ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 67

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 66
3 ta' Marzu 2023


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/449 tat-2 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/450 tal-25 ta’ Novembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-ordni li fih is-CCPs għandhom iħallsu l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, l-għadd massimu ta’ snin li matulhom dawn is-CCPs għandhom jużaw sehem mill-profitti annwali tagħhom għal tali pagamenti lill-pussessuri ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tagħhom u s-sehem massimu ta’ dawn il-profitti li għandu jintuża għal dawn il-pagamenti ( 1 )

5

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/451 tal-25 ta’ Novembru 2022 li jispeċifika l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti u mill-kulleġġ superviżorju meta jiġi vvalutat il-pjan ta’ rkupru tal-kontropartijiet ċentrali ( 1 )

7

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/452 tal-24 ta’ Frar 2023 li jirreġistra indikazzjoni ġeografika ta’ xarba spirituża skont l-Artikolu 30, il-paragrafu 2, tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Grappa della Valle d’Aosta/Grappa de la Vallée d’Aoste)

17

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/453 tat-2 ta’ Marzu 2023 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, ikkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le

19

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/454 tat-2 ta’ Marzu 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanza toltrażuril fir-rigward tal-limitu massimu ta’ residwi tagħha fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali ( 1 )

38

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/455 tat-2 ta’ Marzu 2023 li jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 1480/2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv

41

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/456 tal-21 ta’ Frar 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, fir-rigward tal-emendar tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE ( 1 )

43

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/457 tat-2 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

47

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/458 tal-1 ta’ Marzu 2023 dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni ta’ ċerti sustanzi attivi għall-użu fi prodotti bijoċidali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

51

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/459 tat-2 ta’ Marzu 2023 li ma tapprovax it-2,2-Dibromo-2-ċjanoaċetammid (DBNPA) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 4 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

54

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/460 tat-2 ta’ Marzu 2023 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

58

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/426 tal-25 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna ( ĠU L 59 I, 25.2.2023 )

60

 

*

Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/432 tal-25 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna ( ĠU L 59 I, 25.2.2023 )

61

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/449

tat-2 ta’ Marzu 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014.

(2)

Fuq il-bażi ta’ rieżami mill-Kunsill, l-informazzjoni fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jenħtieġ li tiġi aġġornata.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 208/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)  ĠU L 66, 6.3.2014, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014, it-Taqsima B (Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva) hija sostitwita b’dan li ġej:

“B.    Drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (‘Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali’) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: d-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.

L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku jridu jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u jridu jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati

2.   Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw id-detenzjoni taħt kustodja tas-Sur Zakharchenko kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev bid-data tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Zakharchenko u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Zakharchenko, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-9 ta’ Frar 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929 u fil-5 ta’ Awwissu 2022, wara li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ukreni, is-Sur Zakharchenko ma involviex avukat difensur fil-proċedimenti kriminali fl-Ukrajna iżda l-interessi tiegħu ġew irrappreżentati minn avukat difensur assenjat. Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

6.   Viktor Ivanovych Ratushniak

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Ratushniak kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Ratushniak u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021 l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Ratushniak, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-9 ta’ Frar 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929 u, fil-5 ta’ Awwissu 2022, wara li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ukreni, is-Sur Ratushniak ma involvix avukat difensur fil-proċedimenti kriminali fl-Ukrajna iżda l-interessi tiegħu ġew irrappreżentati minn avukat difensur assenjat. Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

12.   Serhiy Vitalyovych Kurchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari permezz tal-fatt li d-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000003393 fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Fil-11 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna informa wkoll lill-avukati difensuri tas-Sur Kurchenko dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u l-għoti ta’ aċċess għall-materjal tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill irċieva informazzjoni li l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ppreżenta mozzjoni biex jiġi stabbilit skadenza għar-rieżami mill-parti tad-difiża sabiex jiġi indirizzat id-dewmien tal-parti tad-difiża fir-rieżami tal-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna stabbiliet limitu ta’ żmien sal-1 ta’ Diċembru 2022 għall-parti tad-difiża biex ilestu l-proċess ta’ familjarizzazzjoni, u wara dan jitqiesu li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jaċċessaw il-materjali. Fis-7 ta’ Diċembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni bagħat l-att tal-akkuża lill-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna għall-eżami tal-merti tal-każ.

B’rabta mal-proċediment kriminali Nru. 12014160020000076, fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Fl-20 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odessa tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess in absentia. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odessa ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-prosekutur dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tas-27 ta’ Lulju 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Kurchenko. Fit-13 ta’ Mejju 2021, id-Dipartiment Prinċipali tal-Pulizija Nazzjonali fir-Reġjun ta’ Odessa bagħat it-talba lill-Uffiċċju Ukren tal-Interpol u l-Europol biex jippubblikaw Avviż Aħmar dwar is-Sur Kurchenko, li qed jiġi kkunsidrat. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.

Il-Kunsill ġie informat li fis-6 ta’ Mejju 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 12014160020000076 u fil-1 ta’ Awwissu 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Reġjun ta’ Odessa bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Prymorskyi tal-Belt ta’ Odessa għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.”.


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/450

tal-25 ta’ Novembru 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-ordni li fih is-CCPs għandhom iħallsu l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, l-għadd massimu ta’ snin li matulhom dawn is-CCPs għandhom jużaw sehem mill-profitti annwali tagħhom għal tali pagamenti lill-pussessuri ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tagħhom u s-sehem massimu ta’ dawn il-profitti li għandu jintuża għal dawn il-pagamenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti eliġibbli għall-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23 jiġu ttrattati b’mod ġust. Għaldaqstant, meta jkun hemm separazzjoni bejn pagamenti fi flus kontanti u strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq profitti futuri, l-allokazzjoni bejn il-pagamenti fi flus kontanti u dawk l-istrumenti jenħtieġ li tkun identika għall-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti kollha li jridu jiġu kkumpensati.

(2)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità kompetenti ta’ CCP tista’ tesiġi li CCP tikkumpensa lill-membri tal-ikklirjar għat-telf tagħhom permezz tal-ħruġ ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri ta’ dik is-CCP. Madankollu, jenħtieġ li l-ħruġ ta’ tali strumenti, u l-pretensjonijiet li jirriżultaw fuq il-profitti futuri tas-CCP, ma jipperikolawx il-vijabbiltà tas-CCP u l-kapaċità tagħha li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ investiment tagħha, u lanqas ma jnaqqsu l-attraenza tas-CCP għall-azzjonisti u l-investituri esterni tagħha matul perjodu twil. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, huwa xieraq li jiġi stabbilit li jenħtieġ li l-pretensjonijiet annwali fuq il-profitti futuri ta’ CCP ma jaqbżux 70 % tal-profitti annwali tas-CCP, u li tali strumenti u pretensjonijiet jenħtieġ li ma jaqbżux perjodu ta’ aktar minn għaxar snin.

(3)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(4)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ordni li fih għandu jitħallas il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23

1.   CCP li tkun ġiet obbligata mill-awtorità kompetenti tagħha, f’konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, li tikkumpensa lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti, għandha tikkumpensa pari passu lil dawn il-membri tal-ikklirjar.

2.   CCP li tkun ġiet obbligata mill-awtorità kompetenti tagħha li tikkumpensa lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti tagħha kemm fi flus kontanti kif ukoll permezz tad-distribuzzjoni ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP għandha tuża l-istess skema eżatt ta’ allokazzjoni għall-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti kollha meta tiddetermina liema partijiet ta’ dan il-kumpens għandhom jiġu allokati fi flus kontanti u f’kumpens mhux fi flus kontanti.

3.   Kwalunkwe ftehim ta’ trasferiment ta’ profitt li jista’ jostakola l-livell ta’ profitt għandu jiġi integrat mill-ġdid fl-ammont ta’ profitt tas-CCP.

Artikolu 2

Sehem massimu tal-profitti annwali tas-CCP li għandu jintuża għall-pagamenti li jirrigwardaw strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP

Il-pagamenti ta’ kumpens annwali li għandhom isiru minn CCP skont l-istrumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tagħha u li jkunu nħarġu lil kull membru tal-ikklirjar mhux inadempjenti affettwat ma għandhomx jaqbżu 70 % tal-profitt annwali ta’ dik is-CCP għal kull sena finanzjarja.

Artikolu 3

Għadd massimu ta’ snin li matulhom il-pussessur huwa intitolat li jirċievi pagamenti mis-CCP sakemm jinġabar it-telf

L-għadd ta’ snin li matulhom strument li jirrikonoxxi pretensjoni fuq profitti futuri tas-CCP jintitola lill-pussessur jirċievi pagamenti mis-CCP fuq bażi annwali sakemm jinġabar it-telf ma għandux jaqbeż 10 snin.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/451

tal-25 ta’ Novembru 2022

li jispeċifika l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti u mill-kulleġġ superviżorju meta jiġi vvalutat il-pjan ta’ rkupru tal-kontropartijiet ċentrali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Meta jqisu l-istruttura tal-kapital u l-profil tar-riskju ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex xieraq biex tiġi żgurata l-adegwatezza tar-riżorsi finanzjarji tas-CCP, inkluż fejn meħtieġ biex tiġi żgurata rikapitalizzazzjoni f’waqtha tas-CCP, ir-rikostituzzjoni tar-riżorsi prefinanzjati tagħha, u biex tiġi indirizzata kwalunkwe diskrepanza fil-finanzjament u fil-likwidità.

(2)

Meta jqisu l-kaskata tal-inadempjenza ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jenħtieġ li jikkunsidraw jekk l-istruttura tal-kaskata tal-inadempjenza ta’ dik is-CCP u r-regoli tagħha tal-allokazzjoni tat-telf humiex adegwati biex isostnu x-xenarji kollha previsti ta’ telf minħabba inadempjenza, u jekk dik l-allokazzjoni tat-telf hijiex legalment infurzabbli.

(3)

Meta jqisu l-kumplessità tal-istruttura organizzazzjonali ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw jekk l-istruttura tas-sjieda u l-arranġamenti ta’ governanza ta’ dik is-CCP humiex ċari u prattikabbli biżżejjed biex jikkonfermaw il-fattibbiltà tal-pjan ta’ rkupru u jiżguraw implimentazzjoni bla intoppi tal-miżuri ta’ rkupru.

(4)

Meta jqisu s-sostitwibbiltà tal-attivitajiet ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw kif il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP jipprevedi li parti mis-servizzi tal-ikklirjar tas-CCP jew is-servizzi tal-ikklirjar kollha tas-CCP jistgħu jiġu pprovduti minn CCPs awtorizzati oħra tal-Unjoni jew CCPs rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ tfixkil tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(5)

Meta jqisu l-profil tar-riskju ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw il-karatteristiċi tan-negozju u l-governanza u r-riskji legali ta’ dik is-CCP sabiex jivvalutaw jekk dik is-CCP hijiex f’pożizzjoni li twettaq il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru b’mod rapidu u effiċjenti, irrispettivament mill-ispeċifiċitajiet tas-CCP.

(6)

Meta jqisu t-tħejjija ta’ CCP biex tiffaċċja stress li jipperikola l-vijabbiltà tas-CCP bl-għan li jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw l-adegwatezza tax-xenarji u l-indikaturi inklużi fil-pjan ta’ rkupru fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ dik is-CCP biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-livell ta’ tħejjija tas-CCP biex tiffaċċja stress ta’ dan it-tip.

(7)

Meta jqisu l-mudell tan-negozju ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw l-idoneità tal-identifikazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi f’dak il-pjan ta’ rkupru u kif il-pjan ta’ rkupru jipprevedi li jwettaq bejgħ ta’ assi jew linji tan-negozju biex jantiċipa l-effetti tal-attivazzjoni tal-pjan ta’ rkupru fuq il-membri tal-ikklirjar, il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, u l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni.

(8)

Meta jqisu l-impatt ta’ pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq ċerti entitajiet b’rabta mal-komunikazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw l-adegwatezza tal-proċeduri ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP biex jikkondividu l-informazzjoni bl-aktar mod trasparenti possibbli u jimmaniġġjaw reazzjonijiet potenzjalment negattivi tas-suq għad-diffikultajiet tas-CCP.

(9)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq il-membri tal-ikklirjar, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw kif dik is-CCP tevalwa l-kumplessità tas-sħubija tal-ikklirjar tagħha biex tantiċipa l-impatt tal-pjan ta’ rkupru fuq il-klijenti u l-klijenti indiretti tal-membri tal-ikklirjar, u jikkunsidraw l-obbligi kuntrattwali tagħhom fi kwalunkwe xenarju ta’ rkupru.

(10)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq infrastrutturi tas-suq marbuta, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw jekk l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru ta’ dik is-CCP tistax taffettwa l-operazzjonijiet ta’ infrastruttura marbuta sabiex jiġi evalwat kif xieraq l-impatt tal-pjan ta’ riżoluzzjoni f’termini tal-effetti tal-interoperabbiltà.

(11)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-swieq finanzjarji servuti mis-CCP, inklużi ċ-ċentri tan-negozjar, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw kwalunkwe rabta maċ-ċentri tan-negozjar ta’ dik is-CCP biex jantiċipaw kwalunkwe impatt materjali tal-miżuri ta’ rkupru fuq l-abbiltà ta’ ċentru tan-negozjar li jipproċessa t-tranżazzjonijiet jew jistabbilixxi l-prezzijiet.

(12)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u l-Unjoni kollha kemm hi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jevalwaw l-impatt tal-miżuri ta’ rkupru fuq entitajiet b’rabtiet materjali ma’ dik is-CCP, il-membri tal-ikklirjar u l-FMIs biex jikkunsidraw kwalunkwe riskju ta’ kontaġju li jista’ jinbet mill-attivazzjoni tal-pjan ta’ rkupru. Jenħtieġ li jqisu wkoll l-adegwatezza tal-inċentivi introdotti mill-pjan ta’ rkupru biex jiżguraw li l-miżuri ta’ rkupru u l-għodod għall-allokazzjoni tat-telf probabbilment jottimizzaw il-probabbiltà ta’ rkupru li jirnexxi, b’allokazzjoni ġusta u proporzjonata tal-kostijiet fost l-azzjonisti ta’ dik is-CCP, il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom.

(13)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”, European Securities and Markets Authority).

(14)

L-ESMA żviluppat l-abbozz ta’ standards tekniċi li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament f’kooperazzjoni mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku. L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Valutazzjoni tal-istruttura tal-kapital u r-riskju finanzjarju ta’ CCP

Meta jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-istruttura tal-kapital u r-riskju finanzjarju ta’ dik is-CCP, l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk hemmx xi inkonsistenzi bejn l-istruttura tal-kapital tas-CCP u l-miżuri ta’ rkupru mfassla biex jiżguraw rikapitalizzazzjoni f’waqtha tas-CCP fl-eventwalità li l-livell tal-kapital tagħha jaqa’ taħt il-livell limitu ta’ notifika jew ir-rekwiżiti ta’ kapital;

(b)

jekk il-pjan ta’ rkupru jirrappreżentax kif dovut l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati msemmija fl-Artikolu 9(14) tar-Regolament (UE) 2021/23;

(c)

jekk, meta jitqiesu t-tipi ta’ prodotti kklirjati, il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru humiex imfassla tajjeb, fattibbli, kredibbli u adatti għas-CCP, biex:

(i)

jirrestawraw il-valur kontabilistiku rikonċiljat u l-kapital tas-CCP;

(ii)

jirrikostitwixxu r-riżorsi prefinanzjati;

(iii)

iżommu aċċess għal sorsi suffiċjenti ta’ likwidità;

(iv)

iżżommu jew jirrestawraw il-vijabbiltà u s-solidità finanzjarja tas-CCP billi jittieħdu ċerti miżuri ta’ rkupru jew jiġu applikati ċerti għodod ta’ rkupru, inklużi għodod għall-allokazzjoni tat-telf bħal sejħiet għal flus għal irkupru, tnaqqis fil-valur tal-qligħ pagabbli mis-CCP lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti, allokazzjoni ta’ pożizzjonijiet u azzjonijiet oħra ta’ likwidità;

(d)

jekk il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru humiex ittestjati kif dovut biex jippermettu l-allokazzjoni u l-identifikazzjoni tal-prezzijiet;

(e)

jekk il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru u l-għodod imsemmija fil-punt (c)(iv) humiex suffiċjentement affidabbli u disponibbli fil-pront fil-każ ta’ avvenimenti ta’ rkupru idjosinkratiċi u fis-sistema kollha;

(f)

jekk il-pjan ta’ rkupru jistabbilixxix arranġamenti biex jiġu indirizzati kemm id-diskrepanzi fil-finanzjament kif ukoll id-diskrepanzi temporanji fil-likwidità, u jispeċifikax l-arranġamenti ta’ likwidità disponibbli għas-CCP;

(g)

jekk il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru jqisux il-mudell tal-marġnijiet u l-proċessi tal-marġnijiet kif ukoll il-qafas tal-kollateral, inkluża lista ta’ kollateral aċċettat u telf tal-kollateral fis-CCP, u b’mod partikolari dawn kollha li ġejjin:

(i)

l-ammont massimu ta’ marġnijiet miġbura mis-CCP;

(ii)

fejn applikabbli, għal kull fond tal-inadempjenza tas-CCP, il-kontribuzzjonijiet massimi meħtieġa għall-fond tal-inadempjenza;

(iii)

stima tal-akbar ammont totali li jista’ jsir dovut f’obbligi ta’ pagament f’jum wieħed fl-eventwalità ta’ inadempjenza ta’ wieħed jew tnejn mill-akbar membri tal-ikklirjar uniċi u l-affiljati tagħhom f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli;

(iv)

il-possibbiltà li jiġu trasferiti riżorsi jew likwidità bejn il-linji tan-negozju;

(h)

jekk il-pjan ta’ rkupru jipprevedix l-użu ta’ faċilitajiet permanenti tal-bank ċentrali u jidentifikax b’mod ċar l-assi li jkunu mistennija jikkwalifikaw bħala kollateral skont it-termini tal-faċilità tal-bank ċentrali.

