ta’ kwalunkwe proċediment imsemmi fil-punt (e) (v) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 jew relatata mal-liġijiet u r-regolamenti dwar l-AML u s-CTF.

5.   Il-proċedura li jmiss għandha tapplika f’każijiet stipulati fil-paragrafu 4:

(a)

In-negozjant primarju kkonċernat għandu jirċievi avviż li jispeċifika r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità, talba biex jissottometti osservazzjonijiet u miżuri korrettivi li jkun beħsiebu jieħu biex jirrestawra u/jew jiżgura l-konformità mal-kriterji u/jew l-obbligi rilevanti u jistabbilixxi limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet ta’ mhux inqas minn 7 jum minn meta n-negozjant primarju jirċievi l-avviż;

(b)

Filwaqt li jitqiesu l-osservazzjoni sottomessa u l-miżuri korrettivi kkomunikati, jekk ikun hemm, tista’ tittieħed id-deċiżjoni li n-negozjant primarju mhux konformi jiġi eskluż min-netwerk tan-negozjanti primarji;

(c)

Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-esklużjoni;

(d)

Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni għandha ssir effettiva fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara d-data tan-notifika tagħha lin-negozjant primarju eskluż.

6.   Is-sospensjoni tas-sħubija skont il-paragrafu 1, l-esklużjoni minn sħubija skont il-paragrafi 2 sa 5 u r-riżenja minn sħubija fin-netwerk tan-negozjanti primarji skont l-Artikolu 7, il-punt (e) ma għandu jkollhom l-ebda effett fuq id-drittijiet u l-obbligi tan-negozjant primarju inkwistjoni fir-rigward ta’ kuntratti konklużi qabel id-data effettiva tal-esklużjoni, is-sospensjoni jew ir-riżenja rispettivament.

7.   Is-sospensjoni ma għandhiex tinvolvi s-sospensjoni tal-obbligi skont l-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (f) u skont l-Artikolu 16.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 18

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 hija b’dan imħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 19

L-Artikolu 8(a) u (b) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625 għandu jkompli japplika għal tranżazzjonijiet sindakati li jibdew qabel l-1 ta’ Novembru 2023.

L-Artikoli 8, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b), l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (c) u l-Artikolu 11 għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet sindakati li jibdew mill-1 ta’ Novembru 2023;

L-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt (b) u l-Artikolu 13(6) u (7) għandhom japplikaw għal tranżazzjonijiet sindakati li jibdew mill-1 ta’ Lulju 2024.

Artikolu 20

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2021/625 tal-14 ta’ April 2021 dwar l-istabbiliment tan-network tan-negozjanti primarji u d-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta għat-tranżazzjonijiet sindakati għall-finijiet tal-attivitajiet ta’ teħid ta’ self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija (ĠU L 131, 16.4.2021, p. 170).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ġenerali ta’ teħid b’self (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(5)  Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2544 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tat-teħid b’self u tal-ġestjoni tad-dejn tal-UE skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 109).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/857 tas-27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-kriterji ta’ eliġibbiltà għas-sħubija fin-netwerk tan-negozjanti primarji tal-Unjoni (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 103).

(9)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulat) Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(10)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338)

(11)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1)

(12)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta’ trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta’ investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta’ emissjonijiet u d-derivattivi(ĠU L 87, 31.3.2017, p. 229)

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1)


ANNESS I

1.   L-issodisfar tal-obbligu li tinxtara medja ponderata minima ta’ 0,05 % tal-volumi rkantati mill-Unjoni u/jew mill-Euratom fuq bażi ta’ kull sitt xhur

(a)

L-irkantijiet għandhom isiru permezz ta’ sistema ta’ rkant operata minn fornitur tal-irkant magħżul mill-Kummissjoni (“fornitur tal-irkantijiet”).

(b)

Il-parteċipazzjoni fl-irkantijiet u x-xiri ta’ titoli ta’ dejn irkantati għandhom ssir skont ir-regoli tal-irkant organizzati mill-fornitur tal-irkant u approvati mill-Kummissjoni. In-negozjanti primarji għandhom jissottoskrivu r-regoli tal-irkant u jikkonformaw magħhom.

(c)

Jenħtieġ li n-negozjanti primarji kollha jifhmu li huma jaġixxu u jipparteċipaw fl-irkantijiet fuq riskji proprji u li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma għandha tkun responsabbli mid-deċiżjonijiet ta’ kwalunkwe parteċipant fl-irkantijiet u partikolarment għal kwalunkwe telf li jsir, kemm dirett kif ukoll indirett, li jirriżulta fir-rigward ta’ kwalunkwe tranżazzjoni li ssir mill-parteċipanti.

