ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 122

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 66
5 ta' Mejju 2023


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/911 tat-28 ta’ Settembru 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

1

 

*

TRADUZZJONI — Protokoll għall-ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-ftehim interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

3

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

5.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/911

tat-28 ta’ Settembru 2021

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1705 (1), il-Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-“Protokoll”) kien miftuħ għall-iffirmar bejn it-23 ta’ Ottubru 2020 u t-23 ta’ Ottubru 2022, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

Il-Protokoll jenħtieġ li jiffaċilita l-provvista tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus (il-‘Partijiet Kontraenti’)u għaldaqstant jagħti lok għal titjib fil-kollegamenti tat-trasport tal-passiġġieri bejniethom.

(3)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-Protokoll, u b’mod partikolari l-operat tal-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 18 tiegħu, il-Protokoll, fil-biċċa l-kbira tiegħu, jirrifletti d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim Interbus.

(4)

Sabiex il-benefiċċji tiegħu ma jiddewmux wisq, il-Protokoll jipprevedi d-dħul fis-seħħ tiegħu, għall-Partijiet Kontraenti li jkunu ffirmawh u approvawh jew irratifikawh, meta tliet Partijiet Kontraenti, inkluż l-Unjoni, ikunu ffirmawh u approvawh jew irratifikawh.

(5)

Għalhekk, il-Protokoll jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjalii tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, li jissostitwixxi l-Protokoll għall-Ftehim Interbus li kien miftuħ għall-iffirmar bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u s-16 ta’ April 2019, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, l-istrument tal-approvazzjoni jew ir-ratifika previst fl-Artikolu 20(2) tal-Protokoll, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Protokoll.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (3).

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SVANTESSON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1705 tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar l-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (ĠU L 385, 17.11.2020, p. 1).

(2)  Ara l-paġna … ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


5.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/3


TRADUZZJONI

PROTOKOLL

għall-ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-ftehim interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

WARA LI KKUNSIDRAW ix-xewqa li t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri fl-Ewropa jiġi żviluppat u promoss iktar, u li l-organizzazzjoni u l-operat tiegħu jiġu ffaċilitati,

WARA LI KKUNSIDRAW l-importanza tat-turiżmu li kulma jmur qed tiżdied, u x-xewqa li l-iskambju kulturali jiġi promoss iktar fost il-Partijiet Kontraenti għal dan il-Protokoll,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) (1), kif ġie emendat sussegwentement, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 (2),

WARA LI KKUNSIDRAW ix-xewqa li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi tat-trasport inklużi fil-Ftehim Interbus jiġi estiż biex ikopri wkoll is-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet,

Billi:

(1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Interbus jenħtieġ li jitwessa’ permezz ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu proċeduri għas-servizzi regolari u għas-servizzi regolari speċjali, soġġett għal awtorizzazzjoni.

(2)

Dan il-Protokoll, li fih dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip, jenħtieġ li jkun miftuħ għall-adeżjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus.

(3)

Għajr għall-arranġamenti ta’ sħubija, għalissa l-liberalizzazzjoni tas-servizzi regolari u tas-servizzi regolari speċjali soġġetti għal awtorizzazzjoni jenħtieġ li japplikaw biss għas-servizzi b’oriġini jew b’destinazzjoni fil-Parti Kontraenti ta’ stabbiliment tal-operatur tat-trasport bit-triq fejn ikunu rreġistrati l-vetturi tal-operatur.

(4)

Filwaqt li jenħtieġ li tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu operati servizzi regolari u servizzi regolari speċjali b’oriġini u b’destinazzjoni fl-istess Parti Kontraenti minn operaturi stabbiliti f’Parti Kontraenti oħra, l-operaturi tat-trasport ta’ dan it-tip jenħtieġ li jitħallew itellgħu jew iniżżlu passiġġieri f’punti ta’ waqfien prestabbiliti bħala parti minn servizz, diment li dawn ma jittrasportawx passiġġieri bejn żewġ waqfiet f’Parti Kontraenti waħda li ma tkunx il-Parti Kontraenti ta’ stabbiliment tagħhom.

(5)

Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta’ stabbiliment tal-operatur tat-trasport, u minħabba l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-kowċ u tax-xarabank u s-servizz ipprovdut, jenħtieġ li japplika bħala pedament għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bit-triq.

(6)

Sabiex il-proċeduri jiġu ffaċilitati u ssimplifikati, hemm bżonn li jiġu previsti mudelli uniformi tal-formola ta’ applikazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għas-servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali. Barra minn hekk, sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti, jenħtieġ li jiġu speċifikati d-dokumenti meħtieġa għall-kontrolli li jridu jinżammu fil-vettura u li jridu jiġu ppreżentati lil kwalunkwe uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat li jitlobhom f’konformità ma’ dan il-Protokoll.

(7)

L-awtorizzazzjoni għas-servizzi regolari internazzjonali u għas-servizzi regolari speċjali internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti kollha rilevanti jew mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-oriġini u tad-destinazzjoni tas-servizz u dawk en route f’konformità mal-“proċedura tal-awtorizzazzjoni” u mogħtija mill-awtorità tal-awtorizzazzjoni tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tas-servizz jenħtieġ li tippermetti lill-operatur applikant stabbilit fil-Parti Kontraenti tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tas-servizz, jew lill-operatur stabbilit fil-Parti Kontraenti tal-oriġini jew tad-destinazzjoni u inkarigat mill-operaturi l-oħra għal dawn l-iskopijiet, jew fil-każ ta’ sħubija jew gruppi, biex is-servizz jitwettaq bejn l-oriġini u d-destinazzjoni tar-rotta. Din l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tikkostitwixxi l-unika awtorizzazzjoni meħtieġa biex jitwettaq is-servizz. Jenħtieġ li ma tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni separata biex wieħed jgħaddi mill-Partijiet Kontraenti jew mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew mill-fruntieri tagħhom bħala parti mis-servizz, irrispettivament minn jekk il-passiġġieri jittellgħux jew jitniżżlux en route fil-Parti Kontraenti jew fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Soġġett għal ċertu kundizzjonijiet, Parti Kontraenti jew Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li jitħallew jiddeċiedu jekk is-servizzi regolari internazzjonali u s-servizzi regolari speċjali internazzjonali bl-oriġini jew bid-destinazzjoni fit-territorju tagħhom għandhomx ikunu soġġetti għal arranġamenti ta’ sħubija bejn l-operaturi tal-oriġini u tad-destinazzjoni ta’ dak is-servizz. L-operaturi stabbiliti fil-Partijiet Kontraenti jew fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li s-servizz jgħaddi mit-territorji tagħhom u li matulu jittellgħu u jitniżżlu l-passiġġieri, jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jissieħbu f’tali sħubijiet.