Artikolu 2

Valutazzjoni tal-kaskata tal-inadempjenza ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-kaskata tal-inadempjenza ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-kaskata tal-inadempjenza u l-perkorsi differenti tal-propagazzjoni tat-telf humiex speċifikati b’mod ċar u jekk il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe telf humiex immudellati f’konformità mar-regoli li jallokaw dak it-telf, inklużi l-arranġamenti bejn is-CCP u l-membri tal-ikklirjar tagħha u l-qafas ġenerali tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP, bħall-ġabra tar-regoli tas-CCP;

(b)

jekk ir-riskji legali rilevanti ġewx ivvalutati u indirizzati fl-iżgurar tal-infurzabbiltà tal-kaskata, inkluż fir-rigward tal-membri tal-ikklirjar li huma domiċiljati f’ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 3

Valutazzjoni tal-istruttura organizzazzjonali ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-livell tal-kumplessità tal-istruttura organizzazzjonali billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-istruttura tas-sjieda tas-CCP tistax taffettwa l-pjan ta’ rkupru;

(b)

kif l-istruttura tas-sjieda tas-CCP hija riflessa fl-istrutturi tal-inċentivi jew fil-proċessi tad-deċiżjonijiet tas-CCP;

(c)

kif ir-rekwiżiti rigward is-sidien fl-ambitu tal-pjan ta’ rkupru jistgħu jaffettwaw il-pjan ta’ rkupru, inkluż meta l-ftehimiet ta’ appoġġ kuntrattwali tal-grupp jew tal-impriża prinċipali jiffurmaw parti mill-pjan ta’ rkupru, u jivvalutaw b’mod partikolari:

(i)

l-affidabbiltà u l-infurzabbiltà ta’ tali appoġġ;

(ii)

jekk il-pjan ta’ rkupru jikkunsidrax u jindirizzax b’mod xieraq każijiet fejn tali ftehimiet ta’ appoġġ ma jistgħux jiġu onorati;

(d)

jekk ir-rabtiet tas-CCP ma’ kwalunkwe entità li tappartjeni għall-istess grupp humiex suffiċjentement ivvalutati biex jiġi żgurat li kwalunkwe riskju ta’ kontaġju li jista’ jfeġġ fl-eventwalità li kwalunkwe kumpanija tal-grupp tkun soġġetta għal restrizzjonijiet finanzjarji jew tkun inadempjenti, jiġi kontabilizzat, u jivvalutaw kif dawk ir-rabtiet jista’ jkollhom impatt fuq l-applikabbiltà tal-miżuri fil-pjan ta’ rkupru;

(e)

jekk il-politiki u l-proċeduri li jirregolaw l-approvazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u l-identifikazzjoni tal-persuni fl-organizzazzjoni responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru humiex adatti, ċari u prattikabbli;

(f)

jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex konsistenti mal-istruttura tal-governanza korporattiva tas-CCP u mal-proċessi tad-deċiżjonijiet u l-governanza interna tas-CCP;

(g)

jekk il-kumplessità tal-organizzazzjoni interna tas-CCP tistax tkun ta’ xkiel għal azzjonijiet f’waqthom jew jekk huwiex probabbli li l-proċessi jitmexxew b’mod effiċjenti bi ktajjen ċari ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar;

(h)

jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex ċar u prattikabbli f’dawk li huma proċeduri u pjanijiet ta’ azzjoni, inklużi proċeduri għal proċessi tad-deċiżjonijiet, skedi ta’ kuntatt dettaljati minn kwalunkwe persuna rilevanti għall-proċess tal-pjan ta’ rkupru, kapaċitajiet ta’ aċċess remot u aċċessibbiltà għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jekk il-pjan ta’ rkupru għandux proċeduri biex jaċċessa persuni ewlenin kemm fuq il-post kif ukoll lil hinn minnu;

(i)

jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex effettivament inkluż, fejn meħtieġ, fir-regoli operattivi tas-CCP;

(j)

jekk is-CCP għandhiex fis-seħħ regoli u proċeduri xierqa biex tittestja l-pjan ta’ rkupru tagħha mal-membri tal-ikklirjar tagħha fuq bażi regolari, u fejn possibbli, biex jidentifikaw il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti.

Artikolu 4

Valutazzjoni tas-sostitwibbiltà tal-attivitajiet ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tas-sostitwibbiltà tal-attivitajiet ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru qiesx jekk CCPs oħrajn awtorizzati jew rikonoxxuti skont l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprovdux xi wħud mis-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti mis-CCP jew kollha kemm huma;

(b)

il-punt sa fejn il-pjan ta’ rkupru jipprovdi dettalji, bl-użu tal-informazzjoni disponibbli għas-CCP, dwar kif is-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti minn CCP oħra ġew identifikati u jekk tali servizzi identifikati minn CCPs oħrajn humiex servizzi stabbiliti jew servizzi tal-ikklirjar stabbiliti ġodda;

(c)

fejn il-pjan ta’ rkupru jipprevedi l-portabbiltà tat-tranżazzjonijiet jew it-trasferiment ta’ attivitajiet mhux kritiċi, parzjalment jew kompletament, lil fornitur ta’ servizz ieħor, u:

(i)

jekk din il-possibbiltà hijiex ippreżentata b’valutazzjoni tal-vijabbiltà tagħha, bl-użu tal-informazzjoni disponibbli għas-CCP;

(ii)

kif il-pjan ta’ rkupru jipprovdi għall-eventwalità li l-implimentazzjoni ta’ tali portabbiltà tat-tranżazzjonijiet jew it-trasferiment ta’ attivitajiet mhux kritiċi ma jkunux possibbli.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ CCP

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-profil tar-riskju ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru tas-CCP jinkludix u jipprovdix, b’mod kumplessiv, miżuri xierqa biex jiġu indirizzati tipi differenti ta’ riskju, u kombinazzjonijiet plawżibbli tagħhom, li jistgħu jirrikjedu l-użu tal-għodod ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 1, il-punt (c)(iv);

(b)

jekk ir-riskju ta’ tħarbit li joriġina kemm mis-CCP kif ukoll minn entitajiet u fornituri ta’ servizzi oħra li għalihom tkun esposta s-CCP, inkluż l-ikklirjar, l-investiment, il-kustodja u l-pagamenti, huwiex ivvalutat u mmitigat fil-pjan ta’ rkupru;

(c)

jekk il-pjan ta’ rkupru jqisx in-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tas-CCP u kif dawn l-elementi huma riflessi fil-miżuri proposti mis-CCP;

(d)

jekk is-CCP tistax tapplika b’mod indipendenti l-pjan ta’ rkupru mingħajr interferenza minn entitajiet oħra fl-istess grupp korporattiv u, fejn possibbli, jekk kwalunkwe effett kollaterali fuq entitajiet oħra tal-grupp u kwalunkwe interdipendenza finanzjarja humiex identifikati b’mod ċar;

(e)

jekk il-pjan ta’ rkupru jqisx ir-riskji ambjentali u r-riskju ta’ attakki ċibernetiċi li jistgħu jwasslu għal deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tas-CCP u kwalunkwe riskju ieħor identifikat fl-eżerċizzji tat-testijiet tal-istress imwettqa f’konformità mal-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, fejn rilevanti għall-pjan ta’ rkupru;

(f)

jekk ir-riskji legali ġewx ivvalutati fil-pjan ta’ rkupru, u b’mod partikolari jekk il-miżuri kollha fil-pjan ta’ rkupru humiex legali, validi, vinkolanti u infurzabbli;

(g)

jekk l-arranġamenti, il-ftehimiet u l-kuntratti, inklużi r-regoli operattivi tas-CCP u l-ftehimiet mal-fornituri tas-servizzi, humiex ċari, legali, validi, vinkolanti u infurzabbli u azzjonabbli biex jiġi żgurat li r-riskji tal-kontestazzjonijiet ġuridiċi u l-kawżi l-qorti jiġu ġestiti u minimizzati;

(h)

jekk inġabrux opinjonijiet legali, fejn meħtieġ, biex tiġi ppruvata l-validità legali u l-infurzabbiltà tal-miżuri u l-ftehimiet ta’ rkupru, b’mod partikolari fejn il-kontroparti għall-ftehim tkun tinsab f’pajjiż terz;

(i)

jekk, meta l-bord tas-CCP ikun iddeċieda li ma jimxix mal-parir tal-kumitat tar-riskju meta japprova l-pjan ta’ rkupru tas-CCP, ir-raġuni pprovduta mis-CCP kemm lill-membri tal-kumitat tar-riskju kif ukoll lill-awtorità kompetenti tagħha f’konformità mal-Artikolu 9(18) tar-Regolament (UE) 2021/23, hijiex adegwata.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), it-tipi ta’ riskju li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu, skont is-CCP, ir-riskji operazzjonali, tal-kreditu, tal-likwidità, tan-negozju ġenerali, tal-kustodja, tas-saldu, tal-investiment, tas-suq, sistemiċi, ambjentali u klimatiċi.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), l-aspetti msemmija f’dak il-punt jistgħu jiġu vvalutati fil-pjan ta’ rkupru billi jitqiesu l-aspetti kollha li ġejjin tan-negozju tas-CCP:

(a)

it-tip ta’ strumenti finanzjarji kklirjati jew li għandhom jiġu kklirjati mis-CCP;

(b)

l-istrumenti finanzjarji kklirjati jew li għandhom jiġu kklirjati mis-CCP li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklirjar imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c)

il-valuri medji kklirjati mis-CCP fuq sena, għal kull tip ta’ prodott u skont il-munita kemm f’termini assoluti, kif ukoll f’termini relattivi għall-kapital tas-CCP, fil-livell ta’ kull membru tal-ikklirjar u, fejn possibbli, ta’ kull klijent;

(d)

jekk it-tranżazzjonijiet ikklirjati mis-CCP humiex eżegwiti f’ċentru tan-negozjar tal-UE, f’ċentru tan-negozjar ta’ pajjiż terz meqjus ekwivalenti f’konformità mal-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jew OTC;

(e)

l-Istati Membri fejn is-CCP tipprovdi, jew biħsiebha tipprovdi, servizzi u attivitajiet transfruntiera oħra tas-CCP.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-profil tar-riskju tas-CCP fir-rigward tat-tħejjija tas-CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien, ix-xenarji u l-indikaturi li jinsabu fil-pjan ta’ rkupru. Meta jwettqu din il-valutazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-applikazzjoni ppjanata u l-istrateġija mfassla tal-pjan ta’ rkupru:

(i)

jirriflettux il-profil tar-riskju tas-CCP li jirriżulta mill-mudell tan-negozju u t-taħlita ta’ prodotti tagħha, inklużi kunsiderazzjonijiet dwar il-likwidità tas-suq, il-konċentrazzjoni tas-suq, ir-rwol tal-membri tal-ikklirjar diretti u l-klijenti tagħhom, il-metodoloġiji tas-saldu, il-muniti u s-sigħat tal-ikklirjar tagħha, kif ukoll iċ-ċentri tan-negozjar servuti;

(ii)

iqisux l-istruttura speċifika u l-istruttura organizzazzjonali tas-CCP, inklużi kunsiderazzjonijiet dwar is-segregazzjoni tal-kaskata tal-inadempjenza tagħha u l-possibbiltajiet ta’ aggregazzjoni tar-riskji bejn is-servizzi kollha;

(iii)

iqisux id-dipendenzi tas-CCP fuq entitajiet rilevanti, inklużi entitajiet tal-grupp relatati u partijiet terzi;

(b)

jekk il-qafas tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi inkluż fil-pjan ta’ rkupru jidentifikax iċ-ċirkostanzi li l-miżuri fil-pjan ta’ rkupru għandhom jittieħdu fihom.

Artikolu 7

Valutazzjoni tal-profil tar-riskju tas-CCP fir-rigward tal-mudell tan-negozju

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tar-riskju operazzjonali tal-mudell tan-negozju ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-funzjonijiet kritiċi tas-CCP humiex identifikati kif suppost;

(b)

jekk l-arranġamenti ta’ tħejjija biex jiġi ffaċilitat il-bejgħ tal-assi jew tal-linji tan-negozju, kif previst fil-pjan ta’ rkupru, humiex adatti għas-CCP, filwaqt li jitqiesu dawn kollha li ġejjin:

(i)

jekk il-proċessi għad-determinazzjoni tal-valur u l-kummerċjabbiltà tal-linji tan-negozju ewlenin, l-operazzjonijiet u l-assi tas-CCP humiex adatti għal valutazzjoni rapida u affidabbli;

(ii)

jekk il-perjodu ta’ żmien previst għat-tħejjija tal-bejgħ huwiex xieraq meta wieħed iqis it-tip ta’ strumenti kklirjati u l-ambitu tal-bejgħ;

(iii)

jekk il-valutazzjoni tal-impatt potenzjali ta’ tali bejgħ fuq l-operazzjonijiet tas-CCP tkunx tirrifletti l-operazzjonijiet speċifiċi tas-CCP, jiġifieri t-tip ta’ prodotti kklirjati jew il-metodi ta’ marġinazzjoni applikabbli għall-prodotti u l-istrutturi tal-kontijiet;

(iv)

jekk l-impatt tal-arranġamenti ta’ tħejjija tal-linji tan-negozju fuq il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, fejn ikun possibbli li jiġu identifikati, huwiex suffiċjentement ivvalutat u jekk xi effetti negattivi humiex mitigati;

(c)

meta s-CCP tikklirja diversi prodotti, jekk is-CCP ikkunsidratx il-potenzjal li tissepara l-bejgħ bejn il-prodotti, u jekk kwalunkwe impediment ġiex identifikat bħala effett ta’ tali separazzjoni jew jekk kwalunkwe effett ieħor fuq il-pjan ta’ rkupru ġiex identifikat minħabba tali bejgħ isseparat;

(d)

jekk l-għadd u l-importanza ta’ rabtiet differenti mal-entitajiet, inklużi l-fornituri tal-likwidità, il-banek tas-saldu, il-pjattaformi, il-kustodji, l-aġenti tal-investiment, il-banek jew il-fornituri tas-servizzi ġewx ivvalutati fil-pjan ta’ rkupru u kif dawn ir-rabtiet għandhom impatt fuq il-miżuri ta’ rkupru u l-effettività tal-pjan ta’ rkupru;

(e)

jekk is-sinifikat jew il-materjalità ta’ kull rabta ġewx ivvalutati, inkluż f’termini ta’ volumi kklirjati u l-iskoperturi finanzjarji skont dawk l-arranġamenti;

(f)

jekk xi arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni li jkopru parti min-negozju ewlieni tas-CCP ġewx suffiċjentement ivvalutati u jekk ġewx mitigati xi riskji identifikati;

(g)

kif l-infurzabbiltà legali tal-pjan ta’ rkupru fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi ta’ arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni kif imsemmi fil-punt (f) ġiet ivvalutata u jekk kwalunkwe inabbiltà tal-fornitur ta’ tali arranġamenti esternalizzati li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni ġietx ivvalutata b’mod sodisfaċenti u kif dawk ir-riskji ġew mitigati fil-pjan ta’ rkupru.

Artikolu 8

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv fuq ċerti entitajiet b’rabta ma’ pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw l-impatt kumplessiv li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru jkollha fuq l-entitajiet jew is-swieq imsemmija fl-Artikolu 10(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/23, u b’mod partikolari billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP jikkonformax mat-Taqsima A, il-punt (3), tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/23, u b’mod partikolari jekk il-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP:

(i)

jipprevedix kif l-informazzjoni għandha tiġi kondiviża bl-aktar mod trasparenti possibbli mal-partijiet ikkonċernati tas-CCP, inklużi l-membri tal-ikklirjar u s-suq finanzjarju b’mod ġenerali;

(ii)

jipprovdix gwida ċara dwar kif għandhom jiġu mmaniġġjati l-aspettattivi u jipprevedix li jimminimizza r-reazzjonijiet potenzjalment negattivi tas-suq meta l-informazzjoni tiġi ddivulgata;

(b)

jekk il-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP fihx proċeduri ċari għal kif u meta għandha tiġi kondiviża l-informazzjoni ma’ entitajiet differenti, filwaqt li jipprovdi deskrizzjonijiet ċari ta’ kif tali proċeduri qiesu r-rekwiżiti legali u rekwiżiti vinkolanti oħra.

Artikolu 9

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq il-membri tal-ikklirjar, il-klijenti tagħhom, u l-klijenti indiretti

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru fir-rigward tal-impatt kumplessiv tiegħu fuq il-membri tal-ikklirjar tas-CCP u, fejn dik l-informazzjoni tkun disponibbli għas-CCP, fuq il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, inkluż meta dawn il-klijenti u l-klijenti indiretti jkunu ġew iddeżinjati bħala istituzzjonijiet oħra sistemikament importanti (O-SIIs, other systemically important institutions), billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru jirriflettix b’mod korrett il-kumplessità tas-sħubija tal-ikklirjar tas-CCP, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

il-livell ta’ kklirjar tal-klijenti fis-CCP;

(ii)

l-għadd ta’ membri tal-ikklirjar stabbiliti:

(1)

fil-ġuriżdizzjoni tas-CCP;

(2)

fi Stat Membru ieħor;

(3)

f’pajjiż terz;

(iii)

il-konċentrazzjoni tas-sħubija;

(b)

jekk il-pjan ta’ rkupru qiesx l-impatt kumplessiv fuq il-membri tal-ikklirjar u, fejn dik l-informazzjoni tkun disponibbli għas-CCP, fuq il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, ta’ tħarbit possibbli tas-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti mis-CCP, inklużi l-impatti potenzjali fuq l-aċċess għall-ikklirjar u effetti oħra li jirriżultaw mir-regoli operattivi tas-CCP;

(c)

jekk il-pjan ta’ rkupru qiesx l-effett potenzjali tal-miżuri maqbula li għandhom jittieħdu taħt il-pjan ta’ rkupru fuq il-membri tal-ikklirjar u, fejn rilevanti, fuq il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti;

(d)

jekk, skont ir-regoli operattivi tas-CCP, kull obbligu finanzjarju jew kuntrattwali jkollux il-qbil tal-membri tal-ikklirjar u, fejn rilevanti, tal-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, inkluż dwar kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-obbligu, jekk jiġix applikat xi limitu massimu jew xi livell limitu, jekk l-ammont jikkorrispondix għal somma miftiehma minn qabel jew huwiex se jinħadem bħala funzjoni tal-iskoperturi tal-membru jew tal-klijent u kif se jintalbu tali r-riżorsi.

