ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 208 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 65 |
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
10.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 208/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1386
tad-9 ta’ Awwissu 2022
li jestendi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku ( Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (it-Toskana u l-Ligurja)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-4 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 988/2011 (2) li jistabbilixxi għall-ewwel darba deroga mill-ewwel subparagrafu, tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 sal-31 ta’ Marzu 2014 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku ( Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (it-Toskana u l-Ligurja). Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2407 (3), ingħatat estensjoni ta’ dik id-deroga, li skadiet fil-31 ta’ Marzu 2018. Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1634 (4), ingħatat estensjoni oħra ta’ dik id-deroga, li skadiet fil-31 ta’ Marzu 2021. |
(2) |
Fl-10 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Italja għal estensjoni ta’ dik id-deroga, dwar l-użu tas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta), fl-ilmijiet territorjali tagħha fir-reġjuni tat-Toskana u l-Ligurja. |
(3) |
L-Italja tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għall-estensjoni ta’ dik id-deroga. |
(4) |
Fl-14 ta’ Ottubru 2021, b’Digriet (5) l-Italja adottat il-pjan ta’ ġestjoni f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (“il-pjan ta’ ġestjoni Taljan”). |
(5) |
It-talba tikkonċerna attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mill-Italja u tkopri bastimenti li għandhom rekord ippruvat ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni Taljan adottat f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (“pjan ta’ ġestjoni”) fl-14 ta’ Ottubru 2021. |
(6) |
It-talba tkopri 117-il bastiment, b’tul b’kollox ta’ anqas minn 14-il metru u bi sforz totali ta’ 5 886,9 kW għal bastimenti, u l-pjan ta’ ġestjoni jiggarantixxi li mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
(7) |
Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
(8) |
Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ivvaluta l-estensjoni tad-deroga li talbet l-Italja u l-abbozz relatat għall-pjan ta’ ġestjoni fis-sessjoni plenarja tiegħu li saret mit-22 sas-26 ta’ Marzu 2021 (6). |
(9) |
Il-valutazzjoni ġenerali mill-STECF hija pożittiva u l-abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni fih l-elementi ewlenin li jappoġġaw it-talba. L-informazzjoni dwar il-bijoloġija u l-ekoloġija, il-flotta u l-isforz tagħha huma ppreżentati tajjeb. L-Italja ntalbet teżamina ftit elementi li kienu jeħtieġu kjarifika ulterjuri dwar il-pożizzjoni tal-operazzjonijiet tas-sajd, il-livell tal-iskattaturi tas-salvagwardji u l-iskedar tar-rispons tal-ġestjoni. Sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, l-awtoritajiet Taljani qablu li jipprovdu d-data addizzjonali meħtieġa. Id-deroga mitluba mill-Italja hija konformi mal-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
(10) |
Id-deroga li talbet l-Italja taffettwa għadd limitat ta’ bastimenti u hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali u minħabba d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira li jillimitaw il-postijiet għas-sajd. |
(11) |
Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor, peress li t-tartaruni biss għandhom il-karatteristiċi tekniċi meħtieġa biex jitwettaq dan it-tip ta’ sajd. |
(12) |
Kif imsemmi fil-premessa 9, l-STECF talab għal data addizzjonali dwar id-distribuzzjoni ġeografika tal-attivitajiet tas-sajd b’rabta mad-distribuzzjoni tal-ħabitats tal-alka. L-Italja pprovdiet din id-data addizzjonali li tikkonferma l-post tas-sajd u n-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni mal-qigħan tal-Posidonia. Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt fuq qiegħ il-baħar, l-osservazzjonijiet li twettqu abbord matul l-istaġuni tas-sajd juru li t-tartaruni joperaw b’mod effettiv biss fejn qiegħ il-baħar ikun nadif u jkun magħmul mir-ramel jew mit-tajn. Dan ta’ hawn fuq iwassal għall-konklużjoni li s-sajd bit-tartaruni ma għandux impatt sinifikanti fuq il-ħabitats protetti u huwa selettiv ħafna, minħabba li t-tartaruni jiġu kalati fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux ma’ qiegħ il-baħar – fil-fatt, kieku jinġabar il-materjal minn qiegħ il-baħar, dan jagħmel dannu lill-ispeċi fil-mira u jagħmilha kważi impossibbli li wieħed jagħżel l-ispeċi mistada minħabba d-daqs żgħir ħafna ta’ dan it-tip ta’ ħut. |
