ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 143I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 66
2 ta' Ġunju 2023


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement

4

 

*

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika — Istanbul, 11.V.2011

7

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

2.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 143/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1075

tal-1 ta’ Ġunju 2023

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) hija l-ewwel strument internazzjonali bl-għan li telimina l-vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-bniet ta’ taħt it-18-il sena, bħala kawża bażi ta’ inugwaljanza persistenti bejn l-irġiel u n-nisa, billi twaqqaf qafas komprensiv ta’ miżuri legali u politiċi għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u għall-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi ta’ din il-vjolenza. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014. Skont l-Artikolu 75 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tista’ ssir Parti għall-Konvenzjoni.

(2)

F’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865 (2) u (UE) 2017/866 (3), il- Konvenzjoni ġiet iffirmata fit-13 ta’ Ġunju 2017 f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-materji koperti mill-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard.

(3)

Il-Konvenzjoni toħloq qafas legali komprensiv u pluridimensjonali għall-protezzjoni tan-nisa minn kull forma ta’ vjolenza. Hija għandha l-għan li tipprevjeni, ittella’ għall-prosekuzzjoni u telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika. Hija tkopri firxa wiesgħa ta’ miżuri, mill-ġbir tad-data u s-sensibilizzazzjoni għal miżuri legali dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ forom differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa. Hija tinkludi miżuri għall-protezzjoni ta’ vittmi u l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ, u tindirizza d-dimensjoni tal-vjolenza minħabba l-ġeneru f’materji ta’ ażil u migrazzjoni. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta’ monitoraġġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet.

(4)

Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni ser tikkontribwixxi għat-twettiq tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, li hu objettiv u valur ċentrali tal-Unjoni li għandu jitwettaq fl-attivitajiet kollha tagħha f’konformità mal-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-vjolenza kontra n-nisa mhijiex biss reat kriminali iżda hija wkoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma estrema ta’ diskriminazzjoni, bl-għeruq f’inugwaljanzi bejn il-ġeneri u li tikkontribwixxi biex jibqgħu jseħħu u jissaħħu. Billi tikkommetti ruħha għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tikkonferma l-impenn tagħha għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fit-territorju tagħha u globalment, u ssaħħaħ il-qafas legali sostanzjali eżistenti u l-azzjoni politika attwali tagħha fil-qasam tal-liġi proċedurali kriminali, li hu ta’ rilevanza partikolari għan-nisa u l-bniet.

(5)

Il-Konvenzjoni tkopri materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u materji oħra li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi mal-Konvenzjoni biss fir-rigward tal-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jiġifieri sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni ma taffettwax regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni, dwar materji li jaqgħu fil-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

(7)

Fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Unjoni ser tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, filwaqt li l-Istati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni ser ikunu l-uniċi responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza nazzjonali tagħhom.

(8)

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva li taċċetta l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess. Jenħtieġ li l-Unjoni, sa meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għall-Unjoni, tiżgura li tikkonforma mal-Konvenzjoni, inkluż fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni biss sa fejn dawn huma applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni. Hija ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil jew in-non-refoulement, li huma indirizzati minn Deċiżjoni tal-Kunsill separata li għandha tiġi adottata b’mod parallel ma’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-Kunsill, l-Istati Membri li huma parti għall-Konvenzjoni, u l-Kummissjoni fasslu Kodiċi ta’ Kondotta li jistabbilixxi l-arranġamenti interni rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni (“Kodiċi ta’ Kondotta”). Dawn l-arranġamenti jkopru, fost l-oħrajn, ir-rwol tal-Kummissjoni bħala entità ta’ koordinazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għal materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’materji relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom; il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, inkluż ir-rappurtar lill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO); il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’laqgħat mal-entitajiet maħluqa mill-Konvenzjoni, b’mod partikolari l-Kumitat tal-Partijiet imsemmi fl-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni; l-istabbiliment ta’ pożizzjonijiet tal-Unjoni, dawk komuni jew koordinati għal tali laqgħat; u l-kooperazzjoni mill-qrib f’dawn il-laqgħat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ komunikazzjoni u votazzjoni. Il-Kodiċi ta’ Kondotta huwa għalhekk maħsub bħala għodda interna prattika biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jiksbu rappreżentanza esterna koerenti, komprensiva u unifikata fir-rigward tal-Konvenzjoni.

(11)

Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni (4) sa fejn tapplika għall-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha.

2.   L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni, dwar materji li jaqgħu fil-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuni jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, l-istrument approvazzjoni previst fl-Artikolu 75(2) u (4) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala l-entità ta’ koordinazzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni u tissodisfa l-obbligi ta’ rappurtar skont il-Kapitolu IX għal materji tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’materji relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

A. CARLSON


(1)  Approvazzjoni tal-10 ta’ Mejju 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13).

(4)  Ara l-paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


2.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 143/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1076

tal-1 ta’ Ġunju 2023

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(2), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 78(2), flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni") hija l-ewwel strument internazzjonali bl-għan li telimina l-vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-bniet ta' taħt it-18-il sena, bħala kawża bażi ta' inugwaljanza persistenti bejn l-irġiel u n-nisa, billi twaqqaf qafas komprensiv ta' miżuri legali u politiċi għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u għall-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi ta' din il-vjolenza. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2014. Skont l-Artikolu 75 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tista' ssir Parti għall-Konvenzjoni.

(2)

F'konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865 (2) u (UE) 2017/866 (3), il-Konvenzjoni ġiet iffirmata fit-13 ta’ Ġunju 2017 f'isem l-Unjoni fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u fir-rigward tal-ażil u n-non-refoulement, soġġett għall-konklużjoni tagħha f'data aktar tard.

(3)

Il-Konvenzjoni toħloq qafas legali komprensiv u pluridimensjonali għall-protezzjoni tan-nisa minn kull forma ta' vjolenza. Hija għandha l-għan li tipprevjeni, ittella' għall-prosekuzzjoni u telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika. Hija tkopri firxa wiesgħa ta' miżuri, mill-ġbir tad-data u s-sensibilizzazzjoni għal miżuri legali dwar il-kriminalizzazzjoni ta' forom differenti ta' vjolenza kontra n-nisa. Hija tinkludi miżuri għall-protezzjoni ta' vittmi u l-forniment ta' servizzi ta' appoġġ, u tindirizza d-dimensjoni tal-vjolenza minħabba l-ġeneru f'materji ta' ażil u migrazzjoni. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta' monitoraġġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet.

(4)

Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni f'isem l-Unjoni ser tikkontribwixxi għat-twettiq tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, li hu objettiv u valur ċentrali tal-Unjoni li għandu jitwettaq fl-attivitajiet kollha tagħha f'konformità mal-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-vjolenza kontra n-nisa mhijiex biss reat kriminali iżda hija wkoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma estrema ta' diskriminazzjoni, bl-għeruq f'inugwaljanzi bejn il-ġeneri u li tikkontribwixxi biex jibqgħu jseħħu u jissaħħu. Billi tikkommetti ruħha għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tikkonferma l-impenn tagħha għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fit-territorju tagħha u globalment, u ssaħħaħ il-qafas legali sostanzjali eżistenti u l-azzjoni politika attwali tagħha fil-qasam tal-liġi proċedurali kriminali, li hu ta' rilevanza partikolari għan-nisa u l-bniet.

(5)

Il-Konvenzjoni tkopri materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u materji oħra li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi mal-Konvenzjoni biss fir-rigward tal-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jiġifieri sa fejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, dan japplika, b'mod partikolari, għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-ażil u n-non-refoulement. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni ma taffettwax regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni, dwar materji li jaqgħu fil-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

(7)

Fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Unjoni ser tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, filwaqt li l-Istati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni ser ikunu l-uniċi responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza nazzjonali tagħhom.

(8)

Il-bażijiet legali msemmija f'din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu indikazzjoni rilevanti, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, tal-firxa tal-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tal-Konvenzjoni, u tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

(9)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u dwar l-ażil u n-non-refoulement sal-punt li dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Hija ma tikkonċernax l-istituzzjonijiet jew l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, li huma indirizzati permezz ta' deċiżjoni separata tal-Kunsill li għandha tiġi adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

(10)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

Il-Kunsill, l-Istati Membri li huma parti għall-Konvenzjoni, u l-Kummissjoni fasslu Kodiċi ta' Kondotta li jistabbilixxi l-arranġamenti interni rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ("Kodiċi ta' Kondotta"). Dawn l-arranġamenti jkopru, fost l-oħrajn, ir-rwol tal-Kummissjoni bħala entità ta' koordinazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għal materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'materji relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom; il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ, inkluż ir-rappurtar lill-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO); il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f'laqgħat mal-entitajiet maħluqa mill-Konvenzjoni, b'mod partikolari l-Kumitat tal-Partijiet imsemmi fl-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni; l-istabbiliment ta' pożizzjonijiet tal-Unjoni, dawk komuni jew koordinati għal tali laqgħat; u l-kooperazzjoni mill-qrib f'dawn il-laqgħat, b'mod partikolari fir-rigward tal-arranġamenti ta' komunikazzjoni u votazzjoni. Il-Kodiċi ta' Kondotta huwa għalhekk maħsub bħala għodda prattika u interna biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jiksbu rappreżentanza esterna koerenti, komprensiva u unifikata fir-rigward tal-Konvenzjoni.

(13)

Jenħtieġ li ll-Konvenzjoni tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni") hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni (4) fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-ażil u n-non-refoulement, sa fejn dawn jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

2.   L-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni, dwar materji li jaqgħu fil-kompetenzi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 75(2) u (4) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala l-entità ta' koordinazzjoni tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni u tissodisfa l-obbligi ta' rappurtar skont il-Kapitolu IX għal materji tal-Konvenzjoni li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'materji relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

A. CARLSON


(1)  Approvazzjoni tal-10 ta’ Mejju 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13).

