ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 234I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
9 ta' Settembru 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1500 tad-9 ta’ Settembru 2022 dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 234/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1500

tad-9 ta’ Settembru 2022

dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (1) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2007, b’mod parallel mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid (2).

(2)

L-għan tal-Ftehim huwa dak li jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal żjara intiża ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa. Il-preambolu tal-Ftehim jenfasizza x-xewqa li jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn in-nies bħala kondizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn.

(3)

Skont l-Artikolu 15(5) tal-Ftehim, huwa possibbli li kull Parti tissospendi l-Ftehim b’mod parzjali jew bis-sħiħ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni trid tiġi notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ.

(4)

B’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa fl-2014 u għall-azzjonijiet destabbilizzanti kontinwi tar-Russja fil-Lvant tal-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea introduċiet sanzjonijiet ekonomiċi b’rispons għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, b’rabta mal-implimentazzjoni mhux kompluta tal-ftehimiet ta’ Minsk, sanzjonijiet fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u sanzjonijiet b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa.

(5)

Bħala firmatarja tal-ftehimiet ta’ Minsk, il-Federazzjoni Russa għandha responsabbiltà ċara u diretta li taħdem biex tinstab soluzzjoni paċifika tal-kunflitt f’konformità ma’ dawk il-prinċipji. Bid-deċiżjoni li r-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern fl-Ukrajna tal-Lvant jiġu rikonoxxuti bħala entitajiet indipendenti, il-Federazzjoni Russa kisret b’mod ċar il-ftehimiet ta’ Minsk, li jistipulaw ir-ritorn sħiħ ta’ dawk iż-żoni għall-kontroll tal-gvern Ukren.

(6)

Id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u ta’ Luhansk bħala entitajiet indipendenti u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi fl-Ukrajna kompliet iddgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u huma ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki, il-Karta ta’ Pariġi u l-Memorandum ta’ Budapest.

(7)

Mill-bidu tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, is-sitwazzjoni marret għall-agħar, u r-Russja espandiet l-okkupazzjoni sħiħa jew parzjali tagħha tar-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ukrajna. Ir-Russja qed tuża wkoll l-akbar impjant tal-enerġija nukleari tal-Ukrajna f’Zaporizhzhia bħala faċilità militari, li joħloq riskju ta’ inċident nukleari kbir b’effetti konsegwenzjali fuq il-pajjiżi ġirien, inklużi l-Istati Membri.

(8)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew, flimkien mas-sħab internazzjonali tiegħu, ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u esprima solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna u l-poplu tagħha. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Sussegwentement, fil-25 ta’ Frar, il-Kunsill adotta, fost miżuri restrittivi oħra, is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim, b’reazzjoni għall-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja (3).

(9)

L-aggressjoni militari li sseħħ f’pajjiż konfinanti mal-Unjoni, bħal dik li seħħet fl-Ukrajna u li tat lok għal għadd ta’ miżuri restrittivi, tiġġustifika miżuri li jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

(10)

Il-Federazzjoni Russa kisret ukoll il-ftehimiet ta’ Minsk billi mminat l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tal-Federazzjoni Russa.

(11)

L-azzjonijiet militari mill-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna żiedu t-theddid għall-ordni pubbliku, is-sigurtà nazzjonali u s-saħħa pubblika tal-Istati Membri.

(12)

Għalhekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora kkawżata mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jipprevedi l-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa li japplikaw għal viża għal soġġorn qasir jiġi sospiż kompletament.

(13)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(14)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (“il-Ftehim”) hija sospiża kompletament fir-rigward taċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa, mit-12 ta’ Settembru 2022.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/333 hija b’dan imħassra.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15(5) tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 27.

(2)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 40.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/333 tal-25 ta’ Frar 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (ĠU L 54, 25.2.2022, p. 1).