(13) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 minħabba li l-pjan ta’ ġestjoni li l-Italja adottat jipprojbixxi b’mod ċar li wieħed jistad fil-ħabitats protetti. |
(14) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jinterferixxux mal-irkapti għajr dawk tat-tkarkir, tat-tartaruni jew ta’ xbieki rmunkati simili. |
(15) |
Barra minn hekk, is-sajd ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, peress li t-tartaruni huma rkapti selettivi ħafna u ma jmissux ma’ qiegħ il-baħar. |
(16) |
Ir-rekwiżiti tal-punt (h) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwiti bl-Artikolu 8(1) u bit-Taqsima I, tal-Parti B, tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), mhumiex applikabbli għaliex jirrigwardaw il-bastimenti tat-tkarkir. |
(17) |
L-Italja awtorizzat deroga mill-qies minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u minħabba li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
(18) |
Għalkemm l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/1241, il-punt 4, tal-Parti B, tal-Anness IX, ta’ dak ir-Regolament jippermetti li jkomplu japplikaw derogi mid-daqsijiet minimi tal-malji abbażi ta’ ċerti kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5) ta’ dak ir-Regolament. Tali derogi li kellhom ikunu fis-seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2019, ma jwasslux għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber, u għandhom l-għan li jiksbu l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament. L-estensjoni mitluba tikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija. |
(19) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f’distanza qasira ħafna mill-kosta f’ilmijiet baxxi fi ħdan l-istrixxa tat-tliet mili nawtiċi u għaldaqstant ma jfixklux l-attivitajiet ta’ bastimenti oħra. |
(20) |
Il-pjan ta’ ġestjoni jirregola l-attività tat-tartaruni biex jiġi żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 6 tal-pjan ta’ ġestjoni Taljan, il-makku (Aphia minuta) jista’ jiġi mistad biss fl-istaġun tas-sajd ta’ bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Marzu ta’ kull sena u kull bastiment jista’ jistad għalih tul għadd massimu ta’ 60 jum f’kull staġun tas-sajd. |
(21) |
It-tartaruni huma selettivi ħafna u ċ-ċefalopodi mhumiex fil-mira tagħhom. |
(22) |
Il-pjan ta’ ġestjoni fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu, tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
(23) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (8). |
(24) |
Għalhekk jenħtieġ li l-estensjoni mitluba tad-deroga tingħata għal tliet snin. |
(25) |
Jenħtieġ li l-Italja tibgħat rapport lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Taljan. |
(26) |
Jenħtieġ li tiġi introdotta limitazzjoni fuq id-durata tad-deroga, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta’ ġestjoni korrettivi f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri status ħażin ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat, filwaqt li jtħalla ambitu sabiex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni aħjar. |
(27) |
Peress li d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1634 skadiet fil-31 ta’ Marzu 2021 u l-istaġun tas-sajd jibda fl-1 ta’ Novembru ta’ kull sena, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett mill-1 ta’ Novembru 2021. |
(28) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
(29) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika għas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) użati fl-ilmijiet territorjali tal-Italja li jmissu mal-kosta tar-reġjun tal-Ligurja u tar-reġjun tat-Toskana diment li dawk il-bastimenti:
(a) |
jkunu rreġistrati fid-Direttorati Marittimi (“Direzione Marittima”) ta’ Ġenova u ta’ Livorno rispettivament; |
(b) |
ikollhom rekord ippruvat ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-futur; kif ukoll |
(c) |
ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni li adottat l-Italja f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
Artikolu 2
Monitoraġġ u rapportar
Sal-1 ta’ Novembru 2022, l-Italja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2021 sal-31 ta’ Marzu 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 988/2011 tal-4 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 260, 5.10.2011, p. 15).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2407 tat-18 ta’ Diċembru 2015 li jġedded id-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 104).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1634 tat-30 ta’ Ottubru 2018 li jġedded id-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mad-distanza minima mill-kosta u mal-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 272, 31.10.2018, p. 35).
(5) Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana 297, 15.12.2021, pag. 46.