(9)

Jixraq li jiġi stabbilit Kumitat Konġunt biex jiġġestixxi dan il-Protokoll, sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq u uniformi u sabiex l-Annessi jiġu adattati biex jirriflettu l-progress tekniku u leġiżlattiv.

(10)

Hemm bżonn li l-Partijiet Kontraenti japplikaw miżuri soċjali uniformi b’rabta max-xogħol tal-ekwipaġġi tax-xarabanks u tal-kowċis involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq, li jkunu rregolati mir-regoli stabbiliti fil-Ftehim Interbus, li għalih jenħtieġ li jirreferi dan il-Protokoll.

(11)

Il-kundizzjonijiet li fihom jitwettqu is-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali jenħtieġ li jiġu rregolati mir-regoli stabbiliti fil-Ftehim Interbus, li għalih jenħtieġ li jirreferi dan il-Protokoll, soġġett għal regoli speċifiċi, kif speċifikat fl-Anness 1 ta’ dan il-Protokoll.

(12)

L-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tekniċi li japplikaw għax-xarabanks u għall-kowċis li jwettqu servizzi internazzjonali bejn il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li tiġi rregolata mir-regoli stabbiliti fil-Ftehim Interbus, li għalih jenħtieġ li jirreferi dan il-Protokoll, kif speċifikat fl-Anness 2 ta’ dan il-Protokoll,

IDDEĊIDEW li jistabbilixxu regoli uniformi għat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjalital-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, u

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Taqsima I

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan il-Protokoll għandu japplika:

(a)

għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, ta’ kwalunkwe nazzjonalità, bit-triq permezz ta’ servizzi regolari u servizzi regolari speċjali bil-kowċ u bix-xarabank:

(i)

bejn it-territorji ta’ żewġ Partijiet Kontraenti u, jekk ikun hemm bżonn matul it-twettiq ta’ tali servizzi, li jgħaddu mit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra jew mit-territorju ta’ Stat mhux Kontraenti;

(ii)

imwettaq minn operatur tat-trasport wieħed jew iktar f’isem ħaddieħor stabbilit(i) fil-Parti Kontraenti tal-oriġini u/jew tad-destinazzjoni tas-servizz u, fil-każ ta’ sħubija, anke operatur tat-trasport wieħed jew iktar stabbilit(i) f’Partijiet Kontraenti jew fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li jgħaddi minnhom is-servizz u fejn jittellgħu u jitniżżlu l-passiġġieri, jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan, f’konformità mal-liġi applikabbli u bil-pussess ta’ liċenzja għat-trasport tal-passiġġieri permezz ta’ servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali bil-kowċ u bix-xarabank;

(iii)

bl-użu ta’ xarabanks u kowċis irreġistrati fil-Parti Kontraenti li fiha jkun stabbilit l-operatur tat-trasport.

(b)

għal vjaġġi mingħajr passiġġieri tax-xarabanks u tal-kowċis ikkonċernati minn dawn is-servizzi.

2.   L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll ma tista’ tiġi interpretata li tipprovdi l-possibbiltà li jiġu operati servizzi regolari jew servizzi regolari speċjali bl-oriġini u bid-destinazzjoni fl-istess Parti Kontraenti minn operaturi stabbiliti f’Parti Kontraenti oħra (kabotaġġ).

3.   F’konformità mal-paragrafu 1 u soġġett għall-paragrafu 2, meta t-trasport ikun parti minn servizz lejn territorju jew minnu, li fih ikun stabbilit l-operatur tat-trasport, il-passiġġieri jistgħu jittellgħu jew jitniżżlu en route fit-territorju ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti li tawtorizza waqfa fit-territorju tagħha.

4.   Dan il-Protokoll ma japplikax:

(a)

għall-użu ta’ xarabanks u kowċis maħsuba għat-trasport ta’ passiġġieri għat-trasport tal-merkanzija għal skopijiet kummerċjali;

(b)

għal servizzi pprovduti għan-nom proprju.

Artikolu 2

Nondiskriminazzjoni

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li għal dan il-Protokoll jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta’ stabbiliment tal-operatur tat-trasport, u minħabba l-oriġini jew id-destinazzjoni tax-xarabank jew tal-kowċ u tas-servizz ipprovdut.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskopijiet ta’ dan il-Protokoll, japplikaw id-definizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Ftehim Interbus.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, għall-iskopijiet ta’ dan il-Protokoll, japplikaw id-definizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

“Ftehim Interbus” tfisser il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (3), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 (4), kif emendat sussegwentement;

(b)

“sħubija” tfisser kwalunkwe ftehim jew arranġament kuntrattwali ieħor ta’ kull tip li skontu l-partijiet għalih, magħrufa bħala sħab, jieħdu l-impenn li jikkooperaw fir-rigward tas-servizz li jrid jiġi pprovdut;

(c)

“impriża assoċjata” tfisser impriża li fiha impriża waħda jew iktar (l-impriża jew l-impriżi omm) ikollhom parteċipazzjoni, u li l-impriża jew l-impriżi l-oħra jkollhom influwenza sinifikanti fuq il-politiki operattivi u finanzjarji tagħha;

(d)

“grupp” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

impriża assoċjata waħda jew iktar, u l-impriża jew l-impriżi omm tagħhom;

(ii)

impriża assoċjata waħda jew iktar li jkollha l-istess impriża jew impriżi omm.

Taqsima II

Kundizzjonijiet li japplikaw għall-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq

Artikolu 4

Il-Partijiet Kontraenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Anness 1.

Taqsima III

Kundizzjonijiet tekniċi li japplikaw għall-vetturi

Artikolu 5

Ix-xarabanks u l-kowċis li jintużaw biex jitwettqu s-servizzi regolari internazzjonali u s-servizzi regolari speċjali internazzjonali koperti minn dan il-Protokoll għandhom jikkonformaw mal-istandards tekniċi msemmija fl-Anness 2.

Taqsima IV

Aċċess għas-suq

Artikolu 6

Servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali soġġetti għal awtorizzazzjoni

1.   Is-servizzi regolari għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd, soġġett meta jkun xieraq, għal prenotazzjoni obbligatorja.

