ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 61

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
28 ta' Frar 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/339 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/339

tat-28 ta’ Frar 2022

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), punt (b)(i), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

L-approfondiment tad-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2). Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u l-allinjament mal-PESK bejn l-Unjoni u l-Ukrajna kienu wieħed mill-eżiti tas-summit tal-2020 bejn l-UE u l-Ukrajna tal-2020, li kompla jissaħħaħ fis-summit UE-Ukrajna tal-2021.

(3)

Il-forzi Armati Ukreni huma involuti f’kunflitt ta’ seba’ snin b’vittmi u mwiet militari u ċivili li għadhom għaddejjin. Il-kunflitt eskala b’mod drammatiku fi Frar 2022 minħabba invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa.

(4)

Minħabba s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora mill-bidu tal-2022, l-Istati Membri kienu qed jipprovdu assistenza lill-Forzi Armati Ukreni. Tali assistenza jenħtieġ li tkun eliġibbli għal finanzjament taħt l-EPF.

(5)

Fil-25 ta’ Frar 2022, il-Gvern tal-Ukrajna għamel talba urġenti lill-Unjoni għal assistenza fil-forniment ta’ tagħmir militari.

(6)

Miżuri ta’ Assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b’mod partikolari l-konformità mal-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt il-EPF.

(7)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jonora d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenefika lill-Ukrajna (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“Miżura ta’ Assistenza”).

2.   L-objettiv tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati Ukreni biex jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna u jipproteġu l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari li għaddejja bħalissa.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-forniment ta’ tagħmir u provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, bħal tagħmir ta’ protezzjoni personali, kaxxi għall-ewwel għajnuna u fjuwil lill-Forzi Armati Ukreni.

4.   Id-durata tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun ta’ 24 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 50 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

3.   F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 50 000 000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju tal-2022 li tikkorrispondi għall-Miżura ta’ Assistenza.

4.   In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2022 u sa data li għandha tiġi ddeterminata mill-Kunsill.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u l-Artikolu 62(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF, b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   Il-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jiddefinixxi aktar it-tip u l-kwantità ta’ appoġġ li għandhom jiġu ffinanzjati taħt l-Miżura ta’ Assistenza, filwaqt li jqis il-prijoritajiet rrakkomandati mill-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-Forzi Armati Ukreni.

3.   L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-attur(i) responsabbli għall-implimentazzjoni, għandu jirrapporta lill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar il-kunsinna ta’ tagħmir, inkluż il-kwantitajiet, it-tipi u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, għal aktar segwitu u monitoraġġ.

4.   L-implimentazzjoni tal-attività msemmija fl-Artikolu 1(3) tista’ titwettaq minn:

(a)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Awstrija;

(b)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Belġju;

(c)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Bulgarija;

(d)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Kroazja;

(e)

il-Ministeru għad-Difiża ta’ Ċipru;

(f)

il-Ministeru għad-Difiża taċ-Ċekja;

(g)

il-Ministeru għad-Difiża tad-Danimarka;

(h)

iċ-Ċentru Estonjan għall-Investimenti fid-Difiża (ECDI) f’isem il-Ministeru tad-Difiża tal-Estonja;

(i)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Finlandja;

(j)

il-Ministeru għad-Difiża ta’ Franza;

(k)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Ġermanja;

(l)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Greċja;

(m)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Ungerija;

(n)

id-Dipartiment għad-Difiża tal-Irlanda;

(o)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Italja;

(p)

iċ-Ċentru għal-Loġistika u l-Akkwist fil-qasam tad-Difiża tal-Istat tal-Latvja;

(q)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Litwanja;

(r)

id-Direttorat tad-Difiża tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Lussemburgu;

(s)

il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ta’ Malta;

(t)

il-Ministru għad-Difiża tan-Netherlands;

(u)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Polonja;

(v)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Portugall;

(w)

il-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tar-Rumanija;

(x)

il-Ministeru għad-Difiża tar-Repubblika Slovakka;

(y)

il-Ministeru għad-Difiża tas-Slovenja;

(z)

il-Ministeru għad-Difiża ta’ Spanja;

(aa)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Iżvezja / il-Forzi Armati Żvediżi.

Artikolu 5

Appoġġ mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ finanzjarju u loġistiku lill-Ukrajna, inkluż il-forniment ta’ tagħmir protettiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tranżitu ta’ tagħmir militari inkluż persunal ta’ akkumpanjament, mit-territorji tagħhom, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 6

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-monitoraġġ tar-rispett tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3 mill-benefiċjarju. Tali monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati Ukreni appoġġati taħt il-Miżura ta’ Assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tal-provvisti għandu jiġi organizzat b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fil-qafas tal-EPF.

Artikolu 7

Rapportar

Matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 8

Sospensjoni u terminazzjoni

Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Il-KPS jista’ wkoll jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-Miżura ta’ Assistenza.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(3)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).