|
ISSN 1977-074X |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 66 |
|
|
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
|
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
I Atti leġiżlattivi
REGOLAMENTI
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/1 |
REGOLAMENT (UE) 2023/969 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Mejju 2023
li jistabbilixxi pjattaforma ta’ kollaborazzjoni sabiex tappoġġa l-funzjonament tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (d), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa żgurat. Fl-istess ħin, l-Unjoni jenħtieġ li tiżgura li dik iż-żona tibqa’ post sikur. Dak l-objettiv jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ kooperazzjoni aktar effettiva, koordinata tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi internazzjonali u nazzjonali u permezz ta’ miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. |
|
(2) |
L-ilħuq ta’ dak il-għan huwa partikularment ta’ sfida f’sitwazzjonijiet fejn il-kriminalità tieħu dimensjoni transfruntiera fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri u/jew pajjiżi terzi jew aktar. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jgħaqqdu l-forzi u l-operazzjonijiet tagħhom sabiex jippermettu investigazzjonijiet transfruntiera u prosekuzzjonijiet effettivi u effiċjenti, li għalihom l-iskambju ta’ informazzjoni u evidenza huwa kruċjali. Waħda mill-aktar għodod ta’ suċċess għal kooperazzjoni transfruntiera bħal din hija l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta (“SIK”) li jippermettu kooperazzjoni u komunikazzjoni diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi ta’ żewġ Stati Membri jew aktar u possibbilment pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw l-azzjonijiet u l-investigazzjonijiet tagħhom bl-aktar mod effiċjenti. Is-SIK huma stabbiliti għal skop speċifiku u perjodu limitat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar u possibbilment pajjiżi terzi, sabiex iwettqu investigazzjonijiet kriminali b’mod konġunt b’impatt transfruntier b’mod konġunt. |
|
(3) |
Is-SIK urew li huma strumentali fit-titjib tal-kollaborazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti transfruntiera, bħaċ-ċiberkriminalità, it-terroriżmu, u l-kriminalità serja u organizzata, billi jnaqqsu l-proċeduri u l-formalitajiet li jieħdu ħafna ħin bejn il-membri tas-SIK. L-użu akbar tas-SIK tejjeb bl-istess mod il-kultura tal-kooperazzjoni transfruntiera f’materji kriminali bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Unjoni. |
|
(4) |
L-acquis tal-Unjoni jipprevedi żewġ oqfsa legali sabiex jiġu stabbiliti SIK bil-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri: L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2) u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI (3). Il-pajjiżi terzi jistgħu jkunu involuti fis-SIK bħala Partijiet fejn hemm bażi ġuridika għal tali involviment, bħall-Artikolu 20 tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali, iffirmata Strasburgu fit-8 ta’ Novembru 2001 (4) u l-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar l-assistenza legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka (5). |
|
(5) |
L-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali għandhom rwol kruċjali fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali. Ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jipparteċipaw f’SIK partikolari fuq stedina tal-membri tas-SIK abbażi tal-ftehim rilevanti li jwaqqaf SIK (“ftehim dwar is-SIK”). Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ffaċilitat ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni u l-evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u kwalunkwe qorti, tribunal jew mekkaniżmu ieħor li għandu l-għan li jindirizza delitti serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, b’mod partikolari l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI). Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi aċċess għal pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Informatika (IT) (“pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK”) lir-rappreżentanti ta’ tali awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali. |
|
(6) |
Hemm ħtieġa urġenti għal pjattaforma ta’ kollaborazzjoni għas-SIK biex jikkomunikaw b’mod effiċjenti u jiskambjaw informazzjoni u evidenza b’mod sikur sabiex jiġi żgurat li dawk responsabbli għall-aktar delitti serji jkunu jistgħu jinżammu responsabbli malajr. Din il-ħtieġa hija ssottolinjata mill-mandat emendat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li ġie emendat bir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jippermetti lill- Eurojust tippreserva, tanalizza, u taħżen evidenza relatata mal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati u jippermetti l-iskambju ta’ evidenza relatata mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, b’mod partikolari l-QKI. |
|
(7) |
L-oqfsa legali eżistenti fil-livell tal-Unjoni ma jistabbilixxux kif l-entitajiet li jipparteċipaw f’SIK għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u jikkomunikaw. Dawk l-entitajiet jilħqu ftehim dwar tali skambju u komunikazzjoni abbażi tal-ħtiġijiet u l-mezzi disponibbli. Il-veloċità, il-kooperazzjoni u l-effiċjenza huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera li kulma jmur qed issir aktar kumplessa u li qed tevolvi b’pass mgħaġġel.. Madankollu, attwalment m’hemm l-ebda sistema li tappoġġa l-ġestjoni tas-SIK, li tippermetti aktar tiftix u reġistrazzjoni effiċjenti tal-evidenza, u s-sigurtà tad-data skambjata bejn dawk involuti f’SIK. Hemm nuqqas evidenti ta’ kanali sikuri u effettivi apposta li għalihom dawk kollha involuti fis-SIK jistgħu jirrikorru u li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiskambjaw minnufih volumi kbar ta’ informazzjoni u evidenza jew jippermettu komunikazzjoni sigura u effettiva. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda sistema li tappoġġa l-ġestjoni tas-SIK, inkluż it-traċċabbiltà tal-evidenza skambjata fost dawk involuti f’SIK b’mod li jkun konformi mar-rekwiżiti legali quddiem il-qrati nazzjonali, jew l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ SIK. |
|
(8) |
Fid-dawl tal-possibiltajiet dejjem jiżdiedu ta’ infiltrazzjoni tal-kriminalità fis-sistemi tal-IT, is-sitwazzjoni attwali tista’ tfixkel l-effettività u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet transfruntieri, kif ukoll tipperikola u tnaqqas ir-ritmu ta’ tali investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet minħabba l-iskambju mhux sikur u mhux diġitali tal-informazzjoni u l-evidenza, u b’hekk tagħmilhom ukoll aktar għaljin. L-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi b’mod partikolari jeħtieġ li jiżguraw li s-sistemi tagħhom ikunu kemm jista’ jkun moderni u sikuri u li l-membri kollha tas-SIK ikunu jistgħu jikkonnettjaw u jinteraġixxu faċilment, indipendentement mis-sistemi nazzjonali tagħhom. |
|
(9) |
Huwa importanti li l-kooperazzjoni tas-SIK tittejjeb u tiġi appoġġata minn għodod moderni tal-IT. Il-ħeffa u l-effiċjenza tal-iskambji bejn dawk involuti f’SIK jistgħu jittejbu b’mod konsiderevoli bil-ħolqien ta’ pjattaforma apposta tal-IT sabiex tappoġġa l-funzjonament tas-SIK. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jistabbilixxu pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fil-livell tal-Unjoni sabiex tgħin lil dawk involuti f’SIK biex jikkollaboraw, jikkomunikaw b’mod sigur u jiskambjaw informazzjoni u evidenza. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tintuża biss meta jkun hemm, fost oħrajn, -bażi legali tal-Unjoni għat-twaqqif ta’ SIK. Għas-SIK kollha mwaqqfa biss fuq bażijiet legali internazzjonali, il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ma għandhiex tintuża, billi din hija ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni u żviluppata abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Madankollu, meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz ikunu Parti għal ftehim dwar SIK li jkollu bażi legali tal-Unjoni kif ukoll waħda internazzjonali, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz jenħtieġ li jitqiesu bħala membri tas-SIK. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikun fuq bażi volontarja. Madankollu, fid-dawl tal-valur miżjud tagħha għal investigazzjonijiet transfruntieri, l-użu tagħha huwa mħeġġeġ bil-qawwa. Jenħtieġ li l-użu jew in-nuqqas ta’ użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ma jippreġudikax jew jaffettwa l-legalità ta’ forom oħra ta’ komunikazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, u lanqas ma jbiddel il-mod kif is-SIK jiġu stabbiliti, organizzati jew kif jiffunzjonaw. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ma jkollux impatt fuq il-bażijiet legali sottostanti għat-twaqqif tas-SIK u lanqas ma għandu jaffettwa l-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-ġbir u l-użu tal-evidenza miksuba. Jenħtieġ li uffiċjali minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, bħad-dwana, fejn dawn ikunu membri ta’ SIK imwaqqfa skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/465/ĠAI, ikun jista’ jkollhom aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tipprovdi biss għodda tal-IT sigura sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni, taċċellera l-fluss ta’ informazzjoni bejn l-utenti tagħha, u żżid is-sigurtà tad-data skambjata u l-effettività tas-SIK. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tkopri l-fażijiet operazzjonali u postoperazzjonali tas-SIK, mill-mument li l-ftehim rilevanti dwar is-SIK jiġi ffirmat sakemm tintemm l-evalwazzjoni tas-SIK. Minħabba l-fatt li l-atturi li jipparteċipaw fil-proċess tat-twaqqif ta’ SIK huma differenti mill-atturi li huma membri ta’ SIK ladarba titwaqqaf, jenħtieġ li l-proċess tat-twaqqif ta’ SIK, speċjalment in-negozjar tal-kontenut u l-iffirmar tal-ftehim dwar is-SIK ma jkunx ġestit permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Madankollu, minħabba l-ħtieġa għal għodda elettronika sabiex tappoġġa l-proċess ta’ ffirmar ta’ SIK, huwa importanti li l-Kummissjoni tikkunsidra li tkopri dak il-proċess mis-Sistema ta’ Skambju Diġitali ta’ Evidenza Elettronika (eEDES), li hija portal onlajn sikur għal talbiet u risposti elettroniċi żviluppat mill-Kummissjoni. |
|
(13) |
Għal kull SIK li tuża l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jenħtieġ li l-membri tas-SIK ikunu mħeġġa jwettqu evalwazzjoni tas-SIK, matul il-fażi operazzjonali tas-SIK jew wara l-għeluq tagħha, bl-użu tal-għodod previsti mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(14) |
Ftehim dwar is-SIK, li jinkludi kwalunkwe appendiċi, jenħtieġ li jkun prerekwiżit għall-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jenħtieġ li l-kontenut tal-ftehimiet futuri kollha dwar is-SIK jiġi adattat sabiex iqis id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament. |
|
(15) |
In-network ta’ esperti nazzjonali dwar is--SIK, li ġie ffurmat fl-2005 (“Network tas-SIK”) żviluppa mudell ta’ ftehim li jinkludi appendiċijiet, sabiex jiffaċilita t-twaqqif ta’ SIK. Jenħtieġ li l-kontenut tal-mudell ta’ ftehim u l-appendiċijiet tiegħu jiġu adattati biex iqisu d-deċiżjoni li tintuża l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u r-regoli għall-aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(16) |
Minn perspettiva operazzjonali, jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tkun magħmula minn spazji iżolati ta’ kollaborazzjoni tas-SIK maħluqa għal kull SIK individwali ospitata mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(17) |
Minn perspettiva teknika, jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tkun aċċessibbli permezz ta’ konnessjoni sigura fuq l-Internet u jenħtieġ li tkun magħmula minn sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata, aċċessibbli permezz ta’ portal web sikur, software ta’ komunikazzjoni għal apparati mobbli u desktop, inkluż mekkaniżmu avvanzat ta’ reġistrazzjoni u ta’ ttrekkjar u konnessjoni bejn is-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u l-għodod tal-IT rilevanti li jappoġġaw il-funzjonament tas-SIK u li jkunu ġestiti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK. |
|
(18) |
Jenħtieġ li għan tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikun li tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ SIK. Il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni ta’ SIK jenħtieġ li tiżgura l-iskambju u l-ħżin temporanju ta’ informazzjoni u evidenza operazzjonali, tipprovdi komunikazzjoni sigura, tipprovdi traċċabbiltà tal-evidenza u tappoġġa l-proċess tal-evalwazzjoni ta’ SIK. Jenħtieġ li l-dawk kollha involuti f’SIK jiġu mħeġġa jużaw il-funzjonalitajiet kollha tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u jissostitwixxu sa fejn hu possibbli l-kanali ta’ komunikazzjoni u ta’ skambju ta’ data li huma attwalment użati ma’ dawk tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(19) |
Il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ data bejn l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja li jkunu involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-membri tas-SIK huma kruċjali biex jiġi żgurat rispons koordinat tal-Unjoni għall-attivitajiet kriminali u biex jingħata appoġġ kruċjali lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tikkomplementa l-għodod eżistenti li jippermettu l-iskambju sigur ta’ data fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi, bħall-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA) ġestit mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(20) |
Jenħtieġ li l-funzjonalitajiet relatati mal-komunikazzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jiġu pprovduti minn software tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku li jippermetti li komunikazzjoni mhux traċċabbli tinħażen lokalment fuq l-apparati tal-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(21) |
Jenħtieġ li tiġi żgurata funzjonalità xierqa li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni u evidenza operazzjonali, inkluż fajls kbar, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ upload/download imfassal sabiex jaħżen id-data ċentralment biss għall-perjodu ta’ żmien limitat meħtieġ għat-trasferiment tekniku tad-data. Hekk kif id-data titniżżel mill-indirizzi kollha, din jenħtieġ li titħassar awtomatikament u b’mod permanenti mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(22) |
Minħabba l-esperjenza tagħha fil-ġestjoni ta’ sistemi fuq skala kbira fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jenħtieġ li tiġi fdata bil-kompitu li tfassal, tiżviluppa u topera l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK bl-użu tal-funzjonalitajiet eżistenti tas-SIENA u funzjonalitajiet oħra fil-Europol sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà u fejn ikun xieraq, il-konnettività. Għalhekk, il-mandat tal-eu-LISA jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jirrifletti dawk il-kompiti l-ġodda u jenħtieġ li l-eu-LISA tingħata -finanzjament u l-persunal xierqa sabiex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha skont dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-responsabbiltajiet tal-eu-LISA, bħala l-aġenzija fdata bl-iżvilupp, l-operazzjoni teknika u l-manutenzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(23) |
Jenħtieġ li l-eu-LISA tiżgura li d-data miżmuma mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tkun tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi trażmessa faċilment minn SIENA lill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġi ppreżentat rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-ħtieġa, il-fattibbiltà u l-adegwatezza ta’ konnessjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mas-SIENA. Dak ir-rapport jenħtieġ li jkun fih il-kondizzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri għall-iżgurar ta’ konnessjoni sigura u effiċjenti u skambju ta’ data. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data meħtieġ għal tali konnessjoni, abbażi tal-qafas legali eżistenti tal-Unjoni u dak nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, bħad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-regoli applikabbli għall-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni fl-atti legali li jistabbilixxuhom. Jenħtieġ li jitqies il-livell ta’ protezzjoni tad-data li ser tiġi skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jiġifieri data sensittiva u mhux klassifikata. F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta wkoll mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qabel ma jiġi ppreżentat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi li jirriżultaw mill-ipproċessar previst tad-data personali. |
|
(24) |
Sa mill-formazzjoni tan-Network tas-SIK fl-2005, is-Segretarjat tan-Network tas-SIK jappoġġa l-ħidma tan-Network tas-SIK billi jorganizza laqgħat u attivitajiet ta’ taħriġ kull sena, billi jiġbor u janalizza evalwazzjonijiet tas-SIK individwali u billi jmexxi l-programm tal-Eurojust għall-finanzjament tas-SIK. Mill-2011, is-Segretarjat tan-Network tas-SIK huwa ospitat mill-Eurojust bħala unità separata. Jenħtieġ li l-Eurojust tiġi pprovduta b’persunal xieraq allokat lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK sabiex is-Segretarjat tan-Network tas-SIK ikun jista’ jappoġġa lill-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fl-applikazzjoni prattika tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, biex jipprovdi gwida u assistenza ta’ kuljum, biex ifassal u jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ, biex iqajjem kuxjenza u jippromwovi l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK |
|
(25) |
Minħabba l-għodod tal-IT attwalment eżistenti li jappoġġaw l-operazzjonijiet tas-SIK, li huma ospitati fil-Eurojust u ġestiti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK, huwa meħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tiġi konnessa ma’ dawk l-għodod tal-IT, sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tas-SIK. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Eurojust tiżgura l-adattament tekniku meħtieġ tas-sistemi tagħha sabiex tistabbilixxi tali konnessjoni. Il-Eurojust jenħtieġ li tingħata wkoll il-finanzjament u l-persunal adatti sabiex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha f’dak ir-rigward. |
|
(26) |
Matul il-fażi operazzjonali ta’ SIK, il-Eurojust u l-Europol jipprovdu appoġġ operazzjonali imprezzabbli lill-membri tas-SIK billi joffru firxa wiesgħa ta’ għodod ta’ appoġġ, inkluż uffiċċji mobbli, analiżi ta’ tqabbil reċiproku u analiżi analitika, ċentri ta’ koordinazzjoni u operazzjonali, koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni, għarfien espert u finanzjament. |
|
(27) |
Sabiex tiġi żgurata diviżjoni ċara tad-drittijiet u l-kompiti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, il-Eurojust, il-Europol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (‘l- UPPE’) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (12), l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (13) u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, inkluż il-kondizzjonijiet, li taħthom jistgħu jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għal għanijiet operattivi. |
|
(28) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji rigward il-mandat, il-kompożizzjoni u l-aspetti organizzattivi ta’ Bord tal-Ġestjoni tal-Programm li jenħtieġ li jiġi stabbilit mill-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA. Jenħtieġ li l-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi ta’ tfassil u żvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jeħtieġ ukoll li jiġu stipulati d-dettalji tal-aspetti tal-mandat, tal-kompożizzjoni u tal-organizzazzjoni ta’ Grupp Konsultattiv li jrid jiġi stabbilit mill-eu-LISA sabiex jinkiseb għarfien espert relatat mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u r-rapport annwali tal-attività tagħha. |
|
(29) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u s-salvagwardji meħtieġa. L-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK jenħtieġ li jiġu fdati bil-ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni individwali tas-SIK. Jenħtieġ li matul il-fażijiet operazzjonali u postoperazzjonali tas-SIK, huma jkunu responsabbli mill-ġestjoni ta’ aċċess għall-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, abbażi tal-ftehim rilevanti dwar is-SIK. Jenħtieġ li l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK ikunu jistgħu jiddelegaw il-kompiti tekniċi u amministrattivi tagħhom lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK, ħlief għall-verifika tad-data mtella’ minn pajjiżi terzi jew minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali. |
|
(30) |
B’kont meħud tas-sensittività tad-data operazzjonali skambjata fost l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jenħtieġ li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tiżgura livell għoli ta’ sigurtà. Jenħtieġ li l-eu-LISA tadotta l-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà tal-iskambju ta’ data billi tuża algoritmi ta’ kriptaġġ b’saħħithom minn tarf sa tarf sabiex tikkripta d-data fi tranżitu jew waqt pawża. |
|
(31) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-eu-LISA, il-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, fir-rigward ta’ dannu materjali jew mhux materjali li jseħħ bħala riżultat ta’ kwalunkwe att inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament. Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, il-klawżoli ta’ responsabbiltà fir-rigward ta’ dannu materjali jew mhux materjali jenħtieġ li jkunu inkluż fil-ftehimiet rilevanti dwar is-SIK. |
|
(32) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data, li jikkonċernaw kemm id-data operazzjonali kif ukoll id-data mhux operazzjonali. Dawk id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data huma meħtieġa sabiex jissupplimentaw l-arranġamenti eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data u sabiex jipprevedu livell ġenerali adegwat ta’ protezzjoni tad-data, sigurtà tad-data u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. |
|
(33) |
Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament ikun konformi mal-qafas legali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) 2018/1725 japplika fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu żgurati salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data. |
|
(34) |
Kull awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru, u fejn xieraq, il-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu individwalment responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali meta jkunu qed jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Jenħtieġ li l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jitqiesu bħala kontrolluri konġunti, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725, għall-ipproċessar ta’ data personali mhux operazzjonali. |
|
(35) |
F’konformità mal-ftehim dwar is-SIK rilevanti, jenħtieġ li jkun possibbli għall-amministraturi tal-ispazju tas-SIK li jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lil rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li huma Partijiet għal ftehim dwar is-SIK jew lil rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jipparteċipaw f’SIK. Fil-kuntest ta’ ftehim dwar is-SIK, kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi jew lil awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, filwaqt li dawk l-awtoritajiet jitqiesu bħala organizzazzjonijiet internazzjonali għal dak l-għan, huwa soġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680. Jenħtieġ li l-iskambji ta’ data operazzjonali ma’ pajjiżi terzi jew awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali jkunu limitati għal dawk strettament meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-ftehim dwar is-SIK rilevanti. |
|
(36) |
Meta SIK ikollha diversi amministraturi tal-ispazju tas-SIK, jenħtieġ li wieħed minnhom jinħatar fil-ftehim rilevanti dwar is-SIK bħala kontrollur tad-data mtella’ minn pajjiżi terzi jew rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, qabel ma jinħoloq l-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li fih huma involuti pajjiżi terzi jew rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali. |
|
(37) |
L-eu-LISA jenħtieġ li tiżgura li l-aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata jiġu rreġistrati għall-għanijiet tal-monitoraġġ tal-integrità u s-sigurtà tad-data u l-legalità tal-ipproċessar tad-data kif ukoll għall-għanijiet ta’ awtomonitoraġġ. Jenħtieġ li l-eu-LISA ma jkollhiex aċċess għal data operazzjonali u mhux operazzjonali maħżuna fl-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(38) |
Dan ir-Regolament jimponi obbligi ta’ rappurtar fuq l-eu-LISA fir-rigward tal-iżvilupp u l-funzjonament tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar, mal-prestazzjoni teknika, mal-kosteffettività, mas-sigurtà u mal-kwalità tas-servizz. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li tqis l-objettivi ta’ dan ir-Regolament kif ukoll ir-riżultati aggregati tal-evalwazzjonijiet tas-SIK individwali, mhux iktar tard minn sentejn wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u kull erba’ snin minn hemm ’il quddiem. |
|
(39) |
Filwaqt li l-kost tal-istabbiliment u ż-żamma tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK kif ukoll ir-rwol ta’ appoġġ tal-Eurojust wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jenħtieġ li jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni, kull Stat Membru kif ukoll il-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-OLAF u kwalunkwe korp, uffiċċju u aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li jħallsu l-ispejjeż tagħhom stess li jirriżultaw mill-użu tagħhom tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
|
(40) |
Sabiex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi għall-iżvilupp tekniku u l-implimentazzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). |
|
(41) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti meħtieġa għall-iżvilupp tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-aktar fis possibbli wara data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(42) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ladarba l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti meħtieġa għall-iżvilupp tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikunu ġew adottati u l-eu-LISA tkun wettqet test komprensiv tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, bl-involviment tal-Istati Membri. |
|
(43) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jippermetti l-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u evidenza effettivi u effiċjenti fost il-membri tas-SIK, rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, il-Eurojust, il-Europol, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, bl-istabbiliment ta’ regoli komuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(44) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(45) |
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra fis-7 ta’ April 2022, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(46) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta kummenti formali fil-25 ta’ Jannar 2022, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament:
|
(a) |
jistabbilixxi pjattaforma tal-IT (il-“pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK”), li għandha tintuża fuq bażi volontarja, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti (“SIK”) stabbiliti abbażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/ĠAI; |
|
(b) |
jistabbilixxi regoli dwar id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u l-aġenzija responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(c) |
jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom, l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jistgħu jingħataw aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(d) |
jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data meħtieġa sabiex jissupplimentaw l-arranġamenti eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data u sabiex jipprovdu għal livell ġenerali adegwat ta’ protezzjoni tad-data, ta’ sigurtà tad-data u ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. |
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, inkluż data personali, fil-kuntest ta’ SIK. Dak jinkludi l-iskambju u l-ħażna ta’ data operazzjonali, kif ukoll ta’ data mhux operazzjonali
2. Dan ir-Regolament japplika għall-fażijiet operazzjonali u postoperazzjonali ta’ SIK, li jibda mill-mument li l-ftehim rilevanti dwar is-SIK jiġi ffirmat, sakemm titneħħa d-data operazzjonali u mhux operazzjonali kollha ta’ dik is-SIK mis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.