Artikolu 10

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv ta’ pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq FMIs marbuta

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-impatt kumplessiv tiegħu fuq kwalunkwe infrastruttura tas-suq finanzjarju marbuta (FMI, financial market infrastructure), billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru jivvalutax l-impatt potenzjali tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru fuq kwalunkwe CCP interoperabbli u fuq kwalunkwe FMI oħra marbuta mas-CCP, billi jivvaluta s-sinifikat tal-involviment tas-CCP f’dawk l-entitajiet;

(b)

jekk il-pjan ta’ rkupru jindirizzax xi ftehimiet ta’ interoperabbiltà jew ta’ marġinazzjoni inkroċjata ma’ CCPs oħra u l-ambitu ta’ tali arranġamenti, inklużi l-volumi kklirjati u r-riżorsi finanzjarji skambjati bħala parti minn dawn l-arranġamenti;

(c)

jekk l-impatt tal-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri taħt il-pjan ta’ rkupru jistax jaffettwa l-aċċess għal FMIs oħra, u fejn jiġu identifikati impedimenti jew limitazzjonijiet, kif dawn jiġu mitigati;

(d)

jekk l-FMIs marbuta u l-partijiet ikkonċernati li, f’każ li l-pjan ta’ rkupru jkun ġie implimentat, iġarrbu telf, iġarrbu kostijiet jew jikkontribwixxu biex ikopru n-nuqqasijiet ta’ likwidità, kinux involuti fil-proċess tat-tfassil ta’ dak il-pjan b’mod effettiv u sodisfaċenti f’konformità mal-Artikolu 9(16) tar-Regolament (UE) 2021/23.

Artikolu 11

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-swieq finanzjarji, inklużi ċ-ċentri tan-negozjar, servuti mis-CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-impatt kumplessiv tiegħu fuq is-swieq finanzjarji, inklużi ċ-ċentri tan-negozjar, servuti mis-CCP, billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-impatt potenzjali tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru fuq iċ-ċentri tan-negozjar kif ukoll kwalunkwe sors ieħor ta’ negozjar konness mas-CCP ġiex ivvalutat fil-pjan ta’ rkupru, inkluża valutazzjoni tas-sinifikat tal-involviment tas-CCP f’dawk l-entitajiet u jekk l-impatt jirrappreżentax theddida għall-istabbiltà tal-entitajiet ikkonċernati;

(b)

jekk is-CCP tipprovdix, minbarra s-servizzi tal-ikklirjar, kwalunkwe servizz ieħor jew anċillari materjali jew sinifikattiv marbut mal-ikklirjar, u jekk kwalunkwe miżura skont il-pjan ta’ rkupru jistax ikollha impatt fuq is-suq finanzjarju servut mis-CCP, fejn is-CCP tipprovdi tali servizzi oħra jew anċillari materjali jew sinifikattivi.

Artikolu 12

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv ta’ pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-impatt kumplessiv fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi, billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-impatt potenzjali tal-pjan ta’ rkupru ġiex ivvalutat, fuq:

(i)

l-istabbiltà finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi li tfeġġ b’riżultat ta’ effetti ta’ kontaġju possibbli, inkluż f’termini ta’ riskji ta’ kreditu, likwidità jew operazzjonali għall-parteċipanti tal-ikklirjar u l-FMIs interdipendenti;

(ii)

is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi li tirriżulta minn entità waħda jew aktar marbuta mas-CCP jew mis-CCP stess li tkun ġarrbet l-impatt tal-pjan ta’ rkupru;

(b)

jekk, biex jiġi vvalutat l-impatt usa’ tar-riskju sistemiku tal-pjan ta’ rkupru, jiġux ikkunsidrati r-riżultati tal-analiżijiet imwettqa minn żmien għal żmien mill-ESMA u jsirux riflessjonijiet dwarhom fil-pjan ta’ rkupru, fejn rilevanti għall-pjan ta’ rkupru, u jekk kwalunkwe sejba jew tħassib rilevanti huwiex mitigat, kemm jista’ jkun, f’dak il-pjan;

(c)

jekk ir-rabtiet materjali mal-entitajiet, inklużi l-fornituri tal-likwidità, il-banek tas-saldu, il-pjattaformi, il-kustodji, l-aġenti tal-investiment, il-banek jew il-fornituri tas-servizzi ġewx ikkunsidrati billi jiġi vvalutat kif il-pjan ta’ rkupru jista’ jkollu impatt fuq l-operazzjonijiet tal-entitajiet konnessi, u jekk il-miżuri li jinsabu fil-pjan ta’ rkupru humiex adatti u fattibbli għall-entitajiet b’rabtiet materjali identifikati jew jistax ikollhom impatt negattiv materjali fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi;

(d)

jekk il-fornituri tal-likwidità, fejn ikunu taħt superviżjoni mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew sa fejn tkun disponibbli informazzjoni dwar l-iskoperturi tal-likwidità tagħhom, iwasslux għal skoperturi ta’ likwidità kkonċentrati minħabba r-rwoli multipli li dawk il-fornituri tal-likwidità jista’ jkollhom għal diversi CCPs, inkluż bħala membru tal-ikklirjar, bank tal-pagamenti, bank tal-investiment, kustodju, jew fornitur ta’ arranġament ta’ garanzija ta’ kontinġenza tal-likwidità.

Artikolu 13

Inċentivi

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-ħolqien ta’ inċentivi xierqa sabiex is-sidien tas-CCP, il-membri tal-ikklirjar, u fejn possibbli l-klijenti tagħhom, kif rilevanti, jikkontrollaw l-ammont ta’ riskju li dawk is-sidien tas-CCP, il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom jintroduċu jew iġarrbu fis-sistema, jimmonitorjaw l-attivitajiet tat-teħid tar-riskji u tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP u jikkontribwixxu għall-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tas-CCP, billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-inċentivi jżidux il-probabbiltà ta’ rkupru b’suċċess u jekk il-pjan ta’ rkupru jispeċifikax l-inċentivi għal partijiet ikkonċernati differenti, billi jipprovdi eżempji, fejn rilevanti, ta’ kif il-kontribuzzjonijiet volontarji jew fakultattivi, minbarra l-kontribuzzjonijiet miftiehma skont ir-regoli operattivi tas-CCP, jistgħu jiġu mħeġġa fi żminijiet ta’ kriżi;

(b)

jekk is-sejħiet għal riżorsi, kontribuzzjonijiet jew l-allokazzjonijiet tal-ispejjeż assoċjati mal-pjan ta’ rkupru joħolqux l-inċentivi xierqa għas-CCP, il-membri tal-ikklerjar tagħha, il-klijenti tagħhom, u l-klijenti indiretti sa fejn dawn il-klijenti diretti u indiretti jkunu magħrufa, l-azzjonisti u entitajiet oħra fl-istess grupp, jaġixxu b’mod li jimminimizza r-riskji u l-ispejjeż potenzjali;

(c)

jekk l-istruttura tal-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tinċentivax il-parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-inadempjenza tal-membri tal-ikklirjar u tal-klijenti tagħhom bl-użu ta’ għodod ta’ rkupru u mir-riżorsi li għandhom jiġu pprovduti lis-CCP f’irkupru, inklużi penali fil-każ ta’ nuqqas li jiġu pprovduti, fejn ikun hemm qbil, riżorsi impenjati, inkluż il-forniment ta’ persunal issekondat biex jassisti fil-ġestjoni tal-irkupru jew biex jinvolvi ruħu f’offerti kompetittivi f’irkant;

(d)

jekk l-arranġamenti u l-miżuri għall-irkantijiet tal-pożizzjonijiet tal-membri inadempjenti jinċentivawx biżżejjed lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti biex joffru b’mod kompetittiv u humiex organizzati tajjeb u jekk dawk l-arranġamenti u l-miżuri joħolqux l-inċentivi previsti fil-pjan ta’ rkupru;

(e)

jekk ir-rabta bejn l-attività tal-membri tal-ikklirjar u t-telf potenzjali tagħhom li jirriżulta mill-pjan ta’ rkupru toħloqx inċentiv xieraq biex l-irkupru jirnexxi aktar probabbli, inkluż jekk it-telf jew limitu massimu fuq it-telf potenzjali humiex proporzjonati għal metrika fuq l-attività tal-membru, abbażi tal-marġni ta’ varjazzjoni, il-marġni inizjali, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza jew metrika oħra bbażata fuq ir-riskju u l-attività;

(f)

jekk il-mekkaniżmi tas-CCPs biex jinvolvu l-FMIs u l-partijiet ikkonċernati marbuta, li jġarrbu telf, iġarrbu kostijiet jew jikkontribwixxu biex ikopru n-nuqqasijiet ta’ likwidità f’każ li l-pjan ta’ rkupru jkun ġie implimentat, fil-proċess tat-tfassil tal-pjan ta’ rkupru u l-parteċipazzjoni f’diskussjonijiet rilevanti dwar il-ġestjoni tar-riskju, humiex organizzati tajjeb u joħolqu inċentivi xierqa biex jiżguraw il-bilanċ bejn l-interessi tal-FMIs marbuta u l-partijiet ikkonċernati;

(g)

jekk l-involviment tal-membri tal-ikklirjar, u possibbilment tal-klijenti, jew ta’ entitajiet oħra marbuta mas-CCP fil-forniment ta’ servizzi, biex tiġi indirizzata l-mitigazzjoni tat-telf fil-każ ta’ rkupru, jinkorporax l-inċentivi t-tajba biex is-CCP tiġi pprovduta b’servizzi xierqa, inkluż li taġixxi bħala kontroparti repo u tipprovdi likwidità.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/452

tal-24 ta’ Frar 2023

li jirreġistra indikazzjoni ġeografika ta’ xarba spirituża skont l-Artikolu 30, il-paragrafu 2, tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Grappa della Valle d’Aosta/Grappa de la Vallée d’Aoste”)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30, il-paragrafu 2 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 17, il-paragrafu 5 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni eżaminat it-talba tal-Italja tat-30 ta’ Awwissu 2018 li jiġi rreġistrat l-isem “Grappa della Valle d’Aosta/Grappa de la Vallée d’Aoste” bħala indikazzjoni ġeografika.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/787, li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 110/2008 daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2019. F’konformità mal-Artikolu 49, il-paragrafu 1, ta’ dak ir-Regolament, il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, tħassar b’effett mit-8 ta’ Ġunju 2019.

(3)

Wara li kkonkludiet li t-talba tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni ppubblikat l-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-formola ta’ informazzjoni teknika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) f’konformità mal-Artikolu 17, il-paragrafu 6 ta’ dak ir-Regolament, u f’konformità mal-Artikolu 50, il-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/787.

(4)

Lill-Kummissjoni ma ntbagħtitilha ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 27, il-paragrafu 1, tar-Regolament (UE) 2019/787.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-isem “Grappa della Valle d’Aosta/Grappa de la Vallée d’Aoste” jiġi rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-indikazzjoni ġeografika “Grappa della Valle d’Aosta/Grappa de la Vallée d’Aoste” hija rreġistrata. F’konformità mal-Artikolu 30, il-paragrafu 4, tar-Regolament (UE) 2019/787, dan ir-Regolament jagħti lill-indikazzjoni ġeografika l-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/787.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(3)  ĠU C 429, 11.11.2022, p. 29.


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/453

tat-2 ta’ Marzu 2023

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, ikkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

F’Jannar 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar inossidabbli (“SSTPF” jew “fittings”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) u mit-Tajwan bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/141 (2), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/659 (3). Id-dazji anti-dumping fis-seħħ ivarjaw bejn 30,7 % u 64,9 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, u bejn 5,1 % u 12,1 % għall-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajwan. L-investigazzjoni li wasslet għal dawn id-dazji bdiet f’Ottubru 2015 (“l-investigazzjoni oriġinali”) (4).

(2)

F’Jannar 2022, il-Kummissjoni bdiet rieżami ta’ skadenza tal-miżuri eżistenti f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku billi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5). Dan ir-rieżami għadu għaddej.

1.2.   Talba

(3)

Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku sabiex tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ SSTPF li joriġina miċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ SSTPF ikkonsenjat mill-Malażja, sew jekk kienx iddikjarat li joriġina mill-Malażja jew le, u sabiex tagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (“it-talba”).

(4)

It-talba tressqet fil-25 ta’ April 2022 mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija ta’ Tagħmir tal-Azzar Inossidabbli wweldjati tarf ma’ tarf tal-Unjoni Ewropea (“l-applikant”).

(5)

It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Malażja lejn l-Unjoni li kienu seħħu wara li ġew imposti l-miżuri fuq l-SSTPF li joriġinaw miċ-Ċina.

(6)

Barra minn hekk, it-talba kien fiha evidenza li turi li huwa improbabbli li din il-bidla tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Tabilħaqq, l-applikant afferma li l-produzzjoni ġenwina tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fil-Malażja kienet limitata għal żewġ produtturi biss li l-esportazzjonijiet ikkombinati tagħhom lejn l-Unjoni kienu konsistentement ferm aktar baxxi mill-volumi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat esportat mill-Malażja lejn l-Unjoni mill-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat. Skont l-evidenza pprovduta mill-applikant, il-bidla dehret li tirriżulta mit-trażbord tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ via l-Malażja lejn l-Unjoni. L-applikant issottometta evidenza li tpoġġi f’dubju l-eżistenza ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni reali ta’ kumpaniji Ċiniżi fil-Malażja. Barra minn hekk, l-applikant ipprovda evidenza li l-produtturi Ċiniżi kienu qegħdin jipproponu b’mod miftuħ li jibdlu l-oriġini tal-prodott ikkonċernat minn Ċiniża għal Malażjana.

(7)

Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma kienet qiegħda timmina l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti f’termini ta’ kwantitajiet u l-prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, kien hemm biżżejjed evidenza li tali importazzjonijiet ta’ SSTPF saru bi prezzijiet dannużi.

(8)

Fl-aħħar nett, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li l-SSTPF ikkonsenjat mill-Malażja kien esportat bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-SSTPF li joriġina miċ-Ċina.

1.3.   Prodott ikkonċernat u prodott taħt investigazzjoni

(9)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet, ta’ gradi ta’ azzar li inossidabbli awtenitiku, li jikkorrispondi għat-tipi AISI 304, 304L, 316, 316L, 316Ti, 321 u 321H u l-ekwivalenti tagħhom fin-normi l-oħrajn, b’dijametru estern massimu li ma jaqbiżx l-406,4 mm u ħxuna tal-ħitan ta’ 16 mm jew anqas, bi ħruxija medja (Ra) tal-wiċċ intern ta’ mhux anqas minn 0,8 mikrometri, mhux ifformati bħala flanġijiet, imlestija jew le, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141 taħt il-kodiċijiet NM ex 7307 23 10 u ex 7307 23 90 (il-kodiċijiet TARIC 7307231015, 7307231025, 7307239015, 7307239025) u li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li l-miżuri fis-seħħ bħalissa japplikaw għalih.

(10)

Il-prodott li qiegħed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk iddikjarat bħala li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le, li attwalment jaqa’ taħt l-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat (il-kodiċijiet TARIC 7307231035, 7307231040, 7307239035, 7307239040) (“il-prodott li qiegħed jiġi investigat”).

(11)

L-investigazzjoni wriet li l-SSTPF esportat miċ-Ċina lejn l-Unjoni u l-SSTPF ikkonsenjat mill-Malażja, sew jekk joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le, għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi, u għaldaqstant jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

(12)

Pantech Steel Industries Sdn.Bhd (“PSI”), waħda mill-kumpaniji tal-Grupp ta’ Pantech, ikkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li wieħed mit-tipi ta’ prodotti tagħha — bends twal bi frekwenza għolja — ma jiġix inkluż fid-definizzjoni tal-prodott oriġinali. Wara analiżi tad-deskrizzjoni pprovduta tal-prodott u konsultazzjoni mal-applikant, il-Kummissjoni kkonfermat li l-bends twal bi frekwenza għolja ma kinux inklużi fid-definizzjoni tal-prodott oriġinali.

(13)

Paul Meijering Metalen B.V. (PMM B.V.), importatur tal-Unjoni, ma qabilx mal-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni. Huwa ppreżenta kummenti dwar dan ir-rigward kif ukoll dwar il-bidu u talab seduta ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni. Is-seduta ta’ smigħ saret fis-7 ta’ Lulju 2022. Fis-seduta ta’ smigħ, il-Kummissjoni spjegat li l-għan ta’ din l-investigazzjoni kien li tiddetermina jekk hemmx ċirkomvenzjoni mill-Malażja. Ma kien hemm l-ebda bażi ġuridika sabiex jiġi rivedut l-ambitu tal-miżuri fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. L-ambitu tal-prodott ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali li wriet li l-fittings kollha fid-definizzjoni tal-prodott huma prodotti simili.

1.4.   Bidu

(14)

Billi wara li informat lill-Istati Membri, iddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni u għamlet l-importazzjonijiet ta’ SSTPF ikkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le, soġġett għal reġistrazzjoni, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/894 (6) (“ir-Regolament tal-bidu”) fit-8 ta’ Ġunju 2022.