(6) Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) - is-66 Rapport Plenarju (PLEN-21-01). EUR 28359 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, disponibbli hawnhekk: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/plenary/-/asset_publisher/oS6k/document/id/2851300
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
10.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 208/5 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1387
tad-9 ta’ Awwissu 2022
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju (grain-oriented flat-rolled products of silicon-electrical steel, GOES), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka huma soġġetti għal dazju anti-dumping definittiv, kif impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/58 (2). |
(2) |
Fis-7 ta’ Lulju 2021, AK Steel Corporation (“l-applikant”), il-kodiċi addizzjonali TARIC (3) C044, kumpanija li tinsab fl-Istati Uniti tal-Amerka, li l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni ta’ prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju huma soġġetti għal dazju anti-dumping ad valorem ta’ 22 %, informat lill-Kummissjoni li kienet bidlet l-isem tagħha għal “Cleveland-Cliffs Steel Corporation”, bil-bażi f’Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerka. |
(3) |
Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping individwali applikata lilha skont l-isem li kellha qabel. |
(4) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-kumpanija biex tipprovdi tweġiba għal kwestjonarju, liema ntbagħtet fl-20 ta’ Awwissu 2021. Fit-3 ta’ Jannar 2022 ġew ipprovduti kjarifiki addizzjonali. |
(5) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni pprovduta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem kienet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma wasslitx għal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħra ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni. |
(6) |
Il-Kummissjoni vvalutat, fost l-oħrajn, id-dokumenti ta’ prova li ġejjin li ġew ipprovduti mill-applikant: ċertifikat ta’ emenda, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u rapporti finanzjarji awditjati. L-industrija tal-Unjoni ġiet ikkonsultata dwar it-talba iżda ma pprovdiet l-ebda kumment. |
(7) |
Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping ad valorem applikabbli għaliha. |
(8) |
Jenħtieġ li l-bidla fl-isem ikollha effett mid-data li fiha l-kumpanija infurmat lill-Kummissjoni li isimha nbidel (kif indikat fil-premessa 2 hawn fuq). |
(9) |
Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi TARIC addizzjonali C044. |
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 huwa emendat kif ġej:
“AK Steel Corporation, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika |
22,0 % |
C044” |
huwa sostitwit minn
“Cleveland-Cliffs Steel Corporation, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerka |
22,0 % |
C044” |
2. Il-kodiċi addizzjonali TARIC C044, li preċedentement kien attribwit lil AK Steel Corporation, għandu japplika għal Cleveland-Cliffs Steel Corporation mis-7 ta’ Lulju 2021 ’l hemm. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Cleveland-Cliffs Steel Corporation li jaqbeż id-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/58 fir-rigward ta’ AK Steel Corporation għandu jiġi rimborżat jew jinħafer f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/58 tal-14 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 10, 17.1.2022, p. 17).
(3) It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.
DEĊIŻJONIJIET
10.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 208/7 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1388
tat-23 ta’ Ġunju 2022
dwar l-oġġezzjonijiet mhux riżolti rigward it-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali Pat’Appât Souricide Canadien Foudroyant imressqa minn Franza u mill-Iżvezja f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2022) 4220)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta’ Ġunju 2013, il-prodott bijoċidali Physalys Expresse (attwalment imqiegħed fis-suq bl-isem kummerċjali Protect home express), ġie awtorizzat fil-livell nazzjonali mir-Renju Unit f’konformità mad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Fid-19 ta’ Novembru 2015 u fis-26 ta’ Frar 2019, il-prodott bijoċidali ġie rikonoxxut b’mod reċiproku minn Franza (Pat’Appât Souricide Canadien Foudroyant) u mill-Iżvezja (Rodicum Express) rispettivament, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“il-prodott bijoċidali”). Il-prodott bijoċidali huwa rodentiċida, li jaqa’ taħt it-tip ta’ prodott 14 f’konformità mal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li għandu jintuża għall-kontroll fuq ġewwa tal-ġrieden f’kaxex tal-lixka reżistenti għat-tbagħbis mimlija minn qabel, minn persuni mhux professjonisti. Il-prodott fih is-sustanza attiva approvata, l-alfakloralożju. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni attwali tal-prodotti bijoċidali huwa SBM Développement. |
