ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 471

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 64
30 ta' Diċembru 2021


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2279 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

RAKKOMANDAZZJONIJIET

30.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 471/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2279

tal-15 ta’ Diċembru 2021

dwar l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 191 u 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kejl u l-informazzjoni affidabbli u korretti dwar il-prestazzjoni ambjentali ta’ prodotti u organizzazzjonijiet huma elementi essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali minn firxa wiesgħa ta’ atturi.

(2)

Il-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem, “il-metodi tal-Impronta Ambjentali”) jippermettu lill-kumpaniji jkejlu u jikkomunikaw il-prestazzjoni ambjentali tagħhom u b’hekk jikkompetu fis-suq abbażi ta’ informazzjoni ambjentali affidabbli. Dawn fihom struzzjonijiet dettaljati dwar kif għandhom jiġu mmudellati u kkalkulati l-impatti ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet. Il-metodi tal-Impronta Ambjentali jibnu fuq prattiki, indikaturi u regoli eżistenti u aċċettati internazzjonalment.

(3)

Fl-2013, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE (1) biex tippromwovi l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet. Din tirrakkomanda l-użu tagħhom lill-Istati Membri, lill-kumpaniji, lill-organizzazzjonijiet privati u lill-komunità finanzjarja, u fiha żewġ annessi li jistabbilixxu l-metodi proposti.

(4)

Il-Kummissjoni stabbiliet qafas biex ikomplu jiġu żviluppati l-metodi tal-Impronta Ambjentali bil-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż l-industrija, u b’mod partikolari l-SMEs, permezz ta’ fażi pilota.

(5)

Fil-fażi pilota li tibda mill-2013 sal-2018, l-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi għall-prodott (ir-regoli tal-kategorija marbutin mal-impronta ambjentali tal-prodott, PEFCRs) u regoli speċifiċi għas-settur (ir-regoli settorjali marbutin mal-impronta ambjentali tal-organizzazzjoni, OEFSRs) ġie ttestjat bil-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati, bir-riżultat li ġew iffinalizzati 19-il PEFCR u 2 OEFSR.

(6)

Il-metodi tal-Impronta Ambjentali ġew aġġornati wkoll fuq diversi aspetti tekniċi, bħal: (1) l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-materjalità (“aġixxi fejn huwa importanti”); (2) id-definizzjoni ta’ valur referenzjarju li jikkorrispondi għall-profil tal-Impronta Ambjentali tal-produzzjoni medja tas-suq, imsejjaħ ukoll prodott/organizzazzjoni rappreżentattiv/a; (3) ftehimiet dwar l-immudellar ta’ aspetti ewlenin li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima, l-elettriku, it-trasport, l-infrastruttura u t-tagħmir, l-imballaġġ, it-tmiem tal-ħajja u l-agrikoltura; (4) l-inklużjoni tan-normalizzazzjoni u tal-ponderazzjoni; (5) linji gwida dwar kif il-bijodiversità għandha tiġi inkluża bħala informazzjoni ambjentali addizzjonali; (6) it-titjib ta’ xi metodi ta’ valutazzjoni tal-impatt, b’attenzjoni partikolari għall-metodi relatati mat-tossiċità (tossiċità fir-rigward tal-bniedem – effetti tal-kanċer; tossiċità fir-rigward tal-bniedem – effetti mhux tal-kanċer; l-ekotossiċità tal-ilma ħelu, l-użu tal-ilma, l-użu tal-art, ir-riżorsi u l-materja partikolata); (7) id-definizzjoni ta’ fatturi ta’ karatterizzazzjoni bbażati fuq id-data ta’ REACH; (8) u gwida dwar is-settijiet tad-data konformi mal-Impronta Ambjentali.

(7)

Ir-riżultati tal-fażi pilota ġew ippreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2019 dwar “Prodotti Sostenibbli f’Ekonomija Ċirkolari – Lejn kontribuzzjoni Qafas tal-Politika tal-UE dwar il-Prodotti għall-Ekonomija Ċirkolari” (2). L-istess dokument ta’ ħidma tal-persunal indika wkoll l-użi possibbli tal-metodi tal-Impronta Ambjentali fl-iżvilupp tal-politika fil-livell tal-UE. Mill-2019, u wara sejħa ta’ interess indirizzata lill-industrija, il-Kummissjoni kompliet bl-iżvilupp ta’ Regoli ġodda tal-Kategorija Marbutin mal-Impronta Ambjentali tal-Prodott.