(4)  Ara l-paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


2.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 143/7


Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika

Istanbul, 11.V.2011

Preambolu

L-Istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa u l-firmatarji l-oħra ta' dan,

Filwaqt li jfakkru l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ETS Nru 5, 1950) u l-Protokolli tagħha, il-Karta Soċjali Ewropea (ETS Nru. 35, 1961, riveduta fl-1996, ETS Nru 163), il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS Nru. 197, 2005) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali (CETS Nru 201, 2007);

Waqt li jfakkru r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa: Ir-Rakkomandazzjoni Rec(2002)5 dwar il-protezzjoni tan-nisa kontra l-vjolenza, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)17 dwar l-istandards u l-mekkaniżmi ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)10 dwar ir-rwol tan-nisa u l-irġiel fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt u fil-bini tal-paċi, u rakkomandazzjonijiet rilevanti oħra;

Meta jitqies il-fatt li qiegħed jikber il-korp tal-ġuriprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tistabbilixxi standards importanti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa;

Wara li kkunsidraw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW, 1979) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha (1999) kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 tal-Kumitat tas-CEDAW dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989) u l-Protokolli Fakultattivi tagħha (2000) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltajiet (2006);

Wara li kkunsidraw l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (2002);

Filwaqt li jfakkru l-prinċipji bażiċi tal-liġi umanitarja internazzjonali, u b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (IV) dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Ċivili fi Żmien ta’ Gwerra (1949) u l-Protokolli Addizzjonali I u II (1977) ta’ magħha;

Waqt li jikkundannaw il-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

Jirrikonoxxu illi t-twettiq de jure u de facto tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija element ewlieni fil-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa;

Filwaqt li jagħrfu li l-vjolenza kontra n-nisa hija manifestazzjoni tar-relazzjonijiet storiċi tal-poter mhux ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, li wasslu għal dominazzjoni fuq u diskriminazzjoni kontra n-nisa mill-irġiel u għall-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa;

Waqt li jirrikonoxxu n-natura strutturali tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u li l-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-mekkaniżmi soċjali kruċjali li bihom in-nisa huma sfurzati f’pożizzjoni sekondarja meta mqabbla mal-irġiel;

Filwaqt li jirrikonoxxu, bi tħassib serju, li n-nisa u l-bniet huma ta’ spiss esposti għal forom serji ta’ vjolenza bħal vjolenza domestika, fastidju sesswali, stupru, żwieġ sfurzat, reati mwettqa f’isem l-hekk imsejjaħ “unur” u l-mutilazzjoni ġenitali, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet u ta’ ostaklu kbir fil-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

Filwaqt li jirrikonoxxu l-vjolazzjonijiet attwali tad-drittijiet tal-bniedem matul konflitti armati li jaffettwaw il-popolazzjoni ċivili, speċjalment in-nisa fil-forma ta’ stupru mifrux jew sistematiku u l-vjolenza sesswali u l-potenzjal għal aktar vjolenza bbażata fuq is-sess kemm matul kif ukoll wara l-kunflitti;

Filwaqt li jagħrfu li n-nisa u l-bniet huma esposti għal riskju akbar ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess mill-irġiel;

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-vjolenza domestika taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat, u li l-irġiel jistgħu jkunu wkoll vittmi ta’ vjolenza domestika;

Filwaqt li jagħrfu li tfal li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, inkluż bħala xhieda ta’ vjolenza fil-familja;

Ħerqana li joħolqu Ewropa ħielsa mill-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika,

Ftiehmu kif ġej:

Kapitolu I

Għanijiet, definizzjonijiet, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, obbligi ġenerali

Artikolu 1

L-Għanijiet tal-Konvenzjoni

1   L-għanijiet ta' dan il-Ftehim huma:

a

il-protezzjoni tan-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza, u l-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

b

kontribuzzjoni għall-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza sostantiva bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż permezz tal-għoti tas-setgħa lin-nisa;

c

it-tfassil ta' qafas komprensiv, politiki u miżuri għall-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi kollha tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

d

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali bil-għan li tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

e

tingħata appoġġ u assistenza lil organizzazzjonijiet u aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jikkooperaw sabiex jadottaw approċċ integrat biex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.

2   Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet, din il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu speċifiku ta’ monitoraġġ.

Artikolu 2

Il-Kamp ta' Applikazzjoni tal-Konvenzjoni

1   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, li taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat.

2   Il-Partijiet huma mħeġġa japplikaw din il-Konvenzjoni għall-vittmi kollha tal-vjolenza domestika. Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lin-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

3   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika fi żminijiet ta’ paċi u f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat.

Artikolu 3

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni:

a

“vjolenza kontra n-nisa” għandu jiftiehem bħala vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, u tfisser l-atti kollha ta’ vjolenza sessista li jirriżultaw fi, jew li x’aktarx jirriżultaw fi, ħsara fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika ta’ ħsara jew tbatija għan-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, ġegħil jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata;

b

“vjolenza domestika” għandha tfisser l-atti kollha ta’ vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li jseħħu fi ħdan il-familja jew unità domestika jew bejn konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali, kemm jekk l-awtur tar-reat jaqsam jew kien jaqsam l-istess residenza mal-vittma;

c

“ġeneru” għandha tfisser l-irwoli li huma mibnija soċjalment, l-imġiba, attivitajiet u l-attributi li soċjetà tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel;

d

“vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa” għandha tfisser vjolenza li hija diretta kontra mara għall-fatt li hi mara jew li taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat;

e

“vittma” għandha tfisser kull persuna fiżika li hija soġġetta għall-imġiba speċifikata fil-punti a u b;

f

“nisa” jinkludi l-bniet taħt l-età ta’ 18.

Artikolu 4

Id-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u non-diskriminazzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri leġislattivi u oħrajn neċessarji sabiex jippromwovu u jipproteġu d-dritt għal kulħadd, b’mod partikolari n-nisa, li jgħixu ħielsa mill-vjolenza kemm fl-isfera pubblika kif ukoll fl-isfera privata.

2   Il-Partijiet jikkundannaw il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u, mingħajr dewmien, jieħdu miżuri leġislattivi u oħrajn neċessarji sabiex jiġi evitat dan, b’mod partikolari billi:

jinkorporaw fil-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom jew leġislazzjoni xierqa oħra l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jiżguraw it-twettiq fil-prattika ta’ dan il-prinċipju;

jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, inkluż permezz tal-użu ta’ sanzjonijiet, fejn xieraq;

jabolixxu liġijiet u prattiki li jiddiskriminaw kontra n-nisa.

3   L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni mill-Partijiet, b’mod partikolari miżuri biex jiġu protetti d-drittijiet tal-vittmi, għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità sesswali, l-età, l-istat tas-saħħa, id-diżabilità, l-istatus maritali, l-istatus ta’ migrant jew rifuġjat jew status ieħor.

4   Miżuri speċjali li huma meħtieġa għall-prevenzjoni u l-protezzjoni tan-nisa minn vjolenza bbażata fuq is-sess m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 5

Obbligi tal-Istat u d-diliġenza dovuta

1   Il-Partijiet għandhom joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att ta’ vjolenza kontra n-nisa u jiżguraw li l-awtoritajiet Statali, l-uffiċjali, aġenti, istituzzjonijiet u atturi oħra li jaġixxu f’isem l-Istat jaġixxi f’konformità ma’ dan l-obbligu.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri leġislattivi u oħrajn neċessarji sabiex jeżerċitaw id-diliġenza dovuta biex jipprevjenu, jinvestigaw, jikkastigaw u jipprovdu kumpens għal atti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li huma mwettqa minn atturi mhux statali.

Artikolu 6

Politiki sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi

Il-Partijiet jieħdu l-impenn li jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u biex jippromwovu u jimplimentaw b’mod effettiv il-politika tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni tan-nisa.

Kapitolu II

Politiki integrati u ġbir ta’ dejta

Artikolu 7

Politiki komprensivi u koordinati

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi u oħrajn neċessarji sabiex jadottaw u jimplimentaw fl-Istat kollu politiki effettivi, komprensivi u kkoordinati li jinkludu l-miżuri relevanti kollha biex jevitaw u jiġġieldu kontra kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u joffri rispon olistiku għall-vjolenza kontra n-nisa.

2   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-politiki msemmija fil-paragrafu 1 jpoġġu d-drittijiet tal-vittmi fiċ-ċentru tal-miżuri kollha u jiġu implimentati permezz ta’ kooperazzjoni effettiva fost l-aġenziji rilevanti kollha, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet.

3   Miżuri meħuda skont dan l-Artikolu għandhom jinvolvu, fejn xieraq, l-atturi rilevanti kollha, bħalma huma l-aġenziji governattivi, il-parlamenti u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Artikolu 8

Riżorsi finanzjarji

Il-Partijiet għandhom jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-implimentazzjoni adegwata ta’ politiki integrati, miżuri u programmi biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, inklużi dawk li jsiru minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-soċjetà ċivili.

Artikolu 9

L-organizzazzjonijiet mhux governattivi u s-soċjetà ċivili

Il-Partijiet għandhom jirrikonoxxu, jinkoraġġixxu u jappoġġaw, fil-livelli kollha, ix-xogħol ta’ organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili attivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u jistabbilixxu kooperazzjoni effettiva ma’ dawn l-organizzazzjonijiet.

Artikolu 10

L-entità ta' koordinazzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jinnominaw jew iwaqqfu waħda jew aktar entitajiet uffiċjali responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki u miżuri biex jevitaw u jiġġieldu kontra kull forma ta’ vjolenza koperta minn din il-Konvenzjoni. Dawn l-entitajiet għandhom jikkoordinaw il-ġbir tad-dejta kif imsemmi fl-Artikolu 11, janalizzawh u jippubblikaw ir-riżultati tiegħu.

2   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-entitajiet nominati jew imwaqqfa skont dan l-Artikolu jirċievu informazzjoni ta’ natura ġenerali dwar il-miżuri meħuda skont il-Kapitolu VIII.

3   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-entitajiet nominati jew imwaqqfa skont dan l-Artikolu għandhom ikollhom il-kapaċità li jikkomunikaw direttament u jrawwmu r-relazzjonijiet mal-kontropartijiet tagħhom f’Partijiet oħra.