(15)

Ir-Regolament tal-bidu ddikjara li, jekk il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr dawk imsemmija fil-premessa (7) tiegħu, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

1.5.   Kummenti dwar il-bidu

(16)

PMM B.V. irrimarka li kien hemm diskrepanza bejn l-esportazzjonijiet mill-Malażja lejn l-Unjoni għas-sena 2017, u l-importazzjonijiet korrispondenti lejn l-Unjoni mill-Malażja fit-talba. Ma qabilx ukoll mal-allegazzjoni tal-applikant li l-unika spjegazzjoni għad-differenza bejn l-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn il-Malażja u l-esportazzjonijiet mill-Malażja lejn l-Unjoni kienet it-trażbord. Fl-aħħar nett, huwa indika n-nuqqas ta’ referenzi fit-talba.

(17)

Fis-seduta ta’ smigħ imsemmija fil-premessa (13), il-Kummissjoni spjegat li wettqet l-eżami tagħha tat-talba f’konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u waslet għall-konklużjoni li r-rekwiżiti għall-bidu ta’ investigazzjoni ġew issodisfati, jiġifieri li kien hemm biżżejjed evidenza sabiex tinbeda l-investigazzjoni. Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, talba għandu jkun fiha tali informazzjoni li b’mod raġonevoli hija disponibbli għall-applikant. L-istandard legali ta’ evidenza meħtieġ għall-fini tal-bidu ta’ investigazzjoni (evidenza “suffiċjenti”) huwa differenti minn dak li huwa meħtieġ għall-fini tad-determinazzjoni finali tal-eżistenza ta’ ċirkomvenzjoni.

(18)

Id-differenza fl-istatistika għall-2017, jew l-allegazzjonijiet ta’ trażbord ibbażati fuq id-differenza fl-istatistika bejn ir-RPĊ u l-Malażja, ma biddlitx il-fatt li t-talba wriet bidla ċara fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, il-Malażja u l-Unjoni. L-applikant ipprovda wkoll evidenza tal-prattiki tat-trażbord.

(19)

Madankollu, il-Kummissjoni spjegat li l-għan tal-investigazzjoni huwa li tiskopri jekk il-bidla fix-xejra tal-kummerċ, inkluż dik bejn iċ-Ċina u l-Malażja, hijiex dovuta għal prattiki li jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, u mhux limitata għat-trażbord.

(20)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza dwar il-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(3).

1.6.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu ta’ rapportar

(21)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Inġabret data sabiex il-perjodu ta’ investigazzjoni jinvestiga, fost l-oħrajn, l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ rapportar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qegħdin jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza tad-dumping.

1.7.   Investigazzjoni

(22)

Il-Kummissjoni informat uffiċjalment lill-awtoritajiet taċ-Ċina u tal-Malażja, lill-produtturi esportaturi magħrufa f’dawk il-pajjiżi, lill-industrija tal-Unjoni u lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(23)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tal-Malażja għall-Unjoni Ewropea tipprovdilha l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi esportaturi u/jew tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jistgħu jkunu interessati jikkooperaw fl-investigazzjoni flimkien mal-produtturi esportaturi Malażjani, li kienu ġew identifikati fit-talba mill-applikant. Il-missjoni tal-Malażja pprovdiet lista lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-kumpaniji kollha fil-bidu.

(24)

Formoli ta’ talba għal eżenzjoni għall-produtturi/esportaturi fil-Malażja, kwestjonarji għall-produtturi/esportaturi fiċ-Ċina, u għall-importaturi fl-Unjoni kienu saru disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ TRADE.

(25)

Erba’ produtturi esportaturi Malażjani ppreżentaw formoli ta’ talba għal eżenzjoni. Dawn kienu:

MAC Pipping Materials Sdn. Bhd (“MAC”)

Pantech Stainless u Alloy Industries Sdn. Bhd (“Pantech”)

SP United Industry Sdn. Bhd (“SPI”)

TP Inox Sdn. Bhd (“TP”)

(26)

Barra minn hekk, erba’ kumpaniji Malażjani, relatati ma’ Pantech jew ma’ SPI, issottomettew tweġibiet għall-kwestjonarju.

(27)

Barra minn hekk, it-tweġibiet għall-kwestjonarju ġew sottomessi minn sitt importaturi tal-Unjoni. Waħda minn dawk il-kumpaniji ma importatx l-SSTPF mill-Malażja u għalhekk it-tweġiba tagħha ma ġietx analizzata aktar. Il-Kummissjoni użat it-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-importaturi sabiex tivverifika l-flussi kummerċjali u l-ismijiet tal-fornituri mill-Malażja.

(28)

Fil-proċess tal-verifika tal-informazzjoni u tal-istatistika pprovduti mill-applikant u mill-kumpaniji Malażjani li kkooperaw, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjonijiet fuq il-post mal-awtoritajiet Malażjani, jiġifieri mal-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija, ma’ Royal Customs, mal-Ministeru għall-Finanzi u mar-rappreżentanti taż-żoni ta’ Kummerċ Ħieles ta’ Klang u Penang.

(29)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi esportaturi fil-Malażja

MAC Pipping Materials Sdn. Bhd, Klang, il-Malażja

Pantech Stainless u Alloy Industries Sdn. Bhd, Jahor, il-Malażja

SP United Industry Sdn. Bhd, Nilai, il-Malażja

TP Inox Sdn. Bhd, Pulau Pinang, il-Malażja

 

Negozjanti, importaturi u fornituri ta’ materja prima relatati mal-produtturi esportaturi fil-Malażja

Kanzen Tetsu Sdn. Bhd, Klang, il-Malażja

Kentzu Steel Sdn. Bhd., Kuala Lumpur, il-Malażja

Pantech Corporation Sdn. Bhd, Jahor, il-Malażja

Pantech Galvanizing Sdn. Bhd, Jahor, il-Malażja

(30)

Il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Negozjanti domestiċi relatati ma’ produtturi fil-Malażja

Pantech (Kuantan) Sdn. Bhd, Kuantan, il-Malażja

Panaflo Controls Pte. Ltd, Singapore

(31)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu ta’ żmien stipulat fir-Regolament tal-bidu. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ sottomissjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(32)

Fis-7 ta’ Lulju 2022 saret seduta ta’ smigħ mal-importatur tal-Unjoni PMM B.V., kif spjegat fil-premessi (13) u (16) sa (19). Wara l-iżvelar, saru seduti ta’ smigħ ma’ MAC u ma’ PMM B.V. fit-8 u fit-12 ta’ Diċembru 2022 rispettivament.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(33)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu analizzati l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli:

jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ/il-Malażja u l-Unjoni,

jekk din il-bidla rriżultatx minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ,

jekk hemmx evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ kinux qegħdin jiġu mminati f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, u

jekk hemmx evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott ikkonċernat.

(34)

It-talba allegat trażbord tal-prodott ikkonċernat mill-Malażja lejn l-Unjoni (ara l-premessa (6)).

(35)

Fir-rigward tat-trażbord, l-investigazzjoni ma sabet l-ebda evidenza li xi wieħed mill-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw, li kienu jirrappreżentaw l-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni fil-PR (ara l-premessa (39) hawn taħt), kien involut f’tali prattiki. Il-Kummissjoni qabblet id-data rrapportata mill-erba’ kumpaniji li kkooperaw mal-istatistika, li wriet li dawn kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tal-esportazzjonijiet tal-SSTPF lejn l-Unjoni għall-biċċa l-kbira tal-perjodu ta’ investigazzjoni u t-totalità ta’ dawk l-esportazzjonijiet fil-perjodu ta’ rapportar. L-investigazzjoni stabbiliet li l-ebda waħda mill-erba’ kumpaniji ma kienet involuta fit-trażbord. Ix-xiri tagħhom ta’ SSTPF mir-RPĊ kien minimu u nbiegħ domestikament fil-Malażja. Għalhekk, din l-allegazzjoni ma setgħetx tiġi kkonfermata minn din l-investigazzjoni.

(36)

Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (5), it-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Malażja lejn l-Unjoni li kienet seħħet wara li ġew imposti l-miżuri fuq l-SSTPF li joriġina miċ-Ċina. B’mod konkret, it-talba pprovdiet evidenza, abbażi tal-istatistika uffiċjali, ta’ żieda fl-importazzjonijiet tal-SSTPF mill-Malażja fl-Unjoni u żieda parallela fl-importazzjonijiet tal-SSTPF miċ-Ċina lejn il-Malażja (7), li jikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, kif innotat fil-premessa (6), it-talba pprovdiet evidenza li turi li, abbażi ta’ dak li huwa magħruf dwar il-produzzjoni ġenwina fil-Malażja, huwa improbabbli li din il-bidla tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Skont it-talba, il-bidla kienet tirriżulta mit-trażbord, u din l-allegazzjoni kienet appoġġata minn evidenza suffiċjenti, b’mod konkret offerti minn kumpaniji Malażjani li pproponew b’mod miftuħ li jipprovdu l-SSTPF Ċiniż filwaqt li jibdlu l-oriġini sabiex jevitaw id-dazji anti-dumping (8). Filwaqt li, kif ġie nnotat fil-premessa (35), l-investigazzjoni ma sabet l-ebda evidenza li l-kumpaniji Malażjani fil-fatt aġixxew fuq l-allegata proposta sabiex jerġgħu jbigħu l-SSTPF Ċiniżi, din ikkonfermat li seħħet bidla fix-xejra tal-kummerċ. Fid-dawl tal-evidenza, b’mod partikolari l-kapaċità ta’ produzzjoni ġenwina magħrufa fil-Malażja, kien improbabbli li tali bidla seħħet minħabba prattika, proċess jew ħidma li għaliha hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni.

(37)

L-investigazzjoni kienet tikkonċerna l-prattiki kollha koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku (ara l-premessa (15)), u għalhekk il-Kummissjoni analizzat ukoll l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tal-kumpaniji inkwistjoni abbażi tal-użu ta’ materja prima jew prodotti nofshom lesti Ċiniżi.

(38)

Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, il-Kummissjoni analizzat speċifikament jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati, b’mod partikolari:

jekk l-operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni bdietx jew żdiditx sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabilha, u jekk il-partijiet ikkonċernati humiex mill-pajjiż soġġett għal miżuri, u

jekk il-partijiet jikkostitwixxux 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u jekk il-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kienx aktar baxx minn 25 % tal-kostijiet tal-manifattura.

2.2.   Kooperazzjoni

(39)

Kif iddikjarat fil-premessa (25), erba’ produtturi esportaturi fil-Malażja talbu li jiġu eżentati mill-miżuri, jekk jiġu estiżi għall-Malażja. Huma kkooperaw matul il-proċediment kollu billi ppreżentaw formoli ta’ talba għal eżenzjoni, billi pprovdew tweġibiet għal ittri ta’ defiċjenza u billi qablu għal verifiki fuq il-post. Il-livell ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Malażjani kien għoli, peress li l-volumi tal-esportazzjoni rrapportati aggregati tagħhom tal-SSTPF lejn l-Unjoni fil-formoli ta’ talba għal eżenzjoni sottomessi tagħhom kienu jammontaw għall-volumi tal-importazzjoni totali Malażjani matul il-perjodu ta’ rapportar, kif irrapportat fl-istatistika tal-importazzjoni tal-EUROSTAT.

2.3.   Tibdil fix-xejra tal-kummerċ

2.3.1.   Importazzjonijiet tal-SSTPF fl-Unjoni

(40)

It-Tabella 1 turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-SSTPF miċ-Ċina u mill-Malażja fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

Tabella 1

Importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ SSTPF fil-perjodu ta’ investigazzjoni (tunnellati)

 

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

PR

Iċ-Ċina

3 018

3 121

1 412

1 008

523

693

708

719

Indiċi (bażi=2014)

100

103

47

33

17

23

23

24

Il-Malażja

297

314

382

502

1 120

1 414

1 290

1 626

Indiċi (bażi=2014)

100

106

129

169

377

476

434

547

Sors:

2014 u 2015: investigazzjoni oriġinali (mingħajr ir-Renju Unit).

2016: Il-Eurostat (l-importazzjonijiet fil-livell NM ġew aġġustati għal-livell TARIC abbażi tad-data tal-2017).

2017 sa PR: Il-Eurostat (livell TARIC).

(41)

Il-volum totali tal-importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ SSTPF mill-Malażja żdied b’aktar minn ħames darbiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni, minn 297 tunnellata fl-2014 għal 1 626 tunnellata fil-PR.

(42)

Fl-istess żmien, l-importazzjonijiet tal-Unjoni miċ-Ċina naqsu b’76 %, minn 3 018-il tunnellata fl-2014 għal 719-il tunnellata fil-PR.

(43)

Peress li l-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza ta’ trażbord mill-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw, il-volumi tal-importazzjoni Malażjani ta’ prodott li qiegħed jiġi investigat miċ-Ċina ma ġewx analizzati.

2.3.2.   Importazzjonijiet Malażjani ta’ partijiet (materja prima u prodotti nofshom lesti) miċ-Ċina

(44)

Il-materjali ta’ input ewlenin għall-produzzjoni tal-SSTPF huma pajpijiet u tubi wweldjati u pajpijiet u tubi mingħajr weldjatura. Dawn il-materjali tal-input imbagħad jiġu pproċessati aktar sabiex jipproduċu fittings iwweldjati u mingħajr weldjatura kif xieraq. Barra minn hekk, fittings mingħajr weldjatura fil-forma ta’ tappijiet jiġu prodotti mill-pjanċi. Barra minn hekk, waħda mill-kumpaniji li kkooperaw kienet ukoll qiegħda tuża pjanċi baffle għall-produzzjoni ta’ fittings iwweldjati ta’ dijametri kbar. Fl-aħħar nett, waħda mill-kumpaniji li kkooperaw kienet qiegħda timporta wkoll, matul parti tal-PI, prodotti nofshom lesti (konnetturi tal-pajpijiet) għal aktar ipproċessar.

(45)

It-Tabella 2 turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet Malażjani tal-partijiet użati għall-manifattura tal-SSTPF miċ-Ċina, abbażi tad-data vverifikata tal-kumpaniji li kkooperaw. Il-Kummissjoni qabblet dawn iċ-ċifri mal-istatistika tal-importazzjoni Malażjana li nkisbet mill-awtoritajiet Malażjani u dawk disponibbli fil-bażi tad-data tal-Atlas tal-Kummerċ Globali (GTA) (9). Madankollu, iċ-ċifri rrapportati mill-kumpaniji nstabu aktar affidabbli fix-xejra tal-analiżi tal-kummerċ mill-istatistika tal-importazzjoni. Il-materja prima inkwistjoni tista’ tiġi importata fil-Malażja taħt diversi kodiċijiet doganali b’10 ċifri u tista’ tintuża wkoll f’setturi downstream għajr il-manifattura tal-SSTPF. Fil-livell tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, u minħabba l-kooperazzjoni għolja, il-Kummissjoni tista’ tittraċċa l-użu finali tal-partijiet u jekk dawn intużawx għall-esportazzjoni sussegwenti tal-SSTPF lejn l-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża fuq l-informazzjoni vverifikata pprovduta mill-kumpaniji li kkooperaw.

Tabella 2

Importazzjonijiet fil-Malażja ta’ materja prima miċ-Ċina fil-perjodu ta’ investigazzjoni (tunnellati)  (10)

 

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

PR

Iċ-Ċina

[200 – 300 ]

[300 – 400 ]

[580 – 660 ]

[280 – 360 ]

[800 – 900 ]

[1 500 – 1 600 ]

[1 950 – 2 050 ]

[2 400 – 2 500 ]

Indiċi (bażi=2014)

100

134

241

120

336

625

801

977

Sors: Data vverifikata tal-kumpaniji.

(46)

Iċ-ċifri fit-Tabella 2 jippreżentaw volumi aggregati ta’ importazzjonijiet ta’ dik il-materja prima/prodotti nofshom lesti kollha importati miċ-Ċina mill-produtturi Malażjani li kkooperaw, li jkopru 100 % tal-esportazzjonijiet Malażjani tal-SSTPF lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ rapportar.

(47)

It-Tabella 2 turi li l-importazzjonijiet Malażjani ta’ materja prima/prodotti nofshom lesti miċ-Ċina żdiedu sostanzjalment matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kważi 10 darbiet. Din iż-żieda kienet viżibbli b’mod speċjali fil-perjodu bejn l-2018 u l-PR.

(48)

Iż-żieda sinifikanti fil-volumi ta’ importazzjonijiet ta’ materja prima miċ-Ċina lejn il-Malażja, indikat żieda fid-domanda għal tali materjali ta’ input fil-Malażja, li tista’, tal-anqas parzjalment, tiġi spjegata miż-żieda fil-produzzjoni u fl-esportazzjonijiet tal-SSTPF mill-Malażja lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

2.3.3.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(49)

Iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-SSTPF mill-Malażja lejn l-Unjoni, flimkien maż-żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ partijiet lejn il-Malażja matul l-istess perjodu, jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina, il-Malażja u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping.

(50)

Wara l-iżvelar, PMM B.V. indika li f’Jannar 2017 ġew imposti miżuri anti-dumping kontra SSTPF li joriġinaw miċ-Ċina filwaqt li l-importazzjonijiet fl-UE mill-Malażja kienu diġà qed jiżdiedu bejn l-2014 u l-2017.

(51)

Il-kumpanija osservat ukoll li ż-żieda fl-importazzjonijiet Malażjani tal-inputs miċ-Ċina fil-PI kienet ħafna ogħla miż-żieda tal-esportazzjonijiet Malażjani ta’ fittings lejn l-Unjoni. Skont il-PMM B.V. dan ifisser li l-produtturi Malażjani sempliċement żiedu l-produzzjoni tal-SSTPF, iżda mhux bilfors kellhom is-suq tal-Unjoni fil-mira tagħhom.

