ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 70

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
4 ta' Marzu 2022

Werrej

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

REGOLAMENTI

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/375 tat-3 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

1

DEĊIŻJONIJIET

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/376 tat-3 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

7

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.

II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/375

tat-3 ta’ Marzu 2022

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1), b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 208/2014.

(2)

Fuq il-bażi ta’ rieżami mill-Kunsill, l-informazzjoni fl-Anness I għal dak ir-Regolament dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jenħtieġ li tiġi aġġornata.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DARMANIN

(1)  ĠU L 66, 6.3.2014, p. 1.

ANNESS

It-taqsima B (“Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”) tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 208/2014 hija sostitwita b’dan li ġej:

“B.   Drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (‘Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali’) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: id-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.

L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku jridu jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u jridu jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati

1.   Viktor Fedorovych Yanukovych

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-10 ta’ Awwissu 2020 fil-proċediment kriminali Nru 42016000000000785 li fih il-Qorti eżaminat il-petizzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess biex jinqabad is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni tal-Qorti, l-imħallef inkwirenti kkonferma li hemm suspett raġonevoli tal-involviment tas-Sur Yanukovych f’reat kriminali relatat ma’ miżapproprjazzjoni, u kkonferma wkoll l-istatus tas-Sur Yanukovych bħala suspettat fil-proċedimenti kriminali.

Il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni stabbiliet ukoll li s-Sur Yanukovych ilu joqgħod barra mill-Ukrajna mill-2014. Il-Qorti kkonkludiet li kien hemm biżżejjed bażijiet biex jitwemmen li s-Sur Yanukovych kien qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

Barra minn hekk, fil-15 ta’ Settembru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna segwiet il-mozzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess għad-detenzjoni tas-Sur Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni l-imħallef inkwirenti kkonferma l-konklużjonijiet tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-10 ta’ Awwissu 2020.

Fil-proċediment kriminali Nru 42015000000002833, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2021 tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fir-rigward tas-Sur Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni, l-imħallef inkwirenti kkonferma l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Yanukovych u kkonkluda li l-evidenza tagħti bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur Yanukovych wettaq ir-reati kriminali li bihom huwa suspettat. L-imħallef ikkonkluda wkoll li hemm bażijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li s-Sur Yanukovych qed jevadi deliberatament l-investigazzjoni u l-qorti sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna imponiet detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Yanukovych kif ukoll il-bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur Yanukovych wettaq reati kriminali. L-imħallef enfasizza wkoll li hemm riskju li s-Sur Yanukovych jinħeba mill-investigazzjoni u mill-qorti biex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-prosekutur qies li l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess kienet biżżejjed biex jitfassal att ta’ akkuża u s-Sur Yanukovych u l-avukati tiegħu ġew innotifikati dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Id-difiża ngħatat aċċess għall-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

2.   Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw id-detenzjoni taħt kustodja tas-Sur Zakharchenko kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi ta’ Kiev bid-data tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Zakharchenko u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Zakharchenko, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

3.   Viktor Pavlovych Pshonka

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur V. Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjoni mill-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tat-2 ta’ Ottubru 2020, li ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukati tas-Sur V. Pshonka biex jitħassar l-avviż ta’ suspett bid-data tat-22 ta’ Diċembru 2014. Il-Qorti kkonkludiet li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur V. Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti. Barra minn hekk, fis-7 ta’ Mejju 2020 u fid-9 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna irrifjutat talba biex jinfetħu proċedimenti magħmula abbażi ta’ ilment minn avukati dwar nuqqas ta’ azzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fil-proċedimenti kriminali. L-Awla tal-Appell tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni kkonfermat dawk id-deċiżjonijiet fl-1 ta’ Ġunju 2020 u s-26 ta’ Novembru 2020, rispettivament.

Barra minn hekk, fis-16 ta’ Frar 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tal-14 ta’ Jannar 2021. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur V. Pshonka. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-ilment tal-avukati tas-Sur V. Pshonka dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-prosekutur.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur V. Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn jinsab is-Sur V. Pshonka u biex jiġi interrogat. Dik it-talba ġiet miċħuda mir-Russja. Qabel, l-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talbiet għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2016 u l-2018.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur V. Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur V. Pshonka kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talbiet għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

6.   Viktor Ivanovych Ratushniak

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Ratushniak kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi ta’ Kiev tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Ratushniak u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021 l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Ratushniak, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawn id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak kkontribwew ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