Artikolu 11

Ġbir tad-dejta u riċerka

1   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li:

a

jiġbru data statistika diżaggregata rilevanti f’intervalli regolari dwar każijiet ta’ kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni;

b

jappoġġjaw ir-riċerka fil-qasam tal-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni sabiex jistudjaw l-għeruq tal-kawżi u l-effetti, in-numru ta' drabi li jseħħu u r-rati ta’ kundanna, kif ukoll l-effikaċja tal-miżuri meħuda biex tiġi implimentata din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu stħarriġ imsejjes fuq il-popolazzjoni f’intervalli regolari biex jevalwaw il-prevalenza u x-xejriet f’kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

3   Il-Partijiet għandhom jipprovdu, lill-grupp ta’ esperti, kif imsemmi fl-Artikolu 66 ta’ din il-Konvenzjoni, l-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu sabiex jixprunaw il-kooperazzjoni internazzjonali u jippermettu l-benchmarking internazzjonali.

4   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu tkun disponibbli għall-pubbliku.

Kapitolu III

Prevenzjoni

Artikolu 12

Obbligi ġenerali

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu bidliet fil-mudelli soċjali u kulturali ta’ mġiba tal-irġiel u tan-nisa, bil-għan li jeliminaw preġudizzji, kostumi, tradizzjonijiet u kull prattika oħra li huma bbażati fuq l-idea ta’ inferjorità tan-nisa jew fuq ir-rwoli sterjotipati tan-nisa u l-irġiel.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi neċessarji jew miżuri oħra biex jipprevjenu kull forma ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

3   Kull miżura meħuda skont dan il-Kapitolu għandha tqis u tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni li huma vulnerabbli minħabba ċirkostanzi partikolari u għandha tagħti post lid-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi kollha .

4   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu l-membri kollha tas-soċjetà, b’mod speċjali l-irġiel u s-subien, biex jikkontribwixxi b’mod attiv biex jipprevjenu kull forma ta’ vjolenza kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

5   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-kultura, drawwa, tradizzjoni jew reliġjon, l-hekk imsejjaħ “unur” ma jiġux meqjusa bħala ġustifikazzjoni għal kull att ta’ vjolenza kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

6   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu programmi u attivitajiet biex in-nisa jingħataw is-setgħa li tixirqilhom.

Artikolu 13

Is-sensibilizzazzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jippromwovu jew iwettqu, fuq bażi regolari u fil-livelli kollha, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u programmi, inkluż f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi, speċjalment organizzazzjonijiet tan-nisa, fejn xieraq, biex tiżdied il-kuxjenza u l-fehim fost il-pubbliku ġenerali tad-diversi manifestazzjonijiet tal-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, il-konsegwenzi tagħhom fuq it-tfal u l-ħtieġa li jipprevjenu din it-tip ta’ vjolenza.

2   Il-Partijiet għandhom jiżguraw tixrid wiesa’ fost il-pubbliku ġenerali ta’ tagħrif dwar il-miżuri disponibbli għall-prevenzjoni ta’ atti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 14

L-edukazzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu, fejn meħtieġ, il-passi meħtieġa biex jinkludu materjal edukattiv fuq kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, rwoli tas-sessi li mhumiex sterjotipi, ir-rispett reċiproku, is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti f’relazzjonijiet interpersonali, vjolenza sessista kontra n-nisa u d-dritt għall-integrità personali, adattat għal kapaċità li tevolvi tal-istudenti, f’kurrikuli formali u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jippromwovu l-prinċipji msemmija fil-paragrafu 1 f’faċilitajiet edukattivi informali, kif ukoll f’faċilitajiet sportivi, kulturali u tad-divertiment u l-midja.

Artikolu 15

It-taħriġ tal-professjonisti

1   Il-partijiet għandhom jipprovdu jew isaħħu taħriġ adatt għall-professjonisti rilevanti li jittrattaw il-vittmi jew l-awturi tar-reat tal-atti kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, dwar il-prevenzjoni u s-sejbien ta’ tali vjolenza, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-vittmi, kif ukoll dwar kif tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja.

2   Il-Partijiet għandhom jaraw illi t-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 1 jinkludi taħriġ dwar kooperazzjoni koordinata bejn aġenziji biex ikun hemm immaniġġjar ta’ konsultazzjonijiet komprensiv u xieraq f’każijiet ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 16

Programmi preventivi ta’ intervent u trattament

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu jew jappoġġjaw programmi mmirati lejn it-tagħlim ta' dawk li jwettqu atti ta’ vjolenza domestika biex jadottaw imġiba mhux vjolenti f’relazzjonijiet interpersonali bil-ħsieb li jiġi evitat li ssir aktar vjolenza u tinbidel l-imġiba vjolenti.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu jew jappoġġjaw programmi ta’ trattament immirati lejn l-awturi, b’mod partikolari delinkwenti sesswali, milli jerġgħu iwettqu reat.

3   Meta jieħdu l-miżuri msemmija f’paragrafi 1 u 2, il-Partijiet għandhom jiżguraw li s-sikurezza ta’, l-appoġġ għal u d-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi jingħataw importanza ewlenija u li, fejn ikun xieraq, dawn il-programmi huma stabbiliti u implimentati f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għall-vittmi.

Artikolu 17

Parteċipazzjoni tas-settur privat u l-midja

1   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lis-settur privat, lis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-midja, b’rispett dovut għal-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tagħhom, biex jipparteċipaw fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u sabiex jistabbilixxu linji gwida u standards li jirregolaw lilhom innfushom sabiex jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u jsaħħu r-rispett għad-dinjità tagħhom.

2   Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jippromwovu, b’kooperazzjoni ma’ atturi tas-settur privat, ħiliet fost it-tfal, il-ġenituri u l-edukaturi dwar kif għandhom jittrattaw dwar l-ambjent ta' informazzjoni u komunikazzjoni li jipprovdi aċċess għal kontenut degradanti ta’ natura sesswali jew vjolenti li jista' jkun ta’ ħsara.

Kapitolu IV

Protezzjoni u appoġġ

Artikolu 18

Obbligi ġenerali

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jipproteġu l-vittmi kollha minn kull att ulterjuri ta’ vjolenza.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa, skont il-liġi interna, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa li jipprovdu għal kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji Statali rilevanti kollha, inkluż il-ġudikatura, il-prosekuturi pubbliċi, l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet u entitajiet rilevanti oħra, għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi u xhieda ta’ kull forma ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż billi jirreferu għal servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzati kif dettaljat fl-Artikoli 20 u 22 ta’ din il-Konvenzjoni.

3   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda skont dan il-Kapitolu għandhom:

ikunu bbażati fuq għarfien tal-vjolenza bbażata fuq is-sess kontra n-nisa u l-vjolenza domestika u għandhom jiffukaw fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-sikurezza tal-vittma;

ikunu bbażati fuq approċċ integrat li jikkunsidra r-relazzjoni bejn il-vittmi, l-awturi, it-tfal u l-ambjent soċjali usa’ tagħhom;

jimmiraw lejn il-prevenzjoni tal-vittimazzjoni sekondarja;

għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa u l-indipendenza ekonomika lin-nisa vittmi ta’ vjolenza;

jippermettu, fejn xieraq, firxa ta’ servizzi ta’ protezzjoni u appoġġ li għandhom jinstabu fl-istess binjiet;

jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni vulnerabbli, inklużi l-vittmi tfal, u jkunu disponibbli għalihom.

4   Il-forniment ta’ servizzi ma għandux jiddependi fuq il-volontà tal-vittma li tixhed kontra jew tixli lill-awtur tar-reat.

5   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adattati sabiex jipprovdu protezzjoni konsulari u ta' natura oħra u jappoġġjaw liċ-ċittadini tagħhom u vittmi oħra intitolati għal tali protezzjoni f’konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali.

Artikolu 19

Informazzjoni

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-vittmi jirċievu informazzjoni adegwata u f’waqtha dwar is-servizzi ta’ appoġġ u l-miżuri legali li hemm disponibbli f’lingwa li huma jifhmu.

Artikolu 20

Servizzi ġenerali ta' appoġġ

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għal servizzi li jiffaċilitaw l-irkupru tagħhom mill-vjolenza. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu, meta jkun meħtieġ, servizzi bħalma huma konsulenza legali u psikoloġika, assistenza finanzjarja, djar, edukazzjoni, taħriġ u għajnuna biex isibu impjieg.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u servizzi soċjali u li s-servizzi jkollhom biżżejjed riżorsi u l-professjonisti jiġu mħarrġa biex jassistu lill-vittmi u jirreferuhom għal servizzi xierqa.

Artikolu 21

Assistenza f’ilmenti individwali/kollettivi

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom informazzjoni dwar u aċċess għall-mekkaniżmi applikabbli reġjonali u internazzjonali ta’ lmenti individwali jew kollettivi. Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-għoti ta’ assistenza sensittiva u esperta lill-vittmi fil-preżentazzjoni ta’ lmenti bħal dawn.

Artikolu 22

Servizzi ġenerali ta' appoġġ

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jipprovdu jew isiru arranġamenti għal, permezz ta’ distribuzzjoni ġeografika adegwata, servizzi ta’ appoġġ immedjati, speċjalizzati u fuq terminu qasir jew fit-tul lil kull vittma suġġetta għal xi wieħed mill-atti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jipprovdu għal jew jagħmlu arranġamenti għal servizzi speċjalizzati ta’ appoġġ ghan-nisa lin-nisa kollha vittmi ta’ vjolenza u ta’ uliedhom.

Artikolu 23

Postijiet ta' kenn

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra li jipprovdu għall-istabbiliment ta’ postijiet ta' kenn adattati u faċilment aċċessibbli, f’għadd suffiċjenti biex jipprovdu akkomodazzjoni sikura u biex jilħqu b’mod proattiv lill-vittmi, speċjalment lin-nisa u lit-tfal tagħhom.