(52)

Madankollu, ta’ min jinnota li l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali nbdiet f’Ottubru 2015. Billi l-bidu tal-proċediment anti-dumping jista’ fih innifsu jkollu effett fuq l-imġiba tal-operaturi ekonomiċi, u sabiex ikollha stampa sħiħa u sabiex tqabbel sew il-flussi tal-kummerċ qabel il-bidu tal-investigazzjoni ma’ dawk wara dan u wara l-impożizzjoni tad-dazju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-PI tal-investigazzjoni ta’ ċirkomvenzjoni attwali mill-1 ta’ Jannar 2014. Tabilħaqq, żieda fl-importazzjonijiet mill-Malażja kienet diġà viżibbli bejn l-2014 u l-2017. Madankollu, iż-żieda fil-volum ta’ dawk l-importazzjonijiet aċċellerat bejn l-2017 u l-PR, jiġifieri wara l-impożizzjoni tad-dazju kif previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(53)

Eżattament l-istess mudell jista’ jiġi osservat fl-importazzjonijiet tal-Malażja ta’ materja prima miċ-Ċina. Il-fatt li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-pajpijiet tal-azzar inossidabbli Ċiniżi fil-Malażja ma taqbilx “wieħed-wieħed” maż-żieda fl-esportazzjonijiet Malażjani tal-SSTPF lejn l-Unjoni, ma jbiddilx is-sejba li dawn tal-aħħar żdiedu aktar minn ħames darbiet fl-IP, li, flimkien maż-żieda ta’ kważi għaxar darbiet fl-importazzjonijiet ta’ inputs mir-RPĊ fil-Malażja, jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, peress li l-pajpijiet importati miċ-Ċina ma humiex użati biss għall-produzzjoni ta’ fittings, ma kien hemm l-ebda taqbila “wieħed-wieħed”.

(54)

Wara l-iżvelar, MAC sostniet ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza jew milli tikkwalifika l-bidla fix-xejra tal-kummerċ. Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-importazzjonijiet ta’ materja prima mir-RPĊ lejn il-Malażja żdiedu bi kważi 10 darbiet, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ SSTPF mill-Malażja żdiedu biss aktar minn ħames darbiet, jimplika li neċessarjament, madwar nofs biss tal-materja prima importata fil-Malażja miċ-Ċina spiċċat f’SSTPF esportat lejn l-Unjoni. MAC sostniet ukoll li peress li ż-żewġ esportaturi li kkooperaw li diġà nstabu li huma produtturi Malażjani ġenwini importaw biss persentaġġ żgħir ħafna tal-materja prima tagħhom miċ-Ċina iżda żiedu wkoll l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tad-dazju SSTPF, u minħabba li d-data tal-bejgħ ivverifikata ta’ MAC ikkonfermat li kważi 50 % skont il-piż tal-bejgħ tal-SSTPF ta’ MAC marru lejn swieq oħra minbarra l-Unjoni, il-piż tas-sejba tal-“bidla fix-xejra tal-kummerċ” tal-Kummissjoni tidher li taqa’ prinċipalment fuq TP u fi kwalunkwe każ is-sejba hija mhux raġunata adegwatament jew ibbażata fuq evidenza konsistenti.

(55)

L-asserzjoni ġiet miċħuda. L-ewwel, fil-livell tal-pajjiż kollu, abbażi ta’ statistika uffiċjali u data vverifikata mill-kumpaniji li kkooperaw, l-investigazzjoni stabbiliet li, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ SSTPF mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqsu b’mod sinifikanti, kien hemm żidiet sinifikanti fiż-żewġ importazzjonijiet ta’ inputs mir-RPĊ għall-Malażja u importazzjonijiet tal-Unjoni ta’ SSTPF mill-Malażja fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Evidenza bħal din turi biċ-ċar li d-domanda dejjem tiżdied għal tali materjali ta’ input fil-Malażja tista’, għallinqas parzjalment, tiġi spjegata biż-żieda fil-produzzjoni u fl-esportazzjonijiet ta’ SSTPF mill-Malażja lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (ara l-premessa (48)). It-tieni, anki wara l-argument ta’ MAC li madwar nofs biss tal-materja prima importata fil-Malażja miċ-Ċina spiċċat f’SSTPF esportat lejn l-Unjoni, xorta jkun hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. It-tielet, minbarra li analizzat il-bidla fix-xejra tal-kummerċ fil-livell tal-pajjiż kollu, il-Kummissjoni analizzatha wkoll fil-livell ta’ MAC u t-TP biss, abbażi tad-data tagħhom stess kif ivverifikata, u hemm ukoll żidiet sinifikanti, paralleli (ara t-tabella 3 hawn taħt). Il-biċċa l-kbira taż-żewġ żidiet jaqgħu prinċipalment fuq MAC, peress li TP bdiet topera biss fit-tieni nofs tal-2020 (ara l-premessa (89)). Barra minn hekk, ħafna mill-esportazzjonijiet ta’ MAC lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni saru minn partijiet importati mir-RPĊ, peress li l-kumpanija importat kważi 100 % tal-materja prima tagħha miċ-Ċina (ara l-premessa (58)). Għalhekk, fil-livell tal-pajjiż kollu, l-investigazzjoni wriet bidla ċara fix-xejra tal-kummerċ. Barra minn hekk, l-investigazzjoni fil-livell tal-kumpanija, abbażi ta’ data vverifikata mill-kumpanija, sabet li MAC kienet waħda mill-kontributuri ewlenin għal dik il-bidla. MAC ma offriet l-ebda analiżi, raġunament jew kwalifika differenti, u lanqas ma ssuġġeriet liema evidenza oħra kellha tuża l-Kummissjoni.

2.4.   Prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti, għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping

(56)

Il-Kummissjoni l-ewwel analizzat jekk l-operazzjonijiet tal-kumpaniji li kkooperaw bdewx jew żdidux sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabilha, u jekk il-partijiet ikkonċernati kinux ġejjin mill-pajjiż soġġett għal miżuri.

(57)

Il-kumpaniji li kkooperaw importaw materja prima u partijiet miċ-Ċina fil-PI u b’hekk possibbilment wettqu operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni fil-Malażja, qabel ma bagħtu l-SSTPF lejn l-Unjoni.

(58)

MAC u TP bdew l-operazzjonijiet tagħhom wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq iċ-Ċina f’Jannar 2017 (fl-2018 u fl-2020 rispettivament). Huma importaw kważi 100 % tal-materja prima tagħhom miċ-Ċina (11).

(59)

Barra minn hekk, il-bejgħ taż-żewġ kumpaniji tal-SSTPF lejn l-Unjoni u l-importazzjonijiet tal-materja prima miċ-Ċina żdiedu b’mod sinifikanti mill-mument tal-istabbiliment tal-kumpaniji, bl-ogħla livell fil-PR.

(60)

It-Tabella 3 turi x-xejriet abbażi taċ-ċifri aggregati għaż-żewġ kumpaniji fir-rigward tal-esportazzjonijiet tagħhom tal-SSTPF lejn l-Unjoni u l-importazzjonijiet tagħhom ta’ materja prima/prodotti nofshom lesti miċ-Ċina fil-perjodu bejn l-2018 u l-PR (12).

Tabella 3

Indikaturi tal-esportazzjoni u tal-importazzjoni ta’ MAC u TP (sena 2018=100)

 

2018

2019

2020

PR

Esportazzjonijiet ta’ SSTPF lejn l-UE

100

527

654

813

Importazzjonijiet ta’ RM miċ-Ċina

100

366

440

608

Sors: data ta’ kumpaniji verifikati.

(61)

Is-sitwazzjoni taż-żewġ kumpaniji l-oħrajn (Pantech u SPI) kienet kompletament differenti. Iż-żewġ kumpaniji kienu produtturi tal-SSTPF anke qabel l-2014. L-applikanti fit-talba tagħhom identifikaw iż-żewġ kumpaniji bħala produtturi ġenwini (13). L-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni żdiedu wara l-impożizzjoni tal-miżuri, iżda l-investigazzjoni kkonfermat li kienu produtturi ġenwini (ara t-Taqsima 2.5 hawn taħt dwar it-test tal-valur tal-partijiet). Matul il-PI, miċ-Ċina ġew importati biss pajpijiet mingħajr weldjatura, li kienu jikkostitwixxu perċentwal żgħir tal-materja prima/partijiet tagħhom, u sussegwentement intużaw għall-produzzjoni tal-SSTPF esportat lejn l-Unjoni.

(62)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi rabta bejn il-prattika, il-proċess jew il-ħidma inkwistjoni u l-bidla fix-xejra tal-kummerċ, peress li din tal-aħħar trid“tirriżulta” minn tal-ewwel. Għalhekk hija l-prattika, il-proċess jew il-ħidma li twassal għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ, li jeħtieġ li jkollha raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, sabiex ma titqiesx bħala ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(63)

Minkejja li seta’ kien hemm raġunijiet oħrajn sabiex tiġi stabbilita l-kumpanija fil-Malażja minbarra l-miżuri fis-seħħ, jiġifieri sabiex tissupplixxi s-suq domestiku Malażjan, hemm elementi oħrajn li, sa fejn huma kkonċernati MAC u TP, jindikaw bis-sħiħ bidla fix-xejra tal-kummerċ b’rabta mal-impożizzjoni tad-dazji:

il-kumpaniji ġew stabbiliti wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali;

l-operazzjoni żdiedet sostanzjalment billi ż-żewġ kumpaniji rrappreżentaw 8 % tal-esportazzjonijiet Malażjani tal-SSTPF lejn l-Unjoni fl-2018 u 47 % ta’ dawn l-esportazzjonijiet fil-PR;

il-bejgħ tagħhom lejn l-Unjoni kien ogħla mill-bejgħ domestiku u minn pajjiżi terzi kkombinat tagħhom, li juri li dawn kienu mmirati b’mod ċar lejn is-suq tal-Unjoni. Waħda minn dawn il-kumpaniji kienet qiegħda tbigħ biss lill-Unjoni.

(64)

Barra minn hekk, TP hija sussidjarja kompletament proprjetà tal-kumpanija Ċiniża Sinotube, li min-naħa tagħha hija parti mill-Grupp Tsingshan, ġgant tal-azzar Ċiniż li jipproduċi varjetà wiesgħa ta’ prodotti tal-azzar, inkluż l-SSTPF.

(65)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ MAC u TP fiż-żewġ siti ta’ produzzjoni (14) fil-Malażja. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ kienet riżultat tal-fatt li l-operazzjoni bdiet u mbagħad żdiedet sostanzjalment wara li ġew imposti l-miżuri oriġinali.

(66)

Wara l-iżvelar, MAC sostniet li kien hemm raġuni xierqa u ġustifikazzjoni ekonomika biżżejjed għall-istabbiliment tagħha tard fl-2017 u għat-tkabbir tal-operazzjonijiet ta’ produzzjoni u għall-esportazzjonijiet internazzjonali tagħha fis-snin ta’ wara.

(67)

B’mod konkret, MAC sostniet li r-raġuni għall-istabbiliment tal-kumpanija hija essenzjalment opportunità ta’ negozju li ma kellha xejn x’taqsam mal-impożizzjoni tad-dazji fl-investigazzjoni oriġinali. Hija ħadet f’idejha n-negozju ta’ produttur ġenwin (KT Fittings) u qalbet il-fokus tal-operat tagħha għall-produzzjoni minn pajpijiet mingħajr weldjatura miċ-Ċina. Skont is-sottomissjoni tagħha, MAC ħadet f’idejha dak in-negozju biex twettaq il-livell ta’ pproċessar suffiċjenti biex tikkwalifika għall-oriġini Malażjana skont ir-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali tal-Unjoni. Peress li KT Fittings ma kinitx soġġetta għal dazji anti-dumping, billi ħadet f’idejha l-makkinarju, is-sit ta’ produzzjoni u l-lista tal-klijenti tal-predeċessur tagħha, il-maniġment il-ġdid allegatament kellu raġunijiet iġġustifikati biex jemmen li l-bejgħ futur ta’ MAC ikun ħieles minn kwalunkwe “dazju tal-UE fuq l-SSTPF”. Il-bidla mill-produzzjoni minn pajpijiet iwweldjati għal pajpijiet mingħajr weldjatura kienet allegatament dovuta għall-fatt li dan is-suq kien iddominat minn żewġ produtturi Malażjani oħrajn integrati vertikalment (Pantech u SPI). Fil-fehma ta’ MAC, dan kollu kien jikkostitwixxi kawża dovuta u ġustifikazzjoni ekonomika skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, u l-fatt li MAC ġiet stabbilita fl-2017, wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, kien koinċidenza.

(68)

Barra minn hekk, MAC argumentat li l-iżvelar ma qajjem l-ebda dubju dwar il-kapaċità sħiħa ta’ produzzjoni ta’ MAC u l-produzzjoni reali ta’ fittings mix-xiri verifikat tagħha ta’ materja prima meħtieġa minn kwalunkwe produttur ġenwin ta’ SSTPF. Kemm fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni ta’ MAC kif ukoll fir-rigward ta-produzzjoni reali tal-linja sħiħa mill-materja prima, ma kien hemm l-ebda differenza bl-istabbiliment ta’ Pantech u SPI.

(69)

MAC sostniet ukoll li ma kien hemm l-ebda xebh fattwali bejn MAC u TP, u li d-dikjarazzjoni fir-rigward ta’ MAC li timmira s-suq tal-Unjoni kienet fattwalment ineżatta. It-52 % skont il-piż (jew 54 % skont il-valur) taċ-ċifra tal-bejgħ ta’ MAC għall-Unjoni ma setgħetx titqies bħala “mira” tas-suq tal-Unjoni.

(70)

Barra minn hekk, PMM B.V. fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar enfasizza l-fatt li MAC hija “kontinwazzjoni” tal-kumpanija KT Fittings u bħala tali hija “produttur ġenwin li kien jipproduċi fittings ħafna qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni”. Kumment identiku ġie sottomess minn Dacapo Stainless B.V. (“DS B.V.”), importatur ieħor tal-Unjoni.

(71)

Fil-bidu, il-Kummissjoni fakkret li vverifikat fuq il-post, fost fatturi oħra, il-produzzjoni reali, il-kapaċità ta’ produzzjoni u x-xiri ta’ inputs ta’ MAC, u li l-fatti stabbiliti dwar dawk il-fatturi ma ġewx ikkontestati. Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni stabbiliet differenza bejn MAC u SPI u Pantech. Kif stabbilit fil-premessi (87), (98) u (99), 99,99 % tal-partijiet użati minn MAC fil-produzzjoni tagħhom tal-SSTPF kienu mir-RPĊ, filwaqt li għal Pantech u għal SPI, is-sehem kien inqas minn 10 % u 30 % rispettivament. Rigward ix-xebh fattwali bejn MAC u TP, l-investigazzjoni stabbiliet li ż-żewġ kumpaniji kienu involuti fi prattika simili fis-sens li t-tnejn li huma importaw il-biċċa l-kbira tal-inputs mir-RPĊ, żiedu valur limitat għalihom, u esportaw il-fittings li rriżultaw lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, is-sejbiet fir-rigward ta’ MAC huma bbażati fuq l-attivitajiet reali tagħha mhux fuq dak li MAC setgħet ipotetikament għamlet bil-makkinarju u bis-sit ta’ produzzjoni tagħha.

(72)

Kif iddikjarat fil-premessa (62), l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi rabta bejn il-prattika, il-proċess jew ix-xogħol inkwistjoni u l-bidla fix-xejra tal-kummerċ peress li din tal-aħħar trid “tirriżulta” minn tal-ewwel. Għalhekk hija l-prattika, il-proċess jew il-ħidma li twassal għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ, li jeħtieġ li jkollha raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, sabiex ma titqiesx bħala ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(73)

Jista’ jkun hemm raġunijiet leġittimi, bħad-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol imħarrġa u assi, għall-istabbiliment ta’ kumpanija. Madankollu, l-importanti ma huwiex biss l-istabbiliment tagħha iżda l-mod kif topera l-kumpanija inkwistjoni. Fi kliem ieħor, jekk l-attività tal-kumpanija — il-prattika, il-proċess jew ix-xogħol tagħha — hija r-raġuni għall-bidla tax-xejra tal-kummerċ, il-ġustifikazzjoni ekonomika u l-kawża dovuta għal dik il-prattika jridu jiġu eżaminati skont l-Artikolu 13(1).

(74)

Kif spjegat fil-premessa (87), l-investigazzjoni sabet li l-prattika li fiha hija involuta MAC hija operazzjoni ta’ assemblaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kumpanija essenzjalment xtrat pajpijiet Ċiniżi mingħajr weldjatura, żiedet ftit valur biex ittrasformathom f’SSPTF u biegħethom fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif diskuss fil-premessi (57) sa (60), din il-prattika nstabet li kienet responsabbli għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ.

(75)

Rigward il-ġustifikazzjoni ekonomika u l-kawża dovuta, jenħtieġ li jiġi nnutat li, bħal TP, MAC ġiet stabbilita wara l-impożizzjoni tad-dazji. Barra minn hekk, kif rikonoxxut fis-sottomissjoni, kuntrarjament għall-predeċessur tagħha — KT Fittings — MAC iffokat l-operat tagħha fuq il-produzzjoni minn pajpijiet Ċiniżi mingħajr weldjatura. Tabilħaqq, kuntrarjament għall-każ deskritt fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2093 (15), imsemmi minn MAC, l-investigazzjoni ma sabet l-ebda mudell ta’ negozju bbażat fuq bejgħ lill-Unjoni ta’ SSTPF Malażjani magħmulin prattikament esklużivament minn partijiet Ċiniżi li joriġinaw qabel l-impożizzjoni tad-dazji. Barra minn hekk, skont is-sottomissjonijiet tagħha, MAC ġiet stabbilita abbażi tal-aspettattiva li kienet se tikseb livell ta’ pproċessar biżżejjed biex tagħti oriġini mhux preferenzjali Malażjana u li tkun tista’ takkwista materja prima mir-RPĊ billi tibbaża fuq relazzjonijiet preċedenti ma’ fornitur Ċiniż. Ir-raġuni għall-operazzjonijiet ta’ MAC kienet għalhekk li tkun tista’ tuża kważi esklużivament parts Ċiniżi, iżżid ftit valur u tesporta lejn l-Unjoni prodotti ta’ oriġini Malażjana, mingħajr ma tħallas id-dazju anti-dumping fuq importazzjonijiet mir-RPĊ. Tabilħaqq, kif iddikjarat MAC fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, il-ksib ta’ oriġini Malażjana mhux preferenzjali kien kawża għall-istabbiliment tal-kumpanija, u ġie reklamat minnhom u mitlub mill-klijenti tagħhom.

