ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 236I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
13 ta' Settembru 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2022/1521 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2022 dwar aġġustamenti temporanji għar-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/30)

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

13.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 236/1


DEĊIŻJONI (UE) 2022/1521 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-12 ta’ Settembru 2022

dwar aġġustamenti temporanji għar-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/30)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikoli 12.1 u 14.3, u l-Artikoli 17 u 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' April 2019 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (1),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (2),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2010/275/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2010 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7 (BĊE/2010/4) (3),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar ċerti regoli ta’ remunerazzjoni li għandhom jiġu applikati għal: (a) depożiti tal-gvern miżmuma ma' banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn 'il quddiem il-"BĊNi") li jaġixxu bħala aġenti fiskali skont l-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’) kif speċifikat fil-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7); u (b) ċerti depożiti miżmuma mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jaġixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi oħra regolati mid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi tal-Istati Membri skont L-Artikolu 21.1 u 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ kif speċifikat fid-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) u d-Deċiżjoni 2010/275/UE (BĊE/2010/4). Ir-remunerazzjoni applikabbli għal kull wieħed minn dawn id-depożiti bħalissa tvarja skont jekk ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu fil-jum kalendarju rilevanti hijiex negattiva, jew jekk hijiex żero fil-mija jew ogħla.

(2)

Fit-8 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli r-rata tal-faċilità ta’ depożitu b’75 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu hija ta’ 0,75 % b’effett mill-14 ta’ Settembru 2022.

(3)

Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li r-remunerazzjoni ta’: (a) depożiti tal-gvern miżmuma mal-BĊNi applikati skont l-Artikolu 4(1) tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7); u (b) depożiti miżmuma mal-BĊE applikati skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2010/275/UE (BĊE/2010/4) għandhom jiġu aġġustati temporanjament kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni biex jipprevjenu ħruġ f’daqqa mhux iġġustifikat ta’ dawn id-depożiti mill-kontijiet tal-Eurosistema fis-swieq tal-flus u b’hekk tiġi ppreservata l-effettività tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u tissalvagwardja l-funzjonament ordnat tas-suq f’ambjent pożittiv ta’ rata tal-imgħax.

(4)

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess ħin mar-rata miżjuda tal-faċilità ta’ depożitu li hija effettiva mill-14 ta’ Settembru 2022. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien fl-14 ta’ Settembru 2022 u tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ April 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Depożiti tal-gvern miżmuma mal-BĊNi u remunerati skont l-Artikolu 4(1) tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7)

1.   Ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern għandha tkun soġġetta għal dawn il-livelli massimi:

(a)

Għal depożiti ta’ matul il-lejl, ir-rata tas-suq ta’ matul il-lejl mhux iggarantita; għad-depożiti fuq terminu fiss, ir-rata tas-suq iggarantita b'maturità paragunabbli jew jekk din ma tkunx disponibbli, ir-rata ta’ matul il-lejl tas-suq mhux iggarantita.

(b)

Fi kwalunkwe jum tal-kalendarju, l-ammont totali tad-depożiti kollha tal-gvern, minbarra depożiti tal-gvern relatati ma' programm ta' aġġustament, miżmuma ma' BĊN li jaqbżu l-ogħla minn dawn it-tnejn:

(i)

l-ekwivalenti ta' EUR 200 miljun; jew

(ii)

0,04% tal-prodott domestiku gross tal-Istat Membru li fih il-BĊN ikun domiċiljat

għandu jkun remunerat sal-livell li ġej:

(1)

fil-każ ta’ depożiti denominati f’euro, ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu jew ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), liema minnhom tkun l-aktar baxxa;

(2)

fil-każ ta’ depożiti denominati f’muniti oħra, għandu jiġi applikat approċċ komparabbli għall-munita kkonċernata għall-approċċ stabbilit għad-depożiti denominati f’euro, kif stabbilit fil-punt (1) hawn fuq.