Artikolu 24

Linji telefoniċi għall-għajnuna

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu fl-Istat kollu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum (24/7) linji telefoniċi mingħajr ħlas biex min iċempel jingħata pariri, b'kunfidenzjalità jew b’kunsiderazzjoni dovuta meħuda tal-anonimità tagħhom, fir-rigward ta’ kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 25

Appoġġ għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jipprovdu għat-twaqqif ta’ ċentri ta’ riferiment xierqa u faċilment aċċessibbli mill-vittmi minħabba kriżi ta' stupru jew ta' vjolenza sesswali, f’għadd suffiċjenti biex jipprovdu għal eżami mediku u forensiku, appoġġ f'każ ta' trawma u konsulenza għall-vittmi.

Artikolu 26

Protezzjoni u appoġġ għax-xhieda tfal

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw illi fil-forniment ta’ servizzi ta’ protezzjoni u appoġġ lill-vittmi, jittieħed kont debitu tad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta’ tfal xhieda ta’ kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2   Il-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu għandhom jinkludu servizz ta’ pariri psikosoċjali adattat skont l-età għal tfal li huma xhieda ta’ kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal.

Artikolu 27

Rappurtar

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lil kull persuna li kienet xhud ta’ atti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew li għandha bażi raġonevoli biex temmen li tali att jista' jseħħ, jew li att ulterjuri ta’ vjolenza huma mistennija, biex tirrapportahom lill-organizzazzjonijiet jew awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 28

Rappurtar minn professjonisti

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità imposti mil-liġi interna fuq ċerti professjonisti ma jikkostitwixxux ostakolu għall-possibbiltà, taħt kundizzjonijiet xierqa, ta’ rappurtar tagħhom lil organizzazzjonijiet jew awtoritajiet kompetenti jekk ikollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li att serju ta’ vjolenza kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni fil-fatt seħħ u huma mistennija aktar atti serji ta’ vjolenza.

Kapitolu V

Liġi Sostantiva

Artikolu 29

Kawżi ċivili u rimedji

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex il-vittmi jingħataw rimedji ċivili xierqa kontra l-awtur tar-reat.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jipprovdu lill-vittmi, skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, b’rimedji ċivili adegwati kontra l-awtoritajiet tal-istat li jkunu naqsu fl-obbligu tagħhom li jieħdu miżuri preventivi jew protettivi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tagħhom.

Artikolu 30

Il-kumpens

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi jkollhom id-dritt li jitolbu kumpens mingħand l-awturi għal kull reat stabbilit skont din il-Konvenzjoni.

2   Għandu jingħata kumpens adegwat mill-Istat lil dawk li ġarrbu offiża serja fuq il-persuna jew ħsara tas-saħħa, sal-punt li l-ħsara mhix koperta minn sorsi oħra bħal dak li wettaq id-delitt, l-assigurazzjoni jew dispożizzjonijiet tas-saħħa u soċjali ffinanzjati mill-Istat. Dan ma jipprekludix lill-Partijiet milli jitolbu rigressjoni għal kumpens mingħand l-awtur tar-reat, sakemm tingħata attenzjoni xierqa lis-sigurtà tal-vittma.

3   Il-miżuri meħuda skont il-paragrafu 2 għandhom jiżguraw l-għoti ta’ kumpens fi żmien raġonevoli.

Artikolu 31

Drittijiet ta’ kustodja, aċċess u s-sikurezza

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li, fid-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja u aċċess tat-tfal, jiġu meqjusa l-inċidenti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-eżerċizzju tad- drittijiet ta’ aċċess jew kustodja ma jipperikolax id-drittijiet u s-sikurezza tal-vittma jew tat-tfal.

Artikolu 32

Il-konsegwenzi ċivili taż-żwiġijiet furzati

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li żwieġ konkluż taħt il-forza jkun annullabbli, annullat jew maħlul mingħajr ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq il-vittma.

Artikolu 33

Il-vjolenza psikoloġika

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ddgħajjef b’mod serju l-integrità psikoloġika tal-persuna permezz ta’ sfurzar jew theddid tiġi kriminalizzata.

Artikolu 34

L-insegwiment malizzjuż

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata permezz ta' kondotta ripetuta ta' theddid lejn persuna oħra, li ġġelgha tibża għas-sigurtà tagħha, tiġi kriminalizzata.

Artikolu 35

Il-vjolenza fiżika

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata wara atti ta' vjolenza fiżika kontra persuna oħra tiġi kriminalizzata.

Artikolu 36

Il-vjolenza sesswali, inkluż l-istupru

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tiġi kriminalizzata:

a

il-parteċipazzjoni f'atti ta' penetrazzjoni vaġinali, anali jew orali mhux kunsenswali ta’ natura sesswali tal-ġisem ta’ persuna oħra ma’ kull parti tal-ġisem jew oġġett;

b

l-involviment f’atti mhux kunsenswali oħrajn ta’ natura sesswali ma’ persuna;

c

l-involviment ta’ persuna oħra biex tinvolvi ruħha f’atti mhux kunsenswali ta’ natura sesswali ma’ persuna terza.

2   Il-kunsens għandu jingħata b’mod volontarju bħala riżultat tar-rieda ħielsa tal-persuna evalwata fil-kuntest taċ-ċirkostanzi.

3   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 japplikaw ukoll għal atti mwettqa kontra konjuġi jew sħab preċedenti jew attwali kif rikonoxxut mil-liġi interna.

Artikolu 37

Iż-żwieġ furzat

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata fejn adult jew minuri jiġi mġiegħel jidħol fi żwieġ tiġi kriminalizzata.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-imġiba intenzjonali fejn adult jew minuri jiġu mħeġġa jitilqu lejn it-territorju ta’ Parti jew Stat għajr dak li hu jew hi residenti bil-għan li jiġu sfurzati jidħlu fi żwieġ tiġi kriminalizzata.

Artikolu 38

Il-mutilazzjoni ġenitali femminili

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tiġi kriminalizzata:

a

il-qtugħ, l-infibulazzjoni jew it-twettiq ta' kull mutilazzjoni oħra fil-labia majora tal-mara jew parti minnha, fil-labia minora jew fil-klitoride;

b

l-isfurzar jew ġegħil lil mara biex tgħaddi minn xi wieħed mill-atti elenkati fil-punt a;

c

l-inċitament, sfurzar jew ġegħil lil tifla biex tgħaddi minn xi wieħed mill-atti elenkati fil-punt a.

Artikolu 39

L-abort sfurzat u l-isterilizzazzjoni sfurzata

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonata li ġejja tiġi kriminalizzata:

a

l-att ta’ abort fuq mara mingħajr il-kunsens minn qabel u infurmat tagħha;

b

il-kirurġija li għandha l-iskop jew l-effett li ttemm il-kapaċità tal-mara li jkollha tfal b'mod naturali mingħajr il-kunsens minn qabel u infurmat tagħha jew mingħajr għarfien tal-proċedura.

Artikolu 40

Il-fastidju sesswali

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex ikun żgurat li kull forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, bl-għan jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv, tkun suġġetta għal sanzjonijiet kriminali jew oħrajn legali.

Artikolu 41

L-għajnuna jew il-kompliċità u l-attentat

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu bħala reat, meta mwettqa intenzjonalment, l-għajnuna jew il-kompliċità fit-twettiq ta’ reati stabbiliti skont l-Artikoli 33, 34, 35, 36, 37, 38.a u 39 ta’ din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu bħala reat, meta mwettqa intenzjonalment, l-attentat twettiq ta’ reat stabbilit skont l-Artikoli 35, 36, 37, 38.a u 39 ta’ din il-Konvenzjoni.

L-Artikolu 42

Ġustifikazzjonijiet inaċċettabbli għar-reati, inkluż reati mwettqa fl-isem tal-hekk imsejjaħ "unur"

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija wara t-twettiq ta' xi wieħed mill-atti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, il-kultura, drawwa, tradizzjoni jew reliġjon, l-hekk imsejjaħ “unur” ma jiġux meqjusa bħala ġustifikazzjoni għal tali atti. Dan ikopri, b’mod partikolari, pretensjonijiet li l-vittma kisret normi kulturali, reliġjużi, soċjali jew tradizzjonali jew l-użanzi ta’ mġiba xierqa.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-inċitament minn kull persuna ta’ minuri biex jikkommetti wieħed mill-atti msemmija fil-paragrafu 1 m’għandux inaqqas ir-responsabbiltà kriminali ta’ dik il-persuna għall-atti mwettqa.

Artikolu 43

L-applikazzjoni tar-reati kriminali

Ir-reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw irrispettivament min-natura tar-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur.

Artikolu 44

Il-ġuriżdizzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq kull reat stabbilit skont din il-Konvenzjoni, meta r-reat ikun twettaq:

a

fit-territorju tagħhom; jew

b

abbord vapur li jtajjar il-bandiera tagħhom; jew

c

abbord inġenju tal-ajru rreġistrat skont il-liġi tagħhom; jew

d

minn ċittadin tagħhom; jew

e

minn persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju tagħhom.

2   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni għal kull reat stabbilit skont din il-Konvenzjoni fejn ir-reat jitwettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tagħhom jew persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju tagħhom.

3   Għall-prosekuzzjoni ta’ reati stabbiliti skont l-Artikoli 36, 37, 38 u 39 ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ġurisdizzjoni tagħhom ma tkunx subordinata għall-kundizzjoni li l-atti huma kkriminalizzati fit-territorju fejn ikunu twettqu.

4   Għall-prosekuzzjoni tar-reati stabbiliti skont l-Artikoli 36, 37, 38 u 39 ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ġurisdizzjoni tagħhom rigward il-punti d u e tal-paragrafu 1 ma tkunx subordinata għall-kundizzjoni li l-prosekuzzjoni tista’ tinbeda biss wara li jsir rapport mill-vittma tar-reat jew it-tqegħid ta’ informazzjoni mill-Istat tal-post fejn twettaq ir-reat.

5   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq ir-reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni, f’każijiet fejn l-allegat awtur ikun preżenti fit-territorju tagħhom u ma jordnawx l-estradizzjoni tiegħu lejn Parti oħra, fuq il-bażi tan-nazzjonalità tiegħu biss.