(76)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ngħatatx informazzjoni dwar l-operat ta’ KT fittings qabel l-istabbiliment ta’ MAC. Madankollu, la l-fatt li MAC ħadet f’idejha l-makkinarju, il-persunal, l-esperjenza amministrattiva u l-bażi tal-klijenti ta’ KT fittings u lanqas il-fatt li ma kellhiex fil-mira tagħha, esklużivament, is-suq tal-Unjoni, ma setgħu jbiddlu l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni fir-rigward ta’ MAC.

(77)

Konsegwentement, MAC naqset milli turi li kien hemm biżżejjed raġuni xierqa jew ġustifikazzjoni ekonomika minbarra l-impożizzjoni tad-dazju għall-prattika tagħha inkwistjoni.

(78)

Wara l-iżvelar, MAC sostniet li l-ipproċessar tagħha tal-pajpijiet Ċiniżi tkompli tagħti lok għal bidla fl-intestaturi tat-tariffi tal-materja prima kollha u b’hekk tagħti oriġini Malażjana lill-SSTPF ta’ MAC taħt ir-regoli ta’ oriġini “speċifiċi” rilevanti tal-UE. Skont MAC, ir-regoli tal-oriġini tal-UE jridu jitqiesu fl-investigazzjonijiet antiċirkomvenzjoni tal-UE.

(79)

Il-bażi ġuridika għal investigazzjoni antiċirkomvenzjoni hija l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, u mhux il-leġiżlazzjoni doganali dwar l-oriġini. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-uniku għan ta’ Regolament li jestendi dazju anti-dumping huwa li jiżgura l-effettività ta’ dak id-dazju u li jipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tiegħu (16). Il-ġurisprudenza ċċarat li l-użu ta’ “minn” aktar milli “oriġina minn” fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jimplika li “l-leġiżlatur tal-UE għażel deliberatament li jiddistanzja ruħu mir-regoli tal-oriġini skont il-liġi doganali u li, għalhekk, il-kunċett ta’ “minn” […] jippossjedi tifsira awtonoma u distinta minn dik tal-kunċett ta’ “oriġini” taħt il-liġi doganali” (17). Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(80)

Wara l-iżvelar, PMM B.V. ikkummenta dwar ċerti sejbiet tal-investigazzjoni li jikkonċernaw TP. B’mod konkret, il-kumpanija indikat li TP bdiet topera kważi sitt snin wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, u dan allegatament ma jikkwalifikax bħala ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, PMM B.V. osserva li fl-2022, TP biegħet biss 50 % tal-fittings tagħha lill-Unjoni, għalhekk ma kinitx għadha qed timmira biss lis-suq tal-Unjoni kif instab mill-Kummissjoni fil-PR.

(81)

L-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li la PMM B.V. u lanqas ir-rappreżentant legali tagħhom ma kellhom is-setgħa li jirrappreżentaw lil TP f’din il-proċedura, u li TP ma bagħtet l-ebda sottomissjoni li tikkontesta s-sejbiet tal-investigazzjoni wara l-iżvelar. It-tieni, PMM B.V. fis-sottomissjoni tiegħu rrefera għal korrispondenza kunfidenzjali ma’ “direttur/maniġer ġenerali ta’ TP” li l-Kummissjoni ma sabitx imniżżel fil-bord tad-diretturi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ TP. It-tielet, id-data ta’ wara PR speċifiku għall-kumpanija ma setgħetx titqies peress li ma setgħetx tiġi vverifikata. Fl-aħħar, TP bdiet l-operazzjonijiet tagħha fit-tieni nofs tal-2020 (ara l-premessa (89)), għalhekk ir-rekwiżit tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku kien issodisfat b’mod ċar peress li l-operazzjoni bdiet u żdiedet sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, fl-2015.

(82)

PMM B.V. sostna ukoll li kemm TP kif ukoll MAC ma kinux qed jassemblaw iżda kienu qed jimmanifatturaw, u għalhekk l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ma kienx applikabbli fil-każ tagħhom, peress li ma jkoprix il-modifika u l-ħidma ta’ materja prima biex jiġi ffurmat prodott ieħor, bħal fil-każ ta’ SSTPF. Biex isostnu dik l-asserzjoni huma rreferew ukoll għall-premessa (20) tar-Regolament bażiku. Fil-fehma tagħhom, l-aċċenn ta’ “sempliċi assemblaġġ” f’dik il-premessa jfisser li t-terminu għandu jiġi interpretat b’mod dejjaq.

(83)

Il-Kummissjoni nnutat li r-Regolament bażiku ma jiddefinix it-termini “operazzjoni ta’ assemblaġġ” jew “operazzjoni ta’ kompletazzjoni”. Madankollu, il-mod kif l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku huwa mibni jiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “operazzjoni ta’ assemblaġġ” peress li, skont l-Artikolu 13(2)(b), huwa espliċitament maħsub ukoll biex jiġbor fih “operazzjoni ta’ kompletazzjoni” . Minn dan isegwi li “operazzjoni ta’ assemblaġġ” skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) hija maħsuba biex tkopri mhux biss operazzjonijiet li jikkonsistu fl-assemblaġġ ta’ partijiet ta’ oġġett kompost, iżda tista’ tinvolvi wkoll ipproċessar ulterjuri jiġifieri tlestija ta’ prodott. Fil-fatt, meta interpretat l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li ma titqiesx biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih isseħħ u l-objettivi segwiti mir-regoli li jagħmlu parti minnha” (18).

(84)

Barra minn hekk, il-premessa (20) tar-Regolament bażiku taqra “il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li jkun fiha dispożizzjonijiet biex jiġu indirizzati prattiki, inkluż sempliċi assemblaġġ ta’ oġġetti fl-Unjoni jew f’pajjiż terz, li għandhom bħala l-għan ewlieni tagħhom iċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping”. Din il-formulazzjoni tal-kliem pjuttost tissuġġerixxi interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 13(2) sabiex il-prattiki kollha bl-għan ewlieni ta’ ċirkomvenzjoni tad-dmirijiet, jiġifieri assemblaġġ “sempliċi” u prattiki oħra, ikunu koperti.

(85)

L-investigazzjoni wriet li l-operazzjonijiet imwettqa minn MAC u TP issodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku biex operazzjoni ta’ assemblaġġ tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni. PMM B.V. ma offra l-ebda evidenza kuntrarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

2.5.   Valur tal-partijiet u valur miżjud

(86)

L-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku jiddikjara li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkomvenzjoni hija li l-partijiet mill-pajjiżi soġġetti għall-miżuri jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u li l-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, ikun anqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

MAC u TP

(87)

Għall-MAC, fil-PR 99,99 % tal-partijiet kollha li ntużaw mill-kumpanija kienu ġejjin miċ-Ċina. Il-valur miżjud mal-materja prima kien anqas minn 15 % tal-kost tal-manifattura.

(88)

Għal TP, il-partijiet kollha li ntużaw mill-kumpanija fil-produzzjoni tal-fittings fil-PR ġew importati miċ-Ċina.

(89)

TP bdiet l-operazzjonijiet tagħha fit-tieni nofs tal-2020. L-użu tal-kapaċità tagħha kif irrapportat kien taħt il-5 % fl-2020 u taħt il-25 % fil-PR. Madankollu, il-kumpanija allokat b’mod żbaljat deprezzament sħiħ tal-makkinarju u l-kost sħiħ tal-kiri (art u bini) bħala l-valur miżjud mal-partijiet li ddaħħlu fil-kwantità ta’ produzzjoni estremament baxxa.

(90)

Għalhekk, il-Kummissjoni aġġustat iż-żewġ elementi tal-kost imsemmija hawn fuq sabiex tirrifletti b’mod raġonevoli l-valur miżjud fil-kuntest tal-użu baxx tal-kapaċità tal-kumpanija matul il-PR.

(91)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqqset il-kost tal-produzzjoni (u, min-naħa tagħha, il-valur miżjud) bl-introjtu vverifikat mill-bejgħ ta’ ruttam iġġenerat fil-produzzjoni tal-SSTPF.

(92)

Fl-aħħar nett, ġie applikat aġġustament għall-varjazzjoni fl-istokk tax-xogħol li għaddej. Dan l-aġġustament ippermetta l-iżolament tal-kost tal-produzzjoni marbut mal-kwantità ta’ prodotti lesti manifatturati fil-PR u l-eliminazzjoni tal-kost tal-materja prima u l-ipproċessar marbut mal-prodotti, li kienu għadhom ma humiex lesti fi tmiem il-PR. Il-kumpanija nnifisha ma kinitx qiegħda żżomm rekords tax-xogħol li kien għaddej. Madankollu, il-Kummissjoni setgħet tistma l-varjazzjoni fl-istokk tax-xogħol li kien għaddej abbażi tal-movimenti vverifikati tal-istokk tal-materja prima u tal-prodotti lesti. Ir-rapporti tal-inventarju rispettivi nġabru matul il-verifika fuq il-post.

(93)

Wara l-aġġustamenti deskritti fil-premessi (89) sa (92), il-valur miżjud stabbilit għal TP kien anqas minn 18 % tal-kost tal-manifattura.

(94)

Wara l-iżvelar, PMM B.V. (għal darb’oħra f’isem direttur/maniġer ġenerali “mhux magħruf” ta’ TP kif spjegat fil-premessa (81) hawn fuq) talab l-iżvelar dettaljat tal-kalkolu tal-valur miżjud ta’ hawn fuq.

(95)

Madankollu, il-kalkolu inkwistjoni kien diġà żvelat lil TP bħala parti mill-iżvelar speċifiku sensittiv tagħha. TP ma ssottomettiet l-ebda kumment f’dan ir-rigward.

(96)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li, għal MAC u għal TP, il-partijiet li nxtraw miċ-Ċina kienu jikkostitwixxu 60 % jew aktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat, u li l-valur miżjud għall-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew kompletazzjoni, kien anqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura, kif meħtieġ bl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku sabiex dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni.

Pantech u SPI

(97)

Iż-żewġ kumpaniji pproduċew fittings mingħajr weldjatura (standard (19) u caps) u fittings iwweldjati. Hemm tliet tipi ta’ materja prima/partijiet li jintużaw f’din il-produzzjoni: pajpijiet mingħajr weldjatura għall-produzzjoni ta’ fittings standard mingħajr weldjatura, pjanċi għall-produzzjoni ta’ caps u pajpijiet iwweldjati għall-produzzjoni ta’ fittings standard iwweldjati.

(98)

Pantech hija integrata vertikalment fil-produzzjoni tagħha ta’ fittings iwweldjati, jiġifieri l-kumpanija pproduċiet il-pajpijiet iwweldjati tagħha stess. Il-pjanċi li l-kumpanija użat għall-produzzjoni tal-caps kienu wkoll prodotti minnha stess (it-tqattigħ ta’ pajpijiet iwweldjati) jew prinċipalment akkwistati minn produtturi lokali Malażjani (20). Il-kumpanija importat miċ-Ċina 100 % tal-pajpijiet mingħajr weldjatura. Madankollu, il-produzzjoni ta’ fitting mingħajr weldjatura kienet perċentwal żgħir tal-attività tal-kumpanija. Għaldaqstant, fil-PR, il-partijiet importati miċ-Ċina kienu jammontaw għal anqas minn 10 % tal-partijiet kollha użati fil-produzzjoni totali tal-SSTPF.

(99)

B’mod simili għal Pantech, SPI kienet qiegħda tuża wkoll fil-produzzjoni tagħha l-pajpijiet iwweldjati tagħha stess (mixtrija minn produttur relatat Malażjan). Il-pjanċi ġew akkwistati wkoll domestikament, filwaqt li l-pajpijiet mingħajr weldjatura kienu 100 % importati miċ-Ċina. B’kunsiderazzjoni tal-istruttura tal-produzzjoni tal-kumpanija, il-partijiet importati miċ-Ċina ammontaw fil-PR għal anqas minn 30 % tal-partijiet kollha użati fil-produzzjoni totali tal-SSTPF.

(100)

Għalhekk, il-partijiet mill-pajjiż soġġetti għal miżuri jikkostitwixxu ħafna anqas minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet għal Pantech u SPI.

(101)

Barra minn hekk, għaż-żewġ kumpaniji, dawn l-operazzjonijiet diġà seħħew qabel l-impożizzjoni tal-miżuri u, barra minn hekk, ma mmirawx biss speċifikament lejn is-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-operazzjonijiet imwettqa minn Pantech u SPI ma kinux jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni kif previst fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku

2.6.   Imminar tal-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping

(102)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet, imminawx l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri attwalment fis-seħħ.

(103)

Il-kwantitajiet ta’ SSTPF li ġew esportati fl-Unjoni minn MAC u TP żdiedu b’mod sinifikanti f’volumi assoluti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u rrappreżentaw madwar 6 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-PR. Il-konsum fl-Unjoni ġie stmat li huwa aktar minn 12 000 tunnellata li jirriżultaw miż-żieda tal-importazzjonijiet kollha tal-SSTPF mill-oriġini kollha, li jammontaw għal aktar minn 4 000 tunnellata, għall-bejgħ tal-Unjoni kif previst mill-applikant għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, li jammonta għal aktar minn 8 000 tunnellata.

(104)

Rigward il-prezzijiet, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju mhux dannuż kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, aġġustat għall-inflazzjoni, mal-medja ponderata tal-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF iddeterminata fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn MAC u TP, aġġustata kif dovut sabiex tinkludi l-kostijiet ta’ wara l-iżdoganar. Dan it-tqabbil tal-prezzijiet wera li ż-żewġ kumpaniji biegħu anqas b’mod sostanzjali (b’aktar minn 50 %) mill-prezzijiet tal-Unjoni fil-PR. Barra minn hekk, il-prezzijiet kurrenti tal-importazzjoni ta’ MAC u TP waqqgħu wkoll il-prezzijiet tal-Unjoni pprovduti mill-applikant fit-talba għas-sena 2021, u huma wkoll taħt il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-istess sena (21).

(105)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti kienu imminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet mill-importazzjonijiet mill-Malażja ta’ MAC u TP.

(106)

Wara l-iżvelar, PMM B.V. indika li l-kwantitajiet esportati minn MAC u minn TP lejn l-Unjoni ma setgħux possibbilment jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri, peress li dawn il-kwantitajiet irrappreżentaw biss 6 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-PR.

(107)

Barra minn hekk, PMM B.V. u DS B.V. ikkontestaw is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar it-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ MAC u ta’ TP. Huma bbażaw l-asserzjonijiet tagħhom fuq paragun tal-fatturi tax-xiri tagħhom minn esportaturi Malażjani u minn produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, sostnew li dawk il-prezzijiet ma setgħux jitqabblu, peress li l-fittings Malażjani u dawk prodotti fl-Unjoni kienu ta’ standards differenti u ma humiex interkambjabbli.

(108)

Rigward il-kwantitajiet, PMM B.V. ma pprovda l-ebda argumentazzjoni għaliex 6 % ma setgħux jitqiesu li jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri, sempliċement iddikjara li “fil-fehma tagħhom 6 % ma huwiex qed jimmina f’termini ta’ volum minħabba li huwa ftit wisq biex wieħed jitkellem dwar imminar”. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li 6 % tas-sehem tas-suq ma kienx insinifikanti f’termini ta’ volum. Għall-kuntrarju, dan il-volum ta’ importazzjonijiet li nstab li kien qed jagħmel ċirkomvenzjoni tal-miżuri kien kważi għoli daqs is-sehem totali tas-suq tat-Tajwan fl-investigazzjoni oriġinali. Dan kien biżżejjed biex jiġi konkluż li volumi bħal dawn kienu qed jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni u rriżultaw fl-impożizzjoni ta’ miżuri kontra t-Tajwan.

(109)

It-tieni, il-Kummissjoni għamlet il-kalkoli tagħha tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz fuq il-bażi ta’ settijiet sħaħ ta’ data vverifikati fil-bini tal-kumpaniji li ssottomettew kwestjonarji/formoli ta’ eżenzjoni. L-importaturi tal-Unjoni ma kellhomx aċċess għal dawn iċ-ċifri. Il-kalkoli ġew żvelati bis-sħiħ lill-esportaturi Malażjani. Ħadd minnhom ma ressaq xi kumment f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-ebda wieħed miż-żewġ importaturi tal-Unjoni li kkontestaw il-kalkoli tal-Kummissjoni ma pprovda tweġibiet għall-kwestjonarju matul l-investigazzjoni. Għalhekk, iċ-ċifri li ppreżentaw wara l-iżvelar ma setgħux jiġu vverifikati mill-Kummissjoni.

(110)

Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda bażi ġuridika biex wieħed iħares lejn id-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott u l-interkambjabbiltà ta’ tipi differenti ta’ prodotti taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, biex tiġi stabbilita ċirkomvenzjoni, il-Kummissjoni trid tiddetermina li “l-effetti ta’ rimedju tad-dazju qed jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet”. Id-dazju msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku huwa d-dazju anti-dumping oriġinali. Tali dazju ġie stabbilit fuq il-bażi tal-ambitu tal-prodott fl-investigazzjoni oriġinali (22). Għalhekk, il-valutazzjoni dwar jekk l-effetti tagħha humiex qed jiġu mminati għandha titwettaq abbażi tal-istess ambitu.

2.7.   Evidenza ta’ dumping

(111)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodotti simili.

(112)

Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni ta’ SSTPF mill-Malażja fil-PR, abbażi tad-data vverifikata ta’ MAC u TP, mal-valuri normali stabbiliti għaċ-Ċina fl-investigazzjoni oriġinali dwar l-anti-dumping, aġġustati għall-inflazzjoni.

(113)

It-tqabbil tal-valuri normali u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni wera li l-SSTPF esportat minn MAC u TP ġie esportat bi prezzijiet oġġett ta’ dumping matul il-perjodu ta’ rapportar.