2.   Is-servizzi regolari u s-servizzi regolari speċjali għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni f’konformità mat-Taqsima VI.

3.   In-natura regolari tas-servizz ma għandhiex tiġi affettwata minn xi aġġustament fil-kundizzjonijiet operattivi tas-servizz.

4.   L-organizzazzjoni ta’ servizzi paralleli jew temporanji, li jaqdu lill-istess pubbliku bħas-servizzi regolari eżistenti, in-nuqqas ta’ servizz ta’ ċerti waqfiet u s-servizz ta’ waqfiet addizzjonali fuq is-servizzi regolari eżistenti għandhom jiġu rregolati mill-istess regoli bħal dawk applikabbli għas-servizzi regolari eżistenti.

5.   F’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-kompetizzjoni, Parti Kontraenti jew Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi ta’ każ b’każ, mingħajr diskriminazzjoni, li s-servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq bl-oriġini jew bid-destinazzjoni fit-territorju tagħhom ikunu soġġetti għal arranġamenti ta’ sħubija bejn l-operaturi stabbiliti fil-Parti Kontraenti jew fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea tal-oriġini u tad-destinazzjoni ta’ dak is-servizz.

L-operaturi stabbiliti fil-Partijiet Kontraenti u fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li s-servizz jgħaddi minnhom en route u li fihom il-passiġġieri jittellgħu u jitniżżlu għandu jkollhom id-dritt li jissieħbu f’tali sħubijiet, jekk jiddeċiedu li jagħmlu hekk.

Il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 18 ta’ dan il-Protokoll rigward it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dan it-tip u għandhom jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet tagħhom.

6.   F’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-kompetizzjoni, l-operaturi, fuq bażi volontarja, jistgħu jiffurmaw sħubijiet għall-iskopijiet tat-twettiq ta’ servizzi regolari jew servizzi regolari speċjali. L-operaturi li ġejjin jistgħu jipparteċipaw f’dawk is-sħubijiet:

(a)

l-operaturi stabbiliti fil-Partijiet Kontraenti jew fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tas-servizz;

(b)

l-operaturi stabbiliti fil-Partijiet Kontraenti u fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li s-servizz jgħaddi minnhom en route u li fihom il-passiġġieri jittellgħu u jitniżżlu.

Taqsima V

Dispożizzjonijiet soċjali, doganali u fiskali

Artikolu 7

It-Taqsima V (dispożizzjonijiet soċjali) u t-Taqsima VI (dispożizzjonijiet doganali u fiskali) tal-Ftehim Interbus għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll.

Taqsima VI

Awtorizzazzjoni għal servizzi regolari internazzjonali u għal servizzi regolari speċjali internazzjonali

Artikolu 8

Natura tal-awtorizzazzjoni

1.   L-awtorizzazzjonijiet għas-servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali għandhom jinħarġu mill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha jkun stabbilit l-operatur tat-trasport (minn hawn ’il quddiem “l-awtorità tal-awtorizzazzjoni”).

2.   Fil-każ ta’ operatur stabbilit fl-Unjoni Ewropea, l-awtorità tal-awtorizzazzjoni għandha tkun l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini jew tad-destinazzjoni.

3.   Fil-każ ta’ grupp ta’ operaturi li jkollhom il-ħsieb li joperaw servizzi regolari internazzjonali jew servizzi regolari speċjali internazzjonali u fil-każ ta’ sħubija bejn impriżi (operaturi) minn mill-inqas żewġ Partijiet Kontraenti li fit-territorju tagħhom jittellgħu u jitniżżlu l-passiġġieri, l-awtorità tal-awtorizzazzjoni għandha tkun l-awtorità kompetenti li lilha tkun indirizzata l-applikazzjoni f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1).

4.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jinħarġu f’isem l-operatur u ma għandhomx ikunu trasferibbli. Madankollu, operatur li jkun irċieva awtorizzazzjoni jista’, bil-kunsens tal-awtorità tal-awtorizzazzjoni, jopera s-servizz permezz ta’ sottokuntrattur, jekk din il-possibbiltà tkun konformi mal-liġi tal-Parti Kontraenti. F’dan il-każ, l-isem tas-sottokuntrattur u r-rwol tiegħu għandhom jiġu indikati fl-awtorizzazzjoni. Is-sottokuntrattur għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1, 4 u 5 u, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet soċjali, fl-Artikolu 7, kif ukoll fl-Annessi 1 u 2.

Fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi li jkollhom il-ħsieb li joperaw servizzi regolari internazzjonali jew servizzi regolari speċjali internazzjonali, l-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ fl-ismijiet tal-impriżi kollha tal-grupp u fiha għandhom jiġu ddikjarati l-ismijiet tal-operaturi kollha. Din għandha tingħata lill-impriża inkarigata mill-operaturi l-oħra għal dawn l-iskopijiet u li tkun talbitha, u l-impriżi l-oħra għandhom jingħataw kopji awtentikati.

Fil-każ ta’ sħubija, għandhom jinħarġu kopji oriġinali tal-awtorizzazzjoni għal kull impriża li tkun sħab, u fuq kull awtorizzazzjoni għandu jiġi ddikjarat l-isem ta’ kull impriża.

F’każijiet fejn is-servizzi regolari internazzjonali jew is-servizzi regolari speċjali internazzjonali jitwettqu minn grupp jew minn sħubija, kif imsemmi fit-tieni u fit-tielet subparagrafi, id-deċiżjoni dwar il-qsim effettiv tal-prestazzjonijiet tat-traffiku bejn l-operaturi parteċipanti għandha titħalla f’idejn l-operaturi stess.

5.   Il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni ma għandux jaqbeż il-ħames snin. Dan jista’ jiġi stabbilit għal perjodu iqsar, fuq talba tal-applikant jew b’kunsens reċiproku tal-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti li fit-territorju tagħhom il-passiġġieri jittellgħu jew jitniżżlu.

6.   L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika dan li ġej:

(a)

it-tip ta’ servizz;

(b)

ir-rotta tas-servizz, b’mod partikolari l-punt tat-tluq u l-punt tal-wasla;

(c)

il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni;

(d)

il-waqfiet u l-iskeda tal-ħinijiet.

7.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-mudell stabbilit fl-Anness 4.

8.   Soġġett għall-Artikolu 1(2), l-awtorizzazzjonijiet għandhom jintitolaw lid-detentur(i) jopera(w) servizzi regolari internazzjonali u/jew servizzi regolari speċjali internazzjonali fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti kollha li minnhom jgħaddu r-rotot tas-servizz.