6   Meta aktar minn Parti waħda issostni li għandha ġuriżdizzjoni fuq allegat reat imsemmi f'din il-Konvenzjoni, meta jkun xieraq il-Partijiet involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jiddeterminaw l-aktar ġuriżdizzjoni xierqa għall-finijiet ta' prosekuzzjoni.

7   Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali, din il-Konvenzjoni ma teskludix li xi Parti teżerċita ġuriżdizzjoni kriminali f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

Artikolu 45

Sanzjonijiet u miżuri

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni huma punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jqisu s-serjetà tagħhom. Dawn is-sanzjonijiet għandhom jinkludu, fejn ikun xieraq, pieni li jinvolvu t-teħid tal-libertà li jista’ jagħti lok ghal estradizzjoni.

2   Il-Partijiet jistgħu jadottaw miżuri oħra b’rabta mal-awturi, bħal:

monitoraġġ jew superviżjoni ta’ persuni kkundannati;

l-irtirar tad-drittijiet tal-ġenituri, jekk l-aħjar interessi tat-tfal, li jistgħu jinkludu s-sigurtà tal-vittma, ma jistgħux jiġu garantiti mod ieħor.

Artikolu 46

Ċirkustanzi aggravanti

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiġi żgurat li ċ-ċirkustanzi li ġejjin, safejn ma jiffurmawx diġà parti mill-elementi kostitwenti tar-reat, jistgħu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi interna, jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi aggravanti fl-għoti tas-sentenza fir-rigward ta’ reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni:

a

ir-reat ikun twettaq kontra konjuġi jew sieħeb preċedenti jew attwali kif rikonoxxut mil-liġi interna, minn membru tal-familja, persuna li tikkoabita mal-vittma jew persuna li abbużat mill-awtorità tagħha;

b

ir-reat, jew reati relatati, kienu jitwettqu b’mod ripetut;

c

ir-reat kien imwettaq kontra persuna li kienet vulnerabbli minħabba ċirkostanzi partikolari;

d

ir-reat kien imwettaq kontra jew fil-preżenza ta’ minorenni;

e

ir-reat ikun sar minn żewġ persuni jew aktar li kienu qed jaġixxu flimkien;

f

ir-reat ikun preċedut jew akkumpanjat minn livelli għoljin ta’ vjolenza;

g

ir-reat kien imwettaq bl-użu jew it-theddid ta’ arma;

h

ir-reat irriżulta f’dannu fiżiku jew psikoloġiku serju għall-vittma;

i

l-awtur kien diġà instab ħati qabel għal reati tal-istess natura.

Artikolu 47

Sentenzi li ngħataw minn Parti oħra

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex ikun hemm il-possibbiltà li jitqiesu s-sentenzi finali minn Parti oħra fir-rigward ta’ reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni meta tiġi determinata s-sentenza.

L-Artikolu 48

Il-projbizzjoni ta' proċessi jew sentenzi fil-kuntest ta' riżoluzzjoni alternattiva obbligatorja tat-tilwim

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jipprojbixxu proċessi ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim obbligatorji, inkluż il-medjazzjoni u l-konċiljazzjoni, b’rabta ma’ kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li meta jintalab il-ħlas ta’ multa, titqies il-ħila tal-awtur tar-reat biex jassumi l-obbligi finanzjarji tiegħu lejn il-vittma.

Kapitolu VI

L-Investigazzjoni, prosekuzzjoni, id-dritt proċedurali u miżuri protettivi

Artikolu 49

Obbligi ġenerali

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji relatati mal-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jsiru mingħajr dewmien żejjed filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-vittma matul l-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra, f’konformità mal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u wara li jkunu kkunsidraw għarfien ibbażat fuq is-sessi tal-vjolenza, sabiex jiżguraw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni.

Artikolu 50

Rispons immedjat, prevenzjoni u protezzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi responsabbli jirrispondu għall-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni fil-pront u b’mod xieraq billi joffru protezzjoni adegwata u immedjata lill-vittmi.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi responsabbli jimpenjaw ruħhom fil-pront u b’mod xieraq għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra l-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż l-użu ta’ miżuri operattivi u preventivi u l-ġbir ta’ provi.

Artikolu 51

Il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li ssir valutazzjoni tar-riskju ta' letalità, is-serjetà tas-sitwazzjoni u r-riskju ta’ vjolenza ripetuta mill-awtoritajiet rilevanti kollha sabiex jiġi ġestit ir-riskju u, jekk ikun meħtieġ, jiġu pprovduti sikurezza u appoġġ koordinati.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jiżguraw li l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tieħu in kunsiderazzjoni, fl-istadji kollha tal-investigazzjoni u l-applikazzjoni ta’ miżuri protettivi, il-fatt li l-awturi ta’ atti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għandhom f'idejhom, jew għandhom aċċess għal armi tan-nar.

Artikolu 52

Ordnijiet ta’ interdizzjoni ta’ emerġenza

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa li jordnaw, f’sitwazzjonijiet ta’ periklu immedjat, illi l-awtur ta’ vjolenza domestika joħroġ mir-residenza tal-vittma jew persuna f’riskju għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien u li jipprojbixxu lill-awtur milli jidħol fir- r-residenza jew jikkuntattja lill-vittma jew persuna f’riskju. Il-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu għandhom jagħtu prijorità lis-sikurezza tal-vittmi jew tal-persuni f’riskju.

Artikolu 53

Ordnijiet għat-trażżin jew ta’ protezzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex ikunu disponibbli ordnijiet ta' trażżin jew ta' protezzjoni għall-vittmi ta' kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex ikun żgurat li l-ordnijiet ta' trażżin jew ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 huma:

disponibbli għal protezzjoni immedjata u mingħajr ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq il-vittma;

maħruġa għal perjodu speċifikat jew sakemm jiġu emendati jew imħassra;

fejn meħtieġ, maħruġa fuq bażi ex parte li għandha effett immedjat;

disponibbli irrispettivament minn, jew flimkien ma’, proċedimenti legali oħrajn;

jippermettu li jiġu introdotti proċeduri legali sussegwenti.

3   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-ksur ta’ ordnijiet ta' trażżin jew ta’ protezzjoni maħruġa skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġetti għal pieni kriminali effettivi, proporzjonati u diżwassivi jew sanzjonijiet legali oħrajn.

Artikolu 54

Investigazzjonijiet u provi

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li, fil-proċeduri ċivili jew kriminali, provi marbuta mal-imgħoddi sesswali u l-kondotta tal-vittma għandhom jiġu permessi biss meta jkunu rilevanti u meħtieġa.

Artikolu 55

Proċedimenti ex parte u ex officio

1   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni ta’ reati stabbiliti skont l-Artikoli 35, 36, 37, 38 u 39 ta’ din il-Konvenzjoni ma għandhomx ikunu kompletament dipendenti fuq rapport jew ilment imressaq minn vittma jekk ir-reat ikun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tagħhom, u li l-proċedimenti jistgħu jitkomplew anke jekk il-vittma tirtira d-dikjarazzjoni jew ilment tagħha.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw, skont il-kundizzjonijiet previsti skont il-liġi interna tagħhom, għal possibbiltà għall-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi u l-konsulenti ta' vjolenza domestika biex jassistu u/jew jappoġġjaw lill-vittmi, fuq talba tagħhom, matul l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji dwar reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni.

Artikolu 56

Miżuri ta' protezzjoni

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tal-vittmi, inklużi l-bżonnijiet speċjali tagħhom bħala xhieda, fl-istadji kollha tal-investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji, b’mod partikolari billi:

a

jipprovdu għall-protezzjoni tagħhom, kif ukoll għal dik tal-familja tagħhom u x-xhieda, minn intimidazzjoni, ritaljazzjoni u vittimizzazzjoni ripetuta;

b

jiżguraw lil-vittmi jiġu informati, tal-anqas f’każijiet fejn il-vittmi u tal-familja jistgħu jkunu f’periklu, meta l-awtur jaħrab jew jiġi rilaxxat temporanjament jew għal żmien definit;

c

jinfurmawhom, taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt intern, dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom u bis-segwitu għall-ilment tagħhom, l-akkużi, il-progress ġenerali tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti, u r-rwol tagħhom f’dan kollu, kif ukoll ir-riżultat tal-każ tagħhom;

d

jagħtu l-possibilità lill-vittmi, b’mod konformi mar-regoli proċedurali tad-dritt intern, li jinstemgħu, li jagħtu x-xhieda tagħhom u jippreżentaw il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, u li jiġu meqjusa;

e

jipprovdu lill-vittmi b'servizzi ta' appoġġ xierqa sabiex id-drittijiet u l-interessi tagħhom jiġu ppreżentati kif xieraq u meqjusa wkoll;

f

jiżguraw li jistgħu jiġu adottati miżuri biex jipproteġu l-ħajja privata u l-immaġni tal-vittmi;

g

jiżguraw li kuntatt bejn il-vittmi u l-awturi fil-qorti u fil-bini tal-aġenzija tal-infurzar tal-liġi jiġi evitat kemm jista’ jkun;

h

jipprovdu lill-vittmi b’interpreti indipendenti u kompetenti meta l-vittmi jkunu partijiet fil-proċedimenti jew meta dawn ikunu qed ifornu l-provi;

i

jgħinu il-vittmi biex jixhdu, skont ir-regoli previsti fil-liġi interna tagħhom, fl-awla tal-qorti mingħajr ma jkunu preżenti, jew għall-inqas mingħajr il-preżenza tal-allegat awtur, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni xierqa, fejn disponibbli.

2   Tfal vittmi u tfal xhieda tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, għandhom jibbenefikaw minn, fejn xieraq, miżuri speċjali ta’ protezzjoni b’kont meħud tal-aħjar interessi tat-tfal.

Artikolu 57

L-għajnuna legali

Il-Partijiet għandhom jipprovdu għad-dritt tal-għajnuna legali u għal għajnuna legali bla ħlas għall-vittmi skont il-kondizzjonijiet previsti fil-liġi interna tagħhom.