7.   Oleksandr Viktorovych Yanukovych

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur O. Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna. Fil-proċediment kriminali Nru 42015000000002833, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2021 tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fir-rigward tas-Sur O. Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni, l-imħallef inkwirenti kkonferma l-istatus ta’ suspettat tas-Sur O. Yanukovych u kkonkluda li l-evidenza tagħti bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur O. Yanukovych wettaq ir-reati kriminali li bihom huwa ssuspettat. L-imħallef ikkonkluda wkoll li hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li s-Sur O. Yanukovych qed jevadi deliberatament l-investigazzjoni u l-qorti sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna imponiet detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur O. Yanukovych. Fid-deċiżjoni l-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur O. Yanukovych kif ukoll il-bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur O. Yanukovych wettaq reati kriminali. L-imħallef enfasizza wkoll li hemm riskju ta’ ħabi mill-investigazzjoni u mill-qorti biex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-prosekutur qies li l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess kienu biżżejjed biex jitfassal att ta’ akkuża u s-Sur O. Yanukovych u l-avukati tiegħu ġew innotifikati dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Id-difiża ngħatat aċċess għall-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur O. Yanukovych, li qed joqgħod fil-Federazzjoni Russa u qed jevita l-investigazzjoni.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur O. Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur O. Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

9.   Artem Viktorovych Pshonka

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur A. Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tat-8 ta’ Lulju 2020, li ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukati tas-Sur A. Pshonka biex tiġi kkanċellata r-riżoluzzjoni tal-prosekutur bid-data tat-30 ta’ April 2015 dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur A. Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti kriminali.

Barra minn hekk, fl-10 ta’ Frar 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tal-14 ta’ Jannar 2021. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur A. Pshonka. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-ilment tal-avukati tas-Sur A. Pshonka dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-prosekutur.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur A. Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn tinsab il-persuna suspettata u biex tiġi interrogata. Din it-talba ġiet miċħuda mir-Russja. Qabel, l-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talba għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2018.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur A. Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur A. Pshonka kif ukoll lil nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

12.   Serhiy Vitalyovych Kurchenko

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari permezz tal-fatt li d-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000003393 fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill għandu informazzjoni li għaddejja l-familjarizzazzjoni mid-difiża. Fil-11 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna informa wkoll lill-avukati difensuri tas-Sur Kurchenko dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u l-għoti ta’ aċċess għall-materjal tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill irċieva informazzjoni li l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ppreżenta mozzjoni biex jiġi stabbilit skadenza għar-rieżami mill-parti tad-difiża sabiex jiġi indirizzat id-dewmien tal-parti tad-difiża fir-rieżami tal-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

B’rabta mal-proċediment kriminali Nru. 12014160020000076, fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Fl-20 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odesa tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess in absentia. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odesa ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-prosekutur dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tas-27 ta’ Lulju 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Kurchenko. Fit-13 ta’ Mejju 2021, id-Dipartiment Prinċipali tal-Pulizija Nazzjonali fir-Reġjun ta’ Odessa bagħat it-talba lill-Uffiċċju Ukren tal-Interpol u l-Europol biex jippubblikaw Avviż Aħmar dwar is-Sur Kurchenko, li qed jiġi kkunsidrat. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.”

DEĊIŻJONIJIET

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/7

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/376

tat-3 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (1).

(2)

Fuq il-bażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi jenħtieġ li tiġi estiża sas-6 ta’ Marzu 2023 fir-rigward ta’ tliet persuni, u sas-6 ta’ Settembru 2022 fir-rigward ta’ erba’ persuni. Barra minn hekk, l-informazzjoni fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż id-dritt fundamentali għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit minn qabel bil-liġi, jenħtieġ li tiġi aġġornata. Minbarra dan, l-entrata għal persuna waħda — li l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kontriha skadiet fis-6 ta’ Settembru 2021 — kif ukoll l-informazzjoni dwar id-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jenħtieġ li jitħassru.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/119/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/119/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-6 ta’ Marzu 2023. Fir-rigward tal-entrati 1, 3, 7 u 9 fl-Anness, il-miżuri fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw sas-6 ta’ Settembru 2022”;

(2)

l-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DARMANIN

(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, 6.3.2014, p. 26).

ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/119/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-taqsima A (“Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 1”), titħassar l-entrata għall-persuna li ġejja:

17.