3. Dan ir-Regolament ma jemendax jew ma jaffettwax b’mod ieħor id-dispożizzjonijiet legali eżistenti dwar l-istabbiliment, it-twettiq jew l-evalwazzjoni tas-SIK.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata” tfisser sistema ċentrali tal-IT fejn iseħħ l-ħżin u l-ipproċessar ta’ data relatata mas-SIK; |
|
(2) |
“software ta’ komunikazzjoni” tfisser software li jiffaċilita l-iskambju ta’ fajls u messaġġi f’formati ta’ test, awdjo, immaġni jew vidjo bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(3) |
“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti biex ikunu parti minn SIK li kienet stabbilita f’konformità mal- Artikolu 13 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/ĠAI, l-UPPE meta jaġixxi skont il-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament (UE) 2017/1939, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz fejn huma Parti fi ftehim dwar is-SIK skont bażi legali addizzjonali; |
|
(4) |
“membri tas-SIK” tfisser rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti; |
|
(5) |
“utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK” tfisser membri tas-SIK, tal-Eurojust, tal-Europol, tal-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti ta’ awtorità ġudizzjarja internazzjonali li tipparteċipa f’SIK; |
|
(6) |
“awtorità ġudizzjarja internazzjonali” tfisser korp, qorti, tribunal, jew mekkaniżmu internazzjonali stabbilit għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, jiġifieri delitti ta’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati li jaffettwaw il-paċi u s-sigurtà internazzjonali; |
|
(7) |
“spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK” tfisser spazju iżolat individwali għal kull SIK ospitat fuq il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(8) |
“amministratur tal-ispazju tas-SIK” tfisser membru tas-SIK ta’ Stat Membru, jew membru tas-SIK tal-UPPE, maħtur fi ftehim dwar is-SIK, inkarigat minn spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(9) |
“data operazzjonali” tfisser informazzjoni u evidenza pproċessati mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK matul il-fażi operazzjonali ta’ SIK sabiex jiġu appoġġati l-investigazzjonijiet transfruntiera u jiġu appoġġati l-prosekuzzjonijiet; |
|
(10) |
“data mhux operazzjonali” tfisser data amministrattiva pproċessata mill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari sabiex tiffaċilita l-ġestjoni ta’ SIK u l-kooperazzjoni bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
Artikolu 4
Arkitettura teknika tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK
Il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tkun magħmula minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata li tippermetti l-ħżin ċentrali temporanju tad-data; |
|
(b) |
software ta’ komunikazzjoni li jippermetti l-ħżin lokali sigur ta’ data ta’ komunikazzjoni fuq l-apparati tal-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(c) |
konnessjoni bejn is-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u l-għodod tal-IT rilevanti, li jappoġġaw il-funzjonament tas-SIK u li huma ġestiti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK. |
Is-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata għandha tkun ospitata mill-eu-LISA fis-siti tekniċi tagħha.
Artikolu 5
L-għan tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK
L-għan tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandu jkun li tiffaċilita:
|
(a) |
il-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ SIK, permezz ta’ sett ta’ funzjonalitajiet li jappoġġaw il-proċessi amministrattivi u finanzjarji fi ħdan is-SIK; |
|
(b) |
l-iskambju rapidu u sikur u l-ħżin temporanju ta’ data operazzjonali, inkluż fajls kbar, permezz ta’ funzjonalità ta’ upload u download; |
|
(c) |
komunikazzjoni sigura permezz ta’ funzjonalità li tkopri messaġġi istantanji, chats, awdjokonferenzai u vidjokonferenzi; |
|
(d) |
it-traċċabbiltà ta’ skambji ta’ evidenza permezz ta’ mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni avanzat u ta’ ttrekkjar li jippermetti li l-evidenza kollha, inkluż l-aċċess u l-ipproċessar tagħha, skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jinżamm rekord tagħha; |
|
(e) |
l-evalwazzjoni ta’ SIK permezz ta’ proċess ta’ evalwazzjoni kollaborattiv apposta. |
KAPITOLU II
ŻVILUPP U ĠESTJONI OPERAZZJONALI
Artikolu 6
Adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-aktar fis possibbli wara s-7 ta’ Ġunju 2023, u b’mod partikolari atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw:
|
(a) |
il-lista ta’ funzjonalitajiet meħtieġa għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ SIK, inkluż it-traduzzjoni awtomatika ta’ data mhux operazzjonali; |
|
(b) |
il-lista ta’ funzjonalitajiet meħtieġa għal komunikazzjonijiet siguri; |
|
(c) |
l-ispeċifikazzjonijiet tan-negozju tal-konnessjoni msemmija fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, il-punt (c); |
|
(d) |
sigurtà kif imsemmija fl-Artikolu 19; |
|
(e) |
reġistri tekniċi kif imsemmija fl-Artikolu 25; |
|
(f) |
statistika u informazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 26; |
|
(g) |
rekwiżiti ta’ prestazzjoni u disponibbiltà tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(2).
Artikolu 7
Responsabbiltajiet tal-eu-LISA
1. L-eu-LISA għandha tistabbilixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK inkluż l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-evoluzzjoni tagħha abbażi tal-atti ta’ implimentazzjoni imsemmija fl-Artikolu 6. Dak id-disinn għandu jiġi approvat mill-Bord tal-Ġestjoni tagħha, soġġett għal opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.
2. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK f’konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku. Tali żvilupp għandu jikkonsisti mill-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-ittestjar u l-koordinazzjoni ġenerali tal-proġett.
3. L-eu-LISA għandha tagħmel is-software ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
4. L-eu-LISA għandha tiżviluppa u timplimenta l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK malajr kemm jista’ jkun wara s-7 ta’ Ġunju 2023 u wara l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6.
5. L-eu-LISA għandha tiżgura li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK titħaddem f’konformità ma’ dan ir-Regolament u, mal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.
6. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni operazzjonali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-ġestjoni operazzjonali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha meħtieġa sabiex il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tibqa’ operazzjonali f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari l-ħidma ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK tiffunzjona f’livell sodisfaċenti f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.
7. L-eu-LISA għandha tiżgura l-għoti ta’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK, inkluż billi tipprovdi materjali għat-taħriġ.
8. L-eu-LISA għandha tistabbilixxi servizz ta’ appoġġ għall-mitigazzjoni, fil-ħin, ta’ inċidenti tekniċi rrapportati lilha.
9. L-eu-LISA għandha twettaq kontinwament titjib u żżid funzjonalitajiet ġodda mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, abbażi tal-kontribut li tirċievi mill-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12 u r-rapport annwali tas-Segretarjat tan-Network tas-SIK imsemmi fl-Artikolu 10, il-punt (e).
10. L-eu-LISA ma għandux ikollha aċċess għall-data operazzjonali u mhux operazzjonali maħżuna fl-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
11. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (15), l-eu-LISA għandha tapplika regoli xierqa ta’ segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta’ kunfidenzjalità għall-membri kollha tal-persunal tagħha li jkun meħtieġ jaħdem b’data rreġistrata fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawk il-membri tal-persunal ikunu telqu mill-kariga jew l-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħhom.
Artikolu 8
Responsabbiltajiet tal-Istati Membri
1. Kull Stat Membru għandu jagħmel l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK skont dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikollhom aċċess għal korsijiet ta’taħriġ ipprovduti mis-Segretarjat tan-Network tas-SIK skont l-Artikolu 10, il-punt (c), jew għal korsijiet ta’ taħriġ ekwivalenti pprovduti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK huma konxji bis-sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data skont id-dritt tal-Unjoni.
Artikolu 9
Responsabbiltajiet tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kompetenti tal-Unjoni
1. L-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni għandhom jagħmlu l-arranġamenti tekniċi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
2. L-Eurojust għandha tkun responsabbli għall-adattament tekniku meħtieġ tas-sistemi tagħha, meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni msemmija fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, il-punt (c).
Artikolu 10
Responsabbiltajiet tas-Segretarjat tan-Network tas-SIK
Is-Segretarjat tan-Network tas-SIK għandu jappoġġa l-funzjonament tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK billi:
|
(a) |
jipprovdi, fuq it-talba tal-amministratur jew tal-amministraturi tal-ispazju tas-SIK, appoġġ amministrattiv, legali u tekniku fil-kuntest tal-ħolqien u l-ġestjoni tad-drittijiet tal-aċċess ta’ spazji individwali ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, skont l-Artikolu 14(3); |
|
(b) |
jipprovdi gwida ta’ kuljum, appoġġ funzjonali u assistenza lill-prattikanti dwar l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u l-funzjonalitajiet tagħha; |
|
(c) |
ifassal u jipprovdi korsijiet ta’ taħriġ għall-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(d) |
isaħħaħ kultura ta’ kooperazzjoni fl-Unjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni t f’materji kriminali billi jqajjem kuxjenza u jippromwovi l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fost il-prattikanti; |
|
(e) |
iżomm, wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, lill-eu-LISA infurmata dwar rekwiżiti funzjonali addizzjonali billi jippreżenta rapport annwali dwar titjib potenzjali u funzjonalitajiet ġodda tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK abbażi tal-feedback dwar l-użu prattiku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li jiġbor mill-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
Artikolu 11
Bord tal-Ġestjoni tal-Programm
1. Qabel il-fażi tat-tfassil u tal-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, il-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għad-durata tal-fażi ta’ tfassil u żvilupp.
2. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandu jkun magħmul minn għaxar membri kif ġej:
|
(a) |
tmien membri maħtura mill-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA; |
|
(b) |
il-President tal-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12; |
|
(c) |
membru wieħed maħtur mill-Kummissjoni. |
3. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA għandu jiżgura li l-membri li jaħtar fil-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm ikollhom l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa fl-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sistemi tal-IT li jappoġġaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji.
4. L-eu-LISA għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm. Għal dak il-għan, ir-rappreżentanti tal-eu-LISA għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm sabiex jirrapportaw dwar il-ħidma rigward it-tfassil u l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u dwar kwalunkwe ħidma u attività relatata oħra.
5. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandu jiltaqa’ mill-inqas darba kull tliet xhur, u aktar ta’ spiss fejn ikun meħtieġ. Huwa għandu jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi ta’ tfassil u żvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandu jippreżenta rapporti bil-miktub regolarment, u fejn possibbli kull xahar, lill-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA, dwar il-progress tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm ma għandu jkollu l-ebda setgħa deċiżjonali u lanqas mandat sabiex jirrappreżenta lill-membri tal-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA.
6. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm, f’konsultazzjoni mal-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA, għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, li għandhom jinkludu b’mod partikolari regoli dwar il-presidenza, il-postijiet tal-laqgħat, it-tħejjija tal-laqgħat, l-ammissjoni ta’ esperti għal laqgħat u pjanijiet ta’ komunikazzjoni li jiżguraw li l-membri tal-Bord tal-Ġestjoni tal-eu-LISA li mhumiex membri tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm jiġu infurmati b’mod sħiħ.
7. Il-presidenza tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm għandha tkun f’idejn Stat Membru.
8. L-eu-LISA għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm.
Artikolu 12
Grupp Konsultattiv
1. L-eu-LISA għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv sabiex tikseb għarfien espert relatat mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali u r-rapport annwali tal-attività tal- eu-LISA, u biex tidentifika titjib potenzjali u funzjonalitajiet ġodda li għandu jiġi implimentat fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
2. Il-Grupp Konsultattiv għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat tan-Network tas-SIK. Għandu jkun ippresedut mill-eu-LISA. Huwa għandu:
|
(a) |
jiltaqa’ mill-inqas darba fix-xahar, sakemm jibdew l-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fejn possibbli, u jiltaqa’ regolarment wara; |
|
(b) |
matul il-fażi tad-diżinn u l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jirrapporta lill-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm wara kull laqgħa; |
|
(c) |
matul il-fażi tad-diżinn u l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, jipprovdi għarfien espert tekniku sabiex jappoġġa l-kompiti tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm. |
KAPITOLU III
IL-ĦOLQIEN TAL-ISPAZJI TA’ KOLLABORAZZJONI TAS-SIK U L-AĊĊESS GĦALIHOM
Artikolu 13
Il-ħolqien tal-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK
1. Fejn ftehim dwar SIK jipprevedi l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK f’konformità ma’ dan ir-Regolament, għandu jinħoloq spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fi ħdan il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għal kull SIK.
2. Il-ftehim tas-SIK rilevanti għandu jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-UPPE jingħataw aċċess għall-ispazju ta’ kollaborazzjoni rilevanti tas-SIK u jista’ jipprevedi li l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kompetenti tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw il-ftehim u r-rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji, jingħataw aċċess għal dak l-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. Il-ftehim dwar is-SIK rilevanti għandu jipprevedi r-regoli għal tali aċċess.
3. L-ispazju rilevanti ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandu jinħoloq mill-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK, bl-appoġġ tekniku tal-eu-LISA.
4. Jekk il-membri tas-SIK jiddeċiedu li ma jużawx il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK meta jiffirmaw il-ftehim dwar is-SIK, iżda jaqblu li jibdew jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK matul il-kors tas-SIK, dak il-ftehim dwar is-SIK, li ma jipprevedix dik il-possibbiltà, għandu jiġi emendat u għandhom japplikaw il-paragrafi 1, 2 u 3. F’każ li l-membri tas-SIK jaqblu li jieqfu jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK matul is-SIK, il-ftehim dwar is-SIK rilevanti għandu jiġi emendat jekk dk il-possibbiltà ma kinitx diġà inkluża f’dak il-ftehim dwar is-SIK.
Artikolu 14
Ħatra u rwol tal-amministratur tal-ispazju tas-SIK
1. Jekk l-użu tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikun previst fil-ftehim dwar is-SIK, għandu jinħatar f’dak il-ftehim dwar is-SIK amministratur tal-ispazju tas-SIK wieħed jew aktar minn fost il-membri tas-SIK tal-Istati Membri jew membru tas-SIK tal-UPPE.
2. L-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jimmaniġġaw id-drittijiet ta’ aċċess tal-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għall-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK rilevanti, f’konformità mal-ftehim dwar is-SIK rilevanti.
3. Ftehim dwar SIK jista’ jipprevedi li s-Segretarjat tan-Network tas-SIK ikollu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għall-fini ta’ appoġġ tekniku u amministrattiv, kif ukoll għall-fini ta’ appoġġ tekniku, legali u amministrattiv għall-ġestjoni tad-drittijiet ta’ aċċess. F’tali sitwazzjonijiet, kif maqbul mill-membri tas-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandu jagħti lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK aċċess għal dak l-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
Artikolu 15
Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
F’konformità mal-ftehim rilevanti dwar is-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jkunu maħtura f’dak il-ftehim dwar is-SIK u lill-UPPE fejn dan ikun maħtur f’dak il-ftehim dwar is-SIK.
Artikolu 16
Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK minn korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti tal-Unjoni
F’konformità mal-ftehim rilevanti dwar is-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jagħtu aċċess, sa fejn ikun meħtieġ, għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lil:
|
(a) |
l-Eurojust, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fir-Regolament (UE) 2018/1727; |
|
(b) |
l-Europol, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fir-Regolament (UE) 2016/794; |
|
(c) |
l-OLAF, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tiegħu stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16); u |
|
(d) |
korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, bil-għan li jwettqu l-kompiti stipulati fl-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom. |
Artikolu 17
Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi
1. F’konformità mal-ftehim rilevanti dwar is-SIK, u għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 5, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw dak il-ftehim dwar is-SIK.
2. Kull meta l-membri tas-SIK tal-Istati Membri u l-membru tas-SIK tal-UPPE, meta jipparteċipa fis-SIK rilevanti, itellgħu data operazzjonali fi spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK biex titniżżel minn pajjiż terz, il-membru rilevanti tas-SIK tal-Istati Membri jew il-membru tas-SIK tal-UPPE għandhom jivverifikaw li d-data li jkunu tellgħu rispettivament tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-ftehim rilevanti dwar is-SIK u li dik id-data tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fih.
3. Kull meta pajjiż terz itella’ data operazzjonali fi spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jivverifikaw li tali data tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-ftehim dwar is-SIK rilevanti u li dik id-data tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fih, qabel ma tkun tista’ titniżżel minn utenti oħra tal-ispazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lil pajjiżi terzi li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680.
5. Il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lil pajjiżi terzi li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal tali korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni fl-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom, fejn tali regoli jimponu kondizzjonijiet speċifiċi għat-trasferimenti tad-data.
6. L-UPPE, meta jaġixxi f’konformità mal-kompetenzi tiegħu kif previst fl-Artikoli 22, 23 u 25 tar-Regolament (UE) 2017/1939, għandu jiżgura li t-trasferimenti tiegħu ta’ data personali lil pajjiżi terzi li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 80 sa 84 ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 18
Aċċess għall-ispazji ta’ kollaborazzjoni tas-SIK minn rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jipparteċipaw f’SIK
1. Għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 5, l-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom, fejn ipprevedut fil-ftehim dwar is-SIK, jagħtu aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jipparteċipaw fis-SIK rilevanti.
2. L-amministratur jew l-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandhom jivverifikaw u jiżguraw li l-iskambji ta’ data operazzjonali mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ għall-għanijiet tal-ftehim dwar is-SIK rilevanti u li dik id-data tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fih.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680.
4. Il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jiżguraw li t-trasferimenti tagħhom ta’ data personali lil rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali li jkunu ngħataw aċċess għal spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK isiru biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IX tar-Regolament (UE) 2018/1725, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal tali korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni fl-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom, fejn tali regoli jimponu kondizzjonijiet speċifiċi għat-trasferimenti tad-data.
KAPITOLU IV
IS-SIGURTÀ U R-RESPONSABBILTÀ
Artikolu 19
Sigurtà
1. L-eu-LISA għandha tieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa sabiex tiżgura livell għoli ta’ ċibersigurtà tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u s-sigurtà tal-informazzjoni tad-data fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, b’mod partikolari sabiex tiżgura l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data operazzjonali u mhux operazzjonali maħżuna fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.
2. L-eu-LISA għandha tipprevjeni aċċess mhux awtorizzat għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u għandha tiżgura li l-persuni awtorizzati biex jaċċessaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom.
3. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha tadotta pjan ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinwità tal-operat u ta’ rkupru minn diżastri, sabiex tiżgura li s-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata tista’tiġi restawrata f’każ ta’ interruzzjoni. L-eu-LISA għandha tipprevedi arranġament ta’ ħidma mal-iskwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti bl-Arranġament bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni ta’ skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) (17) Meta tadotta dak il-pjan ta’ sigurtà, l-eu-LISA għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet possibbli tal-esperti tas-sigurtà preżenti fil-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament.
4. L-eu-LISA għandha timmonitorja l-effettività tal-miżuri kollha deskritti f’dan l-Artikolu u għandha tieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-awtomonitoraġġ u s-superviżjoni sabiex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 20
Responsabbiltà
1. Meta Stat Membru, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni, bħala konsegwenza ta’ nuqqas min-naħa tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, jikkawżaw dannu lill-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, dak l-Istat Membru, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni rispettivament, għandhom jinżammu responsabbli għal tali dannu, dment li u sakemm l-eu-LISA tonqos milli tieħu miżuri raġonevoli sabiex tipprevjeni li jseħħ id-dannu jew timminimizza l-impatt tiegħu.
2. Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għad-dannu msemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Talbiet għal kumpens kontra l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni għal tali dannu għandhom ikunu rregolati mill-atti legali rilevanti li jistabbilixxuhom.
KAPITOLU V
IL-PROTEZZJONI TAD-DATA
Artikolu 21
Il-perjodu ta’ żamma għall-ħżin ta’ data operazzjonali
1. Id-data operazzjonali li tappartjeni għal kull spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tinħażen fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata sakemm ikun meħtieġ għall-utenti kollha tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK ikkonċernati sabiex ilestu l-proċess tat-tniżżil tagħha. Il-perjodu taż-żamma ma għandux jaqbeż l-erba’ ġimgħat mid-data minn meta tittella’ tali data fuq il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
2. Hekk kif il-proċess tad-download jitlesta mill-utenti intenzjonati kollha tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK jew, l-aktar tard, malli jiskadi l-perjodu ta’ żamma msemmi fil-paragrafu 1, id-data għandha titħassar awtomatikament u b’mod permanenti mis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.
Artikolu 22
Il-perjodu ta’ żamma għall-ħżin ta’ data mhux operazzjonali
1. Fejn tkun prevista evalwazzjoni ta’ SIK, id-data mhux operazzjonali li tappartjeni għal kull spazju ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tinħażen fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata sakemm titlesta l-evalwazzjoni tas-SIK rilevanti. Il-perjodu taż-żamma ma għandux jaqbeż il-ħames snin mid-data minn meta tiddaħħal tali data fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
2. Jekk jiġi deċiż li ma ssirx evalwazzjoni fl-għeluq tas-SIK jew, l-aktar tard, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ żamma msemmi fil-paragrafu 1, id-data għandha titħassar awtomatikament mis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata.
Artikolu 23
Il-kontrollur tad-data u l-proċessur tad-data
1. Kull awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru u, fejn xieraq, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti oħra tal-Unjoni għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali skont dan ir-Regolament.
2. Fir-rigward tad-data mtella’ fuq il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jew rappreżentanti tal-awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, wieħed mill-amministraturi tal-ispazju tas-SIK għandu jkun maħtur fil-ftehim rilevanti dwar is-SIK bħala kontrollur tad-data fir-rigward tad-data personali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, u maħżuna fiha.
L-ebda data minn pajjiżi terzi jew awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali ma għandha tittella’ qabel il-ħatra tal-kontrollur tad-data.
3. L-eu-LISA għandha titqies bħala proċessur tad-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tad-data personali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u maħżuna fiha.
4. L-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandhom ikunu kontrolluri konġunti, skont it-tifsira tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għall-ipproċessar ta’ data personali mhux operazzjonali fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
Artikolu 24
Għan tal-ipproċessar tad-data personali
1. Id-data mdaħħla fil-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandha tiġi pproċessata biss għall-għanijiet ta’:
|
(a) |
l-iskambju ta’ data operazzjonali bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, għall-iskop li għalih twaqqfet is-SIK rilevanti; |
|
(b) |
l-iskambju ta’ data mhux operazzjonali bejn l-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, għall-għanijiet tal-ġestjoni tas-SIK rilevanti. |
2. L-aċċess għall-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandu jkun limitat għal persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji jew aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji internazzjonali, sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom f’konformità mal-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u għal dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat għall-objettivi segwiti.
Artikolu 25
Logs tekniċi
1. L-eu-LISA għandha tiżgura li jinżamm log tekniku tal-aċċess kollu għas-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata u tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data fis-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata, f’konformità mal-paragrafu 2.