Artikolu 58

Preskrizzjoni

Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri leġislattivi u oħrajn neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-preskrizzjoni biex jinbdew proċedimenti legali fir-rigward tar-reati stabbiliti skont l-Artikoli 36, 37, 38 u 39 ta’ din il-Konvenzjoni, tkompli għal perjodu ta’ żmien li huwa suffiċjenti u proporzjonat mal-gravità tal-offiża kkonċernata, li tippermetti l-bidu ta’ proċeduri effiċjenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri.

Kapitolu VII

Migrazzjoni u ażil

Artikolu 59

Status ta' residenza

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-vittmi li l-istatus ta’ residenza tagħhom jiddependi minn dik tal-konjugi jew tas-sieħeb kif rikonoxxut mil-liġi interna, f’każ ta’ xoljiment taż-żwieġ jew relazzjoni, jingħataw, f’każ ta’ ċirkostanzi partikolarment diffiċli, fuq applikazzjoni, permess ta’ residenza awtonomu irrispettivament mit-tul taż-żwieġ jew ir-relazzjoni. Il-kondizzjonijiet konnessi ma' l-għoti u t-tul tal-permess ta' residenza awtonomu jiġu stabbiliti b'liġi nazzjonali.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-vittmi jistgħu jiksbu s-sospensjoni ta’ proċeduri ta’ tkeċċija mibdija fir-rigward ta’ status ta’ residenza li jiddependi minn dik tal-konjugi jew tas-sieħeb kif rikonoxxut mil-liġi interna sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal permess ta’ residenza awtonomu.

3   Il-Partijiet għandhom joħorġu permess ta' residenza rinnovabbli lil vittmi, f’waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li ġejjin, jew fit-tnejn:

a

fejn l-awtorità kompetenti tqis li l-permanenza tagħhom hija meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom;

b

fejn l-awtorità kompetenti tqis li l-permanenza tagħhom hija meħtieġa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti fi proċedimenti investigattivi jew kriminali.

4   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-vittmi ta’ żwieġ sfurzat li twasslu f’pajjiż ieħor għal skopijiet ta’ żwieġ u li, b’riżultat ta’ dan, tilfu l-istatus tagħhom ta’ residenza fil-pajjiż fejn huma residenti b’mod abitwali, jkunu jistgħu jerġgħu jiskbu dan l-istatus.

Artikolu 60

Talbiet għal ażil ibbażati fuq il-ġeneru

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-vjolenza sessista kontra n-nisa tista’ tiġi rikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal- Artikolu 1, A (2), tal-Konvenzjoni tal- 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u bħala forma ta’ periklu serju li jagħti lok għal protezzjoni kumplimentari/sussidjarja.

2   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li tingħata interpretazzjoni li hija sensittiva għad-differenza bejn is-sessi għal kull bażi tal-Konvenzjoni u li fejn jiġi stabbilit li l-persekuzzjoni li dwarha hemm biża' hija għal wieħed jew aktar minn dawn ir-raġunijiet, l-applikanti għandhom jingħataw status ta’ rifuġjat skont l-istrumenti rilevanti applikabbli.

3   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżviluppaw proċeduri ta’ akkoljenza u servizzi ta’ appoġġ sensittivi għad-differenza bejn is-sessi għal dawk li jfittxu l-ażil kif ukoll linji gwida u proċeduri tal-asil sensittivi għad-differenza bejn is-sessi, inkluż id-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 61

Non-refoulement

1   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement skont l-obbligi eżistenti taħt il-liġi internazzjonali.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa li għandhom bżonn ta’ protezzjoni, irrispettivament mill-istatus jew ir-residenza tagħhom, ma għandhomx jintbagħtu lura taħt l-ebda ċirkostanza lejn ebda pajjiż fejn ħajjithom tkun f’riskju jew fejn jistgħu jkunu suġġetti għal tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig.

Kapitolu VIII

Il-kooperazzjoni internazzjonali

Artikolu 62

Prinċipji ġenerali

1   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, u bl-applikazzjoni ta’ strumenti internazzjonali u reġjonali rilevanti dwar il-kooperazzjoni f’materji ċivili u kriminali, l-arranġamenti maqbula abbażi ta’ leġislazzjoni uniformi jew reċiproka u liġijiet interni, sa fejn hu l-aktar possibbli, għall-iskop ta’:

a

il-prevenzjoni, il-ġlieda u l-prosekuzzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza koperta mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni;

b

il-protezzjoni u l-għoti ta’ għajnuna lill-vittmi;

c

l-investigazzjonijiet jew proċedimenti dwar reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni;

d

l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ċivili u kriminali rilevanti maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Partijiet, inklużi l-ordnijiet ta’ protezzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-vittmi ta’ reat stabbilit b’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u li twettaq fit-territorju ta’ Parti għajr dak fejn huma residenti jista’ iressqu lment quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ residenza tagħhom.

3   Jekk il-Parti li tagħmel l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, estradizzjoni jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi ċivili jew kriminali imposti minn parti oħra għal din il-Konvenzjoni kondizzjonali għall-eżistenza ta’ trattat tirċievi talba għal tali kooperazzjoni legali minn Parti li ma kkonkludietx trattat bħal dan, tista’ tqis din il-Konvenzjoni bħala l-bażi legali għall-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, estradizzjoni jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi ċivili jew kriminali imposti mill-Parti l-oħra fir-rigward ta’ reati stabbiliti skont din il-Konvenzjoni.

4   Il-Partijiet għandhom jistinkaw biex meta jkun xieraq jintegraw il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika f’programmi ta’ assistenza għall-iżvilupp provduti għall-benefiċċju ta’ Stati terzi, inkluż permezz ta’ ftehimiet bilaterali u multilaterali ma’ Stati terzi bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-protezzjoni ta’ vittmi f’konformità mal- Artikolu 18, paragrafu 5.

Artikolu 63

Miżuri relatati ma’ persuni f’riskju

Fejn Parti, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li għandha għad-diżpozizzjoni tagħha, ikollha raġunijiet raġonevoli biex temmen li persuna qiegħda f’riskju immedjat li tiġi soġġetta għal xi wieħed mill-atti ta’ vjolenza msemmija fl-Artikoli 36, 37, 38 u 39 ta’ din il-Konvenzjoni fit-territorju ta’ Parti oħra, il-Parti li jkollha dik l-informazzjoni hija mħeġġa tittrażmettiha mingħajr dewmien lil din tal-aħħar sabiex jiġi żgurat li jittieħdu l-miżuri xierqa ta’ protezzjoni. Fejn applikabbli, din l-informazzjoni għandha tinkludi dettalji dwar dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni eżistenti għall-benefiċċju tal-persuna li tkun f’riskju.

Artikolu 64

Informazzjoni

1   Il-Parti rikjesta għandha tgħarraf fil-pront lill-Parti rikjedenti tar-riżultat finali tal-azzjoni meħuda skont dan il-Kapitolu. Il-Parti rikjesta għandha wkoll tgħarraf fil-pront lill-Parti rikjedenti b'kull ċirkostanza li tirrendi impossibbli t-twettiq ta’ azzjoni mitluba jew li x’aktarx se jdewwmuha b’mod sinifikanti.

2   Parti tista’, fil-limiti tal-liġi nazzjonali tagħha, mingħajr talba minn qabel, tibgħat lil Parti oħra informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha meta hija jidhrilha li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jista’ jgħin lill-Parti riċeventi fil-prevenzjoni ta’ reati kriminali stabbiliti b’konformità ma’ din il-Konvenzjoni jew biex tibda jew twettaq investigazzjonijiet jew proċedimenti dwar tali reati kriminali jew li tista’ twassal għal talba għal kooperazzjoni minn dik il-Parti skont dan il-Kapitolu.

3   Parti li tirċievi xi informazzjoni skont il-paragrafu 2 għandha tissottometti tali informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħha bil-għan li l-proċedimenti jistgħu isiru jekk ikunu meqjusa xierqa, jew li din l-informazzjoni tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni fi proċedimenti ċivili u kriminali rilevanti.

Artikolu 65

Protezzjoni tad-dejta

Dejta personali għandha tiġi maħżuna u użata skont l-obbligi li daħlu għalihom il-Partijiet skont il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Dejta Personali (ETS Nru 108).

Kapitolu IX

Il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ

L-Artikolu 66

Grupp ta’ esperti dwar l-azzjoni kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika

1   Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-azzjoni kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (minn hawn’ il quddiem msemmija bħala “GREVIO”) għandu jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni mill-Partijiet.

2   GREVIO għandu jkun magħmul minn minimu ta’ 10 membri u massimu ta’ 15-il membru, b’kont meħud ta’ bilanċ bejn is-sessi u dak ġeografiku, kif ukoll konsulenza esperta multidixxiplinarja. Il-membri tiegħu għandhom jiġu eletti mill-Kumitat tal-Partijiet minn fost il-kandidati nominati mill-Partijiet għal mandat ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded darba, u magħżula minn fost iċ-ċittadini tal-Partijiet.

3   L-elezzjoni tal-bidu ta’ 10 membri għandha ssir fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni. L-elezzjoni ta’ ħames membri addizzjonali għandha ssir wara l-25-il ratifika jew adeżjoni.

4   L-elezzjoni tal-membri ta’ GREVIO għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

a

għandhom jintgħażlu skont proċedura trasparenti minn fost persuni ta’ stima morali għolja, magħrufa u rikonoxxuti għall-kompetenza tagħhom fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, jew l-għajnuna lil u l-protezzjoni tal-vittmi , jew li juru esperjenza professjonali f’oqsma koperti minn din il-Konvenzjoni;

b

l-ebda żewġ Membri ta' GREVIO ma jistgħu jkunu ċittadini tal-istess Stat;

c

għandhom jirrappreżentaw is-sistemi legali ewlenin;

d

għandhom jirrappreżentaw l-atturi u l-aġenziji rilevanti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

e

għandhom jippresjedu fil-kapaċità individwali tagħhom u jkunu indipendenti u imparzjali fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, u għandhom ikunu disponibbli biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effikaċi.

5   Il-proċedura tal-elezzjoni tal-membri ta' GREVIO għandhom jiġu ddeterminati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, wara li jikkonsulta ma’ u jiksbeb il-kunsens unanimu tal-Partijiet, fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni.