(8)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ottubru 2019 (3) esprimew sodisfazzjon dwar il-pilotaġġ tal-metodoloġija tal-Impronta Ambjentali tal-UE u l-inizjattivi kollha biex jappoġġaw il-komunikazzjoni tal-impatti ambjentali bbażati fuq l-Impronta Ambjentali pilota.

(9)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (4) għandu l-għan li jimmobilizza l-industriji għal ekonomija nadifa u ċirkolari u jenfasizza li biex ix-xerrejja jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli u sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-“greenwashing”, hija meħtieġa informazzjoni affidabbli, komparabbli u verifikabbli.

(10)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva”, (5) il-Kummissjoni enfasizzat li l-kumpaniji jenħtieġ li jissostanzjaw l-asserzjonijiet ambjentali tagħhom billi jużaw il-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjonijiet u impenjat ruħha biex tittestja l-integrazzjoni ta’ dawn il-metodi fl-Ekotikketta tal-UE.

(11)

Il-Komunikazzjoni dwar “Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli” (6) tindika li biex tistimola iktar azzjoni korporattiva volontarja, il-Kummissjoni biħsiebha taħdem mal-operaturi ekonomiċi biex tinkoraġġixxi l-wegħdiet volontarji tagħhom li jiżvelaw l-impronta ambjentali tal-kumpanija tagħhom lill-konsumaturi u jnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent.

(12)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2020 innutaw li l-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti għandu l-potenzjal li jkun metodoloġija sottostanti waħda għal diversi għodod ta’ politika dwar il-prodotti fl-UE u l-qafas għall-prodotti sostenibbli, filwaqt li jitqiesu wkoll metodoloġiji xierqa oħra.

(13)

L-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali diġà huwa previst fil-kuntest tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-UE bħar-Regolament dwar it-Tassonomija (7), fl-Inizjattiva dwar il-Batteriji Sostenibbli (8) jew fil-Wegħda ta’ Konsum Ekoloġiku (9).

(14)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE jenħtieġ li tiġi aġġornata biex tintegra l-iżviluppi tekniċi tal-fażi pilota, partikolarment l-iżvilupp tar-regoli dwar il-kategoriji u s-setturi, u għalhekk tipprovdi bażi tajba għal iktar żvilupp u implimentazzjoni tal-politika. Jenħtieġ li tiffaċilita lill-kumpaniji l-mod kif jikkalkulaw il-prestazzjoni ambjentali tagħhom abbażi ta’ informazzjoni affidabbli, verifikabbli u komparabbli, u għal atturi oħra (amministrazzjonijiet pubbliċi, NGOs, sħab kummerċjali, pereżempju) biex ikollhom aċċess għal tali informazzjoni. Jentħieġ li ttejjeb ukoll l-iżvilupp ta’ bażi tad-data tal-UE dwar l-Impronta Ambjentali.

(15)

L-SMEs jistgħu ma jkollhomx l-għarfien espert u r-riżorsi biex jindirizzaw it-talbiet għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja. Għalhekk, l-appoġġ lill-SMEs jenħtieġ li ma jiġix ipprovdut biss mill-Kummissjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri u mill-assoċjazzjonijiet industrijali.

(16)

Hekk kif jitfaċċaw approċċi ġodda maqbula internazzjonalment, il-metodi tal-Impronta Ambjentali huma mistennija li jiġu aġġornati biex jiġu integrati indikaturi jew regoli ta’ mmudellar ġodda. Dawn l-aspetti huma diskussi fil-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Bord Konsultattiv Tekniku dwar l-Impronta Ambjentali. L-impatti marbuta mal-bijodiversità, pereżempju, qed jiġu kkunsidrati bħalissa.

(17)

Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari l-ġdid, il-Kummissjoni se tesplora l-iżvilupp ta’ qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tat-tneħħija tal-karbonju bbażat fuq kontabbiltà tal-karbonju soda u trasparenti biex tiġi mmonitorjata u vverifikata l-awtentiċità tat-tneħħija tal-karbonju. Dan il-qafas se jiġi żviluppat f’sinerġija u konsistenza reċiproċi mal-metodu tal-impronta ambjentali u, fejn ikun meħtieġ, jiġi rifless f’aġġornamenti futuri ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(18)

Filwaqt li din ir-rakkomandazzjoni tiffoka fuq l-impatti ambjentali, fil-kuntest globali, it-tħassib relatat mal-impatti ekonomiċi u soċjali, inkluż dawk tal-prattiki tax-xogħol, għandu rwol dejjem iktar importanti. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib dawn l-iżviluppi, kif ukoll il-metodi ta’ analiżi tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-katina tal-provvista ta’ prodotti kkunsmati fl-UE li jkollhom effetti tul il-katina tal-provvista f’pajjiżi terzi.

