ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 15

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
24ta' Jannar 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/89 tal-21 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti ( 1 )

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/90 tal-21 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elementi dettaljati tal-mekkaniżmu tal-Unjoni tal-immirar ibbażat fuq ir-riskju għall-għażla ta’ vapuri għall-ispezzjoni ( 1 )

7

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/91 tal-21 ta’ Jannar 2022 li jiddefinixxi l-kriterji biex jiġi stabbilit li vapur jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart u jimmaniġġja l-iskart tiegħu b’mod sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

12

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/92 tal-21 ta’ Jannar 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodoloġiji tad-data ta’ monitoraġġ u l-format għar-rapportar ta’ skart mistad b’mod passiv ( 1 )

16

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/1831 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi l-ħames lista tal-valuri ta’ limitu indikattiv ta’ esponiment okkupazzjonali skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE ( ĠU L 279, 31.10.2019 )

21

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/89

tal-21 ta’ Jannar 2022

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(4), il-punti (a) u (b) tad-Direttiva (UE) 2019/883 jistabbilixxi eċċezzjoni mill-obbligu ġenerali li l-iskart kollu li jinġarr abbord jiġi kkonsenjat sal-port tal-waqfa għal vapuri li jkollhom kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti għall-iskart kollu li jkun ġie akkumulat u li se jiġi akkumulat matul il-vjaġġ maħsub tagħhom sal-port tal-waqfa li jmiss.

(2)

Bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu definit f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw l-eċċezzjonijiet mill-obbligu ġenerali li jiġi kkonsenjat l-iskart kollu li jinġarr abbord fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ biżżejjed spazju għall-ħżin b’mod armonizzat.

(3)

Il-metodu ta’ kalkolu jeħtieġ li ma jiġix applikat għar-rimi tal-iskart skont l-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (“il-Konvenzjoni MARPOL”). Kif stabbilit fl-Anness II tal-Konvenzjoni MARPOL, ir-rimi tal-iskart huwa rregolat mill-Konvenzjoni MARPOL u l-konsenja ta’ tali skart hija obbligatorja fil-port fejn tinħatt il-merkanzija qabel ma titgħabba merkanzija ġdida jew qabel ma tkun permessa r-rimi fuq il-baħar taħt ċerti kundizzjonijiet. Skont is-sustanza, il-kunsinna tal-fdalijiet tal-merkanzija rregolata mill-Anness II tal-Konvenzjoni MARPOL hija obbligatorja qabel it-tluq, soġġetta għall-proċeduri u l-kontroll stabbiliti skont ir-Regolamenti 13 u 16 ta’ dak l-Anness. Il-fdalijiet tal-merkanzija skont l-Anness II tal-Konvenzjoni MARPOL li fihom sustanzi tal-kategorija X, sustanzi Y persistenti b’viskożità għolja u sustanzi Y b’viskożità għolja jew solidifikanti, huma rregolati minn ħasil minn qabel obbligatorju u rekwiżiti għall-konsenja ta’ tali skart f’faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart stabbiliti fir-Regolamenti 13 u 16 tal-Anness II tal-Konvenzjoni MARPOL.

(4)

Il-metodu tal-kalkolu jeħtieġ li ma jiġix applikat għal skart mistad b’mod passiv. Il-ħżin iddedikat għal dan it-tip ta’ skart abbord mhux dejjem jeżisti u l-konsenja tal-iskart kollu mistad b’mod passiv hija inċentivata mis-sistema ta’ rkupru tal-kostijiet stabbilita fl-Artikolu 8(2), il-punt (d), tad-Direttiva (UE) 2019/883.

(5)

Sabiex jiġu previsti kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-obbligu tal-konsenja tal-iskart stabbiliti fl-Artikolu 7(4), il-punti (a) u (b), tad-Direttiva (UE) 2019/883, huwa indispensabbli li l-Istati Membri japplikaw metodoloġija armonizzata. L-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva (UE) 2019/883 jeħtieġ għalhekk jieħdu l-forma ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(4), il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2019/883 billi jużaw il-metodu stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-fini tal-verifika tal-informazzjoni pprovduta skont l-Anness 2 tad-Direttiva (UE) 2019/883, billi tiġi stmata l-ġenerazzjoni abbord ta’ tipi differenti ta’ skart, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rati ta’ ġenerazzjoni tal-iskart stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

3.   Minbarra r-rati ta’ ġenerazzjoni tal-iskart stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jużaw wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma biex jiddeterminaw l-istimi għall-ġenerazzjoni abbord ta’ tipi differenti ta’ skart:

(a)

dokumentazzjoni storika għall-iskart iġġenerat, ibbażati fuq formoli ta’ notifika bil-quddiem dwar l-iskart u l-irċevuti tal-konsenja tal-iskart disponibbli għall-vapur inkwistjoni;

(b)

spezzjonijiet abbord li jiksbu informazzjoni dwar rati preċedenti ta’ ġenerazzjoni tal-iskart, dettalji dwar il-ġestjoni tal-iskart abbord u informazzjoni speċifika dwar it-tagħmir jew speċifika għaż-żona tan-negozjar li jaffettwaw ir-rata reali tal-ġenerazzjoni tal-iskart.