6   Il-GREVIO għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

7   Il-membri ta' GREVIO, u membri oħra mid-delegazzjonijiet li jwettqu żjarat fil-pajjiż kif stipulat fl-Artikolu 68, paragrafi 9 u 14, għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fl-appendiċi ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 67

Il-Kumitat tal-Partijiet

1   Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni.

2   Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jkun imsejjaħ mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa. L-ewwel laqgħa tiegħu għandha tinżamm fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni sabiex jaħtar il-membri tal-GREVIO. Imbagħad għandu jerġa’ jiltaqa’ kull meta mill-inqas terz tal-Partijiet, il-President tal-Kumitat tal-Partijiet jew is-Segretarju Ġenerali hekk jitolbu.

3   Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

Artikolu 68

Proċedura

1   Il-Partijiet għandhom jibagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, ibbażat fuq kwestjonarju imħejji minn GREVIO, rapport dwar miżuri leġiżlattivi u oħrajn li jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, għall-konsiderazzjoni mill-GREVIO.

2   GREVIO għandu jikkunsidra r-rapport sottomess skont il-paragrafu 1 mar-rappreżentanti tal-Parti kkonċernata.

3   Il-proċeduri ta’ evalwazzjoni sussegwenti għandhom jiġu maqsuma f’fażijiet, li t-tul tagħhom huwa ddeterminat minn GREVIO. Fil-bidu ta’ kull ċiklu, GREVIO għandu jagħżel id-dispożizzjonijiet speċifiċi li fuqhom tkun ibbażata l-proċedura ta’ evalwazzjoni, u jibagħtu kwestjonarju.

4   GREVIO għandu jiddefinixxi l-mezzi xierqa niex titwettaq din il-proċedura ta' monitoraġġ. Huwa jista’, b’mod partikolari jadotta kwestjonarju għal kull sessjoni ta’ evalwazzjoni, li għandu jservi bħala bażi għal proċedura ta’ evalwazzjoni tal-implimentazzjoni mill-Partijiet. Dan il-kwestjonarju għandu jiġi indirizzat lill-Partijiet kollha. Il-Partijiet għandhom jimlew dan il-kwestjonarju, kif ukoll għal kull talba oħra ta’ informazzjoni mingħand Grevio.

5   GREVIO jista' jirċievi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll minn istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

6   GREVIO għandu jqis l-informazzjoni eżistenti disponibbli minn strumenti u korpi reġjonali u internazzjonali f’oqsma li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

7   Fl-adozzjoni ta’ kwestjonarju għal kull stadju tal-evalwazzjoni, GREVIO għandu jqis il-ġbir ta’ dejta u r-riċerka eżistenti fi ħdan il-Partijiet kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta’ din il-Konvenzjoni.

8   GREVIO jista' jirċievi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Assemblea Parlamentari u l-korpi speċjalizzati rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll dawk stabbiliti skont strumenti internazzjonali oħrajn. L-ilmenti mressqa quddiem dawn il-korpi u r-riżultati tagħhom se jkunu disponibbli għal GREVIO.

9   GREVIO jista' jorganizza, b’mod sussidjarju, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u bl-assistenza ta’ esperti nazzjonali indipendenti, żjarat fil-pajjiżi, jekk l-informazzjoni miksuba hija insuffiċjenti jew fil-każijiet previsti fil-paragrafu 14. Matul dawn iż-żjarat, GREVIO jista’ jkun assistit minn speċjalisti f’oqsma speċifiċi.

10   GREVIO għandu jħejji abbozz ta’ rapport li jkun fih l-analiżi tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni, kif ukoll suġġerimenti u proposti dwar il-mod li bih il-Parti kkonċernata tista’ tittratta l-problemi li ġew identifikati. L-abbozz tar-rapport għandu jintbagħat għall-kummenti lill-Parti li tgħaddi minn evalwazzjoni. Ill-kummenti tagħha għandhom jiġu meqjusa mill-GREVIO fl-adozzjoni tar-rapport tiegħu.

11   Fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha riċevuta u l-kummenti mill-Partijiet, GREVIO għandu jadotta r-rapport tiegħu u l-konklużjonijiet dwar il-miżuri li ttieħdu mill-Parti kkonċernata sabiex timplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni. Dan ir-rapport u l-konklużjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Parti kkonċernata u l-Kumitat tal-Partijiet. Ir-rapport u l-konklużjonijiet tal-GREVIO għandhom jiġu ppubblikati sa mill-adozzjoni tagħhom, flimkien ma’ kummenti eventwali mill-Parti kkonċernata.

12   Mingħajr preġudizzju għall-proċedura fil-paragrafi 1 sa 8, il-Kumitat tal-Partijiet jista' jadotta, fuq il-bażi tar-rapport u l-konklużjonijiet tal-GREVIO, rakkomandazzjonijiet indirizzati lil din il-Parti (a) dwar il-miżuri li jridu jittieħdu sabiex jiġu implimentati l-konklużjonijiet tal-GREVIO, u jekk ikun meħtieġ tiġi ffissata data għall-għoti ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni, u (b) bl-għan li tiġi mħeġġa l-ko operazzjoni ma' dik il-Parti għall-implimentazzjoni xierqa ta' din il-Konvenzjoni.

13   Jekk GREVIO jirċievi informazzjoni affidabbli li tindika sitwazzjoni fejn il-problemi jeħtieġu attenzjoni immedjata biex jipprevjenu jew jillimitaw id-daqs jew in-numru ta’ vjolazzjonijiet serji tal-Konvenzjoni, huwa jista’ jitlob is-sottomissjoni b’urġenza ta’ rapport speċjali dwar miżuri li ttieħdu biex tiġi pprevenuta xejra serja, massivia jew persistenti ta’ vjolenza kontra n-nisa.

14   Jekk iqis l-informazzjoni sottomessa mill-Parti kkonċernata, kif ukoll kull informazzjoni affidabbli oħra disponibbli għalih, il-GREVIO jista’ jaħtar wieħed jew aktar mill-membri tiegħu biex imexxu stħarriġ u biex jirrapportaw b’mod urġenti lill-GREVIO. Fejn mistenni u bil-kunsens tal-Parti, l-istħarriġ jista’ jinkludi żjara fit-territorju tiegħu.

15   Wara li jeżamina s-sejbiet tal-inkjesta msemmija fil-paragrafu 14, il-GREVIO għandu jittrasmetti dawk is-sejbiet lill-Parti konċernata u, fejn xieraq, lill-Kumitat tal-Partijiet u l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa flimkien ma’ kull kumment u rakkomandazzjoni.

Artikolu 69

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

Il-GREVIO jista’ jadotta, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 70

L-involviment Parlamentari fil-monitoraġġ

1   Il-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-monitoraġġ tal-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għandhom jissottomettu r-rapporti tal-GREVIO lill-parlamenti nazzjonali tagħhom.

3   L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tiġi mistiedna biex regolarment tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Kapitolu X

Relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra

L-Artikolu 71

Relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra

1   Din il-Konvenzjoni ma għandhiex taffettwa l-obbligi li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali oħra li għalihom il-Partijiet kontraenti għal din il-Konvenzjoni huma diġa Partijiet jew se jsiru Partijiet u li fihom dispożizzjonjiet dwar kwistjonjiet regolati minn din il-Konvenzjoni.

2   Il-Partijiet għall-Konvenzjoni jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejniethom rigward il-kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni, bl-għan li jissupplimentaw jew isaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha jew li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipji li tħaddan.

Kapitolu XI

Emendi għall-Konvenzjoni

Artikolu 72

Emendi

1   Kull proposta għal emenda għal din il-Konvenzjoni ppreżentata minn Parti għandha tkun ikkommunikata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u mgħoddija minnu lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, xi firmatarji, kull Parti, l-Unjoni Ewropea, kull Stat li ġie mistieden jiffirma din il-Konvenzjoni b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75, u kull Stat mistieden sabiex jissieħeb f’din il-Konvenzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76.

2   Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jqis l-emenda proposta u, wara li jkun ikkonsulta mal-Partijiet għal din il-Konvenzjoni li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa, jista' jadotta l-emenda bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa.

3   It-test ta' kull emenda adottata mill-Kumitat tal-Ministri skont il-paragrafu 2 jintbagħat lill-Partijiet għall-aċċettazzjoni.

4   Kull emenda adottata skont il-paragrafu 2 tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta' perjodu ta' xahar mid-data li fiha l-Partijiet kollha jkunu nfurmaw lis-Segretarju Ġenerali bl-aċċettazzjoni tagħhom.

Kapitolu XII

Klawżoli finali

Artikolu 73

L-effetti ta' din il-Konvenzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma għandhomx jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet ta’ strumenti internazzjonali vinkolanti u l-liġi interna li huma diġà fis-seħħ jew li jistgħu jidħlu fis-seħħ, skont liema drittijiet aktar favorevoli huma jew jistgħu jingħataw lil persuni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.

Artikolu 74

Riżoluzzjoni ta' tilwim

1   Il-Partijiet għal kull kunflitt li jista’ jinqala’ rigward l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandhom l-ewwel jippruvaw isolvu dan permezz ta’ negozjati, konċiljazzjoni, arbitraġġ jew b'kull metodu ieħor ta’ soluzzjoni paċifika aċċettati bi qbil komuni bejniethom.

2   Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista’ jistabbilixxi proċeduri ta’ soluzzjoni biex ikunu disponibbli għall-użu mill-Partijiet inkwistjoni jekk huma jaqblu li jsir hekk.

Artikolu 75

L-iffirmar u d-dħul fis-seħħ

1   Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għal firma mill-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, l-Istati li ma humiex Membri li jkunu pparteċipaw fl-elaborazzjoni tagħha u l-Unjoni Ewropea.