(19)

Din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.   L-GĦAN U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi l-użu tal-metodi tal-Impronta Ambjentali fil-politiki u fl-iskemi rilevanti relatati mal-kejl u/jew mal-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull tip ta’ prodotti, inkluż kemm oġġetti u kif ukoll servizzi, u tal-organizzazzjonijiet.

1.2.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi li jkejlu jew li għandhom l-intenzjoni li jkejlu l-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott jew tal-organizzazzjoni tagħhom, u/jew li jikkomunikaw, jew għandhom l-intenzjoni li jikkomunikaw informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja lil kwalunkwe parti kkonċernata privata, pubblika jew tas-soċjetà ċivili fl-UE.

1.3.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni obbligatorja tal-UE li tipprevedi metodoloġija speċifika għall-kalkolu tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tal-organizzazzjonijiet. Madankollu, din ir-Rakkomandazzjoni tista’ ssir referenza għaliha mil-leġiżlazzjoni jew mill-politika tal-UE bħala metodu għall-kalkolu tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tal-organizzazzjonijiet.

2.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (minn hawn ’il quddiem il-“PEF”): metodu ġenerali biex jitkejjel u jiġi kkomunikat l-impatt ambjentali potenzjali ta’ prodott tul iċ-ċiklu tal-ħajja kif stabbilit fl-Anness I.

(b)

Il-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem l-“OEF”): metodu ġenerali biex jitkejjel u jiġi kkomunikat l-impatt ambjentali potenzjali ta’ organizzazzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja kif stabbilit fl-Anness III.

(c)

L-Impronta Ambjentali tal-Prodotti: riżultat ta’ studju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti bbażat fuq il-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti.

(d)

L-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet: riżultat ta’ studju dwar l-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet ibbażat fuq il-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet.

(e)

Ir-Regoli tal-Kategorija Marbutin mal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (minn hawn ’il quddiem il-“PEFCRs”): Regoli speċifiċi għall-kategorija tal-prodotti, ibbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, li jikkumplimentaw il-gwida metodoloġika ġenerali għall-istudji dwar il-PEF billi joffru iktar speċifikazzjonijiet fil-livell ta’ kategorija speċifika ta’ prodotti. Jekk teżisti PEFCR, din jenħtieġ li tintuża għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ prodott li jappartjeni għal dik il-kategorija tal-prodotti.

(f)

Ir-Regoli Settorjali Marbutin mal-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem l-“OEFSRs”): Regoli speċifiċi għas-settur, ibbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, li jikkumplimentaw il-gwida metodoloġika ġenerali għall-istudji dwar l-OEF billi joffru iktar speċifikazzjonijiet fil-livell ta’ settur speċifiku. Jekk teżisti OEFSR, din jenħtieġ li tintuża għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta’ organizzazzjoni li tappartjeni għas-settur.

(g)

Il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja: kejl kwantifikat tal-impatti ambjentali potenzjali fli jqis l-istadji rilevanti kollha taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott jew ta’ organizzazzjoni, minn perspettiva tal-katina tal-provvista.

(h)

Il-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja: kwalunkwe divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż lil sħab fin-negozju, investituri, korpi pubbliċi jew konsumaturi.

(i)

Organizzazzjoni: kumpanija, korporazzjoni, ditta, intrapriża, awtorità jew istituzzjoni, jew parti jew kombinament tagħhom, kemm jekk inkorporata kif ukoll jekk le, pubblika jew privata, li għandha l-funzjonijiet u l-amministrazzjonijiet tagħha stess.

(j)

Skema: inizjattiva b’għanijiet ta’ profitt jew mhux għall-profitt meħuda minn kumpaniji privati jew assoċjazzjoni tagħhom, minn sħubija pubblika-privata, minn organizzazzjonijiet governattivi jew mhux governattivi, li tirrikjedi l-kejl jew il-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja.

(k)

Assoċjazzjoni industrijali: organizzazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji privati li huma membri tal-organizzazzjoni jew kumpaniji privati li jappartjenu għal settur fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali.

(l)

Il-komunità finanzjarja: l-atturi kollha li jipprovdu s-servizzi finanzjarji (inkluż l-pariri finanzjarji), inklużi l-banek, l-investituri u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

3.   L-UŻU TAL-METODI PEF U OEF FIL-POLITIKI TAL-ISTATI MEMBRI

L-Istati Membri jenħtieġ li:

3.1.