2. Il-logs tekniċi għandhom juru:
|
(a) |
id-data, iż-żona tal-ħin u l-ħin eżatt tal-aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata; |
|
(b) |
il-marka ta’ identifikazzjoni ta’ kull utent individwali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK li aċċessa s-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata; |
|
(c) |
id-data, iż-żona tal-ħin u l-ħin tal-aċċess ta’ kull operazzjoni mwettqa minn kull utent individwali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK; |
|
(d) |
l-operazzjoni mwettqa minn kull utent individwali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK. |
Il-logs tekniċi għandhom ikunu protetti b’miżuri tekniċi xierqa kontra modifika u aċċess mhux awtorizzat. Il-logs tekniċi għandhom jinżammu għal tliet snin jew għal tali perjodu itwal kif huwa meħtieġ għat-tmiem ta’ proċeduri pendenti ta’ monitoraġġ.
3. Fuq talba, l-eu-LISA għandha tagħmel il-logs tekniċi disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li pparteċipaw f’SIK partikolari mingħajr dewmien żejjed.
4. Fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom u bil-għan li jaqdu dmirijiethom, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali responsabbli għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data għandu jkollhom aċċess għal-logs tekniċi fuq talba.
5. Fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu u bil-għan li jaqdi d-dmirijiet superviżorji tiegħu f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għal-logs tekniċi fuq talba.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 26
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. L-eu-LISA għandha tistabbilixxi proċeduri għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fir-rigward tal-objettivi relatati mal-ippjanar u l-kostijiet u għall-monitoraġġ tal-funzjonament tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK fir-rigward tal-objettivi relatati mar-rendiment tekniku, il-kosteffettività, l-użabilità, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.
2. Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprevedu l-possibbiltà li tiġi prodotta statistika teknika regolari għall-għanijiet ta’ monitoraġġ u għandhom jikkontribwixxu għall-valutazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK.
3. Jekk hemm riskju ta’ dewmien sostanzjali potenzjali fil-proċess tal-iżvilupp, l-eu-LISA għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun dwar ir-raġunijiet għad-dewmien, l-impatt tagħhom f’termini ta’ skedi ta’ żmien u finanzi, u l-passi li biħsiebha tieħu sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni.
4. Ladarba jiġi ffinalizzat l-iżvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega kif intlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-kostijiet, u li jiġġustifika kwalunkwe diskrepanza.
5. Fil-każ ta’ aġġornament tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, li jista’ jirriżulta f’kostijiet sostanzjali, l-eu-LISA għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel ma jsir l-aġġornament.
6. Sa mhux iktar tard minn sentejn wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK:
|
(a) |
l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tekniku tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, inkluż l-aspetti ta’ sigurtà mhux sensittivi tagħha, u għandha dak ir-rapport għandha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku: |
|
(b) |
abbażi tar-rapport imsemmi fil-punt (a), il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
Kull sena wara li r-rapport imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jiġi ppreżentat, l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tekniku tal-pjattaforma ta’ kooperazzjoni tas-SIK, inkluż l-aspetti ta’ sigurtà mhux sensittivi tagħha, u għandha tqiegħed dak ir-rapport għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
Kull erba’ snin wara li r-rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu jkun intbagħat u abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-eu-LISA f’konformità mat-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
7. Fi żmien 18-il xahar wara d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Europol u l-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 12, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-ħtieġa, il-fattibbiltà, l-adegwatezza u l-kosteffettività ta’ konnessjoni potenzjali bejn il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mas-SIENA. Dak ir-rapport għandu jinkludi wkoll kondizzjonijiet, speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri biex tiġi żgurata konnessjoni sigura u effiċjenti. Fejn xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti leġiżlattivi meħtieġa, li jistgħu jinkludu l-għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ tali konnessjoni.
8. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE, l-OLAF u korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti oħra tal-Unjoni għandhom jipprovdu lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jabbozzaw ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 4 ta’ dan l-Artikolu u r-rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jipprovdu wkoll lis-Segretarjat tan-Network tas-SIK bl-informazzjoni meħtieġa għall-abbozzar tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 10, il-punt (e). L-informazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tipperikola l-metodi ta’ ħidma jew tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, l-ismijiet tal-membri tal-persunal jew l-investigazzjonijiet.
9. L-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa sabiex tmexxi l-evalwazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 6.
Artikolu 27
Kostijiet
Il-kostijiet imġarrba b’rabta mal-istabbiliment u l-operazzjoni tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Artikolu 28
Bidu tal-operazzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, ladarba tkun ssodisfata li ġew osservati l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, il-punti (a) sa (g), ġew adottati; |
|
(b) |
l-eu-LISA wettqet b’suċċess test komprensiv tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, bl-involviment tal-Istati Membri, bl-użu ta’ data tat-test anonima. |
Fi kwalunkwe każ, dik id-data ma għandhiex tkun aktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2025.
2. Fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat id-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK f’konformità mal-paragrafu 1, hija għandha tikkomunika dik id-data lill-Istati Membri, lill-Eurojust, lill-Europol, lill-UPPE u lill-OLAF. Għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew.
3. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4. L-utenti tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK għandhom jibdew jużaw il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet stabbilita mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 1.
Artikolu 29
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 30
Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1726
Ir-Regolament (UE) 2018/1726 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “4b. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni operazzjonali, inkluż l-evoluzzjonijiet tekniċi, tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta (“Pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK”)”; |
|
(2) |
jiddaħħal l-artikolu li ġej: “Artikolu 8c Il-kompiti relatati mal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK Fir-rigward tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK, l-Aġenzija għandha twettaq:
(*1) Ir-Regolament (UE) 2023/969 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi pjattaforma ta’ kollaborazzjoni sabiex tappoġġa l-funzjonament tal-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 1).”;" |
|
(3) |
fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-Aġenzija għandha timmonitorja l-iżviluppi fir-riċerka rilevanti għall-ġestjoni operazzjonali tas-SIS II, il-VIS, l-Eurodac, l-EES, l-ETIAS, id-DubliNet, l-ECRIS-TCN, is-sistema e-CODEX, il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira kif imsemmi fl-Artikolu 1(5).” |
|
(4) |
fl-Artikolu 19(1), fil-punt (ff), jiżdied il-punt li ġej:
|
|
(5) |
fl-Artikolu 27(1), jiddaħħal il-punt li ġej:
|
Artikolu 31
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2023.
(2) ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.
(3) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar skwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1).
(4) ETS Nru 182.
(5) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(7) Ir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-preservazzjoni, l-analiżi u l-ħżin fil-Eurojust ta’ evidenza relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati (ĠU L 148, 31.5.2022, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).
(10) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(16) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
DIRETTIVI
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/21 |
DIRETTIVA (UE) 2023/970 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Mejju 2023
li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li l-Istati Membri kollha rratifikaw, jipprevedi li l-Istati Partijiet jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw, fost l-oħrajn, id-dritt għal remunerazzjoni ugwali, anki fir-rigward tal-benefiċċji, u għal trattament ugwali fir-rigward ta' xogħol ta' valur ugwali, kif ukoll l-ugwaljanza tat-trattament fl-evalwazzjoni tal-kwalità tax-xogħol. |
|
(2) |
L-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxu d-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala wieħed mill-valuri essenzjali tal-Unjoni. |
|
(3) |
L-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jitolbu l-Unjoni biex tipprova telimina l-inugwaljanzi, li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha. |
|
(4) |
L-Artikolu 157(1) TFUE jobbliga lil kull Stat Membru biex jiżgura li jiġi applikat il-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali. L-Artikolu 157(3) TFUE jipprevedi l-adozzjoni mill-Unjoni ta' miżuri li jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, inkluż il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali (il-“prinċipju ta' paga ugwali”). |
|
(5) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) affermat li l-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi ristrett għad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-fatt li persuna tkun ta' sess jew ieħor (3). Fid-dawl tal-iskop tiegħu u n-natura tad-drittijiet li jipprova jħares, dak il-prinċipju japplika wkoll għad-diskriminazzjoni minħabba bidla fil-ġeneru tal-persuna. |
|
(6) |
F'xi Stati Membri, bħalissa huwa possibbli li persuni jirreġistraw legalment li għandhom it-tielet ġeneru, spiss newtrali. Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali rilevanti li jagħtu effett lil tali rikonoxximent fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' impjieg u paga. |
|
(7) |
L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta") jipprojbixxi kull diskriminazzjoni, fost l-oħrajn, abbażi ta’ raġunijiet ta' sess. L-Artikolu 23 tal-Karta jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga. |
|
(8) |
L-Artikolu 23 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara, fost l-oħrajn, li kulħadd, mingħajr ebda diskriminazzjoni, għandu d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali, għal għażla ħielsa ta' impjieg, għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli u għal remunerazzjoni ġusta li tiżgura eżistenza li jistħoqqilha d-dinjità tal-bniedem. |
|
(9) |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, jinkorpora fost il-prinċipji tiegħu l-ugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel, u d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali. |
|
(10) |
Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistipula li għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih jingħata valur ugwali, trid tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq raġunijiet ta' sess fir-rigward tal-aspetti u l-kundizzjonijiet kollha tar-remunerazzjoni. B'mod partikolari, meta tintuża sistema ta' klassifikazzjoni tal-impjiegi biex tiġi ddeterminata l-paga, din għandha tkun ibbażata fuq l-istess kriterji newtrali għall-ġeneru u jenħtieġ li titfassal b'tali mod li teskludi kull diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru. |
|
(11) |
L-evalwazzjoni tal-2020 tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva 2006/54/KE sabet li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali hija mxekkla minn nuqqas ta' trasparenza fis-sistemi tal-pagi, nuqqas ta' ċertezza legali dwar il-kunċett ta' xogħol ta' valur ugwali, u minn ostakli proċedurali ffaċċjati minn vittmi ta' diskriminazzjoni. Il-ħaddiema ma għandhomx l-informazzjoni li huma jeħtieġu biex jirnexxielhom jagħmlu talba għal paga ugwali u, b'mod partikolari, l-informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi għal kategoriji ta' ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali. Ir-rapport sab li trasparenza ikbar tista' tippermetti li jiġi żvelat preġudizzju u diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fl-istrutturi tal-pagi ta' intrapriża jew organizzazzjoni. Din tippermetti wkoll lill-impjegati, lill-impjegaturi u lis-sħab soċjali jieħdu azzjoni xierqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tad-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali (id-“dritt għal paga ugwali”). |
|
(12) |
Wara evalwazzjoni bir-reqqa tal-qafas eżistenti dwar paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali u proċess ta' konsultazzjoni wiesa' u inklużiv, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 dwar "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025" ħabbret li l-Kummissjoni ser tipproponi miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi. |
|
(13) |
Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 kellhom impatt negattiv sproporzjonat fuq in-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u t-telf ta' impjiegi kien spiss ikkonċentrat f'setturi b'pagi baxxi u ddominati min-nisa. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat is-sottovalutar strutturali kontinwu tax-xogħol li jsir b'mod predominanti min-nisa u wriet il-valur soċjoekonomiku għoli tax-xogħol tan-nisa fis-servizzi tal-ewwel linja, bħall-kura tas-saħħa, it-tindif, il-kura tat-tfal, il-kura soċjali u l-kura residenzjali għall-anzjani u għal adulti dipendenti oħra, li jikkuntrasta ħafna mal-viżibbiltà u r-rikonoxximent baxxi tiegħu. |
|
(14) |
L-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 għalhekk ser ikomplu jwessgħu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, dment li r-rispons tal-irkupru ma jkunx sensittiv għall-ġeneru. Dawn il-konsegwenzi saħansitra żiedu l-urġenza li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali. It-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali permezz ta' miżuri oħrajn huwa partikolarment importanti biex jiġi żgurat li l-progress li sar fl-indirizzar tad-disparitajiet fil-pagi ma jiġix kompromess. |
|
(15) |
Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fl-Unjoni tippersisti: din kienet ta' 13 % fl-2020, b'varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri, u naqset biss b'mod minimu matul l-aħħar għaxar snin. Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi hija kkawżata minn diversi fatturi, bħall-isterjotipi tal-ġeneri, il-perpetwazzjoni tas-"saqaf tal-ħġieġ" u ż-żamma tal-impjegati fil-kategoriji l-baxxi tal-iskala tax-xogħol, is-segregazzjoni orizzontali, inkluża r-rappreżentanza eċċessiva tan-nisa f'impjiegi ta' servizz b'pagi baxxi, u l-qsim inugwali tar-responsabbiltajiet ta' kura. Barra minn hekk, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi hija parzjalment ikkawżata minn diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. Dawk l-elementi kollha jikkostitwixxu ostakli strutturali li jiffurmaw sfidi kumplessi għall-kisba ta' impjiegi ta' kwalità tajba u paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali u għandhom konsegwenzi dejjiema bħad-differenza fil-pensjonijiet u l-femminizzazzjoni tal-faqar. |
|
(16) |
Nuqqas ġenerali ta' trasparenza dwar il-livelli tal-pagi fl-organizzazzjonijiet iwassal għal sitwazzjoni fejn id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru jistgħu ma jiġux individwati jew, fejn ikun hemm suspett tagħhom, huwa diffiċli li jiġu ppruvati. Għalhekk, huma meħtieġa miżuri vinkolanti biex tittejjeb it-trasparenza fil-pagi, biex l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jirrevedu l-istrutturi tal-pagi tagħhom biex jiżguraw paga ugwali għan-nisa u l-irġiel li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali, u biex il-vittmi tad-diskriminazzjoni jkunu jistgħu jħaddmu id-dritt tagħhom għal paga ugwali. Tali miżuri vinkolanti jeħtieġ li jiġu kkomplementati minn dispożizzjonijiet li jiċċaraw il-kunċetti legali eżistenti, bħall-kunċetti ta' paga u xogħol ta' valur ugwali, u miżuri li jtejbu l-mekkaniżmi ta' infurzar u l-aċċess għall-ġustizzja. |
|
(17) |
L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali jenħtieġ li tissaħħaħ billi tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi. Hija ma tipprekludix li l-impjegaturi jagħtu paga differenti lil ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru u ħielsa mill-preġudizzji bħalma huma l-prestazzjoni u l-kompetenza. |
|
(18) |
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-ħaddiema kollha, inklużi ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt fiss u persuni b'kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija temporanja, kif ukoll ħaddiema f'pożizzjonijiet maniġerjali, li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg kif definit mil-liġi, ftehimiet u/jew prattiki kollettivi fis-seħħ f'kull Stat Membru, filwaqt li tikkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (5). Sakemm jissodisfaw il-kriterji rilevanti, il-ħaddiema domestiċi, ħaddiema fuq talba, ħaddiema intermittenti, ħaddiema li jitħallsu b'vawċers, ħaddiema tal-pjattaformi, ħaddiema f'impjieg protett, trainees u apprendisti jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg jenħtieġ li tkun iggwidata mill-fatti relatati mat-twettiq effettiv tax-xogħol u mhux mid-deskrizzjoni mill-partijiet tar-relazzjoni. |
|
(19) |
Element importanti biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fil-pagi huwa t-trasparenza fil-pagi qabel l-impjieg. Din id-Direttiva għandha għalhekk tapplika wkoll għal applikanti għax-xogħol. |
|
(20) |
Sabiex jitneħħew l-ostakli għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-paga fuq il-bażi tal-ġeneru biex iħaddmu d-dritt tagħhom għal paga ugwali, u biex l-impjegaturi jiġu ggwidati biex jiżguraw ir-rispett ta' dak id-dritt, il-kunċetti ewlenin relatati ma' paga ugwali għal valur ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, bħal paga u xogħol ta' valur ugwali, jenħtieġ li jiġu ċċarati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan għandu jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawk il-kunċetti, speċjalment għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju. |
|
(21) |
Il-prinċipju ta' paga ugwali jenħtieġ li jiġi osservat fir-rigward tal-pagi, is-salarji jew kull kunsiderazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kif ukoll in natura, li l-ħaddiema jirċievu direttament jew indirettament, fir-rigward tal-impjieg tagħhom mill-impjegatur tagħhom. F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6), il-kunċett ta' paga jenħtieġ li jinkludi mhux biss is-salarju, iżda wkoll komponenti komplementari jew varjabbli tal-paga. Taħt komponenti komplementari jew varjabbli, jenħtieġ li jitqies kull benefiċċju flimkien mal-paga bażika jew minima ordinarja jew salarju bażiku jew minimu ordinarju, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, kemm jekk fi flus jew in natura. Dawn il-komponenti komplementari jew varjabbli jistgħu jinkludu bonuses, kumpens għas-sahra, faċilitajiet tal-ivvjaġġar, allowances għall-akkomodazzjoni u l-ikel, kumpens għal attendenza f'taħriġ, pagamenti f'każ ta' tkeċċija, paga statutorja tal-mard, kumpens statutorju meħtieġ u pensjonijiet okkupazzjonali, iżda mhumiex limitati għalihom. Jenħtieġ li l-kunċett ta' paga jinkludi l-elementi kollha tar-remunerazzjoni dovuta bil-liġi, ftehimiet kollettivi u/jew il-prattika f'kull Stat Membru. |
|
(22) |
Sabiex tiġi żgurata preżentazzjoni uniformi tal-informazzjoni meħtieġa minn din id-Direttiva, il-livelli tal-paga jenħtieġ li jiġu espressi bħala l-paga grossa annwali u l-paga grossa fis-siegħa korrispondenti. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-kalkolu tal-livelli tal-paga jiġi bbażat fuq il-paga attwali speċifikata fir-rigward tal-ħaddiem, irrispettivament minn jekk tkunx stabbilita kull sena, kull xahar, fis-siegħa jew mod ieħor. |
|
(23) |
L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux obbligati joħolqu korpi ġodda għall-fini ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li jkun possibbli għalihom li jikkonferixxu kompiti ġejjin minnha lil korpi stabbiliti, inklużi is-sħab soċjali, f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, dment li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi stipulati f'din id-Direttiva. |
|
(24) |
Sabiex il-ħaddiema jiġu protetti u biex tiġi indirizzata l-biża' ta' vittimizzazzjoni tagħhom fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jiġu rappreżentati minn rappreżentant. Dan jista' jkun trade unions jew rappreżentanti oħra tal-ħaddiema. Jekk ma jkunx hemm rappreżentanti tal-ħaddiema, jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu rappreżentati minn rappreżentant tal-għażla tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom u r-rwoli differenti li jikkonċernaw ir-rappreżentanza tal-ħaddiema. |
|
(25) |
L-Artikolu 10 TFUE jipprevedi li, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha l-obbligu li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE jipprovdi li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess b'rabta mal-paga. Id-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru fejn is-sess tal-vittma jkollu rwol kruċjali tista' tieħu ħafna forom differenti fil-prattika. Tista' tinvolvi intersezzjoni ta' diversi assi ta' diskriminazzjoni jew inugwaljanza meta l-ħaddiem ikun membru ta' grupp wieħed jew aktar protetti kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, minn naħa, u l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif protetti skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (7) jew 2000/78/KE (8), min-naħa l-oħra. Nisa b'diżabilità, nisa ta' oriġini razzjali u etnika differenti inkluż nisa Rom, u nisa żgħażagħ jew anzjani huma fost il-gruppi li jistgħu jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali. Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tiċċara li, fil-kuntest ta' diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru, jenħtieġ li jkun possibbli li titqies tali kombinazzjoni, u b'hekk jitneħħa kull dubju li jista' jeżisti f'dan ir-rigward taħt il-qafas legali eżistenti u l-qrati nazzjonali, il-korpi tal-ugwaljanza u awtoritajiet kompetenti oħra jkunu jistgħu jikkunsidraw kull sitwazzjoni ta' żvantaġġ li tirriżulta minn diskriminazzjoni intersezzjonali, b'mod partikolari għal finijiet sostantivi u proċedurali, inkluż biex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta' diskriminazzjoni, biex jiġi deċiż il-komparatur xieraq, biex tiġi valutata l-proporzjonalità, u jiġi determinat, fejn rilevanti, il-livell ta' kumpens mogħti jew penalitajiet imposti. Approċċ intersezzjonali huwa importanti biex tiftiehem u tiġi ndirizzata d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Jenħtieġ li din il-kjarifika ma tbiddilx l-ambitu tal-obbligi tal-impjegaturi fir-rigward tal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi skont din id-Direttiva. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-impjegaturi ma jkunux meħtieġa jiġbru data relatata ma' raġunijiet protetti oħra għajr is-sess. |
|
(26) |
Sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal paga ugwali, l-impjegaturi jrid ikollhom fis-seħħ strutturi tal-pagi li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda differenza fil-pagi abbażi tal-ġeneru bejn il-ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali li ma jkunux ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru. Jenħtieġ li tali strutturi tal-pagi jippermettu t-tqabbil tal-valur ta' impjiegi differenti fi ħdan l-istess struttura organizzazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali strutturi ta’ pagi jkunu bbażati fuq linji gwida eżistenti tal-Unjoni relatati ma' sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru, jew fuq indikaturi jew mudelli newtrali għall-ġeneru. F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-valur tax-xogħol jiġi vvalutat u mqabbel abbażi ta' kriterji oġġettivi, inkluż rekwiżiti edukattivi, professjonali u ta' taħriġ, ħiliet, l-isforz, ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, irrispettivament mid-differenzi fix-xejriet tax-xogħol. Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-kunċett ta' xogħol ta' valur ugwali, speċjalment għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, il-kriterji oġġettivi li għandhom jintużaw jenħtieġ li jinkludu erba' fatturi: il-ħiliet, l-isforz, ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawk il-fatturi ġew identifikati mil-linji gwida eżistenti tal-Unjoni bħala essenzjali u biżżejjed għall-evalwazzjoni tal-kompiti mwettqa f'organizzazzjoni irrispettivament mis-settur ekonomiku li tagħmel parti minnu l-organizzazzjoni. Peress li mhux il-fatturi kollha għandhom l-istess rilevanza għal pożizzjoni speċifika, jenħtieġ li kull wieħed mill-erba' fatturi jintiżen mill-impjegatur skont ir-rilevanza ta' dawk il-kriterji għax-xogħol jew il-pożizzjoni speċifika kkonċernati. Jistgħu jitqiesu wkoll kriterji addizzjonali, fejn ikunu rilevanti u ġustifikati. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' taġġorna l-linji gwida eżistenti tal-Unjoni, b'konsultazzjoni mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE). |
|
(27) |
Sistemi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi jvarjaw u jistgħu jkunu bbażati fuq ftehimiet kollettivi u/jew elementi deċiżi mill-impjegatur. Din id-Direttiva ma taffettwax is-sistemi nazzjonali varji għall-iffissar tal-pagi. |
|
(28) |
L-identifikazzjoni ta' komparatur validu hija parametru importanti biex jiġi ddeterminat jekk xogħol jistax jitqies ta' valur ugwali. Dan jippermetti lill-ħaddiem juri li kien ittrattat b'mod inqas favorevoli minn komparatur ta' sess ieħor li jagħmel xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali. Abbażi tal-iżviluppi li ġejjin mid-definizzjoni ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta fid-Direttiva 2006/54/KE, f'sitwazzjonijiet fejn ma jeżisti l-ebda komparatur fil-ħajja reali, jenħtieġ li jiġi permess l-użu ta' komparatur ipotetiku, biex jippermetti lill-ħaddiema juru li ma ġewx ittrattati bl-istess mod li bih kien jiġi ttrattat komparatur ipotetiku ta' sess ieħor. Dan ineħħi ostaklu importanti għall-vittmi potenzjali tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fil-pagi, speċjalment fi swieq tax-xogħol segregati ħafna skont il-ġeneru fejn rekwiżit li jinstab komparatur tas-sess oppost jagħmilha kważi impossibbli li ssir talba għal paga ugwali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ħaddiema ma jitwaqqfux milli jużaw fatti oħra li minnhom tista' tiġi preżunta diskriminazzjoni allegata, bħal statistika jew informazzjoni oħra disponibbli. Dan jippermetti li l-inugwaljanzi fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv f'setturi u professjonijiet segregati skont il-ġeneru, speċjalment f'dawk iddominati min-nisa bħas-settur tal-kura. |
|
(29) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li sabiex jiġi vvalutat jekk ħaddiema humiex f'sitwazzjoni komparabbli, il-paragun m'għandux ikun neċessarjament limitat għal sitwazzjonijiet li fihom in-nisa u l-irġiel ikunu jaħdmu għall-istess impjegatur (9). Il-ħaddiema jistgħu jkunu f'sitwazzjoni komparabbli anki meta ma jaħdmux mal-istess impjegatur kull meta l-kundizzjonijiet tal-paga jkunu jistgħu jiġu attribwiti għal sors wieħed li jistabbilixxi dawk il-kundizzjonijiet u fejn dawk il-kundizzjonijiet ikunu ugwali u komparabbli. Dan jista' jkun il-każ meta l-kundizzjonijiet rilevanti tal-paga jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet statutorji jew ftehimiet relatati mal-paga applikabbli għal diversi impjegaturi, jew meta tali kundizzjonijiet ikunu stipulati ċentralment għal aktar minn organizzazzjoni jew negozju wieħed fi ħdan kumpanija azzjonarja jew konglomerat. Barra minn hekk, il-Qorti ċċarat li l-paragun ma għandux ikun limitat għal ħaddiema impjegati fl-istess żmien bħar-rikorrent (10). Barra minn hekk, meta titwettaq il-valutazzjoni attwali, għandu jiġi rikonoxxut li differenza fil-paga tista' tiġi spjegata minn fatturi mhux relatati mas-sess. |
|
(30) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li taħriġ u għodod u metodoloġiji speċifiċi jkunu disponibbli biex jappoġġaw u jiggwidaw lill-impjegaturi fil-valutazzjoni ta' x'jikkostitwixxi xogħol ta' valur ugwali. Dan għandu jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dak il-kunċett, speċjalment għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju. Meta titqies il-liġi nazzjonali, ftehimiet u/jew prattika kollettivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jafdaw l-iżvilupp ta' għodod u metodoloġiji speċifiċi f'idejn is-sħab soċjali jew jiżviluppawhom b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jew wara li jikkonsultawhom. |
|
(31) |
Is-sistemi ta' klassifikazzjoni u evalwazzjoni tax-xogħol, jekk ma jintużawx b'mod newtrali għall-ġeneru, b'mod partikolari meta jassumu sterjotipi tradizzjonali tal-ġeneru, jistgħu jirriżultaw f'diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. F'każijiet bħal dawn, jikkontribwixxu għad-differenza fil-pagi u jipperpetwawha billi jevalwaw xogħlijiet iddominati mill-irġiel u n-nisa b'mod differenti f'sitwazzjonijiet fejn ix-xogħol imwettaq ikun tal-istess valur. Meta jintużaw sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru, madankollu, dawn ikunu effettivi fl-istabbiliment ta' sistema ta' paga trasparenti u jkunu strumentali biex jiżguraw li tiġi eskluża diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tas-sess. Dawn jidentifikaw diskriminazzjoni indiretta fil-pagi relatata mas-sottovalutazzjoni tax-xogħlijiet li tipikament isiru min-nisa. Jagħmlu dan billi jkejlu u jqabblu xogħlijiet li l-kontenut tagħhom hu differenti iżda ta' valur ugwali u b'hekk jappoġġaw il-prinċipju ta' paga ugwali. |
|
(32) |
In-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-firxa prevista tal-paga ta' pożizzjoni joħloq asimmetrija fl-informazzjoni li tillimita s-setgħa tan-negozjar tal-applikanti għax-xogħol. L-iżgurar tat-trasparenza għandu jippermetti lill-ħaddiema prospettivi jieħdu deċiżjoni infurmata dwar is-salarju mistenni mingħajr ma jillimita b'xi mod is-setgħa ta' negozjar tal-impjegatur jew il-ħaddiem li jinnegozjaw salarju anke barra mill-medda indikata. It-trasparenza tiżgura wkoll bażi espliċita, ħielsa minn preġudizzju skont il-ġeneru għall-iffissar tal-pagi u xxekkel is-sottovalutazzjoni tal-paga meta mqabbla mal-ħiliet u l-esperjenza. It-trasparenza tindirizza wkoll id-diskriminazzjoni intersezzjonali meta nuqqas ta' trasparenza fl-iffissar tal-pagi jippermetti prattiki diskriminatorji għal diversi raġunijiet ta' diskriminazzjoni. Jenħtieġ li applikanti għal xogħol jirċievu informazzjoni dwar il-paga inizjali jew il-firxa tagħha b'tali mod li jiġi żgurat negozjar infurmat u trasparenti dwar il-paga, bħal f'avviż ippubblikat ta' post tax-xogħol battal, qabel l-intervista tax-xogħol, jew inkella qabel il-konklużjoni ta’ kwalunkwe kuntratt ta’ impjieg. Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta mill-impjegatur jew b'mod differenti, pereżempju mis-sħab soċjali. |
|
(33) |
Sabiex ma tkomplix id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi li taffettwa lil ħaddiema individwali maż-żmien, jenħtieġ li l-impjegaturi jiżguraw li l-avviżi ta' postijiet battala u t-titli tal-impjiegi jkunu newtrali għall-ġeneru u li dawk il-proċessi ta' reklutaġġ jitmexxew b'mod mhux diskriminatorju, sabiex ma jiddgħajjifx id-dritt għal paga ugwali . Jenħtieġ li l-impjegaturi ma jitħallewx jistaqsu jew jippruvaw b'mod proattiv jiksbu informazzjoni dwar il-paga attwali jew l-istorja tal-paga preċedenti ta' applikant għal xogħol. |
|
(34) |
Jenħtieġ li l-miżuri ta' trasparenza fil-pagi jipproteġu d-dritt tal-ħaddiema għal paga ugwali filwaqt li jillimitaw, sal-limitu possibbli, l-ispejjeż u l-piż amministrattiv għall-impjegaturi, u jagħtu attenzjoni speċifika lil intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-miżuri jitfasslu skont id-daqs tal-impjegaturi, filwaqt li jitqies in-numru ta' impjegati tal-impjegatur. L-għadd ta' ħaddiema impjegati mill-impjegaturi li għandu jiġi applikat bħala kriterju dwar jekk impjegatur huwiex soġġett għal rappurtar dwar il-pagi kif imsemmi f'din id-Direttiva hu definit filwaqt li titqies ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (11). |
|
(35) |
L-impjegaturi għandhom jagħmlu aċċessibbli għall-ħaddiema l-kriterji li jintużaw biex jiddeterminaw il-livelli tal-pagi u l-progressjoni tal-pagi. Il-progressjoni tal-pagi tirreferi għall-proċess ta' kif ħaddiem jimxi għal livell ogħla tal-paga. Il-kriterji relatati mal-progressjoni tal-pagi jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-prestazzjoni individwali, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-anzjanità. Meta jimplimentaw dan l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari biex jevitaw piż amministrattiv eċċessiv għal intrapriżi mikro u żgħar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu wkoll, bħala miżura ta' mitigazzjoni, mudelli lesti biex jappoġġaw lil intrapriżi mikro u żgħar biex jikkonformaw mal-obbligu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw lill-impjegaturi li huma intrapriżi mikro jew żgħar mill-obbligu relatat mal-progressjoni tal-pagi, pereżempju billi jippermettulhom jagħmlu disponibbli l-kriterji tal-progressjoni tal-pagi fuq talba mill-ħaddiema. |
|
(36) |
Il-ħaddiema kollha jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jiksbu informazzjoni, fuq talba tagħhom, dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u dwar il-livelli tal-paga medja, diżaggregata skont is-sessi, għall-kategorija ta' ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta' valur ugwali għal tagħhom. Jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jirċievu l-informazzjoni permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema jew permezz ta' korp tal-ugwaljanza. Jenħtieġ li l-impjegaturi jinfurmaw lill-ħaddiema dwar dak id-dritt fuq bażi annwali, kif ukoll dwar il-passi li għandhom jittieħdu sabiex jiġi eżerċitat id-dritt. L-impjegaturi jistgħu wkoll, fuq inizjattiva tagħhom stess, jagħżlu li jipprovdu din l-informazzjoni mingħajr il-ħtieġa li tintalab mill-ħaddiema. |
|
(37) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tiżgura li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess adegwat għall-informazzjoni pprovduta skontha lill-applikanti għal impjieg u lill-ħaddiema. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi pprovduta lil dawk il-persuni filwaqt li jitqiesu d-diżabilitajiet partikolari tagħhom, f'format u f'forma xierqa ta' assistenza u appoġġ biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni u li jifhmuha. Dan jista' jinkludi l-provvista ta' informazzjoni b'mod li jinftiehem li dawn il-persuni jistgħu jipperċepixxu, f'fonts ta' daqs adegwat, bl-użu ta' kuntrast suffiċjenti jew format ieħor adattat għat-tip ta' diżabilità li jkollhom. Fejn rilevanti, tapplika d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). |
|
(38) |
Jenħtieġ li l-impjegaturi b'mill-inqas 100 ħaddiem jirrappurtaw regolarment dwar il-pagi, kif previst f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiġi ppubblikata mill-korpi ta' monitoraġġ tal-Istati Membri b'mod xieraq u trasparenti. L-impjegaturi jistgħu jippubblikaw dawk ir-rapporti fuq is-sit web tagħhom jew jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku b'modi oħra, pereżempju billi jinkludu l-informazzjoni fir-rapport tal-ġestjoni tagħhom, fejn applikabbli fir-rapport tal-ġestjoni mfassal skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). L-impjegaturi li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva jistgħu jagħżlu li jirrappurtaw dwar il-pagi maġenb kwistjonijiet oħra relatati mal-ħaddiema fir-rapport tal-ġestjoni tagħhom. Sabiex tiġi massimizzata l-kopertura tat-trasparenza fil-pagi tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-frekwenza tar-rappurtar jew jagħmlu r-rappurtar regolari dwar il-pagi obbligatorju għall-impjegaturi b'inqas minn 100 ħaddiem. |
|
(39) |
Ir-rappurtar dwar il-pagi jenħtieġ li jippermetti lill-impjegaturi jevalwaw u jimmonitorjaw l-istrutturi u l-politiki tal-pagi tagħhom, u b'hekk ikunu jistgħu jikkonformaw b'mod proattiv mal-prinċipju ta' paga ugwali. Ir-rappurtar u l-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi jikkontribwixxu għal sensibilizzazzjoni akbar tal-preġudizzji tal-ġeneru fl-istrutturi tal-pagi u tad-diskriminazzjoni fil-pagi u jikkontribwixxu għall-indirizzar ta’ tali preġudizzju u diskriminazzjoni b'mod effettiv u sistematiku, b'hekk iservu ta' benefiċċju għall-ħaddiema kollha impjegati mill-istess impjegatur. Fl-istess ħin, id-data diżaggregata skont is-sessi għandha tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lil partijiet ikkonċernati oħra fil-monitoraġġ tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fis-setturi (segregazzjoni orizzontali) u l-funzjonijiet (segregazzjoni vertikali). L-impjegaturi jistgħu, jekk iridu, jakkumpanjaw id-data ppubblikata bi spjegazzjoni ta' kwalunkwe differenza jew diskrepanza bejn il-ġeneri fil-pagi. Fejn id-differenzi fil-paga medja għall-istess xogħol jew għal xogħol ta' valur ugwali bejn ħaddiema nisa u rġiel ma jkunux ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, jenħtieġ li l-impjegatur jieħu miżuri biex ineħħi l-inugwaljanzi. |
|
(40) |
Biex jitnaqqas il-piż fuq l-impjegaturi, l-Istati Membri jistgħu jiġbru u jgħaqqdu d-data meħtieġa permezz tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom li jippermettu komputazzjoni tad-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel għal kull impjegatur. Tali ġbir ta' data jista' jkun jeħtieġ l-interkonnessjoni ta' data minn diversi amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal spettorati tat-taxxa u uffiċċji tas-sigurtà soċjali, u jkun possibbli, jekk tkun disponibbli data amministrattiva li tqabbel id-data tal-impjegaturi, fil-livell tal-kumpanija jew tal-organizzazzjoni, mad-data tal-ħaddiema, fil-livell individwali, inkluż il-benefiċċji fi flus kontanti u in natura. L-Istati Membri jistgħu jiġbru dik l-informazzjoni mhux biss għal impjegaturi li huma koperti mill-obbligu ta' rappurtar dwar il-pagi skont din id-Direttiva, iżda wkoll għal impjegaturi li mhumiex koperti mill-obbligu u li jirrappurtaw b'mod volontarju. Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri jenħtieġ li tissostitwixxi l-obbligu tar-rappurtar dwar il-pagi fuq dawk l-impjegaturi koperti mid-data amministrattiva dment li jinkiseb ir-riżultat maħsub mill-obbligu tar-rappurtar. |
|
(41) |
Sabiex l-informazzjoni dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fil-livell tal-organizzazzjoni tkun disponibbli b'mod wiesa', l-Istati Membri jenħtieġ li jafdaw lill-korp ta' monitoraġġ maħtur skont din id-Direttiva biex jikkompila d-data dwar id-differenza fil-pagi li jirċievi mingħand l-impjegaturi mingħajr ma jqiegħed piż addizzjonali fuq dawn tal-aħħar. Il-korp ta' monitoraġġ jenħtieġ li jagħmel dik id-data disponibbli għall-pubbliku, fosthom billi jippubblikaha fuq sit web li jkun faċilment aċċessibbli, u b'hekk jippermetti t-tqabbil tad-data ta' impjegaturi, setturi u reġjuni individwali tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
(42) |
L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-impjegaturi li mhumiex soġġetti għall-obbligi ta' rapportar stabbiliti f'din id-Direttiva, li jirrappurtaw b'mod volontarju dwar il-pagi tagħhom, pereżempju permezz ta' tikketta ta' trasparenza fil-pagi, bil-ħsieb li jippromwovu prattiki tajbin fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva. |
|
(43) |
Il-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi jenħtieġ li jiskattaw ir-rieżami u r-reviżjoni tal-istrutturi tal-pagi f'organizzazzjonijiet b'mill-inqas 100 ħaddiem li juru inugwaljanzi fil-pagi. Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi jenħtieġ li titwettaq jekk l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema kkonċernati ma jaqblux li d-differenza ta' mill-inqas 5 % f'kategorija partikolari ta' ħaddiema fil-livell tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel tista' tiġi ġustifikata abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, jekk tali ġustifikazzjoni ma tiġix ipprovduta mill-impjegatur, jew jekk l-impjegatur ma jkunx irrimedja din id-differenza fil-livell tal-paga fi żmien sitt xhur mid-data tas-sottomissjoni tar-rappurtar dwar il-pagi. Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi jenħtieġ li titwettaq mill-impjegaturi f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Jekk ma jkunx hemm rappreżentanti tal-ħaddiema , jenħtieġ li dawn jinħatru mill-ħaddiema għall-fini tal-valutazzjoni konġunta tal-pagi. Il-valutazzjonijiet konġunti tal-pagi jenħtieġ li jwasslu, f'perjodu ta' żmien raġonevoli, għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru permezz tal-adozzjoni ta' miżuri ta' rimedju. |
|
(44) |
Kwalunkwe proċessar jew pubblikazzjoni ta' informazzjoni skont din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Jenħtieġ li jiżdiedu salvagwardji speċifiċi biex jipprevjenu l-iżvelar dirett jew indirett ta' informazzjoni ta' ħaddiem identifikabbli. Il-ħaddiema ma għandhomx jinżammu milli jiżvelaw b'mod volontarju l-paga tagħhom għall-fini tal-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali. |
|
(45) |
Huwa importanti li s-sħab soċjali jiddiskutu u jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta' pagi ugwali fin-negozjar kollettiv. Il-karatteristiċi varji tad-djalogu soċjali nazzjonali u s-sistemi ta' negozjar kollettiv madwar l-Unjoni u l-awtonomija u l-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali, kif ukoll il-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u tal-impjegaturi jenħtieġ li jiġu rrispettati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri, f'konformità mas-sistema u l-prattiki nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri adatti biex jinkoraġġixxu lis-sħab soċjali jagħtu l-attenzjoni xierqa lill-kwistjonijiet ta' paga ugwali, li jistgħu jinkludu diskussjonijiet fil-livell adatt ta' negozjar kollettiv, miżuri biex jistimulaw u jneħħu r-restrizzjonijiet żejda fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta' negozjar kollettiv relatat mal-kwistjonijiet ikkonċernati u l-iżvilupp ta' sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru. |
|
(46) |
Il-ħaddiema kollha jenħtieġ li jkollhom il-proċeduri meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta' aċċess għall-ġustizzja. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu tal-konċiljazzjoni, jew li tagħmel l-intervent ta' korp tal-ugwaljanza obbligatorju jew soġġett għal inċentivi jew penali jenħtieġ li ma żżommx lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' aċċess għall-qrati. |
|
(47) |
L-involviment ta' korpi ta' ugwaljanza, flimkien ma' partijiet ikkonċernati oħrajn, huwa strumentali biex il-prinċipju ta' paga ugwali jkun applikat b'mod effettiv. Is-setgħat u l-mandati tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza għalhekk jenħtieġ li jkunu adegwati sabiex ikopru bis-sħiħ id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fil-pagi, inkluż kwalunkwe trasparenza fil-pagi jew kwalunkwe dritt u obbligu ieħor stabbilit b'din id-Direttiva. Sabiex jingħelbu l-ostakli proċedurali u dawk relatati mal-ispejjeż li jiffaċċjaw il-ħaddiema li jfittxu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali, il-korpi tal-ugwaljanza, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jew entitajiet legali oħra b'interess li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrappreżentaw lil individwi. Jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jassistu lill-ħaddiema billi jaġixxu f'isimhom jew jappoġġawhom, li jippermetti lill-ħaddiema li jkunu sofrew diskriminazzjoni iressqu b'mod effettiv pretensjoni dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tagħhom u l-prinċipju ta' paga ugwali. |
|
(48) |
It-tressiq ta' pretensjonijiet f'isem diversi ħaddiema jew b’appoġġ għalihom huwa mod kif jiġu ffaċilitati l-proċedimenti li altrimenti ma kinux jitressqu minħabba ostakli proċedurali u finanzjarji jew biża' ta' vittimizzazzjoni. Dan jagħmilha aktar faċli wkoll meta l-ħaddiema jkunu qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni għal raġunijiet multipli li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu sseparati. It-pretensjonijiet kollettivi għandhom il-potenzjal li jikxfu diskriminazzjoni sistemika u joħolqu l-viżibilità tad-dritt għall paga ugwali u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà kollha kemm hi. Il-possibbiltà ta' rimedju kollettiv tista' tħeġġeġ konformità proattiva mal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi, toħloq pressjoni mill-pari, iżżid l-għarfien u r-rieda tal-impjegaturi li jaġixxu b'mod preventiv, u tindirizza n-natura sistemika tad-diskriminazzjoni fil-pagi. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu kriterji ta' kwalifika għar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi proċedimenti tal-qorti relatati ma' pretensjonijiet ta’ paga ugwali, sabiex jiġi żgurat li dawn ir-rappreżentanti jkunu kwalifikati b'mod adegwat. |
|
(49) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti lill-korpi tal-ugwaljanza għat-twettiq effettiv u adegwat tal-kompiti tagħhom relatati mad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess. Meta l-kompiti jiġu allokati lil aktar minn korp wieħed, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawn ikunu kkoordinati b'mod adegwat. Dan jinkludi, per eżempju, l-allokazzjoni tal-ammonti rkuprati bħala multi lill-korpi tal-ugwaljanza bil-għan li jwettqu b'mod effettiv il-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-infurzar tad-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali, inkluż it-tressiq ta' pretensjonijiet ta' diskriminazzjoni fil-pagi jew l-għoti ta' assistenza jew appoġġ lill-vittmi biex iressqu tali pretensjonijiet. |
|
(50) |
Il-kumpens jenħtieġ li jkopri b'mod sħiħ it-telf jew id-dannu li jirriżulta kawża tad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru f’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (15). Jenħtieġ li jinkludi l-irkupru sħiħ ta' paga b'lura u bonusijiet jew ħlasijiet in natura relatati, kif ukoll kumpens għal opportunitajiet mitlufa, bħal aċċess għal ċerti benefiċċji skont il-livell tal-paga, u għal dannu mhux materjali, bħal tbatija minħabba s-sottovalutazzjoni tax-xogħol imwettaq. Fejn xieraq, il-kumpens jista' jqis id-dannu kkawżat minn diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess li tingħaqad ma' raġunijiet protetti oħra ta' diskriminazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiffissawx limitu massimu minn qabel għal tali kumpens. |
|
(51) |
Minbarra l-kumpens, jenħtieġ li jiġu previsti rimedji oħrajn. L-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jenħtieġ li, pereżempju, ikunu jistgħu jirrikjedu li impjegatur jieħu miżuri strutturali jew organizzattivi biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-pagi ugwali. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, obbligu li jiġi rieżaminat il-mekkaniżmu tal-iffissar tal-pagi abbażi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni newtrali għall-ġeneru; li jinħoloq pjan ta' azzjoni biex jiġu eliminati d-diskrepanzi misjuba u biex titneħħa kwalunkwe differenza mhux ġustifikata fil-pagi; li tiġi pprovduta informazzjoni u tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-ħaddiema dwar id-dritt tagħhom għal paga ugwali; u li jiġi stabbilit taħriġ obbligatorju għall-persunal tar-riżorsi umani dwar il-pagi ugwali u dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru. |
|
(52) |
F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (16), id-Direttiva 2006/54/KE tistabbilixxi dispożizzjonijiet biex tiżgura li l-oneru tal-provi jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta' diskriminazzjoni. Madankollu, mhuwiex dejjem faċli għall-vittmi u għall-qrati li jkunu jafu kif jistabbilixxu anki dik il-preżunzjoni. Fil-kawża C-109/88, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta sistema ta' paga tkun għalkollox nieqsa mit-trasparenza, jenħtieġ li l-oneru tal-provi jmur fuq il-konvenut, irrispettivament mill-fatt li l-ħaddiem ikun wera każ prima facie ta' diskriminazzjoni fil-pagi. Għaldaqstant, l-oneru tal-provi jenħtieġ li jmur fuq il-konvenut meta impjegatur ma jikkonformax mal-obbligi ta' trasparenza fil-pagi stipulati f'din id-Direttiva, pereżempju billi jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-ħaddiema jew billi ma jirrappurtax dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, fejn ikun rilevanti, ħlief meta l-impjegatur juri li dan il-ksur kien manifestament involontarju u ta' natura minuri. |
|
(53) |