2   Din il-Konvenzjoni hi soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni jiġu ddepożitati għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

3   Din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet xhur minn wara d-data meta għaxar Firmatarji, inklużi mill-anqas tmien Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, ikunu ddikjaraw il-kunsens tagħhom li jintrabtu bil-Konvenzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

4   Fir-rigward ta' xi Stat imsemmi fil-paragrafu 1 jew l-Unjoni Ewropea, li sussegwentament jiddikjara l-kunsens tiegħu li jkun marbut bih, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jsegwi l-iskadenza ta' perjodu ta' tliet xhur wara d-data tad-depositu tal-istrument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni.

Artikolu 76

L-Adeżjoni mal-Konvenzjoni

1   Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista’, wara konsultazzjoni mal-Partijiet firmatarji ta' din il-Konvenzjoni u jiksbu l-kunsens unanimu tagħhom, jistieden Stat li mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa, li ma jkunx ipparteċipa fl-elaborazzjoni tagħha, li jaċċedi għal din il-Konvenzjoni, b’deċiżjoni meħudha bil-maġġoranza li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u b’vot unanimu tar-rapreżentanti tal-Partijiet intitolati li jkunu fil-Kumitat tal-Ministri.

2   Għal kull Stat imsieħeb, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xaħar ta’ wara t-tmiem ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta’ sħubija għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 77

L-applikazzjoni territorjali

1   Kull Stat tal-Unjoni Ewropea jista', fil-mument tal-firma jew meta jiddepożita l-istrument tiegħu tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni, tal-approvazzjoni jew tal-adeżjoni, jispeċifika t-territorju jew it-territorji li għalihom din il-Konvenzjoni tkun applikabbli.

2   Kull Parti tista', f'data aktar tard, b'dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, testendi l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni għal territorji oħrajn speċifikati fid-dikjarazzjoni, u li tkun responsabbli mir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jew li tkun awtorizzata timpenja ruħha f'isimhom. Fir-rigward ta' dawn it-territorji, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jsegwi l-iskadenza ta' perijodu ta' tlett xhur wara d-data tal-wasla ta' din id-dikjarazzjoni mis-Segretarju Ġenerali.

3   Fejn jidħol it-territorju speċifikat fiha, kull dikjarazzjoni li ssir skont iż-żewġ paragrafi preċedenti tista' tiġi rtirata b'avviż indirizzat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-irtirar isir effettiv fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ tliet xhur mid-data meta s-Segretarju Ġenerali jirċievi l-avviż.

Artikolu 78

Riżervi

1   L-ebda riservi ma tista' ssir fir-rigward ta’ xi disposizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, ħlief l-eċċezzjonijiet provduti fil-paragrafi 2 u 3.

2   Permezz ta' dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, meta jiffirmaw jew jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, kull Stat jew l-Unjoni Ewropea jistgħu jiddikjaraw li qed iżommu d-dritt li ma japplikawx jew li japplikaw biss fil-każijiet jew il-kundizzjonijiet speċifiċiid-dispożizzjonijiet stabbiliti fi:

l-Artikolu 30, paragrafu 2;

l-Artikolu 44, paragrafi 1.e, 3 u 4;

l-Artikolu 55, paragrafu 1 fir-rigward tal- Artikolu 35 fir-rigward ta’ reati żgħar;

l-Artikolu 58 fir-rigward tal-Artikoli 37, 38 u 39

l-Artikolu 59.

3   Permezz ta' dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, meta jiffirmaw jew jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, kull Stat jew l-Unjoni Ewropea jistgħu jiddikjaraw li qed iżommu d-dritt li jipprovdu għal pieni mhux kriminali, minflok pieni kriminali, għall-imġiba msemmija fl-Artikoli 33 u 34.

4   Kull Parti tista' tirtira riżerva kollha kemm hi jew parzjalment permezz ta' dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Din id-dikjarazzjoni issir effettiva mid-data tal-irċevuta mis-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 79

Il-validità u reviżjoni ta’ riżervi

1   Ir-riżervi msemmija fl-Artikolu 78, paragarfi 2 u 3 huma validi għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Parti kkonċernata. Madankollu, tali riżervi jistgħu jiġġeddu għal perjodi tal-istess tul.

2   Tmintax-il xahar qabel id-data ta’ skadenza tar-riżerva, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu javża b'din l-iskadenza lill-Parti kkonċernata. Mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza, il-Parti għandha tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li qiegħda tikkonferma, temenda jew tirtira r-riżerva tagħha. Fin-nuqqas ta’ notifika mill-Parti kkonċernata, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa jinforma lil dik il-Parti li r-riżerva tagħha ġiet meqjusa estiża awtomatikament għal perjodu ta’ sitt xhur. Nuqqas mill-Parti kkonċernata li tinnotifika l-intenzjoni tagħha li tikkonferma jew timmodifika r-riżerva tagħha qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jikkawża l-iskadenza tar-riżerva.

3   Jekk il-Parti tagħmel riżerva skont l- Artikolu 78, paragrafi 2 u 3, hija għandha tipprovdi, qabel it-tiġdid tagħha jew fuq talba, spjegazzjoni lill-GREVIO dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kontinwazzjoni tagħha.

Artikolu 80

Denunzja

1   Kull Parti tista', f'kull waqt, tiddenunzja din il-Konvenzjoni permezz ta' notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

2   Denunzja bħal din issir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet xhur mid-data meta n-notifika tasal għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 81

Notifika

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati li mhumiex membri li pparteċipaw fl-elaborazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, kull firmatarju, kull Parti, l-Unjoni Ewropea u kull Stat li ġie mistieden biex jaċċedi għal din il-Konvenzjoni bil-:

a

b'kull firma;

b

bid-depożitu ta' kull strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni;

c

kull data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni skont l-Artikoli 75 u 76;

d

kull emenda adottata skont l- Artikolu 72 d-data li fiha tali emenda tidħol fis-seħħ;

e

kull riżerva u kull irtirar ta' riżerva li jkunu saru skont l-Artikolu 78;

f

kull denunzja magħmula bis-saħħa tad-diżposizzjonijiet tal-Artikolu 80;

g

kull att, notifika jew komunikazzjoni relatata ma' din il-Konvenzjoni.

B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati kif imiss biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmul f'Istanbul, fil-11 ta' Mejju 2011, fil-lingwa Ingliża u Franċiża, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi, f'kopja waħda li tkun iddepożitata fl-arkivji tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa għandu jitrażmetti kopji ċċertifikati lil kull wieħed mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati li ma humiex membri li pparteċipaw fl-elaborazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, lill-Unjoni Ewropea, u kull Stat mistieden biex jaderixxi magħha.

Appendiċi

Privileġġi u immunitajiet (Artikolu 66)

1   

Dan l-appendiċi għandu japplika għall-membri ta' GREVIO msemmija fl- Artikolu 66 tal-Konvenzjoni, kif ukoll għal membri oħra tad-delegazzjonijiet li jżuru l-pajjiż. Għall-fini ta’ dan l-appendiċi, it-terminu “membri oħrajn tad-delegazzjonijiet li jżuru l-pajjiż” għandu jinkludi l-esperti nazzjonali indipendenti u l-ispeċjalisti msemmija fl-Artikolu 68, il-paragrafu 9, tal-Konvenzjoni, il-membri tal-persunal tal-Kunsill tal-Ewropa u l-interpreti impjegati mill-Kunsill tal-Ewropa li jakkumpanjaw lill-GREVIO waqt iż-żjarat fil-pajjiżi.

2   

Il-membri ta' GREVIO u l-membri l-oħra tad-delegazzjonijiet li jżuru l-pajjiżi għandhom, huma u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom marbuta mat-tħejjija u t-twettiq ta’ żjarat fil-pajjiż, kif ukoll is-segwitu tagħhom, u waqt li jkunu qed jivvjaġġaw b’rabta ma’ dawk il-funzjonijiet, igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet li ġejjin:

a

immunità mill-arrest personali jew detenzjoni u mis-sekwestru tal-bagalji personali tagħhom, u immunità minn proċess legali ta’ kull xorta fir-rigward ta’ kliem mitkellem jew miktub u l-atti kollha mwettqa minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom;

b

eżenzjoni minn kull restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment tagħhom dwar ħruġ minn u r-ritorn fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, u dħul u ħruġ mill-pajjiż li fih huma jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, u minn reġistrazzjoni aljena fil-pajjiż li qed iżuru jew li minnu għandhom jgħaddu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

3   

Matul vjaġġi li jsiru fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri ta' GREVIO u l-membri l-oħra tad-delegazzjonijiet li jżuru l-pajjiżi għandhom, fir-rigward ta’ dwana u kontroll fuq il-kambju, jingħataw l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lir-rappreżentanti ta’ gvernijiet barranin fuq dover uffiċjali temporanji.

4   

Id-dokumenti li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni magħmula mill-membri tal-GREVIO u mill-membri l-oħra tad-delegazzjonijiet li jżuru l-pajjiżi għandhom ikunu invjolabbli, sa fejn dawn jirrigwardaw l-attività tal-GREVIO. L-ebda waqfien jew ċensura ma għandha tiġi applikata fuq il-korrispondenza uffiċjali tal-GREVIO jew għall-komunikazzjonijiet uffiċjali tal-membri tal-GREVIO u l-membri oħra tad-delegazzjonijiet li jżuru l-pajjiżi.

5   

Sabiex tiġi żgurata għall-membri tal-GREVIO u għall-membri l-oħra tad-delegazzjonijiet li jżuru lill-pajjiżi libertà sħiħa tal-kelma u indipendenza kompleta fil-qadi ta’ dmirijiethom, l-immunità minn proċess legali fir-rigward ta’ kliem mitkellem jew miktub u l-atti kollha magħmula minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom għandhom ikomplu jingħataw, minkejja li l-persuni kkonċernati m’għadhomx aktar involuti fit-twettiq ta’ dawn id-dmirijiet.

6   

Il-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-appendiċi sabiex jiżgura l-indipendenza sħiħa fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom fl-interess tal-GREVIO u mhux għall-vantaġġ personali tagħhom. It-tneħħija tal-immunitajiet tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-appendiċi għandha ssir mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa f’kull każ fejn, fl-opinjoni tiegħu, l-immunità tfixkel il-kors tal-ġustizzja u tista’ titneħħa mingħajr preġudizzju għall-interessi tal-GREVIO.