Oleksandr Viktorovych Klymenko (Олександр Вiкторович Клименко);

(2)

it-taqsima B (“Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”) hija sostitwita b’dan li ġej:

“B.   Drittijiet tad-difiża u dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna (“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”) jipprevedi li kull persuna li tkun suspettata jew mixlija fi proċedimenti kriminali tgawdi d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn jinkludu: id-dritt li wieħed ikun infurmat bir-reat kriminali li jkun ġie ssuspettat jew akkużat bih; id-dritt li jkun infurmat, espressament u fil-pront, bid-drittijiet tiegħu taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali; id-dritt li jkollu, meta jkun talab għall-ewwel darba, aċċess għal avukat tad-difiża; id-dritt li jippreżenta petizzjonijiet għal azzjonijiet proċedurali; u d-dritt li jikkontesta d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet u l-omissjonijiet mill-investigatur, il-prosekutur pubbliku u l-imħallef inkwirenti.

L-Artikolu 303 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn deċiżjonijiet u ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati matul il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess (l-ewwel paragrafu) u d-deċiżjonijiet, l-atti u l-omissjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-qorti matul il-proċedimenti preparatorji (it-tieni paragrafu). L-Artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti kontra deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet tal-investigatur jew il-prosekutur pubbliku jridu jiġu kkunsidrati minn imħallef inkwirenti ta’ Qorti lokali fil-preżenza tar-rikorrenti jew l-avukat tad-difiża jew ir-rappreżentant legali tiegħu. L-Artikolu 308 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi li l-ilmenti li jirrigwardaw in-nuqqas mill-investigatur jew mill-prosekutur pubbliku li josservaw żmien raġonevoli matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jistgħu jiġu ppreżentati lil prosekutur pubbliku superjuri u jridu jiġu kkunsidrati fi żmien tlett ijiem minn meta jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, l-Artikolu 309 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti li jistgħu jiġu kkontestati b’appell, u li deċiżjonijiet oħra jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ proċeduri preparatorji fil-Qorti. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet investigattivi proċedurali huma possibbli biss soġġett għal deċiżjoni mill-imħallef inkwirenti jew minn Qorti (pereżempju s-sekwestru ta’ proprjetà taħt l-Artikoli 167 sa 175, u miżuri ta’ detenzjoni taħt l-Artikoli 176 sa 178, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

Applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull waħda mill-persuni elenkati

1.   Viktor Fedorovych Yanukovych

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-10 ta’ Awwissu 2020 fil-proċediment kriminali Nru 42016000000000785 li fih il-Qorti eżaminat il-petizzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess biex jinqabad is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni tal-Qorti, l-imħallef inkwirenti kkonferma li hemm suspett raġonevoli tal-involviment tas-Sur Yanukovych f’reat kriminali relatat ma’ miżapproprjazzjoni, u kkonferma wkoll l-istatus tas-Sur Yanukovych bħala suspettat fil-proċedimenti kriminali.

Il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni stabbiliet ukoll li s-Sur Yanukovych ilu joqgħod barra mill-Ukrajna mill-2014. Il-Qorti kkonkludiet li kien hemm biżżejjed bażijiet biex jitwemmen li s-Sur Yanukovych kien qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

Barra minn hekk, fil-15 ta’ Settembru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna segwiet il-mozzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u tat permess għad-detenzjoni tas-Sur Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni l-imħallef inkwirenti kkonferma l-konklużjonijiet tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tal-10 ta’ Awwissu 2020.

Fil-proċediment kriminali Nru 42015000000002833, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2021 tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fir-rigward tas-Sur Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni, l-imħallef inkwirenti kkonferma l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Yanukovych u kkonkluda li l-evidenza tagħti bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur Yanukovych wettaq ir-reati kriminali li bihom huwa suspettat. L-imħallef ikkonkluda wkoll li hemm bażijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li s-Sur Yanukovych qed jevadi deliberatament l-investigazzjoni u l-qorti sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna imponiet detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Yanukovych. Fid-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Yanukovych kif ukoll il-bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur Yanukovych wettaq reati kriminali. L-imħallef enfasizza wkoll li hemm riskju li s-Sur Yanukovych jinħeba mill-investigazzjoni u mill-qorti biex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-prosekutur qies li l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess kienet biżżejjed biex jitfassal att ta’ akkuża u s-Sur Yanukovych u l-avukati tiegħu ġew innotifikati dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Id-difiża ngħatat aċċess għall-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

2.   Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Zakharchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw id-detenzjoni taħt kustodja tas-Sur Zakharchenko kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi ta’ Kiev bid-data tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Zakharchenko u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu s-Sur Zakharchenko. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Zakharchenko fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Zakharchenko, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawk id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Zakharchenko kien qed jaħrab mill-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Zakharchenko kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