Artikolu 2

Il-metodu għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ ħżin iddedikata suffiċjenti, stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ma għandux ikun applikabbli għat-tipi ta’ skart li ġejjin:

(a)

tipi ta’ skart skont l-Anness II tal-Konvenzjoni MARPOL;

(b)

skart mistad b’mod passiv.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.


ANNESS I

Metodu tal-kalkolu għall-kapaċità ta’ ħżin suffiċjenti ddedikat għall-iskart

1.

Il-metodu juża kalkolu aritmetiku bbażat fuq l-ammonti stmati ta’ skart miżmum abbord fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħżin iddedikata massima.

2.

Il-Kapaċità ta’ Skart Użat (“UWC”), stmata fil-ħin li tintbagħat in-notifika bil-quddiem dwar l-iskart fil-port tal-waqfa u espressa bħala perċentwal tal-kapaċità ta’ ħżin iddedikata massima, ma għandhiex taqbeż limitu definit minn qabel.

3.

Il-UWC għandu jkun ikkalkolat b’din il-formula li ġejja:

Image 1

4.

Il-UWC għandu iħares dawn il-kondizzjonijiet:

UWC (%) < Threshold

Fejn:

A huwa l-ammont stmat ta’ skart li għandu jinżamm abbord fil-ħin tat-tluq mill-port tal-waqfa (espress f’m 3 );

M huwa l-kapaċità ta’ ħżin iddedikata massima (espress f’m 3 );

Il-livell limitu huwa l-valur stabbilit fit-Tabella 1, għat-tip ta’ skart korrispondenti u l-port tal-waqfa li jmiss.

Tabella 1

Limiti

Port tal-waqfa li jmiss

Anness I tal-Konvenzjoni Marpol

Anness IV tal-Konvenzjoni Marpol

Anness V tal-Konvenzjoni Marpol

Anness VI tal-Konvenzjoni Marpol

Il-port tal-waqfa li jmiss huwa port tal-UE jew hu parti tal-“Grupp ta’ Portijiet Magħżula Addizzjonali”

50 %

50 %

25 %

75 %

Il-port tal-waqfa li jmiss mhuwiex port tal-UE, u lanqas mhu parti tal-“Grupp ta’ Portijiet Magħżula Addizzjonali”

25 %

50 %

20 %

25 %

5.

Għall-fini tal-użu tal-metodu ta’ kalkolu għal kapaċità ta’ ħżin suffiċjenti ddedikat għall-iskart, għandu japplika dan li ġej:

(a)

Il-port tal-waqfa, kif indikat fil-formola tan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart stabbilita fl-Anness 2 tad-Direttiva (UE) 2019/883, huwa l-port fejn il-vapur ikun sejjer u fejn tintbagħat in-notifika bil-quddiem dwar l-iskart, f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/883;

(b)

Il-port tal-waqfa li jmiss huwa l-port li għandu jiġi kkuntatjat wara t-tluq, kif indikat fil-punt 2.5 tal-formola ta’ notifika bil-quddiem dwar l-iskart stabbilita fl-Anness 2 tad-Direttiva (UE) 2019/883;

(c)

L-ammont indikat fis-sitt kolonna “Ammont stmat ta’ skart li għandu jiġi ġġenerat bejn in-notifika u l-port tal-waqfa li jmiss” tal-punt 3 tal-formola tan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart stabbilita fl-Anness 2 tad-Direttiva (UE) 2019/883 jirreferi għall-iskart iġġenerat u maħsub għar-rimi f’faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart. L-ammonti li jistgħu jiġu rilaxxati legalment ma għandhomx jiġu inklużi fil-valur irrapportat.

6.

Il-“Grupp ta’ Portijiet Magħżula Addizzjonali” jinkludi dawk il-portijiet li għandhom jitqiesu bħala portijiet tal-UE għall-fini tal-applikazzjoni tal-limiti stabbiliti fit-Tabella 1. Il-portijiet inklużi f’dan il-grupp huma kollha portijiet li jinsabu fi: l-Iżlanda, in-Norveġja, ir-Renju Unit (inklużi l-Isle of Man, iċ-Channel Islands u Ġibiltà) u l-portijiet Russi li jinsabu fil-Baħar Baltiku.

7.

Matul l-ewwel sentejn tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-UWC kif ikkalkulata fit-tielet paragrafu ta’ dan l-Anness tista’ tiġi ttrattata bħala indikattiva għat-tipi ta’ skart ta’ residwi tal-merkanzija li ġejjin:

(a)

MARPOL Anness I - Żejt: Likwidi żejtnin mill-ħasil tat-tankijiet:

(b)

MARPOL Anness I - Żejt: L-Ilma tas-Saborra Maħmuġ:

(c)

MARPOL Anness V - Żibel: Residwi tal-Merkanzija (HME);

(d)

MARPOL Anness V - Żibel: Residwi tal-Merkanzija (mhux HME).


ANNESS II

Tabella 1

Rati tal-Ġenerazzjoni tal-Iskart għall-Annessi I, IV u V tal-Konvenzjoni MARPOL (1)

Tip ta’ skart

Rata tal-ġenerazzjoni

Sewwieq

Trattament abbord

Ilma żejtni tas-sentina

0,01-13 m3 kuljum, vapuri akbar jiġġeneraw aktar kwantitajiet.