F'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli nazzjonali dwar il-perjodi ta' preskrizzjoni relatati mat-tressiq ta' pretensjonijiet dwar allegat ksur tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu tali li ma jagħmluhiex prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet. Il-perjodi ta' preskrizzjoni joħolqu ostakli speċifiċi għall-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi komuni. Dawk l-istandards jenħtieġ li jiddeterminaw meta jibda l-perjodu ta' preskrizzjoni, it-tul ta' żmien tiegħu u ċ-ċirkustanzi li fihom jiġi sospiż jew interrott, u jenħtieġ li jipprevedu li l-perjodu ta' preskrizzjoni biex jitressqu pretensjonijiet ikun mill-inqas tliet snin. Jenħtieġ li l-perjodi ta' preskrizzjoni ma jibdewx qabel ma r-rikorrent ikun konxju, jew jista' jkun raġonevolment mistenni li jkun konxju, tal-ksur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-perjodu ta' preskrizzjoni ma jibdiex waqt li l-ksur ikun għadu għaddej jew qabel ma jintemmu l-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg. |
|
(54) |
L-ispejjeż tal-litigazzjoni joħolqu diżinċentiv serju għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq il-ġeneru biex iressqu pretensjonijiet dwar allegat ksur tad-dritt tagħhom għal paga ugwali, li jwassal għall-protezzjoni insuffiċjenti tal-ħaddiema u l-infurzar insuffiċjenti tad-dritt għal paga ugwali. Sabiex jitneħħa dak l-ostaklu proċedurali sinifikanti għall-ġustizzja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jivvalutaw jekk individwu li jkun tilef bħala rikorrent kellux raġunijiet validi biex iressaq il-pretensjoni u, jekk iva, jekk dak ir-rikorrent ikunx meħtieġ iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti. Dan jenħtieġ li japplika b'mod partikolari meta konvenut li jkun rebaħ il-kawża ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta' trasparenza fil-pagi stipulati f'din id-Direttiva. |
|
(55) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew dispożizzjonijiet nazzjonali li diġà jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u li jkunu relatati mad-dritt għal paga ugwali. Jenħtieġ li dawn il-penali jinkludu multi li jistgħu jkunu bbażati fuq il-fatturat annwali gross tal-impjegatur jew fuq il-pagi totali mħallsa tal-impjegatur. Jenħtieġ li jitqies kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor li jista' japplika fiċ-ċirkustanzi tal-każ, pereżempju, fejn id-diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess tkun ikkombinata ma' raġunijiet protetti oħra ta' diskriminazzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati ma' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali li għalih l-aktar penali adatti huma l-multi. |
|
(56) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu penali speċifiċi għal ksur ripetut ta' kwalunkwe dritt jew obbligu relatat ma' paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta' valur ugwali, biex jirriflettu s-severità tal-ksur u jiskoraġġixxu aktar ksur bħal dan. Tali penali jistgħu jinkludu tipi differenti ta' diżinċentivi finanzjarji bħar-revoka ta' benefiċċji pubbliċi jew l-esklużjoni, għal ċertu perjodu ta' żmien, minn kwalunkwe għoti ta' inċentivi finanzjarji ulterjuri jew minn kwalunkwe offerta pubblika. |
|
(57) |
L-obbligi fuq l-impjegaturi li jirriżultaw minn din id-Direttiva huma parti mill-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol li l-Istati Membri jridu jiżguraw il-konformità magħhom skont id-Direttivi 2014/23/UE (17), 2014/24/UE (18) u 2014/25/UE (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' akkwist pubbliku. Sabiex jikkonformaw ma' dawk l-obbligi fuq l-impjegaturi sa fejn huwa kkonċernat id-dritt għal paga ugwali, l-Istati Membri jenħtieġ li b'mod partikolari jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi, fit-twettiq ta' kuntratt pubbliku jew konċessjoni, ikollhom mekkaniżmi li jiffissaw il-pagi li ma jwasslux għal differenza bejn il-ġeneri fil-pagi bejn il-ħaddiema fi kwalunkwe kategorija ta' ħaddiema li jwettqu xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali li ma tkunx tista' tiġi ġustifikata abbażi ta' kriterji newtrali għall-ġeneru . Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw jirrikjedu lill-awtoritajiet kontraenti jintroduċu, kif ikun xieraq, penali u kundizzjonijiet ta' terminazzjoni li jiżguraw konformità mal-prinċipju ta' paga ugwali fit-twettiq ta' kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet. L-awtoritajiet kontraenti jenħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jqisu wkoll in-nuqqas ta' konformità mal-prinċipju ta' paga ugwali mill-offerent jew minn wieħed mis-sottokuntratturi tal-offerent meta jikkunsidraw l-applikazzjoni tar-raġunijiet għall-esklużjoni jew meta jieħdu deċiżjoni li ma jagħtux kuntratt lill-offerent li jissottometti l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża. |
|
(58) |
L-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għal paga ugwali teħtieġ protezzjoni amministrattiva u mill-qorti adegwata kontra kwalunkwe trattament avvers bħala reazzjoni għal tentattiv mill-ħaddiema li jeżerċitaw dak id-dritt, għal kwalunkwe lment lill-impjegatur jew għal kwalunkwe proċedura amministrattiva jew proċediment tal-qorti li jkollhom l-għan li jinfurzaw il-konformità ma' dak id-dritt. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (20) il-kategorija ta' impjegati li huma intitolati għall-protezzjoni jenħtieġ li tiġi interpretata b'mod wiesa' u tinkludi l-impjegati kollha li jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta' ritaljazzjoni meħuda minn impjegatur b'reazzjoni għal ilment ta' diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet ta’ sess. Il-protezzjoni mhijiex limitata biss għall-impjegati li jkunu ressqu lmenti jew ir-rappreżentanti tagħhom, jew għal dawk li jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti formali li jirregolaw ir-rikonoxximent ta' ċertu status, bħal dak ta' xhud. |
|
(59) |
Sabiex jittejjeb l-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali, din id-Direttiva jenħtieġ li ssaħħaħ l-għodod u l-proċeduri ta' infurzar eżistenti fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet dwar paga ugwali stabbiliti fid-Direttiva 2006/54/KE. |
|
(60) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk tirrispetta l-prerogattiva tal-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema. Id-drittijiet miksuba skont il-qafas legali eżistenti jenħtieġ li jkomplu japplikaw, sakemm ma jiġux introdotti minn din id-Direttiva dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tistax tintuża biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali eżistenti f'dan il-qasam, u lanqas ma tista' tikkostitwixxi raġunijiet validi biex jitnaqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema fir-rigward tal-prinċipju ta' paga ugwali. |
|
(61) |
Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tad-dritt għal paga ugwali, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu jew jaħtru korp ta' monitoraġġ iddedikat. Dak il-korp, li jenħtieġ li jkun jista’ jkun parti minn korp eżistenti li jkollu objettivi simili, jenħtieġ li jkollu kompiti speċifiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi previsti f'din id-Direttiva u jiġbor ċerta data għall-monitoraġġ tal-inugwaljanzi fil-pagi u l-impatt tal-miżuri ta' trasparenza fil-pagi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħtru aktar minn korp wieħed, dment li l-funzjonijiet ta' monitoraġġ u analiżi stipulati f'din id-Direttiva jkunu żgurati minn korp ċentrali. |
|
(62) |
Il-kumpilazzjoni ta' statistika dwar il-pagi diżaggregata skont is-sessi u l-forniment lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika preċiża u kompluta hija essenzjali għall-analiżi u l-monitoraġġ tal-bidliet fid-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fuq livell tal-Unjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 (21) jirrikjedi li l-Istati Membri jikkompilaw statistika kull erba' snin dwar il-qligħ strutturali fil-livell mikro, li tipprovdi data armonizzata għall-kalkolu tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Statistika annwali ta' kwalità għolja tista' żżid it-trasparenza u ttejjeb il-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni dwar l-inugwaljanza fil-pagi bejn il-ġeneri. Id-disponibbiltà u l-komparabbiltà ta' tali data huma strumentali għall-valutazzjoni tal-iżviluppi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fl-Unjoni kollha. L-istatistika rilevanti trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tinġabar għall-finijiet tal-istatistika skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). |
|
(63) |
Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri applikazzjoni aħjar u aktar effettiva tal-prinċipju ta' paga ugwali permezz tal-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi komuni li jenħtieġ li japplikaw għall-impriżi u l-organizzazzjonijiet kollha madwar l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva, li tillimita ruħha li tistabbilixxi standards minimi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(64) |
Ir-rwol tas-sħab soċjali huwa ta' importanza ewlenija fit-tfassil tal-mod kif il-miżuri ta' trasparenza fil-pagi jiġu implimentati fl-Istati Membri, speċjalment f'dawk b'kopertura għolja ta' negozjar kollettiv. L-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kollha jew ta' parti minnha, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-riżultati mixtieqa minn din id-Direttiva jkunu garantiti f'kull ħin. |
|
(65) |
Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju. L-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jivvalutaw l-impatt tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju biex jiżguraw li dawk l-intrapriżi ma jiġux affettwati b'mod sproporzjonat, filwaqt li joqogħdu speċifikament attenti għall-mikrointrapriżi, biex itaffu l-piż amministrattiv, u jippubblikaw ir-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet. |
|
(66) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u ta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta' April 2021, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa (il-“prinċipju ta' paga ugwali”) minqux fl-Artikolu 157 TFUE u l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE, b'mod partikolari permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi msaħħa ta' infurzar.
Artikolu 2
Kamp ta' Applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tapplika għall-impjegaturi fis-setturi pubbliċi u privati.
2. Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema kollha li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni tax-xogħol kif iddefiniti mil-liġi, minn ftehimiet kollettivi u/jew mill-prattika fis-seħħ f'kull Stat Membru b'kunsiderazzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
3. Għall-finijiet tal-Artikolu 5, din id-Direttiva tapplika għal applikanti għal impjieg.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
"paga" tfisser il-paga jew is-salarju ordinarju bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kontanti kif ukoll jekk in natura, li ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament (komponenti kumplimentari jew varjabbli) b'rabta mal-impjieg mingħand l-impjegatur tiegħu; |
|
(b) |
"livell tal-paga" tfisser il-paga annwali grossa u l-paga grossa fis-siegħa korrispondenti; |
|
(c) |
"differenza bejn il-ġeneri fil-pagi" tfisser id-differenza fil-livelli tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel ta' impjegatur espressa bħala perċentwal tal-livell tal-paga medja tal-ħaddiema rġiel; |
|
(d) |
"livell tal-paga medjana" tfisser il-livell tal-paga li fih nofs il-ħaddiema ta' impjegatur jaqilgħu aktar u nofshom jaqilgħu inqas; |
|
(e) |
"differenza bejn il-ġeneri fil-paga medjana" tfisser id-differenza bejn il-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema nisa u l-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema rġiel ta' impjegatur espressa bħala perċentwal tal-livell tal-paga medjana tal-ħaddiema rġiel; |
|
(f) |
"faxxa tal-pagi kwartili" tfisser kull wieħed minn erba' gruppi ugwali ta' ħaddiema li huma maqsuma fihom skont il-livelli tal-pagi tagħhom, mill-aktar baxx sal-ogħla; |
|
(g) |
"xogħol ta' valur ugwali" tfisser xogħol li jiġi ddeterminat li huwa ta' valur ugwali f’konformità mal-kriterji nondiskriminatorji u oġġettivi newtrali għall-ġeneru msemmija fl-Artikolu 4(4); |
|
(h) |
"kategorija ta' ħaddiema" tfisser ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali raggruppati b'mod mhux arbitrarju abbażi tal-kriterji nondiskriminatorji u oġġettivi newtrali għall-ġeneru msemmija fl-Artikolu 4(4), mill-impjegatur tal-ħaddiema u, fejn applikabbli, f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema f’konformità mad-dritt u/jew il-prattika nazzjonali. |
|
(i) |
"diskriminazzjoni diretta" tfisser is-sitwazzjoni li fiha persuna tiġi ttrattata b'mod inqas favorevoli minn kif persuna oħra tiġi trattata, ġiet trattata jew tkun ittrattata f'sitwazzjoni komparabbli minħabba raġunijiet ta’ sess; |
|
(j) |
"diskriminazzjoni indiretta" tfisser is-sitwazzjoni li fiha dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tpoġġi lill-persuni ta' sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma' persuni tas-sess l-ieħor, sakemm dik id-dispożizzjoni, dak il-kriterju jew dik il-prattika ma tkunx iġġustifikata oġġettivament abbażi ta' għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u meħtieġa; |
|
(k) |
"spettorat tax-xogħol" tfisser il-korp jew korpi responsabbli, skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, minn funzjonijiet ta' kontroll u ta' spezzjoni fis-suq tax-xogħol, ħlief, fejn ikun previst fid-dritt nazzjonali, is-sħab soċjali jistgħu jwettqu dawk il-funzjonijiet; |
|
(l) |
"korp tal-ugwaljanza" tfisser il-korp jew il-korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE; |
|
(m) |
"rappreżentanti tal-ħaddiema" tfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali. |
2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-diskriminazzjoni tinkludi:
|
(a) |
fastidju u fastidju sesswali, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/54/KE, kif ukoll kwalunkwe trattament inqas favorevoli bbażat fuq iċ-ċaħda ta' tali mġiba minn persuna jew is-sottomissjoni tagħha għaliha, meta tali fastidju jew trattament ikun relatat mal-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva jew ikun riżultat tiegħu; |
|
(b) |
kwalunkwe istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni kontra persuni bbażata fuq raġunijiet ta’ sess; |
|
(c) |
kwalunkwe trattament inqas favorevoli relatat ma' tqala jew ma' leave tal-maternità skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (24); |
|
(d) |
kwalunkwe trattament inqas favorevoli, skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), ibbażat fuq raġunijiet ta’ sess, inkluż fir-rigward ta' leave tal-paternità, leave tal-ġenituri jew leave tal-persuni li jindukraw; |
|
(e) |
diskriminazzjoni intersezzjonali, li hija diskriminazzjoni bbażata fuq taħlita ta' sess u kwalunkwe raġuni jew raġunijiet oħra ta' diskriminazzjoni protetta skont id-Direttiva 2000/43/KE jew 2000/78/KE. |
3. Il-paragrafu 2, il-punt (e) ma għandux jinvolvi obbligi addizzjonali għall-impjegaturi biex jiġbru data kif imsemmi f'din id-Direttiva fir-rigward ta' raġunijiet protetti ta' diskriminazzjoni għajr is-sess.
Artikolu 4
Xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impjegaturi jkollhom strutturi tal-pagi li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali.
2. L-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-korpi tal-ugwaljanza, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkunu disponibbli għodod jew metodoloġiji analitiċi u li dawn jkunu faċilment aċċessibbli biex jappoġġaw u jiggwidaw il-valutazzjoni u t-tqabbil tal-valur tax-xogħol f'konformità mal-kriterji stipulati f'dan l-Artikolu. Dawk l-għodod jew metodoloġiji għandhom jippermettu lill-impjegaturi u/jew lis-sħab soċjali jistabbilixxu u jużaw faċilment sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru li jeskludu kwalunkwe diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq raġunijiet ta’ sess.
3. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' taġġorna l-linji gwida għall-Unjoni kollha relatati ma' sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru, f'konsultazzjoni mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).
4. L-istrutturi tal-pagi għandhom ikunu tali li jippermettu l-valutazzjoni ta' jekk il-ħaddiema humiex f'sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-valur tax-xogħol abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru maqbula mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fejn jeżistu tali rappreżentanti. Dawk il-kriterji ma għandhomx ikunu bbażati direttament jew indirettament fuq is-sess tal-ħaddiema. Dawn għandhom jinkludu ħiliet, sforz, responsabbiltà u kundizzjonijiet tax-xogħol, u, jekk adatt, kwalunkwe fattur ieħor li huwa rilevanti għall-impjieg jew il-pożizzjoni speċifika. Għandhom jiġu applikati b'mod oġġettiv u newtrali għall-ġeneru, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess. B'mod partikolari, il-ħiliet personali rilevanti m’għandhomx jiġu sottovalutati.
KAPITOLU II
TRASPARENZA FIL-PAGI
Artikolu 5
Trasparenza fil-pagi qabel l-impjieg
1. L-applikanti għall-impjieg għandu jkollhom id-dritt li jirċievu, mingħand l-impjegatur prospettiv, informazzjoni dwar:
|
(a) |
il-paga inizjali jew il-medda tagħha, abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, li għandha tiġi attribwita għall-pożizzjoni kkonċernata; u |
|
(b) |
fejn applikabbli, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim kollettiv applikati mill-impjegatur fir-rigward tal-pożizzjoni. |
Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'tali mod li tiżgura negozjar infurmat u trasparenti dwar il-paga, bħal f'avviż ta' impjieg vakanti ippubblikat, qabel l-intervista tal-impjieg jew b’xi mod jew ħin ieħor.
2. Impjegatur ma għandux jistaqsi lill-applikanti dwar il-paga tagħhom fir-relazzjonijiet ta' impjieg attwali jew preċedenti tagħhom.
3. L-impjegaturi għandhom jiżguraw li l-avviżi ta' pożizzjonijiet vakanti u t-titoli tal-impjiegi jkunu newtrali għall-ġeneru u li l-proċessi ta' reklutaġġ jitmexxew b'mod nondiskriminatorju, sabiex ma jiġix imminat id-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali (id-“dritt għal paga ugwali”).
Artikolu 6
Trasparenza fl-iffissar tal-pagi u l-politika ta' progressjoni tal-pagi
1. L-impjegaturi għandhom jagħmlu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema tagħhom il-kriterji li jintużaw biex jiġu ddeterminati l-paga, il-livelli tal-pagi u l-progressjoni tal-pagi tal-ħaddiema. Dawk il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi u newtrali għall-ġeneru.
2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impjegaturi b'inqas minn 50 ħaddiem mill-obbligu relatat mal-progressjoni tal-pagi stipulata fil-paragrafu 1.
Artikolu 7
Dritt għall-informazzjoni
1. Il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jitolbu u jirċievu bil-miktub, f'konformità mal-paragrafi 2 u 4, informazzjoni dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u l-livelli tal-paga medja, diżaggregata skont is-sessi, għal kategoriji ta' ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol bħalhom jew xogħol ta' valur ugwali għal tagħhom.
2. Il-ħaddiema għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu u li jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom, skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali. Huma għandu jkollhom ukoll il-possibbiltà li jitolbu u jirċievu l-informazzjoni permezz ta' korp tal-ugwaljanza.
Jekk l-informazzjoni riċevuta ma tkunx preċiża jew kompluta, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li, personalment jew permezz tar-rappreżentanti tagħhom, jitolbu kjarifiki u dettalji addizzjonali rigward kwalunkwe data pprovduta, u li jingħataw risposta sostanzjata.
3. L-impjegaturi għandhom jinformaw lill-ħaddiema kollha, fuq bażi annwali, bid-dritt tagħhom li jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u bil-passi li l-ħaddiem għandu jieħu biex jeżerċita dak id-dritt.
4. L-impjegaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f'perjodu ta' żmien raġonevoli iżda fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn mid-data li fiha ssir it-talba.
5. Il-ħaddiema ma għandhomx jinżammu milli jiżvelaw il-paga tagħhom għall-fini tal-infurzar tal-prinċipju ta' paga ugwali. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri biex jipprojbixxu termini kuntrattwali li jirrestrinġu lill-ħaddiema milli jiżvelaw informazzjoni dwar il-paga tagħhom.
6. L-impjegaturi jistgħu jirrikjedu li l-ħaddiema li jkunu kisbu informazzjoni skont dan l-Artikolu, għajr informazzjoni dwar il-paga jew il-livell tal-paga tagħhom stess, ma jużawx dik l-informazzjoni għal kwalunkwe skop ieħor għajr li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali.
Artikolu 8
Aċċessibbiltà għall-informazzjoni
L-impjegaturi għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni kondiviża mal-ħaddiema jew mal-applikanti għall-impjieg skont l-Artikoli 5, 6 u 7 f'format li jkun aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u li jqis il-ħtiġijiet partikolari tagħhom.
Artikolu 9
Rappurtar dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar l-organizzazzjoni tagħhom, f'konformità ma' dan l-Artikolu:
|
(a) |
id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi; |
|
(b) |
id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi f'komponenti komplementari jew varjabbli; |
|
(c) |
id-differenza bejn il-ġeneri fil-paga medjana; |
|
(d) |
id-differenza bejn il-ġeneri fil-paga medjana f'komponenti komplementari jew varjabbli; |
|
(e) |
il-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel li jirċievu komponenti komplementari jew varjabbli; |
|
(f) |
il-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel f'kull faxxa tal-pagi kwartili; |
|
(g) |
id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi bejn il-ħaddiema skont il-kategoriji ta' ħaddiema mqassma skont il-paga jew is-salarju bażiku ordinarju u l-komponenti komplementari jew varjabbli. |
2. Impjegaturi b'250 ħaddiem jew aktar għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2027 u kull sena wara dan, jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 relatata mas-sena kalendarja preċedenti.
3. Impjegaturi b'bejn 150 u 249 ħaddiem għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2027 u kull tliet snin wara dan, jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 relatata mas-sena kalendarja preċedenti.
4. Impjegaturi b'bejn 100 u 149 ħaddiem għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2031 u kull tliet snin wara dan, jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 relatata mas-sena kalendarja preċedenti.
5. L-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu lill-impjegaturi b'inqas minn 100 ħaddiem milli jipprovdu l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1 fuq bażi volontarja. L-Istati Membri jistgħu, bħala kwistjoni ta' dritt nazzjonali, jirrikjedu li l-impjegaturi b'inqas minn 100 ħaddiem jipprovdu informazzjoni dwar il-paga.
6. L-akkuratezza tal-informazzjoni għandha tiġi kkonfermata mill-maniġment tal-impjegatur, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom aċċess għall-metodoloġiji applikati mill-impjegatur.
7. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (g) ta' dan l-Artikolu għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità inkarigata mill-kumpilazzjoni u mill-pubblikazzjoni ta' tali data skont l-Artikolu 29(3), il-punt (c). L-impjegatur jista' jippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f) ta' dan l-Artikolu fuq is-sit web tiegħu jew jagħmilha disponibbli pubblikament mod ieħor.
8. L-Istati Membri jistgħu jiġbru l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (f), ta' dan l-Artikolu huma stess, abbażi ta' data amministrattiva bħal data pprovduta mill-impjegaturi lill-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali. L-informazzjoni għandha ssir pubblika skont l-Artikolu 29(3), il-punt (c).
9. L-impjegaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (g), lill-ħaddiema kollha tagħhom u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-ħaddiema tagħhom. L-impjegaturi għandhom, fuq talba, jipprovdu l-informazzjoni lill-ispettorat tax-xogħol u lill-korp tal-ugwaljanza. L-informazzjoni mill-erba' snin preċedenti, jekk tkun disponibbli, għandha tiġi pprovduta wkoll fuq talba.
10. Il-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorati tax-xogħol u l-korpi tal-ugwaljanza għandu jkollhom id-dritt li jitolbu aktar kjarifiki u dettalji mingħand l-impjegaturi rigward kwalunkwe data pprovduta, inkluż spjegazzjonijiet dwar kwalunkwe differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. L-impjegaturi għandhom iwieġbu għal dawn it-talbiet fi żmien raġonevoli billi jipprovdu tweġiba sostanzjata. Fejn id-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi ma jkunux ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, l-impjegaturi għandhom jirrimedjaw is-sitwazzjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli f'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol u/jew il-korp tal-ugwaljanza.