9.   L-operatur ta’ servizz regolari jew ta’ servizz regolari speċjali jista’ juża vetturi addizzjonali biex ilaħħaq ma’ sitwazzjonijiet temporanji u eċċezzjonali. Tali vetturi addizzjonali jistgħu jintużaw biss bl-istess kundizzjonijiet kif stabbilit fl-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

F’dan il-każ, flimkien mad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 15, l-operatur għandu jiżgura li fil-vettura tinżamm kopja tal-kuntratt bejn l-operatur tas-servizz regolari internazzjonali jew tas-servizz regolari speċjali internazzjonali u l-impriża li tipprovdi l-vetturi addizzjonali, jew dokument ekwivalenti. Dak id-dokument għandu jiġi ppreżentat lil kwalunkwe uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat li jitolbu.

Artikolu 9

Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali

1.   L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali i għandhom jiġu ppreżentati mill-operatur lill-awtorità tal-awtorizzazzjoni kompetenti tiegħu.

Għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni waħda biss għal kull servizz. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3), din għandha tiġi ppreżentata mill-operatur inkarigat mill-operaturi l-oħra għal dawn l-iskopijiet.

L-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-awtorità tal-awtorizzazzjoni tal-Parti Kontraenti li fiha jkun stabbilit l-operatur li jippreżentaha.

2.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tiġi ppreżentata abbażi tal-mudell stabbilit fl-Anness 3.

3.   Il-persuni li japplikaw għal awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni oħra li jikkunsidraw li tkun rilevanti jew li tintalab mill-awtorità tal-awtorizzazzjoni, b’mod partikolari d-dokumenti elenkati fl-Anness 3.

Artikolu 10

Proċedura tal-awtorizzazzjoni

1.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jinħarġu bi ftehim mal-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti kollha li fit-territorju tagħhom jittellgħu jew jitniżżlu l-passiġġieri. L-awtorità tal-awtorizzazzjoni għandha tibgħat kopja tal-applikazzjoni, flimkien ma’ kopji ta’ kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra, u l-valutazzjoni tagħha, lil dawn l-awtoritajiet, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti li s-servizzi jgħaddu mit-territorji tagħhom mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu l-passiġġieri.

Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu dawk tal-Istati Membri li fit-territorji tagħhom jittellgħu jew jitniżżlu l-passiġġieri, u li s-servizzi jgħaddu mit-territorji tagħhom mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu l-passiġġieri.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti li jkun intalab il-qbil tagħhom għandhom jinnotifikaw lill-awtorità tal-awtorizzazzjoni bid-deċiżjoni tagħhom rigward l-applikazzjoni fi żmien erba’ xhur. Dan il-limitu ta’ żmien għandu jiġi kkalkulat mid-data tal-wasla tat-talba għal qbil li tintwera fil-konferma tal-wasla. Jekk id-deċiżjoni li jirċievu l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li jkun intalab il-qbil tagħhom tkun negattiva, din għandu jkun fiha dikjarazzjoni tar-raġunijiet kif xieraq. Jekk l-awtorità tal-awtorizzazzjoni ma tirċievi l-ebda tweġiba fi żmien erba’ xhur, l-awtoritajiet kompetenti kkonsultati għandhom jitqiesu li jkunu qablu u l-awtorità tal-awtorizzazzjoni tkun tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti li s-servizzi jgħaddu mit-territorji tagħhom mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu l-passiġġieri jistgħu jinnotifikaw lill-awtorità tal-awtorizzazzjoni bil-kummenti tagħhom sal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

3.   L-awtorità tal-awtorizzazzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni mit-trasportatur (5).

4.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata sakemm:

(a)

l-applikant ma jkunx kapaċi jipprovdi s-servizz li jkun is-suġġett tal-applikazzjoni b’tagħmir li jkun direttament għad-dispożizzjoni tiegħu;

(b)

l-applikant ma jkunx ikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew internazzjonali dwar it-trasport bit-triq, u b’mod partikolari mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżiti relatati mal-awtorizzazzjonijiet għas-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, jew ma jkunx wettaq xi ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport bit-triq ta’ Parti Kontraenti, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-vetturi u għall-perjodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa;

(c)

fil-każ ta’ applikazzjoni għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, ma jkunx hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni;

(d)

Parti Kontraenti ma tiddeċidix, abbażi ta’ analiżi dettaljata, li s-servizz ikkonċernat jaffettwa serjament il-vijabbiltà ta’ servizz komparabbli kopert b’kuntratt jew b’diversi kuntratti tas-servizz pubbliku li jikkonformaw mal-liġi tal-Parti Kontraenti rigward is-sezzjonijiet diretti kkonċernati. F’każ bħal dak, il-Parti Kontraenti għandha tistabbilixxi kriterji, fuq bażi nondiskriminatorja, biex jiġi ddeterminat jekk is-servizz li tkun saret applikazzjoni għalih jaffettwax serjament il-vijabbiltà tas-servizz komparabbli msemmi hawn fuq, u għandha tikkomunikahom lill-Partijiet Kontraenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 10(1);

(e)

Parti Kontraenti ma tiddeċidix abbażi ta’ analiżi dettaljata li l-iskop prinċipali tas-servizz mhuwiex li jiġu ttrasportati l-passiġġieri minn waqfa għall-oħra li jkunu jinsabu f’Partijiet Kontraenti differenti.

Fil-każ li servizz internazzjonali eżistenti tal-kowċ u tax-xarabank jaffettwa serjament il-vijabbiltà ta’ servizz komparabbli kopert b’kuntratt tas-servizz pubbliku wieħed jew iktar li jikkonforma mal-liġi ta’ Parti Kontraenti fir-rigward tas-sezzjonijiet diretti kkonċernati, minħabba raġunijiet eċċezzjonali li ma setgħux jiġu previsti meta ngħatat l-awtorizzazzjoni, Parti Kontraenti tista’, bil-qbil tal-Partijiet Kontraenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 10(1), tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni għall-operat tas-servizz internazzjonali tal-kowċ u tax-xarabank wara li t-trasportatur jingħata notifika ta’ sitt xhur.