Jużaw il-metodu PEF jew il-metodu OEF u l-PEFCRs u l-OEFSRs relatati f’politiki volontarji li jinvolvu l-kejl jew il-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti jew organizzazzjonijiet, skont kif ikun xieraq, waqt li jiżguraw li tali politiki ma joħolqux ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti fl-UE.

3.2.

Jikkunsidraw l-informazzjoni jew l-asserzjonijiet dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja bbażati fuq l-użu tal-metodu PEF jew tal-metodu OEF u l-PEFCRs u l-OEFSRs relatati skont kif ikun validu fl-iskemi nazzjonali rilevanti li jinvolvu l-kejl jew il-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti jew ta’ organizzazzjonijiet.

3.3.

Jagħmlu l-isforzi biex iżidu d-disponibbiltà tad-data dwar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kwalità għolja billi jistabbilixxu azzjonijiet biex jiżviluppaw, jirrieżaminaw u jagħmlu disponibbli bażijiet tad-data nazzjonali u jikkontribwixxu għall-popolament ta’ bażijiet tad-data pubbliċi eżistenti, abbażi tar-rekwiżiti għal settijiet tad-data konformi mal-Impronta Ambjentali. Il-koerenza bejnet is-settijiet tad-data differenti jenħtieġ li tkun żgurata.

3.4.

Jikkontribwixxu għall-isforzi tal-Kummissjoni fil-qasam tad-disponibbiltà ta’ settijiet tad-data ta’ kwalità għolja konformi mal-Impronta Ambjentali.

3.5.

Jipprovdu assistenza u għodod lill-SMEs biex jgħinuhom ikejlu, itejbu u jikkomunikaw il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tal-organizzazzjonijiet tagħhom abbażi tal-metodu tal-PEF jew tal-OEF, tal-PEFCRs u tal-OEFSRs. Huma u jagħmlu dan, l-awtoritajiet jenħtieġ li jevitaw li jidduplikaw l-għodod eżistenti, fejn dawn ikunu adatti għall-iskop tagħhom.

3.6.

Iħeġġu l-użu tal-metodu OEF u tal-OEFSRs relatati, fejn applikabbli, għall-kejl jew għall-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi.

3.7.

Jippromwovu u jappoġġaw l-użu tal-metodi PEF u OEF fil-livell internazzjonali, inkluż f’fora multilaterali jew fir-rigward ta’ skemi dwar il-kejl jew il-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja. Huma u jagħmlu dan, jenħtieġ li l-awtoritajiet jikkunsidraw li jipprovdu assistenza u għodod lill-SMEs fil-pajjiżi sħab tal-UE għall-kejl u għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kwalunkwe oġġett intermedju jew prodott nofsu lest li huma jipproduċu.

4.   L-UŻU TAL-METODI PEF U OEF MINN KUMPANIJI U MINN ORGANIZZAZZJONIJIET PRIVATI OĦRAJN

Kumpaniji u organizzazzjonijiet privati oħrajn li jiddeċiedu li jkejlu jew li jikkomunikaw il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tal-organizzazzjoni tagħhom jenħtieġ li:

4.1.

Jużaw il-metodu PEF u l-metodu OEF u l-PEFCRs u l-OEFSRs relatati għall-kejl jew għall-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tal-organizzazzjoni tagħhom.

4.2.

Jikkontribwixxu għar-rieżami tal-bażijiet tad-data pubbliċi u jippopolawhom b’data ta’ kwalità għolja dwar iċ-ċiklu tal-ħajja f’konformità mar-rekwiżiti dwar is-settijiet tad-data konformi mal-Impronta Ambjentali. Jikkontribwixxu għall-isforzi tal-Kummissjoni fil-qasam tad-disponibbiltà ta’ settijiet tad-data ta’ kwalità għolja konformi mal-Impronta Ambjentali.

4.3.

Jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ lill-kumpaniji fil-ktajjen tal-provvista tagħhom, speċjalment lill-SMEs, biex jipprovdu informazzjoni bbażata fuq il-PEF u l-OEF jew il-PEFCRs u l-OEFSRs u biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-organizzazzjonijiet u tal-prodotti tagħhom.

L-assoċjazzjonijiet industrijali jenħtieġ li:

4.4.

Jippromwovu l-użu tal-metodu PEF u tal-metodu OEF u l-PEFCRs u l-OEFSRs relatati fost il-membri tagħhom.

4.5.