Il-kondensazzjoni u t-tnixxijiet fil-kamra tal-magni; id-daqs tal-vapur.

L-ammont jista’ jitnaqqas b’65-85 % bl-użu ta’ separatur tal-ilma taż-żejt u bl-iskarika tal-frazzjoni tal-ilma fil-baħar.

Fdalijiet żejtnin (ħama)

0,01 sa 0,03 m3 ta’ ħama għal kull tunnelata ta’ HFO.

0 u 0,01 m3 għal kull tunnelata ta’ MGO.

Tip ta’ fjuwil; il-konsum tal-fjuwil.

L-evaporazzjoni tista’ tnaqqas l-ammont ta’ ħama sa 75 % (2).

L-inċinerazzjoni tista’ tnaqqas l-ammont ta’ ħama b’99 % jew aktar.

Ħasil tat-tank (slops)

20 sa mijiet ta’ m3

Numru ta’ tindif tat-tankijiet; Id-daqs tal-kapaċità tat-tagħbija.

Wara li joqgħod, il-frazzjoni tal-ilma tista’ tintrema fil-baħar.

Drenaġġ

0,01 sa 0,06 m3 minn kull persuna kuljum. Id-drenaġġ xi drabi jitħallat ma’ ilma mormi ieħor. L-ammont totali għandu medda ta’ 0,04 sa 0,45 m3 minn kull persuna kuljum.

L-għadd ta’ persuni abbord; it-tip ta’ latrini; it-tul tal-vjaġġ; it-tip ta’ trattament: it-tħaddim ta’ impjant tat-trattament tad-drenaġġ, jew sistema ta’ tifrik u diżinfezzjoni tipprovdi kwantitajiet differenti ta’ skart

L-effluwent minn impjanti ta’ trattament spiss jintrema fil-baħar fejn ikun permess skont l-Anness IV tal-MARPOL.

Plastik

0,001 sa 0,008 m3 ta’ plastik minn kull persuna kuljum.

L-għadd ta’ persuni abbord.

Spiss ma jiġux inċinerati.

Il-plastik maħmuġ (il-plastik li jkun ġie f’kuntatt mal-ikel) ta’ spiss jiġi ttrattat bħala fluss ta’ skart separat.

Skart tal-ikel

0,001 sa 0,003 m3 minn kull persuna kuljum.

L-għadd ta’ persuni abbord; provedimenti.

Fejn permess skont l-Anness V tal-MARPOL, l-iskart tal-ikel spiss jintrema fil-baħar.

Skart domestiku

0,001 sa 0,02 m3 minn kull persuna kuljum.

L-għadd ta’ persuni abbord; tip ta’ prodotti użati.

 

Żejt għat-tisjir.

0,01 sa 0,08 litri minn kull persuna kuljum.

L-għadd ta’ persuni abbord; tip ta’ ikel ippreparat.

Għalkemm mhux permess, iż-żejt tat-tisjir xi kultant għadu jiżdied mat-tank tal-ħama.

Irmied tal-inċinerazzjoni

0,004 u 0,06 m3 kull xahar.

L-użu tal-inċineratur; l-ispiża tal-użu tal-inċineratur.

L-inċineratur ma jintużax għat-tipi kollha ta’ skart, l-aktar għall-karti u xi drabi għall-ħama żejtnija.

Skart operattiv

0,001 sa 0,1 m3 minn kull persuna kuljum.

Id-daqs tal-vapur; it-tip ta’ merkanzija.

 

Fdalijiet tal-merkanzija

0,001–2 % tat-tagħbija tal-merkanzija.

Tip ta’ merkanzija

Id-daqs tal-vapur.

 


Tabella 2

Rati ta’ Ġenerazzjoni tal-Iskart għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL dwar l-iskart (sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost, “EGCS”)

Tip ta’ EGCS

Koeffiċjent

Unità

Eżempji

(Magnamagna 10 MW or konsum ta’ HFO 40 t/jum)

Manifattur 1

Ammont ta’ ħama b’ċirkwit miftuħ

0,1

kg/MWh

0,1 x 10 MW x 24 = 24 kg/jum

Ammont ta’ ħama f’ċirkwit magħluq (DAF- BOTU)

3,5 –7,0

kg/MWh, skont

l-SFOC, l-MCR u l-kwalità tal-fjuwil

3,5 x 10 MW x 24 = 840 kg/jum

Ammont ta’ ħama f’ċirkwit magħluq (BOTU-M)

3,0

l/MWh/S%, skont l-SFOC, l-MCR u l-kwalità tal-fjuwil

3,0 x 10 MW x 24 x S2,5 % = 1800 l/jum

Manifattur 2

Ammont ta’ ħama f’ċirkwit magħluq

2,5 –3,0

Kg/kkunsmat HFO t

2,5 x 40 t/jum = 100 kg/jum

NB: L-ammont ta’ ħama tas-sistema tat-tindif tal-gass tal-egżost iġġenerat jiddependi fl-aħħar mill-aħħar ukoll mill-ispeċifiċitajiet tal-installazzjoni individwali: il-manwal tas-sistema tat-tindif tal-gass tal-egżost ipprovdut mill-manifattur għandu għalhekk jiġi kkonsultat. Informazzjoni fit-tabelli pprovduti mill-kumpaniji kkonċernati.