Il-fatt li trasportatur joffri prezzijiet orħos minn dawk offruti minn trasportaturi oħra tat-trasport bit-triq jew il-fatt li l-kollegament inkwistjoni diġà tkun operata minn trasportaturi oħra tat-trasport bit-triq ma għandux minnu nnifsu jikkostitwixxi ġustifikazzjoni biex l-applikazzjoni tiġi rrifjutata.

5.   L-awtorità tal-awtorizzazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti kollha involuti fil-proċedura biex jintlaħaq il-qbil previst fil-paragrafu 1 jistgħu jirrifjutaw l-applikazzjonijiet biss abbażi tar-raġunijiet previsti f’dan il-Protokoll.

6.   Wara li tkun temmet il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 5, l-awtorità tal-awtorizzazzjoni għandha tagħti l-awtorizzazzjoni jew tirrifjuta l-applikazzjoni b’mod formali.

Fid-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għandhom jiġu ddikjarati r-raġunijiet li fuqhom ikunu ġew ibbażati l-istess deċiżjonijiet. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-impriżi tat-trasport jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet fil-każ li l-applikazzjoni tagħhom tiġi rrifjutata.

L-awtorità tal-awtorizzazzjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti kollha msemmija fil-paragrafu 1 bid-deċiżjoni tagħha u għandha tibagħtilhom ukoll kopja ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni.

Artikolu 11

Tiġdid u alterazzjoni tal-awtorizzazzjoni

1.   L-Artikolu 10 għandu japplika, mutatis mutandis, għal applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet jew għall-alterazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom iridu jitwettqu s-servizzi soġġetti għal awtorizzazzjoni.

2.   Fil-każ ta’ alterazzjoni minuri fil-kundizzjonijiet operattivi, b’mod partikolari l-aġġustament ta’ intervalli, tariffi u skedi tal-ħinijiet, l-awtorità tal-awtorizzazzjoni kulma jkollha bżonn hu li tipprovdi l-informazzjoni marbuta mal-alterazzjoni lill-Partijiet Kontraenti kkonċernati l-oħra. Il-bidliet fl-iskedi tal-ħinijiet jew fl-intervalli li jaffettwaw il-ħinijiet tal-kontrolli fil-fruntieri bejn il-Partijiet Kontraenti jew fil-fruntieri ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx jitqiesu bħala alterazzjoni minuri.

3.   Il-Partijiet Kontraenti kkonċernati jistgħu jiftiehmu li l-awtorità tal-awtorizzazzjoni weħidha għandha tiddeċiedi dwar l-alterazzjonijiet fil-kundizzjonijiet li fihom jiġi operat servizz.

Artikolu 12

Ċessazzjoni ta’ awtorizzazzjoni

1.   Iċ-ċessazzjoni ta’ awtorizzazzjoni għal servizz internazzjonali regolari u regolari speċjali għandha tkun fi tmiem il-perjodu ta’ validità tagħha, jew tliet xhur wara li l-awtorità tal-awtorizzazzjoni tirċievi notifika mingħand id-detentur tal-awtorizzazzjoni li jkollu l-ħsieb li jirtira s-servizz. Tali notifika għandu jkollha dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet.

2.   Meta d-domanda għal servizz ma tibqax teżisti, il-perjodu ta’ notifika previst fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ xahar.

3.   L-awtorità tal-awtorizzazzjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti kkonċernati l-oħra biċ-ċessazzjoni tal-awtorizzazzjoni.

4.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jinnotifika minn xahar qabel permezz ta’ reklamar xieraq lill-utenti tas-servizz ikkonċernat li s-servizz se jiġi rtirat.

Artikolu 13

Obbligi tal-operaturi tat-trasport

1.   Għajr fil-każ ta’ force majeure, l-operatur ta’ servizz regolari internazzjonali jew ta’ servizz regolari speċjali internazzjonali għandu jniedi s-servizz mingħajr dewmien u, sa meta tiskadi l-awtorizzazzjoni, għandu jieħu l-miżuri kollha biex jiggarantixxi servizz tat-trasport li jissodisfa l-istandards ta’ kontinwità, ta’ regolarità u ta’ kapaċità u li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(6).

2.   L-operatur għandu jara li r-rotta tas-servizz, il-waqfiet, l-iskeda tal-ħinijiet, it-tariffi u l-kundizzjonijiet tat-trasport ikunu viżibbli, b’tali mod li jiżgura li dik l-informazzjoni tkun faċilment disponibbli għall-utenti kollha.

3.   Il-Partijiet Kontraenti kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jagħmlu bidliet fil-kundizzjonijiet tal-operat li jirregolaw servizz regolari internazzjonali jew servizz regolari speċjali internazzjonali, bi qbil komuni u bi qbil mad-detentur tal-awtorizzazzjoni.

Taqsima VII

Dispożizzjonijiet maħsuba biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan il-protokoll

Artikolu 14

L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-operaturi tat-trasport jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 15

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(9), fuq il-kowċ jew ix-xarabank għandhom jinżammu l-awtorizzazzjoni jew kopja awtentikata tagħha għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bit-triq previsti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea. Dawk id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati jekk jintalbu minn xi uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 kif ukoll għall-Artikolu 8(9), fil-każ ta’ servizz regolari speċjali, il-kuntratt bejn l-organizzatur u l-operatur tat-trasport, jew kopja tiegħu, kif ukoll dokument li jagħti prova li l-passiġġieri jikkostitwixxu kategorija speċifika bl-esklużjoni ta’ passiġġieri oħra għall-iskopijiet ta’ servizz regolari speċjali, għandhom iservu wkoll bħala dokumenti ta’ kontroll, għandhom jinżammu fil-vettura u għandhom jiġu ppreżentati jekk jintalbu minn xi uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat.

Taqsima VIII

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Artikolu 16

Durata tal-Protokoll – Evalwazzjoni tal-funzjonament tal-Protokoll

1.   Dan il-Protokoll għandu jiġi konkluż għal perjodu ta’ ħames snin, mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Id-durata ta’ dan il-Protokoll għandha tiġi awtomatikament estiża għal perjodi suċċessivi ta’ ħames snin fost dawk il-Partijiet Kontraenti li ma jesprimux ix-xewqa tagħhom li ma jagħmlux dan. Fil-każ tal-aħħar, il-Parti Kontraenti kkonċernata għandha tinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għandu jaġixxi bħala d-d-Depożitarju ta’ dan il-Protokoll (id-“Depożitarju’), bl-intenzjoni tagħha li tiddenunzjah skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim Interbus.