Artikolu 10
Valutazzjoni konġunta tal-pagi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impjegaturi li huma soġġetti għal rappurtar dwar il-pagi skont l-Artikolu 9 iwettqu, f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom, valutazzjoni konġunta tal-pagi fejn il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:
|
(a) |
ir-rappurtar dwar il-pagi juri differenza fil-livell tal-paga medja bejn il-ħaddiema nisa u rġiel ta' mill-inqas 5 % fi kwalunkwe kategorija ta' ħaddiema; |
|
(b) |
l-impjegatur ma jkunx iġġustifika tali differenza fil-livell tal-paga medja abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru; |
|
(c) |
l-impjegatur ma jkunx irrimedja tali differenza mhux iġġustifikata fil-livell tal-paga medja fi żmien sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tar-rapportar dwar il-pagi. |
2. Il-valutazzjoni konġunta tal-pagi għandha titwettaq sabiex jiġu identifikati, irrimedjati u pprevenuti d-differenzi fil-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel li mhumiex ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru u għandha tinkludi dan li ġej:
|
(a) |
analiżi tal-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel f'kull kategorija ta' ħaddiema; |
|
(b) |
informazzjoni dwar il-medja tal-livelli tal-pagi tal-ħaddiema nisa u rġiel u komponenti komplementari jew varjabbli għal kull kategorija ta' ħaddiema; |
|
(c) |
kwalunkwe differenza fil-livelli medji tal-pagi bejn il-ħaddiema nisa u rġiel f'kull kategorija ta' ħaddiema; |
|
(d) |
ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi fil-livelli medji tal-pagi, abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, jekk ikun hemm, kif stabbilit b'mod konġunt mir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-impjegatur; |
|
(e) |
il-proporzjon ta' ħaddiema nisa u rġiel li bbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-paga wara r-ritorn tagħhom mil-leave tal-maternità jew tal-paternità, mil-leave tal-ġenituri jew mil-leave tal-persuni li jindukraw, jekk tali titjib ikun seħħ fil-kategorija rilevanti tal-ħaddiema matul il-perjodu li fih ikun ittieħed il-leave; |
|
(f) |
miżuri biex jiġu indirizzati differenzi fil-pagi jekk ma jkunux iġġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru; |
|
(g) |
evalwazzjoni tal-effettività ta' miżuri minn valutazzjonijiet konġunti preċedenti tal-pagi. |
3. L-impjegaturi għandhom jagħmlu l-valutazzjoni konġunta tal-pagi disponibbli għall-ħaddiema u għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għandhom jikkomunikawha lill-korp ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 29(3), il-punt (d). Għandhom jagħmluha disponibbli għall-ispettorat tax-xogħol u għall-korp tal-ugwaljanza fuq talba.
4. Meta jimplimenta l-miżuri li jirriżultaw mill-valutazzjoni konġunta tal-pagi, l-impjegatur għandu jirrimedja d-differenzi mhux iġġustifikati fil-pagi f'perjodu ta' żmien raġonevoli, f'kooperazzjoni mill-qrib, f'konformità mad-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. L-ispettorat tax-xogħol u/jew il-korp tal-ugwaljanza jista' jintalab jipparteċipa fil-proċess. L-implimentazzjoni tal-miżuri għandha tinkludi analiżi tas-sistemi eżistenti ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-impjieg newtrali għall-ġeneru jew l-istabbiliment ta' tali sistemi, biex jiġi żgurat li kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta fil-pagi bbażata fuq raġunijiet ta' sess tiġi eskluża.
Artikolu 11
Appoġġ għall-impjegaturi b’inqas minn 250 ħaddiem
L-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ, fil-forma ta' assistenza teknika u taħriġ, lill-impjegaturi b'inqas minn 250 ħaddiem u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kkonċernati, biex tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom mal-obbligi stipulati f'din id-Direttiva.
Artikolu 12
Protezzjoni tad-data
1. Sa fejn kwalunkwe informazzjoni pprovduta skont il-miżuri meħuda skont l-Artikoli 7, 9, u 10 tinvolvi l-ipproċessar ta' data personali, din għandha tiġi pprovduta f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.
2. Kwalunkwe data personali pproċessata skont l-Artikoli 7, 9 jew 10 ta' din id-Direttiva ma għandha tintuża għal ebda skop għajr biex jiġi applikat il-prinċipju ta' paga ugwali.
3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, fejn l-iżvelar ta' informazzjoni skont l-Artikoli 7, 9 u 10 iwassal għall-iżvelar, direttament jew indirettament, tal-paga ta' ħaddiem identifikabbli, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol jew il-korp tal-ugwaljanza biss għandu jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jew il-korp tal-ugwaljanza għandhom jagħtu pariri lill-ħaddiema dwar pretensjoni possibbli skont din id-Direttiva mingħajr ma jiżvelaw il-livelli attwali tal-pagi ta' ħaddiema individwali li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali. Għall-finijiet ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 29 l-informazzjoni għandha ssir disponibbli mingħajr restrizzjoni.
Artikolu 13
Djalogu soċjali
Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali, permezz ta' diskussjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi stipulati f'din id-Direttiva, fejn applikabbli u fuq talba tagħhom.
L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u b'kont meħud tad-diversità tal-prattiki nazzjonali, jieħdu miżuri adegwati biex jippromwovu r-rwol tas-sħab soċjali u jinkoraġġixxu l-eżerċizzju tad-dritt għal negozjar kollettiv dwar miżuri li jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-pagi u l-impatt negattiv tagħha fuq il-valutazzjoni tal-impjiegi mwettqa b'mod predominanti minn ħaddiema ta' sess wieħed.
KAPITOLU III
RIMEDJI U INFURZAR
Artikolu 14
Difiża tad-drittijiet
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara rikors possibbli għal konċiljazzjoni, ikunu disponibbli proċeduri tal-qorti għall-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema kollha li jħossuhom li ġew trattati ħażin minħabba nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-ħaddiema u għall-persuni li jaġixxu f'isimhom, anke wara li tkun intemmet ir-relazzjoni ta' impjieg li fiha jkun allegat li seħħet id-diskriminazzjoni.
Artikolu 15
Proċeduri f'isem il-ħaddiema jew b'appoġġ għalihom
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet, il-korpi tal-ugwaljanza u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jew entitajiet legali oħra li, skont il-kriterji stipulati fid-dritt nazzjonali, ikollhom interess leġittimu li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ikunu jistgħu jipparteċipaw fi kwalunkwe proċedura amministrattiva jew proċediment tal-qorti rigward ksur allegat tad-drittijiet jew l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. Huma jistgħu jaġixxu f'isem, jew b'appoġġ għal, ħaddiem li jkun allegat vittma ta' ksur ta' kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta' paga ugwali, bl-approvazzjoni ta' dik il-persuna.
Artikolu 16
Dritt għal kumpens
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe ħaddiem li jkun ġarrab dannu bħala riżultat tal-ksur ta' kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta' paga ugwali għandu d-dritt li jitlob u jikseb kumpens sħiħ jew riparazzjoni sħiħa, kif determinat mill-Istat Membru, għal dak id-dannu.
2. Il-kumpens jew ir-riparazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkostitwixxi kumpens jew riparazzjoni reali u effettiva għat-telf u l-ħsara mġarrba, kif determinat mill-Istat Membru, b'mod dissważiv u proporzjonat.
3. Il-kumpens jew ir-riparazzjoni għandu jqiegħed lill-ħaddiem li jkun sofra dannu fil-pożizzjoni li fiha kienet tkun dik il-persuna kieku ma kienx hemm diskriminazzjoni kontriha abbażi tas-sess jew jekk ma kien hemm l-ebda ksur ta' xi wieħed mid-drittijiet jew obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpens jew ir-riparazzjoni jinkludu l-irkupru sħiħ ta' pagi b'lura u bonusijiet jew pagamenti in natura relatati, kumpens għal opportunitajiet mitlufa, dannu mhux materjali, kwalunkwe ħsara kkawżata minn fatturi rilevanti oħra li jistgħu jinkludu diskriminazzjoni intersezzjonali, kif ukoll imgħax fuq l-arretrati.
4. Il-kumpens jew ir-riparazzjoni m'għandhomx ikunu limitati mill-iffissar ta' limitu ogħla preċedenti.
Artikolu 17
Rimedji oħra
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'każ ta' ksur tad-drittijiet jew l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali, l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali, f'konformità mad-dritt nazzjonali, jistgħu, fuq talba tar-rikorrent u bi spejjeż tal-konvenut, joħorġu:
|
(a) |
ordni biex jitwaqqaf il-ksur; |
|
(b) |
ordni biex jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet jew l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali jiġu applikati. |
2. Meta konvenut ma jikkonformax ma' kwalunkwe ordni maħruġa skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu, fejn xieraq, joħorġu ordni rikorrenti ta' pagament ta' penali, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità.
Artikolu 18
Trasferiment tal-oneru tal-provi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, skont is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, sabiex jiżguraw li, meta ħaddiema li jħossuhom li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta' paga ugwali ma jkunx ġie applikat għalihom, jistabbilixxu, quddiem awtorità kompetenti jew qorti nazzjonali, fatti li minnhom jista' jkun preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-konvenut li jagħti prova li ma kienx hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta b'rabta mal-pagi.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċeduri amministrattivi jew proċedimenti tal-qorti rigward diskriminazzjoni allegata diretta jew indiretta fir-rigward tal-paga, meta impjegatur ma jkunx implimenta l-obbligi ta' trasparenza fil-pagi stipulati fl-Artikoli 5, 6, 7, 9 u 10, huwa l-impjegatur li għandu jagħti prova li ma kienx hemm it-tali diskriminazzjoni.
L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-impjegatur jagħti prova li l-ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6, 7, 9 u 10 kien manifestament mhux intenzjonat u ta' natura minuri.
3. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli evidenzjali li huma aktar favorevoli għal ħaddiem li jistitwixxi proċedura amministrattiva jew proċedimenti tal-qorti rigward allegat ksur ta' kwalunkwe wieħed mid-drittijiet jew obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali.
4. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri u proċedimenti fejn ikun il-kompitu tal-awtorità kompetenti jew tal-qorti nazzjonali li tinvestiga l-fatti tal-każ.
5. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt nazzjonali.
Artikolu 19
Prova ta' xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali
1. Meta jiġi vvalutat jekk ħaddiema nisa u rġiel humiex qed iwettqu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali, il-valutazzjoni ta' jekk il-ħaddiema jinstabux f'sitwazzjoni komparabbli ma għandhiex tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom ħaddiema nisa u rġiel jaħdmu għall-istess impjegatur, iżda għandha tiġi estiża għal sors uniku li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-paga. Għandu jeżisti sors wieħed fejn jistipula l-elementi tal-paga rilevanti għat-tqabbil tal-ħaddiema.
2. Il-valutazzjoni ta' jekk il-ħaddiema jinsabux f'sitwazzjoni komparabbli ma għandhiex tkun limitata għal ħaddiema li huma impjegati fl-istess żmien bħall-ħaddiem ikkonċernat.
3. Fejn ma jkun jista' jiġi stabbilit l-ebda komparatur reali, kwalunkwe evidenza oħra tista' tintuża biex tingħata prova tad-diskriminazzjoni allegata fil-pagi, inkluż statistika jew tqabbil ta' kif ħaddiem jiġi ttrattat f'sitwazzjoni komparabbli.
Artikolu 20
Aċċess għall-evidenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti li jikkonċernaw pretensjoni għal paga ugwali, l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jiżvela kwalunkwe evidenza rilevanti li tinsab fil-kontroll tal-konvenut, f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw li tiġi żvelata evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jqisuha rilevanti għall-pretensjoni għal paga ugwali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jordnaw l-iżvelar ta' tali informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex jipproteġu tali informazzjoni, f'konformità mar- regoli proċedurali nazzjonali.
3. Dan l-Artikolu ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu regoli li jkunu aktar favorevoli għar-rikorrenti.
Artikolu 21
Perjodi ta' preskrizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali applikabbli għall-perjodi ta' preskrizzjoni għat-tressiq ta' talbiet għal paga ugwali jiddeterminaw meta jibdew japplikaw tali perjodi, it-tul ta' żmien tagħhom u ċ-ċirkostanzi li taħthom jistgħu jiġu sospiżi jew interrotti. Il-perjodi ta' preskrizzjoni ma għandhomx jibdew qabel ma r-rikorrent ikun konxju jew jista' jkun raġonevolment mistenni li jkun konxju ta’ ksur. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-perjodi ta' preskrizzjoni ma jibdewx waqt li l-ksur ikun għadu għaddej jew qabel ma jintemmu l-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg. Tali perjodi ta' preskrizzjoni ma għandhomx ikunu iqsar minn tliet snin.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perjodu ta' preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont id-dritt nazzjonali, jiġi interrott, hekk kif rikorrent jieħu azzjoni billi jressaq ilment għall-attenzjoni tal-impjegatur jew billi jistitwixxi l-proċedimenti quddiem qorti, direttament jew permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-ispettorat tax-xogħol jew il-korp tal-ugwaljanza.
3. Dan l-Artikolu ma japplikax għar-regoli dwar l-iskadenza tal-pretensjonijiet.
Artikolu 22
Spejjeż ġuridiċi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta konvenut jirnexxi fi proċedimenti relatati ma' pretensjoni dwar diskriminazzjoni fil-pagi, il-qrati nazzjonali jistgħu jivvalutaw, f'konformità mad-dritt nazzjonali, jekk ir-rikorrent li ma rnexxilux kellux raġunijiet raġonevoli biex iressaq it-talba u, jekk iva, jekk huwiex xieraq li dak ir-rikorrent ma jintalabx iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.
Artikolu 23
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għall-ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk ir-regoli jkunu implimentati u għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u b'dawk il-miżuri u bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-penali msemmija fil-paragrafu 1 jiggarantixxu effett ta' deterrent reali fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali. Dawk il-penali għandhom jinkludu multi, li l-istabbiliment tagħhom għandu jkun ibbażat fuq id-dritt nazzjonali.
3. Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqisu kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti rilevanti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-ksur, li jista' jinkludi diskriminazzjoni intersezzjonali.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li japplikaw penali speċifiċi f'każ ta' ksur ripetut tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju ta' paga ugwali.
5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-penali previsti skont dan l-Artikolu jiġu applikati fil-prattika b'mod effettiv.
Artikolu 24
Paga ugwali f'kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet
1. Il-miżuri xierqa li jieħdu l-Istati Membri skont l-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 2014/25/UE għandhom jinkludu miżuri biex jiżguraw li, fit-twettiq ta' kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet, l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-prinċipju ta' paga ugwali.
2. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jirrikjedu li l-awtoritajiet kontraenti jintroduċu, kif xieraq, penali u kondizzjonijiet ta' terminazzjoni li jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-paga ugwali fit-twettiq ta' kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet. Fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jaġixxu skont l-Artikolu 38(7), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 57(4), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/24/UE, jew l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25/UE flimkien mal-Artikolu 57(4), il-punt (a) tad-Direttiva 2014/24/UE, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu mill-Istati Membri jeskludu kwalunkwe operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura ta' akkwist pubbliku meta jkunu jistgħu juru bi kwalunkwe mezz xieraq ksur tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, relatati jew ma' nuqqas ta' konformità mal-obbligi tat-trasparenza fil-pagi jew ma' diskrepanza fil-pagi ta' aktar minn 5 % fi kwalunkwe kategorija ta' ħaddiema li mhijiex iġġustifikata mill-impjegatur abbażi ta' kriterji oġġettivi, newtrali għall-ġeneru. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt jew obbligu ieħor stipulat fid-Direttiva 2014/23/UE,2014/24/UE jew 2014/25/UE.
Artikolu 25
Vittimizzazzjoni u protezzjoni kontra trattament anqas favorevoli
1. Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom ma għandhomx jiġu ttrattati b'mod inqas favorevoli minħabba li jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom relatati mal-paga ugwali jew ikunu appoġġaw persuna oħra fil-protezzjoni tad-drittijiet ta' dik il-persuna.
2. L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema, inkluż il-ħaddiema li huma rappreżentanti tal-ħaddiema, kontra s-sensja jew trattament negattiv ieħor mill-impjegatur bħala reazzjoni għal ilment fi ħdan l-organizzazzjoni tal-impjegatur jew għal kwalunkwe proċedura amministrattiva jew proċediment tal-qorti għall-fini tal-infurzar ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-prinċipju ta' paga ugwali.
Artikolu 26
Relazzjoni mad-Direttiva 2006/54/KE
Il-Kapitolu III ta' din id-Direttiva għandu japplika għal proċedimenti li jikkonċernaw kwalunkwe dritt jew obbligu li jirrelata mal-prinċipju ta' paga ugwali stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54/KE.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI
Artikolu 27
Livell ta' protezzjoni
1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.
2. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġunijiet għat-tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva.
Artikolu 28
Korpi tal-ugwaljanza
1. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-ispettorati tax-xogħol jew ta' korpi oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż is-sħab soċjali, il-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom, f'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, jieħdu miżuri attivi biex jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib fost l-ispettorati tax-xogħol, il-korpi tal-ugwaljanza u, fejn applikabbli, is-sħab soċjali fir-rigward tal-prinċipju ta' paga ugwali.
3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-korpi tal-ugwaljanza tagħhom bir-riżorsi adegwati meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv fir-rigward tar-rispett għad-dritt għal paga ugwali.
Artikolu 29
Monitoraġġ u sensibilizzazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-monitoraġġ konsistenti u koordinat u l-appoġġ għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali u l-infurzar tar-rimedji kollha disponibbli.
2. Kull Stat Membru għandu jaħtar korp għall-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva (korp ta' monitoraġġ) u għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-funzjonament xieraq tiegħu. Il-korp ta' monitoraġġ jista' jkun parti minn korp jew struttura eżistenti fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru aktar minn korp wieħed għall-fini ta' sensibilizzazzjoni u ġbir ta' data, dment li l-funzjonijiet ta' monitoraġġ u analiżi previsti fil-paragrafu 3, il-punti (b), (c) u (e) jiġu żgurati minn korp ċentrali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti tal-korp ta' monitoraġġ jinkludu dan li ġej:
|
(a) |
is-sensibilizzazzjoni fost l-impriżi u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, is-sħab soċjali u l-pubbliku biex jippromwovu l-prinċipju ta' paga ugwali u d-dritt għat-trasparenza fil-pagi, inkluż billi tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni intersezzjonali fir-rigward ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali; |
|
(b) |
l-analiżi tal-kawżi tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u t-tfassil ta' għodod biex jgħinu fil-valutazzjoni tal-inugwaljanzi fil-pagi, bl-użu, b'mod partikolari, tal-ħidma analitika u l-għodod tal-EIGE; |
|
(c) |
il-ġbir ta' data riċevuta mingħand l-impjegaturi skont l-Artikolu 9(7), u l-pubblikazzjoni minnufih tad-data msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punti (a) sa (f), b'mod faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent, li jippermetti tqabbil bejn l-impjegaturi, is-setturi u r-reġjuni tal-Istat Membru kkonċernat u jiżgura li d-data mill-erba' snin preċedenti tkun aċċessibbli jekk disponibbli; |
|
(d) |
il-ġbir tar-rapporti konġunti ta' valutazzjoni tal-paga skont l-Artikolu 10(3); |
|
(e) |
l-aggregazzjoni tad-data dwar l-għadd u t-tipi ta' lmenti dwar id-diskriminazzjoni fil-pagi mressqa quddiem l-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-korpi tal-ugwaljanza, u t-talbiet imressqa quddiem il-qrati nazzjonali. |
4. Sas-7 ta’ Ġunju 2028 u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri għandhom, fi preżentazzjoni waħda, jipprovdu lill-Kummissjoni d-data msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (c), (d) u (e).
Artikolu 30
Negozjar u azzjoni kollettivi
Din id-Direttiva ma għandha bl-ebda mod taffettwa d-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehimiet kollettivi jew li tittieħed azzjoni kollettiva skont id-dritt jew il-prattika nazzjonali.
Artikolu 31
Statistika
L-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali, jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data nazzjonali aġġornata għall-kalkolu tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi f'forma mhux aġġustata. Dik l-istatistika għandha tkun diżaggregata skont is-sessi, is-settur ekonomiku, il-ħin tax-xogħol (full-time/part-time), il-kontroll ekonomiku (sjieda pubblika/privata) u l-età u għandha tiġi kkalkulata fuq bażi annwali.
Id-data msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tiġi trażmessa mill-31 ta' Jannar 2028 għas-sena ta’ referenza 2026.
Artikolu 32
Tixrid ta' informazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri attivi biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw skont din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ, jinġiebu għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom permezz tal-mezzi kollha xierqa.
Artikolu 33
Implimentazzjoni
L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, f'konformità mad-dritt u/jew il-prattika nazzjonali fir-rigward tar-rwol tas-sħab soċjali, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-riżultati mixtieqa minn din id-Direttiva jkunu garantiti f'kull ħin. Il-kompiti ta’ implimentazzjoni fdati f’idejn is-sħab soċjali jistgħu jinkludu:
|
(a) |
l-iżvilupp ta' għodod jew metodoloġiji analitiċi kif imsemmi fl-Artikolu 4(2); |
|
(b) |
penali finanzjarji ekwivalenti għal multi, dment li dawn ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
Artikolu 34
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-7 ta’ Ġunju 2026. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta jinformaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdulha wkoll sommarju tar-riżultati ta’ valutazzjoni rigward l-impatt tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom fuq il-ħaddiema u l-impjegaturi b'inqas minn 250 ħaddiem u referenza għal fejn tiġi ppubblikata tali valutazzjoni.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Artikolu 35
Rapportar u rieżami
1. Sas-7 ta’ Ġunju 2031, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt tagħha fil-prattika.
2. Sas-7 ta’ Ġunju 2033, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jeżamina, fost l-oħrajn, il-livelli limiti tal-impjegatur previsti fl-Artikoli 9 u 10, kif ukoll l-iskattatur ta' 5 % għall-valutazzjoni konġunta tal-pagi prevista fl-Artikolu 10(1). Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi kwalunkwe emenda leġislattiva li hija tqis bħala neċessarja abbażi ta’ dak ir-rapport.
Artikolu 36
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 37
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) ĠU C 341, 24.8.2021, p. 84.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Marzu 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2023.
(3) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 1996, P v S, C-13/94, ECLI:EU:C:1996:170; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, K.B.,C-117/01, ECLI:EU:C:2004:7; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' April 2006, Richards, C-423/04, ECLI:EU:C:2006:256; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 2018, M.B., C-451/16, ECLI:EU:C:2018:492.
(4) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).
(5) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, ECLI:EU:C:1986:284; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union Syndicale Solidaires Isère , C-428/09, ECLI:EU: C:2010:612; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media, C-413/13, ECLI:EU:C:2014:2411; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2015, Balkaya, C-229/14, ECLI:EU:C:2015:455; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik , C-216/15, ECLI:EU:C:2016:883; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-maġistrati Taljani), C-658/18, ECLI:EU:C:2020:572.
(6) Pereżempju, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Frar 1982, Garland, C-12/81, ECLI:EU:C:1982:44; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ġunju 1982, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Grand Duchy tal-Lussemburgu, C-58/81, ECLI:EU:C:1982:215; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1989, Rinner-Kulhn, C-171/88, ECLI:EU:C:1989:328; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ġunju 1990, Kowalska, C-33/89, ECLI: EU:C:1990:265; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta' Ġunju 1992, Bötel, C-360/90, ECLI:EU:C:1992:246; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1996, Gillespie u Oħrajn, C-342/93, ECLI:EU:C:1996:46; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 1996, Freers u Speckmann, C-278/93, ECLI:EU:C:1996:83; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Marzu 2004, Alabaster, C-147/02, ECLI:EU:C:2004:192.
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
(8) Id-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(9) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 2002, Lawrence et., C-320/00, ECLI:EU:C:2002:498.
(10) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Marzu 1980, Macarthys Ltd, C-129/79, ECLI:EU:C:1980:103.
(11) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(12) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(13) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(14) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(15) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 2015, Arjona Camacho, C-407/14, ECLI:EU:C:2015:831, para. 45.
(16) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1989, Danfoss, C-109/88, ECLI:EU:C:1989:383.
(17) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).
(18) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(19) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(20) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Ġunju 2019, Hakelbracht u oħrajn, C-404/18, ECLI:EU:C:2019:523.