(114)

Wara l-iżvelar, PMM B.V. tenna l-argumentazzjoni tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta’ interkambjabbiltà tal-fittings tal-Malażja u dawk prodotti mill-Unjoni fir-rigward tal-kalkoli tad-dumping.

(115)

Din l-asserzjoni ġiet miċħuda fuq l-istess bażi bħal dik spjegata fil-premessa (110). Tabilħaqq, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, biex tistabbilxxi ċirkomvenzjoni, il-Kummissjoni trid tiddetermina li hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti qabel għal prodotti li jixxiebħu jew simili. Il-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali kien ibbażat fuq l-ambitu oriġinali tal-prodott, li kien jinkludi fittings ta’ standards differenti.

3.   MIŻURI

(116)

Abbażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet qiegħda ssir ċirkomvenzjoni tad-dazji anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ SSTPF li joriġina fir-RPĊ permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat ikkonsenjat mill-Malażja minn MAC u TP.

(117)

Minħabba li l-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli, u jkopri l-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni fil-PR, il-Kummissjoni kkonkludiet li tnejn mill-kumpaniji huma produtturi ġenwini Malażjani mhux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni u għalhekk ingħataw eżenzjonijiet, u li l-ebda kumpanija oħra fil-Malażja ma talbet eżenzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sejbiet dwar il-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fir-rigward taż-żewġ kumpaniji ta’ ċirkomvenzjoni jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet kollha mill-Malażja, bl-eċċezzjoni ta’ dawk minn produtturi Malażjani ġenwini.

(118)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ SSTPF li joriġina miċ-Ċina jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.

(119)

Skont l-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament bażiku, huwa xieraq li d-dazju stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/659, jiġi estiż għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li huwa dazju anti-dumping definittiv ta’ 64,9 % applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

(120)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kwalunkwe miżura estiża jenħtieġ li tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni taħt reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott li qiegħed jiġi investigat f’konformità mas-sejbiet li saru f’din l-investigazzjoni.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

(121)

Kif deskritt hawn fuq, instab li MAC u TP kienu involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Għalhekk, ma setgħetx tingħata eżenzjoni lil dawn il-kumpaniji skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(122)

L-investigazzjoni stabbiliet li ż-żewġ produtturi esportaturi l-oħrajn li kkooperaw, Pantech u SPI, kienu produtturi ġenwini tal-SSTPF fil-Malażja, u ma kinux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Dawn iż-żewġ produtturi esportaturi huma integrati vertikalment, ġew stabbiliti sew fis-suq qabel l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, u importaw biss ammonti limitati ta’ materja prima miċ-Ċina.

(123)

Għalhekk, Pantech u SPI jenħtieġ li jiġu eżentati mill-estensjoni tal-miżuri.

(124)

L-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet jenħtieġ li tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping imsemmi fil-premessa (119).

(125)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet, din ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu iwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport bil-baħar, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tal-eżenzjoni tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

5.   ŻVELAR

(126)

Fit-30 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni żvelat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stednithom jikkummentaw.

(127)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/659, fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet, ta’ gradi ta’ azzar li ma jsaddadx awstenitiku, li jikkorrispondi għat-tipi AISI 304, 304L, 316, 316L, 316Ti, 321 u 321H u l-ekwivalenti tagħhom fin-normi l-oħrajn, b’dijametru estern massimu li ma jaqbiżx l-406,4 mm u ħxuna tal-ħitan ta’ 16 mm jew anqas, bi ħruxija medja (Ra) tal-wiċċ intern ta’ mhux anqas minn 0,8 mikrometri, mhux ifformati bħala flanġijiet, imlestija jew le ikklassifikat attwalment taħt il-kodiċijiet NM ex 7307 23 10 u ex 7307 23 90 ikkonsenjat mill-Malażja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malażja kif ukoll jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7307231035, 7307231040, 7307239035, 7307239040).

2.   L-estensjoni tad-dazju msemmi fil-paragrafu 1 ma tapplikax għall-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-Malażja

Pantech Stainless u Alloy Industries Sdn. Bhd

A021

Il-Malażja

SPI United Sdn. Bhd

A022

3.   L-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji speċifikament imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew awtorizzati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tiġi ppreżentata, għandu jiġi applikat id-dazju anti-dumping kif impost mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Id-dazju estiż huwa d-dazju anti-dumping ta’ 64,9 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” fir-RPĊ (il-kodiċi addizzjonali TARIC C999).

5.   Id-dazju estiż bil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/894.

6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma ordnati sabiex ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/894 li, b’dan, huwa mħassar.

Artikolu 3

It-talbiet għal eżenzjoni sottomessi minn MAC Pipping Materials Sdn. Bhd u TP Inox Sdn. Bhd huma miċħuda.

Artikolu 4

1.   It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata sabiex tirrappreżenta lill-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G Office:

CHAR 04/39

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jagħmlux ċirkomvenzjoni il-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/659, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/141 tas-26 ta’ Jannar 2017 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU L 22, 27.1.2017, p. 14).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/659 tas-6 ta’ April 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU L 94, 7.4.2017, p. 9).

(4)  In-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU C 357, 29.10.2015, p. 5).

(5)  In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU C 40, 26.1.2022, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/894 tas-7 ta’ Ġunju 2022 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/141 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, ikkonsenjati mill-Malażja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malażja kif ukoll jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 155, 8.6.2022, p. 36).

(7)  Talba, Punt 43, paġna 8 u punt 55, paġna 12.

(8)  Talba, Punt 62, paġna 14.

(9)  https://connect.ihsmarkit.com/gta/home

(10)  Iċ-ċifri jingħataw f’firxiet bħal għas-snin 2014-2017 li jirreferu għal żewġ kumpaniji biss.

(11)  Fl-ewwel sena (2018) tal-attività tagħha u fil-PR, MAC kellha wkoll xiri minuri ta’ pjanċi mill-Malażja.

(12)  Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità huwa pprovdut biss indiċi peress li ċ-ċifri jikkonċernaw biss żewġ kumpaniji.

(13)  Talba, punt 60, paġna 12.

(14)  Li jammontaw fil-PR diġà għal kważi 40 % tal-esportazzjonijiet Malażjani lejn l-Unjoni.

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2093 tal-15 ta’ Novembru 2017 li jtemm l-investigazzjoni dwar il-possibilità ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet mibgħuta mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u kemm jekk le, u li jtemm ir-reġistrazzjoni imposta fuq it-tali importazzjonijiet mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/272 (ĠU L 299, 16.11.2017, p. 1).

(16)  Is-Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P,EU:C:2019:717, il-punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(17)  Is-Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Kummissjoni / Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P, EU:C:2019:717, il-punt 90.

(18)  Is-Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P,EU:C:2019:717, il-punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(19)  F’dan il-każ, “standard” tirreferi għal fittings mingħajr weldjatura prodotti minn pajpijiet u tubi mingħajr weldjatura, bħal elbows, tees u reducers.

(20)  Pantech importat kwantitajiet żgħar ta’ pjanċi miċ-Ċina fl-2015 u fl-2018.

(21)  It-Talba, Taqsimiet C.3.1 sa C.3.3.

(22)  Dan stabbilixxa li prodotti bi standards differenti jikkondividu l-istess karatteristiċi speċifiċi u huma interkambjabbli. Ara l-premessi (52) sa (60) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/141 (ĠU L 22, 27.1.2017, p. 14).


ANNESS

Trid tidher dikjarazzjoni ffirmata fil-format li ġej mill-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

(1)

l-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali;

(2)

id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott li qiegħed jiġi investigat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (Kodiċi addizzjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta”;

(3)

id-data u l-firma.


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/38


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/454

tat-2 ta’ Marzu 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanza toltrażuril fir-rigward tal-limitu massimu ta’ residwi tagħha fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 470/2009, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ Regolament, il-limiti massimi ta’ residwi (“MRLs”) għas-sustanzi farmakoloġikament attivi maħsuba għall-użu fl-Unjoni fi prodotti mediċinali veterinarji għall-annimali li jipproduċu l-ikel jew fi prodotti bijoċidali użati fit-trobbija tal-annimali.

(2)

It-tabella 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (2) tistabbilixxi s-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-MRLs fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali.

(3)

It-toltrażuril diġà huwa inkluż f’dik it-tabella bħala sustanza approvata għall-ispeċi mammiferi kollha mrobbija għall-ikel fir-rigward tal-muskoli, ix-xaħam (ġilda u xaħam fi proporzjonijiet naturali għall-ispeċi tal-porċini), il-fwied u l-kliewi, iżda esklużi l-annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem. Barra minn hekk, din is-sustanza hija inkluża wkoll bħala sustanza approvata għal-pollam fir-rigward tal-muskoli, il-ġilda u x-xaħam, il-fwied u l-kliewi. Madankollu, is-sustanza mhijiex approvata għall-użu f’annimali li minnhom jiġi prodott il-bajd għall-konsum mill-bniedem.

(4)

Fid-29 ta’ Ġunju 2021, f’konformità mal-Artikolu 9(1)(b), tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, ir-Renju tan-Netherlands issottometta rikjesta lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“Aġenzija”) għall-estensjoni tal-entrata eżistenti għat-toltrażuril fil-pollam għal-bajd tat-tiġieġ.

(5)

Fid-9 ta’ Diċembru 2021, l-Aġenzija, permezz tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, irrakkomandat l-istabbiliment ta’ MRL għat-toltrażuril fil-bajd tat-tiġieġ.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, l-Aġenzija għandha tikkunsidra l-użu ta’ MRLs stabbiliti għal sustanza farmakoloġikament attiva li tinsab f’oġġett tal-ikel partikolari għal oġġett tal-ikel ieħor li ġej mill-istess speċi, jew l-MRLs stabbiliti għal sustanza farmakoloġikament attiva fi speċi waħda jew aktar għal speċi oħra.

(7)

L-Aġenzija kkonkludiet li l-estrapolazzjoni tal-MRLs fir-rigward tat-toltrażuril minn bajd tat-tiġieġ għal bajd ta’ speċi oħra ta’ pollam hija xierqa.

(8)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġi stabbilit l-MRL rakkomandat għat-toltrażuril fil-bajd tal-pollam.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 37/2010 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1).


ANNESS

Fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, l-entrata għas-sustanza “toltrazuril” hija sostitwita b’dan li ġej:

Sustanza farmakoloġikament attiva

Residwu markatur

Speċi tal-annimali

MRL

Tessuti kkonċernati

Dispożizzjonijiet oħrajn (skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009)

Klassifikazzjoni Terapewtika

“Toltrażuril

Toltrażuril sulfon

L-ispeċi mammiferi kollha mrobbija għall-ikel

100  μg/kg

150  μg/kg

500  μg/kg

250  μg/kg

Muskoli

Xaħam

Fwied

Kliewi

Għall-ispeċi tal-porċini, l-MRL tax-xaħam jirrigwarda ‘ġilda u xaħam fi proporzjonijiet naturali’.

Mhux għall-użu fl-annimali li minnhom jiġi prodott il-ħalib għall-konsum mill-bniedem.

Aġenti li jaġixxu kontra l-parassiti/Aġenti li jaġixxu kontra l-protożoj”

Pollam

100  μg/kg

200  μg/kg

600  μg/kg

400  μg/kg

140  μg/kg

Muskoli

Ġilda u xaħam

Fwied

Kliewi

Bajd

L-EBDA ANNOTAZZJONI


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/41


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/455

tat-2 ta’ Marzu 2023

li jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 1480/2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim li jaqa’ taħt l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 10 għall-Att ta’ Adeżjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(12)tiegħu,

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat imwaqqaf bir-Regolament dwar il-Linja tal-qsim,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1166 (2) emenda l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1480/2004 (3) u l-Anness III tiegħu. L-emenda neħħiet b’mod involontarju r-referenzi għall-patata taż-żrigħ miżmuma fl-irziezet minn dawk id-dispożizzjonijiet, u b’hekk biddlet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(2)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1480/2004 jiġi kkoreġut kif xieraq.

(3)

Sabiex l-iżball jiġi kkoreġut malajr kemm jista’ jkun u biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-patata taż-żrigħ merfugħa mir-razzett, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1480/2004 huwa kkorreġut kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-każ tal-patata, l-esperti t’hawn fuq għandhom jivverifikaw li l-patata fil-kunsinna ġiet imkabbra direttament minn patata taż-żrigħ iċċertifikata f’wieħed mill-Istati Membri jew minn patata taż-żrigħ iċċertifikata minn kwalunkwe pajjiż ieħor li għalih id-dħul fl-Unjoni tal-patata li hi intiża għat-tħawwil mhux projbit skont l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, jew minn żerriegħa tal-patata merfugħa mir-razzett li, taħt is-superviżjoni tal-esperti msemmija aktar ’il fuq, tkabbru bħala l-ewwel żgħar tal-patata taż-żrigħ iċċertifikata li hi msemmija f’dan il-paragrafu.”

;

(2)

fl-Anness III, il-punt 10, il-ħames inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

fil-każ tal-patata, li l-patata fil-konsenja tkabbret direttament minn patata taż-żrigħ iċċertifikata f’wieħed mill-Istati Membri jew minn patata taż-żrigħ iċċertifikata fi kwalunkwe pajjiż ieħor li għalih id-dħul fl-Unjoni ta’ patata maħsuba għat-tħawwil mhuwiex ipprojbit skont l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jew minn patata taż-żrigħ merfugħa mir-razzett li, taħt is-superviżjoni tal-esperti msemmija hawn fuq, tkabbret bħala l-ewwel żgħar tal-patata taż-żrigħ iċċertifikata msemmija hawn fuq.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1166 tas-6 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1480/2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv (ĠU L 181, 7.7.2022, p. 11).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10 ta’ Awwissu 2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv (ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3).


DEĊIŻJONIJIET

3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/456

tal-21 ta’ Frar 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, fir-rigward tal-emendar tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, huwa possibbli li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u l-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 (“il-Protokoll 37”) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (3) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

L-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendar propost tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE (ĠU C 196, 12.6.2019, p. 16).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru [...]

ta’ [...]

li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u l-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE (1) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE (2), li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-punt 5ch (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE huwa sostitwit b’dan li ġej:

32019 D 0612(01): Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE (ĠU C 196, 12.6.2019, p. 16).

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni għandhom, għall-finijiet tal-Ftehim attwali, jinqraw bl-adattament segwenti:

(a)

l-Artikolu 2(4) ma għandux japplika għall-Istati tal-EFTA.

Il-modalitajiet għall-assoċjazzjoni tal-Istati tal-EFTA skont l-Artikolu 101 ta’ dan il-Ftehim:

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief għad-dritt tal-vot. Membri mill-Istati tal-EFTA ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-Presidenza tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju jew tas-sottogruppi tiegħu.”

Artikolu 2

Fil-punt 16 tal-Protokoll 37, il-kliem “id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE” jiġi sostitwit bil-kliem “id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019”.

Artikolu 3

It-test tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 fil-lingwa Islandiża u dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi , dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU C 196, 12.6.2019, p. 16.

(2)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.

(*)  [Mhumiex indikati rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/457

tat-2 ta’ Marzu 2023

li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (1).

(2)

Fuq il-bażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, il-miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi jenħtieġ li jiġu estiżi sas-6 ta’ Marzu 2024. Barra minn hekk, l-informazzjoni fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jenħtieġ li tiġi aġġornata.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/119/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/119/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-6 ta’ Marzu 2024.”;

(2)

l-Anness huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 66, 6.3.2014, p. 26).


ANNESS

Fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, it-Taqsima B (Drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva) hija sostitwita b’dan li ġej:

"B.    Drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (‘Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali’) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: d-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.

L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku jridu jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u jridu jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati

2.   Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw id-detenzjoni taħt kustodja tas-Sur Zakharchenko kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev bid-data tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Zakharchenko u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Zakharchenko, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-9 ta’ Frar 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929 u fil-5 ta’ Awwissu 2022, wara li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ukreni, is-Sur Zakharchenko ma involviex avukat difensur fil-proċedimenti kriminali fl-Ukrajna iżda l-interessi tiegħu ġew irrappreżentati minn avukat difensur assenjat. Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

6.   Viktor Ivanovych Ratushniak

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Ratushniak kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Ratushniak u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021 l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Ratushniak, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-9 ta’ Frar 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929 u, fil-5 ta’ Awwissu 2022, wara li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi tal-Belt ta’ Kiev għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ukreni, is-Sur Ratushniak ma involvix avukat difensur fil-proċedimenti kriminali fl-Ukrajna iżda l-interessi tiegħu ġew irrappreżentati minn avukat difensur assenjat. Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

12.   Serhiy Vitalyovych Kurchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari permezz tal-fatt li d-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000003393 fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Fil-11 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna informa wkoll lill-avukati difensuri tas-Sur Kurchenko dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u l-għoti ta’ aċċess għall-materjal tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill irċieva informazzjoni li l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ppreżenta mozzjoni biex jiġi stabbilit skadenza għar-rieżami mill-parti tad-difiża sabiex jiġi indirizzat id-dewmien tal-parti tad-difiża fir-rieżami tal-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2022, il-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna stabbiliet limitu ta’ żmien sal-1 ta’ Diċembru 2022 għall-parti tad-difiża biex ilestu l-proċess ta’ familjarizzazzjoni, u wara dan jitqiesu li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jaċċessaw il-materjali. Fis-7 ta’ Diċembru 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni bagħat l-att tal-akkuża lill-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna għall-eżami tal-merti tal-każ.

B’rabta mal-proċediment kriminali Nru. 12014160020000076, fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Fl-20 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odessa tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess in absentia. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odessa ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-prosekutur dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tas-27 ta’ Lulju 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Kurchenko. Fit-13 ta’ Mejju 2021, id-Dipartiment Prinċipali tal-Pulizija Nazzjonali fir-Reġjun ta’ Odessa bagħat it-talba lill-Uffiċċju Ukren tal-Interpol u l-Europol biex jippubblikaw Avviż Aħmar dwar is-Sur Kurchenko, li qed jiġi kkunsidrat. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.