3.   Qabel tmiem kull perjodu ta’ ħames snin, il-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 ta’ dan il-Protokoll għandu jevalwa l-funzjonament ta’ dan il-Protokoll, preferibbilment flimkien mal-evalwazzjoni tal-Ftehim Interbus innifsu.

Artikolu 17

Ftehimiet bilaterali, ratifika jew approvazzjoni u Depożitarju tal-Protokoll, dħul fis-seħħ tal-Protokoll, denunzja u lingwi

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 25, 27, 28, 31 u 34 tal-Ftehim Interbus għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Protokoll, soġġett għall-modifiki li ġejjin:

(a)

in-numri “erbgħa” u “r-raba’” imsemmija fl-Artikolu 28(1) tal-Ftehim Interbus għandhom jiġu sostitwiti bi “tlieta” u “t-tielet” rispettivament;

(b)

dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ, għall-Partijiet Kontraenti li ffirmawh u approvawh jew irratifikawh, fl-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tliet Partijiet Kontraenti, inkluż l-Unjoni, ikunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ approvazzjoni jew ta’ ratifika tagħhom mad-Depożitarju.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll għandhom jissostitwixxu dawk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti u bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Minkejja l-Artikolu 25 tal-Ftehim Interbus, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn il-Partijiet Kontraenti u bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jinżammu għall-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 8(5) ta’dan il-Protokoll, ikkalkulat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għall-Partijiet Kontraenti kkonċernati.

Artikolu 18

Kumitat Konġunt

1.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ dan il-Protokoll, b’dan qed jiġi stabbilit Kumitat Konġunt. Dan il-Kumitat għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti.

2.   L-Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim Interbus għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 19

Adeżjoni ta’ Parti Kontraenti mhux tal-Unjoni mal-Unjoni Ewropea

1.   Il-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 18 għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe talba li ssir minn Parti Kontraenti jew minn kwalunkwe Stat terz sabiex isiru membru tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu nnotifikati mill-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe adeżjoni ta’ Parti Kontraenti mal-Unjoni.

3.   Mid-data ta’ tali adeżjoni, Parti Kontraenti għal dan il-Protokoll li tkun issieħbet fl-Unjoni Ewropea għandha tiġi ttrattata bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u mhux bħala Parti Kontraenti separata għal dan il-Protokoll.

4.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jeżaminaw l-effett ta’ tali adeżjoni fuq dan il-Protokoll fil-kuntest tal-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe aġġustament jew miżura tranżizzjonali meħtieġa f’dan ir-rigward.

Artikolu 20

Iffirmar

1.   Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar fi Brussell għand id-Depożitarju, għal perjodu ta’ sentejn li jibda mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1705 (6)dwar l-iffirmar ta’ dan il-Protokoll mill-Unjoni Ewropea. Id-Depożitarju għandu jinnotifika dik id-data lill-Partijiet Kontraenti kollha fi żmien xieraq.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus biss jistgħu jiffirmaw u jirratifikaw dan il-Protokoll. L-istrumenti tal-approvazzjoni jew tar-ratifika għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju, li għandu jinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħra b’dan.

Artikolu 21

Adeżjoni

Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, kwalunkwe Parti Kontraenti għall-Ftehim Interbus tista’ taderixxi wkoll ma’ dan il-Protokoll.

L- istrumenti tal-adeżjoni għal dan il-Protokoll għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju.

L-Artikolu 30(3) u (4) tal-Ftehim Interbus għandhom japplikaw mutatis mutandis

Artikolu 22

Annessi

L-Annessi ta’ dan il-Protokoll għandhom jikkostitwixxu parti integrali minnu.

Artikolu 23

Sostituzzjoni tal-Protokoll preċedenti

Dan il-Protokoll jissostitwixxi l-Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari i u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank li kien miftuħ għall-iffirmar bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u s-16 ta’ April 2019. Dak il-Protokoll preċedenti ma għandu jibqa’ jkollu l-ebda valur ġuridiku.

Magħmul fi Brussell.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-plenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw dan il-Protokoll.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tal-Albanija

Għall-Prinċipat ta’ Andorra

Għall-Bożnija-Ħerzegovina

Għar-Repubblika tal-Moldova

Għall-Montenegro

Għar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

Għar-Repubblika tat-Turkija

Għall-Ukrajna

Għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Għar-Repubblika tas-Serbja

 


(1)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.

(2)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 44.

(3)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.

(4)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 44.

(5)  F’dan l-Artikolu “operaturi” jissejħu wkoll “trasportaturi”.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1705 ta’23 ta' Ottubru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (ĠU L 385, 17.11.2020, p. 1-2).


ANNESS 1

IL-KUNDIZZJONIJIET LI JAPPLIKAW GĦALL-OPERATURI TAT-TRASPORT TAL-PASSIĠĠIERI BIT-TRIQ

L-Anness 1 tal-Ftehim Interbus għandu japplika għal dan il-Protokoll, soġġett għal dan li ġej:

Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU L 158, 10.6.2013, p. 1) għandu japplika għal dan il-Protokoll bl-esklużjoni tal-Artikoli 16(5) sa (7), kif ukoll tal-Artikoli 18 sa 21, 23, u 25 sa 28. Id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-Partijiet Kontraenti.

Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1) għandu japplika għal dan il-Protokoll bl-esklużjoni tal-Artikolu 3(a) u (b), l-aħħar żewġ sentenzi tal-Artikolu 12, l-Artikolu 18, l-Artikolu 28(2), l-Artikoli 29 u 30, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 31, u l-Artikolu 32. Id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-Partijiet Kontraenti.


ANNESS 2

STANDARDS TEKNIĊI LI JAPPLIKAW GĦAX-XARABANKS U GĦALL-KOWĊIS

L-Anness 2 tal-Ftehim Interbus għandu japplika għal dan il-Protokoll.


ANNESS 3

MUDELL TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL AWTORIZZAZZJONI GĦAL SERVIZZ INTERNAZZJONALI REGOLARI U REGOLARI SPEĊJALI

(Karta bajda – DIN A4)

(It-test irid jitfassal bil-lingwa/i uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Parti Kontraenti li fiha ssir it-talba)

FORMOLA TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL AWTORIZZAZZJONI JEW GĦAT-TIĠDID TA’ AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TWETTIQ TA’ SERVIZZ REGOLARI INTERNAZZJONALI JEW TA’ SERVIZZ REGOLARI SPEĊJALI INTERNAZZJONALI (1)

Biex jinbeda servizz regolari ☐

Biex jinbeda servizz regolari speċjali ☐

Biex tiġġedded l-awtorizzazzjoni għal servizz ☐

Biex jiġu alterati l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għal servizz ☐

li jitwettaq bil-kowċ u bix-xarabank bejn Partijiet Kontraenti f’konformità mal-Protokoll dwar it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus).