(2) |
Fl-2019, Franza ġiet infurmata min-Netherlands u mill-Finlandja li fl-2018, kienet ġiet irrapportata żieda sinifikanti fil-każijiet tal-avvelenamenti primarji u sekondarji ta’ qtates u ta’ klieb b’sintomi tal-avvelenament bl-alfakloralożju miċ-ċentri għal kontra l-velenu, mis-sidien tal-annimali tad-dar u mill-kliniċi veterinarji. Fi Franza, iċ-ċentri veterinarji Franċiżi għal kontra l-velenu kienu rrapportaw ukoll żieda fl-avvelenament bl-alfakloralożju tal-annimali tad-dar, l-aktar avvelenament primarju tal-klieb bejn l-2017 u l-2018. |
(3) |
Fl-2019, l-Iżvezja rċeviet informazzjoni minn kliniċi veterinarji li tindika li r-rodentiċidi li fihom l-alfakloralożju kienu kkawżaw avvelenament sekondarju fil-qtates. L-Isptar tal-Annimali Żgħar tal-Università Żvediża tax-Xjenzi Agrikoli ddikjara li, f’dawn l-aħħar snin kien hemm għadd dejjem akbar ta’ rapporti ta’ każijiet suspettati ta’ avvelenament bl-alfakloralożju fil-qtates. |
(4) |
Fid-9 ta’ Diċembru 2019 u fis-17 ta’ Diċembru 2019, Franza u l-Iżvezja rispettivament emendaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott bijoċidali Pat’Appât Souricide Canadien Foudroyant u Rodicum Express f’konformità mal-Artikolu 48(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex jindirizzaw l-inċidenti ta’ avvelenament primarju li jinvolvu l-klieb u l-inċidenti ta’ avvelenament sekondarju li jinvolvu l-qtates. |
(5) |
Franza emendat l-awtorizzazzjoni biex tirrikjedi tikkettar addizzjonali fuq il-prodott bijoċidali li jindika b’mod ċar ir-riskju għall-bnedmin u għall-organiżmi li mhumiex fil-mira u biex fuq l-imballaġġ jiġi indikat l-obbligu li l-prodott bijoċidali jintuża biss fil-kaxex tal-lixka. |
(6) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta lill-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi, l-Iżvezja emendat l-awtorizzazzjoni tal-prodott biex tillimita l-użu għall-professjonisti mħarrġa u żiedet il-kundizzjonijiet li l-prodott bijoċidali ma kellux jintuża f’ambjenti fejn normalment ikun hemm il-qtates u li l-ġrieden mejta jridu jinġabru wara l-użu tal-prodott bijoċidali. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni appella l-emenda li saret mill-Iżvezja u mill-Qorti Żvediża tal-Art u tal-Ambjent ikkonkludiet li d-deċiżjoni tal-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi li temenda l-awtorizzazzjoni tal-prodotti li fihom l-alfakloralożju u li toħroġ restrizzjoni fir-rigward ta’ dawk il-prodotti kienet ġustifikata, u l-appell ġie miċħud. |
(7) |
Skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-15 ta’ April 2020, il-Ġermanja u d-Danimarka ressqu lill-grupp ta’ koordinazzjoni, l-oġġezzjonijiet għall-emendi tal-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali magħmula minn Franza u mill-Iżvezja. |
(8) |
L-oġġezzjoni mill-Ġermanja kienet marbuta mal-miżuri introdotti minn Franza, li fil-fehma ta’ din tal-ewwel ma kinux biżżejjed. Il-Ġermanja qieset li, sabiex jiġu indirizzati l-inċidenti tal-avvelenament sekondarju, jenħtieġ li l-użu tal-prodott bijoċidali jkun ristrett għall-użu mill-professjonisti mħarrġa. |
(9) |
L-oġġezzjoni mid-Danimarka hija marbuta mar-restrizzjoni tal-użu tal-prodott bijoċidali għall-“professjonisti mħarrġa” mill-Iżvezja. Skont id-Danimarka, ir-restrizzjoni tal-użu għall-professjonisti mħarrġa ma kinitx iġġustifikata fit-territorju tagħha. Id-Danimarka infurmat li ma kinitx konxja mill-avvelenament sekondarju li qed iseħħ fid-Danimarka u li ma kien hemm l-ebda definizzjoni ta’ “professjonisti mħarrġa” b’rabta mal-kontroll kimiku tal-ġrieden fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. |
(10) |
Fis-6 ta’ Ġunju 2020, is-segretarjat tal-grupp ta’ koordinazzjoni stieden lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni biex iressqu l-kummenti tagħhom bil-miktub dwar dan ir-riferiment. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni ssottometta l-kummenti tiegħu bil-miktub fit-30 ta’ Ġunju 2020, fis-6 ta’ Lulju 2020 u fit-23 ta’ Lulju 2020. Ir-riferiment ġie diskuss fil-grupp ta’ koordinazzjoni fis-6 u fit-23 ta’ Lulju 2020 bil-parteċipazzjoni tad-detentur tal-awtorizzazzjoni. |
(11) |