(1)  Estratt mill-istudju tal-EMSA “The Management of Ship-Generated Waste On-board Ships”, Jannar 2017.

(2)  L-evaporazzjoni tal-frazzjoni tal-ilma fil-ħama taż-żejt huwa proċess li jrid jiġi ġestit bir-reqqa u għandu jsir biss sal-punt li jippermetti l-kombustibbiltà tal-ħama maħsuba għall-inċinerazzjoni.


24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/90

tal-21 ta’ Jannar 2022

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elementi dettaljati tal-mekkaniżmu tal-Unjoni tal-immirar ibbażat fuq ir-riskju għall-għażla ta’ vapuri għall-ispezzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn vapuri, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (1), u b’mod partikolari l-Artiklu 11(2), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-infurzar effettiv tal-obbligu li l-iskart jitwassal fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart huwa ta’ importanza kbira biex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-problema taż-żibel fil-baħar u skart ieħor mit-trasport marittimu li jidħol fl-ambjent tal-baħar.

(2)

Mekkaniżmu uniku tal-Unjoni għall-immirar ibbażat fuq ir-riskju jeħtieġ jipprevedi kundizzjonijiet uniformi għall-għażla ta’ vapuri għall-ispezzjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

(3)

Bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tal-Unjoni ta’ mmirar ibbażat fuq ir-riskju, l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri għandu jkollhom għodda ta’ appoġġ biex jissodisfaw l-impenn ta’ spezzjoni skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

(4)

Sabiex jiġi vvalutat ir-riskju li vapur ma jikkonformax mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/883, jeħtieġ jitqiesu diversi parametri, li flimkien jipprovdu indikazzjoni ċara ta’ tali riskju. Dawk il-parametri għandhom ikunu: in-nuqqas ta’ konformità jew indikazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għall-konsenja tal-iskart; il-perjodu ta’ żmien li jkun għadda mill-aħħar spezzjoni; l-eżistenza ta’ rapporti preċedenti ta’ nuqqas ta’ konformità mill-awtoritajiet tal-port rilevanti; il-port tal-waqfa ta’ qabel u dak li jmiss; l-eżistenza ta’ eżenzjoni għal dak il-vapur; u l-informazzjoni inkluża fuq SafeSeaNet u fit-THETIS-EU.

(5)

Sabiex jiġu previsti kundizzjonijiet uniformi għall-għażla tal-vapuri għall-ispezzjoni, huwa indispensabbli li l-Istati Membri japplikaw metodoloġija armonizzata. Għalhekk l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva (UE) 2019/883 jeħtieġ jieħdu l-forma ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-ispezzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw il-vapuri msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2019/883, fil-kategoriji tal-livell tar-riskju li ġejjin:

(a)

Livell tar-riskju 1 (riskju għoli);

(b)

Livell tar-riskju 2 (riskju medju);

(c)

Livell tar-riskju 3 (riskju baxx);

(d)

Livell tar-riskju 4 (riskju minimu);

2.   Il-kategorija tal-livell tar-riskju għal kull vapur għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-parametri tar-riskju stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness.

3.   Il-parametri tal-livell tar-riskju stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness għandhom jiġu applikati skont il-metodoloġija msemmija fil-punti 1 sa 4 tal-Anness.

Artikolu 2

Meta jikkonformaw mal-impenji ta’ spezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2019/883, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jagħtu prijorità lill-ispezzjoni ta’ vapuri b’kategorija ta’ livell ta’ riskju ogħla;

(b)

jagħżlu b’mod aleatorju għall-ispezzjoni mill-inqas 1 % tal-għadd ta’ vapuri li għandhom jiġu spezzjonati kull sena.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.


ANNESS

Metodoloġija:

1.   

Il-parametri tar-riskju stabbiliti fit-Tabella 1 għandhom jintużaw biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju tal-bastiment.

2.   

Kull parametru tar-riskju stabbilit fit-Tabella 1 jiġi assenjat kodiċi tal-kulur differenti li jirrappreżenta l-livell ta’ riskju: Aħmar (għoli), oranġjo (medju) jew isfar (baxx).

3.   

L-assenjazzjoni tal-livell tar-riskju lil vapur abbażi tal-allerti għall-parametri tar-riskji fit-Tabella 1 għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 2.

4.   

Sabiex ikunu applikati diversi allerti attivi fl-istess ħin għall-assenjazzjoni tal-livelli ta’ riskju stabbiliti fit-Tabella 2, jistgħu jiġu applikati l-fatturi ta’ konverżjoni stabbiliti fit-Tabella 3.

Tabella 1

Parametri tar-riskju

Numru tal-parametru tar-riskju

Livell ta’ riskju tal-allert (Kodiċi tal-kulur)

Deskrizzjoni tal-parametru tar-riskju

Kriterji għall-attivazzjoni ta’ allert għall-parametru tar-riskju

Kriterji għad-diżattivazzjoni ta’ allert għall-parametru tar-riskju

1

Oranġjo

Nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti avvanzati ta’ notifika tal-iskart stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/883.

