ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 60 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 65 |
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
* |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
DEĊIŻJONIJIET
28.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 60/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/338
tat-28 ta’ Frar 2022
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-provvista lill-Forzi Armati Ukreni ta’ tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni skont il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 1(2), punt (b)(i), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
(2) |
L-approfondiment tad-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2). Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u l-allinjament mal-PESK bejn l-Unjoni u l-Ukrajna kienu wħud mill-eżiti tas-summit bejn l-UE u l-Ukrajna tal-2020, li ssaħħew aktar fis-summit bejn l-UE u l-Ukrajna tal-2021. |
(3) |
Il-Forzi Armati Ukreni huma impenjati f’konflitt ta’ seba’ snin b’ferimenti u mwiet militari u ta’ ċittadini li jkomplu għaddejjin. Il-konflitt eskala b’mod drammatiku fi Frar 2022 minħabba invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa. |
(4) |
Minħabba s-sitwazzjoni dejjem sejra għall-agħar mill-bidu tal-2022, l-Istati Membri kienu qed jipprovdu assistenza lill-Forzi Armati Ukreni. Jenħtieġ li tali assistenza tkun eliġibbli għal finanzjament taħt l-EPF. |
(5) |
Fil-25 ta’ Frar 2022, il-Gvern tal-Ukrajna għamel talba urġenti lill-Unjoni għall-assistenza fil-forniment ta’ tagħmir militari. |
(6) |
Miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b’mod partikolari tal-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu l-EPF. |
(7) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul ta’ żmien
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenifika minnha l-Ukrajna (il-"benefiċjarju"), li tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-"Miżura ta’ Assistenza").
2. L-objettiv tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati Ukreni biex jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna u jipproteġu l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari li għaddejja bħalissa.
3. Sabiex jintlaħaq l-objettiv li jinsab fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-provvista lill-Forzi Armati Ukreni ta’ tagħmir u pjattaformi militari mfassla biex iwasslu forza letali.
4. Id-durata tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun ta’ 24 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 450 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu l-EPF.
3. F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 450 000 000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju tal-2022 li tikkorrispondi għall-Miżura ta’ Assistenza.
4. In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2022 sa data li għandha tiġi ddeterminata mill-Kunsill.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u l-Artikolu 62(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fl-ambitu tal-Miżura ta’ Assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ fl-ambitu tal-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq fl-ambitu tal-EPF, b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fl-ambitu tal-EPF.
2. Il-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jiddefinixxi ulterjorment it-tip u l-kwantità ta’ appoġġ li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-Miżura ta’ Assistenza, filwaqt li jqis il-prijoritajiet rakkomandati mill-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-Forzi Armati Ukreni.
3. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, abbażi tal-informazzjoni riċevuta mill-attur(i) responsabbli mill-implimentazzjoni, għandu jirrapporta lill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar il-kunsinna ta’ tagħmir, inkluż il-kwantitajiet, it-tipi u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għal aktar segwitu u monitoraġġ.
4. L-implimentazzjoni tal-attività msemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn:
(a) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Belġju; |
(b) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Bulgarija; |
(c) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Kroazja; |
(d) |
il-Ministeru għad-Difiża ta’ Ċipru; |
(e) |
il-Ministeru għad-Difiża taċ-Ċekja; |
(f) |
il-Ministeru għad-Difiża tad-Danimarka; |
(g) |
iċ-Ċentru Estonjan għall-Investimenti fid-Difiża (ECDI) f’isem il-Ministeru għad-Difiża tal-Estonja; |
(h) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Finlandja; |
(i) |
il-Ministeru għad-Difiża ta’ Franza; |
(j) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Ġermanja; |
(k) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Greċja; |
(l) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Ungerija; |
(m) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Italja; |
(n) |
iċ-Ċentru tal-Loġistika u l-Akkwist tad-Difiża tal-Istat tal-Latvja; |
(o) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Litwanja; |
(p) |
id-Direttorat tad-Difiża tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Lussemburgu; |
(q) |
il-Ministeru għad-Difiża tan-Netherlands; |
(r) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Polonja; |
(s) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Portugall; |
(t) |
il-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tar-Rumanija; |
(u) |
il-Ministeru għad-Difiża tar-Repubblika Slovakka; |
(v) |
il-Ministeru għad-Difiża tas-Slovenja; |
(w) |
il-Ministeru għad-Difiża ta’ Spanja; |
(x) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Iżvezja / Forzi Armati Żvediżi. |
Artikolu 5
Appoġġ mill-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tranżitu ta’ tagħmir militari, inkluż il-persunal li jakkumpanjah, mit-territorji tagħhom, inkluż mill-ispazju tal-ajru tagħhom.
Artikolu 6
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-monitoraġġ tar-rispett tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3 mill-benefiċjarju. Tali monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti skont l-Artikolu 3, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali minn unitajiet tal-Forzi Armati Ukreni appoġġati fl-ambitu tal-Miżura ta’ Assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir għandu jiġi organizzat b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
Artikolu 7
Rappurtar
Matul il-perijodu tal-implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS b’rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 8
Sospensjoni u terminazzjoni
Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll lill-Kunsill itemm il-Miżura ta’ Assistenza.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J.-Y. LE DRIAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(3) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335 13.12.2008, p. 99).