3.   Viktor Pavlovych Pshonka

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur V. Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari fid-deċiżjoni mill-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tat-2 ta’ Ottubru 2020, li ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukati tas-Sur V. Pshonka biex jitħassar l-avviż ta’ suspett bid-data tat-22 ta’ Diċembru 2014. Il-Qorti kkonkludiet li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur V. Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti. Barra minn hekk, fis-7 ta’ Mejju 2020 u fid-9 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna irrifjutat talba biex jinfetħu proċedimenti magħmula abbażi ta’ ilment minn avukati dwar nuqqas ta’ azzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fil-proċedimenti kriminali. L-Awla tal-Appell tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni kkonfermat dawk id-deċiżjonijiet fl-1 ta’ Ġunju 2020 u s-26 ta’ Novembru 2020, rispettivament.

Barra minn hekk, fis-16 ta’ Frar 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tal-14 ta’ Jannar 2021. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur V. Pshonka. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-ilment tal-avukati tas-Sur V. Pshonka dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-prosekutur.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur V. Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn jinsab is-Sur V. Pshonka u biex jiġi interrogat. Dik it-talba ġiet miċħuda mir-Russja. Qabel, l-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talbiet għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2016 u l-2018.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur V. Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur V. Pshonka kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talbiet għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

6.   Viktor Ivanovych Ratushniak

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Ratushniak, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-imħallef inkwirenti tad-19 ta’ April 2021 li jordnaw detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Ratushniak kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Pecherskyi ta’ Kiev tal-10 ta’ Awwissu 2021 li tagħti permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000002929. Dawk id-deċiżjonijiet tal-imħallfin inkwirenti jikkonfermaw l-istatus ta’ suspettat tas-Sur Ratushniak u jenfasizzaw li s-suspettat qed jinħeba mill-investigazzjoni sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Ratushniak. Fit-12 ta’ Frar 2020, il-korp investigattiv iddeċieda li jqiegħed lis-Sur Ratushniak fil-lista internazzjonali ta’ persuni mfittxijin u bagħat it-talba lid-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija fi ħdan il-Pulizija Nazzjonali tal-Ukrajna biex jiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-Interpol. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Mejju 2021 l-Ukrajna bagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa biex tistabbilixxi fejn jinsab is-Sur Ratushniak, li ġiet irrifjutata mir-Russja fil-31 ta’ Awwissu 2021.

Ma jista’ jiġi aċċertat ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fiċ-ċirkostanzi fejn id-difiża ma tkunx qed teżerċita dawn id-drittijiet.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Ratushniak kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur Ratushniak kkontribwew ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

7.   Oleksandr Viktorovych Yanukovych

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur O. Yanukovych, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna. Fil-proċediment kriminali Nru 42015000000002833, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2021 tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess fir-rigward tas-Sur O. Yanukovych. F’dik id-deċiżjoni, l-imħallef inkwirenti kkonferma l-istatus ta’ suspettat tas-Sur O. Yanukovych u kkonkluda li l-evidenza tagħti bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur O. Yanukovych wettaq ir-reati kriminali li bihom huwa ssuspettat. L-imħallef ikkonkluda wkoll li hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li s-Sur O. Yanukovych qed jevadi deliberatament l-investigazzjoni u l-qorti sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna imponiet detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur O. Yanukovych. Fid-deċiżjoni l-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur O. Yanukovych kif ukoll il-bażijiet raġonevoli biex jiġi ssuspettat li s-Sur O. Yanukovych wettaq reati kriminali. L-imħallef enfasizza wkoll li hemm riskju ta’ ħabi mill-investigazzjoni u mill-qorti biex jevita r-responsabbiltà kriminali.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li fid-29 ta’ Diċembru 2021 il-prosekutur qies li l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess kienu biżżejjed biex jitfassal att ta’ akkuża u s-Sur O. Yanukovych u l-avukati tiegħu ġew innotifikati dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Id-difiża ngħatat aċċess għall-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur O. Yanukovych, li qed joqgħod fil-Federazzjoni Russa u qed jevita l-investigazzjoni.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur O. Yanukovych kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq attribwiti lis-Sur O. Yanukovych ikkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

9.   Artem Viktorovych Pshonka

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur A. Pshonka, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tat-8 ta’ Lulju 2020, li ċaħdet l-appell ippreżentat mill-avukati tas-Sur A. Pshonka biex tiġi kkanċellata r-riżoluzzjoni tal-prosekutur bid-data tat-30 ta’ April 2015 dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-avviż ta’ suspett ġie nnotifikat f’konformità mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Ukrajna u kkonfermat l-istatus tas-Sur A. Pshonka bħala persuna suspettata fil-proċedimenti kriminali.