L-allert jiġi attivat jekk in-notifika bil-quddiem dwar l-iskart ma tkunx intbagħtet jew ma jkunx fiha informazzjoni obbligatorja.

L-allert jintbagħat biex jiġi kkalkulat f’Port A abbażi tan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart mibgħut lill-Port A. L-allert irid jerġa’ jiġi vvalutat f’kull Port.

2

Oranġjo

Informazzjoni pprovduta mill-operatur, l-aġent jew il-kaptan skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/883.

L-allert jiġi attivat jekk il-kontrolli tal-validità tal-kontenut ta’ notifika bil-quddiem dwar l-iskart jiżvelaw li l-vapur jista’ jkun li mhux konformi mad-Direttiva.

L-allert jintbagħat biex jiġi kkalkulat f’Port A abbażi tan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart mibgħut lill-Port A. L-allert irid jerġa’ jiġi vvalutat f’kull Port.

3

Oranġjo

Id-data tal-ispezzjonijiet preċedenti mwettqa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2019/883.

L-allert jiġi attivat jekk il-bastiment ma jkunx ġie spezzjonat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2019/883 fit-12-il xahar ta’ qabel.

Nota: Dan l-allert għandu jkun attiv biss wara t-28 ta’ Ġunju 2022.

L-allert jiġi diżattivat wara li tkun ġiet irreġistrata spezzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

4

Aħmar

Rapport(i) eżistenti mill-awtoritajiet ta’ spezzjoni tal-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet, l-awtoritajiet tal-port jew korpi kompetenti oħra li jindikaw li l-vapur ma kkonformax mal-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2019/883.

L-allert jiġi attivat manwalment f’THETIS-EU mill-ispetturi tal-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet.

L-allert jiġi diżattivat wara li tiġi konkluża spezzjoni (status “Spezzjonat”) mingħajr nuqqasijiet ta’ konformità.

5

Oranġjo

Allert ta’ Nuqqas ta’ Konformità fil-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet

Allert attivat jekk il-vapur ikun ġie identifikat b’nuqqasijiet ta’ konformità fil-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet fl-aħħar 6 xhur, b’rapport rilevanti f’THETIS-EU.

L-allert jiġi diżattivat wara li tiġi konkluża spezzjoni (status “Spezzjonat”) mingħajr nuqqasijiet ta’ konformità.

6

Oranġjo

Ħażna Dedikata Suffiċjenti

L-allert jiġi attivat jekk il-ħażna ddedikata abbord ma titqiesx suffiċjenti skont il-kriterji użati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4)(b)

L-allert jintbagħat biex jiġi kkalkulat f’Port A abbażi tan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart mibgħut lill-Port A. L-allert irid jerġa’ jiġi vvalutat f’kull Port.

7

Isfar

Port tal-Waqfa Li Jmiss

Meqjusa li żżid il-livell tar-riskju jekk mhux tal-UE jew mhux magħruf. Għall-komputazzjoni ta’ dan l-allert, il-portijiet li jinsabu fl-Iżlanda, in-Norveġja, ir-Renju Unit (inkluż l-Isle of Man, iċ-Channel Islands u Ġibiltà) u l-portijiet Russi li jinsabu fil-Baħar Baltiku għandhom jiġu ttrattati bħala UE.

L-allert jintbagħat biex jiġi kkalkulat f’Port A abbażi tan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart mibgħut lill-Port A. L-allert irid jerġa’ jiġi vvalutat f’kull Port.

8

Isfar

Port taż-Żjara Preċedenti

Meqjusa li żżid il-livell tar-riskju jekk mhux tal-UE. Għall-komputazzjoni ta’ dan l-allert, il-portijiet li jinsabu fl-Iżlanda, in-Norveġja, ir-Renju Unit (inkluż l-Isle of Man, iċ-Channel Islands u Ġibiltà) u l-portijiet Russi li jinsabu fil-Baħar Baltiku għandhom jiġu ttrattati bħala UE.

L-allert jintbagħat biex jiġi kkalkulat f’Port A abbażi tan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart mibgħut lill-Port A. L-allert irid jerġa’ jiġi vvalutat f’kull Port.

9

Isfar

Allert ta’ Eżenzjoni

L-allert jiġi attivat jekk il-vapur ikollu eżenzjoni u ma jkunx ġie spezzjonat għal 12-il xahar, biex jiġi żgurat li dawn il-vapuri jiġu inklużi fl-ispezzjonijiet.

L-allert irid jiġi vvalutat mill-ġdid f’kull port.

10

Aħmar

Tip ta’ Inċident Allert tal-Iskart

L-allert jiġi attivat jekk ikun inħareġ Rapport ta’ Inċident tat-tip “skart” fis-SafeSeaNet għal dak il-bastiment f’port preċedenti.