(d)

In-negozjanti primarji għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li huma jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-irkant, b’mod partikolari jikkonkludu l-kuntratti mal-fornitur tal-irkant, jiffinalizzaw kwalunkwe pass u formalità meħtieġa biex jipparteċipaw fl-irkantijiet, u li jdaħħlu fis-seħħ l-infrastruttura teknika biex jipparteċipaw.

(e)

Il-Kummissjoni ma għandha ġġarrab l-ebda kost jew responsabbiltà fil-konfront tan-negozjant primarju b’rabta mal-kuntratti bejn il-fornitur tal-irkant u n-negozjant primarju jew fir-rigward tal-infrastruttura teknika għall-irkant.

(f)

In-negozjanti primarji ma jkollhomx għalfejn jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 5(a) f’każijiet ta’ force majeure, li b’mod partikolari ma għandhomx jinkludu każijiet ta’ ħsara jew kwistjonijiet tekniċi relatati mal-infrastruttura.

(g)

Il-kalkoli tal-volumi li jinxtraw min-negozjanti primarji fuq il-perjodu ta’ 6 xhur rilevanti għandhom jiġu ponderati skont it-tabella li ġejja:

Maturità residwa

< 3,5  m

3,5  m-1 Y

1 Y-4 Y

4 Y-8 Y

8 Y-12 Y

12 Y-17 Y

17 Y-23 Y

> 23 Y

Coeff.

0,5

1

2,5

5,5

10

15

20

25

(h)

Dan il-kalkolu għandu jiġi applikat għal perjodi ta’ 6 xhur, minn April sa Settembru u minn Ottubru sa Marzu. Fl-2023, għandu japplika l-perjodu li ġej: minn Jannar sa Ġunju u minn Lulju sa Marzu tal-perjodu ta’ wara. L-Artikolu 5(a) ta’ din id-Deċiżjoni ma għandux japplika temporanjament għan-negozjanti primarji li jkunu ġew ammessi fin-network tan-negozjanti primarji wara l-bidu tal-perjodu ta’ 6 xhur definit fil-punt (h). Għandu jibda japplika fl-aħħar tal-perjodu suċċessiv ta’ 6-il xahar wara d-data li fiha n-negozjant primarju rispettiv jiġi ammess fin-network tan-negozjanti primarji.

2.   Obbligi ta’ rappurtar

(a)

Meta jintalbu jagħmlu dan, in-negozjanti primarji għandhom jagħtu informazzjoni dwar il-limitu tar-riskju stabbilit minn dan in-negozjant primarju għall-fini tal-ġestjoni tal-pożizzjoni tiegħu stess, għall-attività kummerċjali tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom kif ukoll b’rabta ma’ sa fejn jintuża l-limitu tar-riskju. L-informazzjoni li tiġi ppreżentata għandha tiġi speċifikata fit-talba.

(b)

In-negozjanti primarji għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni minnufih fil-każ li jkunu soġġetti għal titjib jew tnaqqis fil-klassifikazzjoni minn waħda mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni esterni rikonoxxuti mill-ESMA skont l-Artikolu 18 (3) tar-Regolament (KE)Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(c)

In-negozjanti primarji għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni minnufih jekk ma jikkonformawx mal-kriterju ta’ eliġibbiltà stipulat fl-Artikolu 4.

(d)

In-negozjanti primarji għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kull tibdil fid-dettalji ta’ kuntatt permezz tal-formola tal-applikazzjoni billi jużaw il-mudell mehmuż mal-formola tal-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn mid-data minn meta t-tibdil jidħol fis-seħħ.

(e)

Meta jintalbu jagħmlu dan, in-negozjanti primarji għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-attivitajiet tan-negozjant primarju, partikolarment dwar l-attivitajiet fis-suq primarju u sekondarju relatati mat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Tabella ta’ korrelazzjoni

Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/625 tal-14 ta’ April 2021

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 16

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

L-Artikoli 18 u 19

Artikolu 17

Artikolu 20


Rettifika

4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/61


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 186 tal-25 ta' Lulju 2023 )

Fil-paġna 11, Anness I, taħt l-intestatura “Siti web b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni”,

minflok:

“IĊ-ĊEKJA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA”,

aqra:

“IĊ-ĊEKJA

https://fau.gov.cz/en/international-sanctions

ID-DANIMARKA”.