Barra minn hekk, fl-10 ta’ Frar 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tal-14 ta’ Jannar 2021. F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti kkonfermat l-istatus ta’ suspettat tas-Sur A. Pshonka. Barra minn hekk, fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ċaħdet l-ilment tal-avukati tas-Sur A. Pshonka dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-prosekutur.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur A. Pshonka. Fl-24 ta’ Lulju 2020, intbagħtet talba għal assistenza legali internazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa biex jiġi stabbilit fejn tinsab il-persuna suspettata u biex tiġi interrogata. Din it-talba ġiet miċħuda mir-Russja. Qabel, l-awtoritajiet Russi ċaħdu t-talba għal assistenza legali internazzjonali mibgħuta lilhom fl-2018.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur A. Pshonka kien qed jaħrab l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kontra l-Korruzzjoni attribwiti lis-Sur A. Pshonka kif ukoll lil nuqqas ta’ eżekuzzjoni preċedenti tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.

12.   Serhiy Vitalyovych Kurchenko

Il-proċedimenti kriminali relatati mal-miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi għadhom għaddejjin.

L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Kurchenko, inkluż id-dritt fundamentali li l-kawża tiegħu tinstema’ fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan jidher b’mod partikolari permezz tal-fatt li d-difiża ġiet notifikata bit-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fil-proċediment kriminali Nru 42016000000003393 fit-28 ta’ Marzu 2019 u ngħatat aċċess għall-materjali għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill għandu informazzjoni li għaddejja l-familjarizzazzjoni mid-difiża. Fil-11 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna informa wkoll lill-avukati difensuri tas-Sur Kurchenko dwar it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u l-għoti ta’ aċċess għall-materjal tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess għall-familjarizzazzjoni. Il-Kunsill irċieva informazzjoni li l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna ppreżenta mozzjoni biex jiġi stabbilit skadenza għar-rieżami mill-parti tad-difiża sabiex jiġi indirizzat id-dewmien tal-parti tad-difiża fir-rieżami tal-materjali tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

B’rabta mal-proċediment kriminali Nru. 12014160020000076, fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Settembru 2020, il-Qorti ta’ Appell ta’ Odessa laqgħet l-appell mill-prosekutur u imponiet miżura preventiva ta’ detenzjoni taħt kustodja fuq is-Sur Kurchenko. Il-Qorti ddikjarat ukoll li s-Sur Kurchenko telaq mill-Ukrajna fl-2014 u li ma jistax jiġi stabbilit fejn jinsab. Il-Qorti kkonkludiet li s-Sur Kurchenko qed jinħeba mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess sabiex jevita r-responsabbiltà kriminali. Fl-20 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odesa tat permess biex titwettaq investigazzjoni speċjali ta’ qabel il-proċess in absentia. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti Distrettwali ta’ Kyivskyi tal-Belt ta’ Odesa ċaħdet l-appell tal-avukati biex tikkanċella r-riżoluzzjoni tal-prosekutur dwar is-sospensjoni tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess bid-data tas-27 ta’ Lulju 2021.

Il-Kunsill għandu informazzjoni li l-awtoritajiet Ukreni ħadu miżuri biex ifittxu lis-Sur Kurchenko. Fit-13 ta’ Mejju 2021, id-Dipartiment Prinċipali tal-Pulizija Nazzjonali fir-Reġjun ta’ Odessa bagħat it-talba lill-Uffiċċju Ukren tal-Interpol u l-Europol biex jippubblikaw Avviż Aħmar dwar is-Sur Kurchenko, li qed jiġi kkunsidrat. Il-Kunsill ġie infurmat li fid-29 ta’ April 2020 l-awtoritajiet Ukreni bagħtu talba għal assistenza legali internazzjonali lill-Federazzjoni Russa, li ġiet irritornata fit-28 ta’ Lulju 2020 mingħajr eżekuzzjoni.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill iqis li l-perijodi li matulhom is-Sur Kurchenko kien qed jevita l-investigazzjoni jridu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perijodu rilevanti għall-valutazzjoni tar-rispett tad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kunsill iqis li ċ-ċirkostanzi deskritti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Odessa attribwiti lis-Sur Kurchenko kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-talba għal assistenza legali internazzjonali kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tul tal-investigazzjoni.”.