Għall-fini tad-determinazzjoni tal-livell limitu msemmi fil-punt (b)(ii) hawn fuq, il-prodott domestiku gross għandu jkun ibbażat fuq il-previżjoni ekonomika annwali tal-ħarifa ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fis-sena ta' qabel. Kull BĊN għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tad-diversi depożiti tal-gvern taħt u ogħla mil-livell limitu.

(c)

Depożiti tal-gvern relatati ma' programm ta' aġġustament għandhom ikunu soġġetti għar-rati ta' remunerazzjoni msemmija fil-punt (a) jew remunerati b'żero fil-mija, skont liema minnhom tkun l-ogħla, imma m'għandhomx jgħoddu għall-ammont tal-livell limitu msemmi fil-punt (b).

2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7).

Artikolu 2

Ċerti depożiti miżmuma mal-BĊE u remunerati skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) u skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2010/275/UE (BĊE/2010/4)

1.   Il-kontijiet li ġejjin miżmuma mal-BĊE għandhom jiġu remunerati bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu jew bir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), skont liema tkun l-inqas:

(a)

kontijiet miżmuma skont id-Deċiżjoni 2003/797/UE (BĊE/2003/14) tal-Bank Ċentrali Ewropew (4), id-Deċiżjoni 2011/15/UE (BĊE/2010/31) tal-Bank Ċentrali Ewropew (5), id-Deċiżjoni 2010/624/UE (BĊE/2010/17) tal-Bank Ċentrali Ewropew (6) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672; (7)

(b)

kontijiet miżmuma skont id-Deċiżjoni 2010/275/UE (BĊE/2010/4).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu (1)(a), meta jkun meħtieġ li d-depożiti jinżammu f’dawk il-kontijiet qabel id-data meta jrid isir ħlas skont ir-regoli legali jew kuntrattwali applikabbli għall-faċilità kkonċernata, dawn id-depożiti għandhom jiġu remunerati matul dan il-perijodu bikri bir-rata ta’ żero fil-mija jew ir-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR), skont liema tkun l-ogħla.

3.   Il-kont iddedikat miżmum mal-BĊE skont l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati ma’ self mogħti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) għall-finijiet ta’ holdings ta’ flus kontanti prudenzjali kif imsemmi f’dak l-Artikolu għandu jiġi remunerat b’żero fil-mija jew ir-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR), skont liema tkun l-ogħla, ħlief fejn l-ammont aggregat ta’ depożiti miżmuma f’dak il-kont iddedikat jaqbeż EUR 20 biljun, f’liema każ l-ammont ta’ aktar minn EUR 20 biljun għandu jitħallas bir-rata tal-faċilità tad-depożitu jew ir-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR), skont liema tkun l-aktar baxxa.

Artikolu 3

Deroga temporanja

F’każ ta’ kunflitt bejn din id-Deċiżjoni u l-Artikolu 4(1) tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7), l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) jew l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2010/275/UE (BĊE/2010/4), din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-14 ta' Settembru 2022 u għandha tibqa' fis-seħħ sat-30 ta' April 2023.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-12 ta’ Settembru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ April 2019 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 11).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) (ĠU L 267, 21.10.2019, p. 12).

(3)  Id-Deċiżjoni 2010/275/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2010 dwar il-ġestjoni ta’ self bilaterali kollettiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2007/7 (BĊE/2010/4) (ĠU L 119, 13.5.2010, p. 24).

(4)  Id-Deċiżjoni 2003/797/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta' Novembru 2003 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skond il-faċilità ta' assistenza finanzjarja ta' tul medju (BĊE/2003/14) (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 35).

(5)  Id-Deċizjoni 2011/15/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Diċembru 2010 li tikkonċerna l-ftuħ ta’ kontijiet għall-ipproċessar ta’ ħlasijiet b’rabta ma’ self mill-EFSF lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2010/31) (ĠU L 10, 14.1.2011, p.7).

(6)  Id-Deċiżjoni 2010/624/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2010 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self lil u mill-Unjoni taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (BĊE/2010/7) (ĠU L 275, 20.10.2010, p.10).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1).

(8)  C(2021) 2502 final.