ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 114I |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 66 |
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
REGOLAMENTI |
|
|
* |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
2.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 114/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/903
tat-2 ta’ Mejju 2023
li jintroduċi miżuri preventivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4(9) tiegħu,
Billi:
(1) |
Wara l-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022, sabiex tappoġġa l-ekonomija tal-Ukrajna, permezz tar-Regolament (UE) 2022/870, l-Unjoni Ewropea introduċiet miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”). B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2022/870 jipprevedi, fost l-oħrajn, is-sospensjoni tal-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Jipprevedi wkoll li l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali. |
(2) |
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja llimitat serjament ukoll l-aċċess tal-Ukrajna għall-portijiet tal-Baħar l-Iswed tagħha u b’hekk impedixxiet lill-pajjiż milli jesporta l-prodotti tiegħu lejn il-bqija tad-dinja u milli jimporta l-prodotti li jeħtieġ. Biex jiġi evitat theddid għas-sigurtà globali tal-ikel u biex jiġi appoġġat l-istabbiliment tal-konnettività tal-Ukrajna lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni ffaċilitat l-istabbiliment ta’ rotot alternattivi tat-trasport (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna”) biex tippermetti l-kummerċ bilaterali u l-aċċess tal-Ukrajna għas-swieq globali (3). |
(3) |
Bħala riżultat tal-isforzi konġunti mill-Istati Membri, b’mod partikolari l-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija, kif ukoll l-isforzi tal-Ukrajna, tal-Moldova, ta’ sħab internazzjonali oħra u tal-Kummissjoni, il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna saru vitali għall-ekonomija tal-Ukrajna u konnettività ġdida mal-Unjoni, li sservi wkoll biex tipprevjeni kriżi globali tal-ikel (4). |
(4) |
Filwaqt li f’dawn l-aħħar xhur inkiseb ħafna titjib, għad hemm ostakli loġistiċi importanti. Tabilħaqq, l-infrastruttura għadha insuffiċjenti biex tittratta ż-żieda fit-traffiku b’mod partikolari fil-fruntieri bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri. It-tagħmir għadu meħtieġ b’mod urġenti u l-kapaċità hija skarsa u dan jirriżulta f’kostijiet loġistiċi għoljin, filwaqt li hemm ukoll riskju għoli li l-faċilitajiet tal-ħżin jilħqu kapaċità sħiħa malajr. Għalhekk hemm ħtieġa urġenti għal konnettività mtejba billi jiġi kkoordinat aħjar it-tranżitu, tittejjeb l-infrastruttura u jitnaqqsu l-kostijiet kumplessivi tal-loġistika, biex b’hekk jiġi żgurat li l-qamħ, il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-lift u ż-żerriegħa tal-ġirasol li joriġinaw fl-Ukrajna jkunu jistgħu jidħlu aktar fl-Unjoni u lil hinn minnha kif meħtieġ. |
(5) |
Bħala riżultat tal-ispejjeż għoljin tal-loġistika u l-ostakli deskritti hawn fuq, kien hemm żieda fl-importazzjonijiet mill-Ukrajna lejn l-Istati Membri qrib l-Ukrajna. Dawn l-importazzjonijiet qed jisaturaw il-kapaċità tal-ħżin u l-ktajjen loġistiċi b’mod partikolari fil-Bulgarija, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja. Dawk iċ-ċirkustanzi jaffettwaw il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi lokali f’dawk l-Istati Membri. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tqis li qed jitfaċċaw ċirkustanzi eċċezzjonali li jirriskjaw li jaffettwaw lill-produtturi lokali tal-Unjoni. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni u l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni, investigazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/870 f’dan l-istadju hija impossibbli. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għalhekk tqis li hija meħtieġa azzjoni immedjata fil-forma ta’ miżuri preventivi skont l-Artikolu 4(9) ta’ dak ir-Regolament. |
(6) |
Ħlief fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti li ġew iffirmati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li l-qamħ, il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-lift u ż-żerriegħa tal-ġirasol li joriġinaw fl-Ukrajna, li kollha jikkompetu għall-istess kapaċitajiet ta’ ħażna, huma rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera jew imqiegħda taħt il-proċeduri ta’ ħażna doganali, żona ħielsa jew proċessar attiv, kif previst fir-Regolament (UE) 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fi Stati Membri għajr il-Bulgarija, l-Ungerija biss, il-Polonja, ir-Rumanija jew is-Slovakkja. |
(7) |
Madankollu, dik il-limitazzjoni ma taffettwax il-moviment ta’ dawk l-oġġetti fil-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija jew is-Slovakkja, jew minnhom, lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż jew territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni bis-saħħa tal-proċedura ta’ tranżitu doganali, kif previst fl-Artikolu 226 tar-Regolament (UE) 952/2013. |
(8) |
Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(9) tar-Regolament (UE) 2022/870, infurmat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-Regolament. |
(9) |
Sabiex tiġi evitata mġiba spekulattiva mill-operaturi tas-suq, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu u japplika sal-5 ta’ Ġunju 2023, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ħlief għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti li ġew iffirmati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew it-tqegħid taħt il-proċeduri ta’ ħażna doganali, żona ħielsa jew proċessar attiv tal-prodotti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament li joriġinaw fl-Ukrajna, għandhom ikunu permessi biss fi Stati Membri għajr il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija jew is-Slovakkja.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika sal-5 ta' Ġunju 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103).
(2) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(3) COM/2022/217 final. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ azzjoni għall-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna sabiex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet agrikoli tal-Ukrajna u l-kummerċ bilaterali mal-UE.
(4) Bejn Mejju 2022 u Marzu 2023, l-Ukrajna esportat aktar minn 63 miljun tunnellata ta’ oġġetti permezz tal-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna, inklużi 32 miljun tunnellata ta’ ċereali u żrieragħ żejtnin, u ġabet lura aktar minn EUR 26 biljun f’introjtu lejn l-Ukrajna. Il-korsiji ta’ Solidarjetà ppermettew ukoll lill-Ukrajna timporta kważi 23 miljun tunnellata ta’ oġġetti, li jirrappreżentaw aktar minn EUR 48 biljun f’introjtu għan-negozji tal-UE.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ANNESS
Deskrizzjoni tal-Prodott |
Kodiċi tal-Komodità |
Qamħ |
|
Qamħ u meslin |
1001 |
Qamħirrum |
|
Qamħirrum |
1005 |
Lift |
|
Żerriegħa tal-lift jew tal-kolza, kemm jekk imkissra u kemm jekk le |
1205 |
Żerriegħa tal-ġirasol |
|
Żerriegħa tal-ġirasol, kemm jekk imkissra u kemm jekk le |
1206 |