Jikkontribwixxu għar-rieżami tal-bażijiet tad-data pubbliċi u jippopolawhom b’data ta’ kwalità għolja dwar iċ-ċiklu tal-ħajja f’konformità mar-rekwiżiti dwar is-settijiet tad-data konformi mal-Impronta Ambjentali. Jikkontribwixxu għall-isforzi tal-Kummissjoni fil-qasam tad-disponibbiltà ta’ settijiet tad-data ta’ kwalità għolja konformi mal-Impronta Ambjentali.

4.6.

Jipprovdu għodod ssimplifikati għall-kalkolu u għarfien espert biex jgħinu lill-membri SMEs ikejlu l-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti jew tal-organizzazzjoni tagħhom abbażi tal-metodu PEF jew tal-metodu OEF u l-PEFCRs u l-OEFSRs relatati.

4.7.

Jippromwovu u jappoġġaw l-użu tal-metodi PEF u OEF fil-livell internazzjonali, inkluż f’fora multilaterali jew f’rabta ma’ skemi dwar il-kejl jew il-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja.

5.   L-UŻU TAL-METODI PEF U OEF U TAL-PEFCRS U TAL-OEFSRS RELATATI FI SKEMI MARBUAT MAL-KEJL JEW MAL-KOMUNIKAZZJONI TAL-PRESTAZZJONI AMBJENTALI TAĊ-ĊIKLU TAL-ĦAJJA

5.1

L-iskemi relatati mal-kejl jew mal-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja jenħtieġ li jużaw il-metodu PEF u l-metodu OEF u l-PEFCRs/OEFSRs relatati bħala metodu ta’ referenza għall-kejl jew għall-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet.

6.   L-UŻU TAL-METODI PEF U OEF U TAL-PEFCRS/OEFSRS RELATATI MILL-KOMUNITÀ FINANZJARJA

Il-membri tal-komunità finanzjarja jenħtieġ li, jekk ikun xieraq:

6.1.

Jippromwovu l-użu tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja kkalkulata abbażi tal-metodu PEF jew il-metodu OEF u tal-PEFCRs u l-OEFSRs relatati fil-valutazzjoni tar-riskju finanzjarju relatat mal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja.

6.2.

Jippromwovu l-użu ta’ informazzjoni bbażata fuq studji dwar l-OEF fil-valutazzjoni tagħhom tal-livelli ta’ prestazzjoni għall-komponent ambjentali tal-indiċijiet tas-sostenibbiltà.

6.3.

Jippromwovu u jappoġġaw l-użu tal-metodi PEF u OEF fil-livell internazzjonali, inkluż f’fora multilaterali jew f’rabta ma’ skemi dwar il-kejl jew il-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja.

7.   VERIFIKA

7.1.

Jekk l-istudji dwar il-PEF u l-OEF jiġu ddivulgati lil partijiet terzi, l-istudji jenħtieġ li jiġu vverifikati f’konformità mar-rekwiżiti tal-metodi PEF u OEF u ma’ kwalunkwe indikazzjoni speċifika fil-PEFCRs u fl-OEFSRs.

8.   IR-RAPPORTAR DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONI

8.1.

L-Istati Membri huma mistednin jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet meħuda fid-dawl ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq bażi annwali. L-ewwel provvediment ta’ informazzjoni jenħtieġ li jkun trażmess sena wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. L-informazzjoni trażmessa jenħtieġ li tinkludi:

(a)

kif il-metodu PEF u l-metodu OEF u l-PEFCRs/l-OEFSRs relatati jintużaw fl-inizjattivi ta’ politika;

(b)

in-numru ta’ prodotti u organizzazzjonijiet koperti bl-inizjattiva;

(c)

l-inċentivi relatati mal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja;

(d)

l-inizjattivi relatati mal-iżvilupp ta’ data ta’ kwalità għolja taċ-ċiklu tal-ħajja;

(e)

l-assistenza pprovduta lill-SMEs fil-provvediment tal-informazzjoni ambjentali dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u fit-titjib tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(f)

il-problemi jew l-ostakli eventwali identifikati fl-użu tal-metodi.

9.   IT-TĦASSIR TAR-RAKKOMANDAZZJONI PREĊEDENTI

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE hija b’dan imħassra. Ir-referenzi għar-Rakkomandazzjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE tad-9 ta’ April 2013 dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 124, 4.5.2013, p. 1)

(2)  SWD(2019)91final.

(3)  https://www.consilium.europa.eu/media/40928/st12791-en19.pdf

(4)  COM(2019) 640 final.

(5)  COM(2020) 98 final.

(6)  COM(2020) 696 final.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(8)  COM(2020) 798 final.

(9)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/working_document_for_the_green_consumption_pledges_0.pdf