L-allert jiġi diżattivat wara li tiġi konkluża spezzjoni (status “Spezzjonat”) u tkun seħħet mingħajr nuqqasijiet ta’ konformità jew wara li l-inċident ma jkunx attiv fis-SafeSeaNet

Tabella 2

Assenjazzjoni tal-livelli tar-riskju abbażi tal-għadd ta’ inputs attivi

Kriterji għal-livelli ta’ riskju

Livell ta’ Riskju 1

Allert ħamra wieħed jew aktar

Livell ta’ Riskju 2

Allert oranġjo (1) wieħed jew aktar

Livell ta’ Riskju 3

Allert isfar (1) wieħed jew aktar

Livell ta’ Riskju 4

L-ebda allert attiv

Tabella 3

Fatturi ta’ konverżjoni biex jikkombinaw diversi parametri attivi konkorrenti għall-applikazzjoni tal-livelli ta’ riskju tat-Tabella 2

Fattur ta’ konverżjoni

Tliet allerti sofor

Allert oranġjo wieħed

Tliet allerti oranġjo

Allert aħmar wieħed


(1)  Sal-ammont li jiskatta l-applikazzjoni tal-fattur ta’ konverżjoni.


24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/91

tal-21 ta’ Jannar 2022

li jiddefinixxi l-kriterji biex jiġi stabbilit li vapur jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta’ skart u jimmaniġġja l-iskart tiegħu b’mod sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tagħha,

Billi:

(1)

Għall-finijiet tat-tnaqqis tat-tariffi previst fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2019/883, jeħtieġ jintużaw il-kriterji fl-Anness.

(2)

Il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness jirriflettu l-isforzi essenzjali fit-tnaqqis tal-iskart. Għalhekk jeħtieġ ikunu obbligatorji.

(3)

Il-kriterji addizzjonali stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness jistgħu jiġu applikati biex jinċentivaw prattiki u tagħmir speċifiċi, li jistgħu jkunu utli wkoll għat-tnaqqis tal-iskart. Għalhekk dawk il-kriterji jeħtieġ ikunu fakultattivi.

(4)

Sabiex jiġu previsti kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tat-tnaqqis tat-tariffi stabbiliti fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2019/883, huwa indispensabbli li l-Istati Membri japplikaw metodoloġija armonizzata. L-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva (UE) 2019/883 jeħtieġ għalhekk jieħdu l-forma ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness għandhom jitqiesu mill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jew mill-awtoritajiet tal-port meta jiġi kkalkulat it-tnaqqis tat-tariffa skont l-Artikolu 8(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

2.   Il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness jistgħu jitqiesu mill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jew mill-awtoritajiet tal-port meta jiġi kkalkulat it-tnaqqis tat-tariffa skont l-Artikolu 8(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.


ANNESS

TAQSIMA 1

Lista tal-kriterji obbligatorji msemmija fl-Artikolu 1(1)

Kriterji

Elementi relatati

Anness relatat tal-Konvenzjoni MARPOL

Mezzi possibbli ta’ verifika (1)

Is-segregazzjoni abbord skont ir-Riżoluzzjoni MEPC.295(71) u l-konsenja żgurata lejn faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet li jikkonformaw mal-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva (UE) 2019/883.

Operazzjonijiet u ġestjoni

Anness V

Green Award, ISO 21070, Blue Angel, Green Marine, Waste Delivery Receipt, Pjan ta’ Ġestjoni taż-Żibel Speċifiku għall-Bastimenti approvat mis-soċjetà ta’ klassifikazzjoni tal-bastimenti, ISO 14001 Sistema tal-Ġestjoni Ambjentali.

Politiki ta’ xiri ambjentalment sostenibbli (tnaqqis ta’ materjali tal-imballaġġ bħall-ippakkjar bl-ingrossa u l-evitar ta’ plastik li jintuża darba biss)

Ġestjoni

Anness V

Green Award, ISO 21070, Blue Angel, Green Marine, Pjan ta’ Ġestjoni taż-Żibel Speċifiku għall-Bastimenti approvat mis-soċjetà ta’ klassifikazzjoni tal-bastimenti, ISO 14001 Sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali.

TAQSIMA 2

Lista tal-kriterji fakultattivi msemmija fl-Artikolu 1(2)

Kriterji

Elementi relatati

Anness relatat tal-Konvenzjoni MARPOL

Mezzi possibbli ta’ verifika (2)

L-użu ta’ fjuwils alternattivi (3) u sorsi oħra ta’ enerġija matul il-vjaġġ lejn il-port tal-waqfa jew fl-irmiġġ (eż. l-elettriku mix-xatt, mir-riħ, mix-xemx)

Disinn, teknoloġija u operazzjoni tal-vapuri

Anness I

Il-Premju Ekoloġiku, in-noti tal-kunsinna tal-bunker, il-ktieb tar-rekords taż-żejt, iċ-ċertifikazzjoni tal-klassi jew statutorja, il-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti (SEEMP).