(21) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta' Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol (ĠU L 63, 12.3.1999, p. 6).
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(23) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(24) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).
(25) Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/45 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/971
tal-10 ta’ Mejju 2023
li jirreġistra isem fir-Reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Cedro di Santa Maria del Cedro” (DOP)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, it-talba tal-Italja għar-reġistrazzjoni tal-isem “Cedro di Santa Maria del Cedro”, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ għalhekk li l-isem “Cedro di Santa Maria del Cedro” jiġi rreġistrat, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “Cedro di Santa Maria del Cedro” (DOP) huwa b’dan irreġistrat.
L-isem imsemmi fl-ewwel subparagrafu jidentifika prodott tal-Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati, tal-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Janusz WOJCIECHOWSKI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU C 25, 24.1.2023, p. 12.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/46 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/972
tal-10 ta’ Mejju 2023
li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u mniżżel fil-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid. |
|
(3) |
Fis-7 ta’ Ottubru 2019, il-kumpanija Medika Natura Sdn. Bhd. (“l-applikant”, oriġinarjament Orchid Life Sdn Bhd) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tintroduċi l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila jintuża fis-supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), maħsubin għall-popolazzjoni adulta minbarra n-nisa tqal u li qed ireddgħu, bil-livell massimu tal-użu ta’ 750 mg kuljum. |
|
(4) |
Fis-7 ta’ Ottubru 2019, l-applikant għamel talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tad-data proprjetarja, jiġifieri, studju farmakokinetiku fuq il-firien (4), test reversiv (5), test in vitro ta’ aberrazzjoni kromożomika fil-mammiferi (6), test tal-mikronukleu fl-eritroċiti mammiferi fuq il-ġrieden (7), studju tat-tossiċità b’doża orali ripetuta (ta’ 90 jum) fuq il-firien (8), test tas-solubbiltà (9), test in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli (10), u test tat-tossiċità kronika tul sena (11). |
|
(5) |
Fl-14 ta’ April 2020, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) twettaq valutazzjoni tal-l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila bħala ikel ġdid. |
|
(6) |
Fit-28 ta’ Settembru 2022, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of an aqueous ethanolic extract of Labisia pumila as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (12) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(7) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha l-Awtorità kkonkludiet li l-estratt etanoliku milwiem (1:1) tal-pjanta kollha tal-Labisia pumila mħallat bil-maltodestrina (2:1) li sservi ta’ aġent li jnixxef, huwa sikur għall-popolazzjoni fil-mira f’livelli sa 350 mg kuljum. Għalhekk, dik l-opinjoni xjentifika tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila, meta jintuża fis-supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, maħsubin għall-popolazzjoni adulta, minbarra n-nisa tqal u li qed ireddgħu, b’livell ta’ użu massimu ta’ 350 mg kuljum, jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jiġi introdott fis-suq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(8) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità osservat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ikel il-ġdid kienet ibbażata fuq it-test tas-solubbiltà u fuq l-informazzjoni tossikoloġika (l-istudji dwar il-farmakokinetika, dwar il-ġenotossiċità, u dwar it-tossiċità subkronika u t-tossiċità orali kronika) li mingħajrhom ma kinitx tkun tista’ tivvaluta l-ikel il-ġdid u tasal għall-konklużjoni tagħha. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni li kien bagħat biex isostni l-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dik id-data u dawk l-istudji, u biex jiċċara l-pretensjoni tiegħu li jkollu d-dritt esklużiv li jirreferi għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(10) |
L-applikant iddikjara li meta ressaq l-applikazzjoni kien id-detentur tad-drittijiet proprjetarji u esklużivi li jirreferi għall-istudju farmakokinetiku fuq il-firien, għat-test reversiv, għat-test in vitro ta’ aberrazzjoni kromożomika fil-mammiferi, għat-test tal-mikronukleu fl-eritroċiti mammiferi fuq il-ġrieden, għall-istudju tat-tossiċità b’doża orali ripetuta (ta’ 90 jum) fuq il-firien, għat-test tas-solubbiltà, għat-test in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli, u għat-test tat-tossiċità kronika tul sena, u li ebda parti terza ma kellha d-dritt legali taċċessa, tuża jew tirreferi għal dik id-data. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha mogħtija mill-applikant u waslet għall-fehma li kien wera biżżejjed provi li kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant jenħtieġ li għandhom jiġu protetti f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 l-istudju farmakokinetiku fuq il-firien, it-test reversiv, it-test in vitro ta’ aberrazzjoni kromożomika fil-mammiferi, it-test tal-mikronukleu fl-eritroċiti mammiferi fuq il-ġrieden, l-istudju tat-tossiċità b’doża orali ripetuta (ta’ 90 jum) fuq il-firien, it-test tas-solubbiltà, it-test in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli, u t-test tat-tossiċità kronika tul sena. Għalhekk jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat jintroduċi l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila fis-suq fl-Unjoni għal perjodu ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(12) |
Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila, u tar-referenza għad-data fil-fajl tal-applikant għall-użu tiegħu biss ma twaqqafx lil applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni biex jintroduċu l-istess ikel ġdid fis-suq, dment li l-applikazzjoni tagħhom tissejjes fuq informazzjoni miksuba b’mod legali li tappoġġa t-tali awtorizzazzjoni. |
|
(13) |
Jixraq li l-inklużjoni tal-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila bħala ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid ikun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. F’dan ir-rigward, f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-użu ta’ supplimenti tal-ikel li fihom l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila kif proposti mill-applikant u vvalutati mill-Awtorità, jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati, permezz tal-użu ta’ tikketta xierqa, li s-supplimenti tal-ikel li jkun fihom l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila jenħtieġ li jiġu kkunsmati biss mill-adulti minbarra n-nisa tqal u li qed ireddgħu. |
|
(14) |
Jenħtieġ li l-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila jiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila huwa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.
L-estratt etanoliku milwiem ta’ Labisia pumila għandu jiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.
2. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-kumpanija Medika Natura Sdn. Bhd. (13) biss hija awtorizzata li tintroduċi fis-suq tal-Unjoni l-ikel il-ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ 5 snin mis-6 ta’ Ġunju 2023, dment li ma jkunx hemm applikant sussegwenti li jikseb awtorizzazzjoni għal dak l-ikel il-ġdid mingħajr ma jirreferi għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bil-qbil ta’ Medika Natura Sdn. Bhd.
Artikolu 3
Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandha tintuża għall-benefiċċju ta’ ebda applikant sussegwenti għal perjodu ta’ 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr ma jsir ftehim ma’ Medika Natura Sdn. Bhd.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).
(3) Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).
(4) L-Anness 48.
(5) L-Anness 52.
(6) L-Anness 53.
(7) L-Anness 54.
(8) L-Anness 55.
(9) L-Anness 91.
(10) L-Anness 92.
(11) L-Annessi 93, 94, 97 u 98.
(12) EFSA Journal 2022;20(11):7611.
(13) No. 44B Jalan Bola Tampar 13/14 Section 13, 40100 Shah Alam Selangor, il-Malażja.
ANNESS
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:
|
||||||||||||||||||
|
(2) |
fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:
|
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/52 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/973
tal-15 ta’ Mejju 2023
li jemenda l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Kanada, għaċ-Ċilì, għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fil-listi ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam, tal-prodotti ġerminali tal-pollam u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 230(1) u 232(1) u (3) tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li biex jidħlu fl-Unjoni, il-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju, żona jew kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom għad-dħul fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi tal-pajjiżi terzi, it-territorji, iż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom, li minnhom hu permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. |
|
(4) |
B’mod iktar partikolari, l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxu l-listi tal-pajjiżi terzi, jew tat-territorji jew iż-żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni, rispettivament, tal-konsenji tal-pollam, tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa. |
|
(5) |
Il-Kanada nnotifikat lill-Kummissjoni dwar żewġ tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) fil-pollam fil-provinċji ta’ Ontario (1) u Quebec (1) li ġew ikkonfermati fis-17 ta’ April 2023 u fid-19 ta’ April 2023 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(6) |
Minbarra dawn, iċ-Ċilì nnotifika lill-Kummissjoni dwar tliet tifqigħat tal-HPAI fil-pollam fir-reġjuni ta’ Valparaíso (2) u Biobío (1) li ġew ikkonfermati bejn it-18 ta’ April 2023 u l-20 ta’ April 2023 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(7) |
Barra minn hekk, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar sitt tifqigħat tal-HPAI fil-pollam fil-kontej ta’ Devon (1), South Yorkshire (1) Yorkshire (1) fl-Ingilterra u Powys (3) f’Wales li ġew ikkonfermati bejn il-31 ta’ Marzu 2023 u d-29 ta’ April 2023 b’analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(8) |
Wara dawk it-tifqigħat riċenti tal-HPAI, l-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada, taċ-Ċilì u tar-Renju Unit stabbilew żoni ristretti ta’ mill-anqas 10 km madwar l-istabbilimenti affettwati u implimentaw politika ta’ qerda biex jikkontrollaw il-preżenza tal-HPAI u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda. |
|
(9) |
Il-Kanada, iċ-Ċilì u r-Renju Unit ippreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji tagħhom u l-miżuri li ħadu biex jevitaw li l-HPAI tkompli tinxtered. Dik l-informazzjoni ġiet evalwata mill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, u biex jitħares l-istatus tas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni, jenħtieġ li d-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa miż-żoni bir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada, taċ-Ċilì u tar-Renju Unit ma jibqax jiġi awtorizzat minħabba t-tifqigħat riċenti tal-HPAI. |
|
(10) |
Barra minn hekk, il-Kanada ppreżentat informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tagħha b’rabta ma’ tmien tifqigħat tal-HPAI fi stabbilimenti tal-pollam fil-provinċji ta’ British Columbia (4), Ontario (3) u Quebec (1), li ġew ikkonfermati bejn il-5 ta’ April 2022 u l-1 ta’ Diċembru 2022. |
|
(11) |
Barra minn hekk, ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tiegħu fir-rigward ta’ 58 tifqigħa tal-HPAI fi stabbilimenti tal-pollam fil-kontej ta’ Cumbria (1), Herefordshire (1), Lincolnshire (6), Norfolk (42), North Yorkshire (1), Staffordshire (1) Suffolk (4), Worcestershire (1) u Yorkshire (1) fl-Ingilterra, ir-Renju Unit, li ġew ikkonfermati bejn it-3 ta’ Settembru 2022 u l-10 ta’ Marzu 2023. |
|
(12) |
Barra minn hekk, il-Kanada u r-Renju Unit ippreżentaw ukoll informazzjoni dwar il-miżuri li ħadu biex jevitaw aktar tixrid tal-HPAI. B’mod partikolari, wara dawk it-tifqigħat ta’ dik il-marda, il-Kanada u r-Renju Unit implimentaw politika ta’ qerda biex jikkontrollaw u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda, u lestew ukoll ir-rekwiżit tat-tindif u tad-diżinfezzjoni wara l-implimentazzjoni tal-politika ta’ qerda fl-istabbilimenti tal-pollam infettati fit-territorji tagħhom. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni evalwat l-informazzjoni sottomessa mill-Kanada u mir-Renju Unit u kkonkludiet li t-tifqigħat tal-HPAI fi stabbilimenti tal-pollam ġew ikklerjati u ma għadx hemm xi riskju assoċjat mad-dħul fl-Unjoni ta’ komoditajiet tal-pollam miż-żoni tal-Kanada u tar-Renju Unit li minnhom kien sospiż id-dħul fl-Unjoni tal-komoditajiet tal-pollam wara dawk it-tifqigħat. |
|
(14) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġu emendati biex titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fir-rigward tal-HPAI fil-Kanada, fiċ-Ċilì u fir-Renju Unit. |
|
(15) |
Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fil-Kanada, fiċ-Ċilì u fir-Renju Unit fir-rigward tal-HPAI u r-riskju serju tal-introduzzjoni tagħha fl-Unjoni, l-emendi li jridu isiru fl-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’urġenza. |
|
(16) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/868 (4) emenda l-Anness V u l-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 bl-emendar tar-ringieli għaż-żona US-2.278 fl-Anness V u fl-Anness XIV billi stabbilixxa d-data tal-ftuħ ta’ din iż-żona li qabel kienet magħluqa fl-entrati għall-Istati Uniti. Peress li nstab xi żball dwar id-data tal-ftuħ taż-żona US-2.278 fl-Annessi V u XIV, jenħtieġ li r-ringieli għaż-żona US-2.278 fl-Annessi V u XIV jiġu kkoreġuti kif xieraq. Jenħtieġ li din il-korrezzjoni tapplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/868. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Korrezzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404
1. Fl-Anness V, fit-Taqsima B tal-Parti 1, fl-entrata għall-Istati Uniti, ir-ringiela għaż-żona US-2.278 hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“US L-Istati Uniti |
US-2.278 |
BPP, BPR, DOC, DOR, SP, SR, POU-LT20, HEP, HER, HE-LT20 |
N, P1 |
|
23.9.2022 |
31.3.2023”; |
2. Fl-Anness XIV, fit-Taqsima B tal-Parti 1, fl-entrata għall-Istati Uniti, ir-ringieli għaż-żoni US-2.278 huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
“US L-Istati Uniti |
US-2.278 |
POU, RAT |
N, P1 |
|
23.9.2022 |
31.3.2023 |
|
GBM |
P1 |
|
23.9.2022 |
31.3.2023”; |
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, l-Artikolu 2 għandu japplika mid-29 ta’ April 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/868 ta’ 27 ta’ April 2023 li jemenda l-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Kanada, għaċ-Ċilì, għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fil-listi ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam, tal-prodotti ġerminali tal-pollam u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa (ĠU L 113, 28.4.2023, p. 12).
ANNESS
L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
L-Anness V huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fl-Anness XIV, fil-Parti 1, it-Taqsima B hija emendata kif ġej:
|
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/74 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/974
tas-16 ta’ Mejju 2023
li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 rigward id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-19 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 277/2014 (2) li għall-ewwel darba stabbilixxa deroga mill-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” li jistadu fl-ibħra territorjali tas-Slovenja, li skada fit-23 ta’ Marzu 2017. Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2383 (3), ingħatat estensjoni ta’ dik id-deroga, li skadiet fis-27 ta’ Marzu 2020. Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/511 (4), ingħatat estensjoni oħra ta’ dik id-deroga, li skadiet fis-27 ta’ Marzu 2023. |
|
(2) |
Fil-21 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba mis-Slovenja biex testendi d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/511. Is-Slovenja pprovdiet il-pjan ta’ ġestjoni, adottat fit-18 ta’ Awwissu 2021 (5), u rapport dwar il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/511, li jiġġustifikaw l-estensjoni tad-deroga, fid-dawl tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(3) |
Tul il-71 sessjoni plenarja tiegħu organizzata f’Novembru 2022, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (7) ivvaluta t-talba li jerġgħu jiġu estiżi d-deroga u r-rapport ta’ implimentazzjoni. L-STECF ikkonferma l-opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-pjan u abbażi tal-informazzjoni l-ġdida pprovduta mis-Slovenja, l-STECF ikkonkluda li l-kundizzjonijiet għad-deroga għadhom qed jiġu ssodisfati. |
|
(4) |
Id-deroga mitluba mis-Slovenja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(5) |
B’mod partikolari, hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, peress li l-ibħra territorjali tas-Slovenja fl-ebda punt ma jilħqu l-fond ta’ 50 metru. Għalhekk, mingħajr deroga, il-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” jistgħu joperaw biss lil hinn minn 3 mili nawtiċi mill-kosta, fejn iż-żoni tas-sajd huma limitati b’mod sinifikanti minn żona dedikata għal rotot ta’ navigazzjoni kummerċjali. |
|
(6) |
Barra minn hekk, il-pjan ta’ ġestjoni Sloven jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jkun hemm żieda fl-isforz tas-sajd, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lil 12-il bastiment speċifikat li s-Slovenja diġà awtorizzathom biex jistadu. |
|
(7) |
It-talba tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mis-Slovenja u bastimenti b’aktar minn 5 snin esperjenza fis-sajd f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(8) |
Dawk il-bastimenti huma mniżżlin f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(9) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li s-sajd ma joperax fuq qigħan tal-algi, b’mod partikolari, ta’ Posidonia oceanica jew fanerogami tal-baħar oħrajn. |
|
(10) |
Fir-rigward tar-rekwiżit li jikkonformaw mal-qisien minimi tal-malji, id-deroga mitluba tikkonforma mal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwit bl-Artikolu 8(1) u t-taqsima I tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 peress li ma tintuża l-ebda malja kwadra ta’ inqas minn 40 mm fl-armar tax-xbieki “volantina”. |
|
(11) |
Is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir “volantina”, li hu tip ta’ sajd imħallat, ma jistax isir bi rkaptu ieħor għajr b’dak itqal tat-“tartana”, li madankollu jista’ jwassal għal ħafna aktar kuntatt ma’ qiegħ il-baħar u qabdiet ħafna ikbar ta’ speċijiet demersali u ma jinterferixxix ma’ rkaptu għajr xbieki tat-tkarkir, tartaruni jew xbieki rmunkati simili. |
|
(12) |
Il-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” huma rregolati biex jiġi żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet fil-Parti A tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi, f’konformità mal-kriterji tal-Artikolu 13(9)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. L-STECF innota li l-qabdiet irrapportati ta’ dawn l-ispeċijiet mhumiex negliġibbli, iżda madanakollu kkonkluda li minħabba d-daqs limitat tas-sajd bil-“volantina”, dawn il-qabdiet jammontaw għal volum totali ta’ ftit għaxriet ta’ tunnellati, li jirrappreżentaw biss ammont żgħir ħafna tal-qabdiet totali ta’ dawn l-ispeċijiet fit-Tramuntana tal-Baħar Adrijatiku. |
|
(13) |
Il-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” ma għandhomx fil-mira tagħhom iċ-ċefalopodi. L-STECF innota li ċ-ċefalopodi huma qabda aċċessorja siewja tas-sajd bil-“volantina”, madankollu kkonkluda li, abbażi tal-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni tal-pjan, minħabba d-daqs limitat tas-sajd bil-“volantina”, il-qabdiet rispettivi taċ-ċefalopodi x’aktarx jirrappreżentaw biss ammont żgħir ħafna tal-qabdiet totali ta’ dawn l-ispeċijiet fit-Tramuntana tal-Adrijatiku ġenerali. |
|
(14) |
Il-pjan ta’ ġestjoni Sloven jinkludi miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (8). |
|
(15) |
Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-estensjoni tad-deroga li talbet is-Slovenja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-estensjoni tad-deroga mitluba. |
|
(16) |
Jenħtieġ li s-Slovenja tirrapporta lill-Kummissjoni fiż-żmien ix-xieraq u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stipulat fil-pjan ta’ ġestjoni Sloven. |
|
(17) |
Jenħtieġ li t-tul taż-żmien tad-deroga jiġi limitat biex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta’ ġestjoni korrettivi jekk ir-rapport lill-Kummissjoni juri qagħda ħażina ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat filwaqt li jingħata ambitu biex titjieb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni mtejjeb. |
|
(18) |
Peress li d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2383 skadiet fis-27 ta’ Marzu 2023, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett mit-28 ta’ Marzu 2023. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(19) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ibħra territorjali tas-Slovenja, irrispettivament mill-fond, bejn 1,5 u 3 mili nawtiċi mill-kosta, għal bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
li jkollhom in-numru ta’ reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta’ ġestjoni Sloven adottat mis-Slovenja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006; |
|
(b) |
li jkollhom esperjenza fis-sajd ta’ aktar minn 5 snin u fil-ġejjieni mhux se jżidu l-isforz tas-sajd previst; u |
|
(c) |
li jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni adottat mis-Slovenja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
Artikolu 2
Pjan ta’ monitoraġġ u rapportar
Fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, is-Slovenja għandha tibgħat rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1 lill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-28 ta’ Marzu 2023 sas-27 ta’ Marzu 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 277/2014 tad-19 ta’ Marzu 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja (ĠU L 82, 20.3.2014, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2383 tad-19 ta’ Diċembru 2017 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja (ĠU L 340, 20.12.2017, p. 32).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/511 tat-30 ta’ Marzu 2022 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja (ĠU L 103, 31.3.2022, p. 7).
(5) Id-Deċiżjoni Nru 34200-2/2021/3 tat-18.8.2021.
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).
(7) Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) – 71st Plenary Report (STECF-PLEN-22-03). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022 (https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/43440856/STECF+PLEN+22-03.pdf/d0acb3d4-6b6a-4067-9d08-0b6004660e25).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
DEĊIŻJONIJIET
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/77 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/975
tal-15 ta’ Mejju 2023
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417 li tistabbilixxi linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha
(notifikata bid-dokument C(2023) 2817)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1), it-tielet subparagrafu tagħha u l-punt 8 tal-Anness II tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(1) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2001/95/KE,
Wara li kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 (5) li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha |
|
(2) |
L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jistabbilixxi li meta żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw b’mod konġunt il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, dawn għandhom ikunu kontrolluri konġunti. Ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti jistgħu jiġu ddeterminati mil-liġi tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u d-dmirijiet rispettivi tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725. |
|
(3) |
L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 jistabbilixxi li meta żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw b’mod konġunt il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali, dawn jitqiesu bħala kontrolluri konġunti. Ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti jistgħu jiġu ddeterminati mil-liġi tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u d-dmirijiet rispettivi tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu bħala kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data fis-sistema Safety Gate/RAPEX. |
|
(5) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-arranġamenti rispettivi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali bħala kontrolluri konġunti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679. |
|
(6) |
Jenħtieġ għalhekk, li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417 tiġi emendata skont dan. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 1 1. Il-linji gwida għall-ġestjoni tal-Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea Is-sistema ‘RAPEX’ hija stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE u is-sistema ta’ notifika hija stabbilita fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni. 2. Il-kontroll konġunt tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea ‘RAPEX’ huwa stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.”; |
|
(2) |
l-Anness jingħata t-titolu l-ġdid ta’ Anness I; |
|
(3) |
Jiżdied l-Anness II kif jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Didier REYNDERS
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
(3) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 tat-8 ta’ Novembru 2018 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha (ĠU L 73, 15.3.2019, p. 121).
ANNESS
“ANNESS II
KONTROLL KONĠUNT TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI RAPIDA TAL-UNJONI EWROPEA “RAPEX” STABBILITA SKONT L-ARTIKOLU 12 TAD-DIRETTIVA 2001/95/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL (1) (ID-DIRETTIVA DWAR IS-SIGURTÀ ĠENERALI TAL-PRODOTTI)
1. Suġġett u deskrizzjoni tal-ipproċessar
L-applikazzjoni Safety Gate/RAPEX hija sistema ta’ notifika maħsuba għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, it-tliet stati taż-Żona Ekonomika Ewropea/tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (ŻEE/EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) u l-Kummissjoni dwar miżuri meħuda kontra prodotti perikolużi li jinsabu fis-suq tal-Unjoni u/jew taż-ŻEE/tal-EFTA. L-għan ta’ din is-sistema ta’ notifika huwa:
|
— |
li jiġi evitat il-forniment lill-konsumaturi ta’ prodotti perikolużi fis-suq intern; |
|
— |
fejn meħtieġ, li jittieħdu miżuri korrettivi li jirtiraw jew isejħu lura tali prodotti mis-suq. |
L-iskambju ta’ informazzjoni jikkonċerna miżuri u azzjonijiet preventivi u restrittivi meħuda fir-rigward ta’ prodotti perikolużi għall-konsumatur u professjonali, ħlief l-ikel, l-għalf, il-farmaċewtiċi u l-apparat mediku. Kemm il-miżuri ordnati mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-miżuri meħuda volontarjament mill-operaturi ekonomiċi huma koperti mis-sistema Safety Gate/RAPEX.