Il-Kunsill ġie informat li fis-6 ta’ Mejju 2022 tlestiet l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 12014160020000076 u fil-1 ta’ Awwissu 2022, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Reġjun ta’ Odessa bagħat att tal-akkuża lill-Qorti Distrettwali ta’ Prymorskyi tal-Belt ta’ Odessa għall-konsiderazzjoni tal-merti tal-każ.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perjodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perjodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.".


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/51


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/458

tal-1 ta’ Marzu 2023

dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni ta’ ċerti sustanzi attivi għall-użu fi prodotti bijoċidali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 89(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-Anness II tiegħu, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista tal-kombinamenti ta’ sustanzi attivi/tipi ta’ prodotti li huma inklużi fil-programm ta’ rieżami tas-sustanzi attivi eżistenti li jinsabu fil-prodotti bijoċidali.

(2)

Għal għadd ta’ kombinamenti ta’ sustanzi attivi/tipi ta’ prodotti inklużi f’dik il-lista, il-parteċipanti kollha rtiraw, jew qed jitqiesu li rtiraw, l-appoġġ tagħhom fil-ħin.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ppubblikat stedina miftuħa biex tiegħu f’idejha r-rwol ta’ parteċipant għal dawk il-kombinamenti ta’ sustanzi attivi/tipi ta’ prodotti li għalihom ir-rwol ta’ parteċipant ma kienx ittieħed qabel. Għal dawk il-kombinamenti ma ġiet ippreżentata l-ebda notifika lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fil-limitu ta’ żmien previst fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2014. Għalhekk, dawk il-kombinamenti ta’ sustanzi attivi/tipi ta’ prodott, f’konformità mal-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, jenħtieġ li ma jiġux approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanzi attivi elenkati fl-Anness mhumiex approvati għat-tipi ta’ prodotti indikati fih.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).


ANNESS

Kombinamenti ta’ sustanza attiva/tip ta’ prodott mhux approvati:

Numru tal-Entrata fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1062/2014

Isem is-sustanza

Stat Membru Relatur

Numru KE

Nru CAS

Tip ta’ prodott(i)

1022

Pentaidrossidu tal-klorur tad-dialuminju

NL

234-933-1

12042–91–0

2

691

N-(idrossimetil)gliċinat tas-sodju

AT

274-357-8

70161-44-3

6

459

Massa tar-reazzjoni tad-diossidu tat-titanju u tal-klorur tal-fidda

SE

Mhux disponibbli

Mhux disponibbli

1, 2, 6, 7, 9, 10, 11

531

(benżilossi)metanol

AT

238-588-8

14548-60-8

13

1016

Klorur tal-fidda

SE

232-033-3

7783-90-6

1

444

7a-etildiidro-1H,3H,5H-ossażolo[3,4-c]ossażol (EDHO)

PL

231-810-4

7747-35-5

6, 13

797

Klorur tas-cis-1-(3-kloroallil)-3,5,7-triaża-1-ażonjadamantan (cis CTAC)

PL

426-020-3

51229-78-8

6, 13

368

3-Kloroalliloklorur tal-metenammina (CTAC)

PL

223-805-0

4080-31-3

6, 12, 13


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/54


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/459

tat-2 ta’ Marzu 2023

li ma tapprovax it-2,2-Dibromo-2-ċjanoaċetammid (DBNPA) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 4 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 89(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi t-2,2-Dibromo-2-ċjanoaċetammid (DBNPA) (Nru KE: 233-539-7; Nru CAS: 10222-01-2).

(2)

Id-DBNPA ġiet evalwata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 4, taż-żoni tal-ikel u tal-għalf, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Id-Danimarka nħatret bħala l-Istat Membru relatur u l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tagħha ressqet ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) fis-27 ta’ Diċembru 2016. Wara l-preżentazzjoni tar-rapport ta’ valutazzjoni, saru diskussjonijiet f’laqgħat tekniċi organizzati mill-Aġenzija.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 75(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali huwa responsabbli għat-tħejjija tal-opinjoni tal-Aġenzija rigward l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi. F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjoni tal-Aġenzija fil-25 ta’ Ġunju 2019 (“l-opinjoni tal-25 ta’ Ġunju 2019”) (3), wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5)

Skont l-opinjoni tal-25 ta’ Ġunju 2019, id-DBNPA għandha proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti avversi fil-bnedmin u fl-ambjent (organiżmi mhux fil-mira) abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100 (4). Għaldaqstant, id-DBNPA tissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikolu 5(1), il-punti (d), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. L-opinjoni tal-25 ta’ Ġunju 2019 qieset ukoll li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-użu tal-prodott bijoċidali rappreżentattiv ippreżentati fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni tad-DBNPA għall-prodotti tat-tip 4 kienu aċċettabbli soġġetti għal miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji, iżda kkonkludiet ukoll li, minħabba l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għad-DBNPA, ma jistax jiġi eskluż riskju relatat mal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali.

(6)

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, sustanza attiva li tissodisfa l-kriterji ta’ esklużjoni tista’ tiġi approvata biss jekk jintwera li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet għad-deroga stabbiliti f’dak l-Artikolu hija ssodisfata. Meta jiġi deċiż jekk sustanza attiva tistax tiġi approvata fuq dik il-bażi, id-disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi xierqa u suffiċjenti għandha tkun kunsiderazzjoni ewlenija.

(7)

Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija, wettqet konsultazzjoni pubblika bejn il-11 ta’ Ottubru 2019 u l-10 ta’ Diċembru 2019 (“il-konsultazzjoni pubblika”) sabiex tiġbor informazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 kinux issodisfati.

(8)

L-opinjoni tal-25 ta’ Ġunju 2019 u l-kontributi għall-konsultazzjoni pubblika ġew diskussi mill-Kummissjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali ta’ Frar 2020. L-Istati Membri ntalbu wkoll mill-Kummissjoni biex jindikaw jekk iqisux li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tkun issodisfata fit-territorju rispettiv tagħhom, u biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet. Ġie konkluż li kien hemm il-ħtieġa li tiġi analizzata aktar l-informazzjoni pprovduta mill-applikant matul il-konsultazzjoni biex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjoni fl-Artikolu 5(2), il-punt (a), setgħetx titqies issodisfata. Fit-8 ta’ Lulju 2020, skont l-Artikolu 75(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija (5) tirrevedi l-opinjoni tagħha u tiċċara jekk jistax jiġi dderivat limitu sikur fir-rigward tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tad-DBNPA, biex tivvaluta l-kontribut tal-użu tad-DBNPA bħala sustanza attiva bijoċidali għall-konsum medju ta’ kuljum tal-bromur u għall-kuntest ambjentali, u biex tikkonkludi jekk ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent setgħux jitqiesu aċċettabbli jew le.

(9)

Il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjoni riveduta tal-Aġenzija fit-30 ta’ Novembru 2021 (“l-opinjoni tat-30 ta’ Novembru 2021”) (6), wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(10)

Skont l-opinjoni tat-30 ta’ Novembru 2021, ir-riskji assoċjati mal-esponiment għall-bromur derivat mid-DBNPA li jirriżulta mill-użu ta’ prodotti bijoċidali li fihom id-DBNPA tat-tip ta’ prodott 4, inklużi r-riskji li jirriżultaw mill-effetti tiegħu li jfixklu s-sistema endokrinali, jitqiesu aċċettabbli għall-bnedmin u għall-ambjent għall-prodott bijoċidali rappreżentattiv ippreżentat fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni, soġġett għal miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 4 li fihom id-DBNPA jistgħu jiġu mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

(11)

L-opinjoni tat-30 ta’ Novembru 2021 u l-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika ġew diskussi mill-Kummissjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali ta’ Marzu 2022 u Ġunju 2022. L-Istati Membri reġgħu ntalbu mill-Kummissjoni biex jindikaw jekk iqisux li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tkun issodisfata fit-territorju rispettiv tagħhom, u biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet. L-ebda Stat Membru ma indika li dawk il-kundizzjonijiet se jiġu ssodisfati fit-territorju tiegħu, fid-dawl tad-disponibbiltà ta’ alternattivi, li hija kunsiderazzjoni ewlenija fil-kuntest tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(12)

Fil-fatt, abbażi tal-informazzjoni miġbura u tal-fehmiet espressi mill-Istati Membri, hemm disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi xierqa u suffiċjenti. Il-prodott bijoċidali rappreżentattiv ippreżentat mill-applikant fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni huwa prodott użat għad-diżinfezzjoni ta’ reċipjenti għall-ipproċessar tal-ikel minn utenti professjonali/industrijali (bħal faċilitajiet industrijali tal-produzzjoni tal- majoneż jew tal-jogurt, fermenters għall-birra jew prodotti oħra ffermentati). L-opinjoni tat-30 ta’ Novembru 2021 telenka diversi sustanzi attivi bħala alternattivi potenzjali (7). 26 sustanza attiva diġà huma approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 4, filwaqt li 37 sustanza attiva oħra għadhom qed jiġu eżaminati fil-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi eżistenti skont l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Barra minn hekk, sustanzi attivi oħra ġew approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 wara l-valutazzjoni tal-prodotti bijoċidali rappreżentattivi simili għall-prodott bijoċidali rappreżentattiv ippreżentat fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni tad-DBNPA (8). L-applikant ma ressaq l-ebda evidenza li turi li xi waħda minn dawk is-sustanzi attivi ma setgħetx tintuża għall-istess skop bħad-DBNPA. Fl-aħħar nett, diversi rappreżentanti tal-Istati Membri indikaw matul id-diskussjonijiet fil-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali li l-ebda prodott bijoċidali li fih id-DBNPA għat-tip ta’ prodott 4 ma ġie rreġistrat skont ir-regoli nazzjonali tagħhom jew tqiegħed fis-suq tagħhom minkejja l-preżenza tal-industriji tal-ipproċessar tal-ikel fit-territorju tagħhom, u li sustanzi attivi u prodotti bijoċidali alternattivi kienu disponibbli fit-territorju tagħhom għall-istess użu jew għal użu simili, bħall-prodotti bijoċidali li fihom l-aċidu peraċetiku jew il-perossidu tal-idroġenu.

(13)

Barra minn hekk, il-prodott bijoċidali rappreżentattiv ippreżentat mill-applikant ma jistax jitqies bħala prodott użat f’sistemi magħluqa jew f’kundizzjonijiet oħra li għandhom l-għan li jeskludu l-kuntatt mal-bnedmin u r-rilaxx fl-ambjent, peress li, skont l-opinjoni tat-30 ta’ Novembru 2021, l-użu tiegħu jista’ jwassal għall-preżenza ta’ residwi fi fliexken diżinfettati anki wara t-tlaħliħ u jista’ jwassal għal rilaxxi fl-ambjent permezz tal-ilma mormi. Għalkemm l-opinjoni tat-30 ta’ Novembru 2021 tikkonkludi li r-riskji għall-bnedmin u għall-ambjent jistgħu jitqiesu aċċettabbli, fid-dawl tal-pożizzjonijiet espressi mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, mhuwiex konkluż li r-riskji jistgħu jitqiesu li huma negliġibbli. Għalhekk, meta wieħed iqis li hemm disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi xierqa u suffiċjenti, il-kundizzjoni fl-Artikolu 5(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma ġietx issodisfata.

(14)

L-applikant ma ressaq l-ebda informazzjoni jew ġustifikazzjoni speċifika biex juri li d-DBNPA tkun essenzjali għall-prevenzjoni jew għall-kontroll ta’ periklu serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent. Għalhekk, meta wieħed iqis li hemm disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi xierqa u suffiċjenti, il-kundizzjoni fl-Artikolu 5(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma ġietx issodisfata.

(15)

L-applikant ma ressaq l-ebda informazzjoni li turi li n-nuqqas ta’ approvazzjoni tad-DBNPA jkollu impatti negattivi sproporzjonati fuq is-soċjetà meta mqabbel mar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza. Għalhekk, meta wieħed iqis li hemm disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi xierqa u suffiċjenti disponibbli, il-kundizzjoni fl-Artikolu 5(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma ġietx issodisfata.

(16)

Konsegwentement, l-applikant ma weriex li ġiet issodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk, jixraq li d-DBNPA ma tiġix approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 4.

(17)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-2,2-Dibromo-2-ċjanoaċetammid (DBNPA) (Nru KE: 233-539-7; Nru CAS: 10222-01-2) mhuwiex approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 4.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  Biocidal Products Committee Opinion on the application for approval of the active substance: 2,2-Dibromo-2-cyanoacetamide (DBNPA), Product type: 4, ECHA/BPC/225/2019, adottata fil-25 ta’ Ġunju 2019.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2100 tal-4 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 301, 17.11.2017, p. 1).

(5)  Mandat li jitlob lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għal opinjoni skont l-Artikolu 75(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, “Evaluation of the level of the risks for human health and for the environment of DBNPA used in biocidal products of product type 4”.

(6)  Biocidal Products Committee Opinion on the application for approval of the active substance: 2,2-Dibromo-2-cyanoacetamide (DBNPA), Product type: 4, ECHA/BPC/300/2021, adottata fit-30 ta’ Novembru 2021.

(7)  Biocidal Products Committee Opinion on the application for approval of the active substance: 2,2-Dibromo-2-cyanoacetamide (DBNPA), Product type: 4, ECHA/BPC/300/2021, adottata fit-30 ta’ Novembru 2021, fil-paġna 16, kif ġej: 2-fenossi etanol, kloru attiv (iġġenerat mill-klorur tas-sodju bl-elettroliżi jew rilaxxat mill-aċidu ipokloruż), kloru attiv (rilaxxat mill-ipoklorit tal-kalċju), kloru attiv (rilaxxat mill-ipoklorit tas-sodju), aċidu bromoaċetiku, C(M)IT/MIT, aċidu dekanojku, glutaraldeid, perossidu tal-idroġenu, jodju, aċidu L(+) lattiku, aċidu ottanojku, aċidu peraċetiku, aċidu peraċetiku ġġenerat mit-tetraaċetiletilendiammina (TAED) u perkarbonat tas-sodju, PHMB (1415;4.7) PHMB (1600;1.8), jodju polivinil-pirrolidon, propan-1-ol, propan-2-ol, aċidu saliċiliku.

(8)  Pereżempju: aċidu lattiku, aċidu ottanojku, aċidu dekanojku, aċidu peraċetiku jew glutaraldeid.


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/58


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/460

tat-2 ta’ Marzu 2023

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

L-imidakloprid iddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa għalhekk meqjus bħala approvat skont dak ir-Regolament soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE.

(2)

L-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023. Fit-23 u l-24 ta’ Diċembru 2021, tressqu żewġ applikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (“l-applikazzjonijiet”).

(3)

Fis-27 ta’ April 2022, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjonijiet. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tista’, skont kif ikun xieraq, tirrikjedi lill-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jisboq il-180 jum b’kollox sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta lill-Kummissjoni opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikanti, l-approvazzjoni x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjonijiet. B’kont meħud tal-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u għat-tħejjija u l-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha, u ż-żmien meħtieġ biex jiġi deċiż jekk tistax tiġġedded l-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2025.

(7)

Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, l-imidacloprid jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE hi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


Rettifika

3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/60


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/426 tal-25 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 59I tal-25 ta’ Frar 2023 )

(1)

Fil-paġna 2, il-punt (2), fil-kliem introduttorju tal-Artikolu 6b, il-paragrafu 5a,

minflok:

“ ‘5a.   B’deroga mill-Artikolu 2, il-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 101 taħt l-intestatura “Entitajiet” fl-Anness I, jew it-tqegħid għaddispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li:”,

aqra:

“ ‘5a.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-entità elenkata taħt l-entrata numru 101 taħt l-intestatura “Entitajiet” fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li:”.

(2)

Fil-paġna 3, il-punt (2), l-Artikolu 6b, il-paragrafu 5b,

minflok:

“5b.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2, il-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 190 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għal dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sas-26 ta’ Awwissu 2023 ta’ operazzjonijiet, kuntratti jew ftehimiet oħra konklużi ma’dik l-entità jew inkella li jinvolvuha qabel il-25 ta’ Frar 2023.’;”,

aqra:

“5b.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-entità elenkata taħt l-entrata numru 190 taħt l-intestatura “Entitajiet” fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għal dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sas-26 ta’ Awwissu 2023 ta’ operazzjonijiet, kuntratti jew ftehimiet oħra konklużi ma’ dik l-entità jew inkella li jinvolvuha qabel il-25 ta’ Frar 2023.’;”.


3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/61


Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/432 tal-25 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 59 I tal-25 ta’ Frar 2023 )

(1)

Fil-paġna 438, fl-Artikolu 1, il-punt (1)(c), il-kliem introduttorju tal-Artikolu 2, il-paragrafu 22,

minflok:

“22.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, skont il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 101 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, u wara li jkunu ddeterminaw li: ...”,

aqra:

“22.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, skont il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-entità elenkata taħt l-entrata numru 101 taħt l-intestatura "Entitajiet" fl-Anness, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, u wara li jkunu ddeterminaw li: ...”;

(2)

Fil-paġna 438, fl-Artikolu 1, il-punt (1)(c), fil-paragrafu 23,

minflok:

“23.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, skont il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma mill-entità elenkata taħt in-numru tal-entrata 190 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sas-26 ta’ Awwissu 2023 ta’ operazzjonijiet, kuntratti, jew ftehimiet oħra, konklużi ma’ dik l-entità jew inkella li jinvolvuha, qabel il-25 ta’ Frar 2023.”,

aqra:

“23.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, skont il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-entità elenkata taħt in-numru tal-entrata 190 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sas-26 ta’ Awwissu 2023 ta’ operazzjonijiet, kuntratti, jew ftehimiet oħra, konklużi ma’ dik l-entità jew inkella li jinvolvuha, qabel il-25 ta’ Frar 2023.”.