L-użu ta’ Sistema Kaxxa Bajda < 5ppm (għall-kontroll u l-monitoraġġ tal-iskariku tal-ilma tas-sentina mill-bastiment)

Teknoloġija u operazzjoni

Anness I

Ċertifikat tal-klassi, dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip

Separatur tal-ilma żejtni (OWS) < 5 ppm

Teknoloġija u operazzjoni

Anness I

Ċertifikat tal-klassi, dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, Premju Ekoloġiku, Indiċi tat-Trasport Marittimu Nadif (CSI), Green Marine, Blue Angel

OWS < 5 ppm + sistema tal-allert u waqfa awtomatika għall-vapuri < 10 000 GT

Teknoloġija u operazzjoni

Anness I

Ċertifikat tal-klassi, dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, Premju Ekoloġiku, CSI, Green Marine, Blue Angel

Il-vapur ma jużax tagħmir għall-iffiltrar taż-żejt għall-iskariki, iżda jissepara l-ilma tas-sentina u l-ħama kollha u sussegwentement jarmihom fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet

Funzjonament

Anness I

Ktieb tar-rekords taż-żejt, irċevuti tal-iskart

Sistema ta’ trattament tad-drenaġġ f’konformità mar-Riżoluzzjoni MEPC.227(64) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-bastimenti kollha, ħlief għall-vapuri tal-passiġġieri meta joperaw f’Żoni Speċjali koperti mill-Anness IV tal-Konvenzjoni MARPOL

Teknoloġija, operazzjoni u ġestjoni

Anness IV

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE f’konformità mad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew ċertifikat tal-klassi. Barra minn hekk, verifika regolari fl-użu minn verifikatur indipendenti.

Il-bastiment ma jarmi l-ebda drenaġġ fil-baħar u jwassal id-drenaġġ kollu tiegħu mhux ittrattat u/jew trattat u/jew ħama tad-drenaġġ lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet

Funzjonament

Anness IV

Irċevuti tal-iskart

Użu mill-ġdid u riċiklaġġ abbord

Operazzjonijiet u ġestjoni

Anness V

ISO 21070, Green Marine, ISO 14001 Sistema tal-Ġestjoni Ambjentali.


(1)  Jistgħu jiġu aċċettati skemi addizzjonali li permezz tagħhom il-vapuri jistgħu juru li huma konformi mal-kriterji.

(2)  Jistgħu jiġu aċċettati skemi addizzjonali li permezz tagħhom il-vapuri jistgħu juru li huma konformi mal-kriterji.

(3)  Kif definit fid-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1)

(4)  Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).


24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/92

tal-21 ta’ Jannar 2022

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodoloġiji tad-data ta’ monitoraġġ u l-format għar-rapportar ta’ skart mistad b’mod passiv

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(7), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva (UE) 2019/883, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data ta’ monitoraġġ dwar il-volum u l-kwantità ta’ skart mistad b’mod passiv tinġabar u tiġi rrapportata lill-Kummissjoni.

(2)

Il-Manwal tal-Eurostat dwar l-Istatistika tal-Iskart (2) għandu jinforma statistika tal-iskart ta’ kwalità għolja, armonizzata u effiċjenti skont ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u b’mod konsistenti mad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li tippermetti t-tqabbil tad-data madwar l-Istati Membri.

(3)

Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tipprovdi r-rapportar elettroniku tan-notifika avvanzata dwar l-iskart li tinkludi informazzjoni dwar l-iskart mistad b’mod passiv u metodoloġija speċifika hija meħtieġa għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-iskart mistad b’mod passiv minn bastimenti tas-sajd li huma soġġetti għad-Direttiva (UE) 2019/883 iżda li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE.

(4)

Mhux dejjem ikun possibbli jew kosteffettiv li jitkejlu kemm il-massa kif ukoll il-volum ta’ skart mistad b’mod passiv. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jistmaw il-massa bħala funzjoni tal-volum jew tal-volum bħala funzjoni tal-massa bl-użu ta’ stima tad-densità tal-iskart mistad b’mod passiv adegwata għaċ-ċirkostanzi tagħhom.

(5)

Sabiex jiġu żgurati l-omoġeneità, il-kwalità u l-komparabbiltà tad-data miġbura għall-monitoraġġ tal-volum u l-kwantità ta’ skart mistad b’mod passiv fl-Istati Membri kollha, l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva (UE) 2019/883 jeħtieġ jieħdu l-forma ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-metodu għall-ġbir ta’ data dwar il-volum u l-massa ta’ skart mistad b’mod passiv mill-Istati Membri għandu jkun konsistenti mal-Manwal tal-Eurostat dwar l-Istatistika tal-Iskart.

2.   Għall-bastimenti tas-sajd li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE, il-ġbir tad-data dwar l-iskart mistad b’mod passiv għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta fin-notifika bil-quddiem dwar l-iskart skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/883.

3.   Għal bastimenti tas-sajd li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/59/KE, il-ġbir ta’ data dwar skart mistad b’mod passiv għandu jkun ibbażat fuq wieħed mill-metodi li ġejjin deskritti fil-Manwal tal-Eurostat dwar l-Istatistika tal-Iskart:

(a)

stħarriġ;

(b)

sorsi amministrattivi jew sorsi oħra;

(c)

proċeduri ta’ stima statistika;

(d)

kombinazzjoni tal-forom imsemmijin fil-punti (a), (b) u (c);

Artikolu 2

1.   L-iskart mistad b’mod passiv għandu jiġi rrapportat skont il-komponenti stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness.