2. Kamp ta’ applikazzjoni tal-Kontroll Konġunt
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu bħala kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data fis-sistema Safety Gate/RAPEX. “L-awtoritajiet nazzjonali” huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha u l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE li jaġixxu fuq is-sikurezza tal-prodotti u li jipparteċipaw fin-network Safety Gate/RAPEX, inkluż l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti tas-sikurezza u l-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni.
Għall-finijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-attivitajiet ta’ pproċessar li ġejjin jaqgħu fir-responsabbiltà tal-Kummissjoni bħala kontrollur konġunt tad-data personali:
|
(1) |
Il-Kummissjoni tista’ tipproċessa informazzjoni dwar miżuri meħuda kontra prodotti li joħolqu riskji serji, importati jew esportati mill-Unjoni u miż-Żona Ekonomika Ewropea, sabiex tittrażmettiha lill-Punti ta’ Kuntatt tar-RAPEX. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni tista’ tipproċessa informazzjoni li tirċievi minn pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, negozji jew sistemi oħra ta’ twissija rapida dwar prodotti ta’ oriġini tal-UE u mhux tal-UE li joħolqu riskju, sabiex tittrażmetti tali informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali. |
Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mal-obbligi u l-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet.
L-attivitajiet ta’ pproċessar li ġejjin jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, bħala kontrolluri konġunti tad-data personali:
|
(1) |
L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipproċessaw l-informazzjoni skont l-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 2001/95/KE u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) sabiex jinnotifikaw tali informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra u lill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE; |
|
(2) |
L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipproċessaw informazzjoni wara l-attivitajiet ta’ segwitu tagħhom fir-rigward tan-notifiki tas-Safety Gate/RAPEX sabiex jinnotifikaw tali informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra u lill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE; |
Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw il-konformità mal-obbligi u l-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet.
3. Responsabbiltajiet, rwoli u relazzjoni tal-kontrolluri konġunti mas-suġġetti tad-data
3.1. Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u data personali
Il-Kontrolluri Konġunti jipproċessaw b’mod konġunt il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:
|
(a) |
Dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tas-Safety Gate/RAPEX. Id-data li ġejja tista’ tiġi pproċessata:
|
|
(b) |
Dettalji ta’ kuntatt tal-awturi u l-validaturi tan-notifiki u r-reazzjonijiet ippreżentati permezz tas-sistema Safety Gate/RAPEX. Dawn l-awturi u l-validaturi jinkludu:
Id-data li ġejja tista’ tiġi pproċessata:
|
|
(c) |
Barra minn hekk, żewġ tipi ta’ data personali jistgħu inċidentalment jiġu inklużi fis-sistema:
|
3.2. Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 15 u 16 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 17 sa 24 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll miżuri xierqa biex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu kull informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kull komunikazzjoni skont l-Artikoli 19 sa 26 u 37 tar-Regolament (UE) 2016/679 f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi dwar id-data li ġejja:
|
— |
Id-Data relatata mal-utenti tas-Safety Gate/RAPEX; |
|
— |
Id-Data relatata mal-awturi u l-validaturi tan-notifiki u r-reazzjonijiet. |
L-utenti tas-Safety Gate/RAPEX jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Istqarrija ta’ Privatezza disponibbli fis-Safety Gate/RAPEX.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprovdu kkull informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kull komunikazzjoni skont l-Artikoli 19 sa 26 u 37 tar-Regolament (UE) 2016/679 f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi dwar id-data li ġejja:
|
— |
L-informazzjoni dwar persuni ġuridiċi li jidentifikaw persuna fiżika; |
|
— |
l-ismijiet u data oħra ta’ persuni li jkunu wettqu t-testijiet fuq prodotti perikolużi u/jew awtentikaw ir-rapporti tat-testijiet. |
L-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub, inkluż elettronikament.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jużaw il-mudell għal dikjarazzjoni ta’ privatezza pprovduta mill-Kummissjoni meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom dwar is-suġġetti tad-data.
3.3. It-trattament tat-talbiet tas-suġġetti tad-data;
Is-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 u r-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-Kontrilluri Konġunti u kontrihom.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jittrattaw it-talbiet tas-suġġetti tad-data skont il-proċedura stabbilita mill-Kontrolluri Konġunti għal dan l-għan. Il-proċedura dettaljata għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data hija spjegata fl-Istqarrija ta’ Privatezza.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jikkooperaw u, meta jintalbu jagħmlu dan, jassistu lil xulxin b’mod rapidu u effiċjenti fit-trattament ta’ kwalunkwe talba tas-suġġett tad-data.
Jekk Kontrollur Konġunt wieħed jirċievi talba mis-suġġett tad-data, li ma taqax fir-responsabbiltà tiegħu, dak il-Kontrollur Konġunt għandu jibgħat it-talba minnufih, u mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji minn meta jirċeviha, lill-Kontrollur Konġunt attwalment responsabbli għal dik it-talba. Il-Kontrollur Konġunt responsabbli għandu jibgħat konferma tar-riċevuta lis-suġġett tad-data fi żmien tlett ijiem kalendarji oħra, filwaqt li fl-istess ħin jinforma b’dan lill-Kontrollur Konġunt, li jkun irċieva t-talba fl-ewwel lok.
Bi tweġiba għal talba ta’ suġġett tad-data għal aċċess għal data personali, l-ebda Kontrollur Konġunt ma għandu jiżvela jew inkella jagħmel disponibbli xi data personali pproċessata b’mod konġunt mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta lill-Kontrollur Konġunt rilevanti l-ieħor.
4. Responsabbiltajiet u rwoli oħra tal-kontrolluri konġunti
4.1. Sigurtà tal-ipproċessar
Kull Kontrollur Konġunt għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa mfassla biex:
|
(a) |
Jiġu żgurati u protetti s-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata b’mod konġunt, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 (5) u l-att legali rilevanti tal-Istat Membru tal-UE/pajjiż tal-EFTA/ŻEE, rispettivament; |
|
(b) |
Ikun hemm protezzjoni kontra kull aċċess, ipproċessar, telf, użu, żvelar jew akkwist mhux awtorizzati jew illegali ta’ xi data personali fil-pussess tagħha; |
|
(c) |
Ma tiġix żvelata d-data personali, jew ma jingħatax aċċess għaliha, lil xi ħadd għajr ir-riċevituri jew il-proċessuri li jkun sar qbil fuqhom minn qabel. |
Kull Kontrollur Konġunt għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jipprovdu assistenza rapida u effiċjenti lil xulxin f’każ ta’ inċidenti ta’ sigurtà, inkluż ksur ta’ data personali.
4.2. Ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jittrattaw l-inċidenti ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali, f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom u mal-leġiżlazzjoni applikabbli.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom b’mod partikolari jassistu lil xulxin b’mod rapidu u effiċjenti kif meħtieġ biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u t-trattament ta’ kwalunkwe inċident ta’ sigurtà, inkluż ksur ta’ data personali, marbut mal-operazzjoni ta’ pproċessar konġunt.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jinnotifikaw lil xulxin b’dan li ġej:
|
(a) |
kull riskju potenzjali jew attwali għad-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità u/jew l-integrità tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata b’mod konġunt; |
|
(b) |
kull inċident ta’ sigurtà li jkun marbut mal-operazzjoni ta’ pproċessar konġunt; |
|
(c) |
kull ksur ta’ data personali (jiġifieri kwalunkwe ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali, telf, alterazzjoni, żvelar mhux awtorizzat ta’data personali, jew aċċess għal tali data, li tkun qed tiġi pproċessata b’mod konġunt), il-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta’ data personali, il-valutazzjoni tar-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, u kwalunkwe miżura meħuda biex jiġi indirizzat il-ksur ta’ data personali u jiġi mmitigat ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi; |
|
(d) |
kull ksur tas-salvagwardji tekniċi u/jew organizzattivi tal-operazzjoni ta’ proċessar konġunt. |
Kull Kontrollur Konġunt huwa responsabbli għall-inċidenti kollha tas-sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali, li jseħħu bħala riżultat ta’ ksur tal-obbligi ta’ dak il-Kontrollur Konġunt skont din id-Deċiżjoni, ir-Regolament (UE) 2018/1725 u r-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament.
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jiddokumentaw l-inċidenti ta’ sigurtà (inkluż il-ksur ta’ data personali) u jinnotifikaw lil xulxin mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li jsiru konxji ta’ inċident ta’ sigurtà (inkluż ksur ta’ data personali).
Il-Kontrollur Konġunt responsabbli għal ksur ta’ data personali għandu jiddokumenta dak il-ksur ta’ data personali u jinnotifikah lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew lill-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti. Dan għandu jagħmlu mingħajr dewmien żejjed u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar konxju tal-ksur ta’ data personali, sakemm il-ksur ta’ data personali x’aktarx li ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Il-kontrollur Konġunt responsabbli għandu jinforma lill-Kontrolluri Konġunti l-oħra b’tali notifika.
Il-Kontrollur Konġunt, responsabbli għall-ksur ta’ data personali, għandu jikkomunika dan il-ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data kkonċernati jekk il-ksur ta’ data personali x’aktarx jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi. Il-kontrollur Konġunt responsabbli għandu jinforma lill-Kontrolluri Konġunti l-oħra b’tali komunikazzjoni.
4.3. Lokalizzazzjoni ta’ data personali
Id-data personali miġbura għall-fini tal-proċess ta’ notifika permezz tas-sistema Safety Gate/RAPEX għandha tinħażen u tinġabar fl-applikazzjoni Safety Gate/RAPEX operata mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għall-applikazzjoni jkun limitat biss għal persuni identifikati b’mod ċar u b’hekk li d-data maħżuna fl-applikazzjoni tkun protetta sew.
Id-data personali miġbura għall-fini tal-operazzjoni ta’ pproċessar għandha tiġi pproċessata biss fit-territorju tal-UE/ŻEE u ma għandhiex titlaq minn dak it-territorju, sakemm ma tkunx f’konformità mal-Artikoli 45, 46 jew 49 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-Artikoli 47, 48 jew 50 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2001/95/KE, l-aċċess għas-Safety Gate/RAPEX huwa miftuħ għal pajjiżi applikanti, pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fil-qafas ta’ ftehim bejn l-UE u dawk il-pajjiżi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, skont l-arranġamenti definiti f’dawn il-ftehimiet. Tista’ tiġi skambjata informazzjoni magħżula mis-sistema Safety Gate/RAPEX. Informazzjoni bħal din ma għandhiex tinkludi data personali.
4.4. Riċevituri
L-aċċess għad-data personali għandu jingħata biss lill-persunal awtorizzat u lill-kuntratturi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali għall-finijiet tal-amministrazzjoni u t-tħaddim tas-sistema Safety Gate/RAPEX, li tiffaċilita l-operazzjoni tal-ipproċessar. Dan l-aċċess għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-identità u l-password kif ġej:
|
— |
Safety Gate/RAPEX għandha tkun miftuħa biss għall-Kummissjoni u għall-utenti maħtura speċifikament mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-UE u mill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, kif ukoll għall-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-utenti tal-Irlanda ta’ Fuq. |
|
— |
L-aċċess għad-data personali miġbura dwar is-Safety Gate/RAPEX għandu jingħata biss lill-utenti nominati u awtorizzati tal-applikazzjoni li jkollhom Id/Password tal-Utent. L-aċċess għall-applikazzjoni u l-għoti ta’ password għandhom ikunu possibbli biss jekk dan jintalab mill-awtorità nazzjonali kompetenti taħt is-superviżjoni ġenerali tat-tim tal-Kummissjoni Safety Gate/RAPEX.. |
|
— |
L-aċċess għad-data personali miġbura għandu jiġi pprovdut lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar u lill-persuni awtorizzati skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Tali persunal għandu jirrispetta ftehimiet statutorji, u, fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità. |
Il-persuni li għandu jkollhom aċċess għad-data personali miġbura huma:
|
(a) |
il-persunal u l-kuntratturi tal-Kummissjoni; |
|
(b) |
punti ta’ kuntatt u spetturi identifikati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE kif ukoll l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-utenti tal-Irlanda ta’ Fuq; |
|
(c) |
spetturi identifikati mill-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE. |
Il-persuni li għandu jkollhom aċċess għad-data personali kollha miġbura u li għandu jkollhom il-possibbiltà li jimmodifikawha fuq talba huma:
|
(a) |
Membri tat-Tim tas-Safety Gate/RAPEX tal-Kummissjoni; |
|
(b) |
Membri tas-Safety Gate/tal-Helpdesk tar-RAPEX tal-Kummissjoni. |
Lista tal-punti ta’ kuntatt kollha tas-Safety Gate/RAPEX (utenti nnominati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE/ŻEE), li jkun fiha d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom (kunjom, isem, isem tal-awtorità, indirizz tal-awtorità, telefown, fax, indirizz tal-posta elettronika) għandha tkun disponibbli fuq is-sit web pubbliku Europa Safety Gate (6). Il-ġestjoni tal-utenti fil-livell nazzjonali għandha tkun ikkontrollata mill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tas-Safety Gate/RAPEX permezz tal-applikazzjoni Safety Gate/RAPEX.
L-utenti kollha għandu jkollhom aċċess għall-kontenut tan-notifiki bi status “KE vvalidat”. L-utenti nazzjonali tas-Safety Gate/RAPEX biss għandu jkollhom aċċess għall-abbozz tan-notifiki tagħhom (qabel jiġu ppreżentati lill-KE). Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persuni awtorizzati għandu jkollhom aċċess għan-notifiki bi “ status li ġew ippreżentati lill-KE”.
Kull Kontrollur Konġunt għandu jinforma lill-Kontrolluri Konġunti l-oħra kollha dwar kull trasferiment ta’ data personali lir-riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
5. Responsabbiltajiet speċifiċi tal-Kontrolluri Konġunti
Il-Kummissjoni għandha tiżgura u tkun responsabbli għal dan li ġej:
|
(a) |
Id-deċiżjoni dwar il-mezzi, ir-rekwiżiti u l-finijiet tal-ipproċessar; |
|
(b) |
Ir-reġistrazzjoni tal-operazzjoni tal-ipproċessar; |
|
(c) |
Is-suġġetti tad-data jingħataw il-faċilità li jħaddmu d-drittijiet tagħhom; |
|
(d) |
It-trattament tat-talbiet tas-suġġetti tad-data; |
|
(e) |
Id-Deċiżjoni li tiġi ristretta l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data jew id-deroga minnhom, fejn ikun meħtieġ u proporzjonat; |
|
(f) |
L-iżgurar tal-privatezza skont id-disinn u l-privatezza prestabbilita; |
|
(g) |
L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-legalità, tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trażmissjonijiet u tat-trasferimenti ta’ data personali; |
|
(h) |
It-twettiq ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fejn meħtieġ; |
|
(i) |
L-iżgurar li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta’ kunfidenzjalità; |
|
(j) |
Il-kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fuq talba, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. |
L-Istati Membri għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għal dan li ġej:
|
(a) |
Ir-reġistrazzjoni tal-operazzjoni tal-ipproċessar; |
|
(b) |
L-iżgurar li d-data personali li tkun qed tiġi pproċessata tkun adegwata, akkurata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-fini; |
|
(c) |
L-iżgurar ta’ informazzjoni u komunikazzjoni trasparenti lis-suġġetti tad-data dwar id-drittijiet tagħhom; |
|
(d) |
L-iffaċilitar tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; |
|
(e) |
L-użu esklussiv ta’ proċessuri li jipprovdu garanziji suffiċjenti biex il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa jiġu implimenetati b’tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 u tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data; |
|
(f) |
Ir-regolament tal-ipproċessar tal-proċessur permezz ta’ kuntratt jew att legali skont il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2016/679; |
|
(g) |
It-twettiq ta’ konsultazzjoni minn qabel mal-awtorità superviżorja nazzjonali, fejn meħtieġ; |
|
(h) |
L-iżgurar li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta’ kunfidenzjalità; |
|
(i) |
Il-kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja nazzjonali fuq talba, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. |
6. It-tul ta’ żmien tal-ipproċessar
Il-Kontrolluri Konġunti ma għandhomx iżommu jew jipproċessaw data personali għal aktar żmien milli jkun meħtieġ biex iwettqu l-finijiet u l-obbligi miftiehma kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni, jiġifieri għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri. B’mod partikolari:
|
(a) |
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tal-applikazzjoni Safety Gate/RAPEX għandhom jinżammu fis-sistema sakemm ikunu utenti. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom jitħassru mill-applikazzjoni immedjatament wara li tasal l-informazzjoni li ċerta persuna ma għadhiex utent tas-sistema; |
|
(b) |
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-ispetturi mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, kif ukoll mill-ispetturi mill-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni, ipprovduti fin-notifiki u fir-reazzjonijiet, għandhom jinżammu fis-sistema għal perjodu ta’ ħames snin wara l-validazzjoni tan-notifika jew tar-reazzjoni. |
|
(c) |
Id-data personali ta’ persuni fiżiċi oħra possibbilment inkluża fis-sistema għandha tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni għal 30 sena mill-mument li tiddaħħal l-informazzjoni fis-Safety Gate/RAPEX, li tikkorrispondi maċ-ċiklu tal-ħajja massimu stmat ta’ kategoriji ta’ prodotti bħal apparati elettriċi jew vetturi bil-mutur. |
Talbiet leġittimi mis-suġġetti tad-data biex id-data tagħhom tiġi mblukkata, aġġustata jew imħassra għandhom jiġu osservati mill-Kummissjoni fi żmien xahar minn meta tasal it-talba.
7. Responsabbiltà għan-nuqqas ta’ konformità
Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità, f’konformità mal-Kapitolu VIII tar-Regolament (UE) 2018/1725.
L-awtoritajiet tal-Istat/i Membru/i tal-UE għandhom ikunu responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità f’konformità mal-Kapitolu VIII tar-Regolament (UE) 2016/679.
8. Kooperazzjoni bejn il-Kontrolluri Konġunti
Kull Kontrollur Konġunt, meta jintalab jagħmel dan, għandu jipprovdi assistenza rapida u effiċjenti lill-Kontrolluri Konġunti l-oħra fl-eżekuzzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, filwaqt li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli kollha tar-Regolament (UE) 2018/1725 u tar-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament, u ma’ regoli applikabbli oħra dwar il-protezzjoni tad-data.
9. Soluzzjoni ta’ tilwimiet
Il-Kontrolluri Konġunti għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu b’mod amikevoli kwalunkwe tilwima li tinqala’ jew li tkun relatata mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Jekk f’xi ħin tinqala’ kwistjoni, tilwima jew differenza bejn il-Kontrolluri Konġunti, fir-rigward ta’ din id-Deċiżjoni, jew b’rabta magħha, il-Kontrolluri Konġunti għandhom jużaw kull sforz biex isolvuha permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-preferenza hija li t-tilwim kollu jiġi solvut fil-livell operazzjonali hekk kif jinqala’, u li jiġi solvut mill-punti ta’ kuntatt imsemmija fil-punt 10 ta’ dan l-Anness u elenkati fis-sit web pubbliku Europa ddedikat għas-sistema Safety Gate.
L-għan tal-konsultazzjoni għandu jkun li jsir rieżami u jkun hemm qbil sa fejn ikun prattikabbli dwar l-azzjoni meħuda biex tissolva l-problema li tkun inqalgħet u l-Kontrolluri Konġunti għandhom jinnegozjaw ma’ xulxin in bona fede għal dak l-għan. Kull Kontrollur Konġunt għandu jwieġeb għal talba għal soluzzjoni amikevoli fi żmien sebat ijiem tax-xogħol minn din it-talba. Il-perjodu biex tintlaħaq soluzzjoni amikevoli għandu jkun ta’ 30 jum tax-xogħol mid-data tat-talba.
Jekk it-tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta amikevolment, kull Kontrollur Konġunt jista’ jaċċetta li jkun soġġett għal medjazzjoni jew/u proċedimenti ġudizzjarji bil-mod li ġej:
|
(a) |
f’każ ta’ medjazzjoni, il-Kontrolluri Konġunti għandhom jaħtru b’mod konġunt medjatur aċċettabbli minn kull wieħed minnhom, li jkun responsabbli biex jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwima fi żmien xahrejn mir-riferiment tat-tilwima lilu/lilha, |
|
(b) |
fil-każ ta’ proċedimenti ġudizzjarji, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 272 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
10. Punti ta’ kuntatt għall-kooperazzjoni bejn il-Kontrolluri Konġunti
Kull Kontrollur Konġunt jinnomina punt uniku ta’ kuntatt, li Kontrolluri Konġunti oħra għandhom jikkuntattjaw fir-rigward ta’ mistoqsijiet, ilmenti u għoti ta’ informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Lista dettaljata tal-punti ta’ kuntatt kollha nominati mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE/ŻEE, li jkun fiha d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom (kunjom, isem, isem tal-awtorità, indirizz tal-awtorità, telefown, faks, posta elettronika) għandha tkun disponibbli fuq is-sit web pubbliku Europa Safety Gate.
(1) Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40).
(6) https://ec.europa.eu/safety/consumers/consumers_safety_gate/menu/documents/Safety_Gate_contacts.pdf
|
17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 132/87 |
DEĊIŻJONI (UE) 2023/976 TAL-BORD UNIKU TA’ RIŻOLUZZJONI
tat-22 ta’ Marzu 2023
dwar kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit u dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (“SRB”) għas-sena finanzjarja 2021 (SRB/PS/2023/02)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-BORD UNIKU TA’ RIŻOLUZZJONI,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 50(1) u 63(8) tar-Regolament SRM,
Wara li kkunsidra l-Artikoli 97, 98 u 99 tar-Regolament Finanzjarju SRB tas-17 ta’ Jannar 2020,
Wara li kkunsidra l-Kontijiet Annwali Finali tal-SRB għas-sena finanzjarja 2021 kif adottati fid-29 ta’ Ġunju 2022 (il-“Kontijiet Annwali Finali tal-2021”),
Wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-SRB għas-sena finanzjarja 2021 kif adottat fit-30 ta’ Mejju 2022 (ir-“Rapport Annwali tal-2021”),
Wara li kkunsidra r-Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) għas-sena finanzjarja 2021, flimkien mat-tweġibiet tal-SRB (ir-“Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2021”),
Wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kontijiet Annwali Finali tal-2021 inklużi l-opinjonijiet tal-awditjar datati s-17 ta’ Ġunju 2022 ippreparati minn Mazars Réviseurs d’Enterprises (ir-“Rapport ta’ Mazars tal-Awditjar tal-2021”),
Wara li kkunsidra r-Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014) dwar kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti li tinħoloq bħala riżultat tal-prestazzjoni mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Kunsill jew il-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom skont ir-Regolament SRM għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“Rapport dwar l-Obbligazzjonijiet Kontinġenti tal-Qorti tal-Awdituri tal-2021”),
Wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Awditu Intern tal-2021 datat il-15 ta’ Jannar 2022,
Wara li kkunsidra l-Programm ta’ Ħidma tal-SRB għas-sena 2021.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
1. Jagħti l-kwittanza lill-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-SRB għas-sena finanzjarja 2021,
2. Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-SRB għas-sena finanzjarja 2021,
3. Jistabbilixxi l-osservazzjonijiet tiegħu fil-mozzjoni ta’ hawn taħt,
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex jinnotifika din id-Deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, biex jipproċedi sabiex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L), u fuq is-sit web tal-SRB.
Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tagħha.
Għall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni,
Jan Marc BERK
Membru tal-Plenarja