Peress li ma ntlaħaq l-ebda ftehim fil-grupp ta’ koordinazzjoni, Franza u l-Iżvezja, fil-21 ta’ Ottubru 2020 u fis-7 ta’ Awwissu 2020 rispettivament, ressqu l-oġġezzjonijiet mhux riżolti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u pprovdew dikjarazzjoni lill-Kummissjoni li tispjega fid-dettall il-kwistjoni li l-Istati Membri ma setgħux jaqblu dwarha u r-raġunijiet għal dak in-nuqqas ta’ qbil. |
(12) |
Wara r-riferimenti skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 minn Franza u mill-Iżvezja, f’Mejju 2021, l-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi (Tukes) talbet opinjoni mill-Awtorità Finlandiża tal-Ikel u mill-Assoċjazzjoni Veterinarja Finlandiża dwar l-effetti tal-prodotti tal-alfakloralożju fuq l-annimali tad-dar u l-ħtieġa li l-użu tal-prodotti tal-alfakloralożju jiġi limitat. Dik l-opinjoni, li l-Finlandja kkondividiet mal-Kummissjoni, iddikjarat li l-prodotti bijoċidali li fihom l-alfakloralożju jikkawżaw ħsara u tbatija sinifikanti kemm lill-annimali tad-dar kif ukoll lill-organiżmi selvaġġi, li l-għadd ta’ avvelenamenti tal-annimali tad-dar irrapportat lit-Tukes u lill-Awtorità Finlandiża tal-Ikel huwa sinifikanti, u li d-derogi għall-awtorizzazzjonijiet li saru f’konformità mal-Artikolu 37(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fl-2019, li jikkonsistu fir-restrizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-użu tal-prodotti bijoċidali għall-kaxex tal-lixka mimlija minn qabel biss fil-każ ta’ persuni mhux professjonisti, li l-Finlandja kienet diġà introduċiet, ma kinux naqqsu l-għadd ta’ każijiet b’mod suffiċjenti. Għalhekk, l-Awtorità Finlandiża tal-Ikel irrakkomandat li l-użu u d-disponibbiltà tal-prodotti li fihom l-alfakloralożju jenħtieġ li jkunu ristretti għall-professjonisti mħarrġa. Fit-8 ta’ Diċembru 2021, il-Finlandja mmodifikat l-awtorizzazzjonijiet tar-rodentiċidi li fihom l-alfakloralożju biex tillimita l-prodotti għall-użu professjonali f’konformità mal-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
(13) |
Barra minn hekk, l-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi kisbet informazzjoni addizzjonali fil-forma ta’ analiżijiet tal-kampjuni tad-demm mill-Isptar Universitarju tal-Annimali f’Uppsala, l-Iżvezja, li kkonfermat il-preżenza tal-alfakloralożju fid-demm tal-annimali avvelenati. |
(14) |
Skont l-Artikolu 19(1)(b)(iii), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-fatt li l-prodott bijoċidali ma għandu l-ebda effett mhux aċċettabbli immedjat jew li jdum, hu nnifsu u lanqas bħala riżultat tar-residwi tiegħu, fuq is-saħħa tal-annimali, direttament jew permezz tal-ilma tax-xorb, l-ikel, l-għalf, l-arja jew, permezz ta’ effetti indiretti oħra huwa kundizzjoni biex tingħata awtorizzazzjoni. |
(15) |
L-Artikolu 19(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprevedi li prodott bijoċidali jista’ jiġi awtorizzat meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b)(iii), ma jkunux sodisfati għalkollox, f’każ li n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali jirriżulta f’impatti negattivi sproporzjonati għas-soċjetà meta mqabbel mar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tal-prodott bijoċidali bil-kondizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(5), it-tieni subparagrafu, jiddikjara li l-użu ta’ kwalunkwe prodott bijoċidali awtorizzat skont dik id-dispożizzjoni għandu jkun suġġett għal miżuri xierqa għat-tnaqqis tar-riskji biex jiġi żgurat li l-espożizzjoni tal-bnedmin u tal-ambjent għal dak il-prodott tkun minimizzata. L-użu ta’ prodott bijoċidali awtorizzat skont dak il-paragrafu għandu ikun ristrett għall-Istati Membri fejn tkun issodisfata l-kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu. |
(16) |
Wara li eżaminat bir-reqqa l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri u mid-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali, b’kont meħud tal-opinjoni mill-Awtorità Finlandiża tal-Ikel u mill-Assoċjazzjoni Veterinarja Żvediża, kif ukoll ir-rapporti mill-Isptar Universitarju tal-Annimali f’Uppsala u mill-Assoċjazzjoni Veterinarja Żvediża, li fiha kien indikat li l-prodott bijoċidali għandu effetti inaċċettabbli fuq is-saħħa tal-annimali u kkonfermat, permezz ta’ testijiet analitiċi mwettqa fuq l-annimali avvelenati, li kienu seħħew għadd sinifikanti ta’ inċidenti tal-avvelenament bl-alfakloralożju li jinvolvu l-qtates, il-Kummissjoni tqis li l-prodott bijoċidali ma jissodisfax bis-sħiħ il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
(17) |
Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-prodott bijoċidali jista’ jiġi awtorizzat biss fl-Istati Membri li jqisu li n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tiegħu tirriżulta f’impatti negattivi sproporzjonati għas-soċjetà meta mqabbla mar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tal-prodott bijoċidali bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni. |
(18) |
Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-użu tal-prodott bijoċidali jrid ikun soġġett għal miżuri xierqa għat-tnaqqis tar-riskji biex jiġi żgurat li l-espożizzjoni tal-annimali u tal-ambjent għal dak il-prodott bijoċidali tkun minimizzata. |
(19) |
Is-sustanza attiva alfakloralożju ddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE biex tintuża fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 14, u għalhekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, titqies li hi approvata skont dak ir-Regolament, soġġetta għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. |
(20) |
Fl-24 ta’ Diċembru 2019, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġiet sottomessa applikazzjoni għat-tiġdid tas-sustanza attiva alfakloralożju lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi. Fil-15 ta’ Ottubru 2020, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) ta’ dak ir-Regolament, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni għat-tiġdid. |
(21) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni tal-alfakloralożju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 14 kellha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2021, qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-alfakloralożju ġiet posposta għall-31 ta’ Diċembru 2023, biex tkun tista’ ssir l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/333 (3). |
(22) |
Ir-riskju ta’ avvelenament sekondarju tal-annimali minħabba l-użu ta’ prodotti bijoċidali li fihom l-alfakloralożju u l-miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji meħtieġa li jridu jiġu applikati sabiex jitnaqqas dak ir-riskju għal livell aċċettabbli jenħtieġ li jiġu vvalutati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-alfakloralożju, u jenħtieġ li sussegwentement jitqiesu kif xieraq mill-Istati Membri fl-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali li fihom l-alfakloralożju. |
(23) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ inċidenti tal-avvelenament primarju u sekondarju mill-użu tal-prodotti bijoċidali li fihom l-alfakloralożju, fil-forma mqiegħda fis-suq, jenħtieġ li, eċċezzjonalment, sakemm tiġi konkluża l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-alfakloralożju, ikunu jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi partikolari u l-evidenza disponibbli li tkun xjentifikament ivvalidata, tal-okkorrenza tal-inċidenti tal-avvelenament sekondarju fl-Istati Membri individwali. Xi Stati Membri jistgħu, pereżempju, iqisu li huwa meħtieġ li l-użu tal-prodotti bijoċidali li fihom l-alfakloralożju jiġi limitat għall-professjonisti mħarrġa filwaqt li oħrajn jistgħu jqisu li rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar ikunu biżżejjed. |
(24) |
Fil-15 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni tat lid-detentur tal-awtorizzazzjoni l-opportunità li jipprovdi kummenti bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni pprovda kummenti li l-Kummissjoni mbagħad qieset. |
(25) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-prodott bijoċidali identifikat min-numru tal-assi fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali FR-0005286-0000 ma jissodisfax bis-sħiħ il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
Il-prodott bijoċidali identifikat bin-numru tal-assi fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali FR-0005286-0000 jista’ jiġi awtorizzat biss fl-Istati Membri li jqisu li n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tiegħu tirriżulta f’impatti negattivi sproporzjonati għas-soċjetà meta mqabbla mar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tal-prodott bijoċidali bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni.
L-użu tal-prodott bijoċidali għandu jkun soġġett għal miżuri xierqa ta’ tnaqqis tar-riskji, kif imsemmi fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li għandhom jiġu adottati f’kull Stat Membru abbażi taċ-ċirkostanzi partikolari u tal-evidenza disponibbli tal-okkorrenza tal-inċidenti tal-avvelenament sekondarju f’dak l-Istat Membru.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/333 tal-24 ta’ Frar 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-alfakloralożju għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 14 (ĠU L 65, 25.2.2021, p. 58).