2.   L-iskart mistad b’mod passiv jista’ jinkludi rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew mormi b’xi mod ieħor, li jista’ jiġi rrapportat separatament minn skart tal-baħar ieħor.

3.   L-elementi obbligatorji u volontarji għar-rapportar ta’ skart mistad b’mod passiv huma stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness.

4.   Il-format tar-rapportar għall-iskart mistad b’mod passiv u l-metodu għall-aggregazzjoni huwa stabbilit fit-Tabella 3 tal-Anness.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ skart mistad b’mod passiv għandu jiġi rrapportat fil-volum u fil-massa.

2.   Fejn xieraq, il-konverżjoni tal-volum (V) għal massa (m) għandha tiġi kkalkulata bil-formula li ġejja:

m = ρV

Fejn p hi d-densità stmata tal-materjal (kgm-3), hi l-massa (kg) u hi l-volum (m3).

Artikolu 4

Mill-1 ta’ Jannar 2022, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data u l-informazzjoni għall-perjodi annwali mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. Ir-rapporti għandhom jiġu pprovduti elettronikament fi żmien 12-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rapportar li għaliha jkunu nġabru.

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw id-data miġbura għas-sena 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022, sal-limitu massimu possibbli skont l-Anness.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116.

(2)  “Manwal dwar l-istatistika tal-iskart — Manwal għall-ġbir tad-data dwar il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart” [2013 edition], Metodoloġiji tal-Eurostat u Dokumenti ta’ Ħidma, doi:10.2785/4198

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart (ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(5)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).


ANNESS

Tabella 1

Komponenti ta’ skart mistad b’mod passiv

Livell 1

Plastik

Metall

Gomma

Injam

Tessuti

Skart ieħor

Livell 2

Xbieki

Bagi

Kaxex tal-ħut

Ħbula/spag

Fliexken

Imballaġġ

Ċineg Banda ta’ Frekwenzi

Fowm

Laned

Tnabar taż-żejt

Fibri tal-ħġieġ

Fertilizzant u basktijiet tal-għalf tal-annimali

Oġġetti kbar oħra

Tnabar taż-żejt

Wajer

Laned taż-żebgħa

Filtri taż-żejt

Oġġetti oħra

Ingwanti

Tajers u ċinturini

Bwiez

Oġġetti oħra

Nases tas-sajd

Kaxxi

Palits

Oġġetti Oħra

Ħbula

Ħwejjeġ u żraben

Oġġetti oħra

Ħġieġ

Skart mediku

Skart sanitarju

Oġġetti oħra


Tabella 2

Elementi obbligatorji u volontarji tar-rapportar

Obbligatorju jew volontarju

Deskrizzjoni

Ċelloli korrispondenti fit-Tabella 3 li għandhom jiġu rrapportati

Obbligatorju

Il-massa totali u l-volum totali tal-iskart kollu mistad b’mod passiv.

Ċelloli fil-kolonni 1 u 4 tar-ringiela 1 (tipa grassa)

Volontarja

Massa u volum ta’ sajd passiv moħli aggregat skont l-oriġini tiegħu: ALDFG (*1) u skart ieħor fil-baħar.

Iċ-ċelloli kollha fir-ringiela 1

Volontarja

Massa u volum ta’ skart mistad b’mod passiv aggregat skont it-tip ta’ materjal (plastik, metalli, gomma u skart ieħor).

Iċ-ċelloli kollha fil-kolonni 1 u 4

Volontarja

Massa u volum ta’ sajd passiv moħli aggregat skont l-oriġini u t-tip ta’ materjal

Iċ-ċelloli kollha fit-Tabella 3


Tabella 3

Format tar-rappurtar għal skart mistad b’mod passiv

 

1

2

3

4

5

6

Massa totali (tunnellati)

ALDFG (*2) (tunnellati)

Skart tal-baħar ieħor (tunnellati)

Volum totali (μl)

ALDFG (*2) (m3)

Skart tal-baħar ieħor (m3)

1

Totali

A1+A2

A1 = B1+C1+D1+E1

A2 = B2+C2+D2+E2

F1+F2

F1 = G1+H1+I1+J1

F2 = G2+H2+I2+J2

2

Plastik

B1+B2

B1

B2

G1+G2

G1

G2

3

Metalli

C1+C2

C1

C2

H1+H2

H1

H2

4

Gomma

D1+D2

D1

D2

I1+I2

I1

I2

5

Injam, tessuti u skart ieħor

E1+E2

E1

E2

J1+J2

J1

J2


(*1)  Irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew mormi b’xi mod ieħor.

(*2)  Irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew mormi b’xi mod ieħor.


Rettifika

24.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/21


Rettifika tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/1831 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi l-ħames lista tal-valuri ta’ limitu indikattiv ta’ esponiment okkupazzjonali skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 279 tal-31 ta’ Ottubru 2019 )

Fil-paġna 34, l-Anness, fit-tabella, l-għaxar ringiela (Triklorur tal-fosforil):

minflok:

“233-046-7

10025-87-3

Triklorur tal-fosforil

0,064

0,01

0,12

0,02

–”

aqra:

“233-046-7

10025-87-3

Triklorur tal-fosforil

0,064

0,01

0,13

0,02

–”