(L-awtorità tal-awtorizzazzjoni)

1.

Il-kunjom u l-isem, jew l-isem kummerċjali tal-operatur applikant; fil-każ ta’ applikazzjoni minn grupp ta’ operaturi jew minn sħubija, isem l-operatur inkarigat mill-operaturi l-oħra għall-iskopijiet tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni:

2.

Is-servizzi li jridu jitwettqu (2)

Minn operatur ☐ minn grupp ta’ operaturi ☐ minn sħubija ☐ minn sottokuntrattur ☐

3.

L-ismijiet u l-indirizzi tal-operatur jew, fil-każ ta’ grupp ta’ operaturi jew ta’ sħubija, l-ismijiet tal-operaturi kollha tal-grupp jew tas-sħubija; barra minn hekk, kwalunkwe sottokuntrattur għandu jiġi identifikat b’ismu (3)

3.1.

… tel. …

3.2.

… tel. …

3.3.

… tel. …

3.4.

… tel. …

(It-tieni paġna tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni)

4.

Fil-każ ta’ servizz regolari speċjali:

4.1.

Kategorija tal-passiġġieri: (4) ħaddiema ☐ studenti tal-iskola ☐ oħrajn ☐

5.

Durata li għalih qed tintalab l-awtorizzazzjoni jew id-data meta jintemm is-servizz:

6.

Rotta prinċipali tas-servizz (issottolinja l-punti fejn jittellgħu u jitniżżlu l-passiġġieri, u niżżel l-indirizzi sħaħ): (5)

7.

Perjodu tal-operat: …

8.

Frekwenza (kuljum, kull ġimgħa, eċċ.): …

9.

Tariffi … Anness mehmuż.

10.

Inkludi magħhom skeda tas-sewqan li tippermetti li ssir verifika tal-konformità mar-regoli internazzjonali dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ.

11.

Għadd ta’ awtorizzazzjonijiet jew ta’ kopji awtentikati tal-awtorizzazzjonijiet mitluba: (6)

12.

Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali:

(Post u data)

(Firma tal-applikant)

L-applikant għandu jinnota l-fatt li, billi l-awtorizzazzjoni jew il-kopja awtentikata tagħha għandha tinżamm fil-vettura, l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet jew ta’ kopji awtentikati, maħruġa mill-awtorità tal-awtorizzazzjoni, li l-applikant irid ikollu jenħtieġ li jikkorrispondi mal-għadd ta’ vetturi meħtieġa biex jitwettaq is-servizz mitlub fl-istess ħin.

Avviż importanti

B’mod partikolari, dawn li ġejjin għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni:

(a)

l-iskeda tal-ħinijiet, inkluż l-islots tal-ħinijiet għall-kontrolli fil-punti rilevanti ta’ qsim tal-fruntieri;

(b)

kopja awtentikata tal-liċenzja/i tal-operatur (jew tal-operaturi) għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bit-triq prevista skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni;

(c)

mappa bi skala xierqa, li fuqha jkun hemm immarkati r-rotta u l-punti ta’ waqfien fejn iridu jittellgħu jew jitniżżlu l-passiġġieri;

(d)

skeda tas-sewqan li tippermetti li ssir verifika tal-konformità mar-regoli internazzjonali dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ;

(e)

kwalunkwe informazzjoni xierqa dwar it-terminals tal-kowċis u tax-xarabanks.


(1)  Immarka jew imla kif xieraq.

(2)  Immarka jew imla’ kif xieraq.

(3)  Ehmeż lista, jekk applikabbli.

(4)  Immarka jew imla kif xieraq.

(5)  L-awtorità tal-awtorizzazzjoni tista’ titlob li ma’ din il-formola tal-applikazzjoni tiġi mehmuża separatament lista sħiħa tal-punti fejn jittellgħu u jitniżżlu l-passiġġieri.

(6)  Imla kif inhu xieraq.


ANNESS 4

MUDELL TA’ AWTORIZZAZZJONI GĦAL SERVIZZ INTERNAZZJONALI REGOLARI U REGOLARI SPEĊJALI

(L-ewwel paġna tal-awtorizzazzjoni)

(Karta oranġjo – DIN A4)

(It-test irid jitfassal bil-lingwa/i uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Parti Kontraenti li fiha ssir it-talba)

Awtorizzazzjoni

F’konformità mal-Protokoll dwar it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, bejn Partijiet Kontraenti, għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus).

STAT EMITTENTI: …

Awtorità tal-awtorizzazzjoni: …

Sinjal li jiddistingwi l-Parti Kontraenti: … (1)

NRU TAL-AWTORIZZAZZJONI: …

għal servizz regolari ☐ (2)

għal servizz regolari speċjali ☐ (2)

bil-kowċ u bix-xarabank bejn Partijiet Kontraenti għall-Protokoll dwar it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Protokoll għall-Ftehim Interbus)

Lil: …

Il-kunjom, l-isem jew l-isem kummerċjali tal-operatur jew tal-operatur li jiġġestixxi fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi jew fil-każ ta’ sħubija:

Indirizz: …

Telefon u faks jew email:. …

(It-tieni paġna tal-awtorizzazzjoni)

L-isem, l-indirizz, it-telefon u l-faks jew l-emails tal-operatur jew, fil-każ ta’ gruppi ta’ operaturi jew ta’ sħubijiet, l-ismijiet tal-operaturi kollha tal-grupp jew tas-sħubija; barra minn hekk, l-ismijiet ta’ kwalunkwe sottokuntrattur, li jrid jiġi identifikat bħala tali:

(1)

(2)

(3)

(4)

(5)

Lista mehmuża, jekk ikun xieraq

Validità tal-awtorizzazzjoni: Mingħand: … Lil: …

Post u data tal-ħruġ: …

Firma u timbru tal-awtorità jew tal-aġenzija emittenti: …

1.   

Rotta: …

(a)

Post tat-tluq tas-servizz: …

(b)

Post tad-destinazzjoni tas-servizz: …

Itinerarju prinċipali, bil-punti sottolinjati fejn jittellgħu u jitniżżlu l-passiġġieri: …

2.   

Skeda tal-ħinijiet: …

(mehmuża ma’ din l-awtorizzazzjoni)

3.   

Servizz regolari speċjali:

(a)

Kategorija tal-passiġġieri: …

4.   

Kundizzjonijiet jew punti speċjali oħra …

Timbru tal-awtorità tal-awtorizzazzjoni emittenti

Avviż importanti:

(1)   

Din l-awtorizzazzjoni hija valida għall-vjaġġ kollu.

(2)   

L-awtorizzazzjoni jew kopja awtentikata tagħha mill-awtorità tal-awtorizzazzjoni emittenti, għandhom jinżammu fil-vettura għad-durata tal-vjaġġ u għandhom jiġu ppreżentati lill-uffiċjali tal-infurzar li jitolbuhom.

(3)   

It-tluq jew id-destinazzjoni għandhom ikunu fit-territorju tal-Parti Kontraenti li fiha jkun stabbilit l-operatur u li fiha jkunu rreġistrati l-kowċis u x-xarabanks.

(It-tielet paġna tal-awtorizzazzjoni)

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)   

L-operatur tat-trasport għandu jibda s-servizz tat-trasport fil-perjodu indikat fid-deċiżjoni tal-awtorità tal-awtorizzazzjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni.

(2)   

Għajr fil-każ ta’ force majeure, l-operatur ta’ servizz regolari internazzjonali jew ta’ servizz regolari speċjali internazzjonali għandu jieħu l-miżuri kollha biex jiggarantixxi servizz ta’ trasport li jikkonforma mal-kundizzjonijiet kif stipulati fl-awtorizzazzjoni.

(3)   

L-operatur għandu jara li l-informazzjoni dwar ir-rotta, il-punti ta’ waqfien, l-iskeda tal-ħinijiet, it-tariffi u l-kundizzjonijiet tat-trasport ikunu disponibbli għall-pubbliku.

(4)   

L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti kkonċernati, bi qbil komuni u bi qbil mad-detentur tal-awtorizzazzjoni, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu bidliet fil-kundizzjonijiet tal-operat li jirregolaw servizz internazzjonali regolari u regolari speċjali.

(5)   

Mingħajr preġudizzju għad-dokumenti assoċjati mal-vettura u mas-sewwieq (bħaċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura u l-liċenzja tas-sewqan), id-dokumenti li ġejjin għandhom iservu bħala dokumenti ta’ kontroll skont dan il-Protokoll, u għandhom jinżammu fil-vettura u jiġu ppreżentati jekk jintalbu minn xi uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat:

l-awtorizzazzjoni jew kopja awtentikata tagħha għat-twettiq ta’ servizzi regolari internazzjonali jew ta’ servizzi regolari speċjali internazzjonali;

il-liċenzja tal-operatur jew kopja awtentikata tagħha għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bit-triq previsti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea;

meta jkun qed jiġi operat servizz regolari speċjali internazzjonali, il-kuntratt bejn l-organizzatur u l-operatur tat-trasport jew kopja awtentikata tiegħu, kif ukoll dokument li jagħti prova li l-passiġġieri jikkostitwixxu kategorija speċifika bl-esklużjoni ta’ passiġġieri oħra għall-iskopijiet ta’ servizz regolari speċjali;

meta l-operatur ta’ servizz regolari jew servizz regolari speċjali juża vetturi addizzjonali biex ilaħħaq ma’ sitwazzjonijiet temporanji u eċċezzjonali, flimkien mad-dokumenti rilevanti msemmija hawn fuq, kopja tal-kuntratt bejn l-operatur tas-servizz regolari internazzjonali jew tas-servizz regolari speċjali internazzjonali u l-impriża li tipprovdi l-vetturi addizzjonali, jew dokument ekwivalenti.

(Ir-raba’ paġna tal-awtorizzazzjoni)

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI (ikompli)

(6)   

L-operaturi li joperaw servizz regolari internazzjonali, bl-esklużjoni ta’ servizzi regolari speċjali, għandhom joħorġu biljetti tat-trasport li jikkonfermaw id-drittijiet tal-passiġġier li jkun se jiġi ttrasportat, u li jservu bħala dokument ta’ kontroll li jagħti prova tal-konklużjoni tal-kuntratt tat-trasport bejn il-passiġġier u l-operatur tat-trasport, jew b’mod individwali jew b’mod kollettiv. Il-biljetti, li jistgħu wkoll ikunu elettroniċi, għandhom jindikaw:

(a)

l-isem tal-operatur;

(b)

il-punti tat-tluq u tad-destinazzjoni u, jekk ikun applikabbli, il-vjaġġ tar-ritorn;

(c)

il-perjodu ta’ validità tal-biljett u, jekk ikun applikabbli, id-data u l-ħin tat-tluq;

(d)

il-prezz tat-trasport.

Il-biljett tat-trasport għandu jiġi ppreżentat mill-passiġġier jekk jintalab minn xi uffiċjal ta’ spezzjoni awtorizzat.

(7)   

L-operaturi li joperaw servizzi regolari internazzjonali jew servizzi regolari speċjali internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri għandhom jippermettu li jsiru l-ispezzjonijiet kollha maħsuba biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet jitwettqu sew, b’mod partikolari fir-rigward tal-perjodi ta’ sewqan, il-perjodi ta’ mistrieħ, is-sikurezza fit-toroq u l-emissjonijiet.


(1)  L-Albanija (AL), Andorra (AD), l-Awstrija (A), il-Belġju (B), il-Bożnija-Ħerzegovina (BIH), il-Bulgarija (BG), Ċipru (CY), id-Danimarka (DK), l-Estonja (EST), il-Finlandja (FIN), Franza (F), il-Ġermanja (D), il-Greċja (GR), l-Irlanda (IRL), l-Italja (I), l-Iżvezja (S), il-Kroazja (HR), il-Latvja (LV), il-Litwanja (LT), il-Lussemburgu (L), Malta (MT), il-Montenegro (ME), in-Netherlands (NL), il-Polonja (PL), il-Portugall (P), ir-Renju Unit (UK), ir-Repubblika Ċeka (CZ), ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (MK), ir-Repubblika tal-Moldova (MD), ir-Repubblika Slovakka (SK), ir-Rumanija (RO), is-Slovenja (SLO), Spanja (E), it-Turkija (TR), l-Ukrajna (UA), l-Ungerija (H), iridu jimtlew.

(2)  Immarka